SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Direttiva 92/12/KEE – Artikolu 3(2) – Direttiva 2003/96/KE – Artikoli 3 u 18 – Tassazzjoni fuq prodotti enerġetiċi u fuq l-elettriku – Dazji tas-sisa – Eżistenza ta’ taxxa indiretta oħra – Kundizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprevedu kontribuzzjoni lis-servizz pubbliku tal-elettriku – Kunċett ta’ ‘għanijiet speċifiċi’ – Osservanza ta’ livelli minimi ta’ tassazzjoni”

Fil-Kawża C‑103/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

Messer Franza SAS, preċedentement Praxair,

vs

Prim Ministru,

Kummissjoni li Tirregola l-Enerġija,

Ministre de l’Économie et des Finances,

Ministre de l’Environnement, de l’Énergie et de la Mer,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Messer Franza SAS, minn S. Espasa-Mattei, C. Smits u B. Boutemy, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, kif ukoll minn E. de Moustier, A. Alidière u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn J. Bourtembourg, V. Feyens u L. Ernoux-Neufcoeur, avukati,

għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Perrin, D. Recchia u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-iskema ġenerali, għall-pussess, għaċ-ċirkolazzjoni u għall-kontrolli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa (ĠU 1992, L 76, p. 1), kif ukoll tal-Artikoli 3 u 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU 2003, L 283, p. 51).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Messer Franza SAS, preċedentement Praxair, u l-Prim Ministru, il-Kummissjoni li tirregola l-enerġija, il-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi u l-Ministeru tal-Ambjent, tal-Enerġija u tal-Baħar (Franza), dwar il-ħlas lura tal-kontribuzzjoni għas-servizz pubbliku tal-elettriku (iktar ’il quddiem il-“CSPE”) li din il-kumpannija ħallset għas-snin 2005 sa 2009.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 92/12

3

It-tielet premessa tad-Direttiva 92/12 tipprovdi:

“[B]illi l-kunċett ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandu jiġi definit; billi dawk l-oġġetti biss li huma hekk ittrattati fl-Istati Membri kollha jistgħu jkunu għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità; billi dawk il-prodotti jistgħu jkunu soġġetti għal taxxi oħra indiretti għal għanijiet speċifiċi; billi ż-żamma jew l-introduzzjoni ta’ taxxi ndiretti oħra m’għandhiex tagħti lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntiera”.

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell tal-Komunità għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:

żjut minerali,

alkoħol u xorb alkoħoliku,

tabakk maħdum.

2.   Il-prodotti elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu soġġetti għal taxxi oħra indiretti għal għanijiet speċifiċi, iżda dawk it-taxxi jkunu jikkonformaw mar-regoli ta’ taxxa applikabbli għad-dazju tas-sisa u għall-għanijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud [(VAT)] għal dak li għandu x’jaqsam ma’ d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa u l-immonitorjar tat-taxxa.

[…]”

5

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum jew meta jiġu rekordjati nuqqasijiet li għandhom ikunu suġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 14(3).

[…]”

6

B’effett mill-1 ta’ April 2010, id-Direttiva 92/12 tħassret mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009 L 9, p. 12).

Id-Direttiva 2003/96

7

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.”

8

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Referenzi għad-Direttiva 92/12/KEE għal ‘żjut minerali’ u ‘taxxa tas-Sisa’, jekk kemm-il darba tapplika għal żjut minerali, għandha tiġi interpretata li tkopri il-prodotti ta’ enerġija kollha, elettriku u taxxi indiretti nazzjonali li hemm riferenza għalihom rispettivament fl-Artikoli 2 u 4(2) ta’ din id-Direttiva.”

9

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Il-livelli ta’ tassazzjoni li Stati Membri għandhom japplikaw fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif imniżżla fl-Artikolu 2 ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli miimi ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva.

2.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva ‘livell ta’ tassazzjoni’ huwa il-piż totali intaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti kollha (ħlief il-VAT) ikkalkulat direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku meta dawn ikunu rilaxxati għall-konsum.”

10

Taħt l-Artikolu 18(10) tal-istess direttiva:

“Ir-Repubblika Franċiża tista’ tapplika eżenzjonijiet u tnaqqis totali jew parzjali għall-prodotti ta’ enerġija u elettriku użati mill-Istat, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali jew istituzzjonijiet oħra immexxija mill-liġi pubblika, dwar l-attivitajiet jew operazzjonijiet fejn huma jiġu mqabbda bħala awtoritajiet pubbliċi sa l-1 ta’ Jannar 2009.

Ir-Repubblika Franċiża tista’ tapplika għall-perjodu transitorju sa l-1 ta’ Jannar 2009 biex tadatta is-sistema preżenti tagħha fuq l-elettriku għad-disposizzjonijiet mniżżla f’din id-Direttiva. Waqt dan il-perjodu, il-livell ta’ medja globali tat-tassazzjoni lokali u preżenti fuq l-elettriku għandha tiġi kkonsidrata biex tara jekk ir-rati minimi mniżżla f’din id-Direttiva humiex rispettati.”

11

L-Artikolu 28(1) u (2) tad-Direttiva 2003/96 huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-4 ta’ Diċembru 2014, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

2.   Huma għandhom japplikaw dawn id-disposizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2004, ħlief id-disposizzjonijiet stabbiliti f’L-Artikol 16 u 18(1), li jistgħu jiġu applikati minn Stati Membri mill-1 ta’ Jannar 2003.”

Id-dritt nazzjonali

12

L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 2000–108, tal-10 ta’ Frar 2000, dwar il-Modernizzazzjoni u l-Iżvilupp tas-Servizz Pubbliku tal-Elettriku (JORF tal-11 ta’ Frar 2000, p. 2143) jipprovdi:

“Servizz pubbliku tal-elettriku sabiex tiġi żgurata l-provvista tal-elettriku fit-territorju nazzjonali kollu, fir-rispett dovut għall-interess ġenerali.

Fil-kuntest tal-politika tal-enerġija, tikkontribwixxi għall-indipendenza u s-sigurtà tal-provvista, il-kwalità tal-arja u l-ġlieda kontra l-effett serra, il-ġestjoni ottimali u l-iżvilupp tar-riżorsi nazzjonali, il-kontroll tad-domanda għall-enerġija, il-kompetittività ekonomika u l-kontroll ta’ għażliet teknoloġiċi għall-futur, kif ukoll l-użu razzjonali ta’ l-enerġija.

Huwa jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali, billi jiżgura d-dritt għall-elettriku għal kulħadd, għall-ġlieda kontra l-esklużjonijiet, għall-iżvilupp ibbilanċjat tat-territorju, b’osservanza tal-ambjent, għar-riċerka u l-progress teknoloġiku, kif ukoll għad-difiża u s-sigurtà pubblika.

[…]”

13

L-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2003‑8 tat‑3 ta’ Jannar 2003 dwar is-swieq tal-gass u tal-elettriku u s-servizz pubbliku tal-enerġija (JORF tal‑4 ta’ Jannar 2003, p. 265), li emenda l-Liġi Nru 2000‑108, kien jipprovdi:

“I. - L-Artikolu 5(I) tal-Liġi Nru 2000‑108 […] huwa fformulat kif ġej:

“I. - L-ispejjeż imputabbli lill-missjonijiet ta’ servizz pubbliku assenjati lill-operaturi tas-settur tal-elettriku għandhom jiġu kompletament ikkumpensati. Dawn l-ispejjeż jinkludu:

a)

Fil-qasam tal-produzzjoni tal-elettriku:

L-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw, skont il-każ, mill-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 10 meta mqabbla mal-ispejjeż ta’ investiment u ta’ operat evitati lil Electricité de France jew, skont il-każ, ma’ dawk evitati lid-distributuri mhux nazzjonalizzati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 46‑628 tat‑8 ta’ April 1946 [dwar in-nazzjonalizzazzjoni tal-elettriku u tal-gass] li jkunu kkonċernati. L-istess valuri tal-ispejjeż evitati huma użati bħala riferiment sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż addizzjonali kkumpensati meta l-installazzjonijiet ikkonċernati huma operati minn Electricité de France jew minn distributur mhux nazzjonalizzat. Meta l-għan tal-kuntratti huwa x-xiri tal-elettriku prodott minn installazzjoni ta’ produzzjoni li tinsab f’żona mhux interkonnessa għan-netwerk metropolitana kontinentali, l-ispejjeż addizzjonali huma kkalkolati mqabbla mal-parti relatata mal-produzzjoni fit-tariffi tal-bejgħ għall-klijenti mhux eliġibbli;

L-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni fiż-żoni mhux interkonnessi għan-netwerk metropolitan kontinentali li, minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-faċilità ta’ produzzjoni inerenti fin-natura ta’ dawn iż-żoni, ma humiex koperti mill-parti dwar il-produzzjoni fit-tariffi tal-bejgħ għall-klijenti mhux eliġibbli jew mill-eventwali limiti fuq il-prezzijiet previsti mill-Artikolu 4(I) ta’ din il-liġi;

b)

Fil-qasam tal-provvista tal-elettriku:

It-telf ta’ dħul u l-ispejjeż sostnuti mill-fornituri tal-elettriku minħabba l-implementazzjoni tat-tarifikazzjoni speċjali ‘prodott tal-ewwel neċessità’ imsemmija fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(I);

L-ispejjeż sostnuti mill-fornituri tal-elettriku minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-mekkaniżmu stabbilit favur persuni f’sitwazzjoni ta’ prekarjetà, imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(III). Dawn l-ispejjeż jittieħdu inkunsiderazzjoni sal-limitu ta’ perċentwali tal-ispiża sostnuta mill-fornitur taħt it-tarifikazzjoni speċjali ‘prodott tal-ewwel neċessità’ imsemmija fil-paragrafu preċedenti. Dan il-perċentwal huwa stabbilit mill-Ministru għall-Enerġija.

Dawn l-ispejjeż huma kkalkolati abbażi ta’ kontabbiltà xierqa mwettqa mill-operaturi li jsostnuhom. Din il-kontabbiltà, stabbilita skont ir-regoli ddefiniti mill-Kummissjoni li Tirregola l-Enerġija, hija kkontrollata a spejjeż tal-operaturi li jbatu dawn l-ispejjeż permezz tal-awditur tagħhom jew, għal dawk tal-Istat, mill-awditur pubbliku tagħhom. Il-Kummissjoni li Tirregola l-Enerġija tista’, a spejjeż tal-operatur, twettaq kontroll ta’ din il-kontabbiltà permezz ta’ organu indipendenti magħżul minnha. Il-Ministru għall-Enerġija għandu jistabbilixxi l-ammont tal-ispejjeż fuq proposta tal-Kummissjoni li Tirregola l-Enerġija li ssir kull sena.

Il-kumpens għal dawn l-ispejjeż, favur l-operaturi li jsostnuhom, jiġi ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet dovuti mill-konsumaturi finali tal-elettriku stabbiliti fit-territorju nazzjonali.

L-ammont tal-kontribuzzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jiġi kkalkolat fuq bażi pro rata tal-kwantità ta’ elettriku kkonsmat. Madankollu, l-elettriku prodott minn produttur għall-użu personali tiegħu jew mixtri għall-użu personali tiegħu minn konsumatur finali lil terz li jopera installazzjoni ta’ produzzjoni fuq is-sit ta’ konsum jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni biss sa minn 240 miljun kilowatt-siegħa fis-sena u għal kull sit ta’ produzzjoni.

L-ammont tal-kontribuzzjoni dovuta għal kull sit ta’ konsum mill-konsumaturi finali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(I) ma jistax jaqbeż [EUR] 500000.

L-ammont tal-kontribuzzjoni applikabbli għal kull kilowatt-siegħa huwa kkalkolat b’mod illi l-kontribuzzjonijiet ikopru l-ispejjeż kollha msemmija f’(a) u (b), kif ukoll l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni esposti mill-Fond ta’ Depożiti, imsemmija iktar ’il quddiem. Il-Ministru għall-Enerġija għandu jistabbilixxi dan l-ammont fuq proposta tal-Kummissjoni li Tirregola l-Enerġija, li ssir kull sena.

Il-kontribuzzjoni applikabbli għal kull kilowatt-siegħa ma tistax teċċedi s‑7 % tat-tariffa tal-bejgħ tal-kilowatt-siegħa, mingħajr abbonament u mingħajr taxxa, li tikkorrispondi ma’ abbonament ta’ saħħa ta’ 6 kW fis-siegħa mingħajr waqfien u mingħajr differenzi ta’ staġuni.

[…]”

14

Wara l-intimazzjoni indirizzata fit‑18 ta’ Marzu 2010 mill-Kummissjoni Ewropea lir-Repubblika Franċiża sabiex din tadatta s-sistema ta’ tassazzjoni tal-elettriku tagħha konformement mad-Direttiva 2003/96, dan l-Istat Membru adotta l-Liġi Nru 2010‑1488 tas‑7 ta’ Diċembru 2010 dwar l-Organizzazzjoni mill-Ġdid tas-Suq tal-Elettriku (JORF tat‑8 ta’ Diċembru 2010, p. 21467), imsejħa “il-Liġi NOME”. Din tal-aħħar kienet intiża li tittrasponi fid-dritt intern id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant is-CSPE ġiet issostitwita bit-taxxa muniċipali fuq il-konsum finali tal-elettriku u t-taxxa dipartimentali fuq il-konsum finali tal-elettriku. Dan kollu daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2011.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Praxair, li fid-drittijiet tagħha daħlet Messer France, ippreżentat talba għall-ħlas lura tas-CSPE li hija ħallset għas-snin 2005 sa 2009.

16

Din il-kumpannija tqis, b’mod partikolari, li din it-taxxa indiretta hija kuntrarja għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 peress li din ma għandhiex għan speċifiku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

17

Peress li l-ministeru kompetenti ċaħad din it-talba b’mod impliċitu fil‑5 ta’ Jannar 2011, l-imsemmija kumpannija adixxiet lit-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi, Franza) b’rikors intiż għall-ħlas lura, flimkien ma’ interessi moratorji, tas-CSPE mħallsa. Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2012, it-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) ċaħdet dan ir-rikors. Fit‑23 ta’ Frar 2016, il-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) ċaħdet l-appell ippreżentat minn Praxair kontra din is-sentenza.

18

Praxair appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) fil‑25 ta’ April 2016. Hija invokat diversi motivi dwar il-konformità tas-CSPE mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-Direttiva 92/12.

19

Huwa f’dan il-kuntest li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Meta Stat Membru, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva [2003/96], ma ħa, inizjalment, l-ebda dispożizzjoni intiża li toħloq dazju tas-sisa fuq il-konsum ta’ elettriku, iżda żamm taxxa indiretta maħluqa preċedentement imposta fuq dan il-konsum, kif ukoll taxxi lokali:

il-kompatibbiltà tat-taxxa inkwistjoni mad-Direttivi [92/12] u [2003/96], għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [92/12] għall-eżistenza ta’ ‘taxxi oħra indiretti’, jiġifieri t-tfittxija ta’ għan jew ta’ diversi għanijiet speċifiċi u l-osservanza ta’ ċerti regoli ta’ tassazzjoni applikabbli għad-dazju tas-sisa jew [għall-VAT]?

jew iż-żamma ta’ ‘taxxi oħra indiretti’ hija possibbli biss fil-preżenza tad-dazju tas-sisa armonizzat u, finalment, f’dan il-każ, il-kontribuzzjoni inkwistjoni tista’ titqies bħala tali dazju tas-sisa, li l-kompatibbiltà tagħha ma’ dawn iż-żewġ direttivi għandha għalhekk tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli kollha ta’ armonizzazzjoni li dawn jipprevedu?

2)

Kontribuzzjoni bbażata fuq il-konsum ta’ elettriku li d-dħul minnha huwa allokat kemm għall-finanzjament tal-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinovabbli u mill-koġenerazzjoni kif ukoll għall-implementazzjoni ta’ ekwalizzazzjoni tariffarja ġeografika u ta’ tnaqqis tal-prezz tal-elettriku għall-familji f’sitwazzjoni ta’ prekarjetà għandha titqies bħala li tfittex għanijiet speċifiċi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [92/12], riprodotti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [2008/118]?

3)

Fil-każ fejn biss uħud mill-għanijiet segwiti jistgħu jiġu kklassifikati bħala speċifiċi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-persuni taxxabbli jistgħu xorta waħda jitolbu r-rimbors totali tal-kontribuzzjoni kontenzjuża, jew biss rimbors parzjali skont il-parti, fit-total tal-ispejjeż li din tiffinanzja, ta’ dawk li ma jikkorrispondux għal għan speċifiku?

4)

Fil-każ fejn, skont ir-risposta mogħtija għad-domandi preċedenti, is-sistema tal-[CSPE] hija, totalment jew parzjalment, inkompatibbli mar-regoli ta’ tassazzjoni tal-elettriku previsti mid-dritt tal-Unjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tad-Direttiva [2003/96] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sal-1 ta’ Jannar 2009, l-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti minn din id-direttiva tikkostitwixxi, fost ir-regoli ta’ tassazzjoni tal-elettriku previsti mid-dritt tal-Unjoni, l-uniku obbligu impost fuq [ir-Repubblika Franċiża]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq ir-raba’ domanda

20

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sal‑1 ta’ Jannar 2009, l-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni imposti minn din id-direttiva kienet tikkostitwixxi, fost ir-regoli ta’ tassazzjoni tal-elettriku previsti mid-dritt tal-Unjoni, l-uniku obbligu impost fuq ir-Repubblika Franċiża.

21

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/96 wessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/12 għall-elettriku. Skont l-Artikolu 28(1) u (2) tad-Direttiva 2003/96, il-perijodu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva intemm fil‑31 ta’ Diċembru 2003, u din id-direttiva daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2004.

22

Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tad-Direttiva 2003/96 kien ippreveda perijodu tranżitorju sal‑1 ta’ Jannar 2009, sabiex jippermetti lir-Repubblika Franċiża tadatta s-sistema fiskali tal-elettriku tagħha għal din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi li, sa dik id-data, dan l-Istat Membru kellu jieħu inkunsiderazzjoni tal-“livell ta’ medja globali tat-tassazzjoni lokali u preżenti fuq l-elettriku” sabiex jevalwa l-osservanza tar-rati minimi stabbiliti fl-imsemmija direttiva. Fl‑1 ta’ Jannar 2009, ir-Repubblika Franċiża kellha, għaldaqstant, tkun ġabet is-sistema fiskali tagħha f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96.

23

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sal‑1 ta’ Jannar 2009, l-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti minn din id-direttiva kienet tikkostitwixxi, fost ir-regoli ta’ tassazzjoni tal-elettriku previsti mid-dritt tal-Unjoni, l-uniku obbligu impost fuq ir-Repubblika Franċiża.

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, preliminarjament, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 għandux jiġi interpretat fis-sens li ż-żamma ta’ taxxa indiretta oħra teħtieġ l-istabbiliment ta’ dazju tas-sisa armonizzat u, sussegwentement, jekk taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax titqies bħala tali dazju tas-sisa jew jekk il-kompatibbiltà tagħha mad-Direttivi 92/12 u 2003/96 għandhiex, skont il-każ, tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 għall-eżistenza ta’ taxxi indiretti oħra li jfittxu għanijiet speċifiċi.

25

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 jipprevedi li l-elettriku jista’ jkun is-suġġett ta’ taxxi indiretti oħra li jfittxu għanijiet speċifiċi, bil-kundizzjoni li dawn it-taxxi josservaw ir-regoli ta’ tassazzjoni applikabbli fir-rigward tad-dazji tas-sisa jew tal-VAT.

26

Issa, ma hemm xejn fid-Direttiva 92/12 li jippermetti li jiġi konkluż li, fi ħdan is-sistema ta’ tassazzjoni tal-konsum ta’ elettriku implementata mill-Unjoni Ewropea, il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jistabbilixxu taxxi indiretti oħra hija suġġetta għall-implementazzjoni ta’ dazju tas-sisa armonizzat.

27

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12, imdaħħal mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, huwa intiż li jieħu inkunsiderazzjoni tad-diversità tat-tradizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri fil-qasam, b’mod partikolari tal-użu frekwenti tat-taxxi indiretti għall-implementazzjoni ta’ politiki mhux baġitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 18).

28

Għalhekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 ma jistax jiġi interpretat bħala li jikkundizzjona l-validità ta’ taxxi indiretti oħra li jolqtu l-elettriku, eventwalment miżmuma fis-seħħ jew stabbiliti mill-Istati Membri.

29

F’dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ewwel domanda, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑164/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:665), li r-Repubblika Franċiża ma kinitx qiegħda tosserva l-obbligi tagħha fil-qasam tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/96 fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata indirizzata lil dan l-Istat Membru mill-Kummissjoni, jiġifieri t‑22 ta’ Mejju 2010.

30

Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża kienet irrikonoxxiet li, f’dik id-data, hija ma kinitx adottat il-miżuri neċessarji sabiex tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96, li ġiet trasposta sussegwentement, permezz tal-Liġi Nru 2010‑1488 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑164/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:665, punt 22).

31

Issa, l-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2003‑8 li tintroduċi s-CSPE kien diġà daħal fis-seħħ fid-data tal-preżentata tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li wassal għal din is-sentenza. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat u r-Repubblika Franċiża rrikonoxxiet li, f’dik id-data, l-imsemmi Stat Membru ma kienx biddel is-sistema ta’ tassazzjoni tal-elettriku tiegħu sabiex joħloq dazju tas-sisa armonizzat fuq l-elettriku, is-CSPE ma tistax titqies bħala tali dazju tas-sisa.

32

Il-konformità tas-CSPE mad-Direttivi 92/12 u 2003/96 għandha għalhekk tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 għall-eżistenza ta’ taxxi indiretti oħra li jfittxu għanijiet speċifiċi.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istabbiliment ta’ taxxa indiretta oħra li tolqot l-elettriku ma huwiex suġġett għall-implementazzjoni ta’ dazju tas-sisa armonizzat u li peress li taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix tali dazju tas-sisa, il-konformità tagħha mad-Direttivi 92/12 u 2003/96 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 għall-eżistenza ta’ taxxi indiretti oħrajn li jfittxu għanijiet speċifiċi.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 għandux jiġi interpretat fis-sens li taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kklassifikata bħala “taxxa indiretta oħra”.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu jew jżommu fis-seħħ taxxa indiretta li ma hijiex id-dazju tas-sisa stabbilit minn din id-direttiva jekk, minn naħa, din it-taxxa tfittex għan speċifiku u jekk, min-naħa l-oħra, hija tosserva r-regoli ta’ tassazzjoni applikabbli fir-rigward tad-dazji tas-sisa jew tal-VAT għad-determinazzjoni tal-ammont taxxabbli, il-kalkolu, l-eżiġibbiltà u l-immonitorjar tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora, C‑82/12, EU:C:2014:108, punt 21).

36

Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li huma intiżi li jevitaw it-taxxi indiretti addizzjonali milli jostakolaw indebitament il-kummerċ, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-imsemmija dispożizzjoni, għandhom natura kumulattiva (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora, C‑82/12, EU:C:2014:108, punt 22).

37

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għan speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12, ma huwiex għan purament baġitarju (sentenzi tal‑24 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 19; tad‑9 ta’ Marzu 2000, EKW u Wein & Co, C‑437/97, EU:C:2000:110, punt 31, kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora, C‑82/12, EU:C:2014:108, punt 23).

38

Fil-fatt, sabiex titqies li għandha għan speċifiku, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, taxxa għandha minnha nfisha tkun maħsuba sabiex jiġi żgurat l-għan speċifiku invokat. Dan ikun b’mod partikolari l-każ jekk ir-rikavat ta’ din it-taxxa jrid bilfors jintuża sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ambjentali marbuta b’mod speċifiku mal-konsum tal-elettriku suġġett għall-imsemmija taxxa u li tiġi promossa l-koeżjoni territorjali u soċjali, b’mod li teżisti rabta diretta bejn l-użu tad-dħul u l-għan tat-taxxa inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora, C‑82/12, EU:C:2014:108, punt 30, u tal‑5 ta’ Marzu 2015, Statoil Fuel & Retail, C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 41).

39

Madankollu, assenjazzjoni predeterminata tar-rikavat ta’ taxxa li tirriżulta minn sempliċi metodu ta’ organizzazzjoni interna tal-baġit ta’ Stat Membru, ma tistax, bħala tali, tikkostitwixxi kundizzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward, peress li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jimponi, ikun x’ikun l-għan imfittex, l-assenjazzjoni tar-rikavat minn taxxa għall-finanzjament ta’ infiq iddeterminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora, C‑82/12, EU:C:2014:108, punt 29).

40

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, l-ewwel nett, is-CSPE kienet intiża li tiffinanzja għanijiet ambjentali permess tal-ħlas ta’ spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-obbligu ta’ xiri, mill-fornituri, tal-elettriku miksub minn sorsi ta’ enerġija li tiġġedded u minn koġenerazzjoni. It-tieni nett, is-CSPE kellha l-għan li tiffinanzja għanijiet ta’ koeżjoni territorjali u soċjali billi tikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni fiż-żoni mhux konnessi man-netwerk metropolitana kontinentali, it-telf ta’ dħul u l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni addizzjonali sostnuti mill-fornituri ta’ elettriku minħabba, minn naħa, it-tarifikazzjoni speċjali tal-elettriku meqjusa bħala “prodott tal-ewwel neċessità” u, min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema stabbilita għal persuni f’sitwazzjoni ta’ prekarjetà. It-tielet nett, is-CSPE kienet intiża li tiffinanzja l-ispejjeż inerenti fil-funzjonament amministrattiv tal-Ombudsman nazzjonali tal-enerġija u tal-Fond ta’ Depożiti (iktar ’il quddiem il-“Fond ta’ Depożiti”) għall-amministrazzjoni tas-CSPE.

41

Mill-elementi fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-ammont tas-CSPE kien iddeterminat bil-quddiem, skont stimi, mill-operaturi, tal-ispejjeż għall-implementazzjoni tal-għanijiet imfittxija minn din il-kontribuzzjoni. Dawn il-previżjonijiet kienu trażmessi mill-operaturi lill-Kummissjoni li Tirregola l-Enerġija, li kienet tikkwantifika, abbażi tagħhom, l-ammont tal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku li l-imsemmija kontribuzzjoni kellha l-għan li tkopri u kienet tibgħat il-proposta tagħha lill-Gvern l-iktar tard sal‑15 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel is-sena fiskali. Sussegwentement, kien il-kompitu tal-ministru tal-ekonomija li, kull sena, qabel il‑31 ta’ Diċembru, jistabbilixxi l-ammont tal-kontribuzzjoni applikabbli għal kull kilowatt-siegħa kkonsmata, sabiex id-dħul minn din il-kontribuzzjoni jkopri l-ispejjeż kollha li għandhom jiġu kkumpensati. Barra minn hekk, il-fondi miġbura taħt is-CSPE ma kinux integrati mal-baġit tal-Istat, imma kienu mpoġġija f’kont speċifiku miftuħ mal-Fond ta’ Depożiti, bl-iskop uniku li jikkumpensa l-ispejjeż imputabbli lill-missjonijiet ta’ servizz pubbliku mogħtija lill-operaturi tas-settur tal-elettriku, imsemmija fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000‑108, kif emendata bil-Liġi Nru 2003‑8.

42

Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ispejjeż inerenti għall-funzjonament amministrattiv tal-Ombudsman nazzjonali tal-enerġija u tal-Fond ta’ Depożiti għall-ġestjoni tas-CSPE, għandu jiġi rrilevat li dawn ma jissodisfaw ebda għan speċifiku li ma huwiex baġitarju u ma humiex marbuta speċifikament mal-konsum tal-elettriku, iżda mal-funzjonament ġenerali tas-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Issa, dawn l-ispejjeż ta’ natura ġenerali jistgħu jiġu ffinanzjati mir-rikavat mit-taxxi ta’ kwalunkwe tip.

43

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-għanijiet ta’ koeżjoni territorjali u soċjali mfittxija mis-CSPE, jiġifieri l-implementazzjoni ta’ ekwalizzazzjoni tariffarja ġeografika u t-tnaqqis tal-prezz tal-elettriku għall-familji f’sitwazzjoni ta’ prekarjetà, dawn jirrigwardaw għanijiet normalment iffinanzjati mill-baġit tal-Istat li ma jippermettux li jitqies li l-imsemmija taxxa kienet tfittex għan speċifiku.

44

Għaldaqstant, minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata kienet tipprevedi mekkaniżmu ta’ assenjazzjoni predeterminata tad-dħul mis-CSPE, bħalma tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, għall-finanzjament, b’mod partikolari, ta’ dawn il-funzjonijiet amministrattivi u ta’ dawn l-għanijiet ta’ koeżjoni territorjali u soċjali, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ma jfittxu ebda għan speċifiku, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12.

45

Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-għan ambjentali mfittex mis-CSPE, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-CSPE tinkoraġġixxi l-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi li jiġġeddu u minn koġenerazzjoni billi tikkontribwixxi għall-finanzjament tagħha, b’mod illi din tiżgura hija nfisha t-twettiq tal-għan speċifiku invokat. Għaldaqstant kien hemm tassew rabta diretta bejn l-għan ambjentali mfittex minn din il-kontribuzzjoni u t-tnaqqis tal-effetti negattivi tal-konsum ta’ elettriku fuq l-ambjent.

46

Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda l-għan ambjentali tagħha, is-CSPE kienet tassew tfittex għan speċifiku.

47

Fir-rigward tat-tieni waħda mill-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat jekk is-CSPE kinitx tosserva r-regoli ta’ tassazzjoni applikabbli fir-rigward tad-dazji tas-sisa jew tal-VAT għad-determinazzjoni tal-ammont taxxabbli, il-kalkolu, l-eżiġibbiltà u l-immonitorjar tat-taxxa, konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12.

48

F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi osservat li din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li l-Istati Membri josservaw ir-regoli kollha dwar id-dazji tas-sisa jew il-VAT fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli, tal-kalkolu, tal-eżiġibbiltà u tal-immonitorjar tat-taxxa. Fil-fatt, huwa biżżejjed li t-taxxi indiretti li jfittxu għanijiet speċifiċi jkunu konformi, fuq dawn il-punti, mal-istruttura ta’ waħda jew oħra minn dawn it-tekniki fiskali, kif irregolati mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 27).

49

Bħalma fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istruttura tas-CSPE ma kinitx tikkorrispondi ma’ dik tal-VAT, peress li, minn naħa, l-ammont tas-CSPE ma kienx proporzjonat mal-prezz tal-oġġett intaxxat, peress li din kienet ikkalkolata fuq il-volum ta’ elettriku kkonsmat, u li, min-naħa l-oħra, is-CSPE kienet tinġabar fil-mument tar-rilaxx għall-konsum tal-elettriku, u mhux fl-istadji kollha tal-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, bħalma huwa l-każ għall-VAT. Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati s-similaritajiet eżistenti bejn ir-regoli ta’ tassazzjoni dwar is-CSPE u dawk dwar id-dazji tas-sisa.

50

L-ewwel nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli u tal-kalkolu tat-taxxa, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ammont tas-CSPE kien, bħal dak tad-dazji tas-sisa, ikkalkolat skont il-kilowatt-siegħa kkonsmati.

51

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-eżiġibbiltà tas-CSPE, bħalma jipprevedi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12 għad-dazji tas-sisa, din kienet isseħħ mar-rilaxx għall-konsum tal-elettriku.

52

It-tielet nett, fir-rigward tal-immonitorjar tat-taxxa, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża kkonċernata, il-fornituri tal-elettriku imponew is-CSPE, li kienet sussegwentement imħallsa lill-Fond ta’ Depożiti u ddistribwita lill-fornituri differenti. Madankollu, l-immonitorjar tal-ġbir ta’ din il-kontribuzzjoni kien il-kompitu tal-awtorità pubblika, permezz tal-Kummissjoni li Tirregola l-Enerġija, u l-kawżi marbuta ma’ dan il-ġbir kienu jaqgħu taħt l-qrati amministrattivi, bħalma huwa previst fil-qasam ta’ taxxi indiretti.

53

Konsegwentement, fid-dawl tal-elementi fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li s-CSPE kienet tosserva r-regoli ta’ tassazzjoni applikabbli għad-dazji tas-sisa, u kienet tissodisfa għaldaqstant it-tieni kundizzjoni imposta fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12, fatt li, madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 għandu jiġi interpretat fis-sens li taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kklassifikata bħala “taxxa indiretta oħra”, fid-dawl tal-għan ambjentali tagħha, li huwa intiż għall-finanzjament tal-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligu ta’ xiri ta’ enerġija ekoloġika, bl-esklużjoni tal-għanijiet ta’ koeżjoni territorjali u soċjali tagħha, bħall-ekwalizzazzjoni tariffarja ġeografika u t-tnaqqis tal-prezz tal-elettriku għall-familji f’sitwazzjoni ta’ prekarjetà, u tal-għanijiet purament amministrattivi tagħha, b’mod partikolari, il-finanzjament tal-ispejjeż inerenti għall-funzjonament amministrattiv ta’ awtoritajiet jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi bħall-Ombudsman nazzjonali tal-enerġija u l-Fond ta’ Depożiti, bla ħsara għall-verifika, mill-qorti tar-rinviju, tal-osservanza tar-regoli ta’ tassazzjoni applikabbli fir-rigward tad-dazji tas-sisa.

Fuq it-tielet domanda

55

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ fejn uħud biss mill-għanijiet imfittxija setgħu jiġu kklassifikati bħala speċifiċi, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuni taxxabbli jistgħu xorta waħda jitolbu r-rimbors totali tal-kontribuzzjoni kkonċernata, jew biss rimbors parzjali, skont il-parti, fit-total tal-ispejjeż iffinanzjati mis-CSPE, tal-kontribuzzjonijiet li ma għandhomx għan speċifiku.

56

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt għar-rimbors ta’ taxxi mħallsa fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, bħala prinċipju, l-Istati Membri huma obbligati li jħallsu lura t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-unika eċċezzjoni għad-dritt tar-rimbors tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni tirrigwarda l-ipoteżi fejn taxxa mhux dovuta kienet ġiet direttament imputata mill-persuna taxxabbli fuq ix-xerrej (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Accor, C‑310/09, EU:C:2011:581, punt 74).

58

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, u bil-kundizzjoni li s-somom imħallsa indebitament taħt is-CSPE ma jkunux ġew direttament imputati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala konsumatur finali tal-elettriku, fuq il-klijenti tagħha, fatt li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, din tista’ titlob ir-rimbors ta’ dawn is-somom, fi proporzjon tal-parti tad-dħul mis-CSPE, li ġew allokati għall-finanzjament tal-għanijiet ta’ koeżjoni territorjali u soċjali u għal għanijiet purament amministrattivi, b’mod partikolari għall-funzjonament amministrattiv tal-Ombudsman nazzjonali tal-enerġija u tal-Fond ta’ Depożiti għall-ġestjoni tas-CSPE.

59

Barra minn hekk, konformement mar-risposta mogħtija għar-raba’ domanda, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ titlob ir-rimbors ta’ dawn is-somom biss sa mill‑1 ta’ Jannar 2009, data li fiha l-effetti tad-Direttiva 2003/96 saru obbligatorji fil-konfront tar-Repubblika Franċiża.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuni taxxabbli kkonċernati jistgħu jitolbu rimbors parzjali ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fi proporzjon tal-parti tad-dħul minn din tal-aħħar allokati għal għanijiet mhux speċifiċi, bil-kundizzjoni li din it-taxxa ma tkunx ġiet imputata minn dawn il-persuni taxxabbli fuq il-klijenti tagħhom, fatt li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sal‑1 ta’ Jannar 2009, l-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti minn din id-direttiva kienet tikkostitwixxi, fost ir-regoli ta’ tassazzjoni tal-elettriku previsti mid-dritt tal-Unjoni, l-uniku obbligu impost fuq ir-Repubblika Franċiża.

 

2)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istabbiliment ta’ taxxa indiretta oħra li tolqot l-elettriku ma huwiex suġġett għall-implementazzjoni ta’ dazju tas-sisa armonizzat u li peress li taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix tali dazju tas-sisa, il-konformità tagħha mad-Direttivi 92/12 u 2003/96 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 għall-eżistenza ta’ taxxi indiretti oħrajn li jfittxu għanijiet speċifiċi.

 

3)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 għandu jiġi interpretat fis-sens li taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kklassifikata bħala “taxxa indiretta oħra”, fid-dawl tal-għan ambjentali tagħha, li huwa intiż għall-finanzjament tal-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-obbligu ta’ xiri ta’ enerġija ekoloġika, bl-esklużjoni tal-għanijiet ta’ koeżjoni territorjali u soċjali tagħha, bħall-ekwalizzazzjoni tariffarja ġeografika u t-tnaqqis tal-prezz tal-elettriku għall-familji f’sitwazzjoni ta’ prekarjetà, u tal-għanijiet purament amministrattivi tagħha, b’mod partikolari, il-finanzjament tal-ispejjeż inerenti għall-funzjonament amministrattiv ta’ awtoritajiet jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi bħall-Ombudsman nazzjonali tal-enerġija u l-Fond ta’ Depożiti, bla ħsara għall-verifika, mill-qorti tar-rinviju, tal-osservanza tar-regoli ta’ tassazzjoni applikabbli fir-rigward tad-dazji tas-sisa.

 

4)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuni taxxabbli kkonċernati jistgħu jitolbu rimbors parzjali ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fi proporzjon tal-parti tad-dħul minn din tal-aħħar allokati għal għanijiet mhux speċifiċi, bil-kundizzjoni li din it-taxxa ma tkunx ġiet imputata minn dawn il-persuni taxxabbli fuq il-klijenti tagħhom, fatt li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.