SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

Werrej

 

I. Il-kuntest ġuridiku

 

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-Deċiżjoni kontenzjuża

 

III. Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

 

IV. It-talbiet tal-partijiet fl-appell

 

V. Fuq l-appell

 

A. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ stħarriġ mill-Qorti Ġenerali

 

1. Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2. Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

3. Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

4. Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

1) Fuq l-ewwel ilment

 

2) Fuq it-tieni lment

 

5. Fuq il-ħames parti tal-ewwel aggravju

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

6. Konklużjoni dwar l-ewwel aggravju

 

B. Fuq it-tieni aggravju bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE

 

1. Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2. Fuq it-tieni parti tal-aggravju

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

3. Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

C. Fuq it-tielet aggravju, dwar il-multa imposta lill-appellanti, kif ukoll l-ewwel parti tal-ewwel aggravju li hija bbażata fuq ksur tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

VI. Fuq l-annullament parzjali tas-sentenza appellata

 

VII. Fuq il-kawża fl-ewwel istanza

 

Fuq l-ispejjeż

“Appell – Akkordji – Suq Ewropew tal-ismart card chips – Netwerk ta’ kuntatti bilaterali – Skambji ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Kontestazzjoni dwar l-awtentiċità tal-provi – Drittijiet tad-difiża – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni ‘minħabba l-għan’ – Ksur uniku u kontinwu – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa – Portata – Kalkolu tal-ammont tal-multa”

Fil-Kawża C‑99/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑24 ta’ Frar 2017,

Infineon Technologies AG, stabbilita f’Neubiberg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Dreher, T. Lübbig u M. Klusmann, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan, A. Dawes u J. Norris-Usher, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Frar 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Infineon Technologies AG titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (T‑758/14, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:737), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 6250 finali tat‑3 ta’ Settembru 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39574 — Smart Card Chips) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”), u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

I. Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jiddisponi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)

jiksru l-Artikolu [101 jew 102 TFUE]; jew

[…]

3.   Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

3

Fi kliem l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tikkanċella, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali imposti.”

4

Il-punti 73 u 74 tal-Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 [TFUE] għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali (ĠU 2011, C 11, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida orizzontali”) huma fformulati kif ġej:

“20.

L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

21.

Bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni ser ikun iffissat għal livell li jista’ jilħaq it-30 %.

22.

Sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun ’l isfel jew ’il fuq f’din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq aggregat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur, u l-implimentazzjoni jew le tal-ksur.

23.

Il-ftehim […] orizzontali dwar iffissar tal-prezz, it-tqassim tas-suq u l-limitazzjoni tal-produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, jgħoddu, min-natura tagħhom stess, fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Skont il-politika tal-kompetizzjoni, dawn għandhom jiġu ssanzjonati b’mod sever. Konsegwentement, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu jitqies li jinsab ’il fuq fl-iskala.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-Deċiżjoni kontenzjuża

5

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-elementi essenzjali tad-Deċiżjoni kontenzjuża kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 40 tas-sentenza appellata jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

6

Fit‑22 ta’ April 2008, il-Kummissjoni ġiet informata bl-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-ismart card chips minn Renesas Technology Corp. u s-sussidjarji tagħha (iktar ’il quddiem “Renesas”), li talbu li jibbenefikaw mill-immunità mill-multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2016, C 144, p. 23, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”). Wara spezzjonijiet għall-għarrieda li għamlet fil-bini ta’ diversi kumpanniji f’dan is-settur u wara li bagħtitilhom talbiet għall-informazzjoni, il-Kummissjoni, fit‑28 ta’ Marzu 2011, tat bidu għall-proċedura, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament 1/2003, kontra l-ewwel nett Koninklijke Philips NV u Philips France SAS (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, “Philips”), it-tieni nett Renesas kif ukoll it-tielet nett Samsung Electronics Co., Ltd u Samsung Semiconductor Europe GmbH (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, “Samsung”).

7

Fix-xahar ta’ April 2011, il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet bil-ħsieb ta’ riżolviment tat-tilwim fis-sens tal-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 TFUE] sa [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), ma’ Renesas, Samsung u Philips. Dawn id-diskussjonijiet ġew sospiżi fix-xahar ta’ Ottubru 2012.

8

Fit‑18 ta’ April 2013, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Renesas, Hitachi Ltd, Mitsubishi Electric Corp., Samsung, l-appellanti u Philips. Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-appellanti u Philips ikkontestaw l-awtentiċità ta’ ċerti dokumenti prodotti minn Samsung wara l-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim. Samsung wieġbet għal dawn l-osservazzjonijiet u pprovdiet dokumenti oħra lill-Kummissjoni. L-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti kienet ukoll is-suġġett ta’ żewġ espożizzjonijiet ta’ fatti li ġew adottati mill-Kummissjoni fid‑9 ta’ Ottubru 2013 u fil‑25 ta’ Lulju 2014.

9

Is-seduta saret fl‑20 ta’ Novembru 2013.

10

Fit‑3 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża.

11

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li erba’ impriżi, jiġifieri l-appellanti, Philips, Renesas u Samsung, kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), fis-settur tal-ismart card chips li jkopri ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (iktar ’il quddiem il-“ksur inkwistjoni”). Dan il-ksur, li seħħ bejn l‑24 ta’ Settembru 2003 u t‑8 ta’ Settembru 2005, kien jirrigwarda l-ismart card chips.

12

Is-suq tal-ismart card chips kien jikkonsisti f’żewġ segmenti, jiġifieri dak tal-ismart card chips għas-SIM cards, użati essenzjalment għat-telefons ċellulari (iktar ’il quddiem l-“ismart card chips SIM”) u l-ismart card chips li ma humiex għas-SIM cards, użati mill-banek, għas-sigurtà u għall-identifikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ismart card chips mhux SIM”). Fil-mument tal-ksur inkwistjoni, dan is-suq huwa kkaratterizzat minn tnaqqis kostanti fil-prezzijiet, bi pressjoni eżerċitata fuq il-prezzijiet mill-klijenti prinċipali tal-produtturi tal-ismart card chips, bi żbilanċi tal-provvista meta mqabbla mad-domanda li jirriżultaw miż-żieda fid-domanda u mill-evoluzzjoni teknoloġika kostanti u rapida kif ukoll bl-istruttura tan-negozjati kuntrattwali mal-klijenti.

13

Il-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward tal-karatteristiċi prinċipali tal-ksur inkwistjoni, li l-akkordju ssanzjonat kien ibbażat fuq netwerk ta’ kuntatti bilaterali, li kienu jseħħu ta’ kull ġimgħa matul is-snin 2003 u 2004, bejn id-destinatarji tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Skont il-Kummissjoni, il-parteċipanti fil-ksur ikkoordinaw il-politika tal-prezz tagħhom fil-qasam tal-ismart card chips permezz ta’ kuntatti li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezz, b’mod partikolari l-prezzijiet speċifiċi mogħtija lill-klijenti prinċipali, il-prezzijiet minimi u l-prezzijiet indikattivi, l-iskambji tal-ideat fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet għas-semestru segwenti u l-intenzjonijiet fir-rigward tal-iffissar tal-prezz, imma wkoll fuq il-kapaċità produttiva u l-użu tal-istess, l-aġir futur fis-suq kif ukoll in-negozjati tal-kuntratti tal-klijenti komuni. Il-kalendarju tal-kuntatti kollużivi, li l-lista tagħhom tinsab fit-tabella Nru 4 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, isegwi l-kalendarju taċ-ċiklu ekonomiku. Il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ rabtiet bejn dawn il-kuntatti bilaterali minħabba fil-għan ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll tad-dati tagħhom. F’dawn il-kuntatti bilaterali, l-impriżi spiss semmew iż-żamma ta’ kuntatti bilaterali oħra bejn il-parteċipanti fil-ksur inkwistjoni u l-informazzjoni miġbura ntbagħtet lill-kompetituri.

14

Il-Kummissjoni kklassifikat il-ksur inkwistjoni bħala ksur uniku u kontinwu. Fil-fatt, il-kuntatti kollużivi huma marbutin ma’ xulxin u huma ta’ natura komplementari. Permezz tal-interazzjoni tagħhom, huma kkontribwixxew għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi tagħhom fil-kuntest ta’ pjan globali li għandu għan wieħed. Skont il-Kummissjoni, Samsung, Renesas u Philips kienu jafu bil-ksur kollu kemm hu. Min-naħa l-oħra, l-appellanti nżammet responsabbli biss inkwantu pparteċipat fi prattiki kollużivi ma’ Samsung u ma’ Renesas, fl-assenza ta’ provi li hija kellha kuntatti ma’ Philips jew tal-impressjoni suġġettiva tagħha li qiegħda tipparteċipa fil-ksur inkwistjoni kollu.

15

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni sostniet li l-aġir tal-impriżi inkwistjoni kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea u kellu effett sostanzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u bejn il-partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE.

16

Għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u skont il-Linji Gwida tal‑2006, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ksur inkwistjoni kien twettaq intenzjonalment. Għall-kalkolu tal-ammont bażiku, din l-istituzzjoni ħadet indikatur għall-valur annwali tal-bejgħ li huwa bbażat fuq il-valur reali tal-bejgħ tal-prodotti suġġetti għall-kartell, magħmul mill-impriżi matul ix-xhur tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-ksur inkwistjoni. Hija applikat koeffiċjent għall-gravità tal-ksur inkwistjoni ta’ 16 %. Fir-rigward tat-tul ta’ dan il-ksur, hija ħadet inkunsiderazzjoni tul ta’ 11‑il xahar u 14‑il jum għal Philips, ta’ 18‑il xahar u 7 ijiem għall-appellanti, ta’ 23 xahar u jumejn għal Renesas kif ukoll ta’ 23 xahar u ta’ 15‑il jum għal Samsung. Hija applikat koeffiċjent ta’ 16 % tal-valur tal-bejgħ bħala ammont addizzjonali.

17

Minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 20 % mill-ammont tal-multa lill-appellanti minħabba l-fatt li din tal-aħħar kienet responsabbli għall-ksur inkwistjoni biss inkwantu kienet ipparteċipat f’arranġamenti kollużivi ma’ Samsung u Renesas, u mhux ma’ Philips. Skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, hija tat l-immunità mill-multi lil Renesas u tnaqqis ta’ 30 % mill-ammont tal-multa lil Samsung.

18

Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi segwenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tal-ismart card chips li jkopri ż-ŻEE:

l-appellanti, mill‑24 ta’ Settembru 2003 sal‑31 ta’ Marzu 2005, “minħabba l-koordinazzjoni ma’ Samsung u Renesas” (Artikolu 1(a));

Philips, mis‑26 ta’ Settembru 2003 sad‑9 ta’ Settembru 2004 (Artikolu 1(b));

Renesas, mis‑7 ta’ Ottubru 2003 sat‑8 ta’ Settembru 2005 (Artikolu 1(c)), u

Samsung, mill‑24 ta’ Settembru 2003 sat‑8 ta’ Settembru 2005 (Artikolu 1(d)).

19

Fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet multi ta’ ammont ta’ EUR 82784000 lill-appellanti (Artikolu 2(a)), ta’ EUR 20148000 lil Philips (Artikolu 2(b)), ta’ EUR 0 lil Renesas (Artikolu 2(c)) u ta’ EUR 35116000 lil Samsung (Artikolu 2(d)).

III. Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

20

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Novembru 2014, l-appellanti ppreżentat rikors intiż prinċipalment għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċernaha, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom.

21

Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti invokat sitt motivi. L-ewwel żewġ motivi kienu jikkonċernaw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Ir-raba’ motiv, imqajjem sussidjarjament, kien ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu. Il-ħames u s-sitt motivi kienu jikkonċernaw il-multa.

22

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi, u għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

IV. It-talbiet tal-partijiet fl-appell

23

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tikkonċernaha;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa ta’ EUR 82874000 li ġiet imposta fuqha fid-Deċiżjoni kontenzjuża għal ammont proporzjonat;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

24

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

sussidjarjament, tiċħad it-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

V. Fuq l-appell

25

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem tliet aggravji.

A. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ stħarriġ mill-Qorti Ġenerali

26

L-ewwel aggravju tal-appellanti huwa maqsum f’ħames partijiet.

1.   Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

a)   L-argumenti tal-partijiet

27

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li tirrigwarda b’mod partikolari l-punt 160 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li eżaminat biss ħamsa mill-ħdax-il kuntatt allegatament illegali kkonstatati mill-Kummissjoni bejnha u Samsung jew Renesas, waqt li hija kienet ikkontestat dawn il-kuntatti kollha. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju inkomplet u selettiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża jmur kontra l-Artikolu 263 TFUE u wassal għal stħarriġ mhux adegwat tal-ammont tal-multa. Skont l-appellanti, l-illegalità tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar kuntatt wieħed jew ieħor li ġew ikkontestati għandha twassal għall-annullament tal-konklużjonijiet korrispondenti tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża.

28

Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni kif previst fl-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, naqset milli tagħti raġunijiet suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-approċċ li esponiet fil-punt 160 tas-sentenza appellata kif ukoll l-għażla tal-ħames kuntatti mistħarrġa.

29

Tali stħarriġ selettiv ma ppermettiex lill-Qorti Ġenerali tevalwa b’mod sħiħ il-gravità tal-ksur allegat u tistħarreġ suffiċjentement l-ammont tal-ammont tal-multa imposta. Il-Qorti Ġenerali ma weġbitx suffiċjentement għall-argumenti tal-appellanti dwar il-multa, hekk kif jirriżulta mit-tielet aggravju. B’mod partikolari, peress li l-parteċipazzjoni ta’ din fil-ksur kienet limitata biss għal ħames kuntatti l-eżistenza ta’ liema ġiet ipprovata, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonferma l-ammont tal-multa imposta fuqha mill-Kummissjoni.

30

Fir-rigward tal-kuntatti mhux mistħarrġa, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, b’mod partikolari fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr ma jiġu mistħarrġa hekk kif kellha tagħmel.

31

L-istħarriġ selettiv mwettaq mill-Qorti Ġenerali huwa kontradittorju u inkoerenti mal-evalwazzjonijiet mwettqa fil-punti 136, 137 u 211 tas-sentenza appellata. Permezz ta’ dan l-istħarriġ selettiv, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-karatteristiċi tal-ksur allegat mill-Kummissjoni, peress li l-kuntatti eżaminati mill-Qorti Ġenerali kienu insuffiċjenti sabiex tiġi sostnuta l-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu fir-rigward tal-appellanti.

32

Peress li kkonfermat kuntatti oħra stabbiliti mill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, minħabba n-nuqqas milli teżamina l-kuntatti allegati bejn l-appellanti u Renesas matul is-sena 2003, imsemmija fil-premessa 160 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ma kellha l-ebda bażi sabiex tikkonstata ż-żamma tal-laqgħat illegali bejn Samsung u l-appellanti matul dik is-sena. Għaldaqstant, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kellha ebda prova, barra minn dawk li qed tikkontesta, tal-eżistenza u tal-kontenut tal-kuntatti li hija kellha ma’ Samsung fl‑2003.

33

L-appellanti tippreċiża li l-istħarriġ selettiv affettwa s-sitwazzjoni legali tagħha peress li esponiha għal pretensjonijiet mhux iġġustifikati min-naħa ta’ terzi, bħal talbiet għad-danni.

34

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

35

Hija tosserva li l-appellanti ma kkontestatx il-konklużjoni li tinsab fil-premessi 38 sa 41, 68, 76, 77, 246 u 297 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-prezzijiet tal-ismart card chips kienu ddeterminati, bħala prinċipju, fuq bażi annwali. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali setgħet tillimita ruħha li tivverifika li l-appellanti kienet ipparteċipat f’mill-inqas kuntatt antikompetittiv fis-sena matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 2003 u s-sena 2005. Fil-fatt, ikun biżżejjed li r-riżultati ekonomiċi li l-kuntatti antikompetittivi jkollhom ikomplu l-effetti tagħhom wara d-data li fiha jkunu seħħew.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tiġġustifika l-għażla tagħha tal-ħames kuntatti li hija eżaminat u lanqas l-assenza ta’ eżami tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fis-sitt kuntatti l-oħra.

37

Il-Qorti Ġenerali ma kinitx prekluża milli tevalwa l-argumenti dwar il-gravità tal-ksur u l-ammont tal-multa. B’mod partikolari, in-numru ta’ kuntatti li fihom l-appellanti pparteċipat huwa mingħajr rilevanza fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur jew fuq il-possibbiltà li tiġi applikata rata ta’ gravità ta’ 16 %.

38

Hija lanqas ma kienet prekluża milli teżamina l-argumenti dwar il-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur uniku u kontinwu, peress li din tal-aħħar ipparteċipat mill-inqas f’kuntatt fis-sena u li dawn il-kuntatti kienu jifformaw parti minn pjan globali. Hija kienet ukoll kapaċi tevalwa b’mod korrett l-argumenti dwar in-natura antikompetittiva tal-kuntatti ma’ Samsung fl‑24 ta’ Settembru u fit‑3 ta’ Novembru 2003, peress li l-provi pprovduti minn Renesas kienu biss raġuni waħda fost oħrajn li għalihom il-Qorti Ġenerali kkonfermat it-talbiet tal-Kummissjoni dwar il-kredibbiltà ta’ Samsung bħala xhud u l-iskambju ta’ informazzjoni matul l-imsemmija kuntatti.

39

L-argument tal-appellanti dwar l-annullament sħiħ tad-Deċiżjoni kontenzjuża huwa inammissibbli skont l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40

L-argument dwar il-punt 153 tas-sentenza appellata huwa ineffettiv, peress li l-Qorti Ġenerali ma siltet l-ebda konsegwenza mir-referenza magħmula għad-disa’ kuntatti antikompetittivi ħlief għal dawk tat‑3 ta’ Novembru u tas‑27 ta’ Novembru 2003.

41

L-appellanti hija esposta għal talbiet għal kumpens mhux minħabba l-approċċ meħud mill-Qorti Ġenerali, iżda minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’mill-inqas kuntatt antikompetittiv wieħed fis-sena matul is-snin 2003 sa 2005.

42

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti dwar il-punti 136 u 137 tas-sentenza appellata, din tal-aħħar tħawwad żewġ kunċetti differenti, jiġifieri l-prova tan-numru ta’ kuntatti antikompetittivi li fihom ipparteċipat l-appellanti u l-prova tan-natura antikompetittiva ta’ dawn il-kuntatti.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-punt 160 tas-sentenza appellata huwa kkonċernat mill-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tat-tielet parti tat-tielet motiv imqajma mill-appellanti quddiemha u hija bbażata fuq l-assenza ta’ provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Dan il-punt huwa fformulat kif ġej:

“[…] ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-prezzijiet kienu stabbiliti, bħala prinċipju, fuq bażi annwali, ħaġa li toħroġ ukoll mid-diskussjonijiet li fihom ħadet sehem ir-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li jiġi eżaminat, għas-snin 2003 sal‑2005, jekk ir-rikorrenti pparteċipatx f’diskussjoni antikompetittiva waħda, jew jekk ikun il-każ, tnejn, matul kull waħda minn dawn it-tliet snin, ma’ Samsung jew Renesas, biex tiġi kkonstatata l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis opportun teżamina, preliminarjament, ħames kuntatti bejn ir-rikorrenti u Samsung jew Renesas, jiġifieri l-kuntatti tal‑24 ta’ Settembru 2003 (l-ewwel kuntatt), tat‑3 ta’ Novembru 2003 (it-tieni kuntatt), tat‑18 ta’ Marzu 2004 (is-sitt kuntatt), tal‑1 sat 8 ta’ Ġunju 2004 (is-seba’ kuntatt) u tal‑31 ta’ Marzu 2005 (il-ħdax-il kuntatt), fejn l-ewwel u l-aħħar kuntatti jimmarkaw, skont il-Kummissjoni, rispettivament il-bidu u tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni. Għaldaqstant, huwa biss f’każ li dawn il-ħames kuntatti ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni li l-Qorti Ġenerali ser teżamina jekk il-kuntatti l-oħra, bħalma huwa dak tas‑17 ta’ Novembru 2003, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ssostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta li ma kinux illegali, jikkontribbwixxux jew le biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ dan il-ksur.”

44

Wara li eżaminat l-argumenti dwar il-ħames kuntatti msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali stmat, fil-punt 207 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li l-appellanti kienet ipparteċipat f’diskussjonijiet antikompetittivi ma’ Samsung u Renesas bejn l‑24 ta’ Settembru 2003 u l‑31 ta’ Marzu 2005.

45

Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali, ma eżaminatx l-argumenti li permezz tagħhom l-appellanti kkontestat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ sitt kuntatti bilaterali oħra meqjusa fir-rigward tagħha fid-Deċiżjoni kontenzjuża.

46

L-appellanti tikkontesta dan l-approċċ tal-Qorti Ġenerali għar-raġuni, essenzjalment, li huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet kemm fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità u kemm tal-istħarriġ tal-ammont tal-multa.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jitwettaq, skont l-Artikolu 261 TFUE u fuq talba tal-appellanti, mill-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti f’dan il-qasam mill-Kummissjoni (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 71).

48

Għandu jitfakkar li l-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li l-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fil-fond, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fid-dawl tar-raġunijiet imqajma mill-appellanti u b’kunsiderazzjoni tal-elementi kollha rilevanti mressqa minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, l-appellanti kellha, b’mod partikolari, tikseb stħarriġ tal-legalità tal-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-parteċipazzjoni tagħha fi ksur uniku u kontinwu matul il-perijodu inkluż bejn l‑24 ta’ Settembru 2003 u l‑31 ta’ Marzu 2005.

50

Kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġġustifikat il-limitazzjoni tal-istħarriġ tagħha għal ħamsa mill-ħdax-il kuntatt bilaterali inkwistjoni minħabba l-fatt, mhux ikkontestat mill-appellanti, li l-prezzijiet kienu, bħala prinċipju, innegozjati fuq bażi annwali. Għandu jingħad, f’dan ir-rigward, li, kif jirriżulta mill-punti 115 u 116 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma ppreżentat ebda argument ammissibbli fl-istadju tal-appell li jinvalida din il-ġustifikazzjoni.

51

Għalhekk, minn naħa, il-Qorti Ġenerali esponiet suffiċjentement skont il-liġi r-raġunijiet li għalihom hija wettqet stħarriġ fuq numru limitat ta’ kuntatti ikkontestati mill-appellanti.

52

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sabiex jiġi kkonfermat il-legalità tal-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali setgħet tillimita ruħha li tistħarreġ l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mhux biss mal-ewwel u mal-aħħar kuntatti kollużorji, iżda wkoll ma’ kuntatt wieħed jew tnejn għal kull sena ta’ parteċipazzjoni.

53

Fil-fatt, fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq ċertu tul ta’ żmien, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jkunu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punt 169).

54

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom ipparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur min-naħa tagħha, peress li dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, sa fejn hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 263 TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha tiġi miċħuda.

56

Sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija bbażata wkoll fuq il-ksur tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali u għal dan il-għan, tirrigwarda, provi li ser jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tielet aggravju, l-argument żviluppat f’dan ir-rigward ser ikun ittrattat flimkien ma’ dan l-aggravju.

2.   Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

a)   L-argumenti tal-partijiet

57

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li attribwitilha, b’mod żbaljat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, l-oneru tal-prova dwar l-assenza ta’ awtentiċità tal-messaġġ elettroniku intern ta’ Samsung tat‑3 ta’ Novembru 2003 (iktar ’il quddiem il-“messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003”). Fin-nuqqas li l-Kummissjoni, li għandha l-oneru li tipprova l-ksur, ipprovat l-awtentiċità ta’ dan il-messaġġ elettroniku skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fid-dawl tad-dubji serji mressqa mill-appellanti, din il-prova u provi oħra prodotti minn Samsung kellhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

58

Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żbalji manifesti u ksur tad-drittijiet tad-difiża meta kkunsidrat, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li r-rapport ta’ espert tal-informatika ppreżentat mill-appellanti ma kienx ikkonkluda l-assenza ta’ awtentiċità dan il-messaġġ elettroniku.

59

Barra minn hekk, meta affermat, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinitx ressqet l-argument li turi l-bżonn ta’ rapport ta’ espert indipendenti, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża u d-dritt tagħha għal smigħ xieraq. L-appellanti, li tibbaża fuq deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża, tqis li, fid-dawl tal-osservazzjonijiet li hija ppreżentat u tal-osservazzjonijiet ta’ Samsung, il-Kummissjoni kienet obbligata taħtar espert professjonali indipendenti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-awtentiċità tal-messaġġ elettroniku inkwistjoni. Dan kien japplika iktar fil-proċeduri fil-qasam tal-akkordji minħabba n-natura kriminali tagħhom. L-evalwazzjonijiet xjentifiċi tal-Kummissjoni ma kinux ta’ natura li jneħħu kull dubju dwar l-awtentiċità tal-provi invokati.

60

Il-Qorti Ġenerali, meta bbażat ruħha fuq tali provi, evalwat b’mod żbaljat it-tul u l-firxa tal-ksur inkwistjoni. Fl-assenza ta’ provi prodotti minn Samsung, li kellhom jiġu ddikjarati bħala inammissibli, il-Kummissjoni ma setgħet tistabbilixxi la t-twettiq ta’ ksur mill-appellanti matul is-sena 2003 u lanqas il-parteċipazzjoni tagħha fi ksur uniku u kontinwu. B’mod partikolari, l-appellanti tikkontesta l-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata kif ukoll ir-riferiment, fil-punt 150 ta’ din is-sentenza, għal provi kontemporanji u provi prodotti minn Renesas, peress li dawn qatt ma ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali.

61

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali l-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003, prodott minn Samsung wara s-sospensjoni tad-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment tat-tilwim, intuża mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kuntatt antikompettitiv bejn l-appellanti u Samsung fl-istess jum. L-appellanti kkontestat l-awtentiċità ta’ dan il-messaġġ elettroniku quddiem il-Kummissjoni u pproduċiet rapport ta’ espert fl-osservazzjonijiet tagħha fuq it-tieni espożizzjoni tal-fatti, fejn l-imsemmi messaġġ elettroniku ġie kkomunikat lilha. Mingħajr għarfien tekniku xjentifiku indipendenti, il-Kummissjoni warrbet id-dubji tal-appellanti abbażi tal-evalwazzjonijiet xjentifiċi tagħha dwar l-awtentiċità tal-istess indirizz elettroniku.

63

Permezz ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkontesta ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-argument tagħha bbażat fuq ommissjoni tal-Kummissjoni li tirrikorri għal perizja indipendenti sabiex tiżgura l-awtentiċità tal-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi liema miżuri supplimentari għandha tieħu u li, f’dan il-każ, l-appellanti ma stabbilixxietx li tali perizja kienet meħtieġa.

64

L-appellanti tqis li, billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali imponiet fuqha l-oneru tal-prova tan-nuqqas ta’ awtentiċità tal-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003, u għalhekk b’dan il-mod ivvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi, li minnhom jirriżulta, minn naħa, li, peress li prova tkun inkisbet b’mod regolari, l-ammissibbiltà tagħha ma tistax tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li l-uniku kriterju rilevanti biex tiġi evalwata s-saħħa probatorja tal-provi prodotti regolarment jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 128 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66

Meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li, bħala prinċipju, huma suffiċjenti sabiex juru li jeżisti ksur, ma huwiex biżżejjed li l-impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju tal-imsemmija provi sabiex il-Kummissjoni jkollha l-oneru li tipprova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju tal-provi. Bil-kontra, ħlief fil-każ li tali prova ma tkunx tista’ tiġi prodotta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni nnifisha, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza taċ-ċirkustanza li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt iqiegħed f’dubju l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 76).

67

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma trasponibbli għas-sitwazzjoni li fiha l-appellanti tikkontesta, bħal f’dan il-każ, mhux l-affidabbiltà ta’ prova, iżda l-awtentiċità tagħha.

68

F’dan il-każ, jirriżulta kemm mill-premessi 164 sa 174 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll mill-punti 65, 74, 82 u 182 tas-sentenza appellata, li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tat preżentazzjoni ddettaljata bi tweġiba għad-dubji mqajma mill-appellanti fir-rigward tal-awtentiċità tal-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003 u li hija, essenzjalment, ċaħdet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kellha tkun l-appellanti li turi quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni kienet ivvizzjat ir-risposta tagħha bi żbalji minħabba investigazzjoni insuffiċjenti. Issa, fir-rigward ta’ dan, jirriżulta essenzjalment mill-punti 65 u 82 sa 84 tas-sentenza appellata li l-appellanti ma wrietx it-twettiq ta’ tali żbalji.

69

Minn dan isegwi li, mingħajr ma ssir ebda inverżjoni indebita tal-oneru tal-prova mhux iġġustifikata li l-Qorti Ġenerali setgħet tiċħad id-diversi argumenti tal-appellanti dwar l-assenza ta’ awtentiċità tal-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003, minħabba li din ma stabbilixxietx li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni kienu żbaljati. Huwa wkoll mingħajr tali inverżjoni tal-oneru tal-prova li hija setgħet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, tiċħad l-argumenti tal-appellanti li jgħidu li l-Kummissjoni kellha titlob perizja xjentifika indipendenti sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità ta’ dan il-messaġġ elettroniku.

70

Sa fejn l-appellanti tallega, f’dan il-kuntest, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, huwa biżżejjed li jiġi osservat li hija setgħet, kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, issostni l-argumenti tagħha dwar l-awtentiċità tal-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003.

71

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-argumenti tal-appellanti dwar il-punti 143, 144 u 150 tas-sentenza appellata, peress li huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-Qorti Ġenerali attribwitilha l-oneru tal-prova tal-assenza ta’ awtentiċità tal-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003, għandhom jiġu kkunsidrati bħala ineffettivi.

72

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

3.   Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

a)   L-argumenti tal-partijiet

73

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha u wettqet żball ta’ dritt manifest peresss li ddeċidiet, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni f’waqtha lill-appellanti ta’ evalwazzjonijiet xjentifiċi tal-Kummissjoni dwar l-awtentiċità tal-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003, li jikkostitwixxu provi kontra, ma kellux impatt fuq ir-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża.

74

L-appellanti tqis li l-ommissjoni tal-Kummissjoni, li tikkomunikalha dawn l-evalwazzjonijiet ċaħditha mill-possibbiltà li ssostni ulterjorment li hija esprimiet dubji serji dwar l-awtentiċità ta’ dan il-messaġġ elettroniku, li turi l-assenza ta’ awtentiċità tiegħu jew il-ħtieġa ta’ għarfien espert indipendenti għal dan il-għan u li twieġeb għall-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, li huwa aggravat mill-fatt li b’mod żbaljat għandu jsostni ukoll l-oneru tal-prova tal-assenza ta’ awtentiċità tal-imsemmi messaġġ elettroniku, ma jistax jiġi kkumpensat permezz tal-produzzjoni ta’ evalwazzjonijiet xjentifiċi matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

75

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76

Permezz ta’ din il-parti, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-argument tagħha bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti billi naqset milli tikkomunikalha, waqt il-proċedura amministrattiva, l-evalwazzjonijiet xjentifiċi tagħha dwar l-awtentiċità tal-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003.

77

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 77 u 80 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha tikkomunika l-evalwazzjonijiet xjentifiċi tagħha lill-appellanti bħala provi kontra. Madankollu, hija kkunsidrat, fil-punti 81 sa 85 ta’ din is-sentenza, li l-appellanti ma kinitx stabbilixxiet li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni kontenzjuża kien ikun differenti li kieku saret tali komunikazzjoni, u għalhekk ċaħdet l-argument tal-appellanti bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

78

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kkonformat mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, sabiex ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament tal-att ikkontestat, huwa neċessarju li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti, li hija l-impriża kkonċernata li għandha tipprova (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, SKW Stahl-Metallurgie u SKW Stahl-Metallurgie Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑154/14 P, EU:C:2016:445, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79

Issa, l-appellanti ma ppreżentat l-ebda element li juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi jew żnaturat il-fatti jew il-provi meta qieset abbażi tal-argumenti u tal-provi prodotti quddiemha li hija ma kinitx stabbilixxiet li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża seta’ kien differenti kieku din l-istituzzjoni kienet ikkomunikatilha l-evalwazzjonijiet xjentifiċi tagħha matul il-proċedura amministrattiva.

80

Għaldaqstant, it-tielet parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda.

4.   Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju

a)   L-argumenti tal-partijiet

81

Ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, li tirrigwarda ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, hija maqsuma f’żewġ ilmenti prinċipali.

82

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari dawk fil-punti 93 u 126 tas-sentenza appellata, dwar il-kredibbiltà ta’ Samsung bħala xhud.

83

Fl-ewwel lok, l-appellanti tqis li l-argument li Samsung hija xhud kredibbli peress li talbet il-klemenza għandu jkun validu biss fir-rigward tal-provi prodotti minn xhud li għalih il-Kummissjoni diġà ta immunità provviżorja. Issa, dan ma kienx il-każ ta’ Samsung fil-mument tal-produzzjoni tal-provi kkontestati. Peress li kienet esposta għar-riskju li tiġi imposta multa sħiħa wara li l-proċedimenti ta’ riżolviment tat-tilwim ma rnexxewx, Samsung ma kellha xejn x’titlef billi tagħmel dikjarazzjonijiet foloz, iktar u iktar minħabba li skont il-liġi Koreana ma kellha ebda riskju ta’ sanzjonijiet kriminali għal dikjarazzjonijiet foloz.

84

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha tibbaża ruħha fuq provi oħra sabiex issostni l-eżistenza tal-kuntatti bilaterali kkontestati bejn Samsung u l-appellanti. Issa, tali provi ma jeżistux. F’dan ir-rigward, l-appellanti tikkontesta l-punti 145 sa 151 tas-sentenza appellata li, fil-fehma tagħha, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala sempliċi raġunijiet superfluwi. Il-punti 148 u 149 ta’ din is-sentenza, li jistabbilixxu li l-provi prodotti minn Samsung kienu kkorroborati minn membri oħra tal-ksur, jikkontradixxu l-punt 155 tal-imsemmija sentenza. Il-messaġġ elettroniku ta’ Philips imsemmi fil-punt 147 tas-sentenza appellata huwa bbażat biss fuq “dikjarazzjoni bbażata fuq għajdut” u l-appellanti ma kellha ebda kuntatt bilaterali ma’ Philips. Il-partijiet imsemmija tad-Deċiżjoni kontenzjuża ma jippreċiżawx li NXP Semiconductors NV ipproduċiet provi li jikkorroboraw il-provi prodotti minn Samsung. Il-fatt imsemmi fil-premessa 157 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li Renesas ipproduċiet xi provi insostenn ta’ dawn il-provi, huwa illoġiku u kkontradett mill-istħarriġ parzjali tal-Qorti Ġenerali li la eżaminat u lanqas stabbilixxiet l-eżistenza ta’ laqgħa bejn Renesas u l-appellanti matul is-sena 2003, sena li fiha seħħew il-kuntatti kontenzjużi ma’ Samsung. Renesas ma tistax għaldaqstant issostni l-fatti kkontestati stabbiliti fuq il-bażi ta’ provi inammissibbli minn Samsung.

85

Peress li x-xhud tal-appellanti, diversament minn dak ta’ Samsung, qiegħed jirriskja sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ dikjarazzjoni falza fuq l-unur, il-Qorti Ġenerali messha pprivileġġat id-dikjarazzjonijiet ta’ dan tal-ewwel. Hija kellha tagħti lill-appellanti l-benefiċċju tad-dubju, skont il-prinċipju in dubio pro reo.

86

Fit-tieni lok, dan il-prinċipju kien ukoll ġie miksur minħabba li, fil-punti 123 u 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat lil Samsung ir-regola tal-privileġġ bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, għad-detriment tal-appellanti. Fil-fatt, fir-rigward tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, l-impjegat ta’ Samsung li pprovda din id-dikjarazzjoni kien sempliċiment qiegħed jiftakar minn memorji vagi tiegħu tal-bord amministrattiv ta’ Samsung, għaxar snin wara l-allegat ksur.

87

Permezz tat-tieni lment, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-ismart card chips mhux SIM tagħha kienu jagħmlu parti mill-ksur inkwistjoni, ma mmotivatx biżżejjed is-sentenza tagħha u kisret il-prinċipju ta’ in dubio pro reo.

88

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali użat fil-punt 255 tas-sentenza appellata, traduzzjoni żbaljata tar-rapport intern ta’ Samsung u, għaldaqstant, żnaturat il-provi. Abbażi tat-traduzzjoni korretta, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkunsidra li l-provi inkwistjoni kienu jsostnu l-konklużjoni li tgħid li l-ismart card chips mhux SIM kienu s-suġġett tad-diskussjoni bejn Samsung u l-appellanti fl‑24 ta’ Settembru 2003.

89

It-tieni nett, il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 256 tas-sentenza appellata ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li d-dħul marbut mal-ismart card chips mhux SIM għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-ammont tal-multa għall-perijodu kollu tal-ksur u jikkontradixxu l-approċċ stabbilit fil-punt 160 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-ismart card chips mhux SIM, fir-rapport intern ta’ Samsung użat sabiex jiġi stabbilit il-kuntatt tal‑24 ta’ Settembru 2003, jissemmew biss għas-sena 2004 f’dikjarazzjoni ġenerali wisq li ma tistax titqies li għandha bħala għan jew effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Ma tistax tnaqqas l-inċertezza ta’ Samsung, peress li, fis-settur tal-ismart card chips, li għandhom ħajja qasira minħabba żviluppi teknoloġiċi kostanti, il-prezzijiet jonqsu kontinwament. Fl-assenza ta’ kwalunkwe kuntatt ieħor dwar l-ismart card chips mhux SIM, id-dħul relatat ma’ dawn il-prodotti seta’ biss jiġi kkunsidrat, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, l-iktar l-iktar, għas-sena 2004.

90

It-tielet nett, l-appellanti tikkontesta r-rabta bejn l-ismart card chips SIM u l-ismart card chips mhux SIM ikkonstatata fil-punt 257 tas-sentenza appellata, peress li hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u b’dan il-mod bi żnaturament tal-provi użati mill-Kummissjoni fil-premessa 221 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Jirriżulta, fil-fatt, mill-premessi 6 u 221 ta’ din id-deċiżjoni li s-suq tal-ismart card chips seta’ jinqasam f’żewġ segmenti. Jekk is-segmentazzjoni ma kinitx assoluta, il-Kummissjoni ma setgħetx għaldaqstant tikkonstata rabta.

91

Ir-raba’ nett, anki jekk jitqies li tali rabta teżisti, il-Qorti Ġenerali naqset milli tesponi l-mod kif l-allegati skambji dwar l-ismart card chips SIM setgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni dwar l-ismart card chips mhux SIM. B’mod partikolari, il-punt 258 tas-sentenza appellata ma hijiex suffiċjentement immotivata f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, d-dikjarazzjoni ta’ Renesas, imsemmija fil-premessa 217 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li l-ksur kien jikkonċerna ż-żewġ tipi ta’ smart card chips u li l-informazzjoni dwar applikazzjonijiet għal smart card chips mhux SIM kienu rilevanti għall-fornituri tal-applikazzjonijiet għal smart card chips SIM, ma ġietx issostanzjata u saħansitra ġiet ikkontestata mill-appellanti u minn Philips. Issa, fid-dawl ta’ din il-kontestazzjoni, din id-dikjarazzjoni kellha tiġi kkorroborata permezz ta’ provi oħra sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni.

92

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

1) Fuq l-ewwel ilment

93

Permezz tal-ewwel ilment, l-appellanti tikkontesta ċerti evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali dwar il-kredibbiltà ta’ Samsung bħala xhud u l-valur probatorju tal-provi mressqa minn din tal-aħħar.

94

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li huwa b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-impjegat ta’ Samsung, awtur tad-dikjarazzjoni li l-appellanti kkontestat il-valur probatorju tagħha, ma kellux ir-riskju ta’ sanzjonijiet kriminali fil-Korea, f’każ ta’ dikjarazzjoni falza fuq l-unur ma jaffettwax il-valur probatorju ta’ din id-dikjarazzjoni, peress li Samsung, bħala applikanti skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, tesponi ruħha għat-telf tal-benefiċċju ta’ din il-kooperazzjoni fil-każ ta’ dikjarazzjoni falza.

95

Fil-fatt, kull tentattiv minn applikant taħt din il-komunikazzjoni intiż sabiex iwassal lill-Kummissjoni tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni u, għaldaqstant, iċċaħdu mill-possibbiltà li jibbenefika b’mod sħiħ mill-imsemmija komunikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 138).

96

Barra minn hekk, l-appellanti, permezz tal-allegazzjoni tagħha li l-provi prodotti minn Samsung kellhom jiġu kkorroborati minn membri oħra tal-ksur inkwistjoni, li ma kienx il-każ, tikkontesta fir-realtà mhux il-punti 148 u 149 tas-sentenza appellata, iżda l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 156 sa 161 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li jgħidu li d-dikjarazzjonijiet ta’ Samsung kienu ġew ikkorroborati minn membri oħra tal-ksur inkwistjoni. Issa, fl-imsemmija punti, il-Qorti Ġenerali rrilevat, mingħajr ma dan huwa kkontestat mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn l-evalwazzjonijiet ma kinux ikkontestati quddiemha.

97

Għaldaqstant, din l-allegazzjoni hija inammissibbli konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita li tgħid li fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali mogħtija fir-rigward tar-raġunijiet u l-argumenti diskussi fl-ewwel istanza. Għalhekk, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravji jew argumenti li hija ma invokatx quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO, C‑43/15 P, EU:C:2016:837, punt 43, u tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑487/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:961, punt 84).

98

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq allegata kontradizzjoni tar-raġunijiet bejn il-punti 148 u 149 tas-sentenza appellata, imsemmija iktar ’il fuq, u l-punt 155 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, dan l-aħħar punt, mingħajr ma jikkontradixxi l-fatt li, fl-intier tagħhom, id-dikjarazzjonijiet minn Samsung kienu sostnuti minn membri oħra tal-ksur, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li twieġeb għall-argument tal-appellanti billi tosserva li, fil-premessi 152, 157 u 158 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, ikkontestati mill-appellanti, il-Kummissjoni ma kinitx ikkonstatat li l-kuntatti tat‑3 ta’ Novembru u tas‑17 ta’ Novembru 2003 kienu ġew ikkorroborati permezz ta’ provi minn dawn il-membri l-oħra.

99

Fl-aħħar nett, l-argument ibbażat fuq allegat żnaturament tal-provi minħabba r-riferiment, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, ta’ NXP Semiconductors hija bbażata fuq qari żbaljat tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti, NXP Semiconductors hija msemmija fil-premessi 158, 159 u 161 ta’ din id-deċiżjoni.

100

It-tieni nett, fir-rigward tal-punti 123 u 124 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, sa fejn l-appellanti tibbaża argument fuq in-natura vaga tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, hija tipprova fir-realtà tikseb evalwazzjoni ġdida tal-valur probatorju ta’ din id-dikjarazzjoni, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dan l-element ta’ prova (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punt 153, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument dwar il-punt 124 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-punt jinkludi raġuni superfluwa, kif tixhed l-espressjoni li tintroduċiha, “fi kwalunkwe każ”. Għaldaqstant, dan l-argument huwa ineffettiv.

101

Konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

2) Fuq it-tieni lment

102

Permezz tat-tieni lment, dirett kontra l-punti 255 sa 258 tas-sentenza appellata, l-appellanti essenzjalment tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-provi peress li kkonfermat il-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fi ksur dwar l-ismart card chips mhux SIM u kkonfermat it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul tagħha relatat ma’ dawn il-prodotti fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

103

Hemm żnaturament meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher li hija manifestament żbaljata. Huwa f’idejn l-appellanti li jindikaw b’mod preċiż il-provi li ġew żnaturati u juru l-iżbalji ta’ evalwazzjoni li twettqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punti 1617, kif ukoll tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni, C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punti 4748).

104

Fil-punti 255 sa 258 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-ħames motiv invokat quddiemha, ibbażat fuq żball fil-kalkolu tal-ammont tal-multa peress li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-ismart card chips mhux SIM.

105

L-ewwel nett, fil-punt 255 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti u Samsung kienu ddiskutew il-prezzijiet u s-suq tal-ismart card chips mhux SIM matul il-kuntatt tal‑24 ta’ Settembru 2003. Fil-punt 256 ta’ din is-sentenza, hija kkunsidrat li dan il-fatt, li jirriżulta mir-rapport intern ta’ impjegat ta’ Samsung, kien biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li d-diskussjonijiet antikompetittivi ma kinux ikkonċernaw biss l-ismart card chips SIM, anki jekk ma jeżistux provi bil-miktub ta’ skambji oħra bejn l-appellanti u l-kompetituri tagħha dwar l-ismart card chips mhux SIM.

106

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jiġi preżunt li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq traduzzjoni żbaljata ta’ dan ir-rapport intern, xorta jibqa’ l-fatt li jirriżulta miż-żewġ traduzzjonijiet prodotti mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li prezzijiet f’setturi bħal dawk bankarji jew tal-identità, li jużaw l-ismart card chips mhux SIM, ġew diskussi matul il-kuntatt tal‑24 ta’ Settembru 2003. Għaldaqstant, huwa mingħajr ma tiżnatura l-provi, li l-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ skambju fuq il-prezzijiet tal-ismart card chips mhux SIM fl-okkażjoni ta’ dan il-kuntatt.

107

It-tieni nett, fil-punt 257 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li l-appellanti ma kienet ressqet ebda argument fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha intiż sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni, li tinsab fil-punt 221 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li teżisti rabta bejn l-ismart card chips SIM u l-ismart card chips mhux SIM. Peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-prattiki antikompetittivi li jikkonċernaw il-prezzijiet tal-ismart card chips SIM kellhom neċessarjament effett fuq il-prezz tal-ismart card chips mhux SIM, hija qieset, fil-punt 258 ta’ din is-sentenza, li l-fatt li l-ismart card chips SIM u l-ismart card chips mhux SIM ma jappartjenux għall-istess suq ta’ prodotti ma kellux influwenza fuq il-fatt li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-ismart card chips mhux SIM għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

108

Issa, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti ma kkontestatx l-interpretazzjoni, imwettqa mill-Qorti Ġenerali, tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fl-ewwel istanza li skont liema hija ma kinitx ikkontestat il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ rabta bejn l-ismart card chips SIM u l-ismart card chips mhux SIM. Meta ġiet mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija ma identifikat ebda element fl-imsemmija sottomissjonijiet bil-miktub li jindika li hija kienet ikkontestat din ir-rabta quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, l-appellanti ma tistax tiġi titħalla tikkontesta, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni fuq din ir-rabta.

109

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li l-appellanti kienet utilment ikkontestat, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kunsiderazzjonijiet kollha mqajma fid-Deċiżjoni kontenzjuża sabiex jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-ismart card chips mhux SIM fil-ksur imwettaq minnha, l-appellanti ma tistax tallega li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-portata tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha meta kkonfermat it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-dħul tagħha relatat mal-imsemmija smart card chips għat-tul kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni.

110

Konsegwentement, it-tieni lment u, għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda.

5.   Fuq il-ħames parti tal-ewwel aggravju

a)   L-argumenti tal-partijiet

111

Permezz tal-ħames parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li wettqet żnaturament tal-provi.

112

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi ddikjarat, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, li l-prezzijiet kienu ddeterminati, bħala prinċipju, fuq bażi annwali. Jirriżulta, fil-fatt, mill-premessi 38 sa 41 kif ukoll 65 u 297 tad-Deċiżjoni kontenzjuża li l-prezzijiet ġew innegozjati fuq bażi annwali jew ta’ kull tliet xhur, jew fuq bażi iktar frekwenti. Issa, minkejja li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni negozjazzjoni tal-prezzijiet ta’ kull tliet xhur, provi supplimentari kienu neċessarji sabiex jiġi kkunsidrat li l-appellanti kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni.

113

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi identifikat il-messaġġ elettroniku msemmi fil-punti 191 sa 196 tas-sentenza appellata bħala messaġġ elettroniku mingħand Samsung. Fil-fatt, jirriżulta mill-provi inkwistjoni kif ukoll mill-premessa 116 tad-Deċiżjoni kontenzjuża li dan huwa messaġġ elettroniku intern tal-appellanti. Dan l-iżnaturament wassal għal ksur tal-obbligu li jitwettaq stħarriġ sħiħ tal-argumenti tal-appellanti.

114

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

115

Fl-ewwel lok, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi ddikjarat, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, li l-prezzijiet kienu ddeterminati, bħala prinċipju, fuq bażi annwali.

116

Issa, kif jirriżulta b’mod ċar mill-punt 160 tas-sentenza appellata, mingħajr ma l-appellanti, meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma tikkontradixxi dan, l-appellanti ma kkontestatx, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-fatt li l-prezzijiet kienu nnegozjati, bħala prinċipju, fuq bażi annwali. Għaldaqstant, l-argument dwar dan il-punt 160 huwa inammissibbli skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 97 ta’ din is-sentenza.

117

Fit-tieni lok, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-fatti fl-evalwazzjoni, fil-punti 191 sa 196 tas-sentenza appellata, tal-kuntatt ma’ Samsung bejn l‑1 ta’ Ġunju u t‑8 ta’ Ġunju 2004.

118

Dan l-argument għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 100 u 103 ta’ din is-sentenza.

119

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tistabbilixxi, flimkien mal-appellanti, li, fil-punti 191 u 193 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ikkunsidrat b’mod żbaljat il-messaġġ elettroniku msemmi f’dawk il-punti, bħala messaġġ elettroniku ta’ Samsung u li nstab fil-bini tagħha, meta fil-fatt kien ġej mingħand l-appellanti u nstab fil-bini ta’ din tal-aħħar.

120

Madankollu, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti ma tikkontesta la l-eżistenza stess u l-kontenut tal-messaġġ elettroniku inkwistjoni u lanqas il-konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali wasslet għalihom fuq il-bażi ta’ dan il-messaġġ elettroniku. B’mod partikolari, hija ma tressaq ebda argument li jista’ juri li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta kkunsidrat, abbażi tal-imsemmi messaġġ elettroniku, li hija kienet ipparteċipat f’kuntatt ma’ Samsung u kienet skambjat, f’din l-okkażjoni, ċerta informazzjoni li l-Qorti Ġenerali, li hija biss hija kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, ikkwalifikathom bħala antikompetittivi.

121

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-identifikazzjoni żbaljata tal-messaġġ elettroniku inkwistjoni tirriżulta minn żball tal-pinna li ma kellu l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni, fil-mertu, tal-argumenti tal-appellanti relatati mal-kuntatt li seġġ bejn l‑1 ta’ Ġunju u t‑8 ta’ Ġunju 2004 fid-dawl tal-kontenut tal-imsemmi messaġġ elettroniku.

122

Sa fejn l-appellanti tgħid ukoll li, minħabba l-identifikazzjoni żbaljata tal-messaġġ elettroniku inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li twettaq stħarriġ sħiħ tal-argumenti tagħha, għandu jiġi osservat li l-argument tagħha ma jippermettix li jiġu identifikati l-iżbalji ta’ liġi li hija tikkontesta lill-Qorti Ġenerali, b’tali mod li dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli f’dan ir-rigward.

123

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-ħames parti ta’ dan l-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

6.   Konklużjoni dwar l-ewwel aggravju

124

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud, bla ħsara għall-eżami, fil-punti 191 et seq ta’ din is-sentenza, tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

B. Fuq it-tieni aggravju bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE

125

It-tieni aggravju mqajjem mill-appellanti huwa maqsum fi tliet partijiet.

1.   Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

a)   L-argumenti tal-partijiet

126

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti rilevanti fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE. Hija tikkontesta l-evalwazzjoni, imwettqa mill-Qorti Ġenerali, tal-kuntatti tal‑24 ta’ Settembru 2003 u tat‑3 ta’ Novembru 2003 ma’ Samsung.

127

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntatt tal‑24 ta’ Settembru 2003, l-ewwel nett, l-appellanti hija tal-fehma li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 168 tas-sentenza appellata ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni b’effett mis-sena 2003. Fil-fatt, qabel kollox, billi tirreferi għall-premessi 90 u 297 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, hija tirrileva li huma biss żewġ referenzi dwar il-prezzijiet tas-sena 2003 li jistgħu jiġu dedotti mis-sensiela ta’ indizji użati. Dan, minn naħa, jirrigwarda sempliċi osservazzjoni fuq il-livell attwali tal-prezzijiet tas-suq li kien magħruf sew u min-naħa l-oħra aġġustament tal-prezzijiet għar-raba’ trimestru tas-sena 2003 fir-rigward tal-klijent Schlumberger Smart Cards and Terminals. Sussegwentement, l-appellanti tqis li l-iskambji fuq il-prezzijiet u l-kapaċitajiet futuri msemmija fl-imsemmi punt 168 tas-sentenza appellata ma jsostnux il-konklużjoni li l-ksur allegat seta’ jaffettwa l-kompetizzjoni sa mis-sena 2003. Fl-aħħar nett, is-sentenza appellata ma tinkludi ebda analiżi tal-effetti tal-iskambju dwar il-prezzijiet tal‑2003 dwar il-kompetizzjoni u li l-Qorti Ġenerali ma kklassifikatx dan l-iskambju bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

128

It-tieni nett, l-appellanti tqis li l-unika dikjarazzjoni – barra minn hekk ġenerali u nieqsa minn kull indikazzjoni dwar l-iffissar fil-futur tal-prezzijiet jew ta’ aġir fis-suq – dwar l-ismart card chips mhux SIM f’kuntatt tal‑24 ta’ Settembru 2003 ma hijiex biżżejjed biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ skambju illegali ta’ informazzjoni sensittiva fir-rigward ta’ dawn il-prodotti. La l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kienu stabbilixxew li l-qsim ta’ din l-informazzjoni jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, peress li l-Qorti Ġenerali wasslet għall-konklużjoni kuntrarja fil-punt 256 tas-sentenza appellata, hija wettqet żball jew żnaturat il-provi. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul marbut ma’ dawn il-prodotti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti.

129

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntatt tat‑3 ta’ Novembru 2003, l-appellanti ssostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, peress li ma pprovdiet l-ebda raġuni li tippermetti li tikkwalifika dan il-kuntatt bħala li jikkostitwixxi skambju illegali ta’ informazzjoni u li naqset milli twieġeb għall-argumenti li jidhru, f’dan ir-rigward, fil-punti 83 sa 86 tar-rikors promotur.

130

Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni, li tinsab fil-punti 181 sa 183 tas-sentenza appellata, dwar il-valur probatorju tal-provi użati sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-kuntatt tat‑3 ta’ Novembru 2003 kienet ivvizzjata minn ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza kif ukoll minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ żnaturament tal-provi. Fil-fatt, la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma pprovdew spjegazzjoni suffiċjenti tal-eżistenza ta’ verżjonijiet differenti ta’ messaġġ elettroniku bl-istess data tat‑3 ta’ Novembru 2003 jew tal-awtentiċità tiegħu. Fir-rigward tas-sensiela ta’ indizji stabbilit fil-punt 183 ta’ din is-sentenza, li tkopri biss żewġ sorsi, l-appellanti tippreċiża li l-messaġġ elettroniku intern ta’ Renesas tas‑7 ta’ Ottubru 2003 huwa bbażat fuq informazzjoni bbażata fuq għajdut u li, peress li qabel id-data tal-kuntatt tat‑3 ta’ Novembru 2003, evidentement ma tistax tipprova l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tispjega r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni setgħet tiddeduċi mill-messaġġ elettroniku tas‑7 ta’ Novembru 2003 ta’ Samsung, li kien isemmi biss il-proposta ta’ laqgħa futura fis‑17 ta’ Novembru 2003, li l-kuntatt tat‑3 ta’ Novembru 2003 seħħ. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova, żnaturat il-provi u waslet għal evalwazzjonijiet manifestament żbaljati.

131

Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti huma inammissibbli, minħabba li l-appellanti qiegħda tipprova tikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, u ma humiex fondati.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

132

Preliminarjament, fid-dawl tal-argumenti tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-essenzjali tal-argumenti mqajma insostenn ta’ din il-parti, l-appellanti ma hijiex qed tipprova tikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, iżda tinvoka żbalji ta’ liġi li din wettqet fl-evalwazzjoni tal-kuntatti ma’ Samsung fl‑24 ta’ Settembru 2003 u fit‑3 ta’ Novembru 2003.

133

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntatt tal‑24 ta’ Settembru 2003, l-appellanti tikkontesta l-punti 168 u 256 tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ksur imwettaq minnha beda matul is-sena 2003 u kien dwar l-ismart card chips mhux SIM.

134

L-ewwel nett, huwa stabbilit li, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat b’mod partikolari fil-punti 166, 168 u 173 sa 175 tas-sentenza appellata, matul il-kuntatt tal‑24 ta’ Settembru 2003, l-appellanti u Samsung skambjaw informazzjoni sensittiva dwar, b’mod partikolari, il-prezzijiet futuri tagħhom.

135

Issa, huwa minħabba l-għan stess ta’ dan l-iskambju bejn kompetituri li l-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tikkwalifikah bħala ksur minħabba l-għan, mingħajr, barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punti 157 sa 160 ta’ din is-sentenza, l-argumenti mqajma mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju ma huma ta’ natura li jistabbilixxu li din il-kwalifika hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

136

F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-kompetituri ma kinux iddiskutew prezzijiet għas-sena 2003, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-bidu tal-perijodu ta’ ksur li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellanti kienet ipparteċipat f’tali ksur mill‑24 ta’ Settembru 2003.

137

Għaldaqstant, minn naħa, l-argumenti tal-appellanti, intiżi sabiex juru li matul il-laqgħa tal‑24 ta’ Settembru 2003, il-prezzijiet tal‑2003 ma kinux ġew indirizzati, minbarra l-fatt li huma intiżi fil-verità sabiex jiksbu eżami mill-ġdid tal-fatti li ma jaqgħux fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell, huma irrilevanti.

138

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma kienet bl-ebda mod obbligata teżamina u tistabbilixxi l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi għas-sena 2003. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ prattika miftiehma meta l-għan antikompetittiv ta’ din tal-aħħar jiġi stabbilit (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 30).

139

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li jikkonċerna l-ksur tal-ismart card chips mhux SIM u indirizzat kontra l-punt 256 tas-sentenza appellata, għandu jiġi ppreċiżat li jirriżulta minn qari tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-appellanti fl-ewwel istanza li, fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha mqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, hija ċaħdet kwalunkwe diskussjoni dwar l-ismart card chips mhux SIM, mingħajr bl-ebda mod ma sostniet, sussidjarjament, li d-diskussjoni dwar dawn il-prodotti f’kuntatt tal‑24 ta’ Settembru 2003 ma seta’ jiġi kklassifikat bħala antikompetittiv minħabba l-għan. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tinvestiga ulterjorment din il-kwistjoni. Għall-kumplament, hemm lok li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 104 sa 109 ta’ din is-sentenza.

140

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntatt tat‑3 ta’ Novembru 2003, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 181 sa 183 u 185 tas-sentenza appellata dwar, rispettivament, l-eżistenza ta’ dan il-kuntatt u n-natura illegali tagħha.

141

L-ewwel nett, fil-punti 181 sa 183 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, minn naħa, li l-appellanti ma kinitx ipproduċiet il-prova li r-raġunijiet oġġettivi, imressqa mill-Kummissjoni sabiex jiġġustifikaw li jeżistu diversi verżjonijiet tal-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003, huma żbaljati u, min-naħa l-oħra, li kien hemm sensiela ta’ indizji li jirriżultaw minn provi oħra intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ kuntatt antikompetittiv tal-istess jum.

142

F’dan ir-rigward, minn naħa, diġà ġie rrilevat, fil-punti 68 u 69 ta’ din is-sentenza, li kien l-obbligu tal-appellanti li tikkontesta, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża dwar l-awtentiċità tal-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003 u li l-Qorti Ġenerali esponiet ir-raġunijiet li għalihom l-appellanti ma kinitx uriet li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu żbaljati.

143

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi u mingħajr ma tikser l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-appellanti dwar l-awtentiċità tal-messaġġ elettroniku tat‑3 ta’ Novembru 2003.

144

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument li permezz tiegħu l-appellanti tikkontesta s-sensiela ta’ indizji msemmija fil-punti 181 u 183 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-provi ma taqax, u dan bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell. Issa, għalkemm l-appellanti tallega li din is-sensiela ta’ indizji ma humiex tali li jissostanzjaw l-eżistenza ta’ kuntatt illegali fit‑3 ta’ Novembru 2003, din lanqas ma tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żnaturament mill-Qorti Ġenerali ta’ dawn il-provi.

145

It-tieni nett, fil-punt 185 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien suffiċjenti, sa fejn l-appellanti tqis li l-kuntatt tat‑3 ta’ Novembru 2003 ma kienx jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tistabbilixxi li kull diskussjoni illegali tikkostitwixxi tali restrizzjoni peress li stabbilixxiet li l-prattiki inkwistjoni, meħuda fit-totalità tagħhom, jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

146

B’dan il-mod, kif tallega l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat in-natura illegali tad-diskussjonijiet inkwistjoni u naqset milli teżamina l-argumenti ppreżentati minn din dwar in-natura antikompetittiva minħabba l-għan tal-kuntatt tat‑3 ta’ Novembru 2003.

147

Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 43 sa 55 ta’ din is-sentenza, tali approċċ ma jkunx kuntrarju, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, mar-rekwiżiti ta’ stħarriġ tal-legalità tal-konstatazzjoni tal-ksur. Barra minn hekk, l-appellanti ma ssostnix li hija tista’ taffettwa l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-ammont tal-multa tal-ksur.

148

Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

2.   Fuq it-tieni parti tal-aggravju

a)   L-argumenti tal-partijiet

149

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fil-punti 172 sa 176, 185 u 189 tas-sentenza appellata. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx analiżi suffiċjenti tan-natura tal-prattiki inkwistjoni u kkuntentat ruħha, b’mod partikolari fil-punti 176 u 189 ta’ din is-sentenza, b’raġunament insuffiċjenti u kontradittorju.

150

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, bi ksur f’dan ir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, naqset milli tanalizza u turi li l-iskambji ta’ informazzjoni inkwistjoni kellhom grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni fis-suq tal-ismart card chips. Hija kkunsidrat li skambju sporadiku jirrigwarda l-prezzijiet tas-suq attwali jew tax-xejriet futuri ġenerali u potenzjali tal-prezzijiet kif ukoll dwar l-evoluzzjoni tas-suq ma jippreżentax, fih innifsu, tali ħsara f’suq kompetittiv ħafna bħal dak tal-ismart card chips.

151

L-appellanti tippreċiża li l-evalwazzjoni, insuffiċjentement immotivata, fil-punt 174 tas-sentenza appellata u li tgħid li l-aġir kontenzjuż kien “ta’ natura” u li “jippermetti lill-kompetituri jillimitaw” il-kompetizzjoni tintroduċi żewġ kundizzjonijiet inċerti u differenti tal-kriterju tal-grad ta’ dannu meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

152

Fl-aħħar nett, minħabba l-karatteristiċi differenti ta’ ħames kuntatti eżaminati mill-Qorti Ġenerali, din wettqet żball meta kkonstatat, kif jidher li tagħmel fil-punt 185 tas-sentenza appellata, restrizzjoni globali tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

153

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

154

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali talli applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

155

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju ġuridiku essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jew prattika miftiehma tkopri restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE jinsab fil-konstatazzjoni li tali ftehim jew tali prattika, fih innifsu jew fiha nnifisha, għandu livell suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex jitqies li ma hemmx lok li jiġu rriċerkati l-effetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni, C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 104 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

156

Sabiex jiġi evalwat jekk tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi għandux grad suffiċjenti ta’ ħsara sabiex jitqies li huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, għandu jkun hemm kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll għall-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dan il-kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Solvay Solexis vs Il‑Kummissjoni, C‑449/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:802, punt 36, tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni, C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kuntatt tal‑24 ta’ Settembru 2003, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 164 u 165 tas-sentenza appellata li l-appellanti u Samsung skambjaw informazzjoni dwar il-kapaċitajiet u l-prezzijiet tagħhom, attwali u futuri, kif ukoll dwar l-istrateġija tal-iżvilupp teknoloġiku tagħhom. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 166 ta’ din is-sentenza, li tali skambju fuq il-prezzijiet u l-kapaċitajiet, b’mod partikolari f’suq fejn il-provvista u d-domanda huma kkonċentrati, jista’ jinfluwenza direttament fuq l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri.

158

B’risposta għall-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan il-kuntatt il-Qorti Ġenerali reġgħet fakkret, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 155 ta’ din is-sentenza u kkunsidrat, fil-punti 173 u 174 tas-sentenza appellata, li l-fatturi ekonomiċi li jikkaratterizzaw is-suq inkwistjoni, mhux ikkontestati mill-appellanti, kienu ta’ natura li jistabbilixxu li l-impriżi inkwistjoni jibbenefikaw minn skambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar il-politiki strateġiċi tal-kompetituri tagħhom f’termini ta’ prezz, ta’ kapaċità u ta’ żvilupp teknoloġiku, peress li ta’ natura li jippermettilhom irażżnu t-tnaqqis fil-prezzijiet inerenti għas-suq inkwistjoni.

159

B’dan il-mod, kuntrarjament għall-argumenti mressqa mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali kkonformat ruħha mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 155 u 156 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kontenut tad-diskussjonijiet bilaterali bejn il-kompetituri, inkluż it-tip ta’ informazzjoni skambjata, evalwat l-għanijiet imfittxija ta’ dawn tal-aħħar u ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest tas-suq li fih dawn id-diskussjonijiet seħħew.

160

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li timplika l-appellanti, il-fatt li tikklassifika l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva bejn il-kompetituri fis-suq inkwistjoni b’restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma tistax tiddependi fuq il-frekwenza tal-iskambji ta’ informazzjoni. Dan il-kriterju, fil-fatt, ma jirriżulta bl-ebda mod mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 155 u 156 ta’ din is-sentenza.

161

It-tieni nett, fil-punt 176 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti li jgħid li l-Kummissjoni ma kinitx weriet li d-diskussjonijiet, fl-okkażjoni tal-kuntatt tal‑24 ta’ Settembru 2003, dwar il-kapaċità ta’ produzzjoni setgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Fil-fehma tagħha, peress li l-Kummissjoni kienet identifikat ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li dan l-iskambju kien, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq, ta’ natura li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, hija ma kinitx obbligata tipprova l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi.

162

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ikkunsidrat li, bl-argument tagħha, l-appellanti kkontestat lill-Kummissjoni talli ma pprovatx l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi. Issa, minn naħa, fl-appell tagħha, l-appellanti ma ssostnix li l-Qorti Ġenerali stmerret il-portata tal-argument tagħha. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ dan hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 138 ta’ din is-sentenza.

163

It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-appellanti dwar il-punt 185 tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 145 sa 147 tal-abbozz ta’ din is-sentenza.

164

Ir-raba’ nett, ir-raġuni fil-punt 189 tas-sentenza appellata, li tgħid li “[l-] skambju [tal-]informazzjoni kunfidenzjali [dwar l-intenzjoni li jiżdiedu l-prezzijiet għal kategorija speċifika ta’ prodotti] bejn il-kompetituri neċessarjament iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni”, ma hijiex, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku tas-suq tal-ismart card chips, kif deskritt fil-punt 173 tas-sentenza appellata, ikkunsidrata bħala vvizzjata bi żball ta’ liġi.

165

Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ dan it-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

3.   Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju

a)   L-argumenti tal-partijiet

166

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkontesta r-raġunijiet li jinsabu fil-punti 215 sa 224, 226 u 227 tas-sentenza appellata dwar il-parteċipazzjoni tagħha fi ksur uniku u kontinwu.

167

Minn naħa, hija tirrileva kontradizzjoni fir-raġunijiet bejn il-punti 215, 226 u 227 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali kienet kemm imputatilha r-responsabbiltà tal-ksur kollu inkwistjoni, filwaqt li indikat ukoll li hija ma kinitx ipparteċipat fil-ksur uniku u kontinwu kollu kemm hu.

168

Min-naħa l-oħra, hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur uniku u kontinwu teħtieġ li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-ewwel nett l-eżistenza ta’ pjan globali li jsegwi għan komuni, it-tieni nett il-kontribuzzjoni intenzjonali ta’ din l-impriża għal dan il-pjan u t-tielet nett l-għarfien tagħha, kemm jekk ipprovat jew issuspettat, ta’ aġir illeċitu tal-parteċipanti l-oħra. Issa, f’dan il-każ, la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Kummissjoni ma pprovdew motivazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li hija kienet kkontribwixxiet b’mod intenzjonat għall-istess għan uniku bħal Renesas, Samsung u Philips. Kif jirriżulta mill-premessa 312 tad-Deċiżjoni kontenzjuża u mill-punt 231 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni bħall-Qorti Ġenerali lanqas ma kkonstataw li l-appellanti kellha għarfien tal-aġir ta’ Renesas, Samsung u Philips.

169

Għalhekk, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Qorti Ġenerali kisru l-kriterju dwar l-intenzjoni individwali ta’ parteċipazzjoni fi pjan komuni. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, voestalpine u voestalpine Wire Rod Austria vs Il‑Kummissjoni (T‑418/10, EU:T:2015:516, punt 302), il-Qorti Ġenerali pproċediet għal analiżi dettaljata ta’ dan il-kriterju.

170

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

171

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali bi żbalji ta’ liġi fl-analiżi għall-parteċipazzjoni tagħha fi ksur uniku u kontinwu.

172

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, impriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir li kien speċifiku għaliha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li jkollhom għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż li jikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-ksur fl-intier tiegħu, tista’ tkun responsabbli wkoll għal aġir implimentat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan ikun il-każ meta jiġi stabbilit li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi permezz tal-aġir speċifiku tagħha għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha u li kellha konjizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li setgħet raġonevolment tipprevedi tali aġir u li kienet lesta taċċetta r-riskju marbut ma’ dan l-aġir (sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 42, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 157).

173

Min-naħa l-oħra, jekk impriża pparteċipat direttament f’wieħed jew iktar mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, hija riedet tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kienet taf bil-komponenti illegali kollha l-oħra previsti jew implimentati minn dawn il-parteċipanti fit-tfittxija li jintlaħqu dawn l-għanijiet komuni jew li raġonevolment setgħet tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta r-riskju li joħolqu, il-Kummissjoni tista’ biss tattribwixxilha r-responsabbiltà ta’ dak l-aġir li fih kienet ipparteċipat direttament u tal-aġir previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fit-tfittxija sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk imfittxija minnha u li tagħhom hemm il-prova li hija kellha għarfien jew setgħet raġonevolment ipprevediethom u kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 44, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 159).

174

F’dan il-każ, skont din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku huwa separat mill-kwistjoni ta’ jekk ir-responsabbiltà għal dan il-ksur fl-intier tiegħu huwa imputabbli lil impriża.

175

Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, jirriżulta b’mod ċar mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 229 u 231 tas-sentenza appellata, li minkejja ċerta ambigwità tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Qorti Ġenerali esponiet il-kunsiderazzjonijiet prinċipali fil-punti 215, 227 u 228 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni, f’din id-deċiżjoni, kienet żammet lill-appellanti responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni biss minħabba fil-kuntatti bilaterali tagħha ma’ Samsung u Renesas u li hija ma imputatx fil-konfront tagħha r-responsabbiltà ta’ dan il-ksur fl-intier tiegħu.

176

Għaldaqstant, is-sentenza appellata ma hijiex ivvizjata b’kuntradizzjoni tar-raġunijiet dwar il-portata tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur inkwistjoni.

177

Barra minn hekk, peress li l-appellanti nżammet responsabbli għall-ksur inkwistjoni mhux fl-intier tiegħu, iżda biss minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha f’avvenimenti ta’ dan il-ksur, ma kienx meħtieġ, f’dan il-każ, li jiġi stabbilit li hija kienet taf bl-aġir kollużiv tal-membri l-oħra ta’ dan il-ksur.

178

Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni aggravju u, konsegwentement, it-tieni aggravju kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

C. Fuq it-tielet aggravju, dwar il-multa imposta lill-appellanti, kif ukoll l-ewwel parti tal-ewwel aggravju li hija bbażata fuq ksur tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa

1.   L-argumenti tal-partijiet

179

It-tielet aggravju mqajjem mill-appellanti jinkludi żewġ partijiet.

180

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, bħala riżultat ta’ stħarriġ inkomplet u selettiv, kif enfasizzat fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, tal-kuntatti bilaterali kkontestati minnha. Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ inċidenti u l-parteċipazzjoni individwali ta’ kull impriża fil-ksur. Meta naqset li tagħmel dan, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġenerali wkoll immotivat b’mod insuffiċjenti l-evalwazzjoni tagħha li t-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni kienet adegwata peress li kienet eżaminat inqas minn nofs tal-kuntatti li l-eżistenza tagħhom ġiet stabbilita mill-Kummissjoni u li l-appellanti kienet ikkontestat il-proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta fuqha fuq il-bażi ta’ dawn l-aħħar kuntatti.

181

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

182

Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-fatt li hija pparteċipat b’mod limitat fil-ksur.

183

Minn naħa, l-appellanti tallega li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 239 tas-sentenza appellata, hija ressqet xi argumenti intiżi li jikkontestaw it-tnaqqis ta’ 20 % mogħti mill-Kummissjoni fil-punt 172 tar-rikors promotur tagħha u fil-punt 115 tar-replika tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

184

Min-naħa l-oħra, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali naqset, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, milli tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni individwali tagħha fil-ksur li hija limitata ħafna għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa. Dan l-ammont ma jirriflettix ir-realtà tal-parteċipazzjoni tal-appellanti f’dan il-ksur peress li l-Qorti Ġenerali wettqet biss stħarriġ ta’ numru limitat ta’ kuntatti, l-appellanti ma kellhiex għarfien tal-kuntatti bilaterali bejn il-parteċipanti l-oħra fil-ksur u li kuntatt wieħed biss li jinvolvi lill-appellanti jikkonċerna l-ismart card chips mhux SIM. Hija tippreċiża li d-dħul tagħha relatati ma’ dawn tal-aħħar kienu jirrappreżentaw iktar minn 50 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha u li l-ksur għall-ismart card chips mhux SIM seta’ jirrigwarda biss is-sena 2004. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx sew il-parti tad-dħul mill-bejgħ li jirrappreżentaw il-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur, kuntrarjament għal dak li teżiġi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

185

Fit-tieni lok, l-appellanti tikkontesta l-punti 269 u 270 tas-sentenza appellata billi ssostni li, billi imponiet fuqha multa ta’ ammont sproporzjonat, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali kisru l-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ġenerali naqset milli teżerċita ġurisdizzjoni sħiħa. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni limitata tal-appellanti fil-ksur inkwistjoni. B’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa hija bbażata fuq kalkolu żbaljat tad-dħul mill-bejgħ u tmur kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 269 ta’ din is-sentenza. Id-dħul kollu tal-appellanti mill-ismart card chips mhux SIM matul it-tul kollu tal-ksur allegat, kien għaldaqstant, b’mod żbaljat, ittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, skont l-appellanti, il-ksur dwar l-ismart card chips mhux SIM seta’ jirrigwarda biss, l-iktar (quod non), is-sena 2004.

186

Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

187

Fir-rigward tal-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li n-numru ta’ kuntatti li fihom l-appellanti pparteċipat bl-ebda mod ma taffettwa l-gravità tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, peress li l-konsegwenzi ekonomiċi ta’ kuntatti antikompetittivi pproduċew l-effetti tagħhom lil hinn mid-data tal-kuntatti.

188

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tqis li l-argument ibbażat fuq il-fatt li, waqt l-eżami tal-gravità tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li huma biss uħud mill-kuntatti li jirrigwardaw l-ismart card chips mhux SIM huwa inammissibbli skont l-Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din hija esposta għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-ksur inkwistjoni kien jirrigwarda tali smart card chips.

189

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tirrileva li, peress li hija tista’ twettaq teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur jew waqt id-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa li setgħet timponi fuqha, jiġifieri abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonfermat l-iffissar ta’ perċentwal ta’ gravità ta’ 16 % għall-parteċipanti kollha fl-akkordju. L-appellanti ma wrietx li t-tnaqqis ta’ 20 %, li kien ta’ vantaġġ għaliha, iwassal għall-impożizzjoni ta’ multa ta’ ammont tant eċċessiv li huwa sproporzjonat.

190

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni ssostni li l-impożizzjoni ta’ multa ta’ ammont iktar għoli fuq l-appellanti meta mqabbel mal-multi imposti mid-Deċiżjoni kontenzjuża lill-parteċipanti l-oħra għall-ksur jirriżulta mill-fatt li l-valur tal-bejgħ tal-ismart card chips tal-appellanti huwa l-ogħla fost l-erba’ parteċipanti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li d-dħul mill-bejgħ jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti miżura ġusta tal-ħsara tal-aġir kollużiv fuq l-andament normali tal-kompetizzjoni. L-ebda wieħed mill-fatturi l-oħra invokati mill-appellanti ma huwa ta’ natura li jbiddel l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur mill-Qorti Ġenerali.

2.   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

191

Peress li ż-żewġ partijiet tat-tielet aggravju mqajma jikkoinċidu parzjalment, hemm lok li dawn jiġu eżaminati flimkien. Barra minn hekk, konformement ma’ dak li ġie espost fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, għandhom jiġu eżaminati wkoll l-argumenti mqajma insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, sa fejn jikkonċernaw l-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

192

Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tistħarreġ il-mod li bih il-Kummissjoni evalwat f’kull każ partikolari l-gravità tal-aġir illegali. Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, minn naħa, li jeżamina safejn il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tevalwa l-gravità ta’ aġir speċifiku fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx suffiċjentement skont il-liġi għall-argumenti kollha invokati insostenn tat-talba għat-tneħħija tal-multa jew għal tnaqqis tal-ammont tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Laufen Austria vs Il‑Kummissjoni, C‑637/13 P, EU:C:2017:51, punt 58).

193

Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisdizzjoni sħiħa rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE, li tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch Austria vs Il‑Kummissjoni, C‑626/13 P, EU:C:2017:54, punt 81).

194

Issa, l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex madankollu ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura hija kontradittorja. Hija l-appellanti li bħala prinċipju għandha tqajjem il-motivi kontra d-Deċiżjoni kontenzjuża u li għandha tipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch Austria vs Il‑Kummissjoni, C‑626/13 P, EU:C:2017:54, punt 83).

195

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ sħiħ fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’dak li jikkonċerna l-multa, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch Austria vs Il‑Kummissjoni, C‑626/13 P, EU:C:2017:54, punt 82).

196

Fit-tielet lok, il-gravità tal-ksur għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni individwali (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 102). Għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu, bħalma huma l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol ta’ kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-vantaġġ li dawn setgħu kisbu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-Unjoni Ewropea (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra, EU:C:2011:815, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197

Fost dawn l-elementi hemm inkluż ukoll in-numru u l-intensità tal-aġir antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li ma teżistix lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur (sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 54, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Versalis vs Il‑Kummissjoni, C‑511/11 P, EU:C:2013:386, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

199

Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 jew fl-aġġustament tal-ammont bażiku skont iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti. L-għoti ta’ tali għażla lill-Kummissjoni hija konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 196 ta’ din is-sentenza, peress li, fi kwalunkwe każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, l-aġir individwali adottat mill-impriża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 104105).

200

F’dan il-każ, l-ewwel nett, jirriżulta mingħajr ekwivoku mid-Deċiżjoni kontenzjuża u mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 215, 229 u 231 tas-sentenza appellata li, jekk, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, din l-istituzzjoni żammet lill-appellanti responsabbli għal dan il-ksur biss fir-rigward tal-kuntatti illegali tagħha li kellha ma’ Samsung u ma’ Renesas bejn l‑24 ta’ Settembru 2003 u l‑31 ta’ Marzu 2005. Għalhekk, l-appellanti nżammet responsabbli għall-ksur inkwistjoni biss fuq il-bażi ta’ ħdax-il kuntatt bilaterali kkonstatati fir-rigward tagħha fid-Deċiżjoni kontenzjuża u li kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali.

201

Il-Kummissjoni qieset din il-parteċipazzjoni limitata tal-appellanti fil-ksur inkwistjoni fil-kalkolu tal-multa billi tatha tnaqqis ta’ 20 % minħabba ċirkustanzi attenwanti, filwaqt li applikat koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 % li kien identiku għall-parteċipanti kollha fil-ksur inkwistjoni.

202

Sussegwentement, jirriżulta b’mod ċar minn qari tar-rikors promotur li l-appellanti talbet mhux biss l-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża peress li tirrigwardaha, iżda wkoll, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha. F’dan ir-rigward, huwa importanti wkoll li jiġi ċċarat li, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni rtirat l-argument tagħha li l-appellanti ma talbitx lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

203

Mill-motivi mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti b’mod partikolari kkontestat l-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fuq kull wieħed mill-ħdax-il kuntatt bilaterali użati kontriha u kkontestat il-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha f’dak li jikkonċerna kemm il-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 % kif ukoll ir-rata ta’ tnaqqis ta’ 20 % mogħti minħabba ċirkustanzi attenwanti.

204

Minn dan isegwi li, permezz tal-argument żviluppat minnha fir-rikors promotur, l-appellanti stiednet lill-Qorti Ġenerali sabiex teżamina r-realtà tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, il-portata eżatta ta’ din il-parteċipazzjoni. Issa, dan l-argument seta’ jkun rilevanti sabiex tiġi evalwata, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 195 ta’ din is-sentenza, dwar l-aġir tal-appellanti, l-adegwatezza tal-ammont tal-multa imposta fuqha fir-rigward tal-ksur imwettaq minnha.

205

Fil-fatt, jekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettaq mill-appellanti u għall-iffissar tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali ma hijiex meħtieġa li tibbaża fuq in-numru eżatt ta’ kuntatti bilaterali meqjusa kontra l-appellanti, dan l-element jista’ jikkostitwixxi madankollu element rilevanti fost oħrajn (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punt 132, u tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 277).

206

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma tikser il-portata tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tonqos milli tirrispondi għall-argument imqajjem mill-appellanti li jgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ffissat l-ammont tal-multa imposta mingħajr ma jitqies in-numru limitat ta’ kuntatti li fihom ipparteċipat l-appellanti. Din il-konklużjoni tgħodd iktar u iktar peress li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li tikkonferma ħamsa mill-ħdax-il kuntatt kkonstatati fid-Deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li ma tweġibx il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet l-eżistenza tas-sitt kuntatti l-oħra inklużi f’din id-deċiżjoni.

207

Issa, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma stħarrġitx, fis-sentenza appellata, il-proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta meta mqabbel man-numru ta’ kuntatti meqjusa kontra l-appellanti u lanqas ma esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija ma wettqitx tali stħarriġ, hija wettqet żball ta’ liġi.

208

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni.

209

Huwa minnu, minn naħa, li, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 269 tas-sentenza appellata, il-parti tad-dħul mill-bejgħ globali li ġej mill-bejgħ tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 55), b’mod li l-fatt li d-dħul mill-bejgħ tal-appellanti huwa ħafna iktar importanti minn dak tal-impriżi ssanzjonati l-oħra jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni tal-iktar multa għolja f’dan il-każ.

210

Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-punt 23 tal-Linji Gwida tal‑2006, koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 % jista’ jiġi ġġustifikat fir-rigward biss tan-natura tal-ksur inkwistjoni, peress li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, dan kien fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi fis-sens tal-imsemmi punt 23 u li din ir-rata hija fost l-iktar rati baxxi tal-iskala tas-sanzjonijiet previsti għal tali ksur bis-saħħa ta’ dawn il-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Aloys F. Dornbracht vs Il‑Kummissjoni, C‑604/13 P, EU:C:2017:45, punt 75).

211

Madankollu, il-fatti rrilevati u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 209 u 210 ta’ din is-sentenza ma jistgħux, waħedhom, jiġġustifikaw li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tirrinunzja għall-eżami tal-adegwatezza tal-ammont tal-multa meta mqabbel man-numru ta’ kuntatti meqjusa fil-konfront tal-appellanti. Tali eżami kien meħtieġ, fil-fatt, sabiex tevalwa, b’mod partikolari, jekk in-numru limitat ta’ dawn il-kuntatti kienx jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti li jmur lil hinn mill-20 % li ngħatat abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti.

212

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma huwiex neċessarju li tagħti b’mod awtomatiku tnaqqis supplimentari għal kull ċirkustanza attenwanti allegata minn appellanti, anki jekk ikun fondat, sakemm analiżi globali li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha jwasslu għall-konstatazzjoni tan-natura sproporzjonata tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Caffaro vs Il‑Kummissjoni, C‑447/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:797, punti 103104).

213

Issa, f’dan il-każ, tali analiżi globali li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha hija assenti fis-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali astjeniet milli teżamina l-proporzjonalità tal-multa meta mqabbel man-numru ta’ kuntatti meqjusa fil-konfront tal-appellanti.

214

Fit-tieni lok, l-argumenti tal-appellanti dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul tagħha relatati mal-ismart card chips mhux SIM għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punti 104 sa 109 u 139 ta’ din is-sentenza.

215

Konsegwentement, għandhom jintlaqgħu l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u t-tielet aggravju sa fejn l-appellanti tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa, tan-numru ta’ kuntatti meqjusa fil-konfront tagħha, u li jiġu miċħuda għall-kumplament.

VI. Fuq l-annullament parzjali tas-sentenza appellata

216

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi fir-rigward tal-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

217

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi annullata s-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba sussidjarja tal-appellanti intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha mill-Kummissjoni, u li tiċħad il-kumplament tal-appell.

VII. Fuq il-kawża fl-ewwel istanza

218

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li fih id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament dwar il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

219

Iżda dan ma huwiex il-każ, fil-kawża preżenti.

220

Fil-fatt, huwa stabbilit li l-eżami tat-talba tal-appellanti intiża sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha permezz tad-Deċiżjoni kontenzjuża tista’ tinvolvi evalwazzjonijiet fattwali li jirrigwardaw, b’mod prinċipali, il-kuntatti bilaterali, li hija tikkontestata fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv li hija ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma kinux is-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali u li ma ġewx iddibattuti b’mod sħiħ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

221

Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta meta mqabbla man-numru ta’ kuntatti meqjusa fil-konfront tal-appellanti, billi fejn xieraq teżamina jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx l-eżistenza tas-sitt kuntatti li fuqhom il-Qorti Ġenerali għadha ma ddeċidietx.

Fuq l-ispejjeż

222

Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni (T‑758/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:737), hija annullata, peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba sussidjarja ta’ Infineon Technologies AG intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha mill-Kummissjoni.

 

2)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

3)

Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq it-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Infineon Technologies AG fid-dawl tas-sitt motiv.

 

4)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.