Kawża C‑97/17
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika tal-Bulgarija,
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Protezzjoni tan-natura – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) – Klassifikazzjoni bħala ŻPS tat-territorji l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċji ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147 – Żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar (ŻIKGĦA) – ŻIKGĦA Rila – Klassifikazzjoni parzjali taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ April 2018
Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu–Proċedura prekontenzjuża–Intimazzjoni–Definizzjoni tas-suġġett tat-tilwima–Opinjoni motivata–Dikjarazzjoni ddettaljata tal-ilmenti
(Artikolu 258 TFUE)
Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu–Rikors promotur–Dikjarazzjoni tal-ilmenti u tal-motivi–Rekwiżiti formali–Formulazzjoni inekwivokabbli tat-talbiet
(Artikolu 258 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 120(c))
Ambjent–Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi–Direttiva 2009/147–Għażla u delimitazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali–Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri–Limiti
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/147, Artikolu 4(1) u Anness I)
Rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu–Prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu–Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni–Produzzjoni ta’ elementi li juru n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu–Sorsi validi ta’ informazzjoni
(Artikolu 258 TFUE)
Ambjent–Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi–Direttiva 2009/147–Klassifikazzjoni f’żona ta’ protezzjoni speċjali–Obbligu tal-Istati Membri–Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu–Kriterji ta’ evalwazzjoni–Teħid inkunsiderazzjoni tal-inventarju ta’ żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar tal-Ewropa–Ammissibbiltà
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/147, Artikolu 4(1))
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 18, 19)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 23, 24)
Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-għażla tat-territorji l-iktar adatti għall-klassifikazzjoni bħala żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) jikkonċerna mhux l-opportunità li jikklassifikaw bħala ŻPS it-territorji li jidhru li huma l-iktar adatti skont kriterji ornitoloġiċi, iżda sempliċement l-implementazzjoni ta’ dawn il-kriterji għall-identifikazzjoni tat-territorji l-iktar adatti għall-konservazzjoni tal-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar” B’hekk, minn naħa, id-deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni u d-delimitazzjoni taż-ŻPS għandha tkun ibbażata biss fuq il-kriterji ornitoloġiċi stabbiliti mid-Direttiva “għasafar”. Minn naħa l-oħra, Stat Membru ma jistax, minħabba li għandu marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-għażla taż-ŻPS, jikklassifika bħala ŻPS is-siti li numru tagħhom u d-daqs totali tagħhom huma manifestament iżgħar fin-numru u fid-daqs totali tas-siti identifikati bħala li huma l-iktar xierqa.
(ara l-punti 64-66)
Fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Hija għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi kwalunkwe preżunzjoni Madankollu, din l-istituzzjoni, li ma għandhiex setgħat investigattivi proprji f’dan il-qasam, tiddependi ħafna fuq il-provi prodotti minn ilmentaturi potenzjali, korpi privati jew pubbliċi attivi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll mill-imsemmi Stat Membru nnifsu. Bl-istess mod, kwalunkwe dokument uffiċjali maħruġ mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat jista’ jitqies bħala sors validu ta’ informazzjoni għall-fini tal-impenn, mill-Kummissjoni, tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE.
(ara l-punti 69, 70)
L-aġġornar tad-data xjentifika huwa neċessarju sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni tal-ispeċi l-iktar mhedda kif ukoll dik tal-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Unjoni sabiex jikklassifika, bħala Żona ta’ Protezzjoni Speċjali (ŻPS), it-territorji l-aktar adatti, u li għandha tintuża d-data xjentifika l-iktar aġġornata li tkun disponibbli meta jiskadi t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata. Madankollu, fin-nuqqas ta’ data xjentifika aġġornata li tista’ tiġġustifika klassifikazzjoni parzjali biss bħala ŻPS taż-Żona Importanti għall-Konservazzjoni tal-Għasafar (ŻIKGĦA Rila), il-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat, fir-rikors tagħha, li l-inventarju ŻIKGĦA jikkostitwixxi r-referenza l-iktar aġġornata u l-iktar preċiża li tippermetti li jiġi evalwat jekk Stat Membru kklassifika numru u daqs suffiċjenti tat-territorji bħala ŻPS fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”. Fil-fatt, dan l-inventarju, minkejja li ma huwiex legalment vinkolanti għall-Istati Membri kkonċernati, fih prova xjentifika li tagħmilha possibbli li tiġi vvalutata l-konformità, minn Stat Membru, tal-obbligu tiegħu li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni.
(ara l-punti 81, 82)