SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ April 2018 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Protezzjoni tan-natura – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) – Klassifikazzjoni bħala ŻPS it-territorji l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċji ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147 – Żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar (ŻIKGĦA) – ŻIKGĦA Rila – Klassifikazzjoni parzjali taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS”

Fil-Kawża C‑97/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-24 ta’ Frar 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Mihaylova u C. Hermes, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn E. Petranova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli tinkludi l-integralità taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar (iktar ’il quddiem iż-“ŻIKGĦA”) li tkopri l-muntanja ta’ Rila (iktar ’il quddiem iż- “ŻIKGĦA Rila”) bħala żona ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem “ŻPS”), ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kklassifikatx bħala ŻPS it-territorji l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘għasafar’”), u, għaldaqstant, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva “għasafar”, din hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat FUE. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.

3

L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-ispeċi msemmija fl-anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzoni li jikonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:

(a)

ispeċi fil-perikolu tal-estinzjoni;

(b)

ispeċi vulnerabbli għal ċertu tibdil fl-ambjent naturali tagħhom;

(c)

ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

(d)

ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-ambjent naturali tagħhom.

Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala [ŻPS] għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

2.   L-istati membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-direttiva, rigward iż-żoni ta’ tagħmmir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu ix-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu importanza partikolari għall-protezzjoni tal-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.”

4

Skont l-Artikolu 12(1) u (2) tal-imsemmija direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kull tliett snin, li jibdew mis-7 ta’ April 1981 rapport dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda taħt din id-Direttiva.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprepara kull tliett snin rapport kompost ibbażat fuq l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Dik il-parti tal-abbozz tar-rapport li jkopri l-informazzjoni mogħtija minn Stat Membru għandha tkun mibgħuta lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-kwistjoni għal verifika. Il-verżjoni finali tar-rapport għandha tkun mibgħuta lill-Istati Membri.”

Il-proċedura prekontenzjuża

5

Wara lment imressaq mill-Bulgarsko druzhestvo za zashtita na ptitsite (il-kumpannija Bulgara ta’ protezzjoni tal-għasafar) (iktar ’il quddiem il-“BDZP”), li hija membru tal-organizzazzjoni mhux governattiva BirdLife International, il-Kummissjoni bagħtet, fis-6 ta’ Ġunju 2008, lir-Repubblika tal-Bulgarija ittra ta’ intimazzjoni li fiha kkritikat lil dan l-Istat Membru li ma kklassifikax bħala ŻPS l-aktar territorji tajbin, fir-rigward tan-numru u d-daqs tagħhom rigward sitt ŻIKGĦA (Rila, Kaliakra,Tsentralen Balkan, Lomovete, Pirin u Zapadni Rodopi) u, għaldaqstant, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4(1) u (2), tad-Direttiva “għasafar”.

6

Fir-risposti tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija kkontestat kull ksur tad-Direttiva “għasafar”, billi b’mod partikolari sostniet li parti taż-ŻIKGĦA Rila, f’dan il-każ Rilski manastir (il-monasteru ta’ Rila, il-Bulgarija), kien sadattant is-suġġett ta’ klassifikazzjoni addizzjonali bħala ŻPS.

7

Peress li ma kinitx issodisfatta b’dawn ir-risposti kollha, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika tal-Bulgarija, fis-17 ta’ Ottubru 2014, opinjoni motivata li fiha hija akkużatha bin-nuqqas tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Madankollu din l-opinjoni motivata kienet tikkonċerna biss liż-ŻIKGĦA Rila, sa fejn, sadanittant, iż-ŻIKGĦA Kaliakra kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ ksur speċifika, li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C-141/14, EU:C:2016:8), u fejn iż-ŻIKGĦAT sentralen Balkan, Lomovete, Pirin u Zapadni Rodopi kienu ġew ikklassifikati f’pożizzjoni importanti ħafna bħala ŻPS.

8

Fir-rigward iż-ŻIKGĦA Rila, il-Kummissjoni sostniet fl-opinjoni motivata tagħha li 72 % biss tad-daqs totali tagħha kienu kklassifikati bħala ŻPS, li għandu l-effett li jirrestrinġi l-protezzjoni ta’ 17-il speċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”.

9

Fil-15 ta’ Diċembru 2014, ir-Repubblika tal-Bulgarija rrispondiet għall-opinjoni motivata u mbagħad bagħtet, fis-7 ta’ Settembru 2015 u fit-3 ta’ Frar 2016, rispettivament, informazzjoni addizzjonali u aġġornament. Dak l-Istat Membru kien jallega, essenzjalment, li l-klassifikazzjoni ta’ 72 % taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS jiggarantixxi “livell massimu ta’ protezzjoni għall-ispeċi u l-ħabitats tagħhom, deskritti f’ŻIKGĦA”, iżda li, fi spirtu ta’ kooperazzjoni tajba, l-isforzi biex jeżaminaw il-kwistjoni tal-estensjoni tad-daqs taż-ŻPS Rila rduppjaw.

10

Billi qieset li, minkejja l-miżuri meħuda, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kienx issodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

11

Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li r-rikors huwa inammissibbli u tressaq, essenzjalment, żewġ argumenti insostenn tat-teżi tagħha.

12

Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Kummissjoni biddlet is-suġġett tat-tilwima. Fil-fatt, filwaqt li din tal-aħħar kienet ikkritikatha, fl-ittra ta’ intimazzjoni li ma kklassifikatx bħala ŻPS it-territorji l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċi msemmija fl-Anness I għad-Direttiva “għasafar”, din l-istess istituzzjoni kienet, fl-opinjoni motivata u fit-talbiet tar-rikors, ibbażat l-ilment tagħha fuq il-fatt li l-integralità taż-ŻIKGĦA Rila ma kinitx ikklassifikata bħala ŻPS. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija la kienet f’pożizzjoni li tikkonforma ruħha mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u lanqas li tinvoka l-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa.

13

Ir-Repubblika tal-Bulgarija tenfasizza li hija kienet konvinta, mill-qari tal-ittra ta’ intimazzjoni, li kien biżżejjed għaliha li tiżgura protezzjoni adegwata ta’ speċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, b’tali mod li hija kienet ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ma’ din l-ittra ta’ intimazzjoni. Kien biss wara li rċeviet l-opinjoni motivata li hija sabet li l-Kummissjoni akkużatha fil-fatt li ma kklassifikatx it-territorju kollu taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS.

14

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li, kemm fl-opinjoni motivata kif ukoll fir-rikors, il-Kummissjoni ma indikatx b’mod xieraq is-suġġett tal-kawża u lanqas ma avvanzat b’mod koerenti u preċiż ir-raġunijiet għalfejn hija tikkunsidra li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”.

15

B’mod partikolari, hija tosserva li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tindika, b’mod ġenerali, li l-klassifika ta’ parti biss taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS kellha l-effett li tillimita l-protezzjoni ta’ 17-il speċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, mingħajr ma tipproduċi biżżejjed provi li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ dawn l-ispeċi.

16

Bħala risposta, il-Kummissjoni tqis, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegata bidla fis-suġġett tal-kawża, li t-talbiet tal-ittra ta’ intimazzjoni u dawk tal-opinjoni motivata huma identiċi u li ma hemm assolutament ebda nuqqas jew differenza bejn iż-żewġ dokumenti. Hija ssostni li, matul il-proċedura prekontenzjuża, fid-dawl tat-territorji addizzjonali li ġew ikklassifikati mir-Repubblika tal-Bulgarija bħala ŻPS wara l-ittra ta’ intimazzjoni, is-suġġett tal-kawża ġie sempliċement limitat għall-parti li jifdal mhux ikklassifikata taż-ŻIKGĦA Rila.

17

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-indikazzjoni allegatament insuffiċjenti tas-suġġett tal-kawża, il-Kummissjoni tosserva li hija bbażat ruħha fuq dispożizzjoni preċiża tad-Direttiva “għasafar” u li hija pprovdiet lista ta’ 17-il speċi ta’ għasafar li l-konservazzjoni tagħhom kienet insuffiċjentement iggarantita minħabba l-klassifikazzjoni ta’ parti biss taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS, kif ukoll lista ta’ 9 speċi ta’ għasafar kunsiderevolment affettwati minn din il-klassifikazzjoni inkompleta.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

18

F’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq bidla tas-suġġett tal-kawża, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ittra ta’ intimazzjoni għandha l-għan, minn naħa, li tiddefinixxi s-suġġett tal-kawża u tindika lill-Istat Membru li jkun mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu l-elementi meħtieġa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu, u min-naħa l-oħra, li tippermetti lil dan li jikkonforma ruħu qabel ma jitressaq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1985, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, 274/83, EU:C:1985:148, punt 19, u tas-7 ta’ April 2011, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑20/09, EU:C:2011:214, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-possibbiltà tal-Istat ikkonċernat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu tikkostitwixxi, anki jekk iqis li ma hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat FUE u l-osservanza tagħha hija rekwiżit proċedurali essenzjali tar-regolarità tal-proċedura li tikkonstata nuqqas li jwettaq obbligu ta’ Stat Membru (sentenza tal-14 ta’ April 2011, Il‑Kummissjoni vs Ir-Rumanija, C‑522/09, EU:C:2011:251, punt 16).

19

Madankollu, għalkemm l-opinjoni motivata għandha tinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat, l-ittra ta’ intimazzjoni ma tistax tkun suġġetta għal rekwiżiti ta’ preċiżjoni daqstant stretti bħal dawk li għandha tissodisfa l-opinjoni motivata, peress li din tista’ neċessarjament tinkludi biss sunt inizjali qasir tal-ilmenti. Minn dan isegwi li xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tagħti fid-dettall, fl-opinjoni motivata, l-ilmenti li hija diġà sostniet b’mod iktar ġenerali fl-ittra ta’ intimazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑337/05, EU:C:2008:203, punt 23, u tat-13 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑530/11, EU:C:2014:67, punt 40).

20

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni indikat espressament li billi ma kklassifikatx bħala ŻPS it-territorji l-aktar adatti skont in-numru u d-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva.

21

L-unika differenza bejn dawn id-dokumenti hija l-fatt li, fl-ittra ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni indikat li r-Repubblika tal-Bulgarija kienet naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tikklassifika bħala ŻPS it-territorji l-iktar adatti għall-konservazzjoni tal-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, filwaqt li, fl-opinjoni motivata u fir-rikors, peress li ma kinitx issodisfatta dwar it-territorji kklassifikati bħala tali minn dan l-Istat Membru wara l-ittra ta’ intimazzjoni, hija ppreċiżat is-suġġett tat-tilwima, billi tillimitah għall-parti li jifdal mhux ikklassifikata taż-ŻIKGĦA Rila.

22

Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li l-integralità taż-ŻIKGĦA Rila kienet tinsab fil-lista tat-territorji l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma għandhiex raġun tippretendi li l-Kummissjoni biddlet is-suġġett tat-tilwima.

23

Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-indikazzjoni allegatament insuffiċjenti tas-suġġett tal-kawża fir-rikors, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-ġurisprudenza relatata miegħu, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jkunu jistgħu jiftiehmu mit-test tar-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu redatti b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑343/08, EU:C:2010:14, punt 26; tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑211/08, EU:C:2010:340, punt 32, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Portugall, C‑34/11, EU:C:2012:712, punt 44).

24

Barra minn hekk hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina jekk l-opinjoni motivata u r-rikors jippreżentawx l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex tkun tista’ tifhem eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, kundizzjoni neċessarja sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑34/11, EU:C:2012:712, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li fit-talbiet tal-opinjoni motivata u tar-rikors, il-Kummissjoni indikat b’mod espliċitu li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien ibbażat fuq ksur mir-Repubblika tal-Bulgarija biex twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”.

26

Barra minn hekk, fil-motivi tal-opinjoni motivata u tar-rikors, il-Kummissjoni sostniet li l-klassifikazzjoni biss parzjali taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS kellha bħala effett “restrizzjoni kunsiderevoli” tal-protezzjoni tas-17-il speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-kokka ta’ Tengmalm (Aegolius funereus), il-ħaġla qastanija (Bonasa bonasia), l-ajkla tas-sriep (Circaetus gallicus), it-tektiek is-siġar dorsoblank (Dendrocops leucotos), it-tektiek is-siġar iswed (Dryocopus martius), il-bież (Falco peregrinus), il-kokka nana (Glaucidium passerinum), it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), is-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), l-ajkla rjali (Aquila chrysaetos), l-eurasian nightjar (Caprimulgus europaeus), il-gallozz aħmar (Crex crex), il-bulebbiet (Dendrocopos medius), il-kokka imperjali (Bubo bubo), ill-kaċċamendula écorcheur (Lanius collurio), il-kanadra lulu (Lullula arborea), il-kuċċarda (Pernis apivorus), li ppreċiżat ukoll li l-ewwel 9 ta’ dawn l-ispeċi kienu “affettwati kunsiderevolment”.

27

Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li ppreżentat l-ilmenti tagħha b’mod koerenti u preċiż, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza.

28

Konsegwentement, ir-rikors huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

29

Il-Kummissjoni ssostni li, billi ma kklassifikax l-integralità taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”.

30

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza għall-konservazzjoni tal-għasafar fil-parti taż-ŻIKGĦA Rila mhux ikklassifikata bħala ŻPS, tikkritika l-fatt li ċerti speċi ta’ għasafar huma mċaħħda mill-protezzjoni li kienet tiżguralhom klassifikazzjoni integrali taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS u tiddefendi r-rilevanza tal-provi prodotti sabiex tiġi stabbilita n-neċessità ta’ tali klassifikazzjoni integrali.

31

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-parti taż-ŻIKGĦA Rila mhux ikklassifikata bħala ŻPS, li tkopri ż-żona li tinsab fil-qiegħ tal-muntanja ta’ Rila madwar il-limiti taż-ŻSP Rila u Rilski manastir, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li proporzjon sinjifikanti ta’ din il-parti, jiġifieri 75 %, hija kkostitwita minn foresti antiki, l-aktar tal-koniferi, favorevoli għall-konservazzjoni tal-kokka nana, tal-kokka ta’ Tengmalm, u tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, li wieħed isib f’dawn il-foresti l-ikbar popolazzjonijiet tal-pajjiż ta’ tnissil, minn naħa, u tal-ajkla rjali, tas-serduq selvaġġ, tal-bież, tat-tektiek is-siġar iswed, tat-tektiek is-siġar dorsoblank, tal-eurasian nightjar u tal-ħaġla qastanija, min-naħa l-oħra. Is-sett taż-ŻIKGĦA Rila hija parti tas-siti ta’ prijorità, fil-Bulgarija u fil-livell tal-Unjoni, għal dawn l-ispeċi.

32

Barra minn hekk, wieħed jiltaqa’ fiż-ŻIKGĦA Rila kollha ma’ 130 speċi differenti, li minnhom 20 imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar” u 41 ta’ importanza Ewropea fuq il-livell tal-konservazzjoni, inkluża fil-kategorija SPEC 1, bħala speċi mhedda globalment, 14 tal-kategorija SPEC 2, bħala speċi bi status Ewropew sfavorevoli li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni dinjija tinsab fl-Ewropa, u 26 tal-kategorija SPEC 3, bħala speċi bi status Ewropew sfavorevoli li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni dinjija tinsab barra mill-Ewropa.

33

L-integralità taż-ŻIKGĦA Rila hija ta’ importanza dinjija bħala żona rappreżentattiva ta’ bijoma Alpina, peress li tliet speċi ta’ għasafar limitati għal dik il-bijoma u l-karatteristiċi tagħha fuq l-erba’ rreġistrati fir-Repubblika tal-Bulgarija, huma preżenti, jiġifieri il-ħawwiefa tal-ħajt, ix-chocard munqaru isfar u l-accenteur alpin. It-territorju taż-ŻIKGĦA Rila huwa wkoll wieħed mill-akbar fl-Ewropa għall-konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-Mirli grenadier, tal-Pittirros familjari, tal-Isponsun, tat-Torcol negrofinch, tat-Turdus torquatus, tal-Malvizz, tal-Malvizz iswed, tar-Roitelet huppé, tal-fauvette Dicologoglossa u tal-ġojjin.

34

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tindika li l-ħabitats u l-popolazzjoni tal-ispeċi l-aktar milquta huma mqassma kemm fil-parti taż-ŻIKGĦA Rila li ġiet ikklassifikata bħala ŻPS u f’dik li mhijiex. Peress li r-Repubblika tal-Bulgarija ma pproduċietx evidenza xjentifika oħra li tista’ tiġġustifika li parti biss taż-ŻIKGĦA Rila tiġi kklassifikata bħala ŻPS, il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-inventarju ta’ żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar tal-Ewropa (iktar ’il quddiem “l-inventarju ŻIKGĦA”), l-inventarju jikkostitwixxi r-referenza l-iktar aġġornata u l-iktar preċiża għall-identifikazzjoni tas-siti l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”.

35

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-parti taż-ŻIKGĦA Rila kklassifikata bħala ŻPS hija kunsiderevolment insuffiċjenti fid-dawl tal-firxa tal-popolazzjoni nazzjonali tal-ispeċi importanti ħafna msemmija f’dan l-anness.

36

Insostenn ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni tfakkar li hija tibbaża ruħha fuq evalwazzjoni tad-database dwar l-għasafar għal 114 ŻPS oriġinarjament proposti mill-BDZP, imwettaq mill-Bulgarska Akademia na Naukite (l-Akkademja Bulgara tax-Xjenzi, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“BAN”), imbagħad riveduta wara rapport ippreparat matul l-2008 minn Grupp ta’ ħidma nazzjonali stabbilit mill-Ministeru tal-Ambjent u l-Ilma (iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Ambjent”).

37

Il-Kummissjoni żżid li l-analiżijiet tagħha huma bbażati wkoll fuq informazzjoni mid-database pprovduta mir-Repubblika tal-Bulgarija u dwar il-formoli standard tad-data dwar ŻPS Rila, ukoll mogħtija mill-awtoritajiet Bulgari.

38

Meta tiġi evalwata l-importanza ta’ sit għal popolazzjoni ta’ speċi partikolari, il-Kummissjoni tispjega li hija bbażat ruħha fuq il-limitu ta’ 1 % rigward il-popolazzjoni tat-tnissil reġjonali jew nazzjonali, użat minn BirdLife International. Sabiex jiġu esklużi l-każijiet ta’ preżenza aċċidentali u siti ta’ stabbilimenti inqas sinjifikanti, dawn is-siti jridu wkoll jakkomodaw l-għadd sinjifikanti ta’ speċi u sottospeċi rilevanti fil-livell tal-Unjoni.

39

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tippreċiża li l-importanza tal-parti taż-ŻIKGĦA Rila mhux ikklassifikata bħala ŻPS tirriżulta wkoll minn dokumenti oħra li jenfasizzaw in-neċessità li tipproċedi għall-klassifikazzjoni ta’ territorji addizzjonali ta’ din iż-ŻIKGĦA.

40

F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni tirrileva li l-proposta ta’ klassifikazzjoni bħala ŻPS taż-ŻIKGĦA Rila kollha kienet fuq l-aġenda ta’ laqgħa tal-11 ta’ Marzu 2011 tan-Natsionalen savet po biologichno raznoobrazie (il-Kunsill Nazzjonali għall-Bijodiversità, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem in-“NSBR”), istitut maħluq ġdid quddiem il-BAN, u li din il-laqgħa kienet ġiet organizzata wara l-abbozzar, fit-28 ta’ Diċembru 2010, minn din tal-aħħar, ta’ rapport li kien fih argument favur il-ħatra ta’ tliet ŻPS ġodda fil-Muntanji Rila, li jkopru kważi esklużivament it-territorju taż-ŻIKGĦA Rila li għadha mhux ikklassifikata bħala ŻPS, fosthom iż-ŻPS Rilski manastir, iż-ŻPS Rila Yug (Rila tan-Nofsinhar) u taż-ŻPS f’Rila Sever (Rila tat-Tramuntana). Dawn l-aħħar żewġ żoni ġew ikkombinati mill-Ministeru tal-Ambjent f’waħda, magħrufa bħala ŻPS Rila buffer.

41

Filwaqt li n-NSBR approva d-deżinjazzjoni taż-ŻPS Rilski manastir, l-eżami tal-proposta ta’ inklużjoni tal-futura ŻPS Rila buffer fin-netwerk “Natura 2000” ġiet posposta, mingħajr ma l-awtoritajiet Bulgari kkontestaw il-bżonn li jiġu kklassifikati territorji addizzjonali taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS. Għal dan il-għan, il-partijiet ikkommettew lilhom infushom, fir-risposta tagħhom għall-opinjoni motivata, li jiddiskutu din il-klassifika fil-kuntest tan-NSBR fix-xahar ta’ Marzu 2015.

42

Fuq il-bażi ta’ ftehim konkluż mal-Ministeru tal-Ambjent, il-BDZP kienet ippreżentat proposta għal nomina ġdida taż-ŻPS f’Rila Buffer, li kellha tiġi eżaminata waqt il-laqgħa tan-NSBR skedata għat-22 ta’ Marzu 2016. Sadanittant, matul laqgħat tekniċi organizzati bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti Bulgari, kif ukoll fil-preżentazzjoni ta’ informazzjoni bil-miktub fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-Repubblika tal-Bulgarija kienet ħalliet lill-Kummissjoni tistenna dwar il-kwistjoni ta’ klassifikazzjoni ġdida bħala ŻPS, li jiġġustifika id-dewmien minn ostakli amministrattivi u proċedurali.

43

Barra minn hekk, il-Kummissjoni allegatament irċeviet mill-BDZP abbozz ta’ formula standard ta’ data mħejji mill-BAN għaż-ŻPS Rila buffer futura, peress li din għandha tikkoinċidi kważi kompletament mal-parti li għadha mhux ikklassifikata bħala ŻIKGĦA Rila. F’dan tal-aħħar, ingħatat importanza għal darba oħra ikbar liż-żona mhux ikklassifikata għall-konservazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni.

44

L-importanza tal-parti taż-ŻIKGĦA Rila għadha mhux ikklassifikata bħala ŻPS għall-ispeċi tipiċi tal-foresti msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, b’mod partikolari s-serduq selvaġġ, it-tektiek is-siġar dorsoblank u t-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba, jirriżulta wkoll minn pjanijiet ta’ azzjoni ġodda għal dawk l-ispeċi ffinanzjati mill-Ministeru tal-Ambjent permezz tal-Programm Operazzjonali “Ambjent” 2007–2013.

45

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika tal-Bulgarija mressqa matul il-proċedura prekontenzjuża sabiex tkun iġġustifikata l-klassifikazzjoni parzjali biss taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS, ibbażati b’mod partikolari fuq id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu ġerarkija bejn il-prijoritajiet differenti, bħalma huma l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-kundizzjonijiet ġeografiċi tal-pajjiż, in-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-data disponibbli u r-rieda li tiġi osservata l-uniku u l-istess kalendarju għall-għażla taż-ŻPS u tas-siti ta’ importanza Komunitarja u li jiġi żgurat li dawn iż-żoni jikkoinċidu l-iktar, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn l-argumenti ma huma bbażati fuq l-ebda kriterji ornitoloġiċi u għalhekk mhumiex rilevanti fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”.

46

Fid-difiża tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tressaq, essenzjalment, ħames argumenti.

47

L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Bulgarija tenfasizza li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni rigward l-għażla tat-territorji l-iktar adatti għall-klassifikazzjoni bħala ŻPS.

48

Hija tfakkar li s-sempliċi fatt li sit huwa adatt għall-konservazzjoni ta’ speċi partikolari mhijiex raġuni suffiċjenti sabiex jiġi impost l-obbligu li dan is-sit jiġi kklassifikat bħala ŻPS. L-awtoritajiet nazzjonali jiddisponu f’dan ir-rigward minn għarfien aħjar tas-sitwazzjoni lokali. Barra minn hekk, l-aġġornar ta’ data xjentifika huwa neċessarju sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni tal-ispeċi l-iktar mhedda kif ukoll dik tal-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Unjoni sabiex it-territorji l-iktar adatti jiġu kklassifikati bħala ŻPS. F’dan ir-rigward, preżenza limitata ħafna f’numru ta’ popolazzjonijiet ta’ speċi f’ċerti territorji tagħhom ma jkunx biżżejjed biex jitqies bħala l-iktar adatti għall-konservazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni.

49

Hija tfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, l-Istati Membri jistgħu juru permezz ta’ provi xjentifiċi li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/147 jistgħu jiġu ssodisfatti billi jiġu kklassifikati bħala ŻPS siti oħra għajr dawk li jirriżultaw mill-inventorju taż-ŻIKGĦA u li jkopru żona totali iżgħar minn dik ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2003, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑378/01, EU:C:2003:176, punt 18). Hija żżid tgħid li, abbażi tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-kriterji ornitoloġiċi bil-għan li jiġu identifikati t-territorji l-iktar adatti għall-konservazzjoni tal-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, hija għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, it-territorji l-iżjed importanti għall-konservazzjoni tal-ispeċi tal-għasafar fil-mira msemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, għat-territorji inqas importanti u li qed jesperjenzaw pressjoni antropoġenika qawwija.

50

Ir-Repubblika tal-Bulgarija tikkontesta r-raġunament tal-Kummissjoni, li jgħid li ż-ŻIKGĦA jikkostitwixxu neċessarjament t-territorji l-aktar adatti fin-numru u fid-daqs, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”. Skont dan l-Istat Membru, jekk l-inventarju taż-ŻIKGĦA jikkostitwixxi, fin-nuqqas ta’ provi xjentifiċi kuntrarji, element ta’ referenza li jippermetti li jiġi evalwat jekk Stat Membru kklassifikax bħala ŻPS territorji suffiċjenti f’numru u f’daqs sabiex joffri protezzjoni lill-ispeċi kollha ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, tali inventarju mhuwiex legalment vinkolanti (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑374/98, EU:C:2000:670, punt 25). Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu josservaw l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, billi jikklassifikaw bħala ŻPS siti oħra għajr dawk li jirriżultaw milll-inventarju ŻIKGĦA.

51

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Kummissjoni żnaturat il-fatti, il-provi u l-argumenti mressqa minnha.

52

Għalhekk, hija ssostni, l-ewwel nett, li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprova li superfiċji partikolari għandhom jiġu kklassifikati bħala ŻPS. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Bulgarija ma tikkontestax l-importanza taż-ŻIKGĦA Rila għall-konservazzjoni tal-għasafar. B’dan il-mod, il-Kummissjoni żnaturat l-argumenti mressqa mill-Bulgarija matul il-perijodu prekontenzjuż. Fil-fatt, ir-rikors preżenti ma jirrigwardax l-importanza taż-ŻIKGĦA Rila għall-konservazzjoni tal-għasafar. Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni f’dan il-kuntest li l-klassifikazzjoni ta’ 72 % taż-ŻIKGĦA Rila hija ta’ natura li tiggarantixxi l-ogħla livell ta’ protezzjoni għall-ispeċi u l-ħabitats tagħhom. Sussegwentement, il-Kummissjoni tirreferi, fir-rikors tagħha, għall-informazzjoni li tidher f’tabella pprovduta mir-Repubblika tal-Bulgarija fl-informazzjoni addizzjonali tax-xahar ta’ Lulju 2009 u tislet ċerti konklużjonijiet. Madankollu, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat fuq liema data preċiża tibbaża ruħha l-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, jirriżulta mid-data u mill-analiżi disponibbli li hemm limitazzjoni tal-kopertura għal 17-il speċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”. Issa, jidher li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati prinċipalment fuq informazzjoni li ġejja minn korpi mhux governattivi, li l-attwalità u l-affidabbiltà tagħhom huma dubjużi.

53

Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Kummissjoni ma tipproduċi ebda prova insostenn tar-rikors tagħha. Hija ssostni li ma teżistix data xjentifika ċara li turi l-ħtieġa li tikklassifika ż-ŻIKGĦA Rila kollha bħala ŻPS u li dawk li fuqhom huwa bbażat ir-rikors tal-Kummissjoni mhumiex affidabbli jew attwali. Ir-Repubblika tal-Bulgarija, fix-xahar ta’ Marzu 2014, kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni id-data li toħroġ mir-rapport imsemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva “għasafar” għall-ispeċi ta’ għasafar inkwistjoni, liema data ma kinitx ikkunsidrata la fl-opinjoni motivata u lanqas fir-rikors. Dak l-Istat Membru għandu jikkomunika dan ir-rigward sett tad-data li tikkomprometti l-korrettezza tad-data tal-BDZP użata mill-Kummissjoni, b’mod li kien meħtieġ li tinġabar data xjentifika addizzjonali. Id-data tal-BDZP innifisha tpoġġi f’dubju n-neċessità li tiġi kklassifikata ż-ŻIKGĦA Rila kollha bħala ŻPS. F’dan il-kuntest, minkejja li din hija l-BDZP li twettaq l-għażla u l-evalwazzjoni inizjali ta’ territorji li jirrappreżentaw ŻIKGĦA fil-Bulgarija, din tal-aħħar ma ppreżentat la lill-awtoritajiet Bulgari kompetenti u lanqas lill-esperti xjentifiċi l-informazzjoni disponibbli dwar id-data ornitoloġika għal territorji barra miż-ŻPS maħtura.

54

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li l-Kummissjoni ma spjegatx il-metodu u l-analiżi li wassluha għall-konklużjoni li l-klassifikazzjoni attwali ta’ parti taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS hija insuffiċjenti. F’dan ir-rigward, ma tteħdietx inkunsiderazzjoni d-data iktar attwali. Ir-Repubblika tal-Bulgarija tenfasizza wkoll li, fil-laqgħa tan-NSBR tat-22 ta’ Marzu 2016, xi esperti esprimew dubji dwar jekk għandhiex tikklassifika b’mod intier iż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS.

55

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-kalkoli tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma korretti.

56

Fir-rigward tal-kriterju li jgħid li s-siti li fihom mill-inqas 1 % tal-popolazzjoni tat-tgħammir nazzjonali ta’ speċi għandhom jiġu magħżula, ir-Repubblika tal-Bulgarija tqis li dan ma huwiex l-uniku kriterju li jista’ u li għandu jiġi applikat għall-identifikazzjoni ta’ ŻPS. L-għadd żgħir ta’ għasafar preżenti f’ċerti territorji huwa fattur li għandu jiġi kkunsidrat ukoll.

57

Hija tikkontesta, barra minn hekk, in-nuqqas ta’ aġġornament tad-data użata mill-Kummissjoni li ħierġa mill-proġett tal-biotope Corine Land Cover fis-snin 1990 jew 2000, waqt li tindika li teżisti data iktar reċenti li toħroġ minn dan il-proġett, li tiddata mis-snin 2006 u 2012. Ir-Repubblika tal-Bulgarija hija tal-opinjoni li data iktar f’waqtha ġiet ippreżentata lill-Ministeru tal-Ambjent fil-kuntest tal-abbozz ta’ Pjan ta’ Ġestjoni tal-Park Nazzjonali ta’ Rila għas-snin 2015 sa 2024. Barra minn hekk, hija tqis li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, u lanqas ma eżaminat kemm fl-opinjoni motivata kif ukoll fir-rikors, id-data dwar l-ispeċi ta’ għasafar skont l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tad-Direttiva “għasafar” għas-snin 2008 sa 2012.

58

Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li ma kienx possibbli li ssir il-klassifikazzjoni, anki parzjali, bħala ŻPS, tal-parti taż-ŻIKGĦA Rila li għadha mhux ikklassifikata, minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-proċedura interna. Fil-fatt, in-NSBR, li hija kompetenti biex teżamina l-proposti ta’ ŻPS, ma waslitx għal pożizzjoni magħquda dwar il-ħtieġa ta’ tali klassifikazzjoni minħabba kontradizzjonijiet li jaffettwaw id-data xjentifika eżistenti u l-affidabbiltà insuffiċjenti tagħha kif ukoll pożizzjonijiet differenti bejn il-membri tan-NSBR dwar il-kriterji ornitoloġiċi applikabbli.

59

Fil-ħames lok, fir-rigward tal-komprensjoni tal-argumenti tar-Repubblika tal-Bulgarija, imressqa mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, dan l-Istat Membru jsostni, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għall-konklużjoni tal-Kummissjoni, l-iżvilupp ekonomiku possibbli fil-futur fiż-żona mhux ikklassifikata taż-ŻIKGĦA Rila ma kienx determinanti fid-deċiżjoni tiegħu li ma jikklassifikax l-integralità taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS. Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li hija għandha, fi kwalunkwe każ, id-dritt li tiġi stabbilita ġerarkija tal-prijoritajiet tagħha. It-tieni nett, ir-raġuni tan-nuqqas ta’ klassifikazzjoni taż-ŻPS f’Rila buffer inizjalment abbozzat mhuwiex, kif issostni l-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-data disponibbli, iżda n-nuqqas ta’ data attwali u mhux ambigwa li juri l-ħtieġa tal-klassifikazzjoni tagħha. It-tielet nett, fir-rigward tal-allegata rieda li tosserva l-uniku u l-istess kalendarju għall-għażla taż-ŻPS u siti ta’ importanza Ewropea, ir-Repubblika tal-Bulgarija tirrileva li hija ma kinitx invokat dan l-argument biex tiġġustifika l-assenza ta’ klassifikazzjoni integrali taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60

Għandu jitfakkar li, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar” jobbliga lill-Istati Membri li jikklassifikaw bħala ŻPS it-territorji li jissodisfaw il-kriterji ornitoloġiċi stabbiliti minn din id-dispożizzjoni (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C-141/14, EU:C:2016:8, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Fit-tieni lok, l-Istati Membri huma obbligati jikklassifikaw bħala ŻPS is-siti kollha li, skont kriterji ornitoloġiċi, jidhru li huma l-iktar adatti fir-rigward tal-konservazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-klassifikazzjoni parzjali ta’ ċerti reġjuni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li l-klassifikazzjoni bħala ŻPS ma tistax tirriżulta minn eżami iżolat tal-valur ornitoloġiku ta’ kull waħda miż-żoni inkwistjoni, iżda għandha ssir fuq il-bażi ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-limiti naturali tal-ekosistema kkonċernata u li, min-naħa l-oħra, il-kriterji ornitoloġiċi, li fuqhom għandha tkun ibbażata esklużivament il-klassifikazzjoni, għandhom ikunu xjentifikament fondati (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Għall-finijiet li tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li l-parti taż-ŻIKGĦA Rila kklassifikata bħala ŻPS hija insuffiċjenti, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, qabel kollox, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji ornitoloġiċi bil-għan li jiġu identifikati t-territorji l-iktar adatti għall-konservazzjoni tal-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”.

64

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-għażla tat-territorji l-iktar adatti għall-klassifikazzjoni bħala ŻPS jikkonċerna mhux l-opportunità li jikklassifikaw bħala ŻPS it-territorji li jidhru li huma l-iktar adatti skont kriterji ornitoloġiċi, iżda sempliċement l-implementazzjoni ta’ dawn il-kriterji għall-identifikazzjoni tat-territorji l-iktar adatti għall-konservazzjoni tal-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar” (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, u hekk kif il-Kummissjoni ġustament enfasizzat, minn naħa, għalkemm huwa minnu li l-Istati Membri għandhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-għażla taż-ŻPS, id-deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni tagħhom u id-delimitazzjoni tagħhom għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji ornitoloġiċi stabbiliti mid-Direttiva “għasafar”. Konsegwentement, meta, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tat-territorji l-iktar adatti għall-klassifikazzjoni bħala ŻPS, distinzjoni bejn it-territorji l-iktar importanti għall-konservazzjoni tal-ispeċi msemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, it-territorji inqas sinjifikanti u li qed ibatu minħabba pressjoni antropoġenika, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tkunx baqgħet fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri.

66

Min-naħa l-oħra, peress li, bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, l-Istati Membri jikklassifikaw b’mod partikolari bħala ŻPS it-territorji l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, Stat Membru ma jistax, minħabba li għandu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla taż-ŻPS, jikklassifika bħala ŻPS siti li n-numru u d-daqs totali tagħhom huma manifestament inqas fin-numru u fid-daqs totali mis-siti identifikati bħala l-iktar adatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1998, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑3/96, EU:C:1998:238, punt 63).

67

Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax tinvoka l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex tiġġustifika l-klassifikazzjoni parzjali biss bħala ŻPS ta’ territorji li, fl-intier tagħhom, jissodisfaw il-kriterji ornitoloġiċi msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”.

68

Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, essenzjalment, li l-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn tan-nuqqas allegat mhumiex xjentifikament affidabbli u huma bbażati fuq data mhux aġġornata.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Hija għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi kwalunkwe preżunzjoni (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Il‑Kummissjoni vs Rumanija, C‑104/15, EU:C:2016:581, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Madankollu, din l-istituzzjoni, li ma għandhiex setgħat investigattivi proprji f’dan il-qasam, tiddependi ħafna fuq il-provi prodotti minn ilmentaturi potenzjali, korpi privati jew pubbliċi attivi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll mill-imsemmi Stat Membru nnifsu. Bl-istess mod, kwalunkwe dokument uffiċjali maħruġ mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat jista’ jitqies bħala sors validu ta’ informazzjoni għall-fini tal-impenn, mill-Kummissjoni, tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Is-Slovenja, C‑140/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:501, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-allegat nuqqas ta’ affidabbiltà tad-data xjentifika u legali prodotta mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li din id-data, li parti minnha ġiet prodotta mill-awtoritajiet Bulgari stess, ġiet soġġetta, matul is-snin 2007 sa 2010, għal sensiela ta’ valutazzjonijiet, li saru mill-BAN, mill-BDZP u minn gruppi ta’ ħidma ad hoc magħmul minn esperti li jirrappreżentaw l-awtoritajiet Bulgari, persunal akkademiku u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, u kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet u aġġornamenti fil-laqgħat ta’ esperti fi ħdan in-NSBR.

72

Issa, minn din l-istess data jirriżulta li l-parti mhux ikklassifikata bħala ŻPS taż-ŻIKGĦA Rila, f’dan il-każ is-sit Rila Buffer, tikkostitwixxi habitat favorevoli għal diversi speċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”. Barra minn hekk, il-pakkett taż-ŻIKGĦA Rila għandha importanza primordjali għal numru kbir ta’ dawk l-ispeċi u l-ħabitats ta’ dawk li huma l-iktar affettwati huma mqassma kemm fil-parti taż-ŻIKGĦA li ġiet ikklassifikata bħala ŻPS kif ukoll f’dik li mhijiex.

73

Għall-kuntrarju tal-argument tar-Repubblika tal-Bulgarija, li jgħid li l-Kummissjoni ma pprovdietx preċiżazzjonijiet la fuq il-metodu u lanqas fuq l-analiżi użata għal kull waħda mill-ispeċi inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li din l-istituzzjoni, fir-rikors, ipproduċiet provi rilevanti dwar tali metodoloġija u tali analiżi, u ppreżentat b’mod partikolari tabelli li jindikaw l-ammont tal-allokazzjoni għal kull speċi kkonċernata.

74

Bl-istess mod, fir-rigward tar-riżultati tal-laqgħat tan-NSBR tal-11 ta’ Marzu 2011 u tat-22 ta’ Marzu 2016, u wara dan, ir-Repubblika tal-Bulgarija ddeċidiet li tipposponi d-deċiżjoni tagħha fuq l-eventwali klassifikazzjoni tas-sit Rila buffer bħala ŻPS, għandu jiġi osservat li n-NSBR ma setgħetx tilħaq kunsens dwar din il-klassifikazzjoni minħabba, minn naħa, oppożizzjoni mhux mill-esperti xjentifiċi iżda minn uffiċjali mid-diversi ministeri involuti fil-proċedura, kif ukoll mis-Sindki, u, min-naħa l-oħra, restrizzjonijiet marbuta mal-proċedura interna dwar il-klassifikazzjoni bħala ŻPS.

75

Issa, in-natura insuffiċjenti tal-klassifikazzjoni bħala ŻPS taż-ŻIKGĦA Rila ma tistax tiġi ġġustifikata minn limitazzjonijiet bħal dawn. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, barra l-fatt li l-ebda espert xjentifiku ma oġġezzjona l-klassifikazzjoni bħala ŻPS tas-sit Rila Buffer, l-uffiċjali muniċipali ma pprovdew l-ebda analiżi xjentifika kontra tali klassifikazzjoni u llimitaw ruħhom li jipproponu li jsiru studji ġodda.

76

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa veru li kull klassifikazzjoni tippresupponi li l-awtoritajiet kompetenti jkunu kisbu twemmin, billi jibbażaw ruħhom fuq l-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, li s-sit ikkonċernat jifforma parti mit-territorji l-iktar adatti għall-protezzjoni tal-għasafar, dan madankollu ma jfissirx li l-obbligu ta’ klassifikazzjoni b’mod ġenerali jiddekadi sakemm dawn l-awtoritajiet ma jkunux eżaminaw u vverifikaw b’mod eżawrjenti d-data xjentifika l-ġdida (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Ir-Repubblika tal-Bulgarija tikkontesta wkoll l-għażla li għamlet il-Kummissjoni, għall-iskop li tiġi ddeterminata s-sinjifikanza taż-ŻIKGĦA Rila għall-ispeċi ta’ għasafar li huma rappreżentati, li tibbaża ruħha fuq il-limitu ta’ 1 % rigward il-popolazzjoni tat-tgħammir reġjonali jew nazzjonali, użat minn BirdLife International.

78

Madankollu, peress li huwa stabbilit li r-Repubblika tal-Bulgarija ma ppreżentat l-ebda kriterju ornitoloġiku ieħor li huwa oġġettivament verifikabbli quddiem dawk użati minn BirdLife International, dan il-limitu jikkostitwixxi, fin-nuqqas ta’ provi xjentifiċi kuntrarji, element ta’ referenza li jippermetti li jiġi evalwat jekk dan l-Istat Membru kellux jikklassifika ż-ŻIKGĦA Rila kollha bħala ŻPS (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punti 5354).

79

Minn dan isegwi li l-argument tar-Repubblika tal-Bulgarija dwar in-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-data użata mill-Kummissjoni ma jistax jintlaqa’.

80

It-tieni nett, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Bulgarija li teżisti data iktar aġġornata, li ġiet injorata mill-Kummissjoni, dwar ċerti speċi msemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza li l-klassifikazzjoni bħala ŻPS tas-sit Rila buffer kienet allegatament intiża li tipproteġi.

81

Ċertament, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-aġġornar tad-data xjentifika huwa neċessarju sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni tal-ispeċi l-iktar mhedda kif ukoll dik tal-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Unjoni sabiex jikklassifika, bħala ŻPS, it-territorji l-aktar adatti, u li għandha tintuża d-data xjentifika l-iktar aġġornata li tkun disponibbli meta jiskadi t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C-418/04, EU:C:2007:780, punt 47).

82

Madankollu, fin-nuqqas ta’ data xjentifika aġġornata li tista’ tiġġustifika klassifikazzjoni parzjali biss bħala ŻPS taż-ŻIKGĦA Rila, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat, fir-rikors tagħha, li l-inventarju ŻIKGĦA jikkostitwixxi r-referenza l-iktar aġġornata u l-iktar preċiża li tippermetti li jiġi evalwat jekk ir-Repubblika tal-Bulgarija kklassifikat numru u daqs suffiċjenti tat-territorji bħala ŻPS fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 67). Fil-fatt, dan l-inventarju, minkejja li ma huwiex legalment vinkolanti għall-Istati Membri kkonċernati, fih prova xjentifika li tagħmilha possibbli li tiġi vvalutata l-konformità, minn Stat Membru, tal-obbligu tiegħu li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑374/98, EU:C:2000:670, punti 25 u 26).

83

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, fid-dawl tan-natura xjentifika tal-inventarju ŻIKGĦA u tan-nuqqas ta’ kwalunkwe prova xjentifika prodotta minn Stat Membru intiża sabiex turi li seta’ jissodisfa l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar” billi kklassifikat bħala ŻPS siti li jkopru żona totali iżgħar minn dik li tirriżulta mill-imsemmi inventarju, dan jista’ jintuża bħala element ta’ referenza li jippermetti li jiġi evalwat jekk Stat Membru kienx ikklassifika numru u daqs suffiċjenti ta’ territorji bħala ŻPS fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2003, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑378/01, EU:C:2003:176, punt 18, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 52).

84

Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Bulgarija, li kienet limitata li tenfasizza l-bżonn ta’ studji addizzjonali dwar ŻIKGĦA Rila ma wrietx, kif jirriżulta mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, li setgħet tissodisfa l-obbligi msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, billi tikklassifika bħala ŻPS siti oħra għajr dawk li jirriżultaw mill-inventarju ŻIKGĦA stabbilit minn BDZP abbażi tas-sena 2007 u li jkopri żona totali iżgħar minn dik ta’ dawn tal-aħħar.

85

Minbarra dan, id-data maħruġa mir-rapport imsemmi fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, li l-Kummissjoni kienet ukoll eżaminat, ma żvelat ebda prova ta’ natura li tikkontradixxi l-konklużjonijiet tar-rikors.

86

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi naqset milli tinkludi l-integralità taż-ŻIKGĦA Rila bħala ŻPS, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kklassifikatx it-territorji l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, b’tali mod li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

87

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Bulgarija tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi naqset milli tinkludi l-integralità taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar li tkopri l-muntanja ta’ Rila bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kklassifikatx it-territorji l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, b’tali mod li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Bulgarija hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.