Kawża C-90/17

Turbogás – Produtora Energética SA

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti enerġetiċi u fuq l-elettriku – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) – Entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess – Produtturi tal-elettriku żgħar – Artikolu 14(1)(a) – Prodotti tal-enerġija għall-użu fil-produzzjoni tal-elettriku – Obbligu ta’ eżenzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2018

Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Tassazzjoni fuq prodotti enerġetiċi u fuq l-elettriku – Direttiva 2003/96 – Eżenzjoni tal-prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni jew sabiex tinżamm il-produzzjoni tal-elettriku – Obbligu ta’ eżenzjoni – Portata – Prodotti tal-enerġija mmanifatturati minn entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess – Inklużjoni – Oneru tal-prova tal-użu

(Direttiva tal-Kunsill 2003/96, Artikolu 14(1)(a) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5))

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) u l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku għandhom jiġu interpretati fis-sens li entità, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess, indipendentement mill-kobor ta’ dan l-użu u indipendentement mill-attività ekonomika li hija teżerċita b’mod prinċipali, għandha titqies li hija “distributur”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li l-konsum tal-elettriku tagħha għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku jaqa’ madankollu taħt l-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-imsemmi Artikolu 14(1)(a).

Għandu, madankollu, jiġi ppreċiżat li d-Direttiva 2003/96 ma tirregolax il-kwistjoni dwar kif għandha tiġi prodotta l-prova tal-użu tal-prodotti tal-enerġija għal finijiet tal-għoti ta’ dritt għal eżenzjoni. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-Artikolu 14(1) tagħha, din id-direttiva tagħti lill-Istati Membri l-kompitu li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li jiġu impediti l-frodi, l-evażjoni jew l-abbużi. Xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju tas-setgħa li huma għandhom sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għalihom huma suġġetti l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fosthom jinsab, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Polihim-SS, C‑355/14, EU:C:2016:403, punti 5759). Fuq din il-bażi, minkejja li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja għall-ksur tar-rekwiżiti formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, ROZ-ŚWIT, C-418/14, EU:C:2016:400, punt40), tali ksur ma jistax jaffettwa l-benefiċċju tal-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 jekk il-kundizzjonijiet fil-mertu relatati mal-applikazzjoni tagħha jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Vakarų Baltijos laivų statykla, C‑151/16, EU:C:2017:537, punt 51)

(ara l-punti 43 sa 45 u d-dispożittiv)