Kawża C‑83/17

KP

vs

LO

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Protokoll ta’ Den Haag tal-2007 – Liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment – Artikolu 4(2) – Bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur – Possibbiltà ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida tal-kreditur li tikkoinċidi mal-liġi tal-forum – Portata tal-kliem ‘Jekk il-kreditur ma jkunx jista’ jikseb [...] manteniment mingħand id-debitur’ – Każ li fih il-kreditur ma jissodisfax rekwiżit legali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2018

  1. Domandi preliminari–Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja–Portata–Protokoll ta’ Den Haag dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment–Inklużjoni

    (Artikolu 267 TFUE; Protokoll ta’ Den Haag tat-23 ta’ Novembru 2007)

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Kompetenza, liġi applikabbli, rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment–Regoli speċjali li jiffavorixxu ċerti kredituri–Kreditur li ma jkunx jista’ jikseb manteniment bis-saħħa tal-liġi tar-residenza abitwali tiegħu–Applikazzjoni tal-liġi tal-forum għat-talba tal-imsemmi kreditur anki għall-perijodu preċedenti għall-bidla fir-residenza abitwali tiegħu–Kundizzjonijiet

    (Protokoll ta’ Den Haag tat-23 ta’ Novembru 2007, Artikolu 4(2))

  3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili–Kompetenza, liġi applikabbli, rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment–Regoli speċjali li jiffavorixxu ċerti kredituri–Kreditur li ma jkunx jista’ jikseb manteniment bis-saħħa tal-liġi tar-residenza abitwali tiegħu–Kunċett–Kreditur li ma jissodisfax ċerti rekwiżiti imposti mil-liġi tar-residenza abitwali tiegħu sabiex jikseb manteniment–Inklużjoni

    (Protokoll ta’ Den Haag tat-23 ta’ Novembru 2007, Artikolu 4(2))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 21 sa 25)

  2.  L-Artikolu 4(2) tal-Protokoll tal-Aja [Den Haag] tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE, tat-30 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    il-fatt li l-Istat tal-forum ikun l-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sakemm il-liġi magħżula mir-regola sussidjarja ta’ rabta prevista minn din id-dispożizzjoni ma tikkoinċidix mal-liġi magħżula mir-regola prinċipali ta’ rabta prevista mill-Artikolu 3 tal-imsemmi protokoll;

    f’sitwazzjoni fejn il-kreditur tal-manteniment, li jkun biddel ir-residenza abitwali, jippreżenta quddiem il-qrati tal-Istat ta’ residenza abitwali ġdida tiegħu talba għal manteniment kontra d-debitur għal perijodu preċedenti li fih kien jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, il-liġi tal-forum, li hija wkoll il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida tiegħu, tista’ tiġi applikata jekk il-qrati tal-Istat Membru tal-forum ikollhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu tilwimiet dwar manteniment li jikkonċernaw dawn il-partijiet u jirreferu għal dak il-perijodu.

    Kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag, din id-dispożizzjoni, li tippermetti li tiġi applikata l-liġi tal-forum minflok il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment, għandha effett utli biss jekk dawn il-liġijiet ikunu differenti minn xulxin. Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-liġi tal-forum, f’dan il-każ il-liġi Awstrijaka, ma tikkoinċidix mal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, għall-perijodu li għalih huwa jitlob manteniment, f’dan il-każ il-liġi Ġermaniża, l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag jista’ jkollu effett utli.

    Madankollu, jista’ jkun li l-liġi tal-forum imsemmija f’din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għal talba ta’ manteniment fir-rigward ta’ perijodu preċedenti. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kliem waħdu tal-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag ma jippermettix li tiġi ddeterminata b’ċertezza l-portata ta’ din id-dispożizzjoni. Dan għandu jiġi interpretat fid-dawl tas-sistema ta’ regoli ta’ rabta stabbilita mill-Protokoll ta’ Den Haag u tal-għan ta’ dan il-protokoll.

    Fir-rigward tas-sistema ta’ regoli ta’ rabta stabbilita mill-Protokoll ta’ Den Haag, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4(2) tiegħu jistabbilixxi regola speċjali favur ċerti kredituri, li tikkomplementa r-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll.

    Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mir-Rapport Bonomi u mill-għanijiet imfittxija mill-Kummissjoni, li kienet ħadet sehem attiv fin-negozjati bil-ħsieb tal-adozzjoni tal-Protokoll ta’ Den Haag (ara l-proposta ta’ Regolament tal-Kunsill dwar il-kompetenza, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment [COM(2005) 649 finali]), din is-sistema tfittex li tiggarantixxi l-prevedibbiltà tal-liġi applikabbli billi tiżgura li l-liġi magħżula ma tkunx nieqsa minn rabta suffiċjenti mas-sitwazzjoni familjari inkwistjoni.

    Fid-dawl tas-sistema ta’ regoli ta’ rabta prevista mill-Protokoll ta’ Den Haag u l-għan ta’ prevedibbiltà li huwa jfittex li jilħaq, kif deskritti fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jitqies li, kieku l-applikazzjoni tal-liġi tal-forum stipulata sussidjarjament fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag kellha tkun ir-riżultat biss tal-għażla mill-kreditur tar-residenza abitwali l-ġdida tiegħu mingħajr ma jkun hemm rabta bejn din il-liġi u s-sitwazzjoni familjari tal-kreditur u tad-debitur interessati fl-obbligu ta’ manteniment fiż-żmien li fih ikun qed jirreferi dan l-obbligu, hija la tkun konformi ma’ din is-sistema u lanqas għal dan il-għan.

    (ara l-punti 29, 33, 34, 37 sa 39, 41, 46, 51, u d-dispożittiv 1)

  3.  Il-kliem “ma jkunx jista’ jikseb manteniment” fl-Artikolu 4(2) tal-Protokoll ta’ Den Haag, tat-23 ta’ Novembru 2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu wkoll is-sitwazzjoni li fiha l-kreditur ma jkunx jista’ jikseb manteniment bis-saħħa tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali preċedenti għar-raġuni li ma jissodisfax ċerti rekwiżiti imposti minn din il-liġi.

    (ara l-punt 59 u d-dispożittiv 2)