Kawża C-66/17

Grzegorz Chudaś u Irena Chudaś

vs

DA Deutsche Allgemeine Versicherung Aktiengesellschaft

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy Poznań-Grunwald i Jeżyce w Poznaniu)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 805/2004 – Kamp ta’ applikazzjoni – Titolu eżekuttiv Ewropew għad-debiti mhux ikkontestati – Titoli eżekuttivi li jistgħu jiġu ċċertifikati bħala titolu eżekuttiv Ewropew – Deċiżjoni dwar l-ammont tal-ispejjeż legali li tinsab f’sentenza li ma tirrigwardax debitu mhux ikkontestat – Esklużjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2017

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ħolqien ta’ titolu eżekuttiv Ewropew għad-debiti mhux ikkontestati – Regolament Nru 805/2004 – Titoli eżekuttivi li jistgħu jiġu ċċertifikati – Deċiżjoni eżekuttiva dwar l-ammont tal-ispejjeż legali li tinsab f’sentenza li ma tirrigwardax debitu mhux ikkontestat – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 805/2004, Artikoli 4(1) u 7)

L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati, għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni eżekuttiva dwar l-ammont tal-ispejjeż legali, inkluża f’sentenza li ma tirrigwardax debitu mhux ikkontestat, ma tistax tiġi ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew.

Fil-fatt, l-użu tat-terminu “ukoll” fil-kliem tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jindika li “deċiżjoni eżekuttiva dwar l-ammont tal-ispejjeż legali” hija ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew meta d-deċiżjoni prinċipali tirrigwarda, konformement mas-suġġett tal-imsemmi regolament, debitu mhux ikkontestat.

(ara l-punti 30, 35 u d-dispożittiv)