Kawżi magħquda C-47/17 u C-48/17
X u X
vs
Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie
(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Den Haag)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Regolament (KE) Nru 1560/2003 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni – Talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura ta’ applikant għal ażil – Risposta negattiva tal-Istat Membru mitlub – Talba għal eżami mill-ġdid – Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 – Terminu għal risposta – Skadenza – Effetti”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Novembru 2018
Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ teħid lura – Termini previsti għar-risposta għal rikors għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura – Konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu – Obbligu għall-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jieħu responsabbiltà jew li jieħu lura l-applikant għal protezzjoni internazzjonali – Stat Membru li tkun saritlu t-talba li rrisponda fit-termini iżda li ma wettaqx il-verifiki meħtieġa – Assenza ta’ effett fuq l-imsemmi obbligu
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikolu 22(1), (6) u (7) u Artikolu 25(1) u (2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 1560/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 118/2014, Artikolu 5(1))
Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ teħid lura – Preżentata ta’ rikors għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura – Risposta negattiva tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba – Talba għal eżami mill-ġdid – Terminu għal risposta – Konsegwenzi tal-iskadenza tal-imsemmi terminu
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikoli 21, 22, 23 u 25; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1560/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 118/2014, Artikolu 5(2))
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċeduri biex tittieħed ir-responsabbiltà u ta’ teħid lura għandhom obbligatorjament jitwettqu f’konformità mar-regoli stabbiliti, b’mod partikolari, fil-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, u li dawn għandhom, b’mod partikolari, jitmexxew b’osservanza ta’ sensiela ta’ termini imperattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C-670/16, EU:C:2017:587, punti 49 u 50, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan, C-360/16, EU:C:2018:35, punt 60).
Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa tali skadenzi obbligatorji kif ukoll l-effetti tal-iskadenza tagħhom wkoll għal dak li jikkonċerna r-risposta għat-talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura. Skont l-Artikolu 22(7) tar-Regolament Dublin III, in-nuqqas ta’ risposta fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jew tat-terminu ta’ xahar previst fil-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu jekwivali għall-aċċettazzjoni tat-talba, u jinvolvi l-obbligu li tittieħed responsabbiltà tal-persuna kkonċernata, inkluż l-obbligu li tiġi żgurata organizzazzjoni tajba tal-wasla tiegħu. Skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Dublin III, in-nuqqas ta’ risposta fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahar jew tat-terminu ta’ ġimagħtejn imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandu jfisser aċċettazzjoni tat-talba, u jwassal għall-obbligu li tittieħed lura l-persuna kkonċernata, inkluż l-obbligu li tiġi żgurata organizzazzjoni tajba għall-wasla tagħha.
Fir-rigward tal-effetti li l-Artikolu 22(7) u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Dublin III jorbtu mal-assenza ta’ risposta, mal-iskadenza tat-termini imperativi previsti fl-Artikolu 22(1) u (6), kif ukoll fl-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament, it-talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura, huwa importanti li jiġi enfasizzat li dawn l-effetti ma jistgħux jiġu evitati permezz ta’ risposta purament formali lill-Istat Membru rikjedenti. Fil-fatt, jirriżulta b’mod inekwivoku mill-Artikolu 22(1) u mill-Artikolu 25(1) li l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu, b’osservanza ta’ dawn it-termini imperattivi, iwettaq il-verifiki kollha neċessarji sabiex jagħti deċiżjoni dwar it-talba għat-teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura. L-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jippreċiża, barra minn hekk, li risposta negattiva għal tali rikors għandha tkun motivata b’mod sħiħ u għandha tispjega fid-dettall ir-raġunijiet għar-rifjut.
(ara l-punti 57, 61, 64, 66, 67)
L-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) tal-Kummissjoni Nru 118/2014 tat-30 ta’ Jannar 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru kompetenti għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istat Membru adit b’talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura bis-saħħa tal-Artikolu 21 jew tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, wara li jkunu twettqu l-verifiki meħtieġa, ikun irrisponda negattivament għal dan fit-termini previsti mill-Artikoli 22 jew mill-Artikolu 25 ta’ dan l-aħħar regolament, u li sussegwentement ikun ġie adit b’talba għal eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 5(2), għandu jagħmel ħiltu, fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali, li jirrispondi għal dan tal-aħħar f’terminu ta’ ġimagħtejn.
Meta l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba ma jirrispondix f’dan it-terminu ta’ ġimagħtejn għal din it-talba, il-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid tkun definittivament magħluqa, b’tali mod li l-Istat Membru rikjedenti għandu, wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu, jitqies li huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ħlief jekk ikun hemm bżonn ta’ iktar żmien sabiex tkun jista’ titressaq, fit-termini imperattivi previsti għal dan l-effett fl-Artikolu 21(1) u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 604/2013, talba ġdida għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura.
Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 58 sa 68 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, bihom, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda qafas għall-proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ teħid lura permezz ta’ numru ta’ termini imperattivi li jikkontribwixxu, b’mod determinanti, għat-twettiq tal-għan ta’ pproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fil-premessa 5 tar-Regolament Dublin III, billi jiġi ggarantit li dawn il-proċeduri jiġu implimentati mingħajr dewmien inġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C-670/16, EU:C:2017:587, punti 53 u 54; tal-25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C-201/16, EU:C:2017:805, punt 31, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan, C-360/16, EU:C:2018:35, punt 62). L-imsemmi għan, li huwa l-bażi ukoll tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jiġi implimentat, skont l-istess kliem ta’ din id-dispożizzjoni, b’qafas ta’ żmien strett permezz tal-istabbiliment ta’ terminu ta’ tliet ġimgħat mogħtija lill-Istat Membru rikjedenti biex ikun jista’ jindirizza talba għal eżami mill-ġdid lill-Istat Membru li tkun saritlu t-talba, u ta’ terminu ta’ ġimagħtejn għat-tweġiba eventwali ta’ dan tal-aħħar għall-imsemmija talba. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu b’hekk jiġi interpretat b’tali mod li t-tul tal-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid, li hija proċedura fakultattiva, jiġi llimitat b’mod strett u prevedibbli, kemm għal raġunijiet ta’ ċertezza legali għall-partijiet interessati kollha sabiex tiġi ggarantita l-kompatibbiltà mal-qafas ta’ żmien speċifiku stabbilit mir-Regolament Dublin III u li ma jiġix kompromess l-għan ta’ pproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imfittex minn dan ir-regolament. Proċedura ta’ eżami mill-ġdid li jkollha perijodu indefinit, bil-konsegwenza li tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar liema jkun l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u b’hekk iddewwem b’mod sinjifikattiv, u potenzjalment illimitat, l-eżami ta’ tali applikazzjoni, hija inkompatibbli ma’ dan il-għan ta’ ħeffa.
Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipprovdi inċentiv għall-Istat Membru li tkun saritlu t-talba biex jikkoopera b’mod leali mal-Istat Membru rikjedenti billi, fit-terminu previst mill-imsemmija dispożizzjoni, jeżamina mill-ġdid it-talba ta’ dan l-aħħar Stat Membru biex tittieħed ir-responsabbiltà jew tittieħed lura l-persuna kkonċernata, iżda hija ma hijiex intiża li tistabbilixxi obbligu legali li tingħata risposta għal talba għal eżami mill-ġdid taħt piena li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ttrasferita. Mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jirriżulta b’hekk li, meta l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba, wara li jkunu twettqu l-verifiki meħtieġa, ikun irrisponda negattivament għal talba għal teħid ta’ responsabbilta jew ta’ teħid lura fit-termini mogħtija għal dan il-għan mir-Regolament Dublin III, il-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid ma tistax toħloq l-effetti previsti fl-Artikolu 22(7) u l-Artikolu 25(2) ta’ dan ir-regolament.
Hemm lok li jiġi rrilevat, ir-raba’ nett, li t-terminu għal risposta prevista, rispettivament, fl-Artikolu 22(1) u (6) tar-Regolament Dublin III, jew fl-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament ma għandux ikollu effett fuq il-komputazzjoni tat-termini previsti għall-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid. Fil-fatt, interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni fis-sens li din il-proċedura tista’ sseħħ biss fil-limiti stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li tkun possibbli biss sa fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba ma jkunx eżawrixxa t-terminu previst għar-risposta tiegħu għat-talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura, fil-prattika, tostakola l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura u ma tistax, għaldaqstant, titqies li hija utli għall-implimentazzjoni tar-Regolament Dublin III.
(ara l-punti 69, 74, 75, 77, 80, 88, 90, u d-dispożittiv)