SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla)

28 ta’ Frar 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat – Il-punt 1 tal-klawżola 5 – Miżuri intiżi għall-prevenzjoni mill-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 6(1) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni skont l-età – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-posponiment tat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol stabbilita fl-età normali tal-irtirar minħabba l-ksib, mill-ħaddiem, tad-dritt għall-pensjoni tal-irtirar”

Fil-Kawża C‑46/17

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Bremen (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Bremen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Hubertus John

vs

Freie Hansestadt Bremen

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C.G. Fernlund, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal H. John, minn H. Buroh u J. Steinhauer, Rechtsanwälte,

għall-Freie Hansestadt Bremen, minn C. Darge, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Stranz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal terminu fiss konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), kif ukoll tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Hubertus John u l-persuna li kienet timpjegah, il-Freie Hansestadt Bremen (il-Belt Libera u Ħanseatika ta’ Bremen, il-Ġermanja), dwar it-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol mal-wasla tat-terminu miftiehem, marbut mal-ilħiq tal-età normali tal-irtirar, u ċ-ċaħda tat-talba tiegħu li jkun jista’ jkompli jaħdem wara dik l-età.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Ftehim Qafas

3

Skont il-klawżola 1 tiegħu, il-Ftehim Qafas għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u li jistabbilixxi qafas għall-prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi għal żmien determinat.

4

Il-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas, intitolata “L-iskop”, tipprevedi fil-punt 1 tagħha:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.”

5

Il-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tiddisponi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem:

1.

‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

[…]”

6

Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi, fil-punt 1 tagħha:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

7

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, hija fformulata kif ġej:

“1.

Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri wara l-konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ mpjieg għal terminu fiss:

(a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’

(b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

Id-Direttiva 2000/78

8

Skont il-premessa 14 tad-Direttiva 2000/78, din tal-aħħar hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-età tal-irtirar.

9

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 “[l-]iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

10

L-Artikolu 2 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […]

[…]”

11

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

12

L-Artikolu 41 tal-Ktieb VI tas-Sozialgesetzbuch (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali), intitolat “Età tal-irtirar u protezzjoni kontra t-tkeċċija”, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mit‑23 ta’ Ġunju 2014, jiddisponi, fit-tielet sentenza tiegħu (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali”):

“Meta ftehim jipprevedi li tintemm relazzjoni ta’ impjieg fil-mument li fih il-ħaddiem jilħaq l-età normali tal-irtirar, il-partijiet għall-kuntratt ta’ xogħol jistgħu, permezz ta’ ftehim, fejn xieraq f’diversi okkażjonijiet, jipposponu d-data li fiha tintemm ir-relazzjoni ta’ impjieg.”

13

L-Artikolu 44 tal-Ftehim Kollettiv applikabbli għas-servizz pubbliku tal-Länder (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Kollettiv”), intitolat “Sistema speċifika għall-għalliema”, jipprevedi fil-punt 4 tiegħu dwar it-Taqsima V, intitolata “Limitazzjoni tat-tul u t-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol”:

“Il-kuntratt ta’ xogħol jintemm, mingħajr ma jkun meħtieġ xoljiment, fl-aħħar tas-semestru (il‑31 ta’ Jannar jew il‑31 ta’ Lulju) li matulu l-għalliem laħaq l-età stabbilita mil-liġi sabiex jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar ordinarja.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

H. John, li twieled fit‑8 ta’ Lulju 1949, ġie impjegat fil‑25 ta’ Settembru 2001, mill-Belt Libera u Ħanseatika ta’ Bremen bħala għalliem kuntrattwali. Il-kuntratt ta’ xogħol kien suġġett għall-ftehim kollettiv tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku Ġermaniż, issostitwit bil-Ftehim Kollettiv.

15

Skont il-Ftehim Kollettiv, dan il-kuntratt ta’ xogħol kellu jintemm fid-data meta l-għalliem jilħaq l-età legali sabiex jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar. Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Frar 2014, H. John talab li jkompli jaħdem wara dik l-età, sa tmiem is-sena skolastika 2014/2015. Fl‑24 ta’ Ottubru 2014, il-partijiet ikkonkludew ftehim li jipprevedi li “t-tmiem awtomatiku tal-kuntratt ta’ xogħol […] huwa pospost sal‑31 ta’ Lulju 2015, konformement mal-punt 4 tal-Artikolu 44 tal-Ftehim Kollettiv”.

16

Fl‑4 ta’ Frar 2015, H. John talab lil persuna li timpjegah sabiex id-data tat-tmiem tal-kuntratt tiġi posposta sa tmiem l-ewwel semestru tas-sena skolastika 2015/2016, jiġifieri sal‑31 ta’ Jannar 2016. Insegwitu għar-rifjut tat-talba mressqa minnu, huwa ressaq kawża fejn sostna li ż-żmien determinat ta’ kuntratt ibbażat fuq id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra d-dritt Ewropew.

17

Il-Landesarbeitsgericht Bremen (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Bremen, il-Ġermanja), adita b’rikors kontra deċiżjoni tal-Arbeitsgericht Bremen (il-Qorti Industrijali ta’ Bremen, il-Ġermanja), tistaqsi dwar il-konformità tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas kif ukoll tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas peress li, skont il-Ftehim Kollettiv, id-data tat-tmiem tiegħu hija d-data meta l-għalliem jilħaq l-età legali sabiex jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar. Konsegwentement, hija tqis, li l-estensjoni tal-kuntratt lil hinn minn dan it-terminu huwa tiġdid tal-kuntratt għal żmien determinat. Hija tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, inkwantu dawn ma jipprevedu l-ebda restrizzjoni għall-possibbiltà għall-partijiet li jipposponu d-data tat-tmiem tal-kuntratt, humiex konformi mal-kundizzjonijiet tal-Ftehim-Qafas intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat u ma jiksrux id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesarbeitsgericht Bremen (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Bremen, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-klawżola 5, punt 1, tal-[Ftehim Qafas] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil partijiet f’kuntratt ta’ xogħol jipposponu, bi ftehim komuni matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, mingħajr limitu fiż-żmien u mingħajr ebda kundizzjoni oħra, u possibbilment diversi drabi, id-data tat-tmiem miftiehma marbuta ma’ meta tintlaħaq l-età normali tal-irtirar, u dan għas-sempliċi raġuni li, malli jilħaq l-età normali tal-irtirar, il-ħaddiem ikollu dritt għall-pensjoni tal-irtirar?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fid-domanda 1 mal-klawżola 5, punt 1 tal-ftehim qafas tapplika ukoll fir-rigward tal-ewwel posponiment tat-tmiem tal-kuntratt?

3)

L-Artikolu 1, l-Artikolu 2(1), u l-Artikolu 6 tad-Direttiva [2000/78] u/jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt [tal-Unjoni] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil partijiet f’kuntratt ta’ xogħol jipposponu, bi ftehim komuni matul ir-relazzjoni ta’ xogħol, mingħajr limitu fiż-żmien, u mingħajr ebda kundizzjoni oħra u possibbilment diversi drabi, id-data tat-tmiem miftiehma marbuta ma’ meta tintlaħaq l-età normali tal-irtirar, u dan għas-sempliċi raġuni li, malli jilħaq l-età normali tal-irtirar, il-ħaddiem ikollu dritt għall-pensjoni tal-irtirar?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tielet domanda

19

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tissuġġetta l-posponiment tad-data ta’ tmiem tal-attività tal-ħaddiema li jkunu laħqu l-età legali sabiex jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar mal-ftehim tal-persuna li timpjega mogħti għal perijodu determinat.

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li fosthom hemm l-età.

21

Skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva, hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna, minħabba l-età tagħha, tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi ttrattata, ġiet ittrattata jew kieku tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli. Skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tkun tinvolvi żvantaġġ partikolari għal persuni ta’ età partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi għat-twettiq ta’ dan l-għan ma jkunux xierqa u neċessarji.

22

Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk impjegat bħal H. John huwiex ittrattat b’mod inqas favorevoli minn oħra f’sitwazzjoni komparabbli minħabba l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, jew jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex suxxettibbli li twassal għal żvantaġġ partikolari fir-rigward tal-kategorija ta’ età li huwa parti minnha, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva.

23

Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li, kif huwa previst fil-premessa 14 tad-Direttiva 2000/78, din tal-aħħar ma tiksirx id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-età tal-irtirar. Barra minn hekk, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, il-limiti ta’ età li jikkorrispondu għall-età normali tal-irtirar għandhom jikkunsidraw it-tnaqqis tal-prestazzjoni tal-ħaddiema li ġeneralment tiġri bl-età, kif ukoll ix-xewqa u l-ħtieġa tal-ħaddiema iktar imdaħħlin fiż-żmien dwar kif jidhrilhom jagħmlu użu mill-ħin liberu tagħhom.

24

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tmiem awtomatiku tal-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-età u ta’ kontribuzzjoni sabiex jibbenefikaw mill-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tagħhom, jagħmel parti, sa minn żmien twil, mid-dritt tax-xogħol ta’ diversi Stati Membri u għandu użu estensiv fir-relazzjonijiet ta’ impjieg. Dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq bilanċ bejn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, ekonomika, soċjali, demografika u/jew tal-baġit u jiddependi mill-għażla li ttawwal it-tul tal-ħajja attiva tal-ħaddiema jew, bil-kontra, li tipprevedi l-irtirar kmieni ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, EU:C:2010:601), iddeċidiet li dispożizzjoni simili għall-Artikolu 44 tal-Ftehim Kollettiv ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rrikonoxxut lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg.

26

Madankollu, id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali ma huwiex l-Artikolu 44 tal-Ftehim Kollettiv dwar il-prinċipju ta’ tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ impjieg wara semestru li matulu l-ħaddiem jilħaq l-età normali tal-irtirar, iżda dispożizzjoni li għall-kuntrarju tippermetti lill-partijiet għall-kuntratt ta’ xogħol li jipposponu d-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg stabbilit f’din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, hija tippermettilhom, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tat-tielet domanda, li jipposponu din id-data, possibbilment f’diversi okkażjonijiet, bla kundizzjonijiet u mingħajr limiti fiż-żmien.

27

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ eventwali effetti ħżiena jew żvantaġġużi tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż isostni li din tal-aħħar ma tikkonċernax strettament il-limitu ta’ età previst għat-tmiem ta’ relazzjoni ta’ impjieg, iżda l-possibbiltà li bi ftehim komuni jiġi pospost it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, li joffri lill-ħaddiema li laħqu l-età normali tal-rtirar possibbiltà supplimentari li jipparteċipaw fl-organizzazzjoni tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom.

28

Skont il-Gvern Ġermaniż, meta adotta d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlatur nazzjonali ried jistabbilixxi, konformement max-xewqat tal-imsieħba soċjali, possibbiltà flessibbli u legalment żgura li żżomm, jekk ikun meħtieġ u taħt ċerti kundizzjonijiet, relazzjoni ta’ impjieg wara l-età normali tal-irtirar.

29

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi pperċepita bħala li tippermetti deroga għall-prinċipju ta’ tmiem awtomatiku tal-kuntratt ta’ xogħol meta l-ħaddiem jilħaq l-età normali tal-irtirar. Fil-fatt, għad-differenza ta’ ħaddiema iżgħar fl-età, il-ħaddiem li laħaq l-età normali tal-irtirar jista’ jiġi offrut l-għażla bejn li jestendi r-relazzjoni ta’ impjieg u li jitlaq kompletament il-ħajja professjonali.

30

Il-fatt li l-partijiet għall-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni jistgħu jipposponu d-data ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg f’diversi okkażjonijiet, bla kundizzjonijiet u mingħajr limiti fiż-żmien, ma jikkontestax din il-konstatazzjoni. Għall-kuntrarju, dawn l-elementi huma ta’ natura li jsaħħu n-natura favorevoli jew vantaġġuża ta’ din id-dispożizzjoni sa fejn dawn jikkostitwixxu modalitajiet għall-kontinwazzjoni ta’ relazzjoni ta’ impjieg, li fl-ebda każ ma tista’ sseħħ mingħajr il-ftehim taż-żewġ partijiet għall-kuntratt, matul ir-relazzjoni ta’ impjieg.

31

Hemm lok li jiġi kkonstatat li tali kundizzjonijiet huma, bħala prinċipju, ta’ natura li jippermettu lil ħaddiem, kif ukoll lill-persuna li timpjegah, li jkomplu r-relazzjoni ta’ impjieg biss jekk huma jikkunsidraw din l-għażla bħala vantaġġuża, fil-kuntest ta’ attività li tkompli wara li l-ħaddiem jilħaq l-età normali tal-irtirar. Jirriżulta wkoll mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, quddiem il-qorti tar-rinviju, H. John ikkontesta r-rifjut tal-persuna li timpjegah għat-tieni talba tiegħu ta’ posponiment tad-data tat-tmiem tal-attività.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali dispożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala miżura sfavorevoli, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78, fir-rigward tal-persuni li jkunu laħqu l-età ta’ l-irtirar meta mqabbla ma’ dawk li jkunu għadhom ma laħqux dik l-età.

33

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tissuġġetta l-posponiment tad-data ta’ tmiem tal-attività tal-ħaddiema li jkunu laħqu l-età legali sabiex jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar ma’ ftehim tal-persuna li timpjega mogħti għal perijodu determinat.

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

34

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tippermetti lill-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol jipposponu, bi ftehim komuni matul ir-relazzjoni ta’ impjieg, mingħajr limitu fiż-żmien u mingħajr ebda kundizzjoni oħra, u possibbilment diversi drabi, id-data tat-tmiem miftiehma marbuta ma’ meta tintlaħaq l-età normali tal-irtirar, u dan għas-sempliċi raġuni li, malli jilħaq l-età normali tal-irtirar, il-ħaddiem ikollu dritt għall-pensjoni tal-irtirar.

35

Il-Gvern Ġermaniż isostni, preliminarjament, li l-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas. Fil-fatt, skont dan il-gvern, it-tmiem tal-kuntratt tax-xogħol fid-data li fiha l-impjegat jilħaq l-età tal-irtirar ma jistax iwassal sabiex tikklassifika r-relazzjoni ta’ impjieg ta’ kuntratt għal żmien determinat. Tali kuntratt jista’ effettivament jiġi kkunsidrat bħala li jistabbilixxi relazzjoni ta’ impjieg għal żmien qasir, peress li perijodu ta’ bosta għexieren ta’ snin jista’ jgħaddi bejn il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol u d-data tal-età normali tal-irtirar. Bl-istess mod, il-posponiment, mill-partijiet, tad-data tat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol kellha bħala kundizzjoni il-kontinwazzjoni mingħajr waqfien tal-kuntratt tax-xogħol li diġà jeżisti u għalhekk ma jistax jiġi analizzat bħala l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid ta’ xogħol għal żmien determinat.

36

Il-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward tikkunsidra li, sa fejn japplika għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-punt 4 tal-Artikolu 44 tal-Ftehim Kollettiv, li permezz tiegħu r-relazzjoni ta’ impjieg tispiċċa fl-aħħar semestru li matulu l-ħaddiem jilħaq l-età stabbilita mil-liġi sabiex jirċievi pensjoni tal-irtirar, dan huwa ffissar ta’ terminu u għaldaqstant ta’ żmien determinat.

37

Hemm lok li jitfakkar li, jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas huwa, hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-punt 1 tal-klawżola 2 tiegħu, b’mod wiesa’, intiż sabiex b’mod ġenerali jkopri l-“ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru”, xorta jibqa’ l-fatt li d-definizzjoni tal-kuntratti u tar-relazzjonijiet ta’ impjieg li għalihom japplika dan il-Ftehim Qafas ma jiddependix minn dan il-ftehim jew mid-dritt tal-Unjoni, iżda mil-leġiżlazzjoni u/jew mill-prattiki nazzjonali (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Sibilio, C‑157/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:148, punt 42).

38

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, mill-informazzjoni fil-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bi gwida għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun utli fl-evalwazzjoni tal-effetti tar-regoli ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, W et, C‑621/15, EU:C:2017:484, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Huwa xieraq li jiġi mfakkar li l-Ftehim Qafas jitlaq mill-premessa li tgħid li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ impjieg, filwaqt li jirrikonoxxi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat huma karatteristika tal-impjieg f’ċerti setturi jew għal ċerti xogħlijiet u attivitajiet.

40

Wieħed mill-għanijiet imfittxija mill-Ftehim Qafas huwa l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, ikkunsidrat bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-dannu tal-ħaddiema, filwaqt li jipprevedu ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet protettivi minimi intiżi sabiex jevitaw il-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-impjegati (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Pérez López, C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għalhekk, il-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa meqjus bħala element maġġuri tal-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jwieġbu għall-bżonnijiet kemm tal-persuna li timpjega kif ukoll tal-ħaddiema (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Pérez López, C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Issa, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, it-tmiem awtomatiku tal-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-età u ta’ kontribuzzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tagħhom, jagħmel parti, sa minn żmien twil, mid-dritt tax-xogħol ta’ diversi Stati Membri u għandu użu estensiv fir-relazzjonijiet ta’ impjieg.

43

Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Gvern Ġermaniż, it-tul ta’ żmien ta’ kuntratt ta’ xogħol bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindika li r-relazzjoni ta’ impjieg tintemm biss meta l-ħaddiem jilħaq l-età normali tal-irtirar, jista’ jdum għexieren ta’ snin.

44

Barra minn hekk, it-tmiem awtomatiku tal-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati li laħqu l-età normali tal-irtirar essenzjalment joffri lill-ħaddiema l-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg. Fil-fatt, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, impjegat li jilħaq l-età normali sabiex jibbenefika mill-pensjoni tal-irtirar legali jinsab, bħala prinċipju, lejn it-tmiem tal-ħajja professjonali.

45

Barra minn hekk, ma jidhirx li huwa eskluż li l-posponiment previst mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitqies bħala sempliċi posponiment kuntrattwali tal-età tal-irtirar miftiehem oriġinarjament.

46

Għaldaqstant, ma jirriżulta minn l-ebda element prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tali dispożizzjoni għandha l-potenzjal li tiffavorixxi l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat jew li tikkostitwixxi sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema. Fi kwalunkwe każ ma għandux jiġi kkunsidrat li l-limiti ta’ età li jikkorrispondu għall-età normali tal-irtirar jinvolvu sistematikament prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati, fis-sens tal-Ftehim Qafas, jekk dawn tal-aħħar jibbenefikaw minn pensjoni b’rata sħiħa u, b’mod partikolari, jekk il-persuna li timpjega hija awtorizzata ġġedded il-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni.

47

Fil-każ fejn, minkejja l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 42 sa 46 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tqis li l-konklużjoni ta’ ftehim bħal dak tal‑24 ta’ Ottubru 2014, li jipprevedi l-posponiment tad-data tat-tmiem ta’ kuntratt ta’ xogħol bħal dak konkluż fil‑25 ta’ Settembru 2001, suġġett għal klawżola ta’ tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ impjieg meta l-ħaddiem jilħaq l-età legali sabiex jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar, għandu jiġi kkunsidrat bħala użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, għandu jiġi eżaminat jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tippermetti lill-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol jipposponu, bi ftehim komuni matul ir-relazzjoni ta’ impjieg, mingħajr limitu fiż-żmien u mingħajr ebda kundizzjoni oħra, u possibbilment diversi drabi, id-data tat-tmiem miftiehma marbuta ma’ meta tintlaħaq l-età normali tal-irtirar, u dan għas-sempliċi raġuni li, malli jilħaq l-età normali tal-irtirar, il-ħaddiem ikollu dritt għall-pensjoni tal-irtirar.

48

Għandu jitfakkar li l-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas timponi lill-Istati Membri, fil-punt 1 tagħha, l-adozzjoni ta’ minn tal-inqas waħda mill-miżuri elenkati minnha, meta d-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola, li huma tlieta, huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, mat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew ta’ dawn ir-relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi u man-numru ta’ tiġdid ta’ dawn (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López, C‑184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Għalkemm id-dritt tal-Unjoni jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jadottaw miżuri ta’ prevenzjoni, dan ma jistabbilixxix sanzjonijiet speċifiċi fl-ipoteżi fejn abbużi ġew ikkonstatati. F’tali każ, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li jridu jkunu ta’ natura mhux biss proporzjonali, iżda wkoll biżżejjed effettivi u dissważivi sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont il-Ftehim Qafas (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López, C‑184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, peress li dan il-kompitu jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti mfakkra fil-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas humiex issodisfatti bid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 66, kif ukoll id-digriet tal‑11 ta’ Diċembru 2014, León Medialdea, C‑86/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2447, punt 48).

51

Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jikkostitwixxu miżura adegwata għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi (sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 56, kif ukoll tat‑3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija tista’ tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex tidderiġi lill-imsemmija qorti fl-evalwazzjoni tagħha (sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13, C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 83).

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tas-subparagrafu (a) tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas għandu jinftiehem bħala li jfisser ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività determinata u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom tali kuntratti ġew konklużi u mill-karatteristiċi intrinsiċi għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C-586/10, EU:C:2012:39, punt 27).

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-qorti tar-rinviju, impjegat li jilħaq l-età normali sabiex jibbenefika mill-pensjoni tal-irtirar legali huwa differenti mill-impjegati l-oħra mhux biss bil-fatt li huwa jibbenefika minn kopertura soċjali, iżda wkoll għaliex jinsab, bħala prinċipju, fi tmiem il-ħajja professjonali u għalhekk ma huwiex f’pożizzjoni, fid-dawl tat-tul ta’ żmien determinat tal-kuntratt tiegħu, li jibbenefika minn kuntratt għal żmien indeterminat.

55

Barra minn hekk, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista titqies bħala li tippermetti deroga għall-prinċipju tat-tmiem awtomatiku tal-kuntratt ta’ xogħol meta l-ħaddiem jilħaq l-età normali tal-irtirar.

56

Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, skont din id-dispożizzjoni, il-posponiment tad-data ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg tippreżumi l-konklużjoni effettiva ta’ ftehim li kien hemm matul din ir-relazzjoni ta’ impjieg, fejn ir-relazzjoni ta’ impjieg eżistenti titkompla mingħajr ebda interruzzjoni temporanja, u li skont liema l-kundizzjonijiet kuntrattwali ma jgħaddu minn l-ebda emenda oħra. Tali restrizzjonijiet jagħtu lill-ħaddiem ikkonċernat il-garanzija taż-żamma tal-kundizzjonijiet kuntrattwali inizjali, filwaqt li jżommu d-dritt li jirċievi pensjoni tal-irtirar.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tippermetti lill-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol jipposponu, bi ftehim komuni matul ir-relazzjoni ta’ impjieg, mingħajr limitu fiż-żmien u mingħajr ebda kundizzjoni oħra, u possibbilment diversi drabi, id-data tat-tmiem miftiehma marbuta ma’ meta tintlaħaq l-età normali tal-irtirar, u dan għas-sempliċi raġuni li, malli jilħaq l-età normali tal-irtirar, il-ħaddiem ikollu dritt għall-pensjoni tal-irtirar.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tissuġġetta il-posponiment tad-data ta’ tmiem tal-attività tal-ħaddiema li jkunu laħqu l-età legali sabiex jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar ma’ ftehim tal-persuna li timpjega mogħti għal perijodu determinat.

 

2)

Il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal terminu fiss konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li tippermetti lill-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol jipposponu, bi ftehim komuni matul ir-relazzjoni ta’ impjieg, mingħajr limitu fiż-żmien u mingħajr ebda kundizzjoni oħra, u possibbilment diversi drabi, id-data tat-tmiem miftiehma marbuta ma’ meta tintlaħaq l-età normali tal-irtirar, u dan għas-sempliċi raġuni li, malli jilħaq l-età normali tal-irtirar, il-ħaddiem ikollu dritt għall-pensjoni tal-irtirar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.