SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/85/KEE – Artikoli 4, 5 u 7 – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħaddiema li qiegħda tredda’ – Xogħol ta’ billejl – Xogħol bix-xift imwettaq parzjalment matul il-lejl – Evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol – Miżuri ta’ prevenzjoni – Kontestazzjoni mill-ħaddiema kkonċernata – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 19 – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess – Oneru tal-prova”

Fil-Kawża C‑41/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Isabel González Castro

vs

Mutua Umivale,

Prosegur España SL,

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Frar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), minn P. García Perea u A. Lozano Mostazo, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2006, L 204, p. 23), kif ukoll tal-Artikoli 4, 5 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Isabel González Castro u, min-naħa l-oħra, il-Mutua Umivale (iktar ’il quddiem l-“assiguratur reċiproku Umivale”), il-persuna li timpjegaha, Prosegur España SL (iktar ’il quddiem “Prosegur”) u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja) (iktar ’il quddiem l-“INSS”), dwar ir-rifjut ta’ dawn tal-aħħar li jissospendu l-kuntratt tax-xogħol tagħha u jagħtuha benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 92/85

3

L-ewwel, it-tmienja sal-ħdax u l-erbatax-il premessa tad-Direttiva 92/85 jgħidu li:

“Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat [KEE] jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi bl-iskop li jiġi inkoraġġit it-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

[…]

Billi ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu għandhom jiġu kkunsidrati bħala grupp ta’ riskju speċifiku taħt ħafna aspetti, u jridu jittieħdu miżuri fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom;

Billi l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu m’għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa;

Billi xi attivitajiet jistgħu jkunu ta’ riskju speċifiku għall-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew ħaddiema li qed ireddgħu, għax jesponuhom għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol perikolużi; billi dawn ir-riskji għandhom għalhekk jiġu stmati, u r-riżultat ta’ din l-istima kkomunikat lill-ħaddiema nisa u/jew lir-rappreżentanti tagħhom;

Billi, barra minn hekk, jekk ir-riżultat ta’ din l-istima jirrivela l-eżistenza ta’ xi riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa ta’ ħaddiema mara, għandu jsir provvediment għall-protezzjoni ta’ dawn il-ħaddiema;

[…]

Billi l-vulnerabbiltà tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu tirrendi neċessarju għalihom li jingħataw id-dritt ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14‑il ġimgħa kontinwi, allokati qabel u/jew wara l-ħlas, u jirrendi neċessarju n-natura obbligatorja tal-leave tal-maternità għal mill-inqas ġimagħtejn, allokati qabel u/jew wara l-ħlas;

[…]”

4

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/85 jipprevedi li:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva, li hija l-għaxar Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-[Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)], huwa li jimplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tifisiriet”, jistabbilixxi li:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(ċ)

ħaddiema li qiegħda tredda’ tfisser ħaddiema li qiegħda tredda’ fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika[.]”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“1.   Wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri u megħjuna mill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, il-Kummissjoni trid tfassal linji ta’ gwida dwar l-istima ta’ l-aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-sigurta’ jew għas-saħħa tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2.

Il-linji ta’ gwida msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ukoll ikopru movimenti u qagħdiet, għeja fiżika u mentali u tipi oħra ta’ stress fiżiku u mentali konness max-xogħol imwettaq minn ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2.

2.   L-għan tal-linji ta’ gwida msemmija fil-paragrafu 1 huwa li jservu bħala bażi għall-istima mesmmija fl-Artikolu 4(1).

Għal dan l-iskop l-Istati Membri għandhom iġibu dawn il-linji ta’ gwida għall-attenzjoni ta’ kull min iħaddem u l-ħaddiema nisa kollha u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-Istati Membri rispettivi.”

7

Il-linji gwida msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/85, fil-verżjoni tagħhom rilevanti għal din il-kawża, jidhru fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal‑20 ta’ Novembru 2000 dwar il-Linji Gwida dwar l-evalwazzjoni tal aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu (COM(2000) 466 finali/2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”).

8

Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tar-riskji u l-għoti ta’ informazzjoni lill-ħaddiema dwar din l-evalwazzjoni, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85 jistabbilixxi li:

“1.   Għall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta’ espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol li tagħhom lista mhux eżawrijenti hija mogħtija fl-Anness I, min iħaddem għandu jagħmel stima tan-natura, il-grad u t-tul ta’ l-espożizzjoni fl-impriża u/jew stabbiliment ikkonċernat, tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, jew direttament jew permezz tas-servizzi protettivi jew preventivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-[Direttiva 89/391], sabiex:

issir stima ta’ kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u kull effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2,

jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu.”

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-[Direttiva 89/391], ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 u ħaddiema li x’aktarx ikunu f’xi sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 fl-impriża u/jew stabbiliment konċernat u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu infurmati bir-riżultati ta’ l-istima msemmija fil-paragrafu 1 u bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.”

9

Għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi tal-evalwazzjoni tar-riskji, l-Artikolu 5(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tad-[Direttiva 89/391], jekk ir-riżultati ta’ l-istima msemmija fl-Artikolu 4(1) jirrivelaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa jew xi effett fuq it-tqala jew treddigħ ta’ ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, min iħaddem għandu jieħu l-azzjoni neċessarja biex jiżgura li, billi jiġu aġġustati temporanjament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata, l-espożizzjoni ta’ dik il-ħadddiema għal dawn ir-riskji jiġi evitat.

2.   Jekk l-aġġustament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol tagħha ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, min iħaddem jrid jieħu l-passi neċessarji sabiex jagħti xogħol ieħor lill-ħaddiema konċernata.

3.   Jekk it-tibdil tal-post għal xogħol ieħor mhuwiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġġustifikati, il-ħaddiema kkonċernata għandha tingħata leave skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali għaż-żmien kollu li huwa neċessarju biex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha.”

10

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85, intitolat “Ix-Xogħol ta’ bil-Lejl”, jistabbilixxi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 2 ma jkunux imġiegħla li jagħmlu xogħol ta’ bil-lejl waqt it-tqala tagħhom u għal żmien wara t-twelid li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità nazzjonali kompetenti għas-sigurtà u s-saħħa, soġġett għas-sottomissjoni, skond il-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri, għal test mediku li jiddikjara li dan huwa neċessarju għas-sigurtà jew is-saħħa tal-ħaddiema kkonċernata.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-possibilità, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali, li:

(a)

taqleb għal xogħol bi nhar;

jew

(b)

ikun hemm leave mix-xogħol jew estensjoni tal-leave tal-maternità meta dan it-trasferiment mhux teknikament u/jew oġġettivament possibbli u ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġustifikati.”

Id-Direttiva 2006/54

11

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54, intitolat “Għan”, jipprevedi li:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

(a)

l-aċċess għall-impjiegi, inkluża l-promozzjoni, u t-taħriġ vokazzjonali;

(b)

il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

(ċ)

l-iskemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

Hi fiha wkoll dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li din l-implimentazzjoni tkun aktar effettiva permezz ta’ l-istabbiliment ta’ proċeduri xierqa.”

12

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘diskriminazzjoni diretta’: fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli;

(b)

‘diskriminazzjoni indiretta’: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

[…]

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, diskriminazzjoni tinkludi:

[…]

(ċ)

kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens d-[Direttiva 92/85.]”

13

L-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva jestendi l-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet, fost oħrajn, għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u jipprevedi s-segwenti:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[…]

(ċ)

Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu 141 tat-Trattat [KE];

[…]”

14

Għal dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova u l-aċċess għall-ġustizzja fil-każ ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta, l-Artikolu 19(1) u (4) tal-istess direttiva jistabbilixxi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, skond is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jaħsbu li ġew ittrattati ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun il-konvenut li jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

[…]

4.   Paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għal:

(a)

is-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 141 tat-Trattat [KE] u, safejn hija kkonċernata d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, mid-[Direttiva 92/85] u [mid-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat‑3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285);

[…]”

Id-Direttiva 2003/88/KE

15

Il-premessa 14 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), tgħid li:

“In-normi speċifiċi stabbiliti fi strumenti oħrajn tal-Komunità li jirrigwardjaw, per eżempju, il-perjodi ta’ serħan, il-ħin tax-xogħol, il-leave annwali u x-xogħol ta’ bil-lejl għal ċerti kategoriji ta’ ħaddiema għandhom jieħdu preċedenza fuq id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

16

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan u skop”:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Diretiva tapplika għal:

[…]

(b)

ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

[…]”

17

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu, li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3.   ‘ħin ta’ bil-lejl’ ifisser kwalunkwe perjodu ta’ mhux anqas minn seba’ sigħat, kif definiti bil-liġi nazzjonali, u li għandu jinkludi, fi kwalunkwe każ, il-perjodu ta’ bejn nofs-il-lejl u l-5.00;

4.   ‘Ħaddiem ta’ matul il-lejl’ ifisser:

(a)

minn naħa l-waħda, kwalunkwe ħaddiem, li, matul il-ħin tal-lejl, jaħdem mill-anqas tliet sigħat tal-ħin tax-xogħol ta’ kull jum tiegħu bħala ħaġa normali; u

(b)

minn naħa l-oħra, kwalunkwe ħaddiem li aktarx li matul il-lejl iwettaq ċertu proporzjon tal-ħin annwali tax-xogħol tiegħu, kif definit b’għażla ta’ l-Istati Membri kkonċernati [l-Istat Membru kkonċernat]:

(i)

bil-leġislazzjoni nazzjonali, b’segwiment ta’ konsultazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija; jew

(ii)

bi ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija f’livell nazzjonali jew reġjonali;

[…]”

Id-dritt Spanjol

18

Il-benefiċċju soċjali marbut mar-riskji matul it-treddigħ ġie inkluż fis-sistema legali Spanjola permezz tal-Ley Orgánica 3/2007 para la igualdad efectiva de mujeres y hombres (il-Liġi Organika 3/2007 għall-ugwaljanza effettiva bejn irġiel u nisa), tat‑22 ta’ Marzu 2007 (BOE Nru 71, tat‑23 ta’ Marzu 2007, p. 12611, iktar ’il quddiem il-“Liġi 3/2007”).

19

L-għan tal-Liġi 3/2007 huwa li tiffavorixxi l-integrazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, billi jkunu jistgħu jirrikonċiljaw il-ħajja professjonali tagħhom mal-ħajja privata tagħhom u mal-ħajja tal-familja tagħhom.

20

It-tnax-il dispożizzjoni addizzjonali ta’ din il-liġi wasslet għall-emenda tal-Artikolu 26 tal-Ley 31/1995 de Prevención de Riesgos Laborales (il-Liġi 31/1995 dwar il-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol), tat‑8 ta’ Novembru 1995 (BOE Nru 269, tal‑10 ta’ Novembru 1995, p. 32590, iktar ’il quddiem il-“Liġi 31/1995”), fis-sens li b’hekk ġiet stabbilita l-protezzjoni tal-ħaddiema u tat-trabi fis-sitwazzjonijiet ta’ riskju li jirriżultaw matul it-treddigħ naturali meta l-kundizzjonijiet tal-pożizzjoni tax-xogħol ikunu jistgħu jkollhom riperkussjonijiet negattivi fuq is-saħħa tal-ħaddiema jew tal-wild.

21

L-Artikolu 26 tal-Liġi 31/1995, li tittrasponi b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 92/85 fid-dritt intern, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-evalwazzjoni tar-riskji [għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema] imsemmija fl-Artikolu 16 ta’ din il-liġi għandha tinkludi evalwazzjoni tan-natura, tal-grad u tat-tul ta’ espożizzjoni ta’ ħaddiema nisa tqal jew ħaddiema li welldu reċentement għal aġenti, proċessi jew kundizzjonijiet tax-xogħol li jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-ħaddiema jew tal-fetu fi kwalunkwe attività li jista’ jkollha riskju speċifiku. Jekk ir-riżultati tal-evalwazzjoni jiżvelaw riskju għas-sigurtà jew is-saħħa jew possibbiltà ta’ effett fuq it-tqala jew it-treddigħ ta’ dawn il-ħaddiema, il-persuna li timpjega għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tiġi evitata l-espożizzjoni għal dak ir-riskju billi jiġu aġġustati l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata.

Dawn il-miżuri għandhom jinkludu, fejn meħtieġ, li ma jinħadimx xogħol ta’ billejl jew xogħol bix-xift.

2.   Meta l-aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-ħinijiet tax-xogħol ma jistax isir jew, minkejja tali aġġustament, il-kundizzjonijiet ta’ pożizzjoni tax-xogħol jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-ħaddiema tqila jew tal-fetu u ċertifikat f’dan is-sens jinħareġ mid-Dipartiment Mediku tal-[INSS] jew mill-assiguratur reċiproku, skont l-entità li magħha l-impriża jkollha ftehim dwar polza ta’ assigurazzjoni għal riskji fuq il-post tax-xogħol, flimkien ma’ rapport mit-tabib tal-mediċina ġenerali tas-Servicio Nacional de Salud [(is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa, Spanja)] li jikkura l-ħaddiema, din tal-aħħar għandha tiġi assenjata pożizzjoni tax-xogħol jew funzjoni differenti kompatibbli mal-kundizzjoni tagħha. Wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, il-persuna li timpjega għandha tistabbilixxi lista ta’ pożizzjonijiet tax-xogħol li huma mingħajr riskju għal dawn il-finijiet.

Bidla għal pożizzjoni tax-xogħol jew għal funzjoni oħra għandha ssir skont ir-regoli u l-kriterji applikati fil-każijiet ta’ mobbiltà funzjonali u għandha tkun fis-seħħ sakemm l-istat tas-saħħa tal-ħaddiema jippermettilha tirritorna għall-pożizzjoni preċedenti tagħha.

[…]

3.   Jekk tali bidla għal pożizzjoni oħra ma hijiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma tistax tkun raġonevolment mitluba għal raġunijiet iġġustifikati debitament, il-ħaddiema kkonċernata jista’ jkollha l-kuntratt tagħha sospiż minħabba riskji matul it-tqala, skont l-Artikolu 45(1)(d) [tar-Real Decreto Legislativo 1/1995, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995 li japprova t-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema) tal‑24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad‑29 ta’ Marzu 1995, p. 9654)], għall-perijodu meħtieġ għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħha u sakemm hija tibqa’ fl-impossibbiltà li tirritorna għall-pożizzjoni preċedenti tagħha, jew li timxi għal pożizzjoni oħra kompatibbli mal-kundizzjoni tagħha.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu applikabbli matul il-perijodu tat-treddigħ jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-ħaddiema kkonċernata jew tal-wild tagħha u ċertifikat f’dan is-sens jinħareġ mid Dipartiment Mediku tal-[INSS] jew mill-assiguratur reċiproku, skont l-entità li magħha l-impriża jkollha ftehim dwar polza ta’ assigurazzjoni għal riskji fuq il-post tax-xogħol, flimkien ma’ rapport mit-tabib tas-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa li jikkura lill-ħaddiema jew lill-wild tagħha. Barra minn hekk, il-ħaddiema kkonċernata jista’ jkollha l-kuntratt tagħha sospiż minħabba riskji matul it-treddigħ ta’ tfal taħt id-disa’ xhur, skont l-Artikolu 45(1)(d) tad-[Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995], jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jkunu ssodisfatti.

[…]”

22

It-tmintax-il dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 3/2007 emendat il-leġiżlazzjoni Spanjola b’tali mod li l-perijodu ta’ treddigħ naturali jiġi espressament irrikonoxxut bħala waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mil-Ley General de la Seguridad Social – Real Decreto Legislativo 1/1994 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General de la Seguridad Social (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1994, li japprova t-test rivedut tal-liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali), tal‑20 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad‑29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658, iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali”).

23

L-Artikolu 135bis tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali jistabbilixxi li:

“Sitwazzjoni protetta.

Għall-finijiet tal-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ naturali, għandu jitqies bħala sitwazzjoni protetta l-perijodu ta’ sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol li jseħħ fil-każ li, meta l-ħaddiema jkollha tbiddel il-post biex tintegra post kompatibbli mas-sitwazzjoni tagħha, tali bdil ikun, skont it-termini tal-Artikolu 26(4) tal-Liġi 31/1995, teknikament jew oġġettivament impossibbli, jew ma jkunx jista’ jkun raġonevolment meħtieġ għal motivi debitament iġġustifikati.”

24

L-Artikolu 135ter tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali jipprevedi li:

“Benefiċċji fi flus.

Il-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ naturali jingħata lill-ħaddiema fit-termini u l-kundizzjonijiet previsti minn din il-liġi għall-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-tqala, u jispiċċa fil-mument meta l-wild ikun laħaq l-età ta’ disa’ xhur, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx reġa’ mar lura b’mod antiċipat fil-pożizzjoni tax-xogħol preċedenti tiegħu jew f’pożizzjoni tax-xogħol ieħor kompatibbli mas-sitwazzjoni tiegħu.”

25

Għal dak li jikkonċerna d-dritt proċedurali, l-Artikolu 96(1) tal-Ley 36/2011, reguladora de la jurisdicción social (il-Liġi 36/2011, li tirregola l-qrati soċjali), tal‑10 ta’ Ottubru 2011 (BOE Nru 245 p. 106584, tal‑11 ta’ Ottubru 2011), jipprevedi li:

“Oneru tal-prova fil-każ ta’ diskriminazzjoni u inċidenti fuq il-post tax-xogħol

1.   Fil-proċeduri fejn mill-argumenti tar-rikorrent jirriżulta li jkunu jeżistu indizji fondati ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-orjentament sesswali, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew ta’ fastidju, u f’kull każ ieħor ta’ ksur ta’ dritt fundamentali jew ta’ libertà pubblika, għandu jkun il-konvenut li jipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva u raġonevoli, ippruvata suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, tal-miżuri adottati u tal-proporzjonalità tagħhom.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li I. González Castro taħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà għal Prosegur.

27

Fit‑8 ta’ Novembru 2014, hija welldet tifel li, sussegwentement, hija reddgħet.

28

Minn Marzu 2015, I. González Castro wettqet il-funzjonijiet tagħha f’ċentru kummerċjali, skont sistema ta’ rotazzjoni varjabbli bi ġranet ta’ xogħol ta’ 8 sigħat.

29

Is-servizz tas-sigurtà li hija tipprovdi fuq il-post tax-xogħol jingħata ġeneralment ma’ uffiċjal tas-sigurtà ieħor, bl-eċċezzjoni tax-xiftijiet li ġejjin, meta hija tipprovdi l-imsemmi servizz waħedha: mit-Tnejn sal-Ħamis minn nofsillejl sat-tmienja ta’ filgħodu; il-Ġimgħa mis-sagħtejn sat-tmienja ta’ filgħodu; is-Sibt mit-tlieta sat-tmienja ta’ filgħodu, u l-Ħadd mis-siegħa sat-tmienja ta’ filgħodu.

30

I. González Castro bdiet, mal-assiguratur reċiproku Umivale, assoċjazzjoni reċiproka privata mingħajr skop ta’ lukru li tkopri r-riskji marbuta mal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mal-mard ikkaġunat mix-xogħol, il-proċedura intiża għall-kisba tal-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ, previst fl-Artikolu 26 tal-Liġi 31/1995. Għal dan il-għan, hija talbet lil dan l-assiguratur reċiproku, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jagħtiha ċertifikat mediku li juri l-eżistenza ta’ riskju għat-treddigħ fil-pożizzjoni tax-xogħol tagħha.

31

Peress li t-talba tagħha ġiet irrifjutata mill-assiguratur reċiproku Umivale, hija ressqet ilment li ġie miċħud ukoll.

32

I. González Castro ppreżentat rikors kontra dan ir-rifjut quddiem il-Juzgado de lo Social no 3 de Lugo (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Lugo, Spanja).

33

Peress li r-rikors tagħha ġie miċħud, I. González Castro appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia, Spanja).

34

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “xogħol ta’ billejl”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85, meta, bħal fil-kawża li tressqet quddiemha, dan ikun flimkien ma’ xogħol bix-xift. Skont il-qorti tar-rinviju, il-ħaddiema li qegħdin ireddgħu u li jwettqu xogħol bix-xift li fil-kuntest tiegħu huma jaħdmu biss ċerti xiftijiet matul il-lejl għandhom jibbenefikaw mill-istess protezzjoni bħal dik mogħtija lill-ħaddiema li qegħdin ireddgħu u li jwettqu xogħol ta’ billejl mhux bix-xift.

35

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li ma huwiex eskluż li l-evalwazzjoni tar-riskji li jinsabu fil-pożizzjoni tax-xogħol ta’ I. González Castro, prevista fil-kuntest tal-proċedura intiża għall-kisba ta’ benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ, skont l-Artikolu 26 tal-Liġi 31/1995 li jittrasponi l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 92/85, ma twettqitx korrettament u li l-pożizzjoni tax-xogħol tagħha fil-verità toħloq riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tagħha, b’mod partikolari minħabba l-fatt li hija twettaq xogħol ta’ billejl u bix-xift, li hija taħdem ċerti xifts waħedha, billi tagħmel rondi u billi jkollha tirrispondi għal emerġenzi, bħal aġir kriminali, nirien jew avvenimenti oħra ta’ dan it-tip, u li l-eżistenza ta’ post adattat għat-treddigħ naturali jew, skont il-każ, għall-estrazzjoni tal-ħalib tas-sider, ma ġietx murija.

36

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hemmx lok li jiġu applikati r-regoli li jaqilbu l-oneru tal-prova previsti fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tressqet quddiemha u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, hija tistaqsi liema huma l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hijiex il-ħaddiema kkonċernata jew il-konvenut, jew inkella l-persuna li timpjega jew l-entità responsabbli għall-ħlas tal-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ, li għandha turi li l-aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew it-tibdil tal-pożizzjoni tal-ħaddiema kkonċernata ma jkunux teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistgħux raġonevolment jintalbu.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Galicia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7 tad-[Direttiva 92/85] għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xogħol ta’ bil-lejl li ma għandhomx ikunu obbligati jwettqu l-ħaddiema nisa li għalihom jirreferi l-Artikolu 2, fejn huma għalhekk inklużi l-ħaddiema nisa li qed ireddgħu, ma jinkludix biss ix-xogħol li jitwettaq kollu kemm hu fil-ħin ta’ bil-lejl, iżda wkoll ix-xogħol bix-xift meta wħud minn dawn ix-xiftijiet, bħal fil-każ inkwistjoni, ikunu ta’ bil-lejl?

2)

F’tilwima fejn tiġi diskussa l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ riskju matul it-treddigħ ta’ ħaddiema, għandhom japplikaw ir-regoli speċjali dwar l-oneru tal-prova tal-Artikolu 19(1) tad-[Direttiva 2006/54], traspost fl-ordinament ġuridiku Spanjol, fost oħrajn, permezz tal-Artikolu 96(1) tal-Liġi 36/2011, b’rabta mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 5 tad-[Direttiva 92/85], traspost fl-ordinament ġuridiku Spanjol permezz tal-Artikolu 26 tal-[Liġi 31/1995], fil-każ ta’ leave mix-xogħol tal-ħaddiema li qed tredda’ u, fil-każ tagħha, għar-rikonoxximent tal-allowance marbuta ma’ sitwazzjoni bħal din fl-ordinament ġuridiku intern fid-dawl tal-Artikolu 11(1) [tad-Direttiva 92/85]?

3)

L-Artikolu 19(1) [tad-Direttiva 2006/54] jista’ jiġi interpretat fis-sens li huma ‘fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta’ ta’ ħaddiema li qed tredda’, f’kawża li titratta l-eżistenza ta’ riskju matul it-treddigħ naturali b’eżenzjoni mill-obbligu ta’ xogħol, prevista fl-Artikolu 5 tad-[Direttiva 92/85] u trasposta fl-ordinament ġuridiku Spanjol fl-Artikolu 26 tal-[Liġi 31/1995] fejn: (1) il-ħaddiema toffri servizzi f’sistema ta’ xogħol bix-xiftijiet bħala uffiċjal tas-sigurtà, u b’ħin ta’ bil-lejl f’uħud mix-xiftijiet ta’ xogħol li barra minn hekk twettaq waħedha, u barra minn hekk (2) billi tagħmel ir-ronda u tassisti, fil-każ tagħha, urġenzi (delitti, każijiet ta’ nirien, jew inċidenti oħrajn); u dan kollu mingħajr barra minn hekk ma (3) tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ post adegwat għat-treddigħ naturali fiċ-ċentru tax-xogħol, jew, fil-każ tagħha, biex tipproċedi għall-estrazzjoni mekkanika tal-ħalib tal-omm?

4)

Ġaladarba l-’fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta’ skont l-Artikolu 19(1) tad-[Direttiva 2006/54] b’rabta mal-Artikolu 5 tad-[Direttiva 92/85], traspost fl-ordinament ġuridiku Spanjol fl-Artikolu 26 tal-[Liġi 31/1995], f’kawża li titratta l-eżistenza ta’ riskju matul it-treddigħ naturali b’eżenzjoni mill-obbligu ta’ xogħol: Huwa rikjest mill-ħaddiema li qed tredda’ li biex tiġi eżentata mix-xogħol konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tittrasponi l-Artikolu 5(2) u (3) tad-[Direttiva 92/85], għandha turi li l-aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew tal-ħin tax-xogħol ma jirriżultax li huwa tekniku [teknikament] u/jew oġġettivament possibbli jew ma jistax raġonevolament jiġi rikjest u li bidla fil-post tax-xogħol ma tirriżultax li hija teknika u/jew oġġettivament possibbli jew ma tistax tiġi raġonevolament rikjesta? Jew, għall-kuntrarju, għandhom ikunu l-partijiet l-oħra (imprenditur u entità li tħallas il-benefiċċju ta’ sigurtà soċjali marbuta mas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol) li għandhom jipproduċu l-provi ta’ dawn is-sitwazzjonijiet?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

38

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiema kkonċernata tagħmel xogħol bix-xift li fil-kuntest tiegħu hija twettaq biss parti mill-funzjonijiet tagħha matul il-lejl.

39

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu ma jkunux imġiegħla jagħmlu xogħol ta’ billejl waqt it-tqala tagħhom u għal żmien wara t-twelid, li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità nazzjonali kompetenti għas-sigurtà u għas-saħħa, bil-kundizzjoni li jiġi ppreżentat, skont il-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri, ċertifikat mediku li jiddikjara li dan huwa neċessarju għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema kkonċernata.

41

Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jispeċifika li l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-possibbiltà, skont il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali, ta’ trasferiment għal xogħol ta’ binhar jew dispensa mix-xogħol jew estensjoni tal-leave tal-maternità, meta tali trasferiment ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, jew ma jistax jintalab b’mod raġonevoli għal motivi ġġustifikati.

42

Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda preċiżazzjoni dwar il-portata eżatta tal-kunċett ta’ “xogħol ta’ billejl”.

43

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva92/85 jirriżulta li din tagħmel parti minn sensiela ta’ direttivi, adottati abbażi tal-Artikolu 118A tat-Trattat KEE, li l-għan tagħhom huwa li jiġu adottati rekwiżiti minimi, b’mod partikolari fir-rigward tat-titjib tal-ambjent tax-xogħol sabiex jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

44

Kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, dan huwa wkoll il-każ tad-Direttiva 2003/88, li tiffissa rekwiżiti minimi għas-sigurtà u għas-saħħa fl-organizzazzazjoni tal-ħin tax-xogħol u tapplika, b’mod partikolari, għal ċerti aspetti tax-xogħol ta’ billejl, tax-xogħol bix-xift u tar-ritmu tax-xogħol.

45

Issa, id-Direttiva 2003/88 tiddefinixxi, fl-Artikolu 2(4) tagħha, ħaddiem ta’ matul il-lejl bħala “kwalunkwe ħaddiem, li, matul il-ħin tal-lejl, jaħdem mill-anqas tliet sigħat tal-ħin tax-xogħol ta’ kull jum tiegħu bħala ħaġa normali” u “kwalunkwe ħaddiem li aktarx li matul il-lejl iwettaq ċertu proporzjon tal-ħin annwali tax-xogħol tiegħu”. Barra minn hekk, il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jispeċifika li l-kunċett ta’ “ħin ta’ bil-lejl” għandu jinftiehem bħala “kwalunkwe perjodu ta’ mhux anqas minn seba’ sigħat, kif definiti bil-liġi nazzjonali, u li għandu jinkludi, fi kwalunkwe każ, il-perjodu ta’ bejn nofs-il-lejl u l-5.00”.

46

Mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u b’mod partikolari mill-użu tal-espressjonijiet “kwalunkwe perjodu”, “mill-anqas tliet sigħat tal-ħin tax-xogħol ta’ kull jum tiegħu” u “ċertu proporzjon tal-ħin annwali tax-xogħol tiegħu”, jirriżulta li ħaddiema li, bħal fil-kawża prinċipali, tagħmel xogħol bix-xift li fil-kuntest tiegħu hija twettaq biss parti mill-funzjonijiet tagħha matul il-lejl għandha titqies li twettaq xogħol matul il-“ħin ta’ billejl” u għandha għaldaqstant tiġi kklassifikata bħala “ħaddiem ta’ matul il-lejl”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88.

47

Għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn huwa fl-interess tal-ħaddiema tqal, li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu li jiġu applikati, skont il-premessa 14 tad-Direttiva 2003/88, id-dispożizzjonijiet speċifiċi previsti mid-Direttiva 92/85 għal dak li jikkonċerna x-xogħol ta’ billejl, b’mod partikolari sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni li għandhom jibbenefikaw minnha f’dan ir-rigward, dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi ma għandhomx jiġu interpretati b’mod inqas favorevoli mid-dispożizzjonijiet ġenerali previsti mid-Direttiva 2003/88, li huma applikabbli għal kategoriji oħra ta’ ħaddiema.

48

Konsegwentement, hemm lok li jitqies li ħaddiema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha “xogħol ta’ billejl”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85, u li hija taqa’, bħala prinċipju, taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

49

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85.

50

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija intiża li ssaħħaħ il-protezzjoni mogħtija lil ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu billi tistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li dawn ma għandhomx ikunu mġiegħla jagħmlu xogħol ta’ billejl meta dan ipoġġihom f’riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tagħhom.

51

Issa, jekk ħaddiema li qiegħda tredda’ u li, bħal fil-kawża prinċipali, tagħmel xogħol bix-xift kellha tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 għar-raġuni li hija twettaq biss parti mill-funzjonijiet tagħha matul il-lejl, dan ikollu l-konsegwenza li jneħħi parti mill-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-ħaddiema kkonċernata tista’ tiġi esposta għal riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tagħha u l-protezzjoni li hija intitolata għaliha skont din id-dispożizzjoni tonqos b’mod kunsiderevoli.

52

Għal dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ppreċiżat li, sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-miżuri ta’ protezzjoni mniżżla fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri trasferiment għal xogħol ta’ binhar jew, fin-nuqqas ta’ dan, dispensa mix-xogħol, il-ħaddiema kkonċernata għandha tippreżenta ċertifikat mediku li jiddikjara li dan huwa neċessarju għas-sigurtà jew għas-saħħa tagħha, skont il-modalitajiet stabbiliti mill-Istat Membru inkwistjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża.

53

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiema kkonċernata tagħmel xogħol bix-xift li fil-kuntest tiegħu hija twettaq biss parti mill-funzjonijiet tagħha matul il-lejl.

Fuq it-tieni sar-raba’ domanda

54

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha u, f’dan il-kuntest, tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Konsegwentement, minkejja li, fuq il-livell formali, il-qorti tar-rinviju llimitat it-tieni sar-raba’ domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 26 tal-Liġi 31/1995, tittrasponi fid-dritt intern, mingħajr distinzjoni ċara, b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 92/85 u din il-leġiżlazzjoni tipprevedi, b’mod partikolari, li s-sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol minħabba riskju matul it-treddigħ kif ukoll l-għoti tal-benefiċċju relatat magħha huma possibbli biss jekk jiġi stabbilit, wara l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata, li din tippreżenta tali riskju u li ma huwiex possibbli li jiġu aġġustati l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ din il-ħaddiema jew li tingħata pożizzjoni tax-xogħol differenti.

57

Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li ma huwiex eskluż li, jekk l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata prevista minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet twettqet korrettament, l-eżistenza ta’ riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà ta’ din il-ħaddiema setgħet tiġi żvelata, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85, għar-raġuni li l-imsemmija ħaddiema twettaq xogħol ta’ billejl u bix-xift u taħdem ċerti xifts waħedha, billi tagħmel rondi u billi jkollha tirrispondi għal emerġenzi, bħal aġir kriminali, nirien jew avvenimenti oħra ta’ dan it-tip, mingħajr ma hija prevista l-eżistenza ta’ post adattat għat-treddigħ naturali jew, skont il-każ, għall-estrazzjoni tal-ħalib tas-sider.

58

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhomx japplikaw ir-regoli li jaqilbu l-oneru tal-prova previsti fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiema li ma tkunx ingħatat ċertifikat mediku li jiddikjara l-eżistenza ta’ riskju għat-treddigħ preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tagħha u, konsegwentement, il-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ, tikkontesta, quddiem qorti nazzjonali jew quddiem kwalunkwe istanza oħra kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tagħha. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema huma l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk hijiex il-ħaddiema kkonċernata jew il-konvenut, jew inkella l-persuna li timpjega jew l-entità responsabbli għall-ħlas tal-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ, li għandha turi li l-aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew it-tibdil tal-pożizzjoni tal-ħaddiema kkonċernata ma jkunux teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistgħux raġonevolment jintalbu.

59

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jinftiehem li, permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiema li ma tkunx ingħatat ċertifikat mediku li jiddikjara l-eżistenza ta’ riskju għat-treddigħ preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tagħha u, konsegwentement, il-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ, tikkontesta, quddiem qorti nazzjonali jew quddiem kwalunkwe istanza oħra kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tagħha u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, liema huma l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’każ bħal dan.

60

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, l-Istati Membri għandhom jieħdu, skont is-sistema ġudizzjarja tagħhom, il-miżuri meħtieġa sabiex, meta persuna tqis li tkun ġiet leża min-nuqqas ta’ osservanza fil-konfront tagħha tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tistabbilixxi, quddiem qorti jew quddiem kwalunkwe istanza oħra kompetenti, fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta, huwa l-konvenut li għandu jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

61

B’mod partikolari, l-Artikolu 19(4)(a) ta’ din id-direttiva jippreċiża li r-regoli li jaqilbu l-oneru tal-prova previsti fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu għandhom japplikaw għas-sitwazzjonijiet koperti mid-Direttiva 92/85, sa fejn ikun hemm diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

62

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 japplika għal sitwazzjoni li fiha ħaddiema li qiegħda tredda’ tikkontesta, quddiem qorti nazzjonali jew quddiem kwalunkwe istanza oħra kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol peress li din ma tkunx twettqet skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 65).

63

Il-fatt li ma tkunx twettqet evalwazzjoni tar-riskju preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol ta’ ħaddiema li qiegħda tredda’ konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85, għandu jitqies bħala trattament inqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-leave tal-maternità, fis-sens ta’ din id-direttiva, u għalhekk jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punti 6263).

64

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85, l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol ta’ ħaddiema li qiegħda tredda’ għandha tinkludi eżami speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tal-ħaddiema kkonċernata sabiex jiġi ddeterminat jekk is-saħħa jew is-sigurtà tagħha jew dawk tal-wild tagħha humiex esposti għal riskju (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 51).

65

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-evalwazzjoni tar-riskji prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85 għandha l-għan li tipproteġi l-ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu u l-wild tagħhom sa fejn, meta din l-evalwazzjoni turi li l-pożizzjoni tax-xogħol ta’ tali ħaddiema jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tagħha, għandha riperkussjoni fuq it-tqala tagħha jew ukoll fuq it-treddigħ tal-wild tagħha, il-persuna li timpjega hija obbligata, skont l-Artikolu 5 tal-istess direttiva, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat li tiġi esposta għal dan ir-riskju.

66

Kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85 huwa d-dispożizzjoni ġenerali li tiddefinixxi l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku għall-ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika li tapplika fil-każ tax-xogħol ta’ billejl li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa li jista’ jippreżenta riskju speċjali għall-ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu.

67

Għaldaqstant, għalkemm l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 92/85 jippruvaw jilħqu l-istess għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu kontra r-riskji preżenti fil-pożizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85 huwa intiż, b’mod partikolari, li jsaħħaħ din il-protezzjoni billi jistabbilixxi l-prinċipju li l-ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu ma għandhomx ikunu mġiegħla jagħmlu xogħol ta’ billejl, bil-kundizzjoni li huma jippreżentaw ċertifikat mediku li jiddikjara n-neċessità ta’ tali protezzjoni għas-sigurtà jew għas-saħħa tagħhom.

68

L-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu, prevista fil-kuntest tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85, ma tistax, għalhekk, tkun suġġetta għal rekwiżiti inqas stretti minn dawk li japplikaw fil-kuntest tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva.

69

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-linji gwida, li għandhom bħala għan, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/85, li jservu bħala gwida għall-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, jirreferu espressament għax-xogħol ta’ billejl.

70

B’mod partikolari, mit-tabella iddettaljata dwar l-evalwazzjoni tar-riskji, tas-sitwazzjonijiet u tal-perikoli ta’ natura ġenerali li huma esposti għalihom il-parti l-kbira tan-nisa tqal, li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu, li tinsab fil-paġna 13 ta’ dawn il-linji gwida, jirriżulta li x-xogħol ta’ billejl jista’ jkollu riperkussjonijiet kunsiderevoli fuq is-saħħa tan-nisa tqal, li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, li r-riskji mġarrba minn dawn in-nisa jvarjaw skont it-tip ta’ xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-persuna kkonċernata u li, konsegwentement, peress li jgħejjew iktar, xi nisa tqal jew li qegħdin ireddgħu jistgħu ma jkunux kapaċi jaħdmu xiftijiet irregolari jew fit-tard jew xogħol ta’ billejl. Din it-tabella tipprovdi, barra minn hekk, il-miżuri ta’ prevenzjoni għal dak li jirrigwarda x-xogħol ta’ billejl.

71

Barra minn hekk, mil-linji gwida jirriżulta li l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol ta’ ħaddiema li qiegħda tredda’ għandha tinkludi eżami speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tal-ħaddiema kkonċernata (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punti 4651).

72

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies, kif għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata, imwettqa fil-kuntest tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85, għandha tinkludi eżami speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali ta’ din il-ħaddiema sabiex jiġi ddeterminat jekk is-saħħa jew is-sigurtà tagħha jew dawk tal-wild tagħha humiex esposti għal riskju. Fil-każ li tali eżami ma jsirx, dan ikun trattament inqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-leave tal-maternità, fis-sens ta’ din id-direttiva, u jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54, li jippermetti l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva.

73

Għal dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li r-regoli ta’ prova li hija tipprevedi ma japplikawx fil-mument meta l-ħaddiema kkonċernata titlob aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha jew, bħal fil-kawża prinċipali, benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ, u li l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tagħha għandha, għalhekk, titwettaq, skont l-Artikolu 4(1), jew, fejn applikabbli, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/85. Huwa biss f’fażi ulterjuri, fejn deċiżjoni relatata ma’ din l-evalwazzjoni tar-riskji tiġi kkontestata mill-ħaddiema kkonċernata quddiem qorti jew quddiem kwalunkwe istanza oħra kompetenti, li dawn ir-regoli ta’ prova huma maħsuba li japplikaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 67).

74

Madankollu, skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54, hija l-ħaddiema li tqis li ġiet leża min-nuqqas ta’ osservanza, fir-rigward tagħha, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li tipproduċi, quddiem qorti jew quddiem kwalunkwe istanza oħra kompetenti, fatti jew provi li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, dan ifisser li l-ħaddiema kkonċernata għandha tipproduċi, quddiem il-qorti tar-rinviju jew quddiem kwalunkwe istanza oħra kompetenti tal-Istat Membru inkwistjoni, fatti jew provi li jistgħu juru li l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi, b’mod partikolari, l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 92/85 fid-dritt intern ma inkludietx eżami speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħha u li, għaldaqstant, ġiet iddiskriminata.

76

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li I. González Castro bdiet, mal-assiguratur reċiproku Umivale, il-proċedura intiża għall-kisba tal-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ u, għal dan il-għan, ressqet, fid‑9 ta’ Marzu 2015, talba għal ċertifikat mediku li jiddikjara l-eżistenza ta’ riskju għat-treddigħ preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tagħha permezz ta’ formola pprovduta mill-imsemmi assiguratur reċiproku f’dan ir-rigward.

77

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, Prosegur bagħtet, fit‑13 ta’ Marzu 2015, lill-assiguratur reċiproku Umivale dikjarazzjoni li fiha hija indikat li ma ppruvatx tadatta l-kundizzjonijiet tax-xogħol preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol ta’ I. González Castro jew tbiddel il-pożizzjoni tax-xogħol tagħha peress li hija qieset li l-funzjonijiet li hija kienet teżerċita u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha ma kinux jinfluwenzaw it-treddigħ naturali.

78

Issa, din id-dikjarazzjoni, fil-forma ta’ formola standard ipprovduta mill-assiguratur reċiproku Umivale, ma fiha ebda motivazzjoni dwar kif Prosegur waslet għal din il-konklużjoni u ma jidhirx li hija bbażata fuq eżami speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tal-ħaddiema kkonċernata.

79

Fir-rigward tad-deċiżjoni li biha l-assiguratur reċiproku Umivale ċaħad it-talba mressqa minn I. González Castro, din sempliċement tindika li “ma hemm l-ebda riskju inerenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tagħha li jista’ jkun ta’ ħsara, wara studju eżawrjenti tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-ħaddiema stess”. Fil-konklużjonijiet li jinsabu fl-anness ta’ din id-deċiżjoni, l-assiguratur reċiproku Umivale jirreferi għal-“linji gwida għall-evalwazzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol matul it-treddigħ”, stabbiliti mill-Assoċjazzjoni Spanjola tal-Pedjatrija u ppubblikati mill-INSS, sabiex iqis li dawn jindikaw li x-xogħol bix-xift jew ix-xogħol ta’ billejl ma jippreżentawx riskju għat-treddigħ. L-assiguratur reċiproku Umivale jiddikjara wkoll, mingħajr spjegazzjonijiet oħra, li I. González Castro ma hijiex esposta matul ix-xogħol tagħha għal sustanzi ta’ ħsara għall-wild tagħha u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha ma għandhomx jinterferixxu mat-treddigħ.

80

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, hekk kif l-Avukat Ġenerali kkonstatat fil-punti 70 u 77 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol ta’ I. González Castro ma inkludietx eżami speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħha u li l-persuna kkonċernata kienet ġiet iddiskriminata. Finalment, hija l-qorti tar-rinviju, li hija biss għandha l-kompetenza li tevalwa l-fatti tal-kawża mressqa quddiemha, li għandha tivverifika jekk dan huwiex effettivament il-każ.

81

Fil-każ ta’ tweġiba affermattiva, huwa l-konvenut fil-kawża prinċipali li għandu jipprova li l-evalwazzjoni tar-riskji prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi, b’mod partikolari, l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 92/85 fid-dritt intern kienet tinkludi eżami speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali ta’ I. González Castro, filwaqt li dokumenti bħal dikjarazzjoni mill-persuna li timpjega li tgħid li l-funzjonijiet eżerċitati mill-imsemmija ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha ma jinfluwenzawx it-treddigħ naturali, mingħajr spjegazzjonijiet ta’ natura li jsostnu din l-affermazzjoni, flimkien mal-fatt li l-pożizzjoni tax-xogħol tagħha ma hijiex inkluża fil-lista ta’ pożizzjonijiet li jippreżentaw riskju għat-treddigħ stabbilita mill-organu kompetenti tal-Istat Membru inkwistjoni, ma jistgħux, fihom infushom, iwasslu għal preżunzjoni inkonfutabbli li dan huwa l-każ. Fin-nuqqas, kemm l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva 92/85 kif ukoll ir-regoli previsti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/54 ikunu mċaħħda minn kull effett utli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 74).

82

Għandu jingħad ukoll li l-istess regoli ta’ prova japplikaw fil-kuntest tal-Artikolu 5 jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 92/85. B’mod partikolari, sa fejn ħaddiema li tredda’ titlob dispensa mix-xogħol għall-perijodu kollu neċessarju għall-protezzjoni tas-sigurtà jew tas-saħħa tagħha u tipproduċi provi ta’ natura li jindikaw li l-miżuri ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 5(1) u (2) jew fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva ma kinux possibbli, hija l-persuna li timpjega li għandha tistabbilixxi li dawn il-miżuri kienu teknikament jew oġġettivament possibbli u setgħu raġonevolment jintalbu fis-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernata.

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni sar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiema, li ma tkunx ingħatat ċertifikat mediku li jiddikjara l-eżistenza ta’ riskju għat-treddigħ preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tagħha u, konsegwentement, il-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ, tikkontesta, quddiem qorti nazzjonali jew quddiem kwalunkwe istanza oħra kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tagħha, meta din il-ħaddiema tipproduċi fatti ta’ natura li jissuġġerixxu li din l-evalwazzjoni ma inkludietx eżami speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħha u li jippermettu għalhekk li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tad-Direttiva 2006/54, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Huwa mbagħad il-konvenut li għandu jipproduċi l-prova li l-imsemmija evalwazzjoni tar-riskju kien fih effettivament tali eżami konkret u li, għaldaqstant, ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

84

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiema kkonċernata tagħmel xogħol bix-xift li fil-kuntest tiegħu hija twettaq biss parti mill-funzjonijiet tagħha matul il-lejl.

 

2)

L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid), għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiema, li ma tkunx ingħatat ċertifikat mediku li jiddikjara l-eżistenza ta’ riskju għat-treddigħ preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tagħha u, konsegwentement, il-benefiċċju ekonomiku minħabba riskju matul it-treddigħ, tikkontesta, quddiem qorti nazzjonali jew quddiem kwalunkwe istanza oħra kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, l-evalwazzjoni tar-riskji preżenti fil-pożizzjoni tax-xogħol tagħha, meta din il-ħaddiema tipproduċi fatti ta’ natura li jissuġġerixxu li din l-evalwazzjoni ma inkludietx eżami speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħha u li jippermettu għalhekk li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tad-Direttiva 2006/54, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Huwa mbagħad il-konvenut li għandu jipproduċi l-prova li l-imsemmija evalwazzjoni tar-riskju kien fih effettivament tali eżami konkret u li, għaldaqstant, ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.