Kawża C‑14/17
VAR Srl u Azienda Trasporti Milanesi SpA (ATM)
vs
Iveco Orecchia SpA
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/17/KE – Artikolu 34 – Provvista ta’ spare parts għal karozzi tal-linja u trolleybuses – Speċifikazzjonijiet tekniċi – Prodotti ekwivalenti – Possibbiltà li tiġi prodotta l-prova ta’ ekwivalenza wara l-għoti tal-kuntratt”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Lulju 2018
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport, u tas-servizzi postali – Direttiva 2004/17 – Għoti ta’ kuntratti – Speċifikazzjonijiet tekniċi li jirreferu għal trade mark kummerċjali jew oriġini jew produzzjoni speċifika – Obbligu tal-entità kontraenti li teħtieġ, diġà fl-offerta tal-offerent, prova tal-ekwivalenza tal-prodotti proposti meta mqabbla ma’ dawk iddefiniti f’dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/17, Artikolu 34(8))
L-Artikolu 34(8) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti [għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u servizzi postali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt jirreferu għal trade mark, għal oriġini jew għal produzzjoni speċifika, l-entità kontraenti għandha teħtieġ li l-offerent juri diġà fl-offerta tiegħu, il-prova tal-ekwivalenza tal-prodotti proposti meta mqabbla ma’ dawk iddefiniti f’dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.
(ara l-punt 35 u d-dispożittiv)