KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis‑17 ta’ Jannar 2019 ( 1 )

Kawża C‑706/17

Achema AB

Orlen Lietuva AB

AB “Lifosa”

vs

Valstybinė kainų ir energetikos kontrolės komisija (VKEKK)

partijiet magħquda:

Lietuvos Respublikos energetikos ministerija,

UAB, “BALTPOOL”

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja))

“Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ ‘riżorsi tal-Istat’ — Selettività — Effetti fuq il-kummerċ — Distorsjoni tal-kompetizzjoni — Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-settur tal-elettriku — Kundizzjonijiet ta’ Altmark”

1. 

Permezz tad-domandi tagħha, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) essenzjalment tistaqsi jekk ċerti aspetti tar-reġim Litwan għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIĠ”) fis-settur tal-elettriku u tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament tiegħu (iktar ’il quddiem l-“iskema tas-SIĠ”) għandhomx jitqiesu bħala li jwasslu għal għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2. 

Il-kawża ineżami toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tirfina l-ġurisprudenza tagħha, b’mod partikolari, dwar il-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat”, u dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Lulju 2003 f’Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (iktar ’il quddiem “Altmark”) ( 2 ).

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt Litwan

3.

Skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali huma stabbiliti fl-istrumenti legali li ġejjin, fil-verżjoni applikabbli għad-data tal-fatti: l-Elektros energijos įstatymas, no°VIII 1881 (il-Liġi Litwana Nru VIII 1881 dwar l-elettriku) tal‑20 ta’ Lulju 2000; il-Lietuvos Respublikos atsinaujinančių išteklių energetikos įstatymo no XI 1375 (il-Liġi Litwana Nru XI 1375 dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli) tat‑12 ta’ Mejju 2011; il-Lietuvos Respublikos elektros energetikos sistemos integracijos į Europos elektros energetikos sistemas įstatymas Nr. XI 2052 (il-Liġi Litwana Nru XI 2052 dwar l-integrazzjoni tas-sistema tal-elettriku fis-sistemi tal-elettriku Ewropej) tat‑12 ta’ Ġunju 2012; il-Lietuvos Respublikos atsinaujinančių išteklių energetikos įstatymo 2, 11, 13, 14, 16, 20, 21 straipsnių pakeitimo ir papildymo įstatymas Nr. XII 169 (il-Liġi Litwana li timplimenta l-Liġi li temenda u tissupplimenta l-Artikoli 2, 11, 13, 14, 16, 20 u 21 tal-Liġi Nru XII 169 dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli) tas‑17 ta’ Jannar 2013; u l-miżuri legali li jimplimentaw dawn il-liġijiet, inkluż il-Lietuvos Respublikos Vyriausybės nutarimo Nr. 916 dėl viešuosius interesus atitinkančių paslaugų elektros energetikos sektoriuje teikimo tvarkos aprašo patvirtinimo (ir-Riżoluzzjoni Nru 916 tal-Gvern li tapprova l-proċedura għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku) tat‑18 ta’ Lulju 2012; u l-Vyriausybės Nutarimas Nr. 1157 “Viešuosius interesus atitinkančių paslaugų elektros energetikos sektoriuje lėšų administravimo tvarkos aprašas” (ir-Riżoluzzjoni Nru 1157 tal-Gvern li tirregola l-proċedura għall-amministrazzjoni ta’ flus għal servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku tad‑19 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni”).

4.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti legali, sa fejn dawn huma rilevanti għall-proċedura ineżami, ser jitqassru fil-punti 12 sa 15 iktar ’l isfel.

II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

5.

Ir-rikorrenti fil-proċedura prinċipali — Achema AB, Orlen Lietuva AB u AB “Lifosa” (iktar ’il quddiem “Achema et”) — huma kumpanniji rreġistrati u attivi fir-Repubblika tal-Litwanja li, fost affarijiet oħra, joperaw impjanti ta’ sħana u enerġija kkombinati. L-elettriku ġġenerat minn dawn l-impjanti jintuża biex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tal-elettriku tagħhom jew jiġi pprovdut lil impriżi oħra. Dawn il-kumpanniji jixtru wkoll l-elettriku minn fornituri indipendenti li joperaw fil-Litwanja.

6.

F’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, Achema et kienu, bħal kull konsumatur tal-elettriku ieħor, meħtieġa li jħallsu ċertu ammont għas-SIĠ ipprovduti lilhom fl‑2014.

7.

Achema et ippreżentaw rikors quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja) biex ifittxu l-annullament tal-punti 1.2 sa 1.4, 1.7, 2 u 3 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kontroll tal-Enerġija u l-Prezzijiet tal-Litwanja (iktar ’il quddiem il-“KNKEP”) tal‑11 ta’ Ottubru 2013 (kif emendata bid-Deċiżjoni Nru O3-704 tat‑22 ta’ Novembru 2013) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Fid-deċiżjoni kkontestata, il-KNKEP iddeterminat l-ammont totali ta’ flus dovuti fir-rigward tal‑2014 għal impriżi tal-elettriku li jipprovdu SIĠ (iktar ’il quddiem il-“fornituri tas-SIĠ”) (punt 1) u l-prezz tas-SIĠ għall-konsumaturi tal-elettriku (finali) Litwani, inklużi r-rikorrenti (punti 2 u 3).

8.

Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Frar 2016, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Achema et bħala infondat.

9.

Achema et appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja). Din il-qorti, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“Il-qafas leġiżlattiv għall-[iskema SIĠ] – stabbilit [mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni] – kif fis-seħħ fl-2014, jew parti minnu, għandu jitqies li huwa għajnuna mill-Istat (skema ta’ għajnuna mill-Istat) għall-iskopijiet tal-Artikolu 107(1) [TFUE], inklużi d-domandi segwenti:

f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-flus SIĠ għandhom, jew ma għandhomx, jitqiesu li huma riżorsi tal-Istat?

l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-każ fejn operaturi ta’ netwerk (impriżi) huma obbligati jixtru l-elettriku minn produtturi tal-elettriku bi prezz (rata) fiss(a) u/jew jibbilanċjaw l-elettriku, u t-telf sostnut minn operaturi ta’ netwerk minħabba dan l-obbligu huwa kkumpensat minn flus possibbilment attribwibbli lil riżorsi tal-Istat, ma għandux jitqies li jikkostitwixxi għajnuna mogħtija lil produtturi tal-elettriku permezz ta’ riżorsi tal-Istat?

l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, is-segwenti sostenn għandu, jew ma għandux, jitqies li huwa selettiv u/jew li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri: sostenn mogħti lil impriża li timplementa proġett ta’ importanza strateġika, bħal ‘NordBalt’; sostenn mogħti lil impriżi fdati bl-inkarigu li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku għal perijodu partikolari; sostenn sabiex jikkumpensa t-telf li jirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq u li huwa fil-fatt sostnut minn persuni, bħall-iżviluppaturi ta’ impjanti fotovoltajċi solari li huma involuti fil-kwistjoni, minħabba r-rifjut tal-Istat li jwettaq impenji meħuda (minħabba tibdil regolatorju nazzjonali); sostenn mogħti lil impriżi (operaturi ta’ netwerk) bl-għan li jiġi kkumpensat telf fil-fatt sostnut fit-twettiq tal-obbligu li jixtru l-elettriku bi prezz fiss mingħand produtturi tal-elettriku li jipprovdu SIĠ u li jibbilanċjaw l-elettriku?

l-Artikolu 107(1) TFUE, applikat flimkien mal-Artikolu 106(2) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-iskema SIĠ inkwistjoni (jew parti minnha) għandha, jew ma għandhiex, titqies li tissodisfa l-kriterji stipulati fil-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [f’Altmark]?

l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-iskema SIĠ (jew parti minnha) għandha, jew ma għandhiex, titqies li toħloq jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni?”

10.

F’din il-proċedura ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Achema et, Baltpool, il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni. Dawn ressqu wkoll argumenti orali fis-seduta li nżammet fis‑6 ta’ Novembru 2018.

III. Analiżi

11.

Qabel l-eżami tal-kwistjonijiet speċifiċi li tqajmu mill-proċedura ineżami, jidhirli li huwa utli li jiġu deskritti b’mod konċiż l-aspetti ewlenin tar-reġim Litwan għas-SIĠ fis-settur tal-elettriku, kif ġew spjegati mill-qorti tar-rinviju, u sussegwentement nagħmel xi ftit rimarki preliminari.

A.   L-iskema SIĠ Litwana

12.

Skont il-qorti tar-rinviju, is-SIĠ essenzjalment huma servizzi pprovduti, jew attivitajiet imwettqa, fl-interess ġenerali, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Matul il-perijodu rilevanti għall-proċedura ineżami, is-SIĠ kienu inter alia jinkludu: ġenerazzjoni ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-ibbilanċjar tiegħu; ġenerazzjoni tal-elettriku f’modalità ta’ koġenerazzjoni f’impjanti ta’ sħana u enerġija kkombinati meta dawn l-impjanti jfornu s-sħana lil sistemi ta’ tisħin distrettwali u l-iffrankar ta’ enerġija primarja huma tali li l-produzzjoni ta’ sħana u enerġija kkombinati tista’ titqies effiċjenti; ġenerazzjoni tal-elettriku f’impjanti speċifikati fejn il-ġenerazzjoni tal-elettriku hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku; l-implimentazzjoni ta’ proġetti strateġiċi fis-settur tal-elettriku relatati mat-titjib tas-sigurtà tal-enerġija billi jiġu installati interkonnetturi ma’ sistemi tal-elettriku ta’ Stati oħra u/jew billi jingħaqdu s-sistemi tal-elettriku tar-Repubblika tal-Litwanja mas-sistemi tal-elettriku ta’ Stati Membri oħra (bħall-proġett tal-“Intersistema tal-konnessjoni tal-elettriku bejn il-Litwanja u l-Isvezja” (magħruf ukoll bħala l-proġett NordBalt)); u l-iżvilupp ta’ proġett ta’ impjant fotovoltajku solari.

13.

Kull sena, f’konformità mal-proċeduri previsti fil-liġi, l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti Litwani jidentifikaw il-fornituri tas-SIĠ, jiddefinixxu l-portata tas-SIĠ, u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw, u l-ammont ta’, il-kumpens dovut għas-SIĠ ipprovduti. Il-konsumaturi tal-elettriku kollha jħallsu l-prezz tas-SIĠ, fl-ammont iddeterminat mill-KNKEP, fuq il-bażi tal-kwantità tal-elettriku effettivament ikkonsmata biex tintlaħaq il-ħtieġa tagħhom stess. Il-ħlas tal-prezz tas-SIĠ huwa jew inkluż fil-prezz tal-elettriku mixtri jew isir separatament lill-operaturi tan-netwerk.

14.

L-operaturi tan-netwerk tal-elettriku Litwani jittrasferixxu l-flus miġbura mill-konsumaturi tal-elettriku (iktar ’il quddiem il-“flus tas-SIĠ”) lill-amministratur tal-flus tas-SIĠ, UAB Baltpool, entità tad-dritt privat ikkontrollata mill-Istat. Min-naħa l-oħra, Baltpool tħallas lill-fornituri tas-SIĠ għas-servizzi tagħhom, f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-liġi. Baltpool ma hijiex iffinanzjata mill-baġit pubbliku; l-ispejjeż amministrattivi tagħha huma koperti mill-istess flus tas-SIĠ.

15.

Il-flus tas-SIĠ ma jistgħux jintużaw għall-finijiet għajr dawk ta’ ħlas għall-provvista tas-SIĠ, u ma jifformawx parti mill-baġit tal-Istat. L-ammonti mhux imħallsa mill-konsumatur li jonqsu milli jħallsu l-prezz tas-SIĠ jiġu rkuprati f’konformità mal-proċedura ġenerali stabbilita għal materji ċivili. Dawn il-konsumaturi ma humiex suġġetti għal responsabbiltà skont ir-regoli tad-dritt pubbliku.

B.   Kummenti preliminari

16.

F’dan il-kuntest, l-ewwel nett għandu jiġi enfasizzat li meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-portata tar-regoli tal-Unjoni rilevanti sabiex tippermettilha twettaq applikazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli għall-fatti mressqa quddiemha, sabiex ma tipproċedix hija stess għal tali evalwazzjoni, a fortiori għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward ( 3 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-qrati nazzjonali huma awtorizzati li jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” u, fil-proċeduri pendenti quddiemhom, hija f’idejn dawn il-qrati biex jivverifikaw li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE jiġu ssodisfatti ( 4 ).

17.

Dan it-“tqassim tax-xogħol” bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali huwa ta’ importanza assoluta. Speċjalment f’kawża bħal dik ineżami: il-qafas nazzjonali applikabbli fil-proċedura prinċipali huwa pjuttost kumpless u jinkludi diversi miżuri li jistgħu, almenu potenzjalment, ikunu rilevanti skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, dwar ċerti kwistjonijiet, il-qorti nazzjonali tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar aspetti li huma prinċipalment fattwali u pjuttost tekniċi, filwaqt li essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tappoġġja l-analiżi tagħha. Madankollu, kif indikat tajjeb Baltpool fis-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex id-data u l-informazzjoni fattwali l-oħra meħtieġa biex tikkonferma jew tinvalida l-konstatazzjonijiet preliminari tal-qorti nazzjonali. Fir-rigward ta’ dawn l-aspetti, għandha tkun għalhekk il-qorti nazzjonali li tieħu d-determinazzjonijiet finali, fid-dawl tal-gwida li ser tiġi pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

18.

Sussegwentement, jista’ jkun utli wkoll li jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kategorizzazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni ( 5 ).

19.

Fid-dawl ta’ dan, issa ser indur għall-analiżi tal-kwistjonijiet legali mqajma fid-domandi preliminari.

C.   Fuq l-ewwel domanda

20.

L-ewwel domanda preliminari tikkonċerna l-ewwel kundizzjoni elenkata fil-punt 18 iktar ’il fuq. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li fondi bħall-flus tas-SIĠ għandhomx jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat.

21.

Fil-fehma tiegħi, din id-domanda titlob tweġiba fl-affermattiv.

22.

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk il-vantaġġi għandhom jiġu kkategorizzati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom jingħataw kemm direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u jkunu attribwiti lill-Istat ( 6 ).

23.

Fil-kawża ineżami, ma huwiex ikkontestat li l-miżuri allegati li jikkostitwixxu għajnuna joriġinaw minn miżuri leġiżlattivi u regolatorji adottati mill-awtoritajiet Litwani. Għalhekk, dawn il-miżuri jistgħu jkunu attribwiti lill-Istat.

24.

Minflok, il-kwistjoni proprja hija, jekk dawn il-miżuri jinvolvux riżorsi tal-Istat għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE.

25.

Huwa ċar li l-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat” jinkludi r-riżorsi finanzjarji kollha li l-Istat jista’ juża biex isostni lill-impriżi: dawn jinkludu mhux biss flus li jkunu ġejjin direttament jew indirettament mill-finanzi pubbliċi jew dħul li l-Istat jiċċaħħad minnu, iżda wkoll riżorsi li, minkejja li ma humiex kontinwament fil-pussess tat-Teżor pubbliku, jibqgħu kontinwament taħt il-kontroll pubbliku ( 7 ). Fi kliem sempliċi, dawn tal-aħħar huma fondi li, anki jekk joriġinaw minn individwi, jinġabru mill-Istat, f’isem l-Istat, jew bis-saħħa ta’ intervent mill-Istat, u li jsiru disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom is-setgħa li jiddeċiedu dwar l-użu finali tagħhom.

26.

Dan jidher li huwa l-każ fir-rigward tal-flus tas-SIĠ fil-kuntest tal-iskema SIĠ Litwana.

27.

Mill-mument li dawn jinġabru mill-konsumaturi tal-elettriku sal-punt fiż-żmien fejn dawn jitqassmu bejn il-fornituri tas-SIĠ, il-flus tas-SIĠ huma taħt il-kontroll pubbliku. B’mod partikolari, huma l-awtoritajiet pubbliċi li jidentifikaw is-servizzi li huma meqjusa SIĠ f’kull sena partikolari, u li jagħżlu l-impriżi li ser jikkwalifikaw bħala fornituri tas-SIĠ. Huwa wkoll korp pubbliku — il-KNKEP — li jiddetermina l-ammont li għandu jitħallas mill-konsumaturi tal-elettriku għas-SIĠ. Ladarba jinġabru mill-operaturi tan-netwerk tal-elettriku, il-flus tas-SIĠ jiġu ttrasferiti lil Baltpool, entità li, għalkemm stabbilita bħala kumpannija tad-dritt privat, hija kkontrollata mill-Istat. Baltpool tiġġestjona l-fondi li tirċievi, billi tqassamhom fost il-fornituri tas-SIĠ skont il-kriterji ddeterminati mil-liġi, filwaqt li żżomm parti minn dawn il-fondi biex tkopri l-ispejjeż amministrattivi tagħha. Għaldaqstant, iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-flus tas-SIĠ huwa strettament irregolat.

28.

Għalhekk, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-proċedura prinċipali u dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi oħra, bħal PreussenElektra ( 8 ) u ENEA ( 9 ), li wkoll kienu jikkonċernaw skemi ta’ għajnuna nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli. F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li sempliċi obbligu, impost mill-Istat fuq impriżi privati, biex jixtru l-elettriku bi prezz li jista’ jkun ogħla mill-prezz normali tas-suq ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-fattur ewlieni, f’dawk il-kawżi, kien li — għall-kuntrarju tal-iskema SIĠ inkwistjoni — ma kienx hemm mekkaniżmu ta’ finanzjament amministrat mill-Istat. Ma kien hemm l-ebda ġbir u distribuzzjoni tal-flus imħallsa mill-konsumaturi tal-elettriku li fuqhom l-Istat seta’ jeżerċita xi forma ta’ kontroll.

29.

Lanqas l-iskema SIĠ Litwana ma hija paragunabbli mal-miżuri eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Pearle et ( 10 ) u f’Doux Élevage ( 11 ).

30.

F’dawn il-kawżi, minkejja l-fatt li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji imposti fuq ċerti impriżi kienu stabbiliti mil-liġi u miġbura u amministrati minn entitajiet li lilhom l-Istat attribwixxa ċerti setgħat, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta ddeċidiet li l-miżuri inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, fiż-żewġ kawżi, l-entità li tiġġestjona l-fondi kienet isservi sempliċement ta’ strument għall-ġbir u għall-allokazzjoni ta’ riżorsi destinati għal attivitajiet imwettqa fl-interess kummerċjali tal-istess impriżi li kienu meħtieġa jħallsu l-kontribuzzjonijiet ( 12 ). Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji għalhekk kienu ġew stabbiliti fuq inizjattiva ta’ impriżi privati li ddeċidew ukoll l-użu finali tagħhom. La f’Pearle et u lanqas f’Doux Élevage l-flus miġbura ma kellhom jintużaw f’konformità mal-istruzzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi jew lejn għan ta’ interess ġenerali ddeterminat minn dawn l-awtoritajiet ( 13 ).

31.

Għall-kuntrarju, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, Baltpool ma tista’ bl-ebda mod titqies bħala “strument” li qiegħed jaġixxi skont il-gwida, u li qiegħed ifittex l-interess kummerċjali, tal-entitajiet li huma meħtieġa li jħallsu l-kontribuzzjonijiet. Fil-fatt, Baltpool tuża l-fondi miġbura lejn it-twettiq ta’ aġenda stabbilita mill-Istat. Minn perspettiva ekonomika, il-benefiċjarji tal-attivitajiet issussidjati ma humiex l-istess partijiet li jiffinanzjaw il-miżuri ta’ sostenn. Konsegwentement, hemm trasferiment ta’ riżorsi minn konsumaturi lejn ċerti impriżi, skont il-gwida tal-awtoritajiet tal-Istat.

32.

Il-fatt li Baltpool ma tgawdi minn ebda diskrezzjoni fl-għażla ta’ kif il-fondi miġbura għandhom jintużaw ma jnaqqasx mill-fatt li huma l-awtoritajiet pubbliċi li jieħdu kwalunkwe deċiżjoni f’dan ir-rigward ( 14 ). Kif ġie spjegat fil-punt 27 iktar ’il fuq, il-fondi miġbura għandhom isegwu strettament il-prassi stabbilita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Fil-fatt, dan effettivament juri li l-flus tas-SIĠ huma taħt il-kontroll tal-Istat.

33.

B’mod simili, il-fatt li, f’każ li l-konsumaturi ma jħallsux l-ammont dovut, Baltpool ikollha tieħu azzjoni quddiem il-qrati ċivili skont il-proċeduri ordinarji huwa, f’dan il-kuntest, ta’ rilevanza baxxa. Nemmen li dan huwa marbut b’mod inseparabbli mal-fatt li l-awtoritajiet Litwani ddeċidew li jikkonferixxu l-ġbir tal-flus tas-SIĠ lill-operaturi tan-netwerk u l-amministrazzjoni ta’ dawn il-flus lil entità stabbilita fid-dritt privat. Dan l-aspett, li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tan-natura tal-assoċjazzjonijiet tad-dritt privat ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali f’Doux Élevage ( 15 ), ma għandu l-ebda effett fil-kawża ineżami. Fil-fatt, ma hemm l-ebda dubju li, minkejja li ġiet stabbilita fil-forma ta’ kumpannija tad-dritt privat, Baltpool hija kkontrollata mill-Istat u, fir-rigward tal-użu tal-flus tas-SIĠ, hija marbuta li taġixxi kif previst fil-liġijiet nazzjonali rilevanti ( 16 ).

34.

Essenzjalment, jien tal-fehma li l-iskema SIĠ Litwana tixbah ħafna lis-sistema Franċiża għall-elettriku eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Association Vent de Colère! et ( 17 ). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mekkaniżmu ta’ tpaċija tal-ispejjeż addizzjonali imposti fuq impriżi, minħabba obbligu ta’ xiri tal-elettriku li ġej mir-riħ b’rata ogħla mill-prezz tas-suq li l-finanzjament tiegħu kien sostnut mill-konsumatur finali, kellu jitqies bħala intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Kif naraha jien, ir-raġuni ewlenija għal din il-konklużjoni kienet li s-somom miġbura mill-konsumaturi — fl-ammonti ddeterminati mill-Ministeru għall-Enerġija — ġew fdati lil Caisse des dépôts et consignations, korp pubbliku li kien jaġixxi bħala intermedjarju fil-ġestjoni tal-fondi ( 18 ). Fil-fatt, kif ġew mistoqsija fis-seduta jekk kienx kemm xi differenza fattwali sinjifikanti bejn is-sitwazzjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Association Vent de Colère! et u dik inkwistjoni fil-proċedura prinċipali, la l-Gvern Litwan u lanqas Baltpool ma setgħu jipprovdu tweġiba siewja.

35.

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Essent Netwerk Noord et ( 19 ) tkompli tagħti sostenn lill-fehma li l-flus tas-SIĠ jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. F’din il-kawża — rinviju minn qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi — il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli nazzjonali li jimponu imposta, li għandha titħallas mill-konsumaturi fuq il-prezz tat-trażmissjoni tal-elettriku, miġbura mill-operaturi tan-netwerk u ttrasferita lejn kumpannija speċifika, li min-naħa l-oħra kienet responsabbli mill-ġestjoni u mit-tqassim tal-flus, kienu jinvolvu riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

36.

Huwa minnu li, meta meqjusin f’termini purament ekonomiċi, il-miżuri eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawżi bħal PreussenElektra u ENEA ( 20 ) u dawk eżaminati f’kawżi bħal Essent Netwerk Noord et u Association Vent de Colère! et ( 21 ) jistgħu jidhru, fil-biċċa l-kbira, simili. Madankollu, kif spjega l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu f’Essent Netwerk Noord et, dawn il-miżuri għandhom, minn perspettiva legali, jiġu kklassifikati b’mod pjuttost differenti ( 22 ). Għalkemm l-Artikolu 107(1) TFUE jikkonċerna biss l-effetti ta’ miżura tal-Istat, huwa ovvjament veru li l-mod kif miżura tkun strutturata u kif topera jista’ jkollhom konsegwenzi fuq il-qafas legali applikabbli għaliha. Miżura tal-Istat tista’, pereżempju, ma tikkwalifikax bħala għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE iżda, skont iċ-ċirkustanzi, il-kompatibbiltà tagħha mat-Trattati tista’ wkoll teħtieġ li tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħar-regoli tas-suq intern ( 23 ).

37.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tweġiba għall-ewwel domanda preliminari, fil-fehma tiegħi, għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-proċedura prinċipali, l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-flus tas-SIĠ, bħal dawk inkwistjoni fil-proċedura prinċipali, għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat.

D.   Fuq it-tieni domanda

38.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf liema entitajiet għandhom jitqiesu bħala benefiċjarji tal-għajnuna mogħtija permezz tal-flus tas-SIĠ, fejn il-miżuri rilevanti fl-iskema SIĠ jimponu obbligu fuq l-operaturi tan-netwerk tal-elettriku biex jixtru l-elettriku mill-fornituri tas-SIĠ bi prezz fiss u biex jibbilanċjaw l-elettriku ġġenerat minnhom. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk humiex l-operaturi tan-netwerk jew il-produtturi tal-elettriku li jirċievu vantaġġ ekonomiku mill-flus tas-SIĠ.

39.

Il-fehma tiegħi hija li l-benefiċjarji (indiretti) ta’ tali miżura huma l-produtturi tal-elettriku, mhux l-operaturi tan-netwerk.

40.

Fil-fatt, fil-kuntest tal-miżura li hija s-suġġett tat-tieni domanda preliminari, il-flus tas-SIĠ huma — kif qiegħed nifhem — sempliċement intiżi li jpaċu l-ispejjeż żejda li l-operaturi tan-netwerk jistgħu jġarrbu minħabba l-obbligu, impost fuqhom, li jixtru ċerti kwantitajiet ta’ elettriku bi prezzijiet fissi, li jistgħu jkunu ogħla mill-prezzijiet normali tas-suq. Ma hemm l-ebda element fil-proċess li jindika benefiċċju nett possibbli li l-operaturi tan-netwerk jistgħu jiksbu mill-flus tas-SIĠ. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti fis-seduta mill-Gvern Litwan u minn Baltpool, jidher li l-operaturi tan-netwerk ma jistgħux jgħaddu (xi wħud jew kollha) l-ispejjeż żejda lill-konsumaturi tagħhom, li kienu jkunu jinkludu r-riskju li l-operaturi jirċievu kumpens żejjed ( 24 ).

41.

Għall-kuntrarju, permezz ta’ tpaċija tal-ispejjeż żejda tal-operaturi tan-netwerk minħabba l-obbligu tax-xiri msemmi iktar ’il fuq, il-flus tas-SIĠ jagħmluha possibbli għal xi produtturi tal-enerġija li jbigħu ċerti kwantitajiet tal-elettriku bi prezz ogħla mill-prezz normali tas-suq, jew fi kwalunkwe każ, li jbigħu kwantitajiet ikbar. Dawn il-produtturi tal-enerġija jistgħu għalhekk jiġġeneraw iktar dħul milli kieku jkunu taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Għaldaqstant, għalkemm il-flus tas-SIĠ jistgħu effettivament jitħallsu lil operaturi oħra tan-netwerk, il-produtturi tal-elettriku huma l-benefiċjarji indiretti ta’ dawn il-flus ( 25 ).

42.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għat-tieni domanda preliminari fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik tal-proċedura prinċipali — fejn miżura tal-Istat teħtieġ lil operaturi tan-netwerk tal-elettriku jixtru l-elettriku minn produtturi tal-elettriku bi prezz fiss u jibbilanċjaw l-elettriku ġġenerat minnhom, filwaqt li tipprevedi li l-ispejjeż żejda mġarrba minn dawn l-operaturi jiġu paċuti b’kontribuzzjonijiet imħallsa mill-konsumatur finali — il-produtturi tal-elettriku għadhom jitqiesu bħala benefiċjarji tal-għajnuna għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE.

E.   Fuq it-tielet u l-ħames domandi

43.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-sostenn mogħti, permezz tal-flus tas-SIĠ, lil ċerti attivitajiet imwettqa fil-Litwanja fis-settur tal-elettriku jissodisfax il-kriterji ta’ selettività u tal-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE. Permezz tal-ħames domanda tagħha, li nqis li huwa utli li tiġi eżaminata wara t-tielet domanda peress li tista’ tingħata risposta għat-tnejn flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża ineżami, l-iskema SIĠ għandhiex titqies li toħloq jew li thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

44.

Il-miżuri li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba li teżamina minn din il-perspettiva huma dawn li ġejjin: (i) sostenn mogħti lil impriża li timplimenta proġett ta’ importanza strateġika, bħal NordBalt; (ii) sostenn mogħti lil impriżi fdati bl-inkarigu li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku għal perijodu partikolari; (iii) sostenn sabiex jikkumpensa t-telf li huwa fil-fatt sostnut minn impriżi, bħall-iżviluppaturi ta’ impjanti fotovoltajċi solari; u (iv) sostenn mogħti lil operaturi tan-netwerk bl-għan li jiġi kkumpensat telf fil-fatt sostnut fit-twettiq tal-obbligu li jixtru l-elettriku bi prezz fiss mingħand produtturi tal-elettriku li jipprovdu SIĠ u li jibbilanċjaw l-elettriku (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni”).

45.

Kif ġie spjegat fil-punti 16 u 17 iktar ’il fuq, id-determinazzjonijiet finali ta’ dawn il-kwistjonijiet huma f’idejn il-qorti tar-rinviju. Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tiġi pprovduta bl-elementi kollha meħtieġa għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, ser nipproċedi kif ġej. L-ewwel nett, ser niddeskrivi l-iktar ġurisprudenza rilevanti u, fuq din il-bażi, ser nipprova nagħti gwida iktar speċifika lill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom il-miżuri inkwistjoni jistgħu jissodisfaw il-kriterji tas-selettività, tal-effetti fuq il-kummerċ u tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

46.

Biex nibda, nixtieq ninnota li, sabiex jiġi evalwat jekk il-kriterju tas-selettività ġiex issodisfat, huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, skont skema statutorja partikolari (magħrufa wkoll bħala “l-qafas ta’ referenza”), miżura tal-Istat hijiex ta’ natura li tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali li hija paragunabbli fid-dawl tal-għan imfittex mill-miżura inkwistjoni ( 26 ). Għall-kuntrarju, miżuri ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha fi Stat Membru u li jikkonferixxu vantaġġ li huwa disponibbli għal kull minn jissodisfa l-kundizzjonijiet tagħhom ma humiex selettivi u, konsegwentement, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 27 ).

47.

Fir-rigward tal-effetti fuq il-kummerċ, għandu jitfakkar li, għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit li l-għajnuna għandha effett reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, iżda huwa meħtieġ biss li jiġi eżaminat jekk l-għajnuna tistax tolqot dan il-kummerċ. Madankollu, impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma jistax ikun purament ipotetiku jew preżunt. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk, u jekk iva, kif, il-miżura kkonċernata tistax, permezz tal-effetti prevedibbli tagħha tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża fil-konfront ta’ impriżi oħra li jkunu kompetituri fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma influwenzati minn dik l-għajnuna. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma stess fil-kummerċ intra-Komunitarju. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lill-impriżi, l-attività interna tista’ ssib ruħha miżmuma jew miżjuda, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu ( 28 ).

48.

L-aħħar nett, sa fejn hija kkonċernata l-kundizzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għajnuna intiża li teħles lill-impriża mill-ispejjeż li hija kien ikollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha toħloq distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ( 29 ).

49.

Huwa f’dan il-kuntest li ser nindirizza l-kwistjonijiet imqajma mit-tielet domanda preliminari.

1. Is-selettività

50.

L-ewwel nett, is-sostenn mogħti lill-impriżi fdati bl-inkarigu li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku għal perijodu partikolari, is-sostenn mogħti sabiex jikkumpensa t-telf effettivament sostnut mill-impriżi, bħall-iżviluppaturi ta’ impjanti fotovoltajċi solari, u s-sostenn mogħti lil operaturi tan-netwerk bl-għan li jiġi kkumpensat telf effettivament sostnut fit-twettiq tal-obbligu li jixtru l-elettriku bi prezz fiss mingħand produtturi tal-elettriku li jipprovdu SIĠ u li jibbilanċjaw l-elettriku jidhru li prima facie jikkostitwixxu miżuri li huma ta’ benefiċċju biss għall-impriżi attivi f’settur speċifiku jew li jipprovdu tip speċifiku ta’ servizzi.

51.

Jidhirli li dawn il-miżuri huma intiżi sabiex itaffu ċerti spejjeż tal-impriżi benefiċjarji li inkella kien ikollhom iġarrbuhom huma stess. Il-qorti tar-rinviju stess, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, tiddeskrivi bħala “mhux ikkontestat” il-fatt li numru ta’ miżuri skont l-iskema SIĠ jiggarantixxu lill-impriżi benefiċjarji xi profitti mingħajr l-ebda riskju.

52.

Huwa minnu li, f’Asteris, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li danni li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiġu kkundannati li jħallsu lil impriżi bħala kumpens għad-danni li kkawżawlhom, ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens ta’ (dak li issa huwa) l-Artikolu 107(1) TFUE ( 30 ). Madankollu, f’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tirreferi għal somom imħallsa, jew li kellhom jitħallsu, fil-kuntest ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru. Ir-raġuni hija ċara: somma li hija sempliċement intiża li tikkumpensa lil persuna għad-danni sostnuti minħabba żball ċivili jew amministrattiv imwettaq minn awtorità tal-Istat, strettament, ma tagħtix vantaġġ ekonomiku lil dik il-persuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

53.

Madankollu, din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti għall-kawża ineżami. It-telf li l-miżuri tal-Istat inkwistjoni jikkumpensaw, sa fejn qiegħed nifhem, ma huwiex meqjus li huwa l-konsegwenza ta’ xi kondotta illegali tal-awtoritajiet pubbliċi. Dan it-telf huwa sempliċement l-ispejjeż imġarrba mill-impriżi inkwistjoni b’rabta mal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

54.

F’dan il-kuntest, inżid li huwa irrilevanti jekk deċiżjonijiet fir-rigward ta’ investimenti jew kuntratti mill-benefiċjarji ġewx ipprovokati jew imħeġġa mill-wegħda ta’ sostenn pubbliku mill-awtoritajiet. Il-fatt li, fl-assenza tal-miżuri inkwistjoni, xi operaturi ekonomiċi kienu jieħdu għażliet ta’ negozju differenti ma jnaqqasx min-natura ta’ għajnuna ta’ dawk il-miżuri. Ħafna mill-iskemi ta’ għajnuna għandhom preċiżament dak l-għan: li jippromwovu xi attività ekonomika speċifika li l-awtoritajiet jikkunsidraw li hija fl-interess ġenerali. Madankollu, il-kawżi u l-għanijiet tal-intervent pubbliku ma għandhom l-ebda rilevanza skont l-Artikolu 107(1) TFUE: din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-miżuri bħala għajnuna b’rabta biss mal-effett tagħhom fuq is-suq uniku ( 31 ).

55.

Finalment, fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-selettività tal-forom ta’ sostenn mogħtija lill-impriżi li jimplimentaw proġett ta’ importanza strateġika, bħal NordBalt, l-analiżi hija waħda iktar kumplessa.

56.

Qabel kollox, għandu jitfakkar li s-sostenn finanzjarju għall-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi intiżi għal użu ġenerali (għall-kuntrarju ta’ għan speċifiku), u għalhekk ma hemmx utent partikolari li ser jibbenefika minnu, ġeneralment jitqies li ma huwiex selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 32 ). Fil-fehma tiegħi, x’aktarx li dan huwa l-każ tal-infrastrutturi li jgħaqqdu n-netwerks tal-elettriku tal-Litwanja u tal-Isvezja.

57.

Dan ma jfissirx, madankollu, li s-sostenn finanzjarju mogħti lill-impriża li tibni din l-infrastruttura ma jikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Ċertament, fejn l-awtoritajiet Litwani sempliċement jixtru servizz (kostruzzjoni ta’ ċerti infrastrutturi) minn impriża speċifika, fost il-ħafna li jinsabu fis-suq u kapaċi jipprovdu dan is-servizz, l-eżistenza ta’ għajnuna tkun tiddependi prinċipalment fuq il-prezz u t-termini miftiehma għall-għoti ta’ kuntratt, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-proċedura segwita sabiex jiġi magħżul il-fornitur. Il-prinċipju stabbilit sew ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“OPES”) għandu jkun ta’ gwida f’din l-analiżi ( 33 ).

58.

Madankollu, mill-informazzjoni inkluża fil-proċess, qiegħed nifhem li l-proġett NordBalt ġie indikat bħala wieħed ta’ importanza strateġika u x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni meħtieġa ġew riżervati mil-liġi għal impriża speċifika (LITGRID AB). Wara kollox, proġett ta’ dan it-tip — minħabba d-daqs, l-ispiża u s-sinjifikat tiegħu — normalment jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istat. Ma hijiex xi ħaġa stramba li l-awtoritajiet pubbliċi jafdaw l-iżvilupp ta’ infrastrutturi importanti lil kumpanniji stabbiliti taħt id-dritt privat iżda li huma azzjonisti tagħha ( 34 ). Kif naraha jien, il-kwistjoni prinċipali tista’ tkun pjuttost kwistjoni ta’ għoti ta’ kuntratti mill-Istat. Madankollu, bħal fil-każ ta’ aspetti fattwali oħra tal-miżuri inkwistjoni fil-proċedura prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-informazzjoni meħtieġa biex tagħmel id-determinazzjonijiet finali skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

2. Effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

59.

F’Fondul Proprietatea ( 35 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet meħtieġa tevalwa n-natura possibbli ta’ għajnuna ta’ miżura adottata insostenn ta’ impriża attiva fis-settur tal-elettriku. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-fatt li settur ekonomiku, bħas-settur tal-enerġija, ġie suġġett għal-liberalizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni jista’ jservi biex jiddetermina jekk miżura tal-Istat allegata li hija għajnuna tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, bis-saħħa ta’ tali liberalizzazzjoni, l-elettriku huwa suġġett għal kummerċ transkonfinali. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, suġġett għal verifika mill-qorti nazzjonali, miżura adottata mill-awtoritajiet Rumeni insostenn ta’ impriża attiva fis-settur tal-elettriku ssodisfat ir-rekwiżit ta’ “effetti fuq il-kummerċ”.

60.

Ma nara l-ebda raġuni oġġettiva, fil-kawża ineżami, biex jitwarrbu l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Fondul Proprietatea.

61.

Il-fatt li l-impriżi benefiċjarji jistgħu ma jkunux attivi barra l-fruntieri nazzjonali ma huwiex sinjifikattiv. Fil-fatt, billi jiġu msaħħa l-operaturi lokali, il-miżuri inkwistjoni jistgħu jfixklu l-aċċess għas-suq Litwan tal-enerġija għal impriżi barranin. Madankollu, dan jista’ jkun differenti fir-rigward tas-sostenn mogħti lil impriża fdata bl-inkarigu li timplimenta proġett ta’ importanza strateġika bħal NordBalt, kif ġie spjegat fil-punt 58 iktar ’il fuq.

3. Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni

62.

Finalment, fir-rigward tal-kundizzjoni li tikkonċerna d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jista’ jkun biżżejjed li jerġa’ jsir riferiment għas-sentenza riċenti f’Fondul Proprietatea ( 36 ).

63.

F’dan il-każ, f’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat il-miżura ta’ sostenn inkwistjoni bħala, fil-prinċipju, li kapaċi toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-fatt li settur ekonomiku, bħas-settur tal-enerġija, kien is-suġġett ta’ liberalizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni jista’ jservi biex jiddetermina jekk l-għajnuna inkwistjoni għandhiex impatt reali jew effett potenzjali fuq il-kompetizzjoni u jekk taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

64.

Jien tal-fehma li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma ugwalment validi fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, m’iniex konvint mill-argument imressaq mill-Gvern Litwan li skontu, fl‑2014, is-suq Litwan tal-elettriku kien għadu relattivament iżolat. Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju stess tenfasizza li, fil-perijodu inkwistjoni, in-netwerk tal-elettriku Litwan kien konness man-netwerk ta’ Stati Membri oħra (bħall-Estonja) u kien hemm kompetizzjoni vivida fis-suq. Fi kwalunkwe każ, miżuri ta’ sostenn pubbliku li jiffavorixxu lil operaturi preeżistenti jistgħu għalhekk iġibu effetti ta’ distorsjoni dejjiema fis-suq li qiegħed progressivament jinfetaħ għal kompetizzjoni barranija.

65.

Impriżi attivi fil-produzzjoni tal-elettriku, jew fl-iżvilupp ta’ proġetti ta’ impjanti fotovoltajċi solari, ibbażati fil-Litwanja huma b’mod ċar f’kompetizzjoni ma’ impriżi simili bbażati fi Stati Membri oħra. Madankollu, is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti fir-rigward ta’ impriżi inkarigati minn proġetti ta’ importanza strateġika bħal NordBalt, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 58 u 61 iktar ’il fuq.

66.

Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb għat-tielet u l-ħames domanda preliminari kif ġej.

67.

L-ewwel nett, miżuri li minnhom jibbenefikaw biss impriżi attivi f’settur speċifiku jew li jipprovdu tip ta’ servizz speċifiku, billi jtaffu ċerti spejjeż tal-istess impriżi li min-naħa l-oħra kien ikollhom iġarrbuhom, huma selettivi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. It-tieni nett, miżuri ta’ sostenn lil impriżi attivi f’settur ekonomiku, bħas-settur tal-enerġija, li kien is-suġġett ta’ liberalizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni, fil-prinċipju, jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. It-tielet nett, huwa f’idejn il-qorti tar-rinviju biex finalment tieħu deċiżjoni dwar jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni.

F.   Fuq ir-raba’ domanda

68.

Finalment, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE, applikat flimkien mal-Artikolu 106(2) TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża ineżami, l-iskema SIĠ għandhiex titqies bħala li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punti 88 sa 93 ta’ Altmark.

69.

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat meta impriżi li jwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku (iktar ’il quddiem l-“OSP”) ma jgawdux minn vantaġġ finanzjarju reali mill-kumpens li jkunu rċevew bħala kunsiderazzjoni għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi u għaldaqstant ma jkunux f’pożizzjoni kompetittiva iktar vantaġġuża mill-kompetituri tagħhom. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat erba’ kundizzjonijiet kumulattivi (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet ta’ Altmark”) li, jekk jiġu ssodisfatti, jiżguraw li kumpens għas-servizz pubbliku ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 37 ).

70.

Mandankollu, il-kummentaturi spiss osservaw li, minħabba n-natura stretta tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ Altmark huma diffiċli biex jiġu ssodisfatti ( 38 ). Huwa għalhekk importanti li jiġi nnotat, f’dan il-kuntest, li anki miżura li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet tista’ madankollu tiġi ġġustifikata mill-Artikolu 106(2) TFUE. U, kif ġie ċċarat sew mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Viasat, il-kundizzjonijiet ta’ Altmark ma humiex rilevanti fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ miżura ta’ għajnuna mogħtija lil fornitur tas-SIEĠ ( 39 ).

71.

Fid-dawl ta’ dan, id-domanda preliminari mill-qorti nazzjonali tikkonċerna, fil-prinċipju, l-erba’ kundizzjonijiet ta’ Altmark. Madankollu, l-argumenti żviluppati fit-talba għal deċiżjoni preliminari jiffokaw prinċipalment fuq l-ewwel minn dawn il-kundizzjonijiet. Fir-rigward tat-tliet kundizzjonijiet l-oħra, il-qorti tar-rinviju sempliċement tispjega, b’mod pjuttost konċiż, ir-raġuni għalfejn fil-fehma tagħha dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfatti fir-rigward ta’ kull waħda mill-miżuri inkwistjoni. Madankollu, kif ġie spjegat fil-punti 16 u 17 iktar ’il fuq, huwa f’idejn il-qorti tar-rinviju biex tiddeċiedi dwar dawn il-kwistjonijiet, mhux biss fid-dawl tat-tqassim tax-xogħol bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilit fit-Trattati, iżda wkoll minħabba li ma hemmx biżżejjed elementi fil-proċess li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex issostni jew tiċħad l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali.

72.

F’dan il-kuntest, u bl-għan li l-qorti tar-rinviju tiġi assistita sa fejn huwa possibbli, nixtieq nifformula l-osservazzjonijiet li ġejjin.

1. L-ewwel kundizzjoni ta’ Altmark

73.

L-ewwel mill-kundizzjonijiet ta’ Altmark teħtieġ evalwazzjoni dwar jekk l-impriża li tirċievi kumpens hijiex effettivament inkarigata sabiex twettaq l-OSP, u jekk tali obbligi humiex iddefiniti b’mod ċar. Din il-kundizzjoni għandha għalhekk diversi aspetti, anki jekk marbutin flimkien b’mod inseparabbli, li essenzjalment jikkorrispondu għall-mistoqsijiet li ġejjin: (i) l-awtoritajiet pubbliċi indikaw legalment provvista ta’ servizzi bħala “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali” fis-sens tal-Artikoli 14 u 106(2) TFUE?, (ii) ġiet fdata impriża speċifika waħda (jew iktar) bl-inkarigu li tipprovdi l-OSP fil-kuntest tal-provvista ta’ dawn is-servizzi?, u (iii) dawn l-OSP huma ddefiniti b’mod ċar?

74.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandi ninnota li, skont numru ta’ deċiżjonijiet konsistenti, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jiddefinixxu xi jqisu bħala SIEĠ u, konsegwentement, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi biss ikkontestata f’każ ta’ żball manifest ( 40 ). Dan huwa wkoll ikkonfermat mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, li skontu l-valuri komuni tal-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jinkludu, b’mod partikolari, “ir-rwol essenzjali u d-diskrezzjoni wiesgħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdi, jikkummisjonaw u jorganizzaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jkunu qrib kemm jista’ jkun tal-ħtiġijiet ta’ l-utenti” ( 41 ).

75.

Madankollu, diskrezzjoni wiesgħa ma tfissirx diskrezzjoni mhux ristretta. Sabiex jipprevjenu milli r-regoli komuni jiġu faċilment evitati jew imċaħħda sew mill-effettività, it-Trattati jpoġġu xi limiti fuq il-libertà tal-Istati Membri. Fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-Artikolu 106(2) TFUE jissuġġetta s-SIEĠ għal dawn ir-regoli “safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża” u sakemm “[l]-iżvilupp tal-kummerċ [ma jiżviluppax] b’ mod kuntrarju għall-interessi ta’ l-Unjoni”.

76.

Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt bħall-kooperazzjoni leali u l-proporzjonalità, jien ukoll tal-fehma li d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tas-SIEĠ ma tistax tiġi “eżerċitata b’mod arbitrarju għall-finijiet biss li settur partikolari [tal-ekonomija], jevita l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni” ( 42 ). Irrispettivament mill-għan imfittex mill-awtoritajiet nazzjonali, huwa ċar għalija li mhux sempliċement kwalunkwe servizz li jkun jista’ jiġi indikat bħala SIEĠ: is-SIEĠ għandhom “juru karatteristiċi speċjali” meta mqabbla ma’ servizzi oħra normalment ipprovduti fis-suq ( 43 ).

77.

Dawn il-karatteristiċi jirrelataw, fl-ewwel lok, man-natura tas-servizzi pprovduti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet għandu jkollhom raġunijiet validi biex jemmnu li, fl-assenza ta’ intervent pubbliku, is-servizz inkwistjoni probabbli lanqas biss ikun ipprovdut, jew ma jkunx ipprovdut fil-livell ikkunsidrat bħala l-iktar xieraq ( 44 ). L-intervent pubbliku għandu għalhekk l-għan li jissodisfa, fis-soċjetà, ħtieġa ġenwina għal xi servizz speċifiku li ma huwiex (u ma huwiex ser ikun, fil-futur prevedibbli) issodisfatt adegwatament mill-impriżi li joperaw taħt kundizzjonijiet normali tas-suq ( 45 ). B’rabta ma’ dan, nenfasizza li d-Direttiva 2009/72/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku ( 46 ) tipprovdi, speċjalment fl-Artikolu 3(2) tagħha, li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed joperaw fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-OSP li jistgħu jkunu marbuta ma’ diversi attivitajiet elenkati fih.

78.

Dawk il-karatteristiċi speċjali tas-SIEĠ jirrelataw, fit-tieni lok, mal-mod li bih huwa pprovdut is-servizz. B’mod partikolari, is-servizz għandu jiġi pprovdut, sa ċertu livell, b’mod universali u b’mod obbligatorju ( 47 ). B’universali, qiegħed infisser li s-servizz għandu jiġi pprovdut, mill-inqas potenzjalment, lill-persuni kollha li jistgħu jitolbuh. B’obbligatorju, qiegħed nirreferi għall-fatt li għandu jkun hemm obbligu li jiġi pprovdut is-servizz, filwaqt li awtorizzazzjoni sempliċi biex jiġi pprovdut servizz partikolari ma hijiex biżżejjed għal dan il-għan. Barra minn hekk, jekk servizz jiġi pprovdut b’ċerta kontinwità, fuq termini uniformi u trasparenti, u b’rati li jistgħu jintlaħqu, dan jista’ wkoll ikun rilevanti biex jiddetermina jekk dan is-servizz huwiex ġenwinament ipprovdut fl-interess ġenerali ( 48 ).

79.

Bħala konklużjoni dwar dan il-punt, biex servizz ikun leġittimament indikat bħala SIEĠ għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, għandu jkun hemm raġunijiet oġġettivi għalfejn l-awtoritajiet nazzjonali jqisu li l-intervent pubbliku huwa meħtieġ biex jiżgura l-provvista ta’ dak is-servizz u, min-naħa l-oħra, is-servizz għandu jiġi pprovdut b’mod universali u b’mod obbligatorju. L-issodisfar ta’ dawn il-kundizzjonijiet jista’ ovvjament jiġi mistħarreġ, skont iċ-ċirkustanzi, mill-qrati nazzjonali ( 49 ) jew mill-Qrati tal-Unjoni ( 50 ), anki jekk — inkunsiderazzjoni tad-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali — sempliċement f’każ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ( 51 ).

80.

It-tieni nett, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li servizz huwa indikat bħala li huwa ta’ interess ġenerali fid-dritt nazzjonali ma jimplikax li kull operatur li jwettqu huwa inkarigat mill-eżekuzzjoni ta’ OSP iddefiniti b’mod ċar fis-sens tal-ġurisprudenza ta’ Altmark ( 52 ). It-twettiq ta’ OSP għandu jiġi fdat lil impriża waħda speċifika jew iktar minn att (jew taħlita ta’ atti) maħruġa mill-awtorità pubblika. L-att jista’ jieħu forom differenti: tipikament ikollu n-natura ta’ att pubbliku (pereżempju, leġiżlattiv, regolatorju, jew amministrattiv) ( 53 ), għalkemm inkarigu ċar ta’ OSP jista’, f’ċertu ċirkustanzi, jirriżulta wkoll minn kuntratt ( 54 ). Madankollu, tkun xi tkun in-natura tal-att, l-inkarigu għandu jkun ċar u inekwivokabbli: dan l-att suppost jiddefinixxi, b’mod suffiċjentement preċiż, in-natura, it-tul u l-portata tal-OSP inkwistjoni ( 55 ).

81.

Dawn l-aspetti wkoll jistgħu ovvjament ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti jew quddiem il-Qrati tal-Unjoni f’każ ta’ tilwima. Madankollu, sa fejn dawn l-aspetti huma ta’ natura teknika jew fattwali, l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju ma huwiex ristrett għal standard marġinali ta’ stħarriġ ( 56 ).

82.

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq fil-kawża ineżami, nixtieq nagħmel iż-żewġ osservazzjonijiet li ġejjin.

83.

L-ewwel nett, jista’ jkun hemm attivitajiet ekonomiċi li l-Istat jista’ jqis li huwa raġonevoli li jinkoraġġixxihom (pereżempju, il-produzzjoni ta’ enerġija ekoloġika, jew l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ekoloġiċi) billi jipprovdi assistenza finanzjarja diretta, jew permezz ta’ miżuri oħra ta’ sostenn, iżda li ma jinvolvux il-provvista ta’ servizzi fis-sens tal-ġurisprudenza ta’ Altmark. Ix-xenarju tipiku ta’ Altmark huwa wieħed fejn impriża waħda jew iktar (il-fornituri tas-SIEĠ) jkunu obbligati bil-liġi li jwettqu ċerti OSP fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi lil ammont kbir ta’ destinatarji potenzjali. Normalment, id-destinatarji jkollhom iħallsu miżata għas-servizzi riċevuti, li madankollu tista’ tkun inqas mir-rata ordinarja (jew ipotetika) tas-suq, bis-saħħa tal-kumpens mogħti mill-Istat lill-fornituri tas-SIEĠ. Il-prinċipji ta’ Altmark ma joqogħdux faċilment f’xenarju fejn ma hemm, strettament, l-ebda tranżazzjoni ekonomika li tinvolvi provvista ta’ servizzi. Pereżempju, naraha dubjuża li l-attivitajiet kollha indikati bħala SIĠ fl-iskema SIĠ (pereżempju, is-sempliċi kostruzzjoni ta’ infrastruttura pubblika, jew l-iżvilupp ta’ proġett ta’ impjanti fotovoltajċi solari) jistgħu jitqiesu bħala provvista ta’ servizzi għall-finijiet tal-ġurisprudenza ta’ Altmark.

84.

It-tieni nett, jista’ jkun hemm attivitajiet ekonomiċi li, anki jekk jinvolvu provvista ta’ servizzi proprja, jitwettqu mill-impriżi b’mod volontarju, mingħajr l-ebda inkarigu mill-Istat. Kif innota l-Avukat Ġenerali Szpunar f’Renerga, li kkonċernat il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża ineżami, is-sempliċi fatt li attività hija espliċitament u legalment indikata bħala “servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali” ma huwiex biżżejjed għall-finijiet tal-ġurisprudenza ta’ Altmark ( 57 ). Għandu jkun hemm ukoll att pubbliku li jafda lil impriża speċifika waħda jew iktar bl-inkarigu li jipprovdu, b’ċertu livell ta’ universalità u obbligazzjoni ( 58 ), is-servizzi inkwistjoni. Fir-rigward tal-kawża ineżami fil-proċedura prinċipali, ma huwiex ċar jekk, skont l-iskema SIĠ, l-impriżi kollha li huma indikati bħala fornituri tas-SIĠ humiex effettivament suġġetti għal OSP għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 59 ).

85.

Jekk dan huwa minnu, il-mistoqsija jekk il-ftehimiet bejn l-Istat u l-impriżi kkonċernati jaħbux xi forma ta’ sostenn rilevanti skont l-Artikolu 107(1) TFUE tista’ tiġi ddeterminata biss barra mill-mudell ta’ Altmark. Huwa tajjeb li terġa’ ssir enfasi fuq il-fatt li din tal-aħħar tikkonċerna biss lil impriżi li jwettqu OSP. Għaldaqstant, miżuri pubbliċi li ma jaqgħux fil-portata tal-ġurisprudenza ta’ Altmark għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-OPES, kif imsemmi fil-punt 57 iktar ’il fuq.

2. It-tieni u tielet kundizzjoni ta’ Altmark

86.

It-tieni kundizzjoni ta’ Altmark tikkonċerna l-parametri li fuq il-bażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens: dawn għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex ikun evitat li tali kumpens jirriżulta f’vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-impriża benefiċjarja fuq impriżi kompetituri.

87.

Min-naħa l-oħra, skont it-tielet kundizzjoni ta’ Altmark, il-kumpens imħallas ma jistax ikun iktar minn dak li huwa neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ OSP, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi.

88.

Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li huma kumplimentari, ifittxu l-istess għan: li jiżguraw li ma jingħatax kumpens żejjed lil-impriżi inkarigati mill-OSP.

89.

Skont il-qorti tar-rinviju, iż-żewġ kundizzjonijiet ġew, fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni, issodisfatti. Fil-fehma tagħha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tinkludi regoli speċifiċi dwar il-kundizzjonijiet fejn skonthom kumpens ikun dovut, l-ammont tal-kumpens dovut jew il-proċeduri segwiti biex jiġi kkalkolat dak l-ammont, u l-mekkaniżmu intiż li jikkontrolla l-użu tal-fondi ttrasferiti. Fir-rigward tal-ammonti dovuti bħala kumpens, il-leġiżlazzjoni tinkludi regoli intiżi li jiżguraw li jittieħdu biss inkunsiderazzjoni l-investimenti meħtieġa, l-ispejjeż għall-provvista tas-servizzi u “profitt moderat”.

90.

Madankollu, kif ġie spjegat fil-punt 71 iktar ’il fuq, ma huwiex f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonferma jew tiċħad din l-evalwazzjoni. Huwa f’idejn il-qorti tar-rinviju biex tivverifika l-eżistenza ta’ korp tad-dritt komprensiv u suffiċjentement ċar li jiżgura li ma jingħata l-ebda kumpens żejjed lill-fornituri tas-servizz, u li jirrimedja fil-pront u b’mod effettiv kwalunkwe żball possibbli f’dan ir-rigward.

3. Ir-raba’ kundizzjoni ta’ Altmark

91.

Skont ir-raba’ kundizzjoni ta’ Altmark, meta l-impriża li għandha twettaq l-OSP ma hijiex magħżula permezz ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun stabbilit fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi neċessarji sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.

92.

Mill-erba’ kundizzjonijiet ta’ Altmark, din hija possibbilment l-iktar waħda diffiċli biex tiġi investigata.

93.

Skont il-qorti tar-rinviju, din il-kundizzjoni tidher li hija ssodisfatta wkoll fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni. Fl-ewwel lok, din il-qorti tinnota li l-fornituri tas-SIĠ li jirrelataw mal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jintgħażlu skont proċedura kompetittiva ta’ offerti fuq il-bażi tal-irħas prezz li jiġi offrut iżda li ma huwiex ogħla minn dak stabbilit mill-KNKEP, li tistabbilixxi wkoll ir-rata fissa għall-produtturi kollha l-oħra tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Fir-rigward tas-sostenn għall-impjanti ta’ sħana u enerġija kkombinati, il-qorti nazzjonali tafferma li dan huwa pprovdut lill-impjanti tal-enerġija kollha li jipprovdu enerġija termali prodotta lis-sistemi ta’ tisħin distrettwali fejn l-impjanti tal-enerġija jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti, inkluż l-effiċjenza, u jkunu ppreżentaw l-applikazzjonijiet, u tqis li dawk l-impjanti ta’ sħana u enerġija kkombinati li ma humiex involuti fil-koġenerazzjoni inkwistjoni jew dawk l-impjanti tal-enerġija li ma humiex kapaċi jiżguraw koġenerazzjoni effiċjenti ma jistgħux jiġu evalwati bl-istess mod. Din tenfasizza wkoll li l-miżura fl-iskema SIĠ inkwistjoni hija applikata għal dawk l-impjanti ta’ sħana u enerġija kkombinati li l-inkarigu ewlieni tagħhom huwa, b’mod partikolari, li jipprovdu enerġija termali lill-popolazzjoni, u s-sostenn jingħata biss għall-elettriku ġġenerat matul l-istaġun tat-tisħin.

94.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-proġett NordBalt, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li tali proġett huwa ffinanzjat fuq il-bażi ta’ spejjeż reali u effettivi li huma essenzjalment imġarrba fil-ħlas ta’ oġġetti u servizzi mixtrija fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. L-ispejjeż li ma humiex ogħla minn dawk effettivament imġarrba u li jikkorrispondu għall-medja tal-prezzijiet tas-suq huma wkoll is-suġġett ta’ kumpens għall-iżviluppaturi ta’ impjanti tal-enerġija solari u tal-operaturi tan-netwerk imsemmija iktar ’il fuq.

95.

Bħal fil-każ tat-tieni u tat-tielet kriterju ta’ Altmark, jidhirli li dwar dan il-punt ukoll ma hemm l-ebda element fil-proċess li jitfa’ dubju fuq l-evalwazzjoni preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma għandha biżżejjed informazzjoni biex issostni din l-evalwazzjoni.

96.

Huwa għalhekk l-inkarigu tal-qorti tar-rinviju li tiżgura li l-fornituri tas-SIĠ jintgħażlu skont wieħed miż-żewġ xenarji alternattivi li jkunu jippermettu konformità mar-raba’ kundizzjoni ta’ Altmark. Il-fornituri tas-SIĠ jistgħu jew jintgħażlu skont proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi — jiġifieri, kompetizzjoni li hija suffiċjentement miftuħa u ġenwina ( 60 ) — li tippermetti l-għażla tal-offerent li kapaċi jipprovdi s-servizzi inkwistjoni bl-irħas prezz lill-komunità. Il-fornituri tas-SIĠ jistgħu jintgħażlu wkoll, fl-assenza ta’ proċedura reali tal-offerti, wara t-tlestija ta’ analiżi trasparenti u ddettaljata tal-ispejjeż li, impriża effiċjenti u kosteffiċjenti attiva f’dak is-settur, kien ikollha ġġarrab biex twettaq l-obbligi tagħha.

97.

Bħala konklużjoni, it-tweġiba għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun, fil-fehma tiegħi, li hija f’idejn il-qorti tar-rinviju biex tiddetermina jekk il-miżuri inkwistjoni fil-proċedura prinċipali jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Altmark. Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju għandha, b’mod partikolari, tivverifika:

l-eżistenza ta’ att pubbliku li jafda lill-fornituri tas-SIĠ bl-inkarigu li jipprovdu dawk is-servizzi b’ċertu livell ta’ universalità u obbligazzjoni, u li jispeċifika, b’mod suffiċjentement preċiż, mill-inqas in-natura, it-tul u l-portata tal-OSP;

l-eżistenza ta’ korp tad-dritt komprensiv u suffiċjentement ċar li jiżgura li ma jingħata l-ebda kumpens żejjed lill-fornituri tas-servizz, u li jirrimedja fil-pront u b’mod effettiv kwalunkwe żball possibbli f’dan ir-rigward;

li l-fornituri tas-SIĠ jintgħażlu jew fuq il-bażi ta’ kompetizzjoni suffiċjentement miftuħa u ġenwina, jew wara t-tlestija ta’ analiżi ddettaljata u trasparenti tal-ispejjeż li impriża effiċjenti u kosteffiċjenti attiva f’dak is-settur kien ikollha ġġarrab biex twettaq l-obbligi tagħha.

IV. Konklużjoni

98.

Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) li, b’kostruzzjoni proprja, l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fondi bħal dawk użati biex jiffinanzjaw ir-reġim Litwan għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur tal-elettriku għandhom jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat;

fejn miżura tal-Istat teħtieġ lil operaturi tan-netwerk tal-elettriku biex jixtru l-elettriku minn produtturi bi prezz fiss u jibbilanċjaw l-elettriku ġġenerat minnhom, filwaqt li tipprevedi li l-ispejjeż żejda mġarrba minn dawn l-operaturi jiġu paċuti b’kontribuzzjonijiet imħallsa mill-konsumatur finali, il-produtturi tal-elettriku għadhom jitqiesu bħala benefiċjarji tal-għajnuna għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE;

miżuri li minnhom jibbenefikaw biss impriżi attivi f’settur speċifiku jew li jipprovdu tip ta’ servizz speċifiku, billi jtaffu ċerti spejjeż tal-istess impriżi li min-naħa l-oħra kien ikollhom iġarrbuhom, fil-prinċipju huma selettivi; miżuri ta’ sostenn lil impriżi attivi fis-settur tal-enerġija, fil-prinċipju, jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern; hija f’idejn il-qorti tar-rinviju biex tiddetermina jekk il-miżuri inkwistjoni fil-proċedura prinċipali jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet;

hija f’idejn il-qorti tar-rinviju biex tiddetermina jekk il-miżuri inkwistjoni fil-proċedura prinċipali jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415. Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju għandha, b’mod partikolari, tivverifika:

l-eżistenza ta’ att pubbliku li jafda lill-fornituri tas-servizzi ta’ interess ġenerali bl-inkarigu li jipprovdu dawk is-servizzi b’ċertu livell ta’ universalità u obbligazzjoni, u li jispeċifika, b’mod suffiċjentement preċiż, mill-inqas in-natura, it-tul u l-portata tal-obbligi tas-servizz pubbliku li għandhom jitwettqu;

l-eżistenza ta’ korp tad-dritt komprensiv u suffiċjentement ċar li jippermetti li jiġi evitat l-għoti ta’ kumpens żejjed lill-fornituri tas-servizz, u li jirrimedja fil-pront u b’mod effettiv kwalunkwe żball possibbli f’dan ir-rigward;

li l-fornituri tas-servizzi ta’ interess ġenerali jintgħażlu jew fuq il-bażi ta’ kompetizzjoni suffiċjentement miftuħa u ġenwina, jew wara t-tlestija ta’ analiżi ddettaljata u trasparenti tal-ispejjeż li impriża effiċjenti u kosteffiċjenti attiva f’dak is-settur kien ikollha ġġarrab biex twettaq l-obbligi tas-servizz pubbliku tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) C‑280/00, EU:C:2003:415.

( 3 ) F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen f’Vent De Colère et, C‑262/12, EU:C:2013:469, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 4 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich, C‑368/04, EU:C:2006:644, punt 39; u tal‑11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen, C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 22.

( 5 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 6 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 7 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 8 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160.

( 9 ) Sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671.

( 10 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C‑345/02, EU:C:2004:448.

( 11 ) Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C‑677/11, EU:C:2013:348.

( 12 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet f’Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C‑677/11, EU:C:2013:58, punt 66.

( 13 ) Ara, rispettivament, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C‑345/02, EU:C:2004:448, punt 37; u tat‑30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C‑677/11, EU:C:2013:348, punt 31.

( 14 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punti 6970. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:33, punt 109.

( 15 ) Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C‑677/11, EU:C:2013:348, punt 32.

( 16 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen f’Vent De Colère et, C‑262/12, EU:C:2013:469, punt 44.

( 17 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851.

( 18 ) Ibid., punti 22, 23, u 28 sa 33.

( 19 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413.

( 20 ) Rispettivament, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160; u tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671.

( 21 ) Rispettivament, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413; u tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851.

( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:33, punti 108109.

( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet f’Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE, C‑677/11, EU:C:2013:58, punti 97 sa 105.

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punti 28 et seq.

( 25 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe f’ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:233, punti 75, 8384.

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2001Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 41. Ara wkoll is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 54, u tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 75.

( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 18; tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 23; u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C 21/15 P, EU:C:2016:981, punti 5659.

( 28 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2017Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punti 29 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punti 66 sa 68 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 29 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et, C‑128/16 P, EU:C:2018:591, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 30 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Asteris et, 106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457, punt 24.

( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 13.

( 32 ) Ara, pereżempju, Hancher, L., Ottervanger, T., Slot, P.J., EU State aids, 4th ed., Sweet & Maxwell, 2012, p. 91.

( 33 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawżi magħquda P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:91, punti 86 sa 88.

( 34 ) Ara, Quigley, C., European State Aid Law and Policy, 3rd ed., 2015, Hart, p. 75.

( 35 ) Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 34 sa 38.

( 36 ) Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punti 33 sa 35.

( 37 ) Punti 89 sa 93 tas-sentenza. Dawk il-kundizzjonijiet huma dawn li ġejjin: l-ewwel nett, l-impriża li tirċievi kumpens għandha tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq l-OSP, u tali obbligi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni nett, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat il-kumpens iridu jkunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti sabiex ikun evitat li tali kumpens jirriżulta f’vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-impriża benefiċjarja fuq impriżi kompetituri. It-tielet nett, il-kumpens imħallas ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ OSP, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi. Ir-raba’ nett, dan il-kumpens għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż, li impriża tipika, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.

( 38 ) Ara, b’riferimenti ulterjuri, il-konklużjonijiet tiegħi f’Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni, C‑660/15 P, EU:C:2016:854, punt 29.

( 39 ) Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni, C‑660/15 P, EU:C:2017:178, punt 35.

( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il-Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punti 6970 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 41 ) Enfasi miżjuda minni.

( 42 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet f’Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il‑Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, C 70/16 P u C‑81/16 P, EU:C:2017:654, punt 48.

( 43 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali Porto di Genova, C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 27; tas‑17 ta’ Lulju 1997, GT-Link, C‑242/95, EU:C:1997:376, punt 53; u tat‑18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 45.

( 44 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’Farrell, C‑413/15, EU:C:2017:492, punt 90, u s-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Colt Télécommunications France vs Il‑Kummissjoni, T‑79/10, EU:T:2013:463, punt 154.

( 45 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑171/17, EU:C:2018:881, punti 5657, u tal‑1 ta’ Marzu 2017, SNCM vs Il‑Kummissjoni, T‑454/13, EU:T:2017:134, punti 133, 134, 172, u 173.

( 46 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

( 47 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Hiebler, C‑293/14, EU:C:2015:472, punt 61, u s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 172.

( 48 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’Federutility et, C‑265/08, EU:C:2009:640, punti 5455.

( 49 ) Assistita, fejn meħtieġ, mill-Qorti tal-Ġustizzja adita skont l-Artikolu 267 TFUE.

( 50 ) Fil-każ ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni.

( 51 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il‑Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 52 ) Ibid., punt 100, li jikkonferma l-analiżi tal-Qorti Ġenerali.

( 53 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, EU:C:1997:501, punt 66.

( 54 ) Ara wkoll il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, C 8, p. 4) punt 52.

( 55 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il‑Kummissjoni, C‑66/16 P sa C 69/16 P, EU:C:2017:999, punt 73.

( 56 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet f’Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il‑Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, C‑70/16 P u C‑81/16 P, EU:C:2017:654, punt 112.

( 57 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Renerga, C‑238/17, EU:C:2018:571, punti 28 sa 34.

( 58 ) Fir-rigward tal-importanza tan-natura obbligatorja tas-SIEĠ, ara b’mod ġenerali de Hautecloque, A., Salerno, F.M., Suciu, S., “Services of General Economic Interest”, f’Hancher, L., de Hautecloque, A., Salerno, F. M. (eds), State Aid and the Energy Sector, Hart, 2018, p. 275 sa 277.

( 59 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Renerga, C‑238/17, EU:C:2018:905, punti 19 sa 29.

( 60 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2017, SNCM vs Il‑Kummissjoni, T‑454/13, EU:T:2017:134, punt 241.