KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl-4 ta’ April 2019 ( 1 )

Kawża C-686/17

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV

vs

Prime Champ Deutschland Pilzkulturen GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Frott u ħaxix – Faqqiegħ ikkultivat – Regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni – Indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini – Kunċett ta’ ‘pajjiż ta’ oriġini’ – Pajjiż tal-ħsad – Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Artikolu 113a(1) – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Artikolu 76(1) – Definizzjonijiet relattivi għall-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija – Regolament (KE) Nru 2913/92 – Artikolu 23(1) u (2) – Regolament (KE) Nru 952/2013 – Artikolu 60(1) – Regolament Delegat (UE) 2015/2446 – Artikolu 31(b) – Stadji tal-produzzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor – Ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel – Projbizzjoni ta’ ttikkettjar li jista’ jqarraq – Direttiva 2000/13/KE – Artikolu 2(1)(a)(i) – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Artikolu 7(1)(a) – Artikolu 1(4) – Artikolu 2(3) – Noti ta’ spjega”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) qajmet erba’ domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-frott u tal-ħaxix intiżi sabiex jinbiegħu friski lill-konsumatur.

2.

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ rikors għal “Reviżjoni” bejn iz-Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV (l-Uffiċċju tal-Ġlieda Kontra il-Kompetizzjoni Żleali, iktar ’il quddiem iz-“Zentrale”) u l-Prime Champ Deutschland Pilzkulturen GmbH (iktar ’il quddiem “Prime Champ”), fir-rigward ta’ azzjoni intiża sabiex twaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni minn din tal-aħħar ta’ faqqiegħ ikkultivat maħsud fil-Ġermanja bl-ittikkettjar “Oriġini: il-Ġermanja”.

3.

Iz-Zentrale jikkunsidra li l-użu ta’ dak l-ittikkettjar minn Prime Champ mingħajr iż-żieda ta’ noti ta’ spjega huwa qarrieqi fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13/KE ( 2 ) u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 ( 3 ) li jipprojbixxu dikjarazzjonijiet qarrieqa lill-konsumatur għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni fuq il-prodotti tal-ikel, meta stadji sostanzjali ta’ produzzjoni u ta’ kultivazzjoni tal-faqqiegħ ikkultivat ma seħħewx fil-Ġermanja.

4.

F’dan il-kuntest, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk skont il-projbizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa lill-konsumatur imsemmija iktar ’il fuq, jistax jiġi allegat li impriża pprovdiet indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodott tal-ikel mingħajr noti ta’ spjega, fid-dawl tal-fatt li stadji sostanzjali tal-produzzjoni ta’ dan il-prodott seħħew fi Stati Membri oħra, u minkejja li l-impriża ma hijiex marbuta tipprovdi din l-informazzjoni skont dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ittikkettjar. Fil-fehma tiegħi dan ma huwiex il-każ.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-leġiżlazzjoni agrikola

a) Ir-Regolament Nru 1234/2007

5.

L-Artikolu 113a(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ( 4 ) jipprovdi:

“Il-prodotti tas-settur tal-frott u tal-ħaxix intiżi biex jinbiegħu friski lill-konsumatur, jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss jekk ikunu tajbin, ġusti u ta’ kwalità li jistgħu jiġu kummerċjalizzati u jekk ikun indikat il-pajjiż ta’ l-oriġini.”

b) Ir-Regolament Nru 1308/2013

6.

Ir-Regolament Nru 1234/2007 ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ( 5 ). Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan tal-aħħar f’dan il-każ saru applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2014 ( 6 ). L-Artikolu 76(1) ta’ dan ir-regolament jirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut tal-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007.

2. Il-leġiżlazzjoni doganali

a) Ir-Regolament Nru 2913/92

7.

L-Artikolu 23 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 ( 7 ) (iktar ’il quddiem “il-Kodiċi Doganali tal-Komunità”) jipprovdi:

“1.   Merkanzija li toriġina f’pajjiż għandha tkun dik miksuba kollha jew prodotti f’dak il-pajjiż.

2.   L-espressjoni ‘merkanzija miksuba kollha f’pajjiż’ tfisser:

[…]

b)

prodotti tal-ħaxix maħsuda f’dak il-posta;

[…]”

b) Ir-Regolament Nru 952/2013

8.

Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 ( 8 ) (iktar ’il quddiem “il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni”). Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan tal-aħħar f’dan il-każ saru applikabbli fl-1 ta’ Ġunju 2016 ( 9 ).

9.

Il-Kapitolu 2 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huwa intitolat “L-oriġini tal-merkanzija”. It-Taqsima 1 tal-imsemmi kapitolu hija intitolata “Oriġini mhux preferenzjali”. L-Artikolu 59 li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-Taqsima 1, jipprovdi:

“L-Artikoli 60 u 61 jistabbilixxu r-regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija għall-għanijiet tal-applikazzjoni ta’ dan li ġej:

[…]

c)

miżuri oħrajn tal-Unjoni marbutin mal-oriġini tal-merkanzija”.

10.

L-Artikolu 60 tiegħu, intitolat “L-akkwiżizzjoni tal-oriġini”, jirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut tal-Artikolu 23(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

c) Ir-Regolament Delegat 2015/2446

11.

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 ( 10 ) beda japplika mill-1 ta’ Mejju 2016 ( 11 ). L-Artikolu 31(b) tiegħu jirriproduċi essenzjalment il-kontenut tal-Artikolu 23(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

3. Il-leġiżlazzjoni relattiva għall-protezzjoni tal-konsumaturi

a) Id-Direttiva 2000/113

12.

L-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 jipprovdi li l-ittikkettjar u l-metodi użati għalih ma għandhomx ikunu ta’ natura li jqarrqu bix-xerrej, b’mod partikolari dwar l-oriġini tal-prodott tal-ikel.

b) Ir-Regolament Nru 1169/2011

13.

Id-Direttiva 2000/13 kienet issostitwita bir-Regolament Nru 1169/2011 li sar applikabbli fit-13 ta’ Diċembru 2014 ( 12 ).

14.

L-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ tikkettar previsti f’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għal ikel partikolari.”

15.

L-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-pajjiż tal-oriġini ta’ ikel għandu jirriferi għall-oriġini ta’ ikel kif iddeterminata skont l-Artikoli 23 sa 26 [tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità].” ( 13 )

16.

L-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan l-istess regolament, li jirriproduċi essenzjalment il-kontenut tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13, huwa fformulat kif ġej:

“L-informazzjoni dwar l-ikel m’għandhiex tiżgwida, b’mod partikolari:

a)

fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel u, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura tiegħu, l-identità, il-proprjetajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-durabbiltà, il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza, il-metodu ta’ fabbrikazzjoni jew produzzjoni;”

B.   Id-dritt Ġermaniż

17.

Fl-2013, il-verżjoni applikabbli tal-ewwel u t-tieni sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 11(1) tal-Lebensmittel-, Bedarfsgegenstände- und Futtermittelgesetzbuch (il-Kodiċi Ġermaniż dwar il-Prodotti tal-Ikel, il-Prodotti ta’ Konsum ta’ Kuljum u l-Ikel intiż għall-Għalf tal-Annimali, iktar ’il quddiem il-“LFGB”) kienet tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-ikel u r-reklamar tagħhom taħt isem qarrieq jew b’indikazzjonijiet jew preżentazzjoni qarrieqa, b’mod partikolari l-użu ta’ allegazzjonijiet ta’ natura li jqarrqu dwar l-oriġini jew il-provenjenza. Din id-dispożizzjoni kienet intiża sabiex tittrasponi l-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13.

18.

Il-verżjoni fis-seħħ tal-Artikolu 11(1)(1) tal-LFGB tipprojbixxi lill-operatur responsabbli mis-settur tal-ikel jew lill-importatur, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, milli jikkummerċjalizzaw jew jippromwovu prodotti tal-ikel b’informazzjoni dwar dan l-ikel li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1169/2011 moqri flimkien mal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

Prime Champ tipproduċi u tikkummerċjalizza faqqiegħ ikkultivat bl-indikazzjoni “Oriġini: il-Ġermanja”.

20.

Il-proċess tal-kultivazzjoni ta’ faqqiegħ jinkludi diversi stadji. Qabelxejn, il-materja prima mqiegħda fil-kompost tiġi ffermentata u mħallta bejn seba’ sa ħdax-il jum fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-tieni stadju ta’ produzzjoni jikkonsisti fil-pasturizzazzjoni li ddum bejn ħames u sitt ijiem u l-preparazzjoni tal-kompost fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-tielet stadju ta’ produzzjoni jikkonsisti fl-inokulazzjoni tal-kompost bil-majċeljum (żerriegħa tal-faqqiegħ) fuq perijodu ta’ ħmistax-il jum. Waqt ir-raba’ stadju, jibda l-frott fil-kontenuri ta’ kultivazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, fuq saff ta’ ħamri u franka, b’dan li l-faqqiegħ jista’ jilħaq 3 mm f’għaxar jew ħdax-il jum. Wara xi ħmistax-il jum, il-kontenituri ta’ kultivazzjoni jiġu ttrasportati lejn il-Ġermanja, fejn l-operatur Prime Champ iwettaq l-ewwel ħsad ta’ faqqiegħ wara ħamest ijiem, u t-tieni ħsad wara għaxar sa ħmistax-il jum.

21.

Iz-Zentrale jikkunsidra li l-indikazzjoni “Oriġini: il-Ġermanja” fuq l-ittikkettjar ta’ dan il-faqqiegħ, mingħajr noti supplimentari, hija qarrieqa għaliex stadji sostanzjali ta’ produzzjoni u ta’ kultivazzjoni, u b’mod iktar partikolari ċ-ċiklu ta’ produzzjoni qabel il-ħsad, ma seħħewx fil-Ġermanja u l-kompost flimkien mal-faqqiegħ ġie ttrasportat lejn il-Ġermanja tlett ijiem biss jew inqas qabel l-ewwel ħsad.

22.

Wara li bagħat intimazzjoni lil Prime Champ f’Diċembru 2013, iz-Zentrale talab lil-Landgericht Ulm (il-Qorti Reġjonali ta’ Ulm, il-Ġermanja) tordna li taħt piena ta’ ċerti miżuri ta’ pagamenti ta’ penalità, Prime Champ ma tibqax tipproponi u/jew tuża fil-kummerċ u/jew tippromwovi l-faqqiegħ ikkultivat bl-indikazzjoni “Oriġini: il-Ġermanja”.

23.

Din il-qorti ċaħdet it-talba taz-Zentrale li għalhekk ippreżenta rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni.

24.

Ir-rikors ġie miċħud mill-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Stuttgart, il-Ġermanja). Din il-qorti ddeċidiet li huwa minnu li l-indikazzjoni “Oriġini: il-Ġermanja” tista’ tqarraq, għaliex il-pubbliku kkonċernat jista’ jiddeduċi minn dan li mhux biss il-ħsad, iżda wkoll il-proċess ta’ produzzjoni kollu seħħ fil-Ġermanja, madankollu, huwa d-dritt tal-Unjoni li jobbliga lil Prime Champ li tinkludi l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini kkontestata. Fil-fatt, il-pajjiż tal-ħsad għandu, skont l-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, jiġi indikat bħala l-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodotti veġetali, u għalhekk Prime Champ ma tistax tiġi kkritikata li pprovdiet din l-indikazzjoni abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni żleali.

25.

Iz-Zentrale ppreżenta appell għal “Reviżjoni” kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja).

26.

Din il-qorti tal-aħħar tippreċiża li, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali bbaża l-mandat ta’ inibizzjoni tiegħu fuq riskju ta’ reċidiva, l-appell għal “Reviżjoni” ikun fondat biss jekk l-aġir allegat fil-konfront tal-konvenuta kien illegali kemm fil-mument tal-fatti kontenzjużi, jiġifieri fl-2013, kif ukoll fil-mument tad-deċiżjoni fl-istadju tal-appell għal “Reviżjoni”.

27.

Għalhekk il-qorti tar-rinivju tikkunsidra li l-appell għal “Reviżjoni” jista’ jirnexxi jekk l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini użata minn Prime Champ tmur kontra l-projbizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13, kif traspost tal-ewwel u tat-tieni sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 11(1) tal-verżjoni tal-LFGB applikabbli fl-2013 u fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 11(1) tal-verżjoni tal-LFGB fis-seħħ attwalment, irrispettivament min-natura obbligatorja ta’ din l-indikazzjoni li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur agrikolu, jiġifieri l-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 ( 14 ).

28.

F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2017, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini msemmi fl-Artikolu 113a(1) tar-[Regolament Nru 1234/2007] u fl-Artikolu 76(1) tar-[Regolament Nru 1308/2013], għandu jsir riferiment għad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 23 et seq. tal-Kodiċi Doganali [tal-Komunità] u fl-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni?

2)

Il-faqqiegħ ikkultivat li jinħasad fit-territorju nazzjonali joriġina minn pajjiż fis-sens tal-Artikolu 23 [tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità] u tal-Artikolu 60(1) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni], meta numru ta’ stadji sostanzjali tal-produzzjoni jseħħu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u l-faqqiegħ ikkultivat ikun ġie ttrasportat fit-territorju nazzjonali tlett ijiem jew inqas qabel l-ewwel ħsad?

3)

Il-projbizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-[Direttiva 2000/13] u fl-Artikolu 7(1)(a) tar-[Regolament Nru 1169/2011] hija applikabbli għall-indikazzjoni ta’ oriġini imposta mill-Artikolu 113a(1) tar-[Regolament Nru 1234/2007] u mill-Artikolu 76(1) tar-[Regolament Nru 1308/2013]?

4)

Jistgħu jiżdiedu noti ta’ spjega mal-indikazzjoni ta’ oriġini imposta mill-Artikolu 113a(1) tar-[Regolament Nru 1234/2007] u mill-Artikolu 76 (1) tar-[Regolament Nru 1308/2013] sabiex jiġu evitati dikjarazzjonijiet qarrieqa konformement mal-projbizzjoni imposta fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-[Direttiva 2000/13] kif ukoll fl-Artikolu 7(1)(a) tar-[Regolament Nru 1169/2011]?”

29.

Iz-Zentrale, Prime Champ, il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u Taljan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Franċiż u dak Taljan, dehru fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit-23 ta’ Jannar 2019.

IV. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

30.

Permezz tal-erba’ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar regoli tad-dritt tal-Unjoni relattivi għall-pajjiż ta’ oriġini tal-frott u tal-ħaxix intiżi sabiex jinbiegħu friski lill-konsumatur li huma previsti fi tliet oqsma differenti, jiġifieri l-leġiżlazzjoni agrikola, il-leġiżlazzjoni doganali u l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.

31.

B’mod iktar preċiż, dawn ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni huma, l-ewwel nett, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini għall-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u tal-ħaxix imposta fl-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, it-tieni nett, id-definizzjonijiet dwar l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija stabbiliti fl-Artikoli 23 sa 26 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fl-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikoli 31 sa 36 tar-Regolament Delegat 2015/2446, u t-tielet nett, il-projbizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa għal dak li jirrigwarda l-pajjiż ta’ oriġini prevista fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 u fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011.

32.

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-relazzjoni bejn l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini għall-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u tal-ħaxix imposta mil-leġiżlazzjoni agrikola u d-definizzjonijiet relattivi għall-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija previsti mill-Kodiċijiet Doganali ( 15 ) sabiex tkun taf, essenzjalment, jekk Prime Champ hijiex marbuta tindika l-Ġermanja bħala l-pajjiż ta’ oriġini tal-faqqiegħ ikkultivat fil-kawża prinċipali (Taqsima B).

33.

Anki jekk jiġi preżunt li dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tat-tielet u r-raba’ domanda preliminari tagħha, jekk l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini użata minn Prime Champ, mingħajr noti ta’ spjega rigward il-fatt li stadji sostanzjali ta’ produzzjoni ta’ dan il-faqqiegħ ikkultivat seħħew fi Stati Membri oħra, hijiex madankollu kuntrarja għall-projbizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa prevista mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (Taqsima C) ( 16 ).

34.

Fid-dawl tal-fatt li skont il-qorti tar-rinviju, l-appell għal “Reviżjoni” jista’ jkun fondat biss jekk l-aġir allegat fil-konfront ta’ Prime Champ kien illegali skont id-dritt tal-Unjoni kemm fil-mument tal-fatti, fl-2013, kif ukoll fil-mument tad-deċiżjoni fl-istadju tal-appell għal “Reviżjoni” ( 17 ), id-domandi preliminari magħmula għandhom jiġu eżaminati skont il-leġiżlazzjoni applikabbli kemm fl-2013 kif ukoll illum.

B.   Fuq ir-relazzjoni bejn il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini” previst mil-leġiżlazzjoni agrikola u d-definizzjonijiet li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija previsti mill-Kodiċijiet Doganali (l-ewwel u t-tieni domanda preliminari)

35.

Ir-Regolamenti Nri 1234/2007 u 1308/2013 jirrigwardaw organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur agrikolu billi jistabbilixxu standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti agrikoli. Għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-settur tal-frott u tal-ħaxix intiżi sabiex jinbiegħu friski lill-konsumatur, l-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprovdu li tali prodotti jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss jekk jiġi indikat il-pajjiż ta’ oriġini.

36.

La r-Regolament Nru 1234/2007 u lanqas ir-Regolament Nru 1308/2013 ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini” fis-sens ta’ dawn ir-regolamenti. Tali definizzjoni lanqas ma hija inkluża fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 ( 18 ).

37.

F’dan ir-rigward, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, sabiex jiġi ddefinit il-“pajjiż ta’ oriġini” tal-frott u tal-ħaxix fis-sens tal-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, għandux isir riferiment għad-definizzjonijiet stabbiliti mill-Kodiċijiet Doganali li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija (Taqsima 1). Jekk ikun il-każ, permezz tat-tieni domanda tagħha, hija tistaqsi dwar jekk il-pajjiż tal-ħsad tal-faqqiegħ ikkultivat huwiex il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom skont dawn id-definizzjonijiet, meta stadji sostanzjali ta’ produzzjoni jseħħu fi Stati Membri oħra (Taqsima 2).

1. Fuq l-applikabbiltà tad-definizzjonijiet previsti mill-Kodiċijiet Doganali li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini” imsemmi mil-leġiżlazzjoni agrikola (l-ewwel domanda preliminari)

38.

Qabelxejn, nirrileva li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tingħata interpretazzjoni li għandha titfittix billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti ( 19 ).

39.

Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini” previst fl-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fid-dawl tas-sens u tal-iskop ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tar-regolamenti li minnhom jifforma parti. Kif jirrileva z-Zentrale, dawn ma jirreferux għall-Kodiċijiet Doganali għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini”.

40.

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali riferiment huwa previst mill-Kodiċiijiet Doganali.

41.

Fil-fatt, l-Artikolu 59(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jistabbilixxi li r-regoli previsti fl-Artikolu 60 tiegħu rigward id-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija japplikaw għal miżuri oħra tal-Unjoni marbutin mal-oriġini tal-merkanzija.

42.

Bħall-Kummissjoni, inqis li l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi kkunsidrat bħala tali miżura. F’dan ir-rigward, nirrileva li dan l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 jikkostitwixxi dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni relattiva għall-oriġini tal-merkanzija, li hija l-unika kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 59(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni sabiex din id-dispożizzjoni tkun applikabbli.

43.

Dan l-argument huwa kkorroborat mill-fatt li r-Regolament Nru 1169/2011 li huwa intiż sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi b’rabta mal-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel ( 20 ) jirreferi, fl-Artikolu 2(3) tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-merkanzija fis-sens ta’ dan ir-regolament, għad-definizzjonijiet li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija previsti mill-Kodiċijiet Doganali. Mill-premessa 33 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan ir-riferiment li sar mil-leġiżlatur huwa ġġustifikat mill-fatt li dawn id-definizzjonijiet huma “magħrufa sew mal-operaturi fin-negozju tal-ikel”.

44.

Kif jindikaw Prime Champ, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, il-fatt li l-leġiżlatur fil-kuntest tar-Regolament Nru 1169/2011, intiż sabiex jipproteġi l-konsumaturi, għażel li jirreferi għal dawn id-definizzjonijiet maħruġa mill-Kodiċijiet Doganali, huwa indikazzjoni ċara li tali riferiment japplika wkoll għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 li għandhom għan simili ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ( 21 ).

45.

Fir-rigward tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, nirrileva li dispożizzjoni korrispondenti għall-Artikolu 59(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma tinsabx fih. Madankollu, inqis li dan tal-ewwel jinkludi prinċipju korrispondenti għall-imsemmija dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Fil-fatt, mix-xogħol preparatorju tal-Artikolu 59(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tippreċiża li r-regoli ta’ oriġini mhux preferenzjali jidħlu wkoll fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ miżuri oħra tal-Unjoni marbutin mal-oriġini tal-merkanzija, li fil-fehma tiegħi, jindika li tali prinċipju kien previst ukoll fil-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 22 ).

46.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu għalhekk jiġi miċħud l-argument taz-Zentrale li l-fatt li r-Regolamenti Nri 1234/2007 u 1308/2013 ma jirreferux għall-Kodiċijiet Doganali għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini” jipprekludi l-applikazzjoni tad-definizzjonijiet previsti minn dawn tal-aħħar.

47.

Konsegwentement, bħal Prime Champ, il-Gvern Franċiż u Taljan ( 23 ) kif ukoll il-Kummissjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari li l-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini” previst minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jsir riferiment għad-definizzjonijiet li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 23 sa 26 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fl-Artikolu 60 tal-Kodiċi Dognali tal-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikoli 31 sa 36 tar-Regolament Delegat 2015/2446.

2. Fuq l-applikazzjoni tad-definizzjonijiet previsti mill-Kodiċijiet Doganali li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija sabiex jiġi ddeterminat il-pajjiż ta’ oriġini tal-faqqiegħ ikkultivat fis-sens tal-leġiżlazzjoni agrikola (it-tieni domanda preliminari)

48.

Bħal Prime Champ, il-Gvern Franċiż u Taljan kif ukoll bħall-Kummissjoni, inqis li skont definizzjonijiet previsti mill-Kodiċijiet Doganali li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija, il-pajjiż ta’ oriġini tal-faqqiegħ ikkultivat huwa l-pajjiż tal-ħsad tagħhom, anki jekk stadji sostanzjali ta’ produzzjoni seħħew fi Stati Membri oħra u li l-faqqiegħ ikkultivat kien ġie ttrasportat fit-territorju tal-ħsad tliet ijiem biss jew inqas qabel l-ewwel ħsad.

49.

Qabelxejn, nirrileva li l-punt ta’ tluq għandu jkun il-prinċipju li t-terminu “ħxejjex” imsemmi fl-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, li jirrigwardaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur agrikolu, jinkludi l-faqqiegħ ikkultivat, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 24 ).

50.

Imbagħad, mill-proposta tiegħi għall-ewwel domanda preliminari jirriżulta li l-pajjiż ta’ oriġini fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi ddeterminat skont id-definizzjonijiet previsti mill-Kodiċijiet Doganali li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija.

51.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 23(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 60(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprovdu li l-merkanzija miksuba kollha kemm hi f’pajjiż jew f’territorju wieħed għandha titqies bħala li toriġina minn dak il-pajjiż jew territorju. Għal dan il-għan, l-Artikolu 23(2)(a) sa (j) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 31(a) sa (j) tar-Regolament Delegat 2015/2446, jinkludu lista ta’ merkanzija differenti kkunsidrata bħala miksuba kollha kemm hi f’pajjiż wieħed.

52.

Fir-rigward tal-prodotti tat-tip veġetali, mill-Artikolu 23(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jirriżulta li tali prodotti jinkisbu kollha kemm huma fil-pajjiż tal-ħsad tagħhom. L-istess dispożizzjoni hija prevista fl-Artikolu 31(b) tar-Regolament Delegat 2015/2446. Fi kliem ieħor, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-prodotti tat-tip veġetali huma kkunsidrati li joriġinaw mill-pajjiż tal-ħsad tagħhom.

53.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Ġermaniż jenfasizzaw in-natura atipika tal-kawża prinċipali billi jirrilevaw li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-pajjiż tal-ħsad għall-frott u għall-ħaxix huwa min-natura tagħhom stess, ukoll il-pajjiż li fih iseħħu wkoll l-istadji kollha tal-produzzjoni preċedenti għall-ħsad ( 25 ).

54.

F’dan il-kuntest, waqt is-seduta, il-Kummissjoni esponiet li l-fatt li faqqiegħ ikkultivat jiġi prodott b’mod “transkonfinali” huwa ġdid. Jidher li fl-2015, meta ġie fformulat ir-Regolament Delegat 2015/2446, il-Kummissjoni ma kinitx ħasbet sabiex tirregola dan il-metodu ta’ produzzjoni. Mistoqsija, waqt is-seduta dwar ir-raġuni li għaliha r-regoli li jirrigwardaw dan il-metodu ta’ produzzjoni għadhom sal-lum ma ġewx adottati, il-Kummissjoni spjegat li dan it-tip ta’ proċess għadu ma ġiex rifless biżżejjed fil-livell leġiżlattiv. Min-naħa tagħha, Prime Champ spjegat, waqt din l-istess seduta, li hija ilha tuża dan il-metodu ta’ produzzjoni sa mill-2012 u li ma hijiex l-unika waħda peress li impriżi oħrajn jipproduċu wkoll permezz ta’ dan il-proċess.

55.

Fil-fehma tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jippermettux madankollu li tiġi miċħuda l-formulazzjoni tal-Artikolu 23(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u tal-Artikolu 31(b) tar-Regolament Delegat 2015/2446, li jipprovdu b’mod ċar li l-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodotti tat-tip veġetali jiddependi biss fuq il-post tal-ħsad tagħhom. Kif tispjega l-Kummissjoni, skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-punt tat-tluq għandu jkun il-prinċipju li l-leġiżlatur ma jagħti ebda importanza lill-fatt li stadji ta’ produzzjoni preċedenti għall-ħsad seħħew fi Stat Membru ieħor jew oħrajn.

56.

Għalhekk għandu jiġi miċħud l-argument magħmul miz-Zentrale, li mill-istruttura tal-Artikoli 23 u 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u mid-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jirriżulta li l-applikabbiltà tad-definizzjonijiet previsti mill-Kodiċijiet Doganali li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-merkanzija tkun inkisbet kollha kemm hi fl-istess pajjiż.

57.

Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u d-dispożizzjoni ekwivalenti prevista fl-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni moqri flimkien mal-Artikolu 32 tar-Regolament Delegat 2015/2446, dawn ma jistgħux iwasslu għal riżultat kuntrarju. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet relattivi għall-oriġini tal-merkanzija, li fil-produzzjoni tagħha intervjenew diversi pajjiżi jew territorji, ma humiex applikabbli għall-ħaxix frisk bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 26 ).

58.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari li l-Artikolu 23(1) u (2)(b) tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 60(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni moqri flimkien mal-Artikolu 31(b) tar-Regolament Delegat 2015/2446, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-pajjiż ta’ oriġini tal-faqqiegħ ikkultivat huwa l-pajjiż tal-ħsad tagħhom skont dawn id-dispożizzjonijiet, irrispettivament mill-fatt li stadji sostanzjali ta’ produzzjoni seħħew fi Stati Membri oħra tal-Unjoni u li l-faqqiegħ ikkultivat kien ġie ttrasportat fit-territorju tal-ħsad tlett ijiem biss jew inqas qabel l-ewwel ħsad.

C.   Fuq ir-relazzjoni bejn il-projbizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa prevista mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini imposta mil-leġiżlazzjoni agrikola (it-tielet u r-raba’ domanda preliminari)

1. Osservazzjonijiet preliminari

59.

Infakkar li permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini użata minn Prime Champ mingħajr noti ta’ spjega dwar il-post tal-produzzjoni tmurx kontra l-projbizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa lill-konsumatur stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 u fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011.

60.

Għal dan il-għan, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, dwar jekk l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini imposta mil-leġiżlazzjoni agrikola għandhiex tiġi kkunsidrata bħala lex specialis meta mqabbla mar-regola ta’ projbizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa, b’tali mod li din tal-aħħar ma tapplikax għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini (it-tielet domanda preliminari). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal din id-domanda fis-sens li l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini imposta mil-leġiżlazzjoni agrikola tapplika b’mod parallel mal-projbizzjoni ta’ qerq, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sussegwentement, dwar jekk jistgħux jiżdiedu noti ta’ spjega sabiex jiġi evitat qerq lill-konsumatur fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq (ir-raba’ domanda preliminari) ( 27 ).

61.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, din l-aħħar domanda, kif ifformulata, ma hijiex determinanti fir-rigward tal-punt dwar jekk l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini użata minn Prime Champ mingħajr noti ta’ spjega tmurx kontra l-projbizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa lill-konsumatur. Ċertament, kienet tkun li kieku l-leġiżlazzjoni agrikola kienet tirregola b’mod eżawrjenti l-pajjiż ta’ oriġini tal-frott u tal-ħaxix ( 28 ). Issa, fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ.

62.

Fil-fatt, ebda element fil-leġiżlazzjoni agrikola ma jipprekludi impriża milli tipprovdi noti ta’ spjega mal-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini sakemm dawn ma jwasslux, fihom innifishom, għal qerq tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ espressjoni, li jipproteġi wkoll il-“komunikazzjoni kummerċjali”, stabbilit fl-Artikolu 11(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tkun prevista mil-liġi skont l-Artikolu 52(1) ta’ din il-Karta.

63.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-raba’ domanda għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-ommissjoni ta’ tali noti ta’ spjega hijiex qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 ( 29 ).

64.

F’dan ir-rigward, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha, fil-fehma tiegħi, huwa suffiċjenti, li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi biss din ir-raba’ domanda. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 u l-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 huma applikabbli, kif ser nesponi iktar ’l isfel, inqis li l-ommissjoni ta’ noti ta’ spjega mal-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex, fi kwalunkwe każ, qarrieqa fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 30 ).

65.

Għalhekk, fl-espożizzjoni sussegwenti tiegħi, ser nispjega fil-qosor biss ir-raġunijiet li għalihom għandi dubji serji fir-rigward tal-kwistjoni tal-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (Taqsima 2) qabel nirrispondi r-raba’ domanda preliminari (Taqsima 3).

2. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 u tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13

66.

Bħall-qorti tar-rinviju, nikkunsidra li għandha tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini imposta mil-leġiżlazzjoni agrikola għandhiex tiġi kkunsidrata bħala lex specialis fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa, fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1169/2011. Dan l-artikolu, li jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, jindika li dan tal-aħħar “japplika mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ tikkettar previsti f’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għal ikel partikolari” ( 31 ).

67.

Fid-dawl tal-premessa 8 tar-Regolament Nru 1169/2011, li tistabbilixxi li “[i]r-rekwiżiti ġenerali dwar it-tikkettar huma komplementati b’għadd ta’ dispożizzjonijiet applikabbli […] għal ċerti kategoriji ta’ ikel […]”, jidhirli li l-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-regolament għandu jinftiehem fis-sens li dan tal-aħħar japplika, fil-prinċipju, b’mod parallel mad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal ċerti prodotti tal-ikel.

68.

Madankollu, għandhom isiru xi preċiżazzjonijiet għal din il-premessa.

69.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni argumentat, essenzjalment, li skont intepretazzjoni litterali, teleoloġika u kuntestwali tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1169/2011, l-espressjoni “mingħajr preġudizzju” għandha tinftiehem fis-sens li r-Regolament Nru 1169/2011 japplika b’mod parallel mad-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal ċerti prodotti tal-ikel, sa fejn dawn ma jkunux kontradittorji mad-dispożizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1169/2011. Kif qed nifhem l-argument tal-Kummissjoni, tali kontradizzjoni teżisti biss sa fejn l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tipprekludi applikazzjoni parallela tar-Regolament Nru 1169/2011. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li tali kontradizzjoni ma teżistix għaliex l-indikazzjoni “Oriġini: il-Ġermanja” tista’ tintuża filwaqt li jiżdiedu noti addizzjonali ( 32 ).

70.

Għall-kuntrarju tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, inqis li argumenti konvinċenti jistgħu jsostnu l-pożizzjoni li l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1169/2011 ma huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom teżisti kontradizzjoni reali fis-sens invokat mill-Kummissjoni.

71.

Fil-fatt, il-fatt li r-Regolament Nru 1169/2011 japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-ittikkettjar ifisser li dan ir-regolament ma jistax jostakola l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet speċifiċi. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1169/2011 jesprimi, essenzjalment, il-prinċipju tal-lex specialis.

72.

Skont dan il-prinċipju, jidhirli li applikazzjoni parallela tar-Regolament Nru 1169/2011 hija eskluża wkoll sa fejn din twassal sabiex iċċaħħad dispożizzjoni speċifika fil-qasam tal-ittikkettjar mill-effett utli tagħha.

73.

Fil-fehma tiegħi, dan kien ikun il-każ li kieku l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 kien applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika fil-qasam tal-ittikkettjar fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1169/2011 ( 33 ), u kif ser nesponi fit-Taqsima 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari fil-punti 82 u 83, inqis li l-leġiżlatur iddetermina b’mod ċar fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 il-pajjiż ta oriġini tal-frott u tal-ħaxix frisk bħala l-pajjiż tal-ħsad tagħhom.

74.

Madankollu jekk l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 kellu jiġi applikat b’tali mod li l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini pprovduta skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 tista’ tkun qarrieqa fis-sens ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, ikun, fil-fehma tiegħi, imċaħħad minħabba dan il-fatt mill-effett utli tiegħu.

75.

Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2000/13, nirrileva li l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1169/2011 ma għandux ekwivalenti f’din id-direttiva. Madankollu, nikkunsidra li prinċipju korrispondenti għal dak previst f’dan l-artikolu huwa applikabbli wkoll għad-Direttiva 2000/13. Fil-fatt, ebda element fix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1169/2011 ma jindika li dan huwa intiż sabiex jemenda d-direttiva dwar dan il-punt u għalhekk l-Artikolu 1(4) tiegħu għandu jinftiehem bħala kodifikazzjoni tal-prinċipju tal-lex specialis diġà applikabbli skont id-Direttiva 2000/13. Fi kliem ieħor, inqis li kunsiderazzjonijiet simili għal dawk żviluppati iktar ’il fuq fir-rigward tar-Regolament Nru 1169/2011 jistgħu jitqajmu dwar l- Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 fir-rigward tal-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007.

3. Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 u tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13

76.

L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprojbixxi li l-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel tqarraq għal dak li jirrigwarda l-pajjiż ta’ oriġini.

77.

Qabelxejn, inqis li din il-projbizzjoni tinkludi ommissjonijiet qarrieqa. Fil-fatt, l-espressjoni “informazzjoni dwar l-ikel” hija ddefinita fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ dan ir-regolament bħala “l-informazzjoni li tikkonċerna xi ikel u li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur finali permezz ta’ tikketta, materjal ieħor li jkollha magħha, jew xi mezzi oħra inklużi għodod teknoloġiċi moderni jew komunikazzjoni verbali”. Anki jekk din id-definizzjoni ma tirrigwardax, formalment, ommissjonijiet, il-punt tat-tluq għandu jkun il-prinċipju li dawn huma koperti sa fejn dawn jistgħu jqarrqu lill-konsumaturi dwar il-pajjiż ta’ oriġini ( 34 ).

78.

Sussegwentement, fir-rigward tal-kunċett ta’ “diżgwid” tal-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011, nirrileva li din id-dispożizzjoni ma tinkludix definizzjoni tiegħu. Madankollu, fil-fehma tiegħi, bħad-definizzjoni tal-ommissjonijiet qarrieqa li tinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29, hemm lok li l-kunċett ta’ “diżgwid” imsemmi fl-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament jinftiehem fis-sens li jinkludi informazzjoni sostanzjali li l-konsumatur medju għandu bżonn, ikkunsidrat il-kuntest, sabiex tittieħed deċiżjoni kummerċjali b’konnoxxenza tal-kawża, u konsegwentement, li twasslu jew li tista’ twasslu sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku huwa ma kienx jieħu.

79.

Fil-fatt, anki jekk tali definizzjoni ma tinsabx fir-Regolament Nru 1169/2011, nirrileva li huma biss ommissjonijiet sostanzjali li l-konsumatur medju għandu bżonn li min-natura tagħhom stess jistgħu jqarrqu lill-konsumatur. Barra minn hekk, hekk kif spjegajt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-Regolament Nru 1169/2001 huwa intiż, bħal fil-każ tad-Direttiva 2005/29, li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

80.

Finalment nirrileva li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprovdi li l-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodott tal-ikel fis-sens ta’ dan ir-regolament jirreferi għall-oriġini tal-merkanzija kif stabbilita b’mod konformi mad-definizzjonijiet li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija previsti mill-Kodiċijiet Doganali.

81.

Fil-fehma tiegħi, l-ommissjoni ta’ noti ta’ spjega fir-rigward ta’ indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini pprovduta skont id-definizzjonijiet previsti mill-Kodiċijiet Doganali, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, ma tistax titqies li tikkostitwixxi informazzjoni sostanzjali għall-konsumatur medju li tista’ tqarraq dwar il-pajjiż ta’ oriġini fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011.

82.

Fil-fatt, il-leġiżlatur iddetermina b’mod ċar u preċiż il-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodott tal-ikel fis-sens tar-Regolament Nru 1169/2011 permezz ta’ riferiment għall-Kodiċijiet Doganali fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament ( 35 ). Għal dak li jirrigwarda l-prodotti tat-tip veġetali, il-leġiżlatur iddetermina b’mod iktar preċiż li l-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn il-prodotti huwa l-pajjiż tal-ħsad tagħhom. Permezz ta’ din l-għażla, il-leġiżlatur għamel fl-istess waqt dik li ma jagħtix importanza lill-fatt li l-produzzjoni ta’ tali prodotti tista’, fil-prinċipju, isseħħ f’pajjiżi differenti. F’dan ir-rigward, infakkar li l-leġiżlatur żamm din ir-regola anki wara li sar jaf bil-metodu ta’ produzzjoni “transkonfinali” tal-faqqiegħ ikkultivat.

83.

Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li minn qari konġunt tal-Artikolu 7(1)(a), tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 u tad-definizzjonijiet li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija previsti mill-Kodiċijiet Doganali jirriżulta li tali informazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sostanzjali għall-konsumatur medju ( 36 ).

84.

Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkorrobata mill-fatt li l-Kummissjoni adottat biss dispożizzjonijiet oħra dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini għal dak li jirrigwarda l-laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, mogħoż u tat-tjur. B’mod iktar partikolari, tali regoli huma previsti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1337/2013 ( 37 ) għar-raġuni li l-applikazzjoni ta’ definizzjonijiet relattivi għall-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija previsti mill-Kodiċijiet Doganali ma kinitx tippermetti li l-konsumatur ikun informat suffiċjentement dwar l-oriġini ta’ dan il-laħam, ikkunsidrati s-sitwazzjonijiet li fihom il-laħam ikun ġej minn annimali mweldin, imrobbija u maqtula f’pajjiżi differenti ( 38 ).

85.

Filwaqt li nista’ nifhem l-argument taz-Zentral li l-konsumaturi għandhom ikunu informati meta prodott ikun suġġett għal stadji sostanzjali ta’ produzzjoni f’pajjiżi differenti, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur ma kkunsidrax tali informazzjoni bħala sostanzjali, u għalhekk, li tista’ tqarraq il-konsumatur dwar il-pajjiż ta’ oriġini fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011.

86.

Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud l-argument imressaq mill-Kummissjoni li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu dwar il-kwistjoni dwar jekk, f’każijiet konkreti, indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassalx b’mod konkret sabiex tqarraq lill-konsumtur. Fil-fatt, tali pożizzjoni tista’ tippreġudika l-libertà ta’ għażla tal-leġiżlatur, imfakkra iktar ’il fuq.

87.

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13, inqis li dispożizzjonijiet li jixbhu dawk żviluppati iktar ’il fuq għandhom jiġu applikati għal din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, nirrileva li anki jekk id-Direttiva 2000/13 ma tinkludix definizzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini fis-sens ta’ din id-direttiva ( 39 ), dan l-element ma jistax iwassal għal riżultat kuntrarju fid-dawl tal-fatt li tali definizzjoni hija dejjem prevista skont qari konġunt tal-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u tal-Artikolu 23(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Minn dan jirriżulta li ttikkettjar ipprovdut skont id-definizzjonijiet relattivi għall-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija stabbiliti mill-Kodiċi Doganali tal-Komunità lanqas ma huwa qarrieq fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13.

88.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għar-raba’ domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 u l-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li ma jiġux ipprovduti lill-konsumatur noti ta’ spjega ma’ indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini ddeterminata b’mod konformi mad-definizzjonijiet li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija stabbiliti mill-Kodiċijiet Doganali, ma joħloqx “diżgwid” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

V. Konklużjoni

89.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

1)

L-Artikolu 113a(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini” previst minn din id-dispożizzjoni, għandu jsir riferiment għad-definizzjonijiet li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija stabbiliti fl-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

L-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini” previst minn din id-dispożizzjoni, għandu jsir riferiment għad-definizzjonijiet relattivi għall-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija stabbiliti fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikoli 31 sa 36 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

2)

L-Artikolu 23(1) u (2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92 u l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 952/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 31(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-pajjiż ta’ oriġini tal-faqqiegħ ikkultivat huwa l-pajjiż tal-ħsad tagħhom, irrispettivament mill-fatt li stadji sostanzjali ta’ produzzjoni seħħew fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u li l-faqqiegħ ikkultivat kien ġie ttrasportat fit-territorju tal-ħsad tlett ijiem biss jew inqas qabel l-ewwel ħsad.

3)

L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ma jiġux ipprovduti lill-konsumatur noti ta’ spjega ma’ indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini ddeterminata b’mod konformi mad-definizzjonijiet li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija stabbiliti fl-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament Nru 2913/92 u fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 952/2013 moqri flimkien mal-Artikoli 31 sa 36 tar-Regolament Delegat 2015/2446 ma joħloqx “diżgwid” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

L-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel għandu jiġi interpretat fis-sens li ma “jiżgwidax” lill-konsumatur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni l-fatt li ma jiġux ipprovduti noti ta’ spjega ma’ indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini ddeterminat b’mod konformi mad-definizzjonijiet li jirrigwardaw l-oriġini mhux preferenzali tal-merkanzija stabbiliti fl-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament Nru 2913/92.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75).

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2016, L 266, p. 7, fil-ĠU 2014, L 331, p. 40).

( 4 ) Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (ĠU 2007, L 299, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 97, p. 4), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 361/2008 tal-14 ta’ April 2008 (ĠU 2008, L 121, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 276, p. 63) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1234/2007”).

( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2014, L 189, p. 261).

( 6 ) Ara l-Artikolu 232(1) tar-Regolament Nru 1308/2013.

( 7 ) Regolament tal-Kunsill tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

( 8 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, fil-ĠU 2013, L 287, p. 90).

( 9 ) Ara l-Artikolu 286(2) u l-Artikolu 288(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

( 10 ) Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2018, L 75, p. 41, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2016, L 87, p. 35).

( 11 ) Ara l-Artikolu 256 tar-Regolament Delegat 2015/2446.

( 12 ) Ara l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1169/2011.

( 13 ) Mill-Artikolu 286(3) tar-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jirriżulta li r-riferimenti għall-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandhom jitqiesu bħala riferimenti għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Sa mill-1 ta’ Mejju 2016, ir-riferiment għall-Artikoli 23 sa 26 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, iċċitat fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1169/2011, għandu għalhekk jitqies bħala riferiment għall-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikoli 31 sa 36 tar-Regolament Delegat 2015/2446 li jirrigwarda preċiżazzjonijiet li jikkonċernaw dan l-Artikolu 60.

( 14 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li fl-ipoteżi fejn Prime Champ kienet kisret dawn id-dispożizzjonijiet, minn dan jirriżulta li hija tkun wettqet prassi kummerċjali żleali fis-sens tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, iktar ’il quddiem l-“UWG”), iktar preċiżament fis-sens tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 3 u tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-verżjoni tal-UWG applikabbli fl-2013 u tal-Artikolu 3a tal-verżjoni tal-UWG fis-seħħ. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li, iwettaq att ta’ kompetizzjoni żleali, b’mod partikolari, kull minn jikser dispożizzjoni legali li hija, fost oħrajn, iddestinata sabiex tirregola l-aħir fis-suq fl-interess tal-operaturi tas-suq. Il-UWG ittrasponiet id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunisll tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2006, L 114, p. 86).

( 15 ) Flimkien, il-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni moqrija flimkien mar-Regolament Delegat 2015/2446.

( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU 2011, L 157, p. 1), applikabbli mit-22 ta’ Ġunju 2011.

( 19 ) Ara pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, Leifer et (C‑83/94, EU:C:1995:329, punt 22); tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41) kif ukoll tal-15 ta’ April 2010, Fundación Gala-Salvador Dalí u VEGAP (C‑518/08, EU:C:2010:191, punt 25).

( 20 ) Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1169/2011.

( 21 ) Dan jirriżulta mill-premessa 49 tar-Regolament Nru 1234/2007, li tipprovdi li l-applikazzjoni ta’ standards għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli fl-interess tal-produtturi, tan-negozjanti u tal-konsumaturi tista’ tikkontribwixxi għat-titjib ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi għall-produzzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni kif ukoll għall-kwalità ta’ tali prodotti. Indikazzjoni simili tinsab fil-premessa 64 tar-Regolament Nru 1308/2013 u l-premessa 65 tiegħu żżid li ż-żamma ta’ standards settorjali għall-kummerċjalizzazzjoni hija ta’ natura li tissodisfa l-aspettattivi tal-konsumaturi u tikkontribwixxi għat-titjib tal-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti kif ukoll tal-kwalità tagħhom.

( 22 ) Ara f’dan ir-rigward il-proposta tar-Regolament (KEE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2005 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (Kodiċi Doganali Modernizzat), p. 10) (COM(2005) 608 finali)).

( 23 ) Nirrileva li l-Gvern Ġermaniż irrisponda biss għat-tielet u għar-raba’ domanda preliminari.

( 24 ) Fil-fatt, fl-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli, l-Artikolu 1(i) tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 1(2)(i) tar-Regolament Nru 1308/2013, jinkludu l-prodotti li jappartjenu għas-settur tal-frott u tal-ħaxix stabbiliti b’mod speċifiku fil-Parti IX tal-Anness I ta’ dawn ir-regolamenti. Dawn l-annessi jsemmu, fir-rigward tal-indikazzjoni tal-prodotti għas-settur tal-frott u tal-ħaxix li jinsabu taħt l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda ex 0709, “Ħxejjex oħra, friski jew imkessħin”. Il-Kapitolu 7 tal-Anness I tan-Nomenklatura Magħquda jsemmi l-“Faqqiegħ” bil-kodiċi 070951.

( 25 ) B’mod iktar preċiż, il-Gvern Ġermaniż jispjega li, fil-fehma tal-ispeċjalisti tiegħu tal-produzzjoni, huwa rari li t-trasport ta’ kultivazzjoni ta’ frott jew ta’ ħaxix ikun possibbli u vantaġġuż, kif inhu fil-kawża prinċipali, b’tali mod li produzzjoni transkonfinali hija, b’mod ġenerali, impossibbli jew fi kwalunkwe każ mhux vijabbli. Apparti l-faqqiegħ ikkultivat, li t-trasport tiegħu jirriżulta faċli, il-Gvern Ġermaniż indika li jista’ jaħseb biss fil-kultivazzjoni ta’ indivja skont dan il-metodu ta’ produzzjoni. Min-naħa tagħha, waqt is-seduta l-Kummissjoni rrilevat, bħala sitwazzjoni analoga, il-kultivazzjonijiet idrofoniċi u ta’ ħwawar aromatiċi. Fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, il-Kummissjoni spjegat li dawn setgħu jinbiegħu lill-konsumatur bis-sustrat u għalhekk mingħajr ma sseħħ ħasda reali qabel il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

( 26 ) B’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-frott u tal-ħaxix, mill-Artikolu 32 tar-Regolament Delegat 2015/2446 moqri flimkien mal-Kapitolu 20 tal-Anness 22-01 tiegħu li għalih jirreferi l-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li tali prodotti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet sa fejn dawn ikunu taħlita ta’ prodotti tat-tip veġetali, pereżempju, il-meraq tal-frott. Anki jekk il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ma jinkludix tali dispożizzjoni, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, fil-fehma tiegħi l-Artikolu 24 tiegħu għandu jinftiehem bl-istess mod.

( 27 ) Il-qorti tar-rinviju tiċċita, bħala eżempju, nota dwar l-istadji ta’ produzzjoni mwettqa fi Stati Membri oħra.

( 28 ) F’dan il-każ, jirriżulta li l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini użata minn Prime Champ mingħajr noti oħra hija legali fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa lill-konsumatur, peress li Prime Champ ma tistax, fi kwalunkwe każ, iżżid noti ta’ spjega ma’ din l-indikazzjoni.

( 29 ) F’dan il-kuntest, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2018, baumgarten sports & more, C‑548/17, EU:C:2018:970, punt 22).

( 30 ) Infakkar li skont il-qorti tar-rinviju, l-appell għal “Reviżjoni” fil-kawża prinċipali jista’ jkun fondat biss jekk l-aġir allegat fil-konfront ta’ Prime Champ kien illegali, kemm skont l-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 kif ukoll skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011. Għalhekk, risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ domanda preliminari, unikament fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011, hija suffiċjenti, fil-prinċipju, sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li titressaq quddiemha.

( 31 ) Nirrileva li l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1308/2013 jinkludi, bl-istess mod, regola relattiva għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ standards ta’ kummerċjalizzazzjoni. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, b’mod iktar preċiż, li standards ta’ kummerċjalizzazzjoni japplikaw “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni oħra applikabbli għal prodotti agrikoli […]”. Fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 1169/2011 japplika biss kif previst minn dan l-aħħar regolament, l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1308/2013 ma huwiex madankollu rilevanti għad-determinazzjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011.

( 32 ) Għalhekk, jidhirli, li l-Kummissjoni tinvoka, fil-fatt, interpretazzjoni simili għal dik tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 li jipprovdi li “[f]il-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli [tal-Unjoni] oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi”. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kunflitt bħal dak previst mill-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 jeżisti biss meta regoli speċifiċi jirregolaw b’mod eżawrjenti l-informazzjoni dwar merkanzija li għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi, b’tali mod li ma tistax tiżdied informazzjoni oħra. Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Dyson (C-632/16, EU:C:2018:599, punti 34 sa 36) u tat-13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C‑54/17 u C-55/17, EU:C:2018:710, punti 6061). Minn din il-perspettiva, ninnota li peress li l-leġiżlazzjoni agrikola ma tirregolax b’mod eżawrjenti l-pajjiż ta’ oriġini tal-frott u tal-ħaxix, il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-projbizzjoni tal-ommissjonijiet qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29, bħal dik li tikkonċerna l-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011, ma tqumx f’dan il-każ.

( 33 ) Għalhekk, ir-Regolament Nru 1169/2011 jistipula regoli ta’ natura ġenerali u orizzontali, applikabbli għall-prodotti tal-ikel kollha, filwaqt li r-regoli ta’ natura speċifika u vertikali, intiżi biss għal ċerti prodotti tal-ikel partikolari, huma stabbiliti fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw dawn il-prodotti, ara, f’dan is-sens, il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament. Mill-premessa 32 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti tas-settur tal-frott u tal-ħaxix jikkostitwixxu tali regoli vertikali.

( 34 ) Ara f’dan is-sens, l-Artikolu 26(2)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 li jipprovdi li l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini hija obbligatorja skont dan l-istrument fil-każijiet fejn l-ommissjoni tagħha tista’ tqarraq lill-konsumaturi dwar il-pajjiiż ta’ oriġini. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ prassi kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29 jinkludi ommissjonijiet qarrieqa. Infakkar li bħar-Regolament Nru 1169/2011, din id-direttiva hija intiża sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

( 35 ) Nirrileva li din id-definizzjoni kienet introdotta bir-Regolament Nru 1169/2011 minħabba li l-assenza ta’ tali definizzjoni fid-Direttiva 2000/13 kienet twassal għal inċertezzi u kienet tipprovoka ambigwità, kemm għall-konsumaturi u għall-industrija kif ukoll għall-Istati Membri (ara “Impact assessment report on general food labelling issues”, SEC(2008) 92, p. 21, flimkien mal-proposta tar-Regolament Nru 1169/2011).

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Dyson (C‑632/16, EU:C:2018:599, punti 42 sa 44).

( 37 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2013 li jistipula r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjanza għal laħam frisk, imkessaħ jew iffirżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur (ĠU 2013, L 335, p. 19).

( 38 ) Ara l-premessa 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1337/2013.

( 39 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.