KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit‑28 ta’ Frar 2019 ( 1 )

Kawża C‑677/17

M. Çoban

vs

Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Uwv)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija – Protokoll Addizzjonali – Artikolu 59 – Deċiżjoni Nru 3/80 – Sigurtà soċjali tal‑ħaddiema migranti – Artikolu 6(1) – Tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza – Benefiċċji supplimentari mogħtija skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali – Irtirar”

1. 

Hija n-natura umana li, wara assenza twila barra mill-pajjiż fuq xogħol jew fuq xi missjoni, wieħed ikun jixtieq jirritorna f’daru. Odysseus irrifjuta l-ġid, u anki l-immortalità, sabiex jirritorna Ithaka ( 2 ). B’mod iktar prożajku, il-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea żammet f’moħħha dan l-istint li wieħed ifittex daru, billi adottat dispożizzjonijiet li jintitolaw ħaddiem jesporta ċerti benefiċċji tas-sigurtà soċjali jekk jitlaq l-Istat Membru li fih tkun tinsab l-istituzzjoni responsabbli mill-provvista ta’ dawk il-benefiċċji.

2. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 3/80 tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom ( 3 ), moqrija flimkien mal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit‑23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell ( 4 ). Din id-deċiżjoni tipprojbixxi, inter alia, l-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ residenza b’rabta mal-ħlas ta’ ċerti tipi ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali lil ħaddiema Torok.

3. 

Is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) tistaqsi dwar ir-relazzjoni bejn din il-projbizzjoni u r-regola li tipprekludi “trattament aktar favorevoli” għal ħaddiema Torok ipparagunati ma’ ċittadini ta’ Stati Membri, stabbilita fl-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali

4.

Il-partijiet kontraenti ffirmaw il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fl‑1963 ( 5 ). Konformement mal-Artikolu 2(1) tiegħu, l-għan tal-Assoċjazzjoni huwa “li tippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet [kontraenti], filwaqt li tittieħed kompletament inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp imħaffef tal-ekonomija tat-Turkija u ż-żieda fil-livell tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-poplu Tork” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5.

L-Artikolu 12 huwa parti mill-Kapitolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, intitolat “Dispożizzjonijiet oħra ta’ natura ekonomika”. Dan jipprovdi li, “[i]l-Partijiet Kontraenti jaqblu li jiġu ggwidati mill-[Artikoli 45 TFUE, 46 TFUE u 47 TFUE] biex gradwalment jinkiseb bejniethom il-moviment liberu tal-ħaddiema” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali].

6.

It-Titolu II tal-Protokoll Addizzjonali jinkludi dispożizzjonijiet iddettaljati li jirregolaw il-“Moviment ta’ Persuni u Servizzi”, li l-Kapitolu I tiegħu jikkonċerna l-“Ħaddiema”.

7.

L-Artikolu 39 (parti minn dan il-Kapitolu) jipprovdi li “[q]abel it-tmiem ta’ l-ewwel sena wara d-dħul b’effett ta’ dan il-Protokoll, il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu jadotta miżuri ta’ sigurtà soċjali għal ħaddiema ta’ nazzjonalità Torka li jiċċaqilqu [fl-Unjoni] u għall-familji tagħhom li jabitaw [fl-Unjoni]”. Dawn id-dispożizzjonijiet “għandhom jiffaċilitaw lill-ħaddiema ta’ nazzjonalita Torka […] il-perijodu aggregati għall-assigurazzjoni jew l-impieg imwettqa fi Stati Membri ndividwali fir-rigward tal-penzjoni ta’ l-età, il-benefiċji tal-mewt u l-penzjonijiet ta’ l-invalidità, u wkoll fir-rigward tal-provvediment tas-servizzi tas-saħħa għal ħaddiema u l-familji tagħhom li jabitaw [fl-Unjoni]” ( 6 ). Skont l-Artikolu 39(4), “[g]ħandu jkun possibbli li tkun trasferita lejn it-Turkija l-penzjoni ta’ l-età, il-benefiċji tal-mewt u l-penzjoni ta’ l-invalidità akwistati permezz tal-miżuri adotti permezz tal-paragrafu 2”.

8.

It-Titolu IV tal-Protokoll Addizzjonali (“Disposizzjonijiet ġenerali u finali”) jinkludi l-Artikolu 59, li jipprovdi li “[f]l-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil-xulxin permezz tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità”.

9.

Il-Protokoll Addizzjonali jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ( 7 ).

Id-Deċiżjoni Nru 1/80

10.

Id-Deċiżjoni Nru 1/80 ġiet adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni sabiex tiġi promossa l-libertà ta’ moviment għall-ħaddiema ( 8 ). L-Artikolu 6 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg għal ċittadini Torok li jagħmlu parti mis-suq regolari tax-xogħol ta’ Stat Membru. Skont ġurisprudenza stabbilita, sakemm il-ħaddiem Tork jeżerċita d-dritt għax-xogħol tiegħu taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u d-Deċiżjoni Nru 1/80, huwa jgawdi minn dritt simultanju ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat ( 9 ). Madankollu, huwa jitlef dan id-dritt jekk jitlaq is-suq tax-xogħol definittivament – pereżempju, għax isir inkapaċi għax-xogħol ( 10 ).

Id-Deċiżjoni Nru 3/80

11.

L-għan tad-Deċiżjoni Nru 3/80, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali, huwa li timplimenta miżuri ta’ sigurtà soċjali li jippermettu l-moviment ta’ ċittadini Torok li jaħdmu jew li ħadmu fi Stat Membru wieħed jew iktar ( 11 ). Id-Deċiżjoni Nru 3/80 tagħmel kontroreferenza estensiva għar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtá soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità ( 12 ).

12.

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 3/80, bit-titolu “Persuni koperti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprovdi li din id-deċiżjoni għandha tapplika għall-ħaddiema li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar u li huma ta’ ċittadinanza Torka, għall-membri tal-familja ta’ dawn il-ħaddiema, li huma residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, u għas-superstiti ta’ dawn il-ħaddiema.

13.

L-Artikolu 3(1), intitolat “Ugwaljanza fit-trattament”, jipprovdi li “persuni residenti fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih tapplika [id-Deċiżjoni 3/80] ikunu suġġetti għall-istess obbligi u jgawdu mill-istess benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali].

14.

Skont l-Artikolu 4 (“Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae”):

“1.   Din id-deċiżjoni għandha tapplika għal-leġiżlazzjoni kollha rigward il-fergħat tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw:

[…]

(b)

il-benefiċċji tal-invalidità, inklużi dawk maħsuba għaż-żamma jew għat-titjib fil-kapaċità tal-qligħ;

[…]

2.   Din id-deċiżjoni għandha tapplika għall-iskemi kollha ġenerali u speċjali tas-sigurtà soċjali, sewwa jekk kontributorji u sewwa jekk mhux kontributorji […]

[…]

4.   Din id-deċiżjoni ma għandhiex tapplika għal assistenza soċjali u medika […]” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]

15.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, bit-titolu “Tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza […]” jipprovdi li: “Għajr fejn ipprovdut xorta oħra f’din id-deċiżjoni, il-benefiċċji fi flus tal-invalidità, tax-xjuħija jew tas-superstiti, kif ukoll il-pensjonijiet għall-inċidenti fil-post tax-xogħol jew għall-mard ikkaġunat mix-xogħol, miksuba skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, ma għandhom jiġu suġġetti għal ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, irtirar jew konfiska minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jirrisjedi fit-Turkija jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali].

Ir-Regolament Nru 1408/71

16.

Ir-Regolament Nru 1408/71 jiddefinixxi “benefiċċji” fl-Artikolu 1(t) bħala “l-benefiċċji […] kollha, inklużi l-elementi kollha tagħhom imħallsa mill-fondi pubbliċi, iż-żidiet tar-rivalwazzjoni u [l-benefiċċji] supplimentari, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, kif ukoll benefiċċji f’somma waħda ta’ flus li jistgħu jitħallsu minflok il-pensjonijiet magħmula bħala rimborż tal-kontribuzzjonijiet” ( 13 ). L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regolament bħala li jkopri kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna “[l]-friegħi tas-sigurtà soċjali” relatati ma’ wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 4(1) — inklużi l-“benefiċċji ta’ l-invalidità” msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) — iżda mhux l-“għajnuna soċjali u dik medika” (Artikolu 4(4)); u ma jagħmel ebda distinzjoni bejn skemi kontributorji u mhux kontributorji (Artikolu 4(2)).

17.

L-Artikolu 10(1) jipprovdi li “[…] benefiċċji fi flus għall-invalidità […] miksuba skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar għandhom ikunu bla ħsara għal kull [ma għandhom jiġu suġġetti għal ebda] tnaqqis, modifika, żamma, treġġigħ lura jew konfiska minħabba l-fatt illi min jirċevihom jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas.” Il-formulazzjoni tiegħu għalhekk serviet b’mod ċar bħala mudell għall-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80.

18.

Din il-projbizzjoni ma tapplikax, bis-saħħa tal-kombinazzjoni tal-Artikolu 4(2a)(a) u 10a(1) tar-Regolament Nru 1408/71, it-tnejn inseriti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1247/92 ( 14 ), għal ċerti benefiċċji speċjali monetarji mhux kontributorji (iktar ’il quddiem il-“BSMMK”) Sakemm xi wieħed mill-BSMMK ikun imsemmi fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, ir-riċezzjoni ta’ dan il-benefiċċju tista’ tkun limitata għat-territorju tal-Istat Membru li jagħti dan il-benefiċċju. Fi kliem ieħor, il-BSMMK ma humiex esportabbli. L-Anness IIa jinkludi, għall-Pajjiżi l-Baxxi, it-Toeslagenwet tas‑6 ta’ Novembru 1986 (l-Att dwar il-Benefiċċji Supplimentari, iktar ’il quddiem it-“TW”) ( 15 ).

19.

Id-Deċiżjoni Nru 3/80 ma kinitx emendata biex tinkludi dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 10a(1) tar-Regolament Nru 1408/71.

Ir-Regolament Nru 883/2004

20.

Ir-Regolament Nru 883/2004 huwa intiż li jikkoordina miżuri sabiex jiġi ggarantit li d-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod effettiv ( 16 ).

21.

L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-regolament bħala li japplika “għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom”.

22.

L-Artikolu 3 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regolament bħala:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

(ċ)

benefiċċji marbutin ma’ l-invalidità;

[…]

2.   Sakemm l-Anness XI ma jgħidx mod ieħor, [ ( 17 )] [ir-Regolament Nru 883/2004] għandu japplika għal skemi ġenerali u speċjali ta’ sigurtà soċjali, kemm jekk kontributorji u kemm jekk le, u għal skemi marbutin ma’ l-obbligi ta’ min iħaddem jew ta’ sid il-vapur.

3.   [Ir-Regolament Nru 883/2004] għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.

[…]”

23.

L-Artikolu 7, dwar it-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza, jirrifletti l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 u jipprovdi li “[s]akemm [ir-Regolament Nru 883/2004] ma jgħidx mod ieħor, benefiċċji fi flus mogħtija taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed jew taħt dan ir-Regolament, ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji”.

24.

L-Artikolu 70 (l-ewwel artikolu tal-Kapitolu 9, intitolat “Benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”) jinkludi verżjoni iktar elaborata tal-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 u jipprovdi:

“1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

(a)

huma maħsuba biex jagħtu jew:

(i)

protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;

jew

(ii)

protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat,

u

(b)

meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,

u

(ċ)

huma elenkati fl-Anness X.

3.   L-Artikolu 7 l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw u għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.”

25.

Permezz ta’ deroga għar-regola ġenerali fl-Artikolu 7, il-BSMMK li jkun elenkat fl-Anness X huwa għaldaqstant mhux esportabbli skont ir-Regolament 883/2004, bħalma kien skont l-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71.

26.

L-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi li r-Regolament Nru 1408/71 huwa rrevokat mid-data tal-applikazzjoni tal-ewwel regolament, iżda li t-tieni regolament “għandu jibqa’ jgħodd u għandu jibqa’ jkollu effett legali” għall-għanijiet ta’ “(ċ) […] ftehim […] li fihom referenza għar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, sakemm dawn il-ftehim ma kienux modifikati fid-dawl ta’ dan ir-Regolament”.

27.

L-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004 jelenka l-BSMMK varji u jinkludi, għall-Pajjiżi l-Baxxi, it-TW.

28.

Fl‑2012 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/776/UE bl-intenzjoni li jaġġorna d-Deċiżjoni Nru 3/80. Anness ma’ din id-deċiżjoni kien hemm anness “Abbozz [tad-]Deċiżjoni […] tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija […] fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali” ( 18 ). Madankollu, sa fejn naf jien, dan l-abbozz tad-deċiżjoni ma ġiex adottat mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. B’konsegwenza, id-Deċiżjoni Nru 3/80 għadha ma ġietx emendata sabiex tinkludi dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004.

Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010

29.

Ir-Regolament Nru 1231/2010 jestendi s-sistema applikabbli skont ir-Regolament Nru 883/2004 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom, sakemm huma jkunu qegħdin jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u huma f’sitwazzjoni li ma hijiex limitata minn kull aspett ġewwa Stat Membru wieħed ( 19 ).

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

It-TW

30.

Skont it-TW, l-individwi huma eliġibbli sabiex jirċievu benefiċċju supplimentari biex jiżdidilhom id-dħul tagħhom għal livell li (sa massimu) ikun ugwali għall-paga minima applikabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddem “il-benefiċċju supplimentari”). L-għoti ta’ dan il-benefiċċju supplimentari jiddependi fuq jekk l-individwu kkonċernat ikunx kopert minn skema ta’ assigurazzjoni tal-impjegati, bħal inkapaċità għax-xogħol ( 20 ).

31.

L-Artikolu 4a, introdott fit-TW permezz tal-Wet beperking export uitkeringen tas‑27 ta’ Mejju 1999 (il-Liġi dwar ir-Restrizzjoni fil-Pagament Barra mill-Pajjiż ta’ Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem il-“Wet BEU”) b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2000, jipprovdi:

“1.   Il-persuna msemmija fl-Artikolu 2 ma tkunx intitolata għal allowance matul il-perijodu li fih ma tkunx residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

2.   Il-persuna msemmija fl-Artikolu 2 li ma hijiex intitolata għal allowance taħt l-ewwel paragrafu, għandha tkun intitolata għal allowance mid-data li fiha tkun residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1), (2) jew (3).”

Ir-Remigratiewet

32.

Ir-Remigratiewet (il-Liġi dwar il-Migrazzjoni ta’ Ritorn) tipprevedi, inter alia, għoti ta’ għajnuna finanzjarja lil ċerti kategoriji ta’ persuni li jixtiequ jitilqu mill-Pajjiżi l-Baxxi u jirrilokaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. L-Artikolu 8(1) ta’ dik il-liġi jipprovdi li individwi li jkunu telqu mill-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jistgħu jirritornaw lejn il-Pajjiżi l-Baxxi fi żmien sena mid-data li fiha jkunu stabbilixxew ruħhom fil-pajjiż ta’ destinazzjoni.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

33.

M. Çoban twieled fl‑20 ta’ Frar 1951 u huwa ċittadin Tork irreġistrat bħala parti mis-suq tax-xogħol tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Huwa ħadem bħala xufier internazzjonali sal‑11 ta’ Settembru 2006, meta waqaf jaħdem minħabba mard. Huwa kiseb permess ta’ residenza tal-Unjoni bħala resident għal żmien twil fit‑18 ta’ Diċembru 2006.

34.

Fit‑8 ta’ Settembru 2008 huwa ngħata benefiċċju taħt il-Wet werk en inkomen naar arbeidsvermogen (il-Liġi dwar ix-Xogħol u d-Dħul skont il-Kapaċità għax-Xogħol) li jikkorrispondi għal inkapaċità evalwata għal 45 % sa 55 % skont l-iskala nazzjonali rilevanti. Minn Jannar 2012 huwa ngħata wkoll benefiċċju supplimentari ta’ EUR 940.25 gross fix-xahar skont it-TW sabiex jiġi żgurat li huwa jkollu dħul ekwivalenti għall-paga minima fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fid-data tal-fatti, skont l-Artikolu 4a tat-TW, individwu kien eliġibbli għal dan il-benefiċċju biss jekk kien jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi.

35.

Fl‑10 ta’ Frar 2014, M. Çoban informa lir-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Istitut tal-Immaniġġar tal-Assigurazzjonijiet għall-Ħaddiema Impjegati, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem l-“Uwv”), li huwa kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi ruħu fit-Turkija mill‑1 ta’ April 2014. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2014, l-Uwv ittermina l-benefiċċju supplimentari taħt it-TW ta’ M. Çoban mid-data tat-tluq tiegħu. Huwa ma ppreżentax appell kontra din id-deċiżjoni, li għaldaqstant saret definittiva.

36.

Fil-kuntest li jmur lura t-Turkija, M. Çoban talab u ngħata ċerti benefiċċji ta’ migrazzjoni ta’ ritorn. Huwa stabbilixxa ruħu fit-Turkija fit‑18 ta’ Marzu 2014. F’dak iż-żmien huwa kien għad kellu permess ta’ residenza tal-Unjoni bħala resident għal żmien twil.

37.

Fid‑9 ta’ Lulju 2014, M. Çoban reġa’ applika, mit-Turkija, għall-benefiċċju supplimentari tat-TW. Ma huwiex kompletament ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju jekk din kinitx applikazzjoni “ġdida” għal dan il-benefiċċju jew jekk kinitx applikazzjoni biex id-dritt li kiseb għall-benefiċċju jiġi rrikonoxxut u l-benefiċċju jiġi stabbilit mill-ġdid ( 21 ). Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2014, l-Uwv ċaħad din l-applikazzjoni. Fl‑20 ta’ Ottubru 2014, l-Uwv ikkonferma din id-deċiżjoni fuq il-bażi li M. Çoban ma kienx għadu eliġibbli biex jirċievi l-benefiċċju supplimentari: huwa ma kienx jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi u għaldaqstant ma kienx konformi mal-kundizzjoni ta’ residenza taħt l-Artikolu 4a tat-TW.

38.

L-appell ta’ M. Çoban kontra d-deċiżjoni tal-Uwv ġie miċħud mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi).

39.

M. Çoban appella din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din il-qorti tosserva li M. Çoban telaq mill-Pajjiżi l-Baxxi minn rajh u f’data meta r-rekwiżit tar-residenza skont l-Artikolu 4a tat-TW diġà kien ġie introdott. Fid-data meta M. Çoban ressaq talba għall-benefiċċju supplimentari mit-Turkija, u fil-punt meta dan il-benefiċċju ġie rrifjutat, huwa xorta kien seta’ jirritorna lejn il-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-bażi tal-permess ta’ residenza tal-Unjoni tiegħu ( 22 ). F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar kif il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi applikata fil-konfront ta’ M. Çoban ( 23 ). Konsegwentement, hija għamlet is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, moqri flimkien mal-Artikolu 59 tal-[Protokoll Addizzjonali] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħall-Artikolu 4a tat-[TW], li permezz tagħha benefiċċju addizzjonali li ngħata jitħassar meta l-benefiċjarju jistabbilixxi ruħu fit-Turkija, inkluż meta l-benefiċjarju jkun telaq mit-territorju tal-Istat Membru fuq l-inizjattiva tiegħu stess? Huwa rilevanti f’dan ir-rigward li l-parti kkonċernata, fil-mument tat-tluq tagħha, ma jkollhiex iktar dritt ta’ residenza fuq il-bażi tar-regoli [tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija], iżda fuq permess ta’ residenza tal-UE ta’ resident fit-tul? Huwa rilevanti f’dan ir-rigward li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti lill-parti kkonċernata terġa’ tiġi lura fi żmien sena mid-data tat-tluq tagħha u b’hekk tirkupra d-dritt għall-benefiċċju addizzjonali u li hija tibqa’ żżomm din il-possibbiltà sakemm ikun għad għandha permess ta’ residenza tal-UE ta’ resident fit-tul?”

40.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Uwv, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tat‑3 ta’ Ottubru 2018, M. Çoban, l-Uwv, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali.

Osservazzjonijiet preliminari

41.

Il-benefiċċju supplimentari taħt it-TW huwa BSMMK fis-sens tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 u huwa elenkat fl-Anness X tiegħu. Għaldaqstant, bil-maqlub tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 7 tiegħu, huwa benefiċċju li ma huwiex esportabbli għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament. Ir-Regolament Nru 883/2004 għalhekk isostni n-nuqqas ta’ esportabbiltà tat-TW, oriġinarjament “imfassal” permezz tal-Artikolu 10a u tal-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71. Din is-sistema testendi għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għall-familji tagħhom li huma residenti fl-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010 ( 24 ).

42.

L-arranġamenti speċjali għal BSMMK joħorġu mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet, fil-passat, aċċettat li l-għoti ta’ benefiċċji marbuta strettament mal-ambjent soċjali seta’ jkun suġġett għal kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti ( 25 ). Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Snares, li bi pjaċir qiegħda nagħmel riferiment għalihom, jinkludu analiżi ddettaljata tar-raġuni għall-emendi u għat-tibdiliet li dawn ġabu ( 26 ).

43.

Ir-riferimenti għar-Regolament Nru 1408/71 fid-Deċiżjoni Nru 3/80 ma ġewx aġġornati jew immodifikati. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, li jiddefinixxi numru ta’ termini, inkluż “benefiċċji”, b’riferiment għal dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 883/2004, id-Deċiżjoni Nru 3/80 għandha għalhekk tkompli tiġi interpretata b’riferiment għar-Regolament Nru 1408/71 ( 27 ). B’mod kruċjali, barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 3/80 ma tinkludix dispożizzjonijiet –ekwivalenti għall-Artikoli 4(2a) u 10(a) tar-Regolament Nru 1408/71, kif perpetwati mill-Artikoli 3(3) u 70 tar-Regolament Nru 883/2004 – li jirreferu espliċitament għal BSMMK bħala tali, li jdaħħluhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament u li sussegwentement, permezz ta’ deroga għar-regola ġenerali, jagħmlu dawn il-benefiċċji mhux esportabbli. Id-Deċiżjoni Nru 3/80 tinkludi biss ir-regola ġenerali li l-benefiċċji li din tidentifika huma esportabbli.

44.

Fl-aħħar nett, qiegħda ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 għandu effett dirett, li jfisser li ċittadini Torok li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni huma intitolati sabiex jinvokawha direttament quddiem il-qrati tal-Istati Membri sabiex jiġu mwarrba r-regoli tad-dritt nazzjonali kuntrarji. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tipprojbixxi lill-Istati Membri b’mod ċar, preċiż u inkundizzjonali, milli jnaqqsu, jemendaw, jissospendu, jirrevokaw jew jikkonfiskaw ċerti benefiċċji minħabba l-fatt illi l-persuna li tirċevihom hija residenti fit-Turkija jew fi Stat Membru ieħor ( 28 ).

Analiżi

45.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, anki jekk moqri flimkien mal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali milli tirtira benefiċċju supplimentari bħal dak taħt it-TW jekk il-benefiċjarju volontarjament jistabbilixxi ruħu fit-Turkija iżda jkollu permess ta’ residenza tal-Unjoni bħala resident għal żmien twil li jawtorizzah jirritorna fil-Pajjiżi l-Baxxi u jerġa’ jirċievi dan il-benefiċċju?

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80

46.

L-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 huwa li progressivament jikkonsolida l-pożizzjoni tal-ħaddiema Torok fl-Istat Membru ospitanti. F’dan ir-rigward, dan jikkumplimenta d-Deċiżjoni Nru 1/80 li hija essenzjalment immirata lejn l-integrazzjoni progressiva ta’ dawn il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti ( 29 ).

47.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Deċiżjoni Nru 3/80 jinkludi ħaddiema li huma ċittadini Torok u li huma, jew li kienu, suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri ( 30 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza Akdas et li dan jinkludi ħaddiema Torok “li issa huma residenti fit-Turkija” u “li jibbenefikaw mill-benefiċċji fi flus għall-invalidità miksuba abbażi ta’ liġi ta’ Stat Membru” ( 31 ). Huwa paċifiku li M. Çoban jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Deċiżjoni Nru 3/80 u għalhekk tal-Artikolu 6(1) tagħha.

48.

Issa, ser neżamina fil-qosor il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni.

49.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li l-benefiċċju bażiku li jikkorrispondi mal-inkapaċità ta’ M. Çoban ma ġiex irtirat. Dak li ġie rtirat huwa l-benefiċċju supplimentari li kien jirċievi preċedentement taħt it-TW, li kellu l-għan li jżid id-dħul tiegħu sal-livell tal-paga minima fil-Pajjiżi l-Baxxi.

50.

Benefiċċju supplimentari taħt it-TW huwa “benefiċċju tal-invalidità” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80?

51.

Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-benefiċċju supplimentari huwa benefiċċju tal-invalidità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Akdas et u Demirci et fejn jinterpretaw l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 kienu jikkonċernaw preċiżament l-istess benefiċċju ( 32 ).

52.

Nammetti li ma iniex daqshekk ċerta li l-benefiċċju supplimentari taħt it-TW huwa fil-fatt kopert mid-Deċiżjoni Nru 3/80.

53.

L-ewwel nett, infakkar li l-BSMMK inġiebu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 permezz tal-emendi introdotti bir-Regolament Nru 1247/92. Dawn l-emendi inkludew kemm l-Artikolu 4(2a)(a) (li espliċitament iġib il-BSMMK taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u jiddeskrivihom bħala intiżi “sabiex jipprovd[u] protezzjoni supplimentari, sostitwita jew anċillari”) u l-Artikolu 10a (ir-regola dwar in-nuqqas ta’ esportabbiltà tal-BSMMK). Madankollu, ebda tibdil ekwivalenti ma sar għad-Deċiżjoni Nru 3/80 sabiex jiġu inklużi BSMMK fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

54.

It-tieni nett, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 3/80 jiddefinixxi l-materji koperti minn dik id-deċiżjoni u jispjega, fl-Artikolu 4(1)(b), li l-benefiċċji tal-invalidità jinkludu “dawk maħsuba għall-manteniment jew għat-titjib fil-kapaċità tal-qligħ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, dan huwa preċiżament dak li l-benefiċċju supplimentari taħt it-TW ma jagħmilx. Dan ma għandu xejn x’jaqsam mal-kapaċità tal-qligħ. Huwa jtejjeb il-livell ta’ dħul ta’ min qiegħed jirċevih.

55.

It-tielet nett, l-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 jipprovdi espliċitament li d-deċiżjoni “ma għandhiex tapplika għal assistenza soċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] — iżda l-għan ta’ BSMMK bħall-benefiċċju supplimentari taħt it-TW (separatament mill-benefiċċju tal-invalidità nnifsu) huwa, almenu parzjalment, soċjali.

56.

Wieħed jista’ jaħseb li dawn l-elementi jimmilitaw kontra l-kunsiderazzjoni li BSMMK jista’ effettivament jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 3/80. Madankollu, ġaladarba l-Qorti tal-Ġustizzja kemm fis-sentenza Akdas et u kemm fis-sentenza Demirci et diġà ttrattat eżattament l-istess benefiċċju taħt it-TW bħala li jaqa’ taħt id-Deċiżjoni Nru 3/80 jien ser nipproċedi fuq il-bażi li huwa infatti “benefiċċju tal-invalidità” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 ( 33 ).

57.

Applikazzjoni għall-benefiċċju supplimentari tat-TW hija koperta mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 meta tkun sottomessa wara r-rilokazzjoni fit-Turkija, kemm jekk bħala applikazzjoni ġdida għall-benefiċċju u kemm jekk bħala applikazzjoni biex il-benefiċċju jiġi stabbilit mill-ġdid?

58.

Huwa ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 li benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni u “miksuba skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar” (enfasi miżjuda minni) ma jistgħu jkunu suġġetti għal “ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, irtirar jew konfiska” minħabba l-fatt illi l-benefiċjarju jirrisjedi fit-Turkija jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor [traduzzjonijiet mhux uffiċjali].

59.

Iktar minn hekk, l-Artikolu 39(4) tal-Protokoll Addizzjonali, il-bażi legali għad-Deċiżjoni Nru 3/80 ( 34 ), jirreferi biss għall-possibbiltà li tkun “trasferita lejn it-Turkija... [i]l-penzjoni ta’ l-invalidità akwistat[a] permezz tal-miżuri adotti […]” (enfasi miżjuda minni).

60.

Loġikament jirriżulta li applikazzjoni biex jiġi stabbilit mill-ġdid dritt għal benefiċċju, preċedentement miksub, tkun koperta mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, iżda li, bil-maqlub, applikazzjoni ġdida intiża biex tistabbilixxi dritt għal benefiċċju, ma tkunx. Huwa għall-qorti nazzjonali, bħala l-unika ġudikant tal-fatti, biex tiddetermina definittivament f’liema waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji taqa’ l-applikazzjoni mit-Turkija ta’ M. Çoban tad‑9 ta’ Lulju 2014. Inżid biss li applikazzjoni għal stabbiliment mill-ġdid għandha neċessarjament taqa’ taħt id-Deċiżjoni Nru 3/80 sa fejn l-istabbiliment mill-ġdid huwa r-rimedju ovvju għal terminazzjoni abbużiva ta’ benefiċċju.

61.

Jeħtieġ madankollu li tiġi indirizzata diffikultà oħra. Id-deċiżjoni tar-rinviju tagħmilha ċara li M. Çoban kien infatti qiegħed jirċievi l-benefiċċju supplimentari taħt it-TW minn Jannar 2012 sakemm ġie rtirat permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2014 mill‑1 ta’ April 2014 (id-data li fiha M. Çoban kien informa lill-Uwv li kien ser jirriloka fit-Turkija). M. Çoban ma appellax minn din id-deċiżjoni, li għalhekk saret definittiva.

62.

Il-qorti tar-rinvju madankollu hija tal-fehma li, sa fejn din it-talba ta’ M. Çoban tista’ tinftiehem bħala li qiegħda tfittex li jiġi stabbilit mill-ġdid il-benefiċċju supplimentari tiegħu taħt it-TW, huwa qiegħed jerġa’ jasserixxi d-dritt miksub tiegħu għal dan il-benefiċċju (u, effettivament, qiegħed jistaqsi lill-Uwv biex jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu tat‑12 ta’ Frar 2014 li tterminat il-ħlas ta’ dak il-benefiċċju) ( 35 ). Għal darba oħra, huwa għall-qorti nazzjonali biex tiddetermina skont id-dritt nazzjonali jekk in-nuqqas ta’ appell ta’ M. Çoban mid-deċiżjoni tal-Uwv tat‑12 ta’ Frar 2014 huwiex impediment biex dan ir-rikors tiegħu jiġi kkunsidrat bħala li jinvolvi talba għal dritt miksub għall-benefiċċju. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li skont id-dritt nazzjonali, ma huwiex impediment u li M. Çoban jista’ tassew jibbaża t-talba tiegħu b’dan il-mod.

63.

Fuq din il-bażi, jirriżulta li ċ-ċirkustanzi tal-każ ta’ M. Çoban jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80.

64.

Issa ser indur għall-mistoqsijiet (importanti) li jifdal, li magħhom il-Qorti tal-Ġustizzja trid taqbad. Id-dritt direttament effettiv ta’ M. Çoban li jinvoka l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, huwa kompromess miż-żewġ fatti li huwa kellu permess ta’ residenza tal-Unjoni bħala resident għal żmien twil u li r-rilokazzjoni tiegħu lejn it-Turkija kienet volontarja? U l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jopera sabiex jegħleb dan id-dritt?

65.

Sabiex dawn il-mistoqsijiet jingħataw tweġiba, l-ewwel huwa neċessarju li ż-żewġ sentenzi kuntrastanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawżi Akdas et u Demirci et, jiġu eżaminati b’attenzjoni.

Is-sentenzi Akdas et u Demirci et

66.

Fil-kawża Akdas, ir-rikorrenti kienu kollha ċittadini Torok li kienu ġew inkapaċitati għax-xogħol u li kienu applikaw għal u kisbu, waqt li kienu għadhom residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, ħlas kemm ta’ benefiċċju tal-invalidità taħt il-WAO u kemm ta’ benefiċċju supplimentari taħt it-TW fil-verżjoni fis-seħħ qabel l‑2000. Huma rritornaw lejn it-Turkija biex ikunu qrib il-familji tagħhom, filwaqt li jżommu l-għoti ta’ dawn iż-żewġ benefiċċji skont l-Artikolu 39(4) tal-Protokoll Addizzjonali. Madankollu, ġaladarba l-verżjoni emendata tat-TW daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2000, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti eliminaw gradwalment il-ħlas tal-benefiċċju supplimentari taħt it-TW.

67.

Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat mill-ġdid l-introduzzjoni tal-Artikolu 10a fir-Regolament Nru 1408/71 u l-arranġamenti ta’ nuqqas ta’ esportabbiltà ta’ BSMMK li rriżultaw, bħall-benefiċċju supplimentari dovut taħt it-TW ( 36 ). Hija kompliet billi kkonkludiet li jekk ir-rikorrenti jitħallew ikomplu jirċievu dan il-benefiċċju, dan ma kienx inkompatibbli mal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

68.

L-ewwel nett, l-Artikolu 39(4) tal-Protokoll Addizzjonali ppreveda espliċitament l-esportabbiltà ta’ benefiċċji (u l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 regolarment irrifletta din id-dispożizzjoni). It-tieni nett, ir-rikorrenti waqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 3/80 bħala ħaddiema Torok. It-tielet nett, l-applikazzjoni tar-regoli dwar BSMMK fir-Regolament Nru 1408/71 fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 3/80 tkun tammonta għal emenda ta’ din id-deċiżjoni, setgħa rriżervata għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni skont l-Artikoli 8 u 22 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Ir-raba’ nett, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma tistax tiġi pparagunata, b’mod utli, ma’ dik ta’ ċittadini tal-Unjoni, ġaladarba dawn tal-aħħar kienu intitolati jiċċaqalqu u jirrisjedu fit-territorju tal-Istati Membri u li jgawdu l-libertà mhux biss li, fl-ewwel lok, jitilqu minn Stat Membru, iżda wkoll li jirritornaw fih ( 37 ).

69.

B’kuntrast, fil-kawża Demirci et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li M. S. Demirci u l-kollegi tiegħu ma setgħux jinvokaw id-Deċiżjoni Nru 3/80 biex joġġezzjonaw għar-rekwiżit tar-residenza impost mid-dritt nazzjonali bħala kundizzjoni biex jirċievu l-benefiċċju supplimentari taħt it-TW.

70.

Ir-rikorrenti f’din il-kawża kollha kellhom ċittadinanza doppja, dik Torka u dik Olandiża. Bħal H. Akdas u l-kollegi tiegħu, huma saru inkapaċitati u inkapaċi jaħdmu. Huma wkoll ingħataw kemm il-benefiċċju tal-invalidità prinċipali taħt il-WAO u kemm il-benefiċċju supplimentari taħt it-TW fil-verżjoni fis-seħħ qabel l‑2000. Huma wkoll irritornaw lejn it-Turkija biex ikunu qrib il-familji tagħhom, filwaqt li żammew l-għoti ta’ dawn iż-żewġ benefiċċji skont l-Artikolu 39(4) tal-Protokoll Addizzjonali. Madankollu, ġaladarba l-verżjoni emendata tat-TW daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2000, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’mod simili ddeċidew li jeliminaw gradwalment il-ħlas mogħti lilhom tal-benefiċċju supplimentari taħt it-TW. Huma kkontestaw dawn id-deċiżjonijiet.

71.

Biex tiddistingwi mill-kawża Akdas et, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-fatt li M. S. Demirci u l-kollegi tiegħu kienu kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ospitanti bħala ħaddiema Torok “[iqegħedhom] f’sitwazzjoni speċifika ħafna, speċjalment fid-dawl tal-għanijiet tar-reġim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija”. Il-kisba tan-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti tirrappreżenta, fil-prinċipju, l-ogħla livell ta’ integrazzjoni tal-ħaddiem Tork fl-Istat Membru ospitanti. Il-kisba ta’ din it-tieni nazzjonalità ġabet magħha l-konsegwenzi legali li jirriżultaw kemm mill-pussess ta’ din iċ-ċittadinanza u wkoll, bħala korollarju, miċ-ċittadinanza tal-Unjoni, inkluż partikolarment id-dritt li wieħed jirrisjedi u jiċċaqlaq liberament fl-Istati Membri. “Għalhekk, xejn ma jiġġustifika li ċ-ċittadin Tork, li r-reġim legali tiegħu neċessarjament inbidel mill-mument tal-akkwist tan-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti, ma jiġix ittrattat mill-imsemmija Stat esklużivament bħala ċittadin ta’ dan l-Istat għall-ħlas ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali” ( 38 ).

72.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, li kieku M. S. Demirci u l-kollegi tiegħu kellhom ikunu kapaċi jżommu l-benefiċċju supplimentari taħt it-TW, huma kienu jgawdu minn differenza fit-trattament li tkun doppja u inġusta. Minħabba li kellhom ċittadinanza Olandiża, huma kienu jiġu ttrattati ħafna iżjed favorevolment minn ħaddiema li kellhom biss ċittadinanza Torka u li ma kellhomx iżjed dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi għax ma baqgħux iktar irreġistrati bħala li jagħmlu parti mis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru. Huma kienu jkunu wkoll f’pożizzjoni iktar favorevoli miċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jew ta’ Stat Membru ieħor liema ċittadini kienu ċertament jibbenefikaw minn kundizzjonijiet favorevoli fir-rigward tad-dritt ta’ residenza u ta’ moviment liberu fl-Unjoni, iżda li fl-istess ħin kienu jibqgħu suġġetti għar-rekwiżit ta’ residenza fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jirċievu l-benefiċċju supplimentari. Dan ir-riżultat kien eskluż mill-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali

73.

Il-Protokoll Addizzjonali huwa l-liġi primarja fi ħdan il-ġerarkija tad-dritt tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija (l-Artikolu 62 tal-Protokoll Addizzjonali). Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li jeżerċita s-setgħat iddelegati, għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod li jkun konsistenti mar-regola ta’ “trattament [mhux] aktar favorevoli” li dan jistabbilixxi. Jien issuġġerejt banda oħra li l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jirrifletti l-prinċipju li l-adeżjoni fl-Unjoni hija r-relazzjoni l-iktar profonda u speċjali li Stat jista’ jikseb; u li kwalunkwe relazzjoni oħra bejn pajjiż terz u l-Unjoni għandha neċessarjament, bħala konsegwenza, tkun inqas ipprivileġġata ( 39 ).

74.

Kif il-formulazzjoni tiegħu turi biċ-ċar, l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jikkonċerna d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri u tat-Turkija. Dan ma jindirizzax espliċitament id-drittijiet u l-obbligi ta’ ċittadini individwali. Minkejja dan, l-Artikolu 59 bla dubju jista’, u qiegħed, iservi bħala prinċipju ta’ interpretazzjoni, li jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina elementi għal paragun u biex tikkonkludi favur qari possibbli wieħed tat-test ta’ strument bi grad iktar baxx (bħad-Deċiżjoni Nru 3/80), minflok ieħor. Il-ġurisprudenza li tapplika l-Artikolu 59 tikkonferma l-importanza tiegħu f’dan ir-rwol fejn żewġ sitwazzjonijiet li jinvolvu ċittadini tal-Unjoni u ċittadini Torok jistgħu jiġu pparagunati b’mod utli. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet, fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jipprojbixxi ċittadini Torok milli jitqiegħdu f’pożizzjoni iktar favorevoli minn ċittadini tal-Unjoni ( 40 ). Madankollu, f’diversi okkażjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tipparaguna s-sitwazzjoni ta’ membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok, li għandhom id-drittijiet mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ma’ dik ta’ membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, għaliex (wara li eżaminat is-sitwazzjonijiet legali rispettivi) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ma jistgħux jiġu kkomparati b’mod utli, fir-rigward tad-differenzi sinjifikattivi tagħhom ( 41 ).

75.

Għalhekk jien naqbel għalkollox mal-analiżi tal-kollega tiegħi l-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Demirci: “Kif il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Akdas et (EU:C:2011:346) jagħmluha ċara, l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jopera bħala ‘mekkaniżmu meta jkun hemm xejn iktar x’isir’ biex ikun żgurat li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sistema ta’ Assoċjazzjoni KEE‑It-Turkija ma jittrattax mhux kif imiss ċittadini tal-Unjoni Ewropea b’mod inqas favorevoli minn ċittadini Torok. Iżda l-Artikolu 59 ma jikkostitwixxix klawżola globali nondiskriminatorja li tista’ tiġi invokata minn ċittadini tal-Unjoni fiċ-ċirkustanzi kollha fejn ċittadini Torok jingħataw drittijiet skont is-sistema ta’ Assoċjazzjoni KEE‑It-Turkija li ċittadini tal-Unjoni ma għandhomx” ( 42 ).

76.

Huwa xieraq li s-sitwazzjoni ta’ M. Çoban tiġi assimilata ma’ dik tar-rikorrenti fil-kawża Akdas et, jew tar-rikorrenti fil-kawża Demirci et?

77.

Kif il-qorti tar-rinviju tindika b’mod utli ( 43 ), M. Çoban tilef id-dritt tiegħu li jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni meta huwa telaq is-suq tax-xogħol definittivament ( 44 ). Huwa waqaf jaħdem minħabba mard fil‑11 ta’ Settembru 2006. Madankollu, huwa kiseb permess ta’ residenza tal-Unjoni bħala resident għal żmien twil fit‑18 ta’ Diċembru 2006 u żamm dan il-permess meta ddeċieda li jirriloka fit-Turkija b’effett mill‑1 ta’ April 2014. Huwa kien intitolat skont il-Liġi dwar il-Migrazzjoni ta’ Ritorn li jibdel fehmtu u li jirritorna lura fil-Pajjiżi l-Baxxi fi żmien sena mir-rilokazzjoni.

78.

Għalhekk, ser nillimita l-analiżi tiegħi għad-drittijiet mogħtija minn tali permess taħt id-dritt tal-Unjoni u għal-limitazzjonijiet tiegħu. Jien ma nafx jekk il-permess li kellu M. Çoban tax xi drittijiet addizzjonali taħt id-dritt nazzjonali; u fl-opinjoni tiegħi dan huwa, fi kwalunkwe każ, irrilevanti. Li huwa importanti hawnhekk huwa jekk, bis-saħħa tad-drittijiet mogħtija lilu taħt id-dritt tal-Unjoni, il-pożizzjoni tiegħu tistax (jew le) tkun ipparagunata b’mod xieraq ma’ dik ta’ ċittadin Olandiż u/jew ta’ ċittadin ieħor tal-Unjoni. Jekk dan il-paragun huwa leġittimu, mela – bħar-rikorrenti b’nazzjonalità doppja Torka‑Olandiża fil-kawża Demirci et – id-dritt tiegħu li jkompli jirċievi l-benefiċċju taħt it-TW (li min-naħa l-oħra jkun jista’ jasserixxi) huwa megħlub mill-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

79.

L-ewwel nett ser neżamina, u fil-qosor, il-kwistjoni ta’ rilokazzjoni volontarja fil-konfront ta’ dik mhux volontarja, qabel inħares lejn jekk is-sitwazzjoni ta’ detentur ta’ permess ta’ residenza tal-Unjoni bħala resident għal żmien twil għandhiex tiġi assimilata ma’ dik ta’ ċittadin Olandiż u/jew ta’ ċittadin ieħor tal-Unjoni.

80.

Id-Deċiżjoni Nru 3/80 ma tagħmel ebda distinzjoni bejn ir-raġunijiet differenti għalfejn ħaddiem li huwa ċittadin Tork u li huwa, jew li kien, suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, jista’ jkun li jixtieq jiċċaqlaq jew lejn it-Turkija jew, infatti, lejn Stat Membru ieħor ( 45 ). L-għan tagħha huwa li jiġi żgurat li l-ħaddiem Tork, il-membri tal-familja tiegħu li jirrisjedu fl-Unjoni u s-superstiti tiegħu jistgħu, irrispettivament minn kull ċirkustanza li jkun hemm fl-isfond, iżommu l-benefiċċju tal-protezzjoni tas-sigurtà soċjali li għaliha dan il-ħaddiem Tork ikun ikkontribwixxa matul il-ħajja professjonali tiegħu. Ħlief fejn ipprovdut mod ieħor (u ma hemm ebda dispożizzjoni “oħra” jew “speċjali” fid-Deċiżjoni Nru 3/80), iċ-ċittadin Tork għandu “jkun suġġett għall-istess obbligi u jgawdi mill-istess benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat” (Artikolu 3(1)) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

81.

L-Artikolu 6(1) manifestament jipprevedi l-possibbiltà li persuna koperta mid-deċiżjoni (kif elenkat fl-Artikolu 2) li tirċievi tliet benefiċċji miksuba li ġew identifikati (“benefiċċji fi flus għall-invalidità, tax-xjuħija jew tas-superstiti u pensjonijiet għall-inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew għall-mard ikkaġunat mix-xogħol”) jista’ jkun li tixtieq, jew ikollha bżonn, tiċċaqlaq. Persuni li qegħdin jirċievu tali benefiċċji huma, preċiżament, persuni li infatti jista’ jkun li ma jkunux kapaċi jaħdmu, jew li ma jkunux kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom innifishom mingħajr għajnuna. L-Artikolu 6(1) għalhekk b’mod ċar u espress jgħid li dawn il-benefiċċji, li lilhom – ovvjament – ser ikollhom bżonn jinvokaw jekk jiċċaqalqu “ma għandhom jiġu suġġetti għal ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, irtirar jew konfiska minħabba l-fatt illi min jirċevihom ikun jirrisjedi fit-Turkija jew fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak li tkun tinsab fih l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

82.

Fi kliem ieħor, li persuna tiċċaqlaq xi mkien ieħor, ma jfissirx li għandu jwassal għal telfien ta’ benefiċċju. Il-konklużjoni naturali li għandha tinġibed hija li d-Deċiżjoni Nru 3/80 tipprevedi firxa sħiħa ta’ xenarji possibbli għaċ-ċaqliq; u li r-raġuni għaċ-ċaqliq hija irrilevanti. Ser nippermetti lili nnifsi nissuġġerixxi xenarju wieħed (plawżibbli) bħala illustrazzjoni. Jekk wieħed jissoponi li l-ħaddiem inkwistjoni rtira u qiegħed jixjieħ u jiddgħajjef. Sfortunatament issa huwa armel mingħajr ma hemm ħadd, fl-Istat Membru fejn jgħix, biex jieħu ħsiebu. Huwa għandu familja estiża lura fit-Turkija, iżda għandu wkoll tifla tgħix mal-familja tagħha fi Stat Membru ġar. Huwa jista’ jagħżel li jibqa’ eżatt fejn hu qiegħed, iżolat u mingħajr sostenn. Huwa jista’ jagħżel li jingħaqad ma’ bintu u mal-familja tagħha. Huwa jista’ jagħżel li jirritorna t-Turkija. Jidhirli li jkun kemm artifiċjali kif ukoll odjuż li wieħed jissuġġerixxi li, jekk jagħżel li jirriloka jew f’dak l-Istat Membru l-ieħor jew fit-Turkija (l-għażliet 2 u 3), il-“volontarjetà” ta’ din id-deċiżjoni toħorġu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 – jew, infatti, tad-Deċiżjoni Nru 3/80 fl-intier tagħha. Din ma tistax tkun il-priżma li minnha wieħed għandu jħares lejn l-Artikolu 6(1).

83.

Għalhekk jien nikkonkludi li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet l-eżerċizzju volontarju tad-drittijiet ta’ moviment liberu bħala ċittadin tal-Unjoni biex issaħħaħ ir-raġunament tagħha fil-kawża Demirci et, ma setax ikun li hija u tagħmel dan xtaqet li tagħmel il-“volontarjetà tat-tluq” mill-Istat Membru li ta l-benefiċċju l-fattur determinanti li, jekk jiġi kkonstatat, ineżża’ lill-benefiċjarju Tork mill-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u għalhekk mill-protezzjoni mogħtija bl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80.

84.

Għalhekk, issa ser indur għall-kwistjoni dwar l-istatus relattiv u d-drittijiet ta’ detentur ta’ permess ta’ residenza tal-Unjoni bħala resident għal żmien twil, meta pparagunat ma’ dawk ta’ (a) ċittadin Olandiż u (b) ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li huwa għaldaqstant ċittadin tal-Unjoni.

85.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE hija intiża li tipprovdi ċittadini ta’ pajjiż terz li ilhom residenti legalment fl-Unjoni għal mill-inqas ħames snin u li għandhom permess ta’ residenza bħala resident għal żmien twil “sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin” dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni (premessa 2) ( 46 ). Il-premessa 7 tispjega li, biex jinkiseb status ta’ residenti għal żmien twil, “iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jagħtu prova li ikollhom riżorsi adegwati u assigurazzjoni kontra l-mard, biex jevitaw li ikunu piż fuq dak l-Istat Membru. L-Istati Membri, meta jagħmlu stima tal-pussess ta’ riżorsi stabbli u regolari jistgħu jagħtu kont għall-fatturi bħal kontribuzzjonijiet għal sistema tal-pensjoni u t-tħaris ta’ l-obbligi tat-taxxa”. Din il-premessa tingħata effett mill-Artikolu 5(1)(a) u (b), li jistabbilixxi l-awtosuffiċjenza mingħajr ma persuna tirrikorri għas-sistema tas-sigurtà soċjali u għall-pussess tal-assigurazzjoni tal-mard bħala prekundizzjonijiet għall-kisba ta’ status bħala resident għal żmien twil.

86.

L-Artikolu 8(1) jipprovdi li status ta’ residenti għal żmien twil għandu jkun permanenti, bla ħsara għall-Artikolu 9. Ir-raġunijiet għall-irtirar jew telf ta’ tali status elenkati f’din l-aħħar dispożizzjoni jinkludu, apparti ċerti raġunijiet ta’ ordni pubbliku, “assenza mit-territorju tal-[Unjoni] għal perjodu ta’ 12‑il xahar konsekuttivi” (l-Artikolu 9(1)(ċ)). L-Artikolu 11 jistabbilixxi d-dritt għal trattament ugwali maċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat, iżda wkoll jinkludi numru ta’ derogi minn dan il-prinċipju. Partikolarment, l-Artikolu 11(4) jipprovdi li l-“Istati Membri jistgħu jillimitaw it-trattament ugwali fir-rigward ta’ assistenza soċjali u protezzjoni soċjali għall-benefiċċji prinċipali” ( 47 ).

87.

B’mod kurjuż, id-Direttiva 2003/109 ma tidhirx li tittratta l-kwistjoni ta’ x’jiġri – jiġifieri, x’inhuma d-drittijiet rispettivi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u tal-Istat Membru li jospitah – jekk il-persuna kkonċernata ssir permanentement dipendenti fuq is-sigurtà soċjali kkompletata mill-assistenza soċjali għal sostenn; jew jekk infatti ssir nieqsa minn kollox.

88.

Jidher ċar li M. Çoban kien jikkwalifika (u preżumibbilment ikkwalifika) għal permess ta’ residenza tal-Unjoni bħala resident għal żmien twil bis-saħħa tax-xogħol tiegħu bħala xufier internazzjonali. Huwa kiseb il-permess tiegħu ftit wara (madwar tliet xhur) li inizjalment waqaf mix-xogħol ( 48 ). F’dan l-istadju, il-prospetti futuri tiegħu – mhux l-inqas, jekk jistax jew le infatti jkompli xogħlu – setgħu ma kinux infatti daqshekk ċari. Qiegħda ninnota li kien kważi sentejn wara (fit‑8 ta’ Settembru 2008) li huwa ġie evalwat b’inkapaċità ta’ bejn 45 % u 55 % u mogħti l-benefiċċju għall-inkapaċità għax-xogħol tiegħu ( 49 ).

89.

Fid-data meta l-Uwv irtira l-benefiċċju ta’ M. Çoban taħt it-TW, huwa kien f’pożizzjoni ekwivalenti għal dik ta’ ċittadin Olandiż (bħal M. S Demirci u l-kollegi tiegħu) jew ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni u għalhekk, permezz ta’ din in-nazzjonalità, ċittadin tal-Unjoni?

90.

Jidher ovvju li, fil-konfront tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-pożizzjoni ta’ M. Çoban ma tistax tiġi pparagunata b’mod utli ma’ dik ta’ ċittadin Olandiż. M.S. Demirci u l-kollegi tiegħu kienu fil-pajjiż tagħhom stess (adottiv). Bil-kisba tan-nazzjonalità Olandiża, huma kisbu “l-iktar livell ta’ integrazzjoni tal-ħaddiem Tork għoli miksub fl-Istat Membru ospitanti” ( 50 ). Huma Olandiżi. M. Çoban ma ħax dan il-pass fundamentali.

91.

Sussidjarjament, il-pożizzjoni ta’ M. Çoban għandha tiġi pparagunata ma’ dik ta’ ċittadin tal-Unjoni, li wkoll għandu status bħala residenti għal żmien twil fil-Pajjiżi l-Baxxi, li jiċċaqlaq f’post ieħor u b’hekk jitlef id-dritt tiegħu għall-ħlas tal-benefiċċju supplimentari taħt it-TW?

92.

Bħala materja ta’ prinċipju, hija kważi assjomatika li, tkun kemm tkun favorevoli l-pożizzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li kiseb status bħala residenti tal-Unjoni għal żmien twil meta pparagunata mal-pożizzjoni inqas sigura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għadu ma kisibx dan l-istatus ( 51 ), ma tistax tkun tajba daqs il-pożizzjoni ta’ xi ħadd li huwa ċittadin tal-Unjoni.

93.

Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’sensiela twila ta’ każijiet li tmur lura sas-sentenza Grzelczyk, hija “intiża sabiex tkun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, u tippermetti lil dawk li jkunu fl-istess sitwazzjoni jingħataw, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku” ( 52 ). R. Grzelczyk seta’ jitlob il-“minimex” Belġjan — “vantaġġ soċjali” fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 ( 53 ) — matul l-aħħar sena tal-istudji tiegħu mhux bis-saħħa tad-dritt sekondarju (KEE), imma bis-saħħa tas-solidarjetà dovuta lil ċittadin ieħor tal-Unjoni. Student Belġjan fl-istess pożizzjoni seta’ jaċċedi għall-“minimex” għal sostenn finanzjarju. Għalhekk, l-istess seta’ jagħmel R. Grzelczyk ( 54 ).

94.

Status ta’ residenti tal-Unjoni għal żmien twil għal ċittadin ta’ pajjiż terz ma jagħti ebda dritt bħal dan ibbażat fuq it-Trattat biex jimla lakuni, jew jagħmel distinzjonijiet fini fl-interpretazzjoni, tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Għalhekk huwa intrinsikament improbabbli li dan l-istatus ikun verament ekwivalenti għall-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

95.

Jidhirli li almenu f’żewġ aspetti, il-pożizzjoni ta’ M. Çoban fl‑1 ta’ April 2014 tista’ tkun deskritta b’mod ġust bħala iżjed prekarja minn dik ta’ ċittadin tal-Unjoni. L-ewwel aspett jikkonċerna s-sigurtà finanzjara kontinwa tiegħu minn meta sar permanentement inkapaċi għax-xogħol; u t-tieni aspett jikkonċerna t-tul limitat tad-dritt tiegħu li jżomm l-istatus tiegħu bħala residenti tal-Unjoni għal żmien twil jekk telaq il-Pajjiżi l-Baxxi u rriloka t-Turkija.

96.

Rigward l-ewwel aspett, huwa ċar mis-sentenzi Dano ( 55 ) u Alimanovic ( 56 ) li, f’ċerti ċirkustanzi Stat Membru huwa intitolat li jillimita l-aċċess għall-BSMMK anki għal ċittadini tal-Unjoni li huma legalment preżenti fit-territorju tiegħu, sal-punt meta dawn iċ-ċittadini jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti ( 57 ). Sa fejn naf jien, sa issa għad ma hemm ebda ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tittratta l-kwistjoni dwar jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li kiseb l-istatus bħala residenti tal-Unjoni għal żmien twil u li sussegwentement isir finanzjarjament dipendenti b’mod sħiħ fuq taħlita ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u fuq BSMMK għall-għajxien ekonomiku tiegħu jistax jistrieħ fuq iż-żamma tal-istatus tiegħu, u miegħu l-kontinwazzjoni ta’ dawn il-benefiċċji, għall-bqija ta’ ħajtu. Tkun xi ħaġa awdaċi li wieħed jasserixxi li dan huwa ovvjament il-każ ( 58 ).

97.

Dwar it-tieni aspett, huwa ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 li ċittadini ta’ pajjiż terz “ma għandux ikollhom id-dritt li jżommu status ta’ residenti għat-tul […] fil-każ ta’ assenza mit-territorju tal-[Unjoni] għal perjodu ta’ 12‑il xahar konsekuttivi”. Wara dan il-punt, huma jkunu fl-istess pożizzjoni bħal kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jfittex li (jerġa’) jidħol fl-Unjoni ( 59 ). Ex hypothesi, fil-fatti tal-kawża preżenti (M. Çoban għandu inkapaċità ta’ bejn 45 % u 55 %) tali persuna ma tkunx tista’ tibbenefika mit-trattament preferenzjali mogħti lil ċittadin Tork li jixtieq (jerġa’) jidħol fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (u huwa ma jkollux, fi kwalunkwe każ, drittijiet ta’ moviment liberu tal-Unjoni ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadin tal-Unjoni) ( 60 ).

98.

B’kuntrast, ċittadin tal-Unjoni li għandu status ta’ residenti għal żmien twil u li jagħżel li jitlaq il-Pajjiżi l-Baxxi (u b’hekk iċedi d-dritt tiegħu li jirċievi l-benefiċċju supplimentari taħt it-TW) eventwalment ser jitlef infatti l-istatus tiegħu bħala residenti għal żmien twil – wara sentejn pjuttost milli wara 12‑il xahar ( 61 ) – iżda huwa, naturalment, ser ikun jista’ jerġa’ jidħol fil-Pajjiżi l-Baxxi meta jrid ( 62 ).

99.

Fis-sentenza Demirci et, il-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet l-analiżi ddettaljata ta’ għalfejn – b’kuntrast mar-rikorrenti fil-kawża Akdas – dawk iċ-ċittadini b’nazzjonalità doppja Torka‑Olandiża ma setgħux jinvokaw id-Deċiżjoni Nru 3/80 sabiex iżommu l-benefiċċju supplimentari tagħhom taħt it-TW bil-kliem “il-fatt li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kisbu n-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti bħala ħaddiema Torok tqegħedhom f’sitwazzjoni speċifika ħafna” ( 63 ).

100.

Huwa ċar, madankollu, li M. Çoban ma huwiex f’“sitwazzjoni speċifika ħafna” ekwivalenti. Huwa ma għandux nazzjonalità doppja Torka‑Olandiża. Huwa ma huwiex ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Huwa għandu ċittadinanza waħda: Torka. Fil-fehma tiegħi, il-materjal stabbilit fil-punti 84 et seq. iktar ’il fuq juri li s-sitwazzjoni tiegħu ma tistax tiġi pparagunata sew ma’ dik ta’ ċittadin Olandiż u/jew ta’ ċittadin tal-Unjoni. Jirriżulta li l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali ma joperax b’tali mod li jċaħħdu mid-drittijiet direttament effettivi taħt l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 li min-naħa l-oħra huwa jkun jista’ jinvoka.

Postscriptum

101.

Għandu jkun ċar mill-analiżi li jien ippreżentajt li l-kawża prinċipali tal-inċertezza li wasslet għal din it-tilwima hija l-fatt li d-Deċiżjoni Nru 3/80 tirrifletti l-verżjoni tar-Regolament Nru 1408/71 li kienet fis-seħħ qabel ma ġie emendat sabiex irendi BSMMK mhux esportabbli ( 64 ). Fis-sentenza Akdas et u wkoll fis-sentenza Demirci et, il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet fuq il-bażi li BSMMK huma koperti mid-Deċiżjoni Nru 3/80 ( 65 ).

102.

Filwaqt li l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jservi bħala għodda prezzjuża ta’ interpretazzjoni ( 66 ), u jista’ għaldaqstant jintervjeni f’ċirkustanzi speċifiċi biex jipprekludi l-invokazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 3/80, il-funzjonijiet u s-setgħat tiegħu ma jestendux għall-kitba mill-ġdid tad-Deċiżjoni Nru 3/80 sabiex “ifasslu” l-istess BSMMK li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet li huma koperti minn dan l-istrument. Is-setgħa biex id-Deċiżjoni Nru 3/80 tiġi emendata jew titfassal b’mod differenti tinsab għand il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ( 67 ). Jekk għal raġunijiet ta’ politika jkun ikkunsidrat xieraq li ċittadini Torok jiġu esklużi milli jżommu d-dritt tagħhom għal BSMMK jekk jirrilokaw lil hinn mill-Istat Membru ospitanti, u sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma terġax tikkunsidra l-premessa li fuqha s-sentenzi Akdas et u Demirci et kienu bbażati ( 68 ), jifdal biss it-triq leġiżlattiva biex permezz tagħha jiġi miksub dan ir-riżultat.

Konklużjoni

103.

Għaldaqstant jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku) kif ġej:

L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 3/80 tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u għall-membri tal-familja tagħhom jista’ jiġi invokat direttament minn ex ħaddiem li ma għandux, flimkien man-nazzjonalità Torka, in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u li huwa l-benefiċjarju ta’ benefiċċju supplimentari taħt it-Toeslagenwet sabiex iżomm dan il-benefiċċju jekk jirriloka t-Turkija. Dan ir-riżultat ma huwiex prekluż mill-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit‑23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell. Huwa irrilevanti jekk din il-persuna (a) tiċċaqlaq lejn it-Turkija minn rajha jew (b) tgawdi, bħala ċittadin ta’ pajjiż terz, mill-istatus ta’ residenti tal-Unjoni għal żmien twil, sabiex tkun tista’ tirritorna lejn, u tkompli tirrisjedi fi, l-Istat Membru ospitanti fi żmien 12‑il xahar.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) F’L-Odissea, Ktieb V, 136, Kalipso tgħid li kienet ittamat li ġġib lil Odissew immortali kieku baqa’ fuq il-gżira tagħha. F’L-Odissea, Ktieb VII, 313, Alċinoo (il-ħakkiem tal-Feaċi) joffri lil Odissew il-ġid u lil bintu Nawsikaa għaż-żwieġ u li jieħdu bħala ħatnu jekk jibqa’.

( 3 ) ĠU 1983, C 110, p. 60.

( 4 ) Protokoll Addizzjonali ffirmat fi Brussell fit‑23 ta’ Novembru 1970 u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72 tad‑19 ta’ Diċembru 1972 li jikkonkludi l-protokoll addizzjonali u l-protokoll finanzjarju ffirmat fit‑23 ta’ Novembru 1970 u mehmuż mal-Ftehim li jwaqqaf Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Europea u t-Turkija u li jikkonċerna l-miżuri li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”).

( 5 ) Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat f’Ankara fit‑12 ta’ Settembru 1963 mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra (ĠU 1973, C 113, p. 1), konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE tat‑23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

( 6 ) Artikolu 39(1) u (2) rispettivament.

( 7 ) Artikolu 62 tal-Protokoll Addizzjonali.

( 8 ) Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, ikkreata skont il-Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Id-deċiżjoni ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea iżda hija aċċessibbli f’kumpilazzjoni utli ta’ testi rilevanti, ippubblikati bl-awtorità tal-Kunsill fl‑1992: ara https://www.ab.gov.tr/files/ardb/evt/EEC-Turkey_association_agreements_and_protocols_and_other_basic_texts.pdf

( 9 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 1990, Sevince (C‑192/89, EU:C:1990:322, punt 29).

( 10 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt (C‑434/93, EU:C:1995:168, punt 42).

( 11 ) Artikolu 39(1) tal-Protokoll Addizzjonali u l-preambolu tad-Deċiżjoni Nru 3/80.

( 12 ) Regolament tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).

( 13 ) “as also”, fit-test Ingliż naħseb li hija traduzzjoni żbaljata ta’ “ainsi que” (“kif ukoll”) fit-test Franċiż. Ir-Regolament Nru 1408/71 ġie mħassar, fil-prinċipju, bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72). Fid-data tal-fatti, kienet il-verżjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1372/2013 tad‑19 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 346, p. 27) li kienet applikabbli. Minkejja t-tħassir tiegħu għall-parti l-kbira tal-għanijiet, ir-Regolament Nru 1408/71 l-aħħar li ġie emendat kien permezz tar-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament Nru 1408/71 (ĠU 2008, L 177, p. 1).

( 14 ) Regolament tal-Kunsill tat‑30 ta’ April 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 41). L-Artikolu 4(2a) il-ġdid ġab il-benefiċċji speċjali, li ma humiex kontributorji, li jingħataw fi flus, kif kienu koperti dak iż-żmien mir-regoli fl-Artikolu 10a, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Fis-sentenza tal‑4 ta’ Novembru 1997, Snares (C‑20/96, EU:C:1997:518), l-ewwel kawża li kienet tittratta l-Artikolu 10a l-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li ġaladarba benefiċċju huwa elenkat fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, dan jistabbilixxi li l-benefiċċju inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 1408/71 u li “l-formulazzjoni tal-Artikolu 10a timplika li l-benefiċċji li dan jagħmel riferiment għalihom jaqgħu wkoll taħt l‑Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament Nru 1247/92”u huwa “rregolat esklużivament mir-regoli ta’ koordinazzjoni tal-Artikolu 10a” (punti 30 sa 32).

( 15 ) It-TW ġie miżjud ma’ dik il-lista permezz tar-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ April 2005 li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU 2005, L 117, p. 1).

( 16 ) Premessa 45.

( 17 ) Dan l-anness jinkludi dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri.

( 18 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tas‑6 ta’ Diċembru 2012 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (ĠU 2012, L 340, p. 19).

( 19 ) Artikolu 1 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010, li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (ĠU 2010, L 344, p. 1).

( 20 ) Artikolu 1(1)(d) tat-TW. It-TW innifsu huwa bbażat fuq il-Wet op de arbeidsongeschiktheidsverzekering (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Kontra l-Inkapaċità għax-Xogħol, iktar ’il quddiem il-“WAO”) li fuq il-bażi tagħha ngħataw is-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346), u tal-14 ta’ Jannar 2015, Demirci et (C‑171/13, EU:C:2015:8).

( 21 ) Ara l-punt 60 et seq. iktar ’l isfel.

( 22 ) Il-qorti tar-rinviju tosserva hawn li M. Çoban tilef id-dritt li jibqa’ fil-Pajjiżi l-Baxxi skont id-dritt tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija meta huwa telaq definittivament mis-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru; iżda li seta’ xorta jirritorna skont il-Liġi dwar il-Migrazzjoni ta’ Ritorn fi żmien sena.

( 23 ) Jiġifieri s-sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346), u tal‑14 ta’ Jannar 2015, Demirci et (C‑171/13, EU:C:2015:8).

( 24 ) Ara l-punti 18, 23, 26 u 27 iktar ’il fuq.

( 25 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Lenoir (313/86, EU:C:1988:452, punt 16), ikkonfermata b’sentenza tal‑4 ta’ Novembru 1997, Snares (C‑20/96, EU:C:1997:518, punti 4243).

( 26 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Snares (C‑20/96, EU:C:1997:227, punti 11 sa 20).

( 27 ) Ara l-punt 26 iktar ’il fuq.

( 28 ) Sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07 EU:C:2011:346, punti 67 sa 73).

( 29 ) Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Demirci et (C‑171/13, EU:C:2015:8, punti 4849).

( 30 ) Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 3/80.

( 31 ) Sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346, punt 79).

( 32 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346, punti 4748) u tal-14 ta’ Jannar 2015, Demirci et (C‑171/13, EU:C:2015:8, punti 3839). Fil-punt 54 tas-sentenza Akdas et, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita l-fehma tal-qorti tar-rinviju li l-benefiċċju supplimentari mħallas taħt it-TW, fejn l-għoti ma jiddependix fuq evalwazzjoni individwali tal-ħtiġijiet personali tal-applikant, għandu jitqies bħala benefiċċju tal-invalidità fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 u li jaqa’ għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu.

( 33 ) Fis-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346, punt 77), il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota li “[l]-partijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrikonoxxu” li benefiċċju bħalma huwa l-benefiċċju supplimentari taħt it-TW jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 3/80 u huwa għalhekk kopert mill-projbizzjoni fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni. Probabbilment b’konsegwenza, il-kwistjoni ma ġietx indirizzata, la mill-Avukat Ġenerali u lanqas mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Demirci et (C‑171/13, EU:C:2015:8).

( 34 ) Ara l-Artikolu 39(1) tal-Protokoll Addizzjonali u l-preambolu tad-Deċiżjoni Nru 3/80.

( 35 ) Din l-istqarrija (fil-punt 5 tad-deċiżjoni tar-rinviju f’din il-kawża) hija ripetuta fil-punt 4.4 tad-deċiżjoni tar-rinviju sussegwenti tal-istess qorti fil-Kawża C‑257/18, Güler (pendenti). Infatti, il-qorti tar-rinviju hemm tenfasizza l-fatt li M. Çoban għandu dritt miksub għall-benefiċċju supplimentari, “filwaqt li fil-każ ta’ Güler dan huwa dubjuż” bħala waħda mir-raġunijiet tagħha għalfejn qiegħda tagħmel ir-rinviju għal din il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

( 36 ) Sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346, punti 84 sa 87).

( 37 ) Sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346, punti 88 sa 95).

( 38 ) Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Demirci et (C‑171/13, EU:C:2015:8, punti 53 sa 57).

( 39 ) Ara, rigward dan is-suġġett, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Yön (C‑123/17, EU:C:2018:267, punti 8990).

( 40 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑92/07, EU:C:2010:228, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Derin (C‑325/05, EU:C:2007:442, punti 58 sa 69, b’mod partikolari punt 68), u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt (C‑303/08, EU:C:2010:800, punt 45). Ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pehlivan (C‑484/07, EU:C:2010:410, punt 63): jeħtieġ li titqies l-istampa ġenerali.

( 42 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Demirci et (C‑171/13, EU:C:2014:2073, punt 43).

( 43 ) Ara l-punt 38 iktar ’il fuq u t-test tad-domanda preliminari.

( 44 ) Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.

( 45 ) Ara l-Artikolu 2 (Persuni koperti) moqri flimkien mal-Artikolu 6 (Tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza). Il-persuni koperti mill-Artikolu 2 jinkludu wkoll il-membri tal-familji ta’ tali ħaddiema residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri u s-superstiti ta’ tali ħaddiema.

( 46 ) Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).

( 47 ) Dwar it-tifsira ta’ “benefiċċji prinċipali”, ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 91). L-Istati Membri jistgħu “jillimitaw l-ugwaljanza fit-trattament li minnha jibbenefika min għandu l-istatus mogħti mid-Direttiva 2003/109, bl-eċċezzjoni tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali mogħtija mill-awtorijtajiet pubbliċi, kemm jekk fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jikkontribwixxu sabiex l-individwu jkun jista’ jista’ jieħu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tiegħu bħall-ikel, l-akkomodazzjoni u s-saħħa” (enfasi miżjud minni).

( 48 ) Ara l-punt 33 iktar ’il fuq.

( 49 ) Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.

( 50 ) Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Demirci et (C‑171/13, EU:C:2015:8, punt 53).

( 51 ) L-istatus huwa, bla dubju, favorevoli ħafna. L-Avukat Ġenerali Szpunar iddeskrivieh hekk f’P u S (C‑579/13, EU:C:2015:39, punti 29 sa 31): “[id]-Direttiva 2003/109 toħloq, favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi li rrisjedew legalment fl-Unjoni għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin, status ġuridiku partikolari li jirriżulta esklużivament mid-dritt tal-Unjoni: l‑istatus ta’ resident għat-tul. Meta pparagunata maċ-ċittadinanza, l-introduzzjoni ta’ dan l‑istatus toħloq forma alternattiva ta’ parteċipazzjoni [għaċ-ċittadinanza] fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-Unjoni għaċ-ċittadini barranin, li fid-duttrina tikkorrispondi mal-kunċett ta’ ‘denizenship’, għall-kuntrarju ta’ dak ta’ ‘citizenship’. Għall-kwistjonijiet li ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni, l-istatus taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fl-Unjoni jibqa’ jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri” (enfasi miżjuda minni).

( 52 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31).

( 53 ) Regolament tal-Kunsill tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15). Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 27). Madankollu, R. Grzelczyk ma kienx jaqa’ taħt dan ir-regolament, għax ma kienx jikkwalifika bħala “ħaddiem”: ara l-punti 15 u 16 tas-sentenza.

( 54 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 29). Fir-rigward tal-effettività tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni taħt it-Trattat biex jegħlbu limitazzjonijiet fid-dritt sekondarju, ara l-punti 30 sa 36 tas-sentenza.

( 55 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358).

( 56 ) Sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597).

( 57 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punti 68 sa 74). E. Dano kellha ċertifikat ta’ residenza (nazzjonali) ta’ tul bla limitu iżda kienet għadha ma setgħetx titlob dritt ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-drittijiet taċ-ċittadini”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) (ara l-punti 26 u 44 tas-sentenza rispettivament).

( 58 ) F’dan is-sens, ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punti 64, 6978), u tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597, punti 57 sa 5962). It-test tad-Direttiva 2003/109 ma jweġibx din il-mistoqsija: ara l-punt 87 iktar ’il fuq.

( 59 ) Jista’ jkun li ma hux b’kumbinazzjoni li l-Liġi dwar il-Migrazzjoni ta’ Ritorn tippermetti ħaddiem Tork li jkun irriloka t-Turkija jibdel fehmtu u jirritorna fil-Pajjiżi l-Baxxi sakemm huwa jagħmel dan fi żmien sena mid-data li fiha jkun stabbilixxa ruħu fil-pajjiż ta’ destinazzjoni: ara l-punt 32 hawn fuq.

( 60 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Demirci et (C‑171/13, EU:C:2015:8, il-punt 56): “bid-differenza mill-ħaddiema tal-Istati Membri, iċ-ċittadini Torok ma jibbenefikawx minn moviment liberu ġewwa l-Komunità, iżda jistgħu jgawdu biss minn ċerti drittijiet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenzi Tetik, C‑171/95, EU:C:1997:31, punt 29, u Derin, C‑325/05, EU:C:2007:442, punt 66).”

( 61 ) Ara l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva dwar id-drittijiet taċ-ċittadini.

( 62 ) Ara l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet taċ-ċittadini.

( 63 ) Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Demirci et (C‑171/13, EU:C:2015:8, punt 53).

( 64 ) Ara l-punt 53 iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346), kienet biċ-ċar konxja tan-nuqqas ta’ qbil bejn id-Deċiżjoni Nru 3/80 u l-verżjoni emendata tar-Regolament Nru 1408/71: ara l-punti 83 sa 86 tas-sentenza f’din il-kawża.

( 65 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346, punt 77).

( 66 ) Ara l-punt 73 et seq. iktar ’il fuq.

( 67 ) Sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346, punt 91).

( 68 ) Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq terġa’ tikkunsidra din il-premessa jien kieku nissuġġerixxi b’kull rispett li l-post adegwat għal tali revirement tal-ġurisprudenza stabbilita jkun l-Awla Manja.