KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fis-7 ta’ Frar 2019 ( 1 )
Kawża C‑664/17
Ellinika Nafpigeia AE
vs
Panagiotis Anagnostopoulos et
fil-preżenza ta ’
Syllogos Ergazomenon Nafpigeion Skaramagka I Triaina,
Panellinia Omospondia Ergatoypallilon Metallou (POEM) u
Geniki Synomospondia Ergaton Ellados (GSEE)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Trasferiment ta’ parti minn impriża – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Kunċett ta’ ‘trasferiment’ – Kunċett ta’ “entità ekonomika” – Trasferiment ta’ parti mill-attività ekonomika ta’ kumpannija omm lil sussidjarja li għadha kemm ġiet stabbilita – Tkomplija ta’ attività ekonomika – Deċiżjoni li l-attività taċ-ċessjonarju tiġi llikwidata”
|
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari, ippreżentata mill-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja), tirrigwarda l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 li temenda d-Direttiva 77/187/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji ( 2 ) li emenda l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE tal-14 ta’ Frar 1977 ( 3 ), li jikkorrispondi għall-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji ( 4 ), b’applikazzjoni tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, li għall-finijiet ta’ kodifikazzjoni, ħassret id-Direttiva 77/187, kif emendata bid-Direttiva 98/50. B’mod iktar preċiż, minħabba l-għan tagħha, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23. |
|
2. |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Panagiotis Anagnostopoulos u 89 impjegat ieħor u l-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata Ellinika Nafpigeia AE ( 5 ) (iktar ’il quddiem “ENAE ( 6 )”), fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol inizjalment konklużi bejn dawn il-partijiet. |
|
3. |
Is-singularità ta’ din il-kawża timmerita li tiġi enfasizzata peress li hija l-persuna li timpjega u mhux l-impjegati li tinvoka l-applikazzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/23, intiżi fl-interess tal-ħaddiema f’każ ta’ bidla fit-tmexxija tal-impriża. |
|
4. |
Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “entità ekonomika” u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment ta’ tali entità mhux bil-għan li titkompla l-attività ekonomika ttrasferita, iżda għat-terminazzjoni tagħha. |
|
5. |
Fl-aħħar tal-analiżi tiegħi, ser insostni li d-Direttiva 2001/23 ma tapplikax jekk jiġi stabbilit li l-għan li ried jintlaħaq waqt it-trasferiment tal-entità ekonomika kien mhux li tinżamm l-attività ekonomika inkwistjoni, iżda li jiġu evitati l-obbligi ta’ protezzjoni tal-impjegati li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali. Jekk dan ma huwiex il-każ, l-Artikolu 1(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar tista’ tapplika f’sitwazzjoni fejn il-parti mill-impriża jew min-negozju ttrasferita ma żżommx l-awtonomija tagħha mill-perspettiva ta’ organizzazzjoni, bil-kundizzjoni li tinżamm ir-rabta funzjonali bejn il-fatturi differenti ta’ produzzjoni ttrasferiti u li din tippermetti liċ-ċessjonarju juża lil dawn tal-aħħar sabiex jeżerċita b’mod stabbli attività ekonomika identika jew analoga, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
6. |
Il-premessi 3 u 8 tad-Direttiva 2001/23 jistabbilixxu:
[…]
|
|
7. |
L-Artikolu 1(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
|
|
8. |
L-Artikolu 2(1)(a) u (b) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
|
|
9. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment”. |
|
10. |
L-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi: “1. Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, l-Artikoli 3 u 4 m’ għandhomx japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju meta min ikun qed jagħmel it-trasferiment huwa s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment awtorizzat minn awtorità pubblika kompetenti). […] 4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati bl-iskop li jipprevjenu l-użu ħażin tal-proċedimenti ta’ falliment b’tali mod li jċaħħdu lill-impjegati mid-drittijiet previsti f’din id-Direttiva”. |
B. Id-dritt Grieg
|
11. |
Skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tal-Proedrikó Diátagma 178/2002: Métra schetiká me tin prostasía ton dikaiomáton ton ergazoménon se períptosi metavívasis epicheiríseon, enkatastáseon í tmimáton enkatastáseon í epicheiríseon, se symmórfosi pros tin Odigía 98/50/EK tou Symvoulíou (id-Digriet Presidenzjali 178/2002 dwar il-Miżuri relattivi għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema f’Każ ta’ Trasferiment ta’ Impriżi, ta’ Negozji jew ta’ Parti minn Impriżi jew Negozji, għall-Finijiet ta’ Konformità mad-Direttiva [98/50]) ( 7 ) huma applikabbli. |
|
12. |
Skont l-Artikolu 2(1)(a) u (c) ta’ dan id-digriet, id-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw għal kull trasferiment, konvenzjonali jew legali, ta’ impriżi jew amalgamazzjoni ta’ impriżi, ta’ negozji jew ta’ partijiet ta’ negozji, li jwassal għal bidla tal-persuna li timpjega u li jista’ jirrigwarda korpi pubbliċi jew privati li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi bi skop ta’ lukru jew mingħajr skop ta’ lukru. |
|
13. |
L-Artikolu 2(1)(b) tal-imsemmi digriet jiddefinixxi t-“trasferiment” bħala dak ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-iskop li titkompla attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija prinċipali jew anċillari. |
|
14. |
L-Artikolu 3(1)(a) u (b) tad-Digriet Presidenzjali 178/2002 jiddefinixxi l-kliem “ċedent” u “ċessjonarju” bħala li jindikaw, dik tal-ewwel, kull persuna fiżika jew ġuridika li minħabba trasferiment fis-sens fuq iċċitat, titlef il-kwalità ta’ persuna li timpjega fir-rigward tal-impriża, tan-negozju jew ta’ parti mill-impriża jew min-negozju, u dik tat-tieni, kull persuna fiżika jew ġuridika li minħabba trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan id-digriet, tikseb il-kwalità ta’ persuna li timpjega fir-rigward tal-impriża, tan-negozju jew ta’ parti mill-impriża jew min-negozju. |
|
15. |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi digriet, id-drittijiet u l-obbligi kollha eżistenti li ċ-ċedent kellu skont kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju sa mid-data tat-trasferiment. |
|
16. |
Peress li skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tan-Nómos 2112/1920 – Perí ypochreotikís katangelías tis symváseos ergasías idiotikón ypallílon (il-Liġi Nru 2112/1920 dwar ix-Xoljiment Obbligatorju ta’ Kuntratt ta’ Xogħol ta’ Impjegati tas-Settur Privat) ( 8 ), u tal-Artikolu 9(1) tal-Vasilikó Diátagma “perí epektáseos tou N. 2112 kai epí ton ergatón […]” (id-Digriet Irjali “dwar l-Applikazzjoni tal-Liġi 2112 Inkluż il-Ħaddiema […]”), tas-16/18 ta’ Lulju 1920, il-bidla fil-persuna li timpjega sseħħ, u titwettaq ipso jure, indipendentement mill-kawża ġuridika u mill-forma tat-trasferiment tal-impriża, mingħajr ma huwa neċessarju li l-ħaddiema jagħtu l-kunsens tagħhom. |
|
17. |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Digriet Presidenzjali 178/2002 jipprovdi li wara t-trasferiment, iċ-ċedent għandu jibqa’ responsabbli in solidum u b’mod sħiħ maċ-ċessjonarju għall-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt jew minn relazzjoni ta’ xogħol sad-data li fiha ċ-ċessjonarju jieħu l-funzjonijiet tiegħu. |
|
18. |
Mill-Artikolu 4(2) ta’ dan id-digriet jirriżulta li wara t-trasferiment, iċ-ċessjonarju għandu jżomm il-kundizzjonijiet ta’ xogħol diġà previsti minn ftehim kollettiv ta’ xogħol, minn deċiżjoni arbitrali, minn regolament jew minn kuntratt ta’ xogħol individwali. |
|
19. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Digriet Presidenzjali 178/2002 jipprovdi li t-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża ma jikkostitwixxix, fih innifsu, raġuni ta’ tkeċċija tal-ħaddiema. Madankollu, skont id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ dan id-digriet, bla ħsara li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet relattivi għat-tkeċċija, hija awtorizzata kull tkeċċija li tirriżulta neċessarja għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jimplikaw bidliet fil-persunal. Madankollu, l-Artikolu 5(2) tal-imsemmi digriet jipprovdi li, jekk il-kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ xogħol jiġu xolti minħabba li t-trasferiment iwassal għal bidla sostanzjali tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol għad-detriment tal-ħaddiema, il-persuna li timpjega għandha titqies bħala responsabbli għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol jew tar-relazzjoni ta’ xogħol. |
|
20. |
Skont l-Artikolu 6(1) tad-Digriet Presidenzjali 178/2002, il-konsegwenzi ta’ trasferiment, previsti fl-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmi digriet, ma japplikawx fil-każ fejn iċ-ċedent ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ kull proċedura simili oħra. |
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
21. |
Ir-rikorrenti kienu rreklutati mill-kumpannija ENAE permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat sabiex jaħdmu fl-istabbilimenti tagħha li jinsabu fi Skaramangas, fil-komun ta’ Chaïdári, Attiki (il-Greċja) ( 9 ), għal iktar minn 30 sena. |
|
22. |
Fl-1985 din il-kumpannija saret impriża tas-settur pubbliku ( 10 ). Hija kienet ipprivatizzata fl-2002 u ġiet suġġetta għal projbizzjoni ta’ tnaqqis tal-persunal tagħha, sa ċertu limitu, sat-30 ta’ Settembru 2008 ( 11 ). |
|
23. |
Waqt il-privatizzazzjoni tagħha, ENAE kienet teżerċita erba’ tipi ta’ attivitajiet, jiġifieri t-tiswija ta’ vapuri, il-kostruzzjoni ta’ vapuri tal-gwerra u tal-kummerċ, il-kostruzzjoni u t-tiswija ta’ sottomarini kif ukoll il-kostruzzjoni u t-tiswija ta’ vetturi ferrovjali, organizzati f’direttorati, jiġifieri d-direttorat tat-tiswijiet, id-direttorat tal-inġenji tal-wiċċ, id-direttorat tas-sottomarini u d-direttorat tal-materjal ferrovjali rispettivament. L-organizzazzjoni strutturali ta’ ENAE kienet tinkludi wkoll erba’ “diviżjonijiet” ta’ produzzjoni, indispensabbli għall-attività tad-direttorati, jiġifieri installazzjoni ta’ laminazzjoni, installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ pajpijiet, mastrudaxxa u ċentru ta’ makkinarju. |
|
24. |
Ftit wara l-privatizzazzjoni tagħha, ENAE stabbilixxiet sussidjarja, il-kumpannija “Etaireia Trochaiou Ylikou Ellados ΑΕ” ( 12 ) (iktar ’il quddiem “ETYE”), sabiex tittrasferixxi lil din tal-aħħar il-ftehimiet ta’ programm pendenti bejn, minn naħa, konsorzji li fihom ENAE kienet tipparteċipa, u min-naħa l-oħra, l-“Organismos Sidirodromon Ellados” ( 13 ) (iktar ’il quddiem “OSE”) u l-kumpannija “Ilektrikoí Sidirodromon Athinon Pireos” ( 14 ) (iktar ’il quddiem “ISAP”), ftehimiet li jirrigwardaw il-kostruzzjoni u l-konsenja mill-konsorzji ta’ tipi differenti ta’ vetturi ferrovjali. |
|
25. |
Fl-2005, ENAE akkwistat il-kumpannija ta’ kostruzzjoni ta’ vapuri ThyssenKrupp Marine Systems. |
|
26. |
Sabiex tippermetti li sa mill-1 ta’ Ottubru 2006 d-direttorat tal-materjal ferrovjali ta’ ENAE jiffunzjona bħala kumpannija awtonoma, taħt l-isem ta’ ETYE, fit-28 ta’ Settembru 2006 ENAE kkonkludiet miegħu diversi kuntratti li, b’mod partikolari, kellhom bħala għan il-kiri ta’ art għall-użu professjonali, li tinsab ġewwa ż-żona tat-tarzni, bil-vapuri u l-infrastrutturi tagħha li jinsabu fiha, il-bejgħ u l-konsenja ta’ beni mobbli intiżi għall-attività ta’ ETYE bħala impriża, il-provvista ta’ servizzi ta’ natura amministrattiva intiżi għall-funzjonament tal-impriża, kif ukoll l-għoti lil ETYE ta’ xogħol sospiż li kellu jsir skont tliet ftehimiet ta’ programm innumerati 33 (ma’ OSE u ISAP), 37 u 41a rispettivament ( 15 ). |
|
27. |
Wara l-bidu tal-attività tagħha, matul is-sena 2007, ETYE kkonkludiet ma’ ENAE kuntratti oħra li b’mod partikolari kellhom bħala għan is-self ta’ persunal ta’ ETYE lil ENAE ( 16 ), l-għoti minn ENAE lil ETYE ta’ xogħol sospiż li kellu jsir skont il-ftehim ta’ programm 33a ma’ OSE u ISAP ( 17 ), il-provvista ta’ servizzi minn ETYE lil ENAE ( 18 ) kif ukoll il-provvista minn ENAE lil ETYE ta’ servizzi ta’ sostenn amministrattiv ( 19 ). |
|
28. |
Il-qorti tar-rinviju rrilevat li “[s]a mill-bidu, id-destin ta’ ETYE bħala kumpannija kien predeterminat u jwassal għal-likwidazzjoni tagħha”. Hija kkonstatat li “[b’]mod iktar partikolari, l-Artikolu 5 tal-ftehim qafas tat-28 ta’ Settembru 2007, konkluż bejn ENAE u ETYE, jirreferi għal-likwidazzjoni [ta’ din tal-aħħar fid-data tat-]30 ta’ Settembru 2008, jiġifieri data li tikkoinċidi mal-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt snin li matulhom kienet teżisti projbizzjoni ta’ tnaqqis tal-persunal ta’ ENAE għal inqas minn 1400 ħaddiem, fuq il-bażi tal-kuntratt ta’ trasferiment tal-1 ta’ Ottubru 2002, li permezz tiegħu ġiet ittrasferita mill-Istat Grieg lill-offerenti barranin”. Hija ppreċiżat li, skont dan l-artikolu, ENAE kellha tbati l-ispejjeż ta’ likwidazzjoni ta’ ammont ekwivalenti għall-istima tal-ispejjeż tat-tkeċċija tal-160 impjegat ta’ ETYE u li din il-kontribuzzjoni kienet tonqos b’4 % għal kull xahar ta’ dewmien. Id-data prevista għal din il-likwidazzjoni kienet madankollu posposta fuq inizjattiva ta’ ENAE permezz ta’ emenda tal-imsemmi ftehim qafas li saret fl-10 ta’ Settembru 2008. |
|
29. |
Fl-1 ta’ Ottubru 2007, il-grupp ta’ kumpanniji Ġermaniżi b’responsabbiltà limitata INTEI Industriebeteiligungsgesellschaft mbH (ΙΝΤΕΙ) u Industriegesellschaft Waggonbau Ammendorf mbH (ΙGWA) sar il-proprjetarju tal-ishma ta’ ETYE. |
|
30. |
B’komunikazzjoni tat-8 ta’ Ottubru 2007, il-ħaddiema kollha ġew informati bix-xiri ta’ ETYE mill-grupp ta’ kumpanniji INTEI/IGWA. Fit-13 ta’ Mejju 2008, ġie konkluż ftehim kollettiv ta’ impriża fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni u ta’ xogħol tal-impjegati ta’ ETYE kollha ( 20 ). |
|
31. |
Fl-2010, Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja) iddikjarat il-falliment ta’ ETYE, filwaqt li ppreċiżat li wara t-trasferiment inkwistjoni, l-attivitajiet ekonomiċi eżerċitati minn din tal-aħħar kienu dgħajfa ( 21 ). |
|
32. |
Fl-1 ta’ Ġunju 2009 ir-rikorrenti adixxew lill-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni, il-Greċja), b’rikors intiż sabiex tiddeċiedi li huma kienu għadhom marbutin ma’ ENAE b’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, li ENAE kellha tħallashom ir-remunerazzjonijiet legalment previsti b’mod partikolari matul il-perijodu kollu taż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, u li f’każ ta’ xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol, ENAE kellha tħallas l-allowances legali ta’ tkeċċija lil kull impjegat. |
|
33. |
Billi l-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) laqgħet dan ir-rikors, ENAE appellat quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja). Din il-qorti kkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, billi qieset li ETYE qatt ma kkostitwixxiet entità awtonoma. Fl-ewwel lok, hija qieset li ETYE ma kinitx unità ta’ produzzjoni awtonoma, għar-raġuni li l-kontribuzzjoni ta’ erba’ diviżjonijiet ta’ produzzjoni ta’ ENAE kienet indispensabbli għall-produzzjoni u tiswija tal-materjal ferrovjali u li, kieku ENAE waqqfet kull attività, kien ikun impossibbli li ETYE tibni u ssewwi l-materjal ferrovjali. Fit-tieni lok, ETYE kienet tikri lil ENAE s-sostenn amministrattiv tagħha, fosthom is-segretarjat, u, fit-tielet lok, hija ma kellhiex awtonomija finanzjarja u ta’ tmexxija, peress li din tal-aħħar kienet żgurata minn ENAE. Din il-qorti ddeduċiet li ma kienx hemm trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ partijiet min-negozju, u li, konsegwentement, ENAE baqgħet il-persuna li timpjega lir-rikorrenti. |
|
34. |
Fid-29 ta’ Awwissu 2013, ENAE ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem l-Areios Pagos (il-Qorti ta’ Kassazzjoni). Din tikkunsidra li peress li fl-awla adita mill-kawża hemm interpretazzjonijiet diverġenti dwar il-kunċett ta’ “entità ekonomika” li jinsab fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/50, hemm lok li ssir domanda f’dan is-sens lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
35. |
Fil-fatt, skont tliet membri tal-awla, ETYE ma kellhiex il-possibbiltà li tkompli l-attività li tagħha hija kienet responsabbli, peress li d-direttorat tal-materjal ferrovjali li donnu kien ittrasferit lilha ma setax jiffunzjona mingħajr is-sostenn tad-diviżjonijiet ta’ produzzjoni ta’ ENAE kif ukoll tas-servizzi amministrattivi u finanzjarji tagħha. Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-volum żgħir ta’ xogħol imwettaq minn ETYE li wassal għall-falliment tagħha kif ukoll mill-pożizzjoni tal-impjegati kkonċernati, li jsostnu li l-għan tat-trasferiment inkwistjoni kien li titwaqqaf l-attività ta’ kostruzzjoni u tiswija ta’ vetturi ferrovjali ta’ ENAE u jiġu tterminati l-postijiet ta’ xogħol marbuta magħha mingħajr ma hija tassumi l-konsegwenzi finanzjarji negattivi. |
|
36. |
Madankollu, żewġ membri tal-awla adita huma tal-opinjoni li l-unità ttrasferita kellha awtonomija suffiċjenti, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment inkwistjoni, b’tali mod li kellha l-fakultà teżerċita l-attività ekonomika tagħha b’mod awtonomu. Ġie sostnut li f’każ ta’ trasferiment ta’ unità inqas importanti, l-elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ “entità ekonomika” jistgħu jinftiehmu b’mod inqas strett milli fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża sħiħa jew ta’ attività prinċipali. Il-fatt li ċ-ċessjonarju kien sostnut miċ-ċedent sabiex jeżerċita l-attività akkwistata, fil-kuntest ta’ sussidjarja, ma jeskludix l-eżistenza ta’ trasferiment, peress li għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasferiment”, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni forom attwali tal-“azzjoni ta’ intrapriża”. Finalment, l-intenzjoni taċ-ċedent jew taċ-ċessjonarju li jillikwida l-impriża ma hijiex indizju li jeskludi l-preżenza ta’ trasferiment, iżda tista’ tkun il-bażi ta’ talba magħmula kontra l-persuna li timpjega ċedenti għall-finijiet tal-ħlas ta’ allowances dovuti f’każ ta’ preġudizzju għall-interessi tal-ħaddiema fl-okkażjoni tat-tibdil unilaterali tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. |
|
37. |
Għaldaqstant, l-Areios Pagos (il-Qorti ta’ Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Analiżi
|
38. |
Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża” ikopri sitwazzjoni fejn kumpannija omm, responsabbli minn tliet attivitajiet ekonomiċi fis-settur tal-kostruzzjoni tal-vapuri u minn attività oħra fis-settur tal-kostruzzjoni ta’ materjal ferrovjali, ittrasferixxiet l-operat ta’ din l-aħħar attività lil sussidjarja u għal dan il-għan ikkonkludiet magħha kuntratti differenti sabiex, minn naħa, hija jkollha l-infrastrutturi u t-tagħmir neċessarju, li tagħhom il-kumpannija omm hija proprjetarja, sabiex twettaq ix-xogħol sospiż li jirriżulta minn ftehimiet ta’ programm konklużi ma’ din il-kumpannija, u min-naħa l-oħra, sabiex tipproċedi bil-likwidazzjoni tas-sussidjarja fi żmien qasir. |
|
39. |
Qabelxejn, jista’ jiġi kkunsidrat id-dubju espress mill-qorti tar-rinviju, peress li hija kkonstatat l-eżistenza ta’ ftehim qafas konkluż fit-28 ta’ Settembru 2007 ( 22 ) bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju bil-għan li jiġi organizzat it-trasferiment tal-attività ekonomika inkwistjoni sena wara sabiex tiġi evitata l-projbizzjoni taċ-ċedent li jkeċċi lill-impjegati qabel it-30 ta’ Settembru 2008. |
|
40. |
Fil-fatt, peress li l-kunċett ta’ “trasferiment” huwa indissoċjabbli mill-perspettiva ta’ tkomplija tal-attività, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 u mill-għanijiet li hija trid tilħaq, jiġifieri ż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ bidla fil-persuna li timpjega ( 23 ), jidhirli li huwa evidenti li jekk jiġi kkonstatat li t-trasferiment kien organizzat għall-implimentazzjoni ta’ pjan intiż sabiex iwaqqaf l-attività ttrasferita f’kundizzjonijiet li jippermettu liċ-ċedent jaħrab mill-obbligi tiegħu li jipproteġi lill-impjegati, din id-direttiva ma tapplikax. |
|
41. |
Madankollu, mill-opinjonijiet diverġenti esposti mill-qorti tar-rinviju jista’ jiġi dedott li d-diffikultà partikolari ppreżentata mit-tilwima tirriżulta mill-konstatazzjoni tat-tkomplija tal-attività matul tal-inqas sena sa mix-xahar ta’ Ottubru 2006 qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment fl-2010. Bla ħsara għall-fatt li din il-konstatazzjoni dwar it-tkomplija effettiva tal-operat tista’ tiġi kkjarifikata mill-qorti tar-rinviju ( 24 ), għandhom għalhekk jiġu ddeteriminati l-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti minnha. |
|
42. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser nesponi l-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża” qabel neżamina l-applikazzjoni tagħhom għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. |
Il- prinċipji
|
43. |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23, iddefinit fl-Artikolu 1(1)(a) tagħha, ikopri l-possibbiltajiet kollha ta’ tibdil, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operat tal-impriża, li, minħabba dan il-fatt, tassumi l-obbligi tal-persuna li timpjega fir-rigward tal-impjegati tal-impriża, irrispettivament minn jekk il-proprjetà tal-assi korporali ġietx ittrasferita ( 25 ). |
|
44. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, diversi drabi, li l-kunċett ta’ “impriża” ikopri kull entità ekonomika organizzata b’mod stabbli li tinkludi kull entità organizzata ta’ persuni u ta’ elementi li jippermettu l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li ssegwi għan proprju u li hija strutturata u awtonoma biżżejjed ( 26 ). |
|
45. |
Fit-tieni lok, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod stabbilit, id-Direttiva 2001/23 hija intiża sabiex tiżgura l-kontinwità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol eżistenti fil-kuntest ta’ entità ekonomika, indipendentement minn bdil tal-proprjetarju ( 27 ). |
|
46. |
Il-kriterju deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment, skont l-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva, huwa għalhekk il-fatt li l-entità inkwistjoni żżomm l-identità tagħha wara li tkun ittieħdet mill-persuna li timpjega l-ġdida, li jirriżulta b’mod partikolari mit-tkomplija effettiva tal-operat jew milli jingħata bidu mill-ġdid tiegħu ( 28 ). |
1. Fuq l-identità u s-sostenibbiltà tal-entità fil-mument tat-trasferiment
|
47. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-metodu li għandu jintuża għall-analiżi ta’ din il-kundizzjoni li tirrigwarda dawn iż-żewġ aspetti, jiġifieri l-identità u s-sostenibbiltà tal-entità fil-mument tat-trasferiment. Għalhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju kkonċernat, it-trasferiment jew le ta’ assi tanġibbli, bħalma huma l-bini u l-beni mobbli, il-valur tal-elementi intanġibbli fil-mument tat-trasferiment, iż-żamma jew le tal-parti l-kbira tal-impjegati mill-persuna li timpjega l-ġdida, it-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-livell ta’ xebh tal-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment u t-tul ta’ żmien ta’ eventwali sospensjoni ta’ dawn tal-aħħar. Huwa paċifiku li dawn l-elementi jikkostitwixxu biss aspetti parzjali tal-evalwazzjoni globali li għandha ssir u għalhekk ma jistgħux jiġu evalwati b’mod iżolat ( 29 ). |
|
48. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, minn naħa, li minn dan jirriżulta li l-importanza rispettiva li għandha tingħata lil dawn il-kriterji differenti tvarja neċessarjament skont l-attività eżerċitata, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operat użati fl-impriża, fin-negozju jew fil-parti tan-negozju kkonċernata ( 30 ). |
|
49. |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li s-sempliċi żamma, minn entità ekonomika, tal-attività ekonomika ta’ entità oħra ma twassalx għall-konklużjoni taż-żamma tal-identità ta’ din tal-aħħar. L-identità ta’ tali entità ma tistax tiġi ridotta għall-attività li hija twettaq, peress li din tirriżulta minn pluralità indissoċjabbli ta’ elementi bħall-persunal li jikkomponiha, il-persunal ta’ sorveljanza tagħha, l-organizzazzjoni tax-xogħol tagħha, il-metodi ta’ operat tagħha jew anki, jekk ikun il-każ, ir-riżorsi operazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha ( 31 ). |
2. Fuq it-trasferiment fi ħdan grupp ta’ kumpanniji
|
50. |
Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li f’każ ta’ trasferiment fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fih innifsu dan ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment ( 32 ). |
|
51. |
B’mod iktar preċiż, f’tali każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li “għall-finijiet tal-applikazzjoni [tad-Direttiva 2001/23], l-entità ekonomika kkonċernata għandha, qabel it-trasferiment, tgawdi, b’mod partikolari, minn awtonomija funzjonali suffiċjenti, peress li l-kunċett ta’ awtonomija jirreferi għas-setgħat, mogħtija lill-persuni responsabbli mill-grupp ta’ ħaddiema kkonċernat, li jorganizzaw, b’mod relattivament liberu u indipendenti, ix-xogħol fi ħdan l-imsemmi grupp u, b’mod iktar partikolari, li jagħtu struzzjonijiet u li jqassmu funzjonijiet lill-ħaddiema suġġetti li jappartjenu għal dan il-grupp, u dan mingħajr l-intervent dirett min-naħa ta’ strutturi oħra ta’ organizzazzjoni tal-persuna li timpjega” ( 33 ), u, min-naħa l-oħra, li “[d]in il-konklużjoni hija kkorroborata mill-ewwel u mir-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/23, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema, li jipprovdu li din id-direttiva hija intiża sabiex tapplika għal kull trasferiment li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tagħha, kemm jekk l-entità ekonomika ttrasferita żżomm l-awtonomija tagħha fl-istruttura tal-persuna li lilha jsir it-trasferiment u kemm jekk le” ( 34 ). |
|
52. |
Fid-dawl ta’ dawn it-tagħlimiet ġurisprudenzjali għandhom jiġu proposti elementi ta’ evalwazzjoni tad-domandi magħmula, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt prinċipali rrilevati mill-Areios Pagos (il-Qorti ta’ Kassazzjoni) fid-deċiżjoni tar-rinviju. |
B. Applikazzjoni tal-prinċipji għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ
1. Fuq l-awtonomija tal-entità ttrasferita eżistenti qabel it-trasferiment
|
53. |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar il-kuntest li fih seħħ it-trasferiment kontenzjuż, jiġifieri dak ta’ trasferiment lil sussidjarja, stabbilita għal dan il-għan ( 35 ). Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-awtonomija tal-entità ttrasferita kinitx teżisti qabel it-trasferiment ( 36 ). Mill-iskop tad-domandi preliminari, u speċjalment minn dak tat-tieni domanda, jista’ jiġi dedott li dawn ma jirrigwardawx l-evalwazzjoni dwar jekk l-entità ttrasferita inkwistjoni kellhiex awtonomija funzjonali suffiċjenti qabel it-trasferiment. |
|
54. |
Għaldaqstant, ser inkompli l-analiżi tiegħi billi nikkunsidra li qabel it-trasferiment, l-entità li kienet tikkostitwixxi direttorat ta’ ENAE marbut ma’ attività distinta minn dik tat-tliet direttorati l-oħra li jużaw l-istess mezzi ta’ produzzjoni, kienet komposta minn entità organizzata ta’ ħaddiema li kien ilhom iwettqu din l-attività b’mod stabbli, għall-finijiet tal-eżami tal-kundizzjonijiet dwar it-tkomplija effettiva tal-attività. |
2. Fuq is-sostenibbiltà tal-attività ttrasferita
|
55. |
Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-attività ttrasferita, nirrileva li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax iċ-ċirkustanzi relattivi għall-konklużjoni tal-kuntratti, speċjalment fl-2006 intiżi sabiex is-settur ta’ attività inkwistjoni jiffunzjona, u lanqas il-kontenut preċiż tagħhom. Għalhekk, bħar-rikorrenti, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni, jiena nqis li għandha titqajjem l-inċertezza dwar il-fatt li, fil-mument tat-trasferiment, l-attività ma kinitx limitata għat-twettiq ta’ xogħol determinat. |
|
56. |
Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju kkonstatat diversi drabi li ENAE fdat lil ETYE bit-twettiq ta’ kuntratti. Hija ppreċiżat li “[s]abiex sa mill-1 ta’ Ottubru 2006, id-direttorat tal-materjal ferrovjali ta’ ENAE jibda jiffunzjona bħala kumpannija awtonoma, taħt l-isem ETYE, ġew konklużi [diversi] kuntratti bejniethom [fosthom] il-kuntratt tal-għoti ta’ xogħol tat-28 ta’ Settembru 2006 konkluż minn ENAE, bħala awtorità kontraenti, u ETYE bħala parti kontraenti, li permezz tiegħu dik tal-ewwel fdat lit-tieni bit-twettiq ta’ xogħol sospiż li jirriżulta mill-ftehim ta’ programm 33 (ma’ OSE u ISAP), kif ukoll b’kull kompitu ieħor matul il-perijodu ta’ garanzija tas-suġġett ta’ dan il-kuntratt, […] kuntratt simili għal dak tat-28 ta’ Settembru 2006, dwar ix-xogħol sospiż, prinċipali u ta’ garanzija, li jirriżulta mill-ftehim ta’ programm 37 u […] kuntratt simili għal dak tat-28 ta’ Settembru 2006, dwar xogħol sospiż, prinċipali u ta’ garanzija, li jirriżulta mill-ftehim ta’ programm 41a”. |
|
57. |
Il-qorti tar-rinviju żiedet li, “[w]ara l-bidu tal-operat ta’ EYTE, din tal-aħħar ikkonkludiet ma’ ENAE […] il-kuntratt tal-għoti ta’ xogħol tat-30 ta’ Awwissu 2007 konkluż minn ENAE, bħala awtorità kontraenti, u ETYE, bħala parti kontraenti, li permezz tiegħu dik tal-ewwel fdat lil tat-tieni bit-twettiq ta’ xogħol sospiż li jirriżulta mill-ftehim ta’ programm 33a (ma’ OSE u ISAP), kif ukoll b’kull kompitu ieħor matul il-perijodu ta’ garanzija tas-suġġett ta’ dan il-kuntratt”. |
|
58. |
Barra minn hekk, hija rrilevat li “[l]-argument insostenn tal-eżistenza tal-awtonomija finanzjarja ta’ ETYE, li jipprovdi li din kienet inkarigata mill-kumpannija Svizzera Carwaggon AG sabiex tikkostruwixxi 200 vagun, ma kienx ipprovat, filwaqt li fir-realtà fid-29 ta’ April 2009 l-kumpannija fuq iċċitata kienet fdat lil ETYE bil-kostruzzjoni ta’ tliet vaguni biss ta’ tul ta’ 27 [metru] għat-trasport ta’ karozzi, b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni ta’ EUR 510000 biss”. |
|
59. |
Issa, jidhirli li dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jitqiesu li jixbhu lil dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et ( 37 ), li jirrigwardaw l-attività ta’ tħaffir ta’ Amalgamated Construction Co Ltd ( 38 ) fis-sit tal-mini ta’ Prince of Wales li kienet organizzata taħt il-forma ta’ entità ekonomika qabel is-subappaltar ta’ din l-attività minn din l-impriża lil AMS. |
|
60. |
Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa li “[l]-fatt li ACC baqgħet dejjem l-unika parti kontraenti ta’ RJB Mining (UK) u li hija tat b’subappalt il-kuntratti ta’ xogħol lil AMS ma jistax, fih innifsu, jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva [77/187]. Fil-fatt, minn naħa, it-trasferiment jew le tal-klijentela bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jikkostitwixxi biss element fost oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment (sentenza [tat-18 ta’ Marzu 1986], Spijkers [ ( 39 )], punt 13)” ( 40 ). |
|
61. |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “fis-sentenza [tad-19 ta’ Settembru 1995], Rygaard [ ( 41 )], sitwazzjoni li fiha impriża ttrasferixxiet lil impriża oħra wieħed mis-siti tagħha bil-għan tat-tħaddim tagħha filwaqt li poġġiet għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar uħud mill-ħaddiema u mill-materjal intiż sabiex tiżgura t-twettiq ta’ xogħol pendenti ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [77/187]. Madankollu, din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik ta’ din il-kawża peress li AMS ingħatat subappalt ta’ kuntratti ta’ xogħol sħaħ. Barra minn hekk, fil-punt 21 tas-sentenza [tad-19 ta’ Settembru 1995], Rygaard [ ( 42 )], il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li trasferiment ta’ sit bil-għan tat-tħaddim tiegħu jista’ jaqa’ taħt [din] id-direttiva jekk ikun akkumpanjat minn trasferiment ta’ entità organizzata ta’ elementi li jippermettu t-tkomplija tal-attivitajiet jew ta’ ċerti attivitajiet tal-impriża ċedenti b’mod stabbli. Għalhekk, il-fatt li ACC tat b’subappalt lil AMS it-twettiq ta’ xogħol ta’ tħaffir partikolari biss ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-[imsemmija] direttiva jekk jiġi stabbilit li fl-okkażjoni ta’ din l-operazzjoni, AMS kienet akkwistat mingħand ACC il-mezzi organizzati li jippermettulha teżerċita fit-tul l-attività ta’ tħaffir tagħha fil-mini ta’ Prince of Wales” ( 43 ). |
|
62. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet u mill-konstatazzjoni li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax il-fatti b’mod suffiċjenti jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, preliminarjament, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jekk fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u speċjalment dawk dwar l-għoti ta’ xogħol, l-identità tal-entità ttrasferita nżammitx grazzi għat-trasferiment ta’ entità organizzata ta’ elementi li tippermetti t-tkomplija tal-attivitajiet tal-impriża ċedenti, b’mod stabbli. |
|
63. |
Jekk jitqies, f’dan l-istadju, li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, xorta għandha tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-assenza ta’ awtonomija funzjonali tal-entità ttrasferita. |
3. Fuq l-awtonomija tal-entità ttrasferita wara t-trasferiment
|
64. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkunsidrat, qabelxejn, li l-attività eżerċitata kienet ikklassifikata, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ diversi kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja jvarja skont din il-klassifikazzjoni ( 44 ). |
|
65. |
F’dan il-każ, mid-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-użu ta’ tagħmir indispensabbli għall-produzzjoni ( 45 ), jista’ jiġi dedott li t-trasferiment inkwistjoni twettaq f’settur fejn l-attività ma hijiex essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema. |
|
66. |
Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-attività ekonomika kontenzjuża, jiġifieri d-direttorat tal-materjal ferrovjali, teħtieġ li tibbenefika mis-sostenn ta’ erba’ diviżjonijiet ta’ produzzjoni, jiġifieri installazzjoni ta’ laminazzjoni, installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ pajpijiet, mastrudaxxa u ċentru ta’ makkinarju, bħat-tliet direttorati l-oħra dipendenti ta’ ENAE. |
|
67. |
Għalhekk, fir-rigward tal-kwistjoni prinċipali tal-qorti tar-rinviju dwar il-fatt li l-assi korporali indispensabbli għall-iżvolġiment tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqgħu dejjem proprjetà ta’ ENAE, tista’ tingħata r-risposta li din il-konstatazzjoni ma tistax twassal għall-esklużjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża fis-sens tad-Direttiva 2001/23, peress li f’ċirkustanzi analogi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-kwistjoni dwar jekk il-proprjetà tal-assi korporali hijiex ittrasferita ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni [ta’ din id-]direttiva” ( 46 ). |
|
68. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-fatt li l-assi korporali meħuda mill-imprenditur il-ġdid ma humiex tal-predeċessur tiegħu, iżda kienu sempliċement tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-awtorità kontraenti ma jistax iwassal għall-esklużjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża fis-sens tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza [tal-20 ta’ Novembru 2003], Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 42). Minn dan isegwi li […] interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sitwazzjoni li fiha l-assi korporali indispensabbli għat-twettiq tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu dejjem jappartjenu liċ-ċessjonarju, iċċaħħad lill-imsemmija direttiva minn parti mill-effettività tagħha” ( 47 ). |
|
69. |
Finalment, fir-rigward tal-mod ta’ finanzjament ( 48 ) bħan-nuqqas ta’ awtonomija organizzattiva wara t-trasferiment ( 49 ), invokati fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn l-elementi ma humiex fihom innifishom ta’ natura li jeskludu l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23. |
|
70. |
Fil-fatt, f’sitwazzjoni li tista’ tkun simili għal dik tal-kawża prinċipali ( 50 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “mill-punti 46 u 47 tas-sentenza [tat-12 ta’ Frar 2009,] Klarenberg [ ( 51 )], jirriżulta li ż-żamma mhux tal-organizzazzjoni speċifika imposta mill-imprenditur għad-diversi fatturi ta’ produzzjoni ttrasferiti, iżda tar-rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplimentarjetà bejn dawn il-fatturi li tikkostitwixxi l-element rilevanti sabiex jiġi konkluż li tkun inżammet l-identità tal-entità ttrasferita. B’hekk, iż-żamma ta’ tali rabta funzjonali bejn id-diversi fatturi ttrasferiti tippermetti liċ-ċessjonarju juża lil dawn tal-aħħar, anki jekk dawn huma integrati, wara t-trasferiment, fi struttura organizzattiva ġdida differenti, sabiex ikompli attività ekonomika identika jew analoga (ara s-sentenza [tat-12 ta’ Frar 2009,] Klarenberg [ ( 52 )], punt 48)” ( 53 ). |
|
71. |
Għalhekk, jidhirli li huwa essenzjali li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk inżammitx rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplimentarjetà bejn id-diversi fatturi ta’ produzzjoni ttrasferiti sabiex titkompla attività ekonomika identika jew analoga ( 54 ). |
|
72. |
Fi kliem ieħor, huwa suffiċjenti li jiġi ddeterminat jekk, fil-mument tat-trasferiment, l-attività preċedenti, eżerċitata taħt ir-responsabbiltà ta’ ENAE, kinitx intiża li tinżamm b’mezzi xierqa taħt tmexxija ġdida u, kif tfakkar preċedentement, ftit huwa importanti jekk l-elementi ta’ attiv imqiegħda għad-dispożizzjoni miċ-ċedent jintużawx esklużivament għall-benefiċċju tal-attività ttrasferita. Għaldaqstant, is-suċċess tal-attività ekonomika wara t-trasferiment, li dwaru tistaqsi l-qorti tar-rinviju, ma huwiex meqjus bħala kriterju rilevanti fid-dawl tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23. |
4. Fuq l-intenzjoni taċ-ċedent u taċ-ċessjonarju waqt it-trasferiment tal-attività
|
73. |
Jekk wara l-verifiki msemmija fil-punti preċedenti ( 55 ), il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li f’dan il-każ il-kriterji tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ parti minn impriża huma ssodisfatti, jibqa’ li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti mill-konstatazzjoni ta’ din il-qorti, li “[s]a mill-bidu, id-destin ta’ ETYE bħala kumpannija kien predeterminat u jwassal għal likwidazzjoni tagħha”, filwaqt li bejn l-2006 u l-2007 eżistiet attività kemxejn dgħajfa ( 56 ). |
|
74. |
Dan ma jirrigwardax, kif issostni ENAE, l-istabbiliment ta’ kundizzjoni ġdida li tirrigwarda s-suċċess ekonomiku tat-trasferiment jew li twassal sabiex tikkontesta l-kundizzjonijiet tiegħu f’każ ta’ waqfien sussegwenti tal-attività deċiż miċ-ċessjonarju. Fil-fatt, il-libertà taċ-ċessjonarju li jittermina l-attività wara t-trasferiment tagħha ma għandhiex tiġi a priori kkontestata. |
|
75. |
Kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja u kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23, “din ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li l-persuna li timpjega tkun tista’ timmodifika relazzjonijiet ta’ xogħol f’sens sfavorevoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija u l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni. L-imsemmija direttiva tipprojbixxi, biss, li tali modifiki jseħħu meta jseħħ u minħabba t-trasferiment” ( 57 ). |
|
76. |
B’mod iktar preċiż, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, hija d-deċiżjoni taċ-ċedent konkomitanti għat-trasferiment li juża dan it-trasferiment bħala mezz sabiex jittermina l-attività ttrasferita li tagħha huwa kien responsabbli, bil-għan li jaħrab mill-obbligi tiegħu ta’ protezzjoni tal-impjegati ( 58 ), li tipprekludi li dan jitqies li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23. |
|
77. |
Għalhekk, ftit huwa importanti li attività setgħet titkompla wara t-trasferiment tal-attività ekonomika jekk jiġi stabbilit li din ma kinitx intiża li tkun stabbli u li kienet organizzata waqt it-trasferiment f’kundizzjonijiet ta’ natura li jipprovokaw il-falliment tagħha. |
|
78. |
Fi kliem ieħor, il-konstatazzjoni tat-tul tal-attività ma hijiex importanti daqs dik dwar is-setgħat mogħtija lill-entità ttrasferita sabiex tkompli teżerċitaha għal perijodu fil-prinċipju indeterminat. F’dan ir-rigward, it-terminazzjoni pprogrammata tal-kuntratti, mingħajr dinamika kummerċjali ta’ żvilupp ta’ klijentela jew diversifikazzjoni tal-kompiti, tista’ tkun indizju tal-assenza ta’ perspettiva ta’ stabbiltà waqt it-trasferiment. L-istess jista’ jingħad f’każ ta’ antiċipazzjoni tal-organizzazzjoni mill-ġdid tal-persunal ta’ sorveljanza tal-ħaddiema jew tal-ħinijiet tax-xogħol tagħhom jew anki tan-numru tagħhom, li jipprekludi t-tkomplija tal-eżerċizzju tal-attività. Għalhekk, jidhirli li hija l-għażla, fil-mument tat-trasferiment, tal-mezzi intiżi sabiex jintlaħaq dan il-għan li hija determinanti. |
|
79. |
Fi kwalunkwe każ, li jiġi kkunsidrat li t-tul tat-tkomplija tal-attività ekonomika huwa element ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment imur kontra l-għan ta’ protezzjoni tal-impjegati enfasizzat b’mod kostanti mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 59 ) u huwa ta’ natura li jiffavorixxi l-applikazzjoni abbużiva tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 60 ). |
|
80. |
Barra minn hekk, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ ftehim intiż li jittermina l-attività, filwaqt li ma jiġix implimentat fir-realtà, peress li f’dan il-każ huwa teoretiku ħafna li din l-attività titkompla b’mod stabbli, twassal għal soluzzjoni li ugwalment tmur kontra l-għan ta’ din id-direttiva. |
|
81. |
Minn dan isegwi li, jekk jiġi stabbilit li, waqt it-trasferiment, l-għan li ried jintlaħaq miċ-ċedent u miċ-ċessjonarju ma kienx li titkompla l-attività ttrasferita, iżda li jevitaw l-obbligi ta’ protezzjoni tal-impjegati li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali, dan it-trasferiment ma jistax jaqa’ taħt l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23. |
|
82. |
F’dan il-każ, il-protezzjoni tal-impjegati jidhirli li tiġġustifika wkoll l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jissanzjonaw l-eventwali konsegwenzi dannużi ta’ tali manuvri. |
|
83. |
Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jiena tal-opinjoni li, sakemm tiġi stabbilita l-intenzjoni, waqt it-trasferiment tal-entità ekonomika, li titkompla attività ekonomika, l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tista’ tapplika f’sitwazzjoni fejn il-parti mill-impriża jew min-negozju ttrasferita ma żżommx l-awtonomija tagħha mill-perspettiva organizzattiva, bil-kundizzjoni li tinżamm ir-rabta funzjonali bejn il-fatturi differenti ta’ produzzjoni ttrasferiti u li ċ-ċessjonarju jkun jista’ juża lil dawn tal-aħħar sabiex jeżerċita b’mod stabbli attività ekonomika identika jew analoga, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika. |
IV. Konklużjoni
|
84. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Areios Pagos (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, il-Greċja) bil-mod kif ġej: L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas‑salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm tiġi stabbilita l-intenzjoni, waqt it-trasferiment tal-entità ekonomika, li titkompla attività ekonomika, din id-direttiva tista’ tapplika f’sitwazzjoni fejn il‑parti mill-impriża jew min-negozju ttrasferita ma żżommx l-awtonomija tagħha mill-perspettiva organizzattiva, bil-kundizzjoni li tinżamm ir-rabta funzjonali bejn il-fatturi differenti ta’ produzzjoni ttrasferiti u li ċ-ċessjonarju jkun jista’ juża dawn tal-aħħar sabiex jeżerċita b’mod stabbli attività ekonomika identika jew analoga, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 1998, L 201, p. 88.
( 3 ) ĠU 1977, L 61, p. 26.
( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98.
( 5 ) Chantiers navals SA, skont l-espressjoni użata fit-traduzzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Grieg.
( 6 ) Ser nuża hawnhekk il-konvenzjoni tal-kitba magħżula fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:903). Madankollu, fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:315), kif ukoll fis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ellinika Nafpigeia vs Il-Kummissjoni (C‑246/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:133), il-kumpannija kienet imsejħa “EN”.
( 7 ) FEK A’ 162/12.7.2002, iktar ’il quddiem id-“Digriet Presidenzjali 178/2002”. Din il-qorti tippreċiża li l-Artikolu 11 ta’ dan id-digriet ħassar id-Digriet Presidenzjali 572/1988 (FEK A’ 269) li kien fis-seħħ preċedentement, li kien armonizza l-leġiżlazzjoni Griega mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/187, kif emendata bid-Direttiva 98/50, qabel ma kienet ikkodifikata bid-Direttiva 2001/23.
( 8 ) FEK A’ 67/18.3.1920.
( 9 ) Din hija tarzna importanti fil-Mediterran.
( 10 ) Għal storja dettaljata, ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:903, punti 3 sa 7).
( 11 ) Ara wkoll il-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 12 ) Il-kumpannija tal-materjal ferrovjali ta’ Grèce SA.
( 13 ) Il-kumpannija tal-ferroviji Griega.
( 14 ) Il-kumpannija tal-ferroviji elettromobili ta’ Ateni u ta’ Piraeus.
( 15 ) Ara wkoll, il-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 16 ) Kuntratti tal-31 ta’ Jannar 2007, li jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ ENAE parti mill-persunal tagħha, u tat-8 ta’ Novembru 2007, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali tas-self ta’ persunal, li kien emendat b’att tat-22 ta’ Ottubru 2008.
( 17 ) Kuntratt tat-30 ta’ Awwissu 2007. Ara wkoll il-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 18 ) Kuntratti tat-30 ta’ Awwissu u tas-27 ta’ Settembru 2007.
( 19 ) Kuntratt tas-27 ta’ Settembru 2007.
( 20 ) Mis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:903, punti 8, 11 u 13) jirriżulta li fil-perijodu 2008-2010 mill-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Ellenika lil ENAE lit-tarzni bbenefikaw esklużivament l-attivitajiet ċivili ta’ kostruzzjoni ta’ vapuri u li l-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Ellenika u ENAE laħqu, wara negozjati matul il-perijodu minn Ġunju sa Ottubru 2010 u ittri ta’ impenn minn ENAE u mir-Repubblika Ellenika, datati rispettivament is-27 u d-29 ta’ Ottubru 2010, ftehim li jipprovdi li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/610/KE tat-2 ta’ Lulju 2008 dwar l-għajnuna C 16/04 (ex NN 29/04, CP 71/02 u CP 133/05) mogħtija mill-Greċja lill-impriża Hellenic Shipyards SA (ĠU 2009, L 225, p. 104), dwar għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, għandha titqies bħala li ġiet implimentata b’mod korrett, bla ħsara għar-rispett ta’ diversi impenji, fosthom l-interruzzjoni tal-attivitajiet ċivili ta’ ENAE għal perijodu ta’ ħmistax-il sena, mill-1 ta’ Ottubru 2010.
( 21 ) Dan l-element kien sostnut minn tliet membri tal-qorti tar-rinviju, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-opinjoni tagħhom fit-talba għal deċiżjoni preliminari (ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 22 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 23 ) Ara l-premessa 3 u l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.
( 24 ) Din ir-riżerva tirriżulta mill-fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, tliet membri tal-awla rrilevaw li, “matul is-sentejn u nofs ta’ funzjonament tagħha wara t-trasferiment, ETYE ma pproduċiet ebda xogħol, u fi kwalunkwe każ, dak li hija pproduċiet kien wisq dgħajjef u wassal għall-falliment tagħha”.
( 25 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza (C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza (C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 29, l-ewwel sentenza, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-istorja leġiżlattiva, ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 40).
( 28 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza (C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 29, it-tieni sentenza, u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza (C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bħala eżempju tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, ara b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 31).
( 30 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza (C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 21), fil-każ ta’ “trasferiment bejn żewġ kumpanniji tal-istess grupp li għandhom l-istess proprjetarji, l-istess tmexxija, l-istess uffiċċji u li jagħmlu l-istess xogħol”.
( 33 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet u s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 35).
( 37 ) C‑234/98, EU:C:1999:594.
( 38 ) Iktar ’il quddiem “ACC”. Fil-punt 4 ta’ din is-sentenza ġie ppreċiżat li “ACC hija sussidjarja ta’ AMCO Corporation plc (iktar ’il quddiem il-“grupp AMCO”) li kellha 100 % tal-kapital. Il-grupp AMCO jinkludi tnax-il kumpannija, fosthom sussidjarja oħra li tappartjeni lilu 100 %, AM Mining Services Ltd (iktar ’il quddiem “AMS”). AMS kienet stabbilita fl-1993 bil-għan li tiżgura kompiti marbuta mal-għeluq ta’ ħofor bħall-manutenzjoni u l-mili ta’ xaftijiet. Għal dan il-għan hija rreklutat in-nies tagħha stess, li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom kienu differenti minn dawk ta’ ACC u b’mod partikolari, ferm inqas favorevoli għall-impjegati. Minkejja li ACC u AMS jikkostitwixxu entitajiet ġuridiċi distinti, id-diretturi tagħhom huma l-istess u l-funzjonijiet amministrattivi u loġistiċi ta’ dawn iż-żewġ impriżi huma assunti b’mod komuni mill-grupp AMCO”. Fil-punt 5 tal-istess sentenza ġie stabbilit li: “AMS iddiversifikat progressivament l-attività tagħha billi kisbet kompiti aċċessorji għax-xogħol ta’ toroq sotterranji fdati lilha, bħat-tindif u l-manutenzjoni ta’ galleriji. B’mod partikolari, hija wettqet dawn il-kompiti ġodda fis-sit tal-mini ta’ Prince of Wales, f’Yorkshire (ir-Renju Unit). ACC kienet diġà preżenti fuq dan is-sit fejn hija wettqet xogħlijiet ta’ tħaffir għan-nom tal-kumpannija nazzjonali tal-mini tal-faħam Brittanika British Coal, u mbagħad wara l-privatizzazzjoni ta’ din tal-aħħar u l-bejgħ ta’ parti mill-attiv tagħha, għan-nom ta’ RJB Mining (UK) Ltd”.
( 39 ) 24/85, EU:C:1986:127.
( 40 ) Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 31, l-ewwel żewġ sentenzi).
( 41 ) C‑48/94, EU:C:1995:290.
( 42 ) C‑48/94, EU:C:1995:290.
( 43 ) Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 37).
( 44 ) Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 45 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios (C‑509/14, EU:C:2015:781, punti 36 u 37).
( 46 ) Sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza (C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 37). Ara, ukoll, il-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll, bħala eżempju, it-tliet sentenzi li ġejjin: sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594 punt 30. Din il-kawża kienet tirrigwarda tħaffir ta’ mini li jeħtieġ materjal u installazzjonijiet kbar. F’dan is-settur ta’ attività, kienet prattika li l-essenzjal tal-attiv neċessarju għat-twettiq ta’ xogħol ta’ tħaffir jiġi pprovdut mill-proprjetarju tal-mina stess. Għalhekk, is-subappaltatur seta’ juża t-tagħmir imqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu minnu), sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 32. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ trasport, li ma kienx importanti li l-materjal ikkonċernat kien użat kemm għat-twettiq ta’ titjiriet regolari kif ukoll għat-titjiriet ċarter inkwistjoni), u tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios (C‑509/14, EU:C:2015:781, punti 36 sa 38. F’dan il-każ, impriża pubblika responsabbli minn attività ta’ mmaniġġjar ta’ unitajiet ta’ trasport intermodali kienet fdat, permezz ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tas-servizzi pubbliċi, impriża oħra bl-eżekuzzjoni ta’ din l-attività filwaqt li qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar l-assi indispensabbli, jiġifieri krejns u faċilitajiet).
( 47 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios (C‑509/14, EU:C:2015:781, punti 39 u 40).
( 48 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon (C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 49 ) Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punti 34 u 35), tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85, punti 43, 44 u 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:12, punti 47 sa 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 50 ) Din tirrigwarda trasferiment bejn kumpanniji. Fil-punt 23 tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565), huwa ppreċiżat li l-kwistjoni tirrigwarda “sitwazzjoni li fiha impriża attiva fis-suq tat-titjiriet ċarter tiġi stralċata mill-azzjonist maġġoritarju tagħha, li huwa, huwa nnifsu, impriża tat-trasport bl-ajru, u li fiha, sussegwentement, din tal-aħħar tieħu post l-impriża stralċata billi tassumi l-kuntratti tal-kiri ta’ ajruplani u l-kuntratti tat-titjiriet ċarter li għad iridu jsiru, teżerċita attivitajiet li qabel kienu eżerċitati mil-impriża stralċata, tintegra mill-ġdid ċerti ħaddiema li sa dak iż-żmien kienu impjegati ma’ din l-impriża billi tagħtihom funzjonijiet identiċi għal dawk eżerċitati qabel, u tieħu tagħmir żgħir tal-imsemmija impriża”.
( 51 ) C‑466/07, EU:C:2009:85.
( 52 ) C‑466/07, EU:C:2009:85.
( 53 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punti 33 u 34).
( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 48), u tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 44).
( 55 ) Punti 62 u 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 56 ) Ara, b’paragun, il-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 57 ) Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon (C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/187, li jikkorrispondi għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23).
( 58 ) Ara l-punti 39 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 59 ) Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 u, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2018, Somoza Hermo u Ilunión Seguridad (C‑60/17, EU:C:2018:559, punt 26).
( 60 ) Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħadd ma jista’ jinvoka r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal finijiet frawdolenti jew abbużivi. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:813, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).