KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2019 ( 1 )

Kawża C-644/17

Eurobolt BV

partijiet magħquda:

Staatssecretaris van Financiën

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi il-Baxxi))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 267 TFUE — Invalidità — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għal rimedju effettiv — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju nazzjonali ta’ miżura tal-Unjoni — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 15(2) — Regolament (UE) Nru 723/2011 — Evażjoni ta’ miżuri anti-dumping — Protezzjoni kontra d-dumping — Konsultazzjoni mal-Istati Membri — Kunċett ta’ ‘informazzjoni rilevanti’ — Ksur ta’ limitu ta’ żmien”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba tal-lum għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u l-validità tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011 tat-18 ta’ Lulju 2011 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le ( 3 ). B’mod partikolari l-kwistjoni kritika li tirriżulta minn dan ir-rinviju hija jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ ċerti salvagwardji proċedurali previsti mill-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku jistax iwassal għall-annullament tar-regolament ta’ implimentazzjoni.

2.

It-talba saret fi proċeduri bejn Eurobolt BV u Staatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) dwar l-impożizzjoni ta’ dazji għall-importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar għall-Unjoni Ewropea.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-regolament bażiku

3.

L-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping kienet, fiż-żmien meta saret, irregolata mid-dokument bażiku.

4.

L-ewwel nett, ikun konvenjenti tinġibed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-premessa 12 tar-regolament bażiku:

“Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit il-mod li fih il-partijiet interessati għandhom jiġu mogħtija notifikazzjoni ta’ l-informazzjoni li l-awtoritajiet jeħtieġu, u għandu jkollhom opportunità biex jippreżentaw l-evidenza kollha rilevanti u biex jiddefendu l-interessi tagħhom. Huwa wkoll mixtieq li jiġu stabbiliti b’mod ċar ir-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti matul l-investigazzjoni, b’mod partikolari r-regoli li permezz tagħhom il-partijiet interessati għandhom jagħmlu lilhom nfushom magħrufa, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jissottomettu informazzjoni f’limiti ta’ żmien speċifikati, jekk għandha tingħata attenzjoni għall-opinjonijiet bħal dawn u għal informazzjoni bħal din. Huwa wkoll xieraq li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet li taħthom parti interessata jista’ jkollha aċċess għal, u li tikkummenta fuq, l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet oħra interessati. Għandu wkoll ikun hemm koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-ġbir ta’ l-informazzjoni.”

5.

Ikun utli wkoll jitfakkar li l-premessa 25 tar-regolament bażiku tipprovdi li:

“L-informazzjoni li tingħata lill-Istati Membri fil-Kumitat Konsultattiv hi ħafna drabi ta’ natura teknika ferm u tinvolvi analiżi ekonomika u legali elaborata. Biex tagħti biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jikkunsidraw din l-informazzjoni, [hija] għandha tintbagħat […] fi żmien xieraq qabel id-data tal-laqgħa ffissata mill-President tal-Kumitat Konsultattiv.”

6.

L-Artikolu 13 tar-regolament bażiku, bit-titolu “Evażjoni”, jipprovdi:

“1.   Id-dazji ta’ kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kemm jekk le; jew għal importazzjonijiet ta’ prodotti simili ftit modifikati mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew għal partijiet minnhom, meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. Id-dazji ta’ kontra d-dumping li ma jeċċedux [i]d-dazju residwu ta’ kontra d-dumping impost skond l-Artikolu 9(5) jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjiżi li huma suġġetti għall-miżuri fejn qed [tkun] titwettaq l-evażjoni. Evażjoni għandha tiġi mfissra bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Komunità, li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom [ikun] hemm raġuni tajba jew [minn] ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju [jkunu] qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew [tal]-kwantitajiet ta’ prodott simili, u fejn ikun hemm xhieda ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2.

[…]

3.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ l-Istati Membri jew xi parti interessata fuq il-bażi ta’ xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu ta’ l-investigazzjonijiet għandu jsir, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jista’ ukoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li jitolbu garanziji. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista’ tkun assistita minn awtoritajiet doganali u għandhom jintemmu fi żmien disa’ xhur. Meta l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta tiġi adottata mill-Kunsill kemm-il darba ma jiddeċiedix b’maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xahar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. L-estensjoni tibda’ sseħħ mid-data li fiha [tkun] ġiet imposta r-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li fiha [jkunu] ġew mitluba l-garanziji. Id-disposizzjonijiet rilevanti dwar proċedura ta’ dan ir-Regolament rigward il-bidu u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet għandhom jgħoddu bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu.

[…]”

7.

L-Artikolu 15 tar-regolament bażiku, bit-titolu “Konsultazzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Kwalunkwe konsultazzjonijiet li jagħmel tajjeb għalihom dan ir-Regolament għandhom iseħħu fi ħdan Kumitat Konsultattiv li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ kull Stat Membru, b’rappreżentant tal-Kummissjoni bħala president. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru immedjatament fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u fi kwalunkwe każ fi żmien perjodu ta’ żmien li jippermetti li l-limiti ta’ żmien stabbiliti minn dan id-Regolament jiġu segwiti.

2.   Il-Kumitat jiltaqa’ meta jiġi msejjaħ mill-president tiegħu. Għandu jibgħat lill-Istati Membri, kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem utli qabel il-laqgħa, l-informazzjoni rilevanti kollha.

3.   Fejn ikun hemm bżonn, konsultazzjoni tista’ tkun bil-miktub biss; f’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri u għandha tispeċifika perjodu li fi żmienu għandhom ikunu intitolati li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom jew li jitolbu konsultazzjoni orali li l-president għandu jirranġa, sakemm konsultazzjoni orali bħal din tista titwettaq fi żmien perjodu ta’ żmien li jippermetti li l-limiti ta’ żmien stabbiliti minn dan ir-Regolament jiġu segwiti.

4.   Il-Konsultazzjoni għandha tkopri, b’mod partikolari:

(a)

l-eżistenza ta’ dumping u l-metodi li jistabilixxu l-marġini ta’ dumping;

(b)

l-eżistenza u l-grad tal-ħsara;

(c)

ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u l-ħsara;

(d)

il-miżuri li, fiċ-ċirkustanzi, huma xierqa biex jipprevjenu jew jirrimedjaw il-ħsara kkawżata minn dumping u l-mezzi u l-metodi ta’ tqegħid fis-seħħ ta’ dawn il-miżuri.”

B.   Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 723/2011

8.

Fis-26 ta’ Jannar 2009 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 91/2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 4 ).

9.

Permezz tar-Regolament (UE) Nru 966/2010 il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 13(3) tar-regolament bażiku, iddeċidiet tibda investigazzjoni dwar l-evażjoni li seta’ kien hemm ta’ miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament Nru 91/2009 permezz ta’ trasbord fil-Malasja ( 5 ).

10.

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 966/2010 l-importazzjonijiet għall-Unjoni Ewropea ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja kellhom ikunu rreġistrati mill-awtoritajiet doganali.

11.

Permezz tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 773/2011 id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina kien estiż għal ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Malasja jew le.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

12.

Eurobolt hija kumpannija li l-uffiċċju reġistrat tagħha jinsab f’s-Heerenberg (il-Pajjiżi l-Baxxi). Tinnegozja fi qfieli tal-azzar u tal-ħadid, li hija tixtri mill-Asja biex tbigħhom fl-Unjoni Ewropea.

13.

Wara li kienu imposti b’mod definittiv dazji anti-dumping fuq ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikklassifikati skont il-kodiċi CN 7318 li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz tar-Regolament Nru 91/2009, ir-rikorrenti wara xtrat qfieli simili mingħand żewġ fornituri stabbiliti fil-Malasja, jiġifieri TZ Fasteners (iktar ’il quddiem “TZ”) u HBS Fasteners Manufacturing (iktar ’il quddiem “HBS”).

14.

Fil-perijodu bejn id-29 ta’ Ottubru 2010 u l-4 ta’ Awwissu 2011 l-applikanti għamlet tnejn u tletin dikjarazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi għar-rilaxx ta’ qfieli tal-azzar f’ċirkulazzjoni libera, li kienu nxtraw mingħand HBS u TZ. Il-Malasja ssemmiet bħala l-pajjiż ta’ oriġini. Skont ir-Regolament Nru 966/2010 l-awtoritajiet doganali rreġistraw dawk il-qfieli u rrilaxxawhom għal ċirkolazzjoni libera mingħajr ma talbu l-ħlas ta’ dazji anti-dumping.

15.

Wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament il-Kummissjoni ddeċidiet tiftaħ investigazzjoni. Dan kien ikkomunikat formalment lill-awtoritajiet Ċiniżi u Malasjani, flimkien ma’ importaturi magħrufa minn dawk il-pajjiżi li wieħed minnhom kienet Eurobolt u industriji rilevanti mal-Unjoni Ewropea kollha.

16.

HBS u TZ għamlu lilhom innifishom magħrufa mal-Kummissjoni dwar dik l-investigazzjoni u bagħtu t-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju dwar l-anti-dumping. Eurobolt ukoll għamlet lilha nnifisha magħrufa bħala parti interessata.

17.

B’ittra tas-26 ta’ Mejju 2011 il-Kummissjoni bagħtet lil Eurobolt dak li hija kienet sabet preliminarjament fl-investigazzjoni. Fit-13 ta’ Ġunju 2011 ir-rikorrenti wieġbet bil-miktub għal dik l-ittra fil-limitu ta’ żmien li kien stabbilit lilha. Il-Kumitat Konsultattiv iltaqa’ fil-15 ta’ Ġunju 2011.

18.

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011 id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar miċ-Ċina kien estiż għal ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Malasja jew le. Il-qfieli mixtrija mill-applikanti ma kinux, għalhekk, meħlusa mid-dazju.

19.

Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-regolament l-Ispettur impona kontrolli wara l-importazzjoni fuq ir-rikorrenti. Kien ġie impost ħlas ta’ EUR 587 802.20 f’dazji anti-dumping.

20.

Wara li l-uffiċċju doganali ta’ Nijmegen ma laqax l-ilment ta’ Eurobolt, ir-rikorrenti fetħet kawża ta’ annullament quddiem il-qrati nazzjonali. It-talba kienet miċħuda kemm mir-Rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ Fuq, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ukoll mill-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Eurobolt imbagħad ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi). Kienet dik il-qorti li għamlet dan ir-rinviju.

21.

F’dak l-appell Eurobolt l-ewwel invokat l-invalidità tar-Regolament Nru 773/2011 skont il-kriterji previsti fl-Artikolu 13 tar-regolament bażiku. It-tieni nett, Eurobolt issottomettiet li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tagħha ta’ difiża matul l-investigazzjoni minħabba li l-Kumitat Konsultattiv ma kinitx wasslitlu l-informazzjoni rilevanti kollha mibgħuta minn Eurobolt lill-Kummissjoni mill-inqas 10 ijiem utli qabel il-laqgħa tiegħu, kuntrarju għall-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku.

22.

F’dak il-kuntest il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) għandu dubji dwar l-iskop tax-xogħol li jkollhom jagħmlu l-qrati nazzjonali meta jistħarrġu atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-iktar b’riferiment għall-Artikolu 47 tal-Karta. Il-kwistjoni l-oħra li tinqala’ hija jekk it-tweġiba tar-rikorrenti għal dak li sabu l-investigazzjonijiet għandhiex titqies bħala “informazzjoni rilevanti” kif stabbilita fl-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku u, jekk huwa hekk, x’konsegwenzi jsegwu l-allegazzjoni li, kuntrarjament għal dispożizzjonijiet stipulati, il-Kumitat Konsultattiv ma kinux waslulu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni mill-inqas 10 ijiem utli qabel ma ltaqa’.

IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1(a)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna kkonċernata tista’ tinvoka l-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, tat-Trattati jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tagħhom jew mal-użu ħażin ta’ poter insostenn tal-kontestazzjoni tagħha tal-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li għandu jiġi implementat minn awtoritajiet nazzjonali?

1(b)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li pparteċipaw fit-tfassil ta’ att li l-validità tiegħu hija kkontestata fi proċedura quddiem il-qorti nazzjonali huma obbligati li jikkomunikaw lil din tal-aħħar, fuq talba, l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħhom u li ħadu jew li jmisshom ħadu inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni ta’ dan l-att?

1(c)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal rimedju effettiv jimponi fuq il-qorti li tivverifika, mingħajr ebda riżerva, l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009? Dan l-Artikolu 47 jimplika, b’mod partikolari, li din il-qorti hija kompetenti sabiex tevalwa b’mod sħiħ jekk il-konstatazzjoni tal-fatti kinitx eżawrjenti u jekk din hijiex adegwata fir-rigward tal-konsegwenzi legali li ġew invokati? B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni timplika wkoll li din il-qorti hija kompetenti sabiex tevalwa b’mod sħiħ jekk kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti li allegatament ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċess deċiżjonali, iżda li setgħu jċaħħdu mill-effett tagħhom il-konsegwenzi legali marbuta mal-fatti li kienu tassew ittieħdu inkunsiderazzjoni?

2(a)

Il-kunċett ta’ ‘informazzjoni rilevanti kollha’ fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu l-osservazzjonijiet li importatur indipendenti, stabbilit fl-Unjoni, tal-prodotti li huma s-suġġett tal-investigazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, ikun ippreżenta bħala tweġiba għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, jekk dan l-importatur ikun ġie informat mill-Kummissjoni dwar din l-investigazzjoni, ikun ikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba u jkun wieġeb fil-ħin għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni wara li jkun ingħata l-opportunità sabiex jagħmel dan?

2(b)

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda 2a, dan l-importatur jista’ jinvoka l-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 jekk l-osservazzjonijiet li huwa jkun ippreżenta bħala tweġiba ma jkunux tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kumitat Konsultattiv previst f’din id-dispożizzjoni tal-inqas 10 ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa ta’ dan tal-aħħar?

2(c)

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda 2b, dan il-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 iwassal għall-illegalità ta’ dan l-att u jirrikjedi li l-applikazzjoni tiegħu tiġi skartata?”

24.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati minn Eurobolt, mill-Gvern Taljan u mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni Ewropea. Fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kellha biżżejjed informazzjoni biex tkun tista’ tiddeċiedi mingħajr ma ssir seduta, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V. Analiżi

A.   Fuq l-ewwel domanda

25.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-iskop tax-xogħol li jkollhom jagħmlu l-qrati nazzjonali meta tinġieb quddiemhom kwistjoni dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni. Ir-risposta għal dawk id-domandi għandha tinstab fil-mekkaniżmu ta’ stħarriġ ġudizzjarju li jipprevali fl-Unjoni Ewropea, li huwa bbażat fuq is-saltna tad-dritt.

1. Stħarriġ ġudizzjarju

26.

Mis-sentenza Les Verts jirriżulta ċar li l-Unjoni Ewropea hija unjoni bbażata fuq is-saltna tad-dritt minħabba li la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jevitaw stħarriġ tal-kwistjoni jekk il-miżuri adottati minnhom ikunux konformi mal-karta kostituzzjonali bażika, mat-Trattat jew mal-liġi li tidderiva minnu ( 6 ). Dan ifisser li “il-partijiet għandhom id-dritt li jikkontestaw quddiem il-qorti l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni” ( 7 ).

27.

Għal dak l-għan it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa, minn naħa, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu u, min-naħa l-oħra, bl-Artikolu 267, sistema sħiħa ta’ rimedji u proċeduri legali maħsuba biex jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-Unjoni Ewropea, u fada stħarriġ bħal dan lill-qrati tal-Unjoni Ewropea ( 8 ).

28.

Għalhekk ma hemmx dubju li stħarriġ ġudizzjarju dwar konformità mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea jkun żgurat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-qrati u t-tribunali tal-Istati Membri. L-Artikolu 19 TUE, li jesprimi b’mod konkret il-valur tas-saltna tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, espliċitament jafda r-responsabbiltà biex ikun żgurat stħarriġ ġudizzjarju fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mhux biss lill-Qorti tal-Ġustizzja iżda wkoll lil qrati u tribunali nazzjonali ( 9 ).

29.

F’dak il-kuntest għandu jitfakkar ukoll, l-ewwel nett, li l-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta huma b’mod ċar relatati. Tabilħaqq, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li huma jipprovdu rimedji tajbin biżżejjed li jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jaqbel mad-dritt stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jipprovdi li kull min jinkisrulu d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkollu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti ( 10 ). It-tieni nett, talbiet għal deċiżjonijiet preliminari li jitolbu li tkun aċċertata l-validità ta’ miżura jikkostitwixxu, bħal azzjonijiet ta’ annullament, mezz biex tkun mistħarrġa l-legalità ta’ atti tal-Unjoni Ewropea ( 11 ).

2. Fuq id-domanda 1(a)

30.

Isegwi minn dan il-kuntest u, fuq kollox, mix-xebh bejn l-azzjoni ta’ annullament u t-talba għal deċiżjoni preliminari li, minħabba li l-Artikolu 267 TFUE ma jgħid xejn dwar din il-kwistjoni, jistgħu jintużaw ir-raġunijiet għal stħarriġ imsemmija fl-Artikolu 263 TFUE biex tiġi invokata l-invalidità tal-att tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni quddiem qorti nazzjonali li jġiegħel lil din tal-aħħar biex titlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ).

31.

Jista’ jiżdied jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi, skond l-Artikolu [267 TFUE)], fuq il-validità ta’ atti meħuda mill-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] ma tistax tiġi limitata bil-motivi li abbażi tagħhom il-validità ta’ l-atti tista’ tkun ikkontestata” ( 13 ). Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, jista’ jkun ukoll argumentat li d-deċiżjoni preliminari dwar il-validità tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex limitata għall-motivi speċifikati għall-azzjoni ta’ annullament ( 14 ).

3. Fuq id-domanda 1(b)

32.

It-tieni parti tal-ewwel domanda hija dwar il-kollaborazzjoni bejn l-imħallef nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom x’jaqsmu f’litigazzjoni. Tabilħaqq, permezz ta’ dik id-domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandux ikun interpretat bħala li jfisser li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom x’jaqsmu fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li l-validità tagħha tkun ikkontestata fi proċeduri quddiem qorti nazzjonali jkunux obbligati jipprovdu lil dik il-qorti, jekk jintalbu jagħmlu hekk, bl-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħhom u x’kien tqies, jew x’kellu jitqies, minnhom meta adottaw dik id-deċiżjoni.

33.

Kif diġà ssemma, l-Artikolu19 TUE espliċitament jafda r-responsabbiltà biex ikun żgurat stħarriġ ġudizzjarju fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja u lil qrati u tribunali nazzjonali. Meta jagħmel hekk, l-Artikolu 19 TUE jikkonferma li l-imħallef nazzjonali jkun l-ewwel imħallef li japplika d-dritt tal-Unjoni ( 15 ).

34.

Għal dak l-għan, jekk l-imħallfin fi qrati nazzjonali ma jkollhomx huma nnifishom kompetenza jiddikjaraw li atti tal-Unjoni jkunu invalidi, ( 16 ) dawk il-qrati jkunu jistgħu jqisu l-validità ta’ att tal-Unjoni. Jekk iqisu li l-motivi mressqa mill-partijiet biex isostnu l-invalidità jkunu mingħajr bażi, huma jkunu jistgħu jirrifjutawhom, billi jikkonkludu li l-miżura tkun għalkollox valida. Min-naħa l-oħra, meta tali qorti tqis li argument wieħed jew iktar għall-invalidità, imressqa mill-partijiet jew, skont il-każ, magħmula motu proprio, ikollhom bażi tajba, hija tkun obbligata tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tal-att ( 17 ).

35.

F’dan il-kuntest, minħabba li l-imħallef nazzjonali għandu jkollu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiggarantixxi l-applikazzjoni u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu wkoll ikollu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jgħaddi għall-eżami preliminari tal-legalità u jevalwa l-ħtieġa li jagħti deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE.

36.

Din hija r-raġuni għaliex, jekk qorti nazzjonali tkun teħtieġ informazzjoni li jistgħu jagħtuha biss istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jitlob, bħala prinċipju, li istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jintalbu jagħmlu hekk mill-qorti nazzjonali, jagħtu dik l-informazzjoni malajr kemm jista’ jkun, sakemm meta jirrifjutaw li jagħtu tali informazzjoni huma jkunu ġġustifikati għal raġunijiet importanti ħafna b’rabta mal-ħtieġa li tkun evitata kull interferenza fil-funzjonament u fl-indipendenza tal-Unjoni jew mal-ħarsien tal-interessi tagħha ( 18 ).

37.

Dan huwa minnu l-iktar minħabba li dik ir-regola hija ġġustifikata għall-fatt li l-Unjoni Ewropea hija unjoni bbażata fuq is-saltna tad-dritt, għar-raġuni li la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jevitaw stħarriġ jekk il-miżuri adottati minnhom ikunux konformi mat-Trattat ( 19 ), u, għalhekk, “l-obbligu ta’ koperazzjoni leali impost fuq istituzzjonijiet [tal-Unjoni] huwa ta’ importanza partikolari fir-rigward l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, li huma responsabbli jiżguraw li d-dritt [tal-Unjoni] jkun applikat u jitħares fis-sistema legali nazzjonali” ( 20 ).

38.

Madankollu, għandu jitfakkar li “l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu, għalhekk, effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi b’riżultat ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jew ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità” ( 21 ). Isegwi minn din il-preżunzjoni li huwa għar-rikorrent li filwaqt li jeċċepixxi l-illegalità juri, fl-ewwel lok, il-probabbiltà tal-allegazzjonijiet tiegħu u li jagħti l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tiegħu.

4. Fuq id-domanda 1(c)

39.

It-tielet parti tal-ewwel domanda hija dwar l-iskop tal-istħarriġ ġudizzjarju. Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tqis l-evalwazzjoni li l-fatti jkunu korretti, iżda wkoll il-kapaċità ta’ evalwazzjoni li l-fatti stabbiliti jkunu kompleti u adegwati.

40.

Għandu jkun osservat f’dan ir-rigward li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod l-iktar partikolari fil-qasam ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom diskrezzjoni wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li jkollhom jeżaminaw. L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali diskrezzjoni għandu, għalhekk, ikun limitat għall-verifika jekk kienx hemm konformità mar-regoli proċedurali, jekk il-fatti li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata kinux iddikjarati b’eżattezza u jekk kienx hemm żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawk il-fatti, jew użu ħażin ta’ setgħat ( 22 ).

41.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qalet dwar l-istħarriġ tal-provi mill-Qorti Ġenerali, “hija l-Qorti Ġenerali li għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll li tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li [kellha] tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din [kinitx] ta’ natura li [kienet] ta’ bażi għall-konklużjonijiet misluta minnha” ( 23 ).

42.

Kif issemma iktar ’il fuq, jekk il-qrati nazzjonali ma jkunux kompetenti minnhom innifishom jiddikjaraw li atti tal-Unjoni jkunu invalidi, dawk il-qrati jistgħu jqisu l-validità ta’ att tal-Unjoni. Għalhekk ma hemm l-ebda raġuni għaliex il-ġurisprudenza ċċitata fil-paragrafu ta’ qabel dan ma tapplikax għal dawk il-qrati.

43.

Minn dan l-aspett, l-imħallef nazzjonali għandu, mingħajr dubju, jitħalla jivverifika jekk kienx hemm konformità mar-regoli proċedurali, jekk il-fatti li fuqhom id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata kinux ġew iddikjarata b’eżattezza, iżda wkoll jekk l-istituzzjoni kompetenti tkunx qieset il-fatti kollha rilevanti.

44.

Meta jagħmel hekk l-imħallef nazzjonali ma jissostitwixxix l-evalwazzjoni tiegħu tal-fatti għal dik tal-istituzzjoni li lilha t-Trattat ikun ta dak il-kompitu; huwa sempliċement jivverifika li dak l-att ikun ġie adottat abbażi ta’ informazzjoni korretta u suffiċjenti li kienet tippermetti ssir evalwazzjoni rilevanti. Dan jidhirli li huwa konsistenti mal-funzjoni ta’ qorti jew tribunal li jkunu kompetenti jistħarrġu l-validità ta’ att.

45.

Għall-kuntrarju, wara li jkun ġabar u vverifika l-fatti rilevanti, minħabba li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom diskrezzjoni wiesgħa fil-qasam ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ, l-imħallef li jistħarreġ il-legalità jista’ biss jevalwa biss jekk hemmx żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew fl-ommissjoni ta’ fatti oħra. L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet sostantivi (skont ir-regolament bażiku) tkun suġġetta għall-istess limitazzjoni.

B.   Fuq it-tieni domanda

46.

Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 723/2011 huwiex invalidu b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku, minħabba li l-osservazzjonijiet li Eurobolt issottomettiet bi tweġiba għal dak li kienet sabet il-Kummissjoni ( 24 ) jekk dik kienet informazzjoni rilevanti skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni ma kinux tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kumitat Konsultattiv mhux iktar tard minn 10 ijiem utli qabel il-laqgħa tiegħu.

1. Fuq id-domanda 2(a)

47.

Ir-regolament bażiku ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni rilevanti”. Jidher, iżda, mill-iskema tar-regolament bażiku li l-frażi “informazzjoni rilevanti kollha” tal-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku tinkludi t-tweġiba ta’ importatur indipendenti tal-oġġetti li jkunu s-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni”.

48.

Tabilħaqq, dazji anti-dumping u l-estensjoni tagħhom f’każ ta’ evażjoni jiġu adottati mill-Kunsill, meta jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta tal-Kummissjoni tkun ibbażata fuq riżultati ta’ investigazzjoni li fiha jkollhom jitqiesu l-fehmiet u l-informazzjoni mogħtija mill-partijiet interessati skont l-Artikolu 5(10) tar-regolament bażiku. L-Artikolu 6(7) ta’ dan ir-regolament iżid jgħid li min jagħmel ilmenti, importaturi u esportaturi u assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, dawk li jużaw il-prodotti inkwistjoni u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li jkunu rrivelaw ruħhom skont l-Artikolu 5(10), ikunu jistgħu, bħala prinċipju, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunkwe parti għal investigazzjoni Skont din id-dispożizzjoni “Partijiet bħal dawn jistgħu jirrispondu għal informazzjoni bħal din u l-kummenti tagħhom għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni, kull fejn huma sostanzjati biżżejjed fit-tweġiba” ( 25 ). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku jipprovdi li “[żvelar] finali għandu jiġi mogħti bil-miktub. Għandu jsir […] kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skond l-Artikolu 9 […]”; u l-Artikolu 20(5) jinnota li “[r]appreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati” jekk jaslu fil-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni li għandu jkun mill-inqas ta’ 10 ijiem.

49.

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 12 tar-regolament bażiku li tisħaq dwar l-importanza tad-drittijiet tad-difiża u l-opportunità għall-partijiet interessati li jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u li jiddefendu l-interessi tagħhom tul il-proċedura kollha.

50.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq huwa ċar li l-informazzjoni, l-osservazzjonijiet u l-fehmiet mogħtija lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, kif ukoll l-osservazzjonijiet sottomessi bi tweġiba għal dak li kienet sabet il-Kummissjoni dwar l-investigazzjoni huma, għalhekk, neċessarjament “informazzjoni rilevanti” għall-Kumitat Konsultattiv biex huwa jkun jista’ jagħti opinjoni rilevanti dwar il-proposta tal-Kummissjoni. Għalhekk huwa ċar li l-informazzjoni mogħtija minn Eurobolt fl-ittra tagħha tat-13 ta’ Ġunju 2011 tikkostitwixxi “informazzjoni rilevanti” għal dan l-għan.

2. Fuq id-domandi 2(b)u 2(c)

51.

Minħabba li l-osservazzjonijiet sottomessi bi tweġiba għal dak li sabet il-Kummissjoni dwar l-investigazzjoni jikkostitwixxu “informazzjoni rilevanti” skont l-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku, imbagħad issir id-domanda jekk u, jekk huwa hekk, x’konsegwenzi jkun hemm għall-fatt li l-Kumitat Konsultattiv ma kienx mgħarraf fil-limitu taż-żmien stabbilit.

a) L-importanza tal-garanziji proċedurali

52.

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li fejn istituzzjoni tal-Unjoni jkollha diskrezzjoni wiesgħa li, kif diġà ġie nnotat, huwa l-każ fil-qasam ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal miżuri anti-dumping ( 26 ) stħarriġ għall-konformità ma’ ċerti garanziji proċedurali huwa ta’ importanza fundamentali ( 27 ).

53.

L-Artikolu 15 tar-regolament bażiku jfittex l-iktar li jiżgura li jkun organizzat b’mod ordinat wieħed mill-istadji obbligatorji fil-proċedura għall-adozzjoni ta’ dazju anti-dumping, jiġifieri l-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv. Din id-dispożizzjoni, għaldaqstant, għandha għadd ta’ garanziji proċedurali bħar-rekwiżit li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha għandha ssir “kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem utli qabel il-laqgħa”.

54.

Għalhekk ma hemmx dubju iżda li l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku wieħed jista’ – bħala prinċipju għall-inqas – joqgħod fuqu bħala motiv ta’ azzjoni ta’ annullament jew għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni ta’ validità.

b) Konsegwenzi tal-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku

55.

Tajjeb li wieħed jiftakar li l-Kumitat Konsultattiv huwa magħmul minn rappreżentanti ta’ kull Stat Membru, b’rappreżentant tal-Kummissjoni bħala president ( 28 ). Din ix-xorta ta’ kumitat ma hijiex stramba fil-proċedura għall-adozzjoni ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni.

56.

Tabilħaqq, skont il-leġiżlazzjoni l-ġdida fis-seħħ il-Kumitat Konsultattiv huwa sempliċement issostitwit minn kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni ( 29 ).

57.

Fil-kuntest ta’ dak ir-Regolament Nru 182/2011 għandi ngħid li meta l-leġiżlatur jitlob li dik l-informazzjoni jkollha tintbagħat lir-rappreżentanti tal-Istati Membri f’ċertu perijodu ta’ żmien, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan it-tip ta’ limitu ta’ żmien għandu l-għan li jiggarantixxi li l-gvernijiet tal-Istati Membri jkunu mgħarrfa dwar il-proposti tal-Kummissjoni permezz tal-membru tagħhom fil-kumitat ( 30 ). Dan it-tip ta’ limitu ta’ żmien jiżgura wkoll li l-Istati Membri jkollhom iż-żmien meħtieġ biex jistudjaw id-dokumenti, li jistgħu jkunu partikolarment kumplessi u jkunu jitolbu kuntatt u diskussjoni kunsiderevoli bejn awtoritajiet amministrattivi differenti, jew konsultazzjonijiet interni u esterni ( 31 ).

58.

F’din il-kawża wieħed ma jistax jiċħad li l-Artikolu 15(2) isegwi eżattament dan l-għan minħabba li l-premessa 25 b’mod espliċitu tinnota li “[l]i-informazzjoni li tingħata lill-Istati Membri fil-Kumitat Konsultattiv hi ħafna drabi ta’ natura teknika ferm u tinvolvi analiżi ekonomika u legali elaborata” u żżid tgħid li “[b]iex tagħti biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jikkunsidraw din l-informazzjoni, [hija] għandha tintbagħat fi żmien xieraq qabel id-data [ta’] laqgħa ffissata mill-President tal-Kumitat Konsultattiv”.

59.

Għalkemm il-premessa tuża l-forma kundizzjonali, l-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku juża t-temp indikattiv. Barra minn hekk, il-leġiżlatur żied limitu ta’ żmien strett billi daħħal il-kliem “mhux aktar tard minn 10 ijiem” wara l-frażi “kemm jista’ jkun malajr”. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’kuntesti oħra, “[m]a hemmx dubju li tali formulazzjoni tagħti l-imsemmi terminu natura perentorja” ( 32 ).

60.

Din l-interpretazzjoni hija konsistenti wkoll ma’ wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-regolament bażiku, li, skont il-premessa 12, jistabbilixxi b’mod ċar ir-regoli u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti matul l-investigazzjoni, b’mod partikolari r-regoli li bihom il-partijiet interessati għandhom jagħmlu lilhom innifishom magħrufa, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jissottomettu informazzjoni f’limiti ta’ żmien speċifikati, jekk għandha tingħata attenzjoni għal opinjonijiet bħal dawn.

61.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq inħossni obbligat napplika s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża u nikkonkludi li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku jikkostitwixxu “regoli tal-proċedura essenzjali […] li jaqgħu taħt forom proċedurali sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura u li l-ksur tagħhom iwassal għall-annullament tal-att ikkonċernat” ( 33 ).

62.

Huwa minnu li l-ksur ikkontestat f’dik il-kawża preċedenti ma kienx il-fatt li l-informazzjoni kienet intbagħtet tard iżda pjuttost li l-komunikazzjoni tal-abbozz ta’ implimentazzjoni tal-att kien intbagħat tard.

63.

Madankollu wieħed jista’ josserva li l-prinċipju li huwa l-bażi tal-motivazzjoni tas-sentenza Tilly-Sabco ma huwiex imsejjes fuq in-natura tad-dokument ippreżentat iżda huwa pjuttost mibni fuq l-għan tal-limitu ta’ żmien mill-komunikazzjoni tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u tal-abbozz tal-aġenda. Kif saħqet il-Qorti tal-Ġustizzja, dak il-limitu ta’ żmien “jippermetti eżaminazzjoni trankwilla, qabel kull laqgħa, mill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija, ( 34 ) tal-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni”. Dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed minn dawk ir-rekwiżiti proċedurali essenzjali li jirregolaw kif proċeduri jitmexxex sewwa, li jekk jinkiser jagħmel l-att ikkonċernat null ( 35 ).

64.

F’din il-kawża l-leġiżlatur innifsu jinsisti dwar l-importanza ta’ żmien biżżejjed biex wieħed iqis mhux biss il-proposta tal-Kummissjoni iżda wkoll l-informazzjoni rilevanti. Tabilħaqq, kif diġà ġie nnotat, il-premessa 25 tar-regolament bażiku tgħid li informazzjoni mogħtija lill-Istati Membri fil-Kumitat Konsultattiv ħafna drabi tkun ta’ natura teknika ferm u tkun tinvolvi analiżi ekonomika u legali elaborata. Għal din ir-raġuni, “[b]iex tagħti biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jikkunsidraw din l-informazzjoni, [hija] għandha tintbagħat fi żmien xieraq qabel id-data tal-laqgħa ffissata mill-President tal-Kumitat Konsultattiv”.

65.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku jipprovdi li l-president tal-Kumitat Konsultattiv għandu jagħti lill-Istati Membri l-informazzjoni rilevanti kollha, kemm jista’ jkun malajr u jżid limitu strett bil-kliem “iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem utli qabel il-laqgħa”.

66.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, meqjusa l-kliem u l-għan tal-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku, ma narax għaliex għandha tingħata xi soluzzjoni oħra f’każ ta’ ksur ta’ dik id-dispożizzjoni ħlief dik li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat fil-kawża. Il-limitu ta’ żmien stabbilit minn dik id-dispożizzjoni jirrappreżenta rekwiżit proċedurali essenzjali li jirregola t-tmexxija sewwa ta’ proċeduri, li jekk jinkiser jagħmel l-att ikkonċernat null.

67.

Ngħaddi issa għall-kwistjoni jekk kienx hemm, fil-fatt, ksur f’dan il-każ.

C.   Osservazzjonijiet dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 773/2011

68.

F’din il-kawża huwa ammess li l-Kumitat Konsultattiv ma kinitx wasslitlu l-informazzjoni rilevanti kollha 10 ijiem utli qabel ma ltaqa’ kuntrarju għal dak li jipprovdi l-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi ma tistax tkun evitata l-konklużjoni li kien hemm ksur.

69.

Il-konsegwenza tal-ksur ta’ dan il-limitu ta’ żmien tkun li l-att adottat fil-kuntest ta’ din il-proċedura jkun null. F’dan il-każ dan ifisser ukoll li r-Regolament Nru 773/2011 ikun invalidu.

70.

Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma tiddubitax, fi kliem, b’mod dirett, dwar il-validità tar-Regolament Nru 773/2011. Madankollu huwa ċar mill-kliem taż-żewġ domandi 2(b) u 2(c) li l-qorti tar-rinviju talbet li jkunu ċċarati l-implikazzjonijiet tan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(2) tar-regolament bażiku. Minħabba li l-konsegwenza immedjata ta’ tali nuqqas f’dak li s’issa għandu x’jaqsam ma’ dan il-każ tkun li r-Regolament ta’ implimentazzjoni jsir invalidu, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tevita tagħti ġudizzju dwar din il-kwistjoni li, f’kull każ, tidher li hija impliċita fid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jekk għandha tingħata risposta utli għad-domandi magħmula.

71.

Barra minn hekk, kif diġà osservajt, qrati nazzjonali ma għandhomx huma nnifishom ġurisdizzjoni biex jiddikjaraw li atti tal-Unjoni jkunu invalidi ( 36 ). F’dan il-kuntest partikolari u meqjusa n-natura tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u x-xewqa ġenerali li tkun evitata talba oħra għal deċiżjoni preliminari, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara r-Regolament Nru 773/2011 invalidu.

VI. Konklużjoni

72.

Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

1(a)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jkun interpretat bħala li jfisser li l-motivi għal stħarriġ imsemmija fl-Artikolu 263 TFUE jistgħu jintużaw biex tiġi invokata l-invalidità tal-att tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni quddiem qorti nazzjonali u li jġiegħel lil din tal-aħħar titlob għal deċiżjoni preliminari mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja.

1(b)

Ikun għar-rikorrent li jinvoka l-illegalità ta’ att tal-Unjoni li juri, l-ewwel nett, il-probabbiltà tal-allegazzjoni tiegħu u li jagħti l-informazzjoni kollha li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu. Madankollu, jekk qorti nazzjonali tkun teħtieġ informazzjoni li istituzzjonijiet tal-Unjoni biss ikunu jistgħu jagħtu, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jitlob li istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jintalbu jagħmlu hekk mill-qorti nazzjonali, jagħtu dik l-informazzjoni kemm jista’ jkun malajr, sakemm dik l-informazzjoni ma tiġix irrifjutata b’mod iġġustifikat minħabba raġunijiet importanti ħafna b’rabta mal-ħtieġa li tkun evitata kull interferenza fil-funzjonament u fl-indipendenza tal-Unjoni jew li jitħarsu l-interessi tagħha.

1(c)

L-imħallef nazzjonali li jistħarreġ il-legalità jitħalla jivverifika jekk kienx hemm konformità ma’ regoli proċedurali, jekk il-fatti li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni kkontestata kinux deskritti b’mod preċiż u wkoll jekk l-istituzzjoni kompetenti tkunx qieset il-fatti kollha rilevanti. L-imħallef li jistħarreġ il-legalità jitħalla jivverifika wkoll jekk hemmx żball manifest fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.

2(a)

Il-frażi “l-informazzjoni rilevanti kollha” tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1225/2009 għandha tkun interpretata bħala li tinkludi l-osservazzjonijiet ippreżentati minn partijiet interessati bi tweġiba għal dak li tkun sabet il-Kummissjoni dwar l-investigazzjoni.

2(b)

Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1225/2009 huma rekwiżiti proċedurali essenzjali li jirregolaw il-mod kif jitmexxew sewwa l-proċeduri. Għalhekk, importatur ikun jista’ jinvoka ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1225/2009 jekk it-tweġiba mogħtija minnu ma tkunx inġiebet għall-attenzjoni tal-Kumitat Konsultattiv mill-inqas għaxart ijiem utli qabel il-laqgħa.

2(c)

L-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping bi ksur tal-limitu ta’ żmien mogħti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1225/2009 jagħmel l-att inkwistjoni null.

3.

Ir-Regolament (UE) Nru 723/2011 tat-18 ta’ Lulju 2011 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le huwa invalidu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2009 L 343, p. 51, u l-corrigendum ĠU 2010 L 7, p. 22.

( 3 ) ĠU 2011 L 194, p. 6.

( 4 ) ĠU 2009, L 29, p. 1.

( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li jitilqu mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU 2010 L 282, p. 29).

( 6 ) Sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23.

( 7 ) Sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 31). Ara wkoll, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 94).

( 8 ) Ara dwar dan, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 66).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi, tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 66; is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 90), u tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 44), u tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 30).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punt 16), u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara Craig, P., u De Búrca, G., EU Law: Text, Cases and Materials, 6th Edition, Oxford University Press, Oxford, 2015, p. 544; Pertek, J., Coopération entre juge nationaux et Cour de justice de l’UE. Le renvoi préjudiciel, Bruylant, Brussels, 2013, No 518.

( 13 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 26).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, Lenaerts, K., Maselis, I., Gutman, K., EU Procedural Law, Oxford University Press, 2014, p. 360.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, Blumann, Cl., ‘L’organisation des juridictions de l’Union au lendemain du traité de Lisbonne’, f’Mahieu, St., (dir.), Contentieux de l’Union européenne, questions choisies, Larcier, coll. Europe(s), Brussels, 2014, p. 17 sa 41, b’mod partikolari, p. 25 u 27; Hofmann, H. Ch., ‘Article 47 — Specific Provisions (Meaning)’, f’Peers, St., Hervey, T., Kenner, J., and Ward, A. (ed.), The EU Charter of Fundamental Rights — A commentary, Hart Publishing, 2014, p. 1197 sa 1275, b’mod partikolari, Nru 47.50.

( 16 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punt 20).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 30).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2002, First and Franex (C‑275/00, EU:C:2002:711, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara dwar dan id-digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 16).

( 20 ) Digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 18).

( 21 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 52).

( 22 ) Ara dwar dan is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 63); tal-14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China) (C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 68) u tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co (C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 29).

( 23 ) Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China) (C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 69, enfasi miżjuda).

( 24 ) Fil-kawża preżenti, dan jikkonċerna l-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni intitolati “Dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali R 515” (“Proċedura kontra l-evażjoni rigward importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar ikkunsinnati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fil-Malasja u kemm jekk le - Proposta sabiex testendi d-dazji anti-dumping definittivi għall-Malasja”).

( 25 ) Enfasi miżjuda.

( 26 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 27 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 69), u tal-11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 30).

( 28 ) Ara l-Artikolu 15(1) tar-regolament bażiku.

( 29 ) ĠU 2011 L 55, p. 13. Ara l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (GU 2016, L 176, p. 21).

( 30 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni (C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 103).

( 31 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑263/95, EU:C:1998:47, punt 31), u tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni (C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 103).

( 32 ) Sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑54/09 P, EU:C:2010:451, punt 46).

( 33 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni (C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 114. Ara, ukoll, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑263/95, EU:C:1998:47, punt 32).

( 34 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni (C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 102. Jista’ jiżdied ukoll li l-argumenti allegati mill-Kummissjoni skont liema l-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija ma lmentawx dwar l-aġir tal-Kummissjoni, li r-regoli għall-konsultazzjoni ta’ kumitat huma maħsuba sabiex jiżguraw li l-prerogattivi tal-membri tiegħu jiġu osservati, li ma tipproteġix id-drittijiet ta’ operaturi ekonomiċi u li r-rikorrent naqas milli jistabbilixxi li fin-nuqqas tal-allegat ksur ir-riżultat tal-proċedura kien ikun differenti ma kinux ikkunsidrati bħala relevanti mill-Qorti.

( 35 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni (C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 114.

( 36 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punt 20).