KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fil-5 ta’ Ġunju 2019 ( 1 )

Kawża C‑641/17

College Pension Plan of British Columbia

vs

Finanzamt München III

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni diretta – Moviment liberu tal-kapital – Movimenti ta’ kapital bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi – Taxxa fuq il-kumpanniji – Fond ta’ pensjoni residenti u mhux residenti – Taxxa fuq id-dividendi ta’ portafolli ta’ azzjonijiet – Taxxa f’ras il-għajn – Tpaċija sħiħa tat-taxxa f’ras il-għajn mat-taxxa fuq il-kumpanniji – Tnaqqis tal-profitt taxxabbli permezz ta’ provvedimenti matematiċi intiżi għall-ħlasijiet tal-pensjoni – Restrizzjoni – Paragunabbiltà – Teħid inkunsiderazzjoni tal-provvedimenti matematiċi – Rabta bejn il-provvedimenti matematiċi u provvedimenti tekniċi oħrajn minn naħa u l-ġbir tad-dividendi min-naħa l-oħra – Ġustifikazzjoni – Ftehimiet intiżi għall-ħelsien mit-taxxa doppja – Klawżola ta’ sospensjoni – Kriterji ratione temporis u ratione materiae

1.

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, il-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja) qiegħda tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju relatati mal-moviment liberu tal-kapital, jiġifieri l-Artikoli 63 sa 65 TFUE ( 2 ). Hija r-relazzjoni bejn din il-libertà u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-tassazzjoni diretta f’dak li għandu x’jaqsam mad-dividendi li hija fil-qalba ta’ din il-kawża għal deċiżjoni preliminari.

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn College Pension Plan of British Columbia (iktar ’il quddiem “CPP”), fond ta’ pensjoni fil-forma ta’ trust irregolata mil-liġi Kanadiża, u l-Finanzamt München (Abteilung III) (id-Dipartiment tat-Taxxi ta’ München, Sezzjoni III, il-Ġermanja). B’mod iktar speċifiku, matul is-snin bejn l-2007 u l-2010, din it-trust ġabret, permezz ta’ fiduċjarju Kanadiż, dividendi minn diversi kumpanniji pubbliċi Ġermaniżi b’responsabbiltà limitata, li fir-rigward tagħhom id-Dipartiment tat-Taxxi Ġermaniż irrifjuta l-eżenzjoni mit-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul mill-kapital.

3.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital li jinsabu fit-Trattat FUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni Ġermaniża li skontha t-taxxi f’ras il-għajn fuq id-dividendi jistgħu jiġu paċuti mat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas mill-fond ta’ pensjoni residenti u li bis-saħħa tagħha jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll provvedimenti f’dan il-kuntest sabiex jitnaqqas il-profitt taxxabbli, filwaqt li fond ta’ pensjoni mhux residenti ma jistax jagħmel tpaċija bħal din. Barra minn hekk, hemm ukoll il-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tal-hekk imsejħa klawżola ta’ sospensjoni prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE.

4.

L-eżami tal-iskema ta’ taxxa applikabbli għad-dividendi mqassma lil fondi ta’ pensjoni parzjalment taxxabbli, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, diġà kien is-suġġett ta’ ħafna kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 3 ). Għalkemm il-ġurisprudenza f’dan il-qasam hija diġà rikka, il-kwistjonijiet dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni possibbli u l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet tal-persuni taxxabbli residenti u mhux residenti jistgħu xi kultant ikunu kumplessi. Din il-kawża hija eżempju tajjeb ta’ dan.

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Il-Liġi dwar is-superviżjoni tal-korpi ta’ assigurazzjoni

5.

Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li matul is-snin 2007 sal-2010, il-fondi ta’ pensjoni u l-attivitajiet tagħhom kienu rregolati mill-“Versicherungsaufsichtsgesetz” (il-Liġi dwar is-Superviżjoni tal-Korpi ta’ Assigurazzjoni), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis‑17 ta’ Diċembru 1992 (iktar ’il quddiem il-“VAG 1992”) ( 4 ). L-Artikolu 112 tal-VAG 1992 kien jinkludi definizzjoni tal-fondi ta’ pensjoni. Skont il-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu kien ifformulat kif ġej:

“Fond ta’ pensjoni huwa istituzzjoni ta’ previdenza b’kapaċità legali

1.

li tipprovdi, permezz ta’ kapitalizzazzjoni, benefiċċji ta’ rtirar professjonali favur ħaddiema ta’ persuna jew persuni li jimpjegaw,

2.

li ma tistax, fil-każijiet kollha fejn jiġu pprovduti benefiċċji, tiggarantixxi permezz ta’ assigurazzjonijiet l-ammont ta’ benefiċċji jew l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet futuri li għandhom jitħallsu għal dawn il-benefiċċji,

3.

li tagħti lill-ħaddiema dritt personali għall-benefiċċji fir-rigward tal-fond ta’ pensjoni, u

4.

li hija obbligata tipprovdi l-benefiċċju tal-irtirar f’forma ta’ pagament tul il-ħajja.”

6.

Il-VAG 1992 tħassret bil-Liġi dwar il-Modernizzazzjoni tal-Verifika Finanzjarja tal-assigurazzjonijiet tal‑1 ta’ April 2015 ( 5 ) u ssostitwita bil-VAG 2015. L-Artikolu 236(1) tal-VAG 2015 jinkludi definizzjoni tal-fondi ta’ pensjoni, li hija l-istess bħal dik li tidher fl-Artikolu 112 tal-VAG 1992.

B. Il-leġiżlazzjoni fiskali relatata mal-fondi ta’ pensjoni

7.

Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-iskema Ġermaniża ta’ tassazzjoni tad-dħul mill-kapital hija dderivata mid-dispożizzjonijiet tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, iktar ’il quddiem l-“EStG”), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fid‑19 ta’ Ottubru 2002 ( 6 ), flimkien, fir-rigward tat-tassazzjoni tal-persuni ġuridiċi, mad-dispożizzjonijiet tal-Körpersschaftssteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, iktar ’il quddiem il-“KStG”) fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil‑15 ta’ Ottubru 2002 ( 7 ).

1.   L-iskema fiskali għall-fondi ta’ pensjoni li għandhom is-sede tagħhom fil-Ġermanja

8.

Bħala kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, fond ta’ pensjoni Ġermaniż huwa kompletament suġġett għal taxxa fuq il-kumpanniji konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tal-KStG. Skont l-Artikolu 7(1) tal-KStG, id-dħul taxxabbli tiegħu huwa suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji. Konformement mal-Artikolu 23 tal-KStG, il-profitti mill-fondi ta’ pensjoni Ġermaniżi jridu jiġu ntaxxati b’rata ta’ taxxa fuq il-kumpanniji ta’ 15 %.

9.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-KStG, id-dħul taxxabbli huwa ddeterminat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-EStG. Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8(2) tal-KStG u tal-punt 2 tal-Artikolu 2(1) tal-EStG, id-dħul kollu ta’ fond ta’ pensjoni li huwa kompletament suġġett għat-taxxa għandu jitqies bħala dħul iġġenerat minn attività industrijali jew kummerċjali. Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2(2) tal-EStG id-dħul iġġenerat minn attività industrijali jew kummerċjali huwa l-profitt magħmul matul is-sena fiskali inkwistjoni.

10.

L-eżenzjonijiet fiskali previsti għad-dividendi u għall-apprezzament kapitali fl-Artikolu 8b(1) u (2) tal-KStG ma humiex applikabbli għall-fondi ta’ pensjoni bis-saħħa tal-ewwel u l-ħames sentenzi tal-Artikolu 8b(8) tal-KStG.

11.

Skont l-Artikolu 20(1) tal-EStG, id-dividendi ddistribwiti fuq il-profitti jitqiesu bħala dħul mill-kapital.

12.

Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 43 u 44 tal-EStG, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital tinġabar permezz tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul mill-kapital u titħallas mill-kumpannija li tqassam id-dividendi. Din it-taxxa tammonta għal 25 % tad-dividendi grossi.

13.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-EStG tipprevedi li “[i]l-profitt għandu jkun ugwali għad-differenza bejn l-assi tal-impriża fi tmiem is-sena finanzjarja u l-assi tal-impriża fi tmiem is-sena finanzjarja preċedenti, miżjuda bil-valur tal-ħruġ u mnaqqsa bil-valur tal-kontribuzzjonijiet”.

14.

Konformement mal-Artikolu 5 tal-EStG, l-assi huma vvalutati skont il-prinċipji kontabbli tad-dritt kummerċjali. Għalhekk, din id-differenza hija stabbilita fuq il-bażi ta’ bilanċ fiskali meħud mill-bilanċ kontabbli.

15.

Bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(1) tal-KStG, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 36(2) tal-EStG, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital li tirrigwarda d-dividendi, li tkun inġabret taħt forma ta’ taxxa f’ras il-għajn u li tkun diġà tħallset matul is-sena fiskali, tista’ tiġi paċuta kollha kemm hi mat-taxxa fuq il-kumpanniji.

16.

Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 36(4) tal-EStG, “[j]ekk wara l-komputazzjoni jirriżulta bilanċ pożittiv favur il-persuna taxxabbli, dan l-eċċess jitħallas lilha wara n-notifika tal-avviż tat-taxxa”.

17.

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju, għall-finijiet tal-iskema fiskali, il-liġi Ġermaniża tiddistingwi bejn profitti magħmula minn fondi proprji (“dħul fuq investimenti ta’ kontabbiltà”) u profitti magħmula mill-“basket ta’ kopertura” ( 8 ) (“dħul fuq investimenti mhux ta’ kontabbiltà”).

18.

Minn naħa, fir-rigward tad-dħul fuq investimenti ta’ kontabbiltà, fejn il-profitti finanzjarji jeċċedu r-rata ta’ interessi teknika meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-abbonati fil-fond ta’ pensjoni, tali profitti jiġu kkreditati direttament għall-kuntratti varji tal-fond ta’ pensjoni. Huma jżidu mhux biss l-assi tal-bilanċ fiskali tal-fond ta’ pensjoni iżda wkoll il-valur tal-partiti li jidhru fil-passiv tal-bilanċ imsemmi u, b’mod partikolari, il-provvedimenti matematiċi ( 9 ). F’dan il-każ, il-profitti mill-ġbir tad-dividendi huma kompletament innewtralizzati u ma jirriżultawx fi profitt taxxabbli.

19.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dħul fuq investimenti mhux ta’ kontabbiltà, fejn il-profitti finanzjarji jkunu ogħla mir-rata tal-interessi teknika meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-abbonati fil-fond ta’ pensjoni, dawn il-profitti għandhom jiġu allokati sabiex ikopru mill-inqas 90 % fuq il-kuntratti tal-abbonati. Dan is-sehem ta’ 90 % tal-profitti jirriżulta f’żieda fil-valur kemm tal-assi mniżżla fil-bilanċ fiskali kif ukoll tal-partiti tal-passiv tal-bilanċ fiskali, u b’mod partikolari żieda fil-valur tal-provvedimenti matematiċi ta’ dan il-bilanċ. Din il-parti tal-profitti miksuba mill-ġbir tad-dividendi hija kompletament innewtralizzata u ma tirriżultax fi profitt taxxabbli. Min-naħa l-oħra, il-massimu ta’ 10 % li jifdal tal-profitti li ma jiġux ikkreditati lid-diversi kuntratti tal-fond ta’ pensjoni u ż-żieda fl-assi f’dan ir-rigward ma tiġix akkumpanjata minn żieda korrispondenti fil-passiv tal-bilanċ. Għaldaqstant dawn il-profitti jirriżultaw fi profitt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal finijiet ta’ taxxa.

2.   L-iskema fiskali għall-fondi ta’ pensjoni barranin

20.

Bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-KStG, fond ta’ pensjoni barrani, li ma għandux it-tmexxija jew sede tiegħu fil-Ġermanja, huwa parzjalment suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tad-dħul tiegħu miksub fit-territorju nazzjonali.

21.

Mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8(1) tal-KStG, tal-punt 5a tal-Artikolu 49(1) tal-EStG, u tal-punt 1 tal-Artikolu 20(1) tal-EstG jirriżulta li d-dividendi rċevuti mill-fond ta’ pensjoni barrani huma dħul mill-kapital suġġett għal obbligu fiskali limitat. Dawn id-dividendi rċevuti huma kompletament taxxabbli bis-saħħa tal-ħames sentenza tal-Artikolu 8b(8) tal-KStG.

22.

Fil-każ ta’ fond ta’ pensjoni parzjalment suġġett għat-taxxa, it-taxxa tiġi rkuprata taħt forma ta’ taxxa f’ras il-għajn u d-debitur tad-dividendi għandu jiġbor it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-punt 1 tal-Artikolu 43(1) u tal-punt 1 tal-Artikolu 43a(1) tal-EStG, bħala prinċipju hija ta’ 25 % tad-dividendi gross.

23.

Bis-saħħa tat-tielet sentenza tal-Artikolu 50d(1) tal-EStG, fejn it-taxxa tad-dividendi tkun limitata għal 15 % fil-kuntest tal-ftehimiet fiskali u fejn il-fond ta’ pensjoni jagħmel talba għal rimbors fil-Bundeszentralamt für Steuern (l-Uffiċċju Ċentrali Federali tat-Taxxa, il-Ġermanja), id-differenza bejn it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital u r-rata tat-taxxa permessa bis-saħħa tal-ftehim fiskali inkwistjoni tiġi rrimborsata lil dan il-fond.

24.

Konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 32(1) tal-KStG, meta d-detentur tad-dħul ikun parzjalment suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital ta’ 15 % tkun definittiva.

25.

Skont il-qorti tar-rinviju, minħabba dan, il-possibbiltà ta’ tpaċija tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital mat-taxxa fuq il-kumpanniji hija eskluża għall-fondi ta’ pensjoni barranin li lanqas ma jistgħu jnaqqsu spejjeż professjonali eventwali mill-bażi tad-dħul taxxabbli tagħhom. Il-kundizzjonijiet għar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital lill-kumpanniji parzjalment suġġetti għat-taxxa previsti fl-Artikolu 32(5) tal-KStG ma humiex issodisfatti.

C. Il-Ftehim Bilaterali dwar it-Taxxa Doppja konkluż bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kanada

26.

Il-Ftehim bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kanada għall-Ħelsien mit-Taxxa Doppja fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u ta’ ċerti taxxi oħra, għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa u għall-għoti ta’ assistenza fiskali, konkluż f’Berlin fid‑19 ta’ April 2001 (iktar ’il quddiem “il-Ftehim Bilaterali dwar it-Taxxa Doppja”) ( 10 ) jipprevedi, fl-Artikolu 10(2)(b) tiegħu, li l-Istat tal-oriġini tad-dividendi jista’ jiġbor 15 % mill-ammont gross tagħhom.

27.

Skont l-Artikolu 23(1)(a) tal-Ftehim Bilaterali dwar it-Taxxa Doppja, il-Kanada, bħala Stat ta’ residenza, tipprevjeni t-taxxa doppja tad-dividendi permezz tal-mekkaniżmu tat-tpaċija.

II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28.

L-għan korporattiv ta’ CPP huwa l-ġestjoni ta’ kapital sabiex jiġi żgurat il-ħlas ta’ pensjonijiet lill-ex uffiċjali tal-Provinċja tal-British Columbia (il-Kanada). Għal dan il-għan, huwa jistabbilixxi, fil-karti tal-bilanċ tiegħu, provvedimenti tekniċi li jikkorrispondu għall-impenji ta’ garanzija tal-pensjonijiet tal-irtirar. CPP għandu, permezz ta’ kumpannija ta’ ġestjoni tal-portafoll, holdings f’kumpanniji b’responsabbiltà limitata Ġermaniżi. CPP u din il-kumpannija fiduċjarja kkonkludew kuntratt fiduċjarju li permezz tiegħu din tal-aħħar hija marbuta mid-direttivi u l-istruzzjonijiet ta’ CPP, li kkostitwixxieha, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment. Fil-Kanada, CPP huwa eżentat minn kwalunkwe tassazzjoni tal-profitti.

29.

CPP kellu azzjonijiet f’diversi kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata Ġermaniżi li kienu jammontaw għal livell ta’ inqas minn 1 %. Matul is-snin 2007 sa 2010, dawn il-holdings kisbulu dividendi skont il-modalitajiet deskritti fil-punti 17 sa 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Konformement mal-Artikolu 10(2)(b) tal-Ftehim Bilaterali dwar it-Taxxa Doppja, dawn id-dividendi kienu suġġetti, bis-saħħa tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, għal taxxa f’ras il-għajn ta’ 15 % li kienet tammonta għal total ta’ EUR 156 280.10.

30.

Fit‑23 ta’ Diċembru 2011, CPP talab lid-Dipartiment tat-Taxxi ta’ München sabiex jadotta deċiżjoni ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital u jirrimborsalu dan l-ammont ta’ EUR 156 280.10, flimkien mal-interessi, għar-raġuni li kien fi żvantaġġ meta mqabbel mal-fondi ta’ pensjoni Ġermaniżi, peress li t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital fuq id-dividendi kienet tiġi kollha kemm hi rrimborsata lil dawn tal-aħħar. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2014, id-Dipartiment tat-Taxxi Ġermaniż ċaħad din it-talba.

31.

Peress li l-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud ukoll, CPP adixxa lill-qorti tar-rinviju, il-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München).

32.

Preliminarjament, din il-qorti tindika li CPP huwa paragunabbli għal fond ta’ pensjoni Ġermaniż skont it-tifsira tal-Artikolu 236 tal-VAG 2015, suġġett li dwaru wara kollox il-partijiet jaqblu. Barra minn hekk, huwa wkoll paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li l-holdings f’kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata Ġermaniżi u d-dħul iġġenerat minn dawn il-holdings ma għandhomx jiġu attribwiti lill-kumpannija fiduċjarja iżda lil CPP li huwa l-benefiċjarju effettiv tagħhom.

33.

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tispjega li, fir-rigward ta’ fond ta’ pensjoni residenti, it-taxxa fuq il-kumpanniji li għaliha huwa suġġett hija bbażata fuq il-profitt imniżżel fil-bilanċ ta’ dan il-fond. Dan il-profitt ikun jiddependi, b’mod partikolari, mill-ġbir tad-dividendi u mill-kostituzzjoni ta’ provvedimenti, peress li l-fond ta’ pensjoni residenti jista’ jnaqqas il-provvedimenti għal ħlasijiet tal-pensjonijiet mill-profitt taxxabbli. Għalhekk, il-ġbir ta’ dividendi mhux bilfors jirriżulta f’żieda fit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta, iżda jirriżulta biss f’żieda relattivament żgħira f’din it-taxxa.

34.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ fond ta’ pensjoni mhux residenti, il-qorti tar-rinviju tinnota li meta dan jiġbor dividendi, huwa parzjalment suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji Ġermaniża. Din it-taxxa tiġi rkuprata fil-forma ta’ taxxa f’ras il-għajn u l-kumpannija li toħroġ id-dividendi għandha tiġbor it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul mill-kapital li, bħala prinċipju, tammonta għal 25 % tad-dividendi gross skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 1 tal-Artikolu 43(1) u tal-punt 1 tal-Artikolu 43a(1) tal-EStG. Skont l-Artikolu 10(2)(b) tal-Ftehim Bilaterali dwar it-Taxxa Doppja, it-taxxa fuq id-dividendi hija limitata għal 15 %. Id-differenza li tirriżulta bejn it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa u din ir-rata ta’ 15 % tiġi rrimborsata, fuq talba, mill-Uffiċċju Ċentrali Federali tat-Taxxi.

35.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-differenza fit-trattament fiskali bejn il-fondi ta’ pensjoni mhux residenti, li jirċievu d-dividendi li huma suġġetti għal taxxa definittiva f’ras il-għajn, u l-fondi ta’ pensjoni residenti, li d-dividendi li dawn jirċievu huma wkoll suġġetti għal din it-taxxa iżda li jistgħu jnaqqsuha mit-taxxa fuq il-kumpanniji, tikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

36.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li din id-differenza fit-trattament fiskali tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eventwali ġustifikazzjoni għal tali restrizzjoni.

37.

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-klawżola ta’ sospensjoni prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE. F’dan ir-rigward, hija tindika, l-ewwel nett, li l-punt 2 tal-Artikolu 32(1) tal-KStG, li bis-saħħa tiegħu t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital ta’ 15 % hija definittiva fir-rigward tad-detentur tad-dħul li huwa parzjalment suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja u li minnu tirriżulta d-differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti, kien diġà jeżisti fil‑31 ta’ Diċembru 1993 fil-forma tad-dispożizzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 50(1) tal-KStG tal‑1991, li l-formulazzjoni u l-funzjonament tiegħu kienu identiċi. It-tieni nett, ftit jimporta li r-rata ta’ 25 % tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital li kienet diġà teżisti fil‑31 ta’ Diċembru 1993 bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 1 tal-Artikolu 43(1) u tal-punt 1 tal-Artikolu 43a(1) tal-EStG tnaqqset għal 20 % fl‑1 ta’ Jannar 2001, sabiex imbagħad reġgħet ittellgħet għal 25 % fl‑1 ta’ Jannar 2009. L-emenda leġiżlattiva tal‑1 ta’ Jannar 2009 kienet issostitwixxiet id-diversi rati li qabel kienu jiġu applikati għad-dħul mill-kapital, jiġifieri 20 %, 25 % u 30 %, b’rata waħda ta’ 25 %, mingħajr ma ġie emendat il-prinċipju tar-regoli tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital. It-tielet nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kriterju ratione materiae dwar il-provvista ta’ servizzi finanzjarji huwiex issodisfatt. F’dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit jekk ir-rabta ta’ kawża u effett bejn il-provvista tas-servizz finanzjarju u l-moviment tal-kapital skont it-tifsira tas-sentenza Wagner‑Raith ( 11 ) hijiex preżenti f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-moviment liberu tal-kapital stabbilit mill-Artikolu 63(1) flimkien mal-Artikolu 65 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar professjonali mhux residenti li hija analoga, minħabba l-istruttura essenzjali tagħha, għal fond ta’ pensjoni Ġermaniż, ma tibbenefika minn ebda eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital fir-rigward ta’ dividendi rċevuti, filwaqt li dividendi korrispondenti mħallsa lil fondi ta’ pensjoni nazzjonali ma jwasslux għal żieda tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta jew iwasslu unikament għal żieda relattivament żgħira tagħha peress li għandhom il-possibbiltà li jnaqqsu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stima tat-taxxa, il-profitt taxxabbli tagħhom billi jnaqqsu l-provvedimenti għall-obbligi [impenji] tal-ħlas tal-pensjoni u jinnewtralizzaw, permezz ta’ imputazzjoni [tpaċija] u – sa fejn l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas huwa inqas mill-ammont imputabbli – permezz ta’ rimbors, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, ir-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mill-punt 2 tal-Artikolu 32(1) tal-[KStG] hija ammissibbli fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 63 flimkien mal-Artikolu 64(1) TFUE, minħabba li timplika l-provvista ta’ servizzi finanzjarji?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39.

CPP, id-Dipartiment tat-Taxxi ta’ München, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Huma, bl-eċċezzjoni tad-Dipartiment tat-Taxxi ta’ München, instemgħu fis-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta li saret fl‑20 ta’ Marzu 2019.

IV. Analiżi

40.

Qabel kollox, l-ewwel nett, ma hemm ebda dubju li l-libertà fundamentali li tapplika għal din it-tilwima hija l-moviment liberu tal-kapital. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret dan l-aħħar li b’mod partikolari l-investimenti diretti fil-forma ta’ holding f’impriża permezz taż-żamma ta’ azzjonijiet li jagħtu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fil-ġestjoni u fil-kontroll tagħha (investimenti magħrufa bħala “diretti”) kif ukoll l-akkwist ta’ titoli fis-suq tal-kapital magħmul bl-intenzjoni biss li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li tiġi influwenzata t-tmexxija u l-kontroll tal-impriża (investimenti msejħa “ta’ portafoll”) ( 12 ) jikkostitwixxu moviment tal-kapital imsemmi fl-Artikolu 63 TFUE. Min-naħa l-oħra, issa hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal holdings akkwistati biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr intenzjoni li jiġu influwenzati t-tmexxija u l-kontroll tal-impriża għandhom jiġu eżaminati esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital ( 13 ), ( 14 ). F’dan il-każ, huwa paċifiku li dawn huma investimenti finanzjarji mingħajr l-intenzjoni li jiġu influwenzati t-tmexxija u l-kontroll tal-impriża, ladarba l-fond ta’ pensjoni Kanadiż għandu holdings f’livell ta’ inqas minn 1 %, f’diversi kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata Ġermaniżi. Għalhekk, huma d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari dawk fl-Artikoli 63 sa 65 TFUE, li għandhom japplikaw f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41.

It-tieni nett, jidhirli li l-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tal-klawżola ta’ sospensjoni prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE għandha tiġi analizzata wara l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital skont it-tifsira tal-Artikolu 63(1) TFUE. Tabilħaqq, il-formulazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE tirreferi għal “restrizzjonijiet”, li jimplika li, sabiex tiġi applikata din id-dispożizzjoni jeħtieġ qabel kollox li tiġi kkwalifikata l-leġiżlazzjoni nazzjonali u li jiġi stabbilit jekk l-iskema prevista minn din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxix restrizzjoni ( 15 ). Għalhekk nipproponi li neżamina d-domandi preliminari fl-ordni li fiha tqiegħdu.

A. Fuq l-ewwel domanda preliminari

42.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi taxxa f’ras il-għajn għad-dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti, billi tipprovdi għal mekkaniżmu ta’ tpaċija sħiħa mat-taxxa fuq il-kumpanniji biss għall-fondi residenti, filwaqt li għall-fondi ta’ pensjoni mhux residenti din it-taxxa ta’ 25 % tikkostitwixxi, sa 3/5 (15 %), taxxa definittiva, peress li 2/5 ta’ din it-taxxa (10 %) jistgħu jiġu rrimborsati wara talba f’dan is-sens.

43.

Sabiex nirrispondi din id-domanda, nipproponi li nanalizza, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, u, jekk ikun il-każ, fit-tieni lok, in-natura ammissibbli ta’ tali restrizzjoni.

1.   Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

44.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital huma l-miżuri kollha li jkunu ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni taxxabbli mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lill-persuni taxxabbli residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jagħmlu dan fi Stati oħra ( 16 ). B’mod iktar partikolari, trattament sfavorevoli minn Stat Membru tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti, meta mqabbel mat-trattament irriżervat għad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, jista’ jiddisswadi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex dan l-ewwel Stat Membru milli jagħmlu investimenti f’dan l-ewwel Stat Membru u jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE ( 17 ).

45.

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi trattament fiskali f’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, kemm id-dividendi mqassma lil fond ta’ pensjoni residenti kif ukoll dawk imqassma lil fond ta’ pensjoni mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn. Għal dan il-għan, fil-każ ta’ dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni mhux residenti, skont l-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-taxxa f’ras il-għajn tinġabar b’mod definittiv b’rata ta’ 3/5 (15 %), taħt l-Artikolu 32(1)(2) tal-KStG, filwaqt li 2/5 (10 %) ta’ dik it-taxxa f’ras il-għajn tiġi rrimborsata skont il-metodi deskritti fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għaldaqstant, f’din il-kawża prinċipali d-dividendi inkwistjoni kienu suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn ta’ 15 %. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-taxxa f’ras il-għajn fuq dividendi mħallsa lil fond ta’ pensjoni residenti, huwa ċar mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju li din tammonta għal 25 %.

46.

Fit-tieni stadju, il-fondi ta’ pensjoni huma suġġetti, f’dak li jirrigwarda d-dividendi mqassma lilhom, għal żewġ sistemi tat-taxxa differenti. Fil-fatt, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital fuq id-dividendi rċevuti mill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti ssir definittiva. Min-naħa l-oħra, fil-każ tad-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti, dawn jidħlu fil-bilanċ kontabbli tal-fond ta’ pensjoni, li għandu jservi bħala riferiment sabiex jiġi stabbilit id-dħul taxxabbli u li għalih tiġi applikata t-taxxa fuq il-kumpanniji li tammonta għal 15 % ( 18 ). Meta din it-taxxa ssir dovuta, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital tista’ tiġi kollha kemm hi paċuta mal-ammont dovut. Tabilħaqq, il-qorti tar-rinviju tgħid li, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 31 tal-KStG u tal-Artikolu 36(2)(2) tal-EStG, “[i]t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital li tkun inżammet fuq id-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni tista’ tiġi kollha kemm hi paċuta mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta” ( 19 ) u, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 36(4) tal-EStG, “[m]eta t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miżmuma teċċedi t-taxxa fuq il-kumpanniji stabbilita, din tiġi rrimborsata lill-fond ta’ pensjoni nazzjonali” ( 20 ).

47.

Kif tispjega l-qorti tar-rinviju, il-fond ta’ pensjoni Ġermaniż għandu l-possibbiltà, minn naħa, li jnaqqas id-dħul taxxabbli tiegħu mit-taxxa fuq il-kumpanniji billi jieħu inkunsiderazzjoni l-provvedimenti għall-impenji marbuta mal-irtirar u, min-naħa l-oħra, li jpaċi t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miġbura mat-taxxa fuq il-kumpanniji. Għalhekk, jidhirli li f’dan il-każ ir-restrizzjoni allegata fuq il-moviment liberu tal-kapital tista’ tirriżulta minn dawn iż-żewġ mekkaniżmi separati ta’ tassazzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fatt, minn naħa, din tista’ tirriżulta mill-fatt li d-dħul taxxabbli taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji jiddependi parzjalment mill-provvedimenti kkostitwiti mill-fond ta’ pensjoni, li jnaqqsu d-dħul taxxabbli tiegħu. Min-naħa l-oħra, din ir-restrizzjoni tista’ tirriżulta mill-fatt li l-fond ta’ pensjoni residenti jista’ jpaċi mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital imħallsa u jikseb ir-rimbors tal-eċċess ta’ din tal-aħħar. Nipproponi li jiġu eżaminati dawn il-mekkaniżmi sabiex jiġi identifikat liema mit-tnejn, jekk mhux it-tnejn, jikkawża r-restrizzjoni allegata.

48.

Fir-rigward tal-provvedimenti kkostitwiti mill-fond ta’ pensjoni, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-provvedimenti matematiċi huma forma speċifika ta’ provvedimenti għal dejn inċert, li jantiċipa l-benefiċċji ta’ rtirar professjonali li jkollhom jiġu pprovduti fil-futur mill-fond ta’ pensjoni lill-abbonati tiegħu. Hija tindika li, minħabba l-provvedimenti, li huma stabbiliti mill-fond ta’ pensjoni u li jkunu fil-kolonna tan-naħa tal-passiv ta’ bilanċ kontabbli u, b’mod iktar partikolari, il-provvedimenti matematiċi stabbiliti għall-impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar, id-dħul taxxabbli għad-determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta jista’ jkun “relattivament baxx”.

49.

Għalhekk, skont l-ispjegazzjonijiet li jidhru fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-ħlas tad-dividendi ġeneralment ma jirriżultax f’żieda fid-dħul taxxabbli stabbilit fuq il-bażi tal-bilanċ kontabbli, minħabba li l-passiv ta’ dan il-bilanċ u, b’mod partikolari, il-provvedimenti matematiċi elenkati fih, jiżdiedu daqs l-assi ( 21 ). Id-dħul taxxabbli jiżdied biss jekk il-profitti ma jiġux ikkreditati lill-kuntratti tal-abbonati, f’liema każ dawn jirriżultaw f’żieda fl-assi tal-fond ta’ pensjoni, iżda mhux f’żieda korrispondenti fil-passiv ta’ dak il-fond. Din hija l-ipoteżi ta’ 10 % tal-profitti mhux ikkreditati lill-kuntratti tal-abbonati deskritta fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan il-każ, din il-parti residwa ta’ 10 % tal-profitti ma tiġix allokata lill-abbonati u għalhekk il-provvedimenti matematiċi ma jiżdidux. Din il-parti residwa tal-profitti mhux allokata lill-kuntratti tal-abbonati lanqas ma żżid l-ammont tal-benefiċċji ta’ rtirar li jitħallas lill-membri fuq maturità tal-ammont (jiġifieri mal-irtirar tagħhom).

50.

Minn dan jirriżulta li d-dividendi rċevuti minn fond ta’ pensjoni residenti, ħlief jekk ikunu l-parti residwa ta’ 10 % tal-profitti mhux ikkreditati lill-kuntratti tal-membri, ġeneralment jiġu kkreditati lill-kuntratti msemmija, b’tali mod li d-dħul taxxabbli għat-taxxa fuq il-kumpanniji ma jiżdiedx jew jiżdied b’mod kunsiderevolment minimu.

51.

Sabiex tingħata risposta għall-kwistjoni dwar kemm iż-żieda fil-provvedimenti tista’ taffettwa l-piż fiskali effettiv relatat mad-dividendi mħallsa, ninnota mill-bidu nett li fil-każijiet li jirrigwardaw id-dividendi “ħerġin” u t-taxxa f’ras il-għajn, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat it-trattament irriżervat għad-dividendi u mhux dak irriżervat għad-dħul taxxabbli ( 22 ).

52.

Fir-rigward ta’ dan it-trattament, għandu jiġi ddeterminat il-piż fiskali effettiv relatat mad-dividendi meta dawn ikunu ġew intaxxati b’mod kumulattiv minn taxxa fuq id-dħul mill-kapital ta’ 25 % f’ras il-għajn u minn taxxa fuq il-kumpanniji ta’ 15 %. Fil-fehma tiegħi, l-approċċ dwar id-determinazzjoni ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital billi jiġi eżaminat il-piż fiskali effettiv huwa sostnut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, qabel kollox, f’diversi kawżi li jikkonċernaw it-tassazzjoni tad-dividendi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħalliet lill-qorti nazzjonali l-kompitu sabiex tistabbilixxi jekk il-persuni taxxabbli mhux residenti kinux qegħdin iġorru, b’mod definittiv, piż fiskali effettiv ikbar fl-Istat li applika t-taxxa f’ras il-għajn minn dak li ġarrew il-persuni taxxabbli residenti għall-istess tip ta’ dividendi ( 23 ). Sussegwentement, fis-sentenza Hirvonen ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li t-tassazzjoni tad-dħul gross ta’ persuna parzjalment taxxabbli kienet kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jekk din ma tkunx finalment ogħla mit-tassazzjoni tad-dħul nett bir-rata applikabbli għall-persuni kompletament taxxabbli ( 25 ). Fl-aħħar nett, dan l-aħħar, fis-sentenza Sofina et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien jeħtieġ li “għandu jittieħed kont tas-sena finanzjarja ta’ distribuzzjoni tad-dividendi sabiex jitqabbel il-piż fiskali fuq dawn id-dividendi u dak fuq dividendi mqassma lil kumpannija residenti” ( 26 ).

53.

F’dan il-każ, nikkonstata li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda data f’ċifri li tippermetti li jiġi stabbilit il-piż fiskali effettiv fuq id-dividendi meta jkunu ġew intaxxati b’mod kumulattiv kemm mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital kif ukoll mit-taxxa fuq il-kumpanniji.

54.

F’dan il-kuntest, ippruvajt nistabbilixxi dan il-piż fuq il-bażi tal-elementi li jinsabu fil-proċess. Fuq il-bażi tal-kalkoli tiegħi jidher li l-piż fiskali effettiv relatat mad-dividendi rċevuti minn fond ta’ pensjoni residenti ma huwiex iktar minn 11.25 % tad-dividendi grossi ( 27 ). Għalhekk, huwa kemm huwa l-valur tal-provvedimenti, din ir-rata effettiva dejjem ser tkun inqas mir-rata ta’ 15 % applikata għad-dividendi rċevuti minn fond ta’ pensjoni mhux residenti. Dan jimplika li l-piż fiskali effettiv fuq id-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti dejjem ser ikun differenti ( 28 ). Konsegwentement, inqis li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża prinċipali, il-portata tal-provvedimenti ma hijiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita r-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

55.

Fi kliem ieħor, jidhirli li l-fatt li wieħed ikun jista’ jnaqqas il-profitt taxxabbli permezz tal-provvedimenti jagħmilha possibbli, ċertament, li jitnaqqas l-ammont dovut taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji. Madankollu, dan it-tnaqqis ma jidhirx li huwa r-raġuni għar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, li teżisti irrispettivament mill-portata tal-provvedimenti stabbiliti mill-fond ta’ pensjoni residenti. Issa, tali verifika taqa’ fuq il-qorti nazzjonali, li hija l-unika li tista’ tiddetermina l-piż fiskali effettiv fuq id-dividendi mħallsa lil fond ta’ pensjoni residenti u lil fond ta’ pensjoni mhux residenti.

56.

Barra minn hekk, nistaqsi wkoll jekk dan l-approċċ huwiex appoġġjat mill-argument imressaq minn CPP li jsostni li l-iskop tat-tnaqqis tad-dħul taxxabbli huwa li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja ekonomika tad-dividendi. Fil-fatt, skont CPP, il-leġiżlatur adotta l-Artikolu 8(8) tal-KStG sabiex jinnewtralizza u, fil-prattika, jeżenta d-dividendi permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-provvedimenti tekniċi fuq il-livell fiskali. Issa, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li n-“newtralizzazzjoni” jew l-“eżenzjoni” tad-dividendi mħallsa lill-fond ta’ pensjoni tirrigwarda biss it-tassazzjoni bħala taxxa fuq il-kumpanniji. Għalhekk, dan il-mekkaniżmu ma jidhirx li jaffettwa t-taxxa mħallsa diġà taħt it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital u li hija kollha kemm hi mnaqqsa ( 29 ).

57.

F’dan ir-rigward, jidhirli li din il-kawża hija differenti miċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja ( 30 ) msemmija mill-qorti tar-rinviju. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tikkostitwixxi restrizzjoni għall-Artikolu 63 TFUE regola nazzjonali li skontha d-dividendi rċevuti mill-fondi ta’ pensjoni residenti kienu prattikament eżenti jew kważi eżenti mit-taxxa fuq id-dħul minħabba d-dispożizzjonijiet espliċiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tnaqqis tal-provvedimenti, filwaqt li d-dividendi rċevuti mill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti kienu suġġetti għal rata ta’ taxxa ta’ 19.5 % bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew ta’ 15 % jew inqas bis-saħħa tal-ftehimiet għal ħelsien mit-taxxa doppja konklużi mir-Repubblika tal-Finlandja ( 31 ). Madankollu, fil-kawża prinċipali inkwistjoni, kemm id-dividendi mqassma lill-fondi ta’ pensjoni residenti kif ukoll lil dawk mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn taħt it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital. L-eżistenza u l-ammont ta’ din it-taxxa f’ras il-għajn ma humiex affettwati mill-kostituzzjoni tal-provvedimenti. Fil-fatt, minkejja li jkun hemm tnaqqis mid-dħul taxxabbli u, għalhekk, kważi eżenzjoni mit-taxxa dovuta fuq id-dividendi mħallsa lill-fond ta’ pensjoni residenti, dawn jirrigwardaw biss it-tassazzjoni tad-dħul tal-fond ta’ pensjoni taħt it-taxxa fuq il-kumpanniji, iżda mhux it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, li tista’ tiġi rkuprata fl-intier tagħha.

58.

Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, f’dan il-każ, huwa t-tieni mekkaniżmu li jagħti lok għall-allegata restrizzjoni, jiġifieri t-tpaċija sħiħa tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital mat-taxxa fuq il-kumpanniji u l-eventwali rimbors tal-eċċess wara l-ħlas, li jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

59.

Kif diġà spjegajt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk u sa liema punt il-piż fiskali effettiv huwa inqas minn dak fuq id-dividendi mħallsa lill-fond ta’ pensjoni mhux residenti li huwa suġġett għal taxxa f’ras il-għajn ta’ 15 % skont il-Ftehim Bilaterali dwar it-Taxxa Doppja.

60.

Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li d-dividendi rċevuti minn fond ta’ pensjoni residenti huma kważi kompletament eżenti mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital permezz tat-tpaċija sħiħa, allura jidher li huwa stabbilit piż fiskali ikbar fuq id-dividendi mħallsa lil fond ta’ pensjoni mhux residenti. Minn dan jirriżulta li dawn id-dividendi huma ttrattati b’mod iktar vantaġġuż minn dawk imħallsa lil fond ta’ pensjoni mhux residenti. Tali differenza fit-trattament tat-taxxa tal-fondi ta’ pensjoni skont il-post ta’ residenza tagħhom tista’ tiskoraġġixxi lill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti milli jagħmlu investimenti f’kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja. Fil-fatt, f’ipoteżi bħal din, il-fondi ta’ pensjoni mhux residenti ma għandhomx il-possibbiltà li jirkupraw it-taxxa f’ras il-għajn u għalhekk din tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, li bħala prinċipju hija pprojbita mill-Artikolu 63(1) TFUE.

2.   Fuq in-natura ammissibbli tar-restrizzjoni

61.

Skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 [TFUE] m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri [...] li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”.

62.

Sa fejn din id-dispożizzjoni tidderoga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, hija għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat Membru fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat FUE. Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija fiha nnifisha limitata mill-paragrafu 3 tal-istess artikolu li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu (1) “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” ( 32 ).

63.

Għalhekk hemm lok li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-Artikolu 65(3) TFUE ( 33 ). Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tkun tista’ titqies bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li din id-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 34 ).

a)   Fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali

64.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-paragunabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tal-għan u l-kontenut ta’ dawn tal-aħħar ( 35 ). Barra minn hekk, huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ta’ jekk it-trattament differenti li jirriżulta minn tali leġiżlazzjoni jirriflettix differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni ( 36 ).

65.

Madankollu, nikkonstata li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma fiha l-ebda spjegazzjoni dwar l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-partijiet ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari. Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, din l-analiżi tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet bejn il-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti se tiffoka fuq tliet punti, jiġifieri l-għan tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fir-rigward tal-obbligi lejn l-abbonati (1), l-allegata applikazzjoni ta’ tekniki ta’ tassazzjoni differenti għaż-żewġ kategoriji ta’ fondi ta’ pensjoni (2), u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż marbuta direttament mal-ġbir tad-dividendi (3).

1) L-obbligi lejn l-abbonati

66.

CPP jenfasizza li l-fondi kollha ta’ pensjoni, kemm residenti kif ukoll dawk li ma humiex residenti, huma obbligati jinvestu l-primjums tal-assigurazzjoni fis-suq tal-kapitali sabiex jiġġeneraw dividendi li jintużaw mill-fondi ta’ pensjoni sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom lejn il-persuni assigurati. Għal din ir-raġuni, il-Ġermanja teżentahom mit-taxxa sakemm id-dividendi mħallsa jintużaw sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi lejn il-persuni assigurati. Għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-fondi ta’ pensjoni residenti tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dividendi rċevuti finalment jirritornaw għand il-persuni assigurati u li, għal din ir-raġuni, hija teżenta d-dividendi mit-taxxa fir-rigward tal-fondi ta’ pensjoni, tali leġiżlazzjoni tinjora li l-fondi ta’ pensjoni f’pajjiżi terzi huma, bħala prinċipju, suġġetti għall-istess obbligu.

67.

Il-Kummissjoni tqis li l-iskop li l-fondi ta’ pensjoni Ġermaniżi jiġu eżentati mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital fuq dividendi mqassma lilhom huwa li jippermettilhom li jibnu biżżejjed kapital sabiex ikopru l-ħlas ta’ pensjonijiet futuri. Id-dividendi mħallsa għalhekk jiġu eżentati mit-taxxa fuq id-dħul mill-kapital sakemm jintużaw għal provvedimenti tekniċi. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ fond ta’ pensjoni mhux residenti, anki li kieku kellha tingħata prova li dan juża d-dividendi rċevuti sabiex jistabbilixxi provvedimenti, huwa jkollu jħallas b’mod definittiv it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital fil-Ġermanja bl-ammont previst fil-Ftehim Bilaterali dwar it-Taxxa Doppja inkwistjoni.

68.

F’dan ir-rigward, suġġett għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-effett li teżenta kważi għalkollox mit-taxxa lid-dividendi mħallsa lil fond ta’ pensjoni residenti, tissodisfa l-għan li tiġi ggarantita l-attività tal-assigurazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni permezz tal-kostituzzjoni ta’ kapital azzjonarju suffiċjenti sabiex jiġu koperti l-impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar fil-futur. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dividendi mqassma lil fond ta’ pensjoni mhux residenti, anki jekk dawn jintużaw sabiex jissodisfaw l-istess għan, it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital miġbura ssir taxxa definittiva mingħajr ma jkun hemm tali kważi eżenzjoni ( 37 ). Minn din il-perspettiva nqis li l-fondi ta’ pensjoni residenti u mhux residenti għandhom għanijiet komuni u għalhekk għandhom jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

69.

Barra minn hekk, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tiżgura piż fiskali effettiv ugwali fuq il-fondi ta’ pensjoni residenti u l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti li jinvestu f’kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li d-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni residenti huma suġġetti għal żewġ taxxi kumulattivi (it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital u t-taxxa fuq il-kumpanniji), filwaqt li d-dividendi miġbura minn fond ta’ pensjoni mhux residenti huma suġġetti biss għat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital, hija ġurisprudenza stabbilita li, mill-mument meta Stat Membru, b’mod unilaterali jew permezz ta’ ftehim, jissuġġetta għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss lill-kumpanniji residenti iżda wkoll lill-kumpanniji mhux residenti, fir-rigward tad-dħul li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija kumpanniji mhux residenti toqrob lejn dik tal-kumpanniji residenti ( 38 ).

70.

Fil-fatt, huwa s-sempliċi eżerċizzju minn dan l-istess Stat tal-ġurisdizzjoni fiskali tiegħu li, irrispettivament minn kull tassazzjoni fi Stat Membru ieħor, jagħti lok għal riskju ta’ sensiela ta’ taxxi jew ta’ taxxa doppja ekonomika. F’tali każ, sabiex il-kumpanniji benefiċjarji mhux residenti ma jkollhomx jaffaċċjaw restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE, l-Istat Membru ta’ residenza tal-kumpannija li tqassam id-dividendi għandu jara li, fir-rigward tal-mekkaniżmu previst mid-dritt nazzjonali tiegħu sabiex jipprevjeni jew inaqqas is-sensiela ta’ taxxi jew it-taxxa doppja ekonomika, il-kumpanniji mhux residenti jiġu ssuġġettati għal trattament ekwivalenti għal dak li minnu jibbenefikaw il-kumpanniji residenti ( 39 ).

71.

F’dan il-każ, peress li l-Ġermanja għażlet li teżerċita l-ġurisdizzjoni fiskali tagħha fuq id-dħul irċevut mill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti, dawn għalhekk jinsabu f’pożizzjoni paragunabbli għal dik tal-fondi ta’ pensjoni residenti fil-Ġermanja fir-rigward tar-riskju tat-taxxa doppja ekonomika tad-dividendi mħallsa mill-kumpanniji residenti fil-Ġermanja ( 40 ).

2) L-allegata applikazzjoni ta’ tekniki ta’ tassazzjoni differenti

72.

Il-Gvern Ġermaniż jargumenta li l-fondi ta’ pensjoni residenti u l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti ma humiex f’sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli minħabba li ż-żewġ kategoriji ta’ fondi ta’ pensjoni jkunu suġġetti għal tekniki ta’ tassazzjoni differenti fis-sens tas-sentenza Truck Center ( 41 ).

73.

F’dan ir-rigward ninnota li mill-punti 41 u 46 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li differenza fit-trattament, li tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ tekniki jew metodi differenti ta’ impożizzjoni ta’ taxxa differenti skont il-post ta’ residenza tal-kumpannija li tirċievi d-dħul inkwistjoni, tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli.

74.

F’dan il-każ, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha toqgħod lura milli tapplika l-ġurisprudenza tal-imsemmija sentenza Truck Center għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, din is-sentenza tiġi spiss invokata mill-gvernijiet tal-Istati Membri meta jiddefendu leġiżlazzjonijiet nazzjonali li għandhom l-effett li jittrattaw sitwazzjonijiet ta’ persuni taxxabbli residenti b’mod differenti minn dawk ta’ persuni taxxabbli mhux residenti ( 42 ). Issa, sa fejn naf jien, din l-istess sentenza ġiet ikkonfermata darba biss ( 43 ). Dan l-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet naqqset il-portata ta’ din il-ġurisprudenza billi spjegat li din il-ġurisprudenza kienet tirrigwarda biss il-modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa li jvarjaw skont il-post ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali ( 44 ).

75.

It-tieni nett, nosserva li din il-ġurisprudenza hija kkritikata bil-qawwi mill-kummentarji legali ( 45 ) u tista’ twassal biss għal diffikultajiet fl-applikazzjoni ( 46 ).

76.

F’dan ir-rigward, jidhirli li l-kriterju dwar l-applikazzjoni ta’ tekniki ta’ tassazzjoni differenti, sabiex tiġi stabbilita l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet bejn persuna taxxabbli residenti u persuna taxxabbli mhux residenti, huwa bbażat fuq raġunament tawtoloġiku. Fil-fatt, b’mod ġenerali, ir-residenti u dawk li ma humiex residenti huma suġġetti għal tekniki ta’ tassazzjoni differenti. Din is-sentenza sempliċement tikkonferma li s-sitwazzjonijiet huma differenti peress li l-persuni taxxabbli residenti u dawk mhux residenti huma differenti ( 47 ). Għalhekk, fil-kawża prinċipali, il-fondi ta’ pensjoni residenti huma “kompletament taxxabbli” ( 48 ), filwaqt li d-dħul mill-fondi ta’ pensjoni barranin huma suġġetti biss għal obbligu ta’ taxxa “limitat” li jirrigwarda biss id-dħul li ġej mill-Ġermanja ( 49 ). Fil-fehma tiegħi, it-tekniki ta’ tassazzjoni differenti jirriflettu sempliċement din id-differenza. Madankollu dan ma jfissirx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqa’ awtomatikament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital.

77.

Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja toqgħod lura milli tapplika l-ġurisprudenza Truck Center ( 50 ) f’dan il-każ. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis, fil-fatt, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tillimita ruħha għall-modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa, iżda tagħti vantaġġ fiskali sostanzjali lill-fondi ta’ pensjoni residenti li ma jingħatax lill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti ( 51 ). Din is-soluzzjoni tidher li tirriżulta wkoll mis-sentenza reċenti N Luxembourg 1 et li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li jinsilet benefiċċju minn skadenza li tiddekorri kunsiderevolment iktar tard minn dik tat-taxxa f’ras il-għajn dovuta fil-każ ta’ ħlas ta’ interessi minn kumpannija residenti lil kumpannija mhux residenti kien jikkostitwixxi vantaġġ, b’tali mod li s-sentenza Truck Center ma kinitx tapplika ( 52 ).

3) It-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż direttament marbuta mal-ġbir ta’ dividendi

78.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, kemm id-Dipartiment tat-Taxxi ta’ München kif ukoll il-Gvern Ġermaniż isostnu li ma hemm ebda rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul mid-dividendi, minn naħa, u l-istabbiliment ta’ provvedimenti matematiċi u provvedimenti tekniċi oħra, min-naħa l-oħra, b’tali mod li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni ma humiex paragunabbi.

79.

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-persuni taxxabbli residenti u l-persuni taxxabbli mhux residenti huma f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-ispejjeż direttament marbuta mal-attivitajiet li jagħtu lok għad-dħul taxxabbli ( 53 ). F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li filwaqt li l-metodu ta’ tassazzjoni applikat għar-residenti kien jippermetti t-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta direttament mal-ġbir tad-dividendi, “it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż għandu jiġi aċċettat ukoll għall-[...] mhux residenti” ( 54 ).

80.

Madankollu, inqis li din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-imsemmija ġurisprudenza tirrigwarda spejjeż li huma direttament marbuta mal-ġbir tad-dħul ( 55 ). F’dan il-każ, jidhirli li huwa ovvju li l-provvedimenti stabbiliti mill-fondi ta’ pensjoni ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “spejjeż marbuta mal-ġbir tad-dħul”. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż direttament marbuta mal-ġbir tad-dividendi tapplika biss f’każijiet fejn l-għoti tal-benefiċċju fiskali, jiġifieri l-eżenzjoni jew it-tnaqqis tat-taxxa f’ras il-għajn, huwa marbut mal-istabbiliment tal-bażi taxxabbli u, b’mod partikolari, fil-forma ta’ nefqa f’bilanċ fiskali, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, jidhirli li f’dan il-każ ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ma tirriżultax mit-tnaqqis tal-provvedimenti fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ tali bażi, iżda mit-tpaċija sħiħa li sseħħ wara dak l-istabbiliment. Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li din il-ġurisprudenza hija irrilevanti fi skema fiskali li tipprovdi t-tpaċija sħiħa inkwistjoni.

81.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tiddeċiedi li teżamina jekk hemmx rabta bejn il-kostituzzjoni tal-provvedimenti u l-ġbir ta’ dħul mid-dividendi, jiena nemmen li tali rabta tista’ tiġi stabbilita biss għall-parti tal-provvedimenti li hija l-konsegwenza diretta tal-ġbir tad-dividendi. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom rabta diretta mal-attività li ġġenerat dħul taxxabbli l-ispejjeż ikkawżati minn din l-attività u, għalhekk, neċessarji għall-eżerċizzju tagħha ( 56 ). F’dan il-każ, l-attività li ġġenerat id-dħul hija l-ġbir tad-dividendi u l-ispejjeż ikkawżati minn din l-attività huma l-ispejjeż relatati mal-ġbir ta’ dawn id-dividendi. Il-provvedimenti jikkostitwixxu nefqa relatata mal-attività tal-assigurazzjonijiet.

82.

F’dan ir-rigward, kif sostna essenzjalment il-Gvern Ġermaniż, il-kostituzzjoni tal-provvedimenti għandha ssir irrispettivament minn jekk id-dħul huwiex dħul minn dividendi jew minn kontribuzzjonijiet imħallsa mill-abbonati. Tabilħaqq, l-eżistenza nnifisha ta’ provvedimenti hija marbuta mal-attività tal-assigurazzjoni u l-provvedimenti għandhom jagħmluha possibbli li jiġu ssodisfatti l-obbligi tal-fond ta’ pensjoni fir-rigward ta’ benefiċċji futuri. Il-provvedimenti huma dovuti għall-impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar u mhux mal-volum tad-dħul iġġenerat. Għall-kuntrarju, meta l-fond ta’ pensjoni ma jdaħħalx benefiċċji minn investiment, xorta jibqa’ l-fatt li huwa obbligat, bis-saħħa tal-liġi nazzjonali, li jistabbilixxi provvedimenti sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu. B’analoġija, fir-rigward tal-iskema ta’ provvedimenti tal-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali u għall-assigurazzjoni tal-ħajja, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirrikonoxxi l-importanza tal-provvedimenti iżda madankollu jħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri dwar il-metodi ta’ kif għandhom jiġu stabbiliti ( 57 ). Konsegwentement, nemmen li, bħala prinċipju, il-provvedimenti tal-fondi ta’ pensjoni ma humiex direttament marbuta mad-dividendi rċevuti.

83.

Barra minn hekk, ninsab partikolarment sensittiv għall-argument imressaq mid-Dipartiment tat-Taxxi ta’ München ibbażat fuq il-ġurisprudenza nazzjonali dwar kumpannija tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Skont din il-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ nefqa li tirriżulta mill-allokazzjoni għal provvedimenti matematiċi u għal provvedimenti oħra, ma hemm ebda rabta kawżali bejn din in-nefqa u l-profitti li jakkumulaw mill-investimenti, li bi prijorità jkunu marbuta mal-attività tal-assigurazzjoni fit-territorju nazzjonali. L-obbligu li jiġu stabbiliti provvedimenti matematiċi kif ukoll provvedimenti tekniċi oħra jirriżulta mit-tip ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni. Għalkemm din is-sentenza tirrigwarda kumpanniji tal-assigurazzjoni tas-saħħa, ma nara ebda raġuni għalfejn is-sitwazzjoni tal-fondi ta’ pensjoni għandha tkun differenti. Għalhekk, inqis li dan l-approċċ jista’ jiġi applikat b’analoġija għal din il-kawża ( 58 ).

84.

Konsegwentement, jidhirli li huwa diffiċli li nargumenta li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-provvedimenti tal-fondi ta’ pensjoni jista’, bħala tali, jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

85.

CPP isostni li, sakemm id-dividendi jintużaw għall-provvedimenti, dawn iwasslu għal żieda f’dawn il-provvedimenti li, min-naħa tagħhom, inaqqsu d-dħul taxxabbli. F’dan ir-rigward, kif stabbilit fil-punti 18 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-investimenti kontabilistiċi u mhux kontabilistiċi, bl-eċċezzjoni tal-parti residwa ta’ 10 %, iżidu l-provvedimenti. Għalhekk, jidhirli li parti minn dawn tirriżulta mis-sempliċi ħlas tad-dividendi. Madankollu, fil-fehma tiegħi, huwa impossibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina liema hija din il-parti fis-sistema nazzjonali. Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina liema parti minn dawn il-provvedimenti hija “relatata direttament” mal-ġbir tad-dividendi. Fi kwalunkwe każ, il-provvedimenti li ma għandhom ebda rabta mal-ġbir tad-dividendi għandhom jitnaqqsu minn din id-determinazzjoni.

86.

Bħala konklużjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi sostnuta fuq il-bażi li tapplika għal sitwazzjonijiet oġġettivament differenti. Jeħtieġ, għalhekk, li jiġi ddeterminat jekk din ir-regola tistax tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

b)   Fuq l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

87.

Skont il-qorti tar-rinviju, id-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma hijiex iġġustifikata mill-prinċipju ta’ territorjalità, u lanqas mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali, u lanqas mill-ħsieb li tiġi żgurata distribuzzjoni bbilanċjata tas-setgħa tat-tassazzjoni bejn l-Istati Membri, jew mill-effikaċja tal-kontrolli fiskali.

88.

Ċertament, huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, dawn il-ġustifikazzjonijiet jistgħu jiġu ammessi bħala għanijiet leġittimi rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 59 ). Madankollu, f’dan il-każ, inqis li l-ebda wieħed minn dawn l-għanijiet ma jista’ jiġġustifika d-differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni residenti u dawk mhux residenti. Peress li l-partijiet interessati ma ddiskutewx din il-kwistjoni, hija ma għandhiex tiġi diskussa fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet.

89.

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, inqis li r-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li teskludi t-tnaqqis tal-ispejjeż direttament marbuta mal-ġbir tad-dividendi biss għal dawk li ma humiex residenti, la tista’ tiġi ġġustifikata bl-assenza ta’ paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet ikkonċernati u lanqas bir-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

B. Fuq it-tieni domanda preliminari

90.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-restrizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni definittiva tat-taxxa f’ras il-għajn fuq dividendi rċevuti mill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti, filwaqt li l-fondi ta’ pensjoni Ġermaniżi huma, fil-prattika, eżenti minnha, hijiex ammissibbli b’applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE.

91.

Skont l-Artikolu 64(1) TFUE, Stat Membru jista’ japplika, fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk dawn imorru kontra l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 63(1) TFUE, bil-kundizzjoni li tali restrizzjonijiet kienu diġà jeżistu fil‑31 ta’ Diċembru 1993 ( 60 ).

92.

Għalhekk l-Artikolu 64(1) TFUE jipprovdi li “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 [TFUE] ma jippreġudikawx l-applikazzjoni għall-pajjiżi terzi ta’xi restrizzjonijiet li jkunu jeżistu fil‑31 ta’ Diċembru 1993 skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi ta’ l-Unjoni dwar il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett – inkluż ukoll investiment f’beni immobbli – l-istabbiliment, il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq kapitali”. Jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni tissodisfax iż-żewġ kriterji kumulattivi ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-kriterju ratione temporis u l-kriterju ratione materiae.

93.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 64(1) TFUE, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li d-dispożizzjoni Ġermaniża dwar in-natura rilaxxatorja tat-taxxa f’ras il-għajn għall-fondi ta’ pensjoni barranin u li tippermetti t-tpaċija sħiħa tat-taxxa fuq id-dħul mat-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri l-Artikolu 32(1)(2) tal-KStG, hija identika, kemm mill-perspettiva tal-formulazzjoni tagħha kif ukoll mill-perspettiva tal-effetti tagħha, għall-verżjoni li kienet fis-seħħ fil‑31 ta’ Diċembru 1993.

94.

F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li, sabiex jiġi stabbilit jekk ir-restrizzjoni inkwistjoni ilhiex teżisti minn dik id-data, hija s-sustanza stess tal-mekkaniżmu tat-taxxa li wasslet għar-restrizzjoni li kellha tippersisti minn dik id-data ’l hawn. Minn dan l-angolu, fil-kawża prinċipali, jidher li l-kriterju ratione temporis huwa ssodisfatt.

95.

Fil-fatt, l-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tindika li “il-proċedura ta’ tpaċija mat-taxxa fuq il-kumpanniji kienet applikabbli mill‑31 ta’ Diċembru 1993 għall-kontribwenti kompletament taxxabbli”. It-tieni nett, il-fatt li r-rata ta’ taxxa nbidlet minn dik id-data ’l hawn ma jidhirlix li jimplika li nbidlet is-sustanza nnifisha tal-mekkaniżmu fiskali. It-tielet nett, fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-leġiżlatur Ġermaniż irrikonoxxa l-eżistenza tal-fondi ta’ pensjoni Ġermaniżi biss fl-2002, billi ppreveda regoli speċifiċi għalihom, huwa irrilevanti. Tabilħaqq, it-tibdil tal-portata ratione personae tal-mekkaniżmu fiskali, jiġifieri ż-żieda jew it-tnaqqis tan-numru ta’ persuni taxxabbli suġġetti għal dak il-mekkaniżmu, huwa irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sustanza stess tal-mekkaniżmu fiskali nbidlitx. Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, nemmen li s-sustanza nnifisha tal-mekkaniżmu fiskali inkwistjoni li wassal għar-restrizzjoni, kif jidher mit-talba għal deċiżjoni preliminari, ma nbidlitx mill-31 ta’ Diċembru 1993 ’l hawn.

96.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 64(1) TFUE, fis-sentenza X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) ( 61 ), il-Qorti tal-Ġustizzja riċentement fakkret li mill-kliem tagħha stess jirriżulta li, għalkemm ir-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, lejn jew minn pajjiżi terzi, li jinvolvu investimenti diretti, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din il-klawżola, l-investimenti ta’ portafoll ma humiex inklużi fost il-moviment ta’ kapital imsemmi f’din il-klawżola. Peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-investimenti ta’ portafoll ( 62 ), dawn tal-aħħar ma jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “investiment dirett” skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni.

97.

Il-kwistjoni tibqa’ dwar jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-“moviment tal-kapital li jinvolvi […] il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji” skont it-tifsira tal-Artikolu 64(1) TFUE.

98.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE jirrigwarda r-rabta kawżali li teżisti bejn il-movimenti ta’ kapital u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji u mhux il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżura nazzjonali kontenzjuża jew ir-relazzjoni tagħha mal-fornitur, pjuttost milli mad-destinatarju, ta’ tali servizzi ( 63 ). Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa ddefinit b’riferiment għall-kategoriji ta’ movimenti ta’ kapital li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ restrizzjonijiet ( 64 ).

99.

Barra minn hekk, nemmen li l-espressjoni “moviment tal-kapital li jinvolvi […] il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji” skont it-tifsira tal-Artikolu 64(1) TFUE għandha tiġi interpretata b’mod strett fis-sens li hija tirrigwarda miżura restrittiva relatata mal-moviment ta’ kapital li jagħti lok għall-provvista ta’ servizzi iżda mhux mas-servizzi pprovduti bħala tali. Fil-fatt, bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kuntest tal-kawża Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company, din id-dispożizzjoni tkopri, fil-formulazzjoni tagħha, il-moviment ta’ kapital meta dan “jinvolvi”, fis-sens li jagħti lok għalihom, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji ( 65 ).

100.

F’dan il-każ, il-kategorija ta’ movimenti ta’ kapital ikkonċernati hija l-ħlas ta’ dividendi lil fond ta’ pensjoni. Jiena tal-fehma li meta fond ta’ pensjoni jirċievi dividendi, ir-rabta ta’ kawża u effett bejn il-movimenti tal-kapital u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji hija nieqsa, ladarba hija kwistjoni ta’ akkwist dirett ta’ ishma minn investitur li jfittex li jiddiversifika l-assi tiegħu u jqassam aħjar ir-riskji. Kif indikat il-Kummissjoni, l-akkwist ta’ holdings minn fond ta’ pensjoni u d-dividendi rċevuti għal dan il-għan iservu prinċipalment għaż-żamma tal-assi permezz ta’ diversifikazzjoni ikbar u tqassim aħjar tar-riskji kif ukoll tal-provvedimenti stabbiliti minnu, sabiex jiġu żgurati l-obbligi tal-pensjonijiet fir-rigward tal-abbonati tiegħu.

101.

Fl-aħħar nett, ir-restrizzjoni inkwistjoni tirriżulta mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tpaċija sħiħa tat-taxxa fuq id-dividendi miġbura mill-fondi ta’ pensjoni residenti u li għaliha l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti ma humiex eliġibbli. Madankollu, din ir-restrizzjoni ma tirrigwardax il-moviment ta’ kapital marbut mal-provvista ta’ servizzi finanzjarji mill-fond ta’ pensjoni lill-abbonati tiegħu.

102.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-klawżola ta’ sospensjoni prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE ma tapplikax għar-restrizzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

V. Konklużjoni

103.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja):

1)

L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma minn kumpannija residenti kemm lill-fondi ta’ pensjoni residenti kif ukoll lill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti, billi tipprovdi mekkaniżmu ta’ tpaċija sħiħa mat-taxxa fuq il-kumpanniji rriżervata għall-fondi ta’ pensjoni residenti u, minħabba dan, teżenta kważi kompletament lil dawn id-dividendi minn piż fiskali, filwaqt li għall-fondi ta’ pensjoni mhux residenti, din it-taxxa f’ras il-għajn tikkostitwixxi taxxa definittiva, sa fejn il-piż fiskali effettiv relatat ma’ dawn id-dividendi sostnut, f’dan l-Istat, mill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti huwa itqal minn dak li jġorru l-fondi ta’ pensjoni residenti, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali.

2)

L-Artikolu 64(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma ġietx emendata b’mod fundamentali mill‑31 ta’ Diċembru 1993 u li tipprevedi t-tpaċija sħiħa tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital mat-taxxa fuq il-kumpanniji, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-provvista ta’ servizzi finanzjarji skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Peress li d-domandi preliminari jirrigwardaw l-Artikoli 63 sa 65 TFUE u l-kontenut tagħhom huwa identiku għall-Artikoli 56 sa 58 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat KE), li ppreċedewhom, ser jsir riferiment għalihom, anki jekk uħud mill-fatti jmorru lura għal perjodu qabel l-1 ta’ Diċembru 2009.

( 3 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑342/10, EU:C:2012:688); tat‑22 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑600/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:737); u tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metadata en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402).

( 4 ) BGBl. 1993 I, p. 2.

( 5 ) BGBl. 2015 I, p. 434.

( 6 ) BGBl. 2002 I, p. 4210, u BGBl. 2003 I, p. 179.

( 7 ) BGBl. 2002 I, p. 4144.

( 8 ) It-terminu Ġermaniż użat fit-talba għal deċiżjoni preliminari huwa “Deckungsstock”.

( 9 ) Il-provvedimenti matematiċi jikkostitwixxu kategorija ta’ provvedimenti li tikkorrispondi għal riżervi kkostitwiti mill-fond ta’ pensjoni sabiex jiggarantixxi l-ħlas ta’ benefiċċji tal-irtirar. Dawn il-provvedimenti għandhom jiġu stmati konformement mal-Artikolu 341f tal-Handelsgesetzbuch (il-Kodiċi Kummerċjali).

( 10 ) BGBl. 2002 II, p. 670.

( 11 ) Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, Wagner‑Raith (C‑560/13, EU:C:2015:347, punti 3944).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C-464/14, EU:C:2016:896, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) F’sitwazzjoni simili għal din il-kawża prinċipali, fis-sentenza tal‑10 ta’ April 2014, Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2014:249, punt 34), il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament ippreċiżat li sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, ma hijiex kwistjoni li tiġi eżaminata n-natura tal-eżenzjoni prevista minn dik il-leġiżlazzjoni jew in-natura tal-attività mwettqa mill-fond ta’ investiment, iżda pjuttost il-forma ta’ holding tal-fondi ta’ investiment fil-kumpanniji residenti.

( 15 ) F’dan ir-rigward, nixtieq ninnota li fis-sentenza reċenti tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136), il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li teżamina d-domandi f’ordni inversa, jiġifieri li l-ewwel teżamina l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 64(1) TFUE u sussegwentement tal-Artikolu 63(1) TFUE.

( 16 ) Sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 15); tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C-14/14 u C-17/14, EU:C:2015:608, punt 44); kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 27).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, CPP jargumenta li suppliment ta’ solidarjetà ta’ 5.5 % jiġi miżjud mat-taxxa fuq il-kumpanniji, tant li jirriżulta piż fiskali totali li jammonta għal 15.825 %. Madankollu, nikkonstata li fit-talba għal deċiżjoni preliminari l-qorti tar-rinviju tirraġuna fuq il-bażi ta’ taxxa fuq il-kumpanniji ta’ 15 %. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, se jsir riferiment għal rata ta’ 15 %.

( 19 ) Il-Qorti tar-rinviju tiddikjara wkoll li “t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital hija kompletament paċuta mat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-fondi ta’ pensjoni Ġermaniżi kompletament taxxabbli”.

( 20 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, CPP jenfasizza li l-fond ta’ pensjoni jista’ jħallas kemm it-taxxa fuq id-dħul mill-kapital kif ukoll is-suppliment ta’ solidarjetà impost fuq id-dividendi li jistgħu jitnaqqsu mit-taxxa fuq il-kumpanniji. Madankollu, din il-kjarifika ma tidhirx fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet ser isir riferiment għat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital li tista’ titnaqqas b’25 % mid-dividendi grossi.

( 21 ) Il-qorti tar-rinviju tgħid li “id-dħul mid-dividendi magħmul mill-fondi ta’ pensjoni Ġermaniżi ġeneralment ma jirriżultax fi dħul taxxabbli b’konsegwenza taż-żieda simultanja ta’ provvedimenti għal impenji marbuta mal-pensjoni tal-irtirar” u li, peress li dawn il-fondi huma “intaxxati fuq il-bażi tad-dħul tagħhom (jiġifieri wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tan-negozju), normalment iħallsu biss taxxa fuq il-kumpanniji relattivament baxxa minħabba l-paralleliżmu ġenerali bejn il-ġbir ta’ dividendi u ż-żieda fil-provvedimenti”.

( 22 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑600/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:737, punt 15), u tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑342/10, EU:C:2012:688, punt 33).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 34); tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 48); u tad‑19 ta’ Jannar 2006Bouanich (C‑265/04, EU:C:2006:51, punt 33).

( 24 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, Hirvonen (C‑632/13, EU:C:2015:765, punti 4448).

( 25 ) Barra minn hekk, il-kunċett ta’ piż fiskali ikbar intuża wkoll fil-qasam tat-tassazzjoni tas-suċċessjonijiet. Fis-sentenza tagħha tal‑31 ta’ Marzu 2011, Schröder (C‑450/09, EU:C:2011:198, punt 40), dwar it-tassazzjoni tas-suċċessjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għoti ta’ tnaqqis fuq il-bażi taxxabbli tal-proprjetà immobbli, li kien jiddependi mill-post ta’ residenza tal-persuna ddeċeduta u tal-benefiċjarju fil-mument tal-mewt, jirriżulta f’piż fiskali effettiv ogħla minn dak li jinvolvi mill-inqas resident wieħed u b’hekk ikollu l-effett li jnaqqas il-valur ta’ din is-suċċessjoni.

( 26 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et (C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 31).

( 27 ) Li kieku kellu jitqies li X huwa l-valur tad-dividendi gross imħallsa, il-valur tad-dividendi netti rċevuti mill-fond ta’ pensjoni residenti jkun X – (0.25X). L-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ 15 % jkollha bħala riżultat (X – (0.25X)) × 0.15, li jammonta għal rata effettiva ta’ 11.25 %.

( 28 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma fit-tweġiba tiegħu għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja li fir-rigward tal-piż fiskali definittiv hemm differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni residenti u dawk mhux residenti.

( 29 ) Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tal-KStG u tal-Artikolu 36(2)(2) tal-EStG.

( 30 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012 (C‑342/10, EU:C:2012:688).

( 31 ) Fil-fatt jidhirli li fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, 75 % mid-dividendi mqassma minn kumpanniji residenti lil fondi ta’ pensjoni residenti ġew intaxxati u kienu suġġetti għal rata ta’ tassazzjoni ta’ 26 %. Għalhekk, dawn id-dividendi kienu de facto taxxabbli fl-intier tagħhom b’rata ta’ 19.5 %. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-istess regola kienet tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Welte (C‑181/12, EU:C:2013:662, punti 4243 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen (C‑10/14, C-14/14 u C-17/14, EU:C:2015:608, punt 63); u tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et (C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 45).

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et (C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 46); tal‑20 ta’ Settembru 2018, EV (C‑685/16, EU:C:2018:743, punt 87); tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C-480/16 sa C‑347/11, EU:C:2018:480, punt 48); u s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen (C‑10/14, C‑14/14 u C-17/14, EU:C:2015:608, punt 64).

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 64).

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2018, EV (C‑685/16, EU:C:2018:743, punt 88); tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 50); u tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 28), kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 49).

( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 50).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 54); tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑387/11, EU:C:2012:670, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C‑170/05, EU:C:2006:783, punt 35).

( 39 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 58), u tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 42).

( 41 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C‑282/07, EU:C:2008:762).

( 42 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et (C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punt 163); tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et (C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 48); tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608); tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor (C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011); tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑269/09, EU:C:2012:439); tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286); tal‑1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman-Lavaleije (C‑233/09, EU:C:2010:397); u tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑487/08, EU:C:2010:310).

( 43 ) Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, X (C‑498/10, EU:C:2012:635, punt 26).

( 44 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et (C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 52).

( 45 ) Ara Beretta, G., “The Brisal and KBC Finance Decision: Once Again the CJEU Assesses the Compatibility with EU Law of Gross Withholding Taxation of Non-residents”, EC Tax Review, 2007, pp. 193 sa 200; Lang, M., “Recent Case Law of the ECJ in Direct Taxation: Trends, Tensions, and Contradictions”, EC Tax Review, 2009, pp 100 sa 101; CFE ECJ Task Force, “Comment by the CFE Task Force on ECJ Cases on the Judgment in Belgium SPF Finance v. Truck Center SA”, nru 158; kif ukoll De Broe, L. u Bammens, N., “Truck Center Belgian Withholding Tax on Interest Payments to Non-resident Companies Does Not Violate EC Law: A Critical Look at the ECJ’s Judgment in Truck Center”, EC Tax Review, 2009, pp. 131 sa 137.

( 46 ) Il-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2016, Breisal u KBC Finance Ireland (C‑18/15, EU:C:2016:549), hija eżempju tajjeb ta’ dan. F’din il-kawża, it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Sintra (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Sintra, il-Portugall) applikat is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C‑282/07, EU:C:2008:762), għalkemm fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) sostniet li ma kienx hemm bżonn li jsir riferiment għal din is-sentenza.

( 47 ) CFE ECJ Task Force, “Comment by the CFE Task Force on ECJ Cases on the Judgment in Belgium SPF Finance v. Truck Center SA”, nru 158, punt 18.

( 48 ) Konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tal-KStG.

( 49 ) Konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8(1) tal-KStG, tal-punt 5a tal-Artikolu 49(1) tal-EStG u tal-punt 1 tal-Artikolu 20(1) tal-EStG.

( 50 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008 (C‑282/07, EU:C:2008:762).

( 51 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 53).

( 52 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, N Luxembourg 1 et (C‑115/16, C‑118/16, C‑119/16 u C‑299/16, EU:C:2019:134, punti 164165).

( 53 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse (C‑234/01, EU:C:2003:340); tat‑3 ta’ Ottubru 2006, FKP Scorpio Konzerproduktionen (C‑290/04, EU:C:2006:630); u tal‑15 ta’ Frar 2007, Centro Equestre da Lezíria Grande (C‑345/04, EU:C:2007:96).

( 54 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 65).

( 55 ) Fil-punt 20 tas-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑600/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:737), li tirrigwarda l-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar it-tnaqqis tal-ispejjeż operattivi marbuta mal-ġbir tad-dividendi u tal-interessi miġbura fil-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod preċiż li “il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda evidenza biex turi li [l-ispejjeż bankarji u spejjeż ta’ tranżazzjoni simili], jekk dawn jistgħu, fejn applikabbli, ikunu direttament marbuta ma’ ammont imħallas b’rabta ma’ tranżazzjoni ta’ titoli […], huma wkoll u neċessarjament direttament marbuta mal-ġbir, fih innifsu, ta’ dħul fil-forma ta’ dividendi jew ta’ interessi”.

( 56 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, Montag (C‑480/17, EU:C:2018:987, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Għalhekk, minn naħa, id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 350) tgħid fil-premessa 26 tagħha li “[k]alkolazzjoni prudenti tal-provvisti [provvedimenti] tekniċi hija kondizzjoni essenzjali biex jiġi assigurat li l-obbligazzjonijiet għall-ħlas ta’ benefiċċji ta’ irtirar ikunux jistgħu jitħarsu” u li “[i]r-rati massimi ta’ mgħax għandhom jintgħażlu b’mod prudenti skond kull regola relevanti nazzjonali”. Skont il-premessa 27 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandu għalhekk ikollhom il-possibbiltà li jissuġġettaw il-kalkolu tal-provvisti tekniċi għal regoli addizzjonali u iktar iddettaljati minn dawk iddikjarati fl-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-ħajja, skont il-premessi 35 u 36 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), huwa “neċessarju mill-punto di vista tal-protezzjoni ta’ ħajjiet assigurati li kull impriża ta’ l-assigurazzjoni għandha tistabbilixxi dispożizzjonijiet [provvedimenti] tekniċi adegwati” u li, fir-rigward tal-limitazzjoni tar-rata tal-interessi użata fil-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi, “jidher approprjat li l-Istati Membri jitħallew għażla libera dwar il-metodu li għandu jiġi użat”. Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1) li tissostitwixxi d-Direttiva 2002/83/KE tipprovdi prinċipji simili.

( 58 ) Sentenza tas‑6 ta’ April 2016 (Nru I R 61/14) tal-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja).

( 59 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑269/09, EU:C:2012:439, punti 63 sa 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, EU:C:2006:774, punt 187); tal‑24 ta’ Mejju 2007, Holböck (C‑157/05, EU:C:2007:297, punt 39); tal‑24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C‑464/14, EU:C:2016:896, punt 86); u tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 27).

( 61 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2019 (C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 28).

( 62 ) Punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 63 ) Ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, Wagner‑Raith (C‑560/13, EU:C:2015:347, punti 3943 sa 45) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżura nazzjonali għandha tirrigwarda l-movimenti ta’ kapital li għandhom rabta stretta biżżejjed mal-provvista ta’ servizzi finanzjarji u li, sabiex ikun hemm rabta stretta biżżejjed, irid ikun hemm rabta ta’ kawża u effett bejn il-movimenti ta’ kapital u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji.

( 64 ) Sentenza tal‑15 ta’ Frar 2017, X (C‑317/15, EU:C:2017:119, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 65 ) Ara, b’mod ġenerali, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi, tas‑6 ta’ Novembru 2013, fil-kawża Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C‑190/12, EU:C:2013:710, punti 73 sa 80).