KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2018 ( 1 )

Kawża C‑598/17

A-Fonds

vs

Inspecteur van de Belastingdienst

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Kunċett ta’ ‘għajnuna ġdida’ – Għajnuna illegali – Ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi – Skema estiża għall-kumpanniji stabbiliti barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – Moviment liberu tal-kapital – Rwol tal-qrati nazzjonali – Possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jevalwaw il-modalitajiet ta’ skema ta’ għajnuna fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kif ukoll l-Artikoli 107 u 108 – Kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc, il-Pajjiżi l-Baxxi) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE ( 2 ).

2.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari qed isir fil-kuntest ta’ kawża bejn A-Fonds, aġenzija tal-investiment tad-dritt Ġermaniż, u l-Inspecteur van de Belastingdienst (l-Ispettur tat-Taxxa, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem “l-amministrazzjoni tat-taxxa”). A-Fonds qed titlob il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi Olandiża mħallsa għas-snin finanzjarji 2002/2003 sa 2007/2008 billi tinvoka d-dritt għall-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE.

3.

Dan il-ħlas lura ġie miċħud mill-amministrazzjoni tat-taxxa għall-motiv li A-Fonds ma kinitx stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan ir-rifjut jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 63 TFUE u sabiex jingħata rimedju, għandha tintlaqa’ t-talba ta’ ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi mressqa minn A-Fonds.

4.

Madankollu, din il-qorti tistaqsi dwar il-konformità ta’ din id-deċiżjoni mad-dritt fuq l-għajnuna mill-Istat. Billi tqis li l-miżura fiskali Olandiża li tipprevedi l-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat tipprekludix li tintlaqa’ t-talba ta’ ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi mressqa minn A-Fonds abbażi tal-Artikolu 63 TFUE, la darba din id-deċiżjoni ser twassal sabiex jiġi estiż iċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

5.

F’dawn il-konklużjonijiet, sejjer nispjega, primarjament, ir-raġunijiet li għalihom jien inqis li l-qorti tar-rinviju ma hijiex kompetenti sabiex tistħarreġ il-kompatibbiltà tal-kundizzjoni ta’ residenza tal-miżura fiskali Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 63 TFUE, fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq tal-Unjoni riżultanti mill-Artikoli 107 u 108 TFUE kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Iannelli ( 3 ) u Nygård ( 4 ).

6.

Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi fuq dan il-punt, fil-fehma tiegħi, dan ikun jimplika li, jekk tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-kundizzjoni ta’ residenza mal-Artikolu 63 TFUE, il-qorti tar-rinviju jkollha tħalli din il-kundizzjoni mhux applikata u tilqa’ t-talba ta’ ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fi tmiem l-analiżi tiegħi, sejjer nikkunsidra li din id-deċiżjoni ma tikkostitwixxix fiha innifisha miżura ta’ għajnuna mill-Istat u ma twassal għal ebda obbligu fuq il-qrati nazzjonali li jinnotifikawha lill-Kummissjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

7.

L-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE ( 5 ) jipprevedi li hija “għajnuna eżistenti”, “l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ”.

8.

L-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li hija “għajnuna ġdida”, “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

B.   Id-dritt Olandiż

a) Il-Wet op de vennootschapsbelasting (il-Liġi fuq it-Taxxa tal-Kumpanniji) tat-8 ta’ Ottubru 1969

9.

L-Artikolu 2(1)(f) u (g) tal-liġi fuq it-taxxa tal-kumpanniji ( 6 ) jipprovdi:

“1.   Huma suġġetti għat-taxxa bħala persuni taxxabbli nazzjonali, l-entitajiet stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi li ġejjin:

[…]

f)

l-aġenziji komuni ta’ investiment;

g)

l-impriżi, li jissemmew fil-paragrafu 3, ta’ persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku.”

10.

L-Artikolu 2(3) tal-liġi fuq it-taxxa tal-kumpanniji jistabbilixxi lisa ta’ impriżi li joperaw f’ċerti setturi ekonomiċi.

11.

L-Artikolu 2(7) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Il-korpi li tagħhom huma azzjonisti, assoċjati jew membri direttament jew indirettament il-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku Olandiż biss, kif ukoll il-korpi li l-amministraturi tagħhom huma esklużivament nominati u mneħħija direttament jew indirettament mill-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku Olandiż u li l-patrimonju tagħhom jibqa’ esklużivament għad-dispożizzjoni ta’ persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku Olandiż f’każ ta’ likwidazzjoni, huma suġġetti għat-taxxa biss sa fejn huma joperaw impriża skont il-paragrafu 3”.

b) Il-Wet op de dividendbelasting (il-Liġi dwar it-Taxxa Fuq id-Dividendi) tat-23 ta’ Diċembru 1965

12.

L-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi jipprovdi:

“Għandha titħallas bħala ‘taxxa fuq id-dividendi’ taxxa diretta fuq min, direttament jew permezz ta’ ċertifikati, għandu d-dritt għad-dħul minn ishma […]”

13.

Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002, l-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi jipprevedi ( 7 ):

“1.   Permezz ta’ deċiżjoni li għandha tittieħed mill-ispettur u li kontra tagħha jista’ jsir ilment, għandha jingħata lill-persuna ġuridika stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi u ma tkunx suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, fuq talba tagħha, il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li hija tkun ħallset matul sena kalendarja, meta dik it-taxxa tkun ta’ iktar minn EUR 23. L-ewwel sentenza ma tkunx applikabbli għat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa fuq id-dħul li tiegħu l-kumpannija ma tkunx il-benefiċjarja effettiva. It-talba għandha ssir permezz ta’ dikjarazzjoni ppreżentata f’terminu li għandu jiġi stabbilit b’regolament ministerjali.”

14.

Fl-1 ta’ Jannar 2007, daħal fis-seħħ paragrafu 4 ġdid fl-Artikolu 10 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi:

“4.   L-ewwel paragrafu għandu japplika b’analoġija fir-rigward ta’ persuna ġuridika stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea li ma hijiex persuna taxxabbli, f’dak l-Istat, għal taxxa fuq id-dħul u li, kieku kienet stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, lanqas ma kienet tkun suġġetta għall-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

A-Fonds hija aġenzija tal-investiment tad-dritt Ġermaniż mingħajr personalità legali (Spezial-Sondervermögen), li l-azzjonijiet tagħha kollha huma detenuti, sa mill-bidu nett, minn korp tad-dritt pubbliku (Anstalt des öffentlichen Rechts) mogħni b’personalità legali u kkostitwit minn grupp ta’ lokalitajiet Ġermaniżi. Din tal-aħħar twettaq attivitajiet bankarji imma mhux biss bl-għan li tagħmel profitt. Hija inkarigata wkoll minn missjoni pubblika, jiġifieri b’mod partikolari li tutilizza d-dħul tagħha in sostenn ta’ attivitajiet soċjali, kulturali, sportivi, xjentifiċi u edukattivi.

16.

Matul is-snin finanzjarji 2002/2003 sa 2007/2008, A-Fonds kienet tiddetjeni azzjonijiet jew isimha f’kumpanniji Olandiżi. Matul dan il-perijodu, tħallset taxxa fuq id-dividendi ddistribwiti minn dawn il-kumpanniji lil A-Fonds li tagħha din talbet il-ħlas lura lill-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża skont l-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi. Din it-talba ġiet irrifjutata għall-motiv li hija ma kinitx stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif jirrikjedi l-artikolu ċċitat hawn fuq.

17.

Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 10(1), b’riferiment għal sentenza mogħtija mill-Hoge Raad (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi) ( 8 ), il-qorti tar-rinviju tispjega li n-nuqqas ta’ impożizzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji huwa estiż għat-taxxa minn ras il-għan fis-sistema tat-taxxa Olandiża, permezz ta-taxxa fuq id-dividendi, u li dan l-għan huwa limitat għal ċerti persuni ġuridiċi, fosthom il-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku li ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji.

18.

A-Fonds indirizzat lir-rechtbank Zeeland-West-Brabant te Breda (il-Qorti ta’ Zeeland-West-Brabant de Breda, il-Pajjiżi l-Baxxi) b’talbiet għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet, billi b’mod partikolari argumentat li r-restrizzjoni tad-dritt għall-ħlas lura tat-taxxa Olandiża fuq id-dividendi lill-korpi pubbliċi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi msemmija fl-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi hija kuntrarja għall-Artikolu 63 TFUE. Din il-qorti ċaħdet it-talbiet b’sentenza mogħtija fis-6 ta’ Mejju 2014.

19.

A-Fonds appellat minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc).

20.

Peress li kkunsidrat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija f’qagħda paragunabbli ma’ dik tal-korpi pubbliċi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi u ma humiex suġġetti għat-taxxa Olandiża fuq il-kumpanniji, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li r-rifjut li jingħatalha ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi, għall-motiv li ma hijiex stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 63 TFUE u sabiex dan jiġi rrimedjat għandha tintlaqa’ t-talba ta’ ħlas lura.

21.

Madankollu, din il-qorti tistaqsi dwar il-konformità ta’ din id-deċiżjoni mad-dritt fuq l-għajnuna mill-Istat.

22.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-qorti tqis li l-leġiżlazzjoni fuq id-dritt għall-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi previst bl-Artikolu 10(1), tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi jikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti billi tibbaża ruħha fuq deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2013 mogħtija mill-Kummissjoni ( 9 ).

23.

F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ ċerti korpi pubbliċi bl-Artikolu 2(7) tal-liġi fuq t-taxxa tal-kumpanniji kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna eżistenti inkompatibbli mas-suq tal-Unjoni għaliex din l-iskema tikkonċerna biss korpi pubbliċi li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi u għalhekk jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-impriżi privati ( 10 ).

24.

Billi qieset li l-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi, li huwa intaxxar f’ras il-għajn fuq il-kumpanniji, jikkostitwixxi korollarju għan-nuqqas ta’ impożizzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li kemm in-nuqqas ta’ impożizzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji previst mil-liġi fuq it-taxxa tal-kumpanniji kif ukoll il-miżura fiskali kkontestata jikkostitwixxu l-istess skema ta’ għajnuna eżistenti li l-Kummissjoni kienet ikklassifikat bħala tali fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Mejju 2013.

25.

Fl-aħħarnett, il-qorti tar-rinviju tindika li dan huwa każ pilota u li l-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża diġà rċeviet madwar 1000 talba ta’ ħlas lura simili.

26.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-estensjoni tal-portata ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti li tirriżulta mill-fatt li persuna taxxabbli tinvoka b’suċċess id-dritt għal moviment liberu tal-kapital tal-Artikolu 56 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE) tikkostitwixxi għajnuna ġdida li għandha tinftiehem bħala modifika ta’ għajnuna eżistenti?

2.

Fl-affermattiv, il-kompitu fdat lill-qorti nazzjonali mill-Artikolu 108(3) TFUE jipprekludi li l-persuna taxxabbli tingħata vantaġġ fiskali li hija intitolata għalih skont l-Artikolu 56 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 63 TFUE), jew il-qorti nazzjonali għandha tinnotifika lill-Kummissjoni deċiżjoni intiża li tagħti dan il-vantaġġ, jew il-qorti nazzjonali għandha twettaq kwalunkwe att ieħor jew tadotta kwalunkwe miżura oħra, fid-dawl tal-kompitu ta’ stħarriġ li hija għandha skont l-Artikolu 108(3) TFUE?”

27.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn A-Fonds, mill-Gvern Olandiż u mill-Kummissjoni.

IV. Analiżi

A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq il-miżura fiskali kkontestata

28.

It-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi previst fl-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi (iktar ’il quddiem “il-miżura fiskali kkontestata”). Din il-miżura fiskali kkontestata hija strettament marbuta mal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal ċerti korpi pubbliċi prevista fl-Artikolu 2(7) tal-liġi fuq it-taxxa tal-kumpanniji.

29.

Għalhekk, skont l-Artikolu 2(7) tal-liġi fuq it-taxxa tal-kumpanniji, il-korpi kkontrollati direttament jew indirettament mill-awtorità pubblika Olandiża huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji biss jekk huma jeżerċitaw waħda mill-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 2(3) ta’ din l-istess liġi.

30.

Għall-korpi pubbliċi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi li ma jeżerċitawx waħda minn dawn l-attivitajiet u li, għaldaqstant, ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi fl-Artikolu 10(1) tagħha tipprevedi ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li tkun tħallset matul sena kalendarja.

B.   Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

31.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju bbażat ruħha fuq id-deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2013 tal-Kummissjoni meta kklassifikat il-miżura fiskali kkontestata bħala skema ta’ għajnuna eżistenti ( 11 ).

32.

Madankollu, din id-deċiżjoni ma tikkonċernax formalment l-iskema tal-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi prevista fl-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-t-taxxa fuq id-dividendi. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma analizzatx u ma semmietx din id-dispożizzjoni la f’din id-deċiżjoni lanqas fid-deċiżjoni segwenti dwar ir-riforma leġiżlattiva adottata fil-Pajjiżi l-Baxxi wara d-deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2013 ( 12 ). Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet jikkonċernaw formalment biss l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji mogħtija lill-impriżi pubbliċi bis-saħħa tal-liġi fuq it-taxxa tal-kumpanniji.

33.

Billi, fid-domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju bbażat ruħha fuq il-premessa li l-Kummissjoni kienet ukoll ikklassifikat il-miżura fiskali kkontestata bħala skema ta’ għajnuna eżistenti, il-Kummissjoni targumenta li d-domanda għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli għall-motiv li hija ma tinkludix l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli għad-domandi li saru.

34.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni kontenuta fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna, u, f’każ affermattiv jekk din l-iskema ta’ għajnuna tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna eżistenti jew waħda ġdida u jekk hijiex kompatibbli mas-suq tal-Unjoni.

35.

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-miżura fiskali kkontestata tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni targumenta li ma huwiex possibbli li jiġi applikat b’analoġija r-raġunament segwit fid-deċiżjonijiet iċċitati hawn fuq, b’mod partikolari għaliex ma jistax jiġi eskluż li ċ-ċirku tal-benefiċjarji taħt l-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi jkun iktar wiesgħa minn dak previst fl-Artikolu 2(7) tal-liġi fuq t-taxxa tal-kumpanniji.

36.

Il-Kummissjoni żżid li l-miżura fiskali kkontestata ġiet emendata diversi drabi wara li ġiet introdotta, u dan lanqas ma jippermetti li jkun magħruf jekk din hijiex skema ta’ għajnuna eżistenti ( 13 ).

37.

F’kull każ, skont il-Kummissjoni, l-estensjoni taċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi, sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħha mal-Artikolu 63 TFUE, tikkostitwixxi emenda separata tal-iskema prevista fl-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi, li għandha tiġi evalwata separatament minn din l-iskema u li għaldaqstant ma tistax tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-miżura fiskali kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni targumenta li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix informazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-emenda separata tikkostitwixxix fiha nnifisha għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

38.

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-domandi li jsiru jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata li tiddeċiedi. Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod effettiv għad-domandi li jsirulha ( 14 ).

39.

Fuq dan l-aħħar punt, in-neċessità li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi, kif jirriżulta mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li hija tagħmel jew li, mill-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi ( 15 ).

40.

Madankollu, minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ tali konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju dwar l-eżistenza ta’ eventwali interess transkonfinali ċert ma twassalx għall-inammissibbiltà tat-talba jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, jidhrilha li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju ( 16 ).

41.

Għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni jekk il-miżura fiskali kontenzjuża tikkostitwixxix miżura ta’ għajnuna ma hijiex is-suġġett tad-domandi preliminari. Madankollu, iż-żewġ domandi preliminari huma rilevanti biss fl-ipoteżi li din il-miżura fiskali hija effettivament għajnuna mill-Istat.

42.

F’dan il-kuntest, ninnota li, anki jekk il-miżura kontenzjuża tikkostitwixxi vantaġġ fiskali, l-informazzjoni fattwali u legali trażmessa mill-qorti tar-rinviju ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-vantaġġ jistabbilixxix b’mod ċert għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

43.

Huwa minnu li l-miżura fiskali kontenzjuża, applikata bħala taxxa f’ras il-għajn fuq il-kumpanniji, tista’ eventwalment tiġi kkunsidrata bħala skema ta’ għajnuna mill-Istat għaliex hija applikabbli għall-persuni ġuridiċi Olandiżi li għalihom l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji prevista fl-Artikolu 2(7) tal-liġi fuq t-taxxa tal-kumpanniji tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat imsemmija fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

44.

Madankollu, kif targumenta l-Kummissjoni, fl-assenza ta’ preċiżazzjoni fuq l-iskema legali applikabbli għall-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi, ma jistax ikun magħruf il-kamp ta’ applikazzjoni eżatta tal-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi, lanqas, fuq kollox, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni konkreta tagħha, neċessarji sabiex jiġu evalwati l-kriterji kollha li jippermettu li din tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

45.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-assenza tal-konstatazzjonijiet minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma ttellifx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

46.

F’din il-kawża, ladarba l-klassifika tal-miżura fiskali kontenzjuża bħala “għajnuna mill-Istat” ma hijiex is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari u din tidħol fl-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti nazzjonali ( 17 ), anki jekk il-qorti tar-rinviju tagħti portata iktar wiesa’ lid-deċiżjonijiet minn dik mogħtija mill-Kummissjoni, dan fih innifsu ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tkun tista’ tagħti risposta utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

47.

Barra minn hekk, ninnota li l-klassifika ta’ għajnuna mill-Istat mill-qorti tar-rinviju tidher possibbli, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni kklassifikat l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji prevista mill-liġi fuq it-taxxa tal-kumpanniji għal ċerti korpi pubbliċi bħala skema ta’ għajnuna minħabba r-rabta stretta bejn din l-iskema u l-miżura fiskali kkontestata.

48.

Barra minn hekk, jekk din l-iskema effettivament tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna, id-dubji fuq il-kwistjoni jekk din l-iskema ta’ għajnuna hijiex waħda eżistenti jew ġdida minħabba l-emendi multipli li daħlu fis-seħħ wara l-introduzzjoni tagħha ma jfixklux milli tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, billi jiġu kkunsidrati suċċessivament l-ipoteżijiet li fihom il-miżura fiskali kontenzjuża tkun tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna eżistenti jew ġdida.

49.

Il-kwistjoni jekk il-miżura fiskali kkontestata hijiex għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq tal-Unjoni lanqas ma hija determinanti sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Fl-ipoteżi ta’ għajnuna eżistenti, din l-għajnuna hija preżunta legali sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq tal-Unjoni ( 18 ), kif huwa l-każ fit-tilwima fil-kawża prinċipali fejn il-Kummissjoni ma ddeċidietx speċifikament fuq il-miżura fiskali kkontestata.

50.

Fl-ipoteżi ta’ għajnuna ġdida, u fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar in-notifika tal-għajnuna, ma huwiex eskluż li din tkun illegali fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, jidher li din l-għajnuna ġiet implimentata qabel ma l-Kummissjoni ħadet deċiżjoni li tawtorizzaha, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Il-konsegwenzi ta’ dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet jistgħu utilment jiġi kkunsidrati fiż-żewġ ipoteżi suċċessivi ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti jew waħda ġdida.

51.

Fl-aħħarnett, ninnota li l-kwistjoni jekk deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li tilqa’ t-talba għall-ħlas lura ta’ A-Fonds ( 19 ) tikkostitwixxix fiha nnifisha għajnuna mill-Istat hija rilevanti biss sa fejn jitqies, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li din id-deċiżjoni tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Kif sejjer nispjega f’dawn il-konklużjonijiet, ma naqbilx ma’ dan l-analiżi tal-Kummissjoni ( 20 ).

52.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, għalkemm għandha tkun il-qorti tar-rinviju li twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tikklassifika l-miżura fiskali kontenzjuża bħala għajnuna mill-Istat, id-deċiżjoni tar-rinviju tinvolvi elementi ta’ dritt u ta’ fatt suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

53.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, id-domandi preliminari li saru jidhru li huma ammissibbli.

54.

Sabiex tingħata risposta għad-domandi preliminari, fl-iżviluppi li ġejjin, sejjer nitlaq mill-prinċipju li l-vantaġġ fiskali previst fl-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi effettivament jikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat.

C.   Fuq id-domandi preliminari

1. Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq id-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju

55.

Qabel xejn, ninnota li l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-moviment liberu tal-kapital, li l-ksur tiegħu jidhrilha ċert fid-dawl tal-kundizzjoni ta’ residenza tal-miżura fiskali kontenzjuża ( 21 ). Għalhekk mhux ser nittratta dan il-punt fil-konklużjonijiet tiegħi.

56.

Biż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li twassal sabiex testendi ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti, tistax tikkostitwixxi minnha nnifisha għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex temenda għajnuna eżistenti. Jekk ikun il-każ, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk jeżistix obbligu fuq il-qorti nazzjonali li tinnotifika din id-deċiżjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

57.

Mid-deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll fuq il-kwistjoni jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-kundizzjoni ta’ residenza mal-Artikolu 63 TFUE u tilqa’ t-talba ta’ A-Fonds, meħud inkunsiderazzjoni t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni li jirriżulta mill-Artikoli 107 u 108 TFUE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Iannelli ( 22 ) u Nygård ( 23 ).

58.

Peress illi dawn iż-żewġ domandi preliminari huma rilevanti biss fil-każ illi l-qorti tar-rinviju hija kompetenti sabiex tevalwa l-element tal-iskema ta’ għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 63 TFUE, sejjer nesponi l-analiżi tiegħi fuq dan il-punt l-ewwel (sezzjoni 2), qabel ma nirrispondi għaż-żewġ domandi preliminari li sejjer nittratta flimkien (sezzjoni 3).

2. Fuq il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju sabiex tistħarreġ il-kompatibbiltà tal-kundizzjoni ta’ residenza tal-miżura fiskali kkontestata inkonnessjoni mal-Artikolu 63 TFUE (kwistjoni preliminari tad-domandi preliminari)

59.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk hijiex kompetenti sabiex tistħarreġ il-kompatibbiltà tal-kundizzjoni ta’ residenza tal-miżura fiskali kontenzjuża kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat mal-Artikolu 63 TFUE.

60.

Jidhirli li huwa importanti li l-qorti tar-rinviju tiġi nformata fuq dan il-punt peress li, fil-fehma tiegħi, it-tilwima fil-kawża prinċipali tenfasizza r-rabta neċessarja bejn ir-regoli dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u l-protezzjoni tal-libertajiet ta’ moviment li l-qorti nazzjonali għandha tiżgura b’effett dirett.

61.

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-implimentazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, kif tirriżulta mill- Artikoli 107 u 108 TFUE, il-Kummissjoni fuq naħa u l-qrati nazzjonali fuq in-naħa l-oħra jaqdu rwoli komplementari u distinti ( 24 ).

62.

Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq tal-Unjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għal stħarriġ mill-qrati tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur eventwali, mill-awtoritajiet tal-Istat, tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. L-intervent tal-qrati nazzjonali huwa r-riżultat tal-effett dirett irrikonoxxut minn din id-dispożizzjoni tal-projbizzjoni tal-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-għajnuna qabel l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni ( 25 ).

63.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’diversi okkażjonijiet li r-rwol ċentrali u esklużiv irriżervat, fl-Artikoli 107 u 108 TFUE, lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent tal-eventwali inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq tal-Unjoni huwa fundamentalment differenti minn dak fdat lill-qrati nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu mill-effett dirett tal-projbizzjoni stabbilita fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE ( 26 ).

64.

Fir-rigward tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm il-proċedura prevista fl-Artikoli 107 u 108 TFUE tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lil din l-istituzzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mar-rekwiżiti tas-suq tal-Unjoni, din il-proċedura qatt ma għandha twassal għar-riżultat li ser ikun kuntrarju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-trattat ( 27 ). Minn dan jitnissel obbligu fuq il-Kummissjoni li tosserva l-koerenza bejn l-Artikolu 107 TFUE u d-dispożizzjonijiet l-oħra tat-trattat. Għall-Kummissjoni dan l-obbligu huwa impost b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra jfittxu wkoll l-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq tal-Unjoni ( 28 ).

65.

Fir-rigward tar-rwol tal-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja regolarment fakkret li dawn għandhom jiggarantixxu lill-partijiet fil-kawża li l-konsegwenzi kollha ta’ ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, jiġu applikati, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom, f’dak li jikkonċerna kemm il-validità tal-atti tal-implementazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, jekk, għal dan l-għan, il-qrati nazzjonali huma mitluba jiddeterminaw jekk miżura nazzjonali għandhiex jew le tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, b’daqshekk huma ma jistgħux jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq tal-Unjoni, billi din l-evalwazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, suġġett għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 29 ).

66.

Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-libertajiet fundamentali tat-Trattat FUE għandhom effett dirett li jagħti lill-partijiet fil-kawża drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu. Għalhekk, il-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, ir-regoli tad-dritt Komunitarju, għandha l-obbligu li tassigura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra tagħhom ( 30 ).

67.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet affaċċjata bil-kwistjoni jekk il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq tal-Unjoni konformement mal-Artikoli 107 u 108 TFUE, tipprekludix li, f’każ ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE li għandhom effett dirett, dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali.

68.

F’dan ir-rigward, fis-sentenza Iannelli ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija b’mod partikolari fuq il-kwistjoni jekk miżura ta’ għajnuna eżistenti, li fuqha, fid-dati rilevanti fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni kienet għadha ma tatx deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, tistax ukoll tkun is-suġġett ta’ eżami fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, b’mod partikolari tal-Artikolu 34 TFUE ( 32 ), mill-qorti nazzjonali.

69.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet l-ewwelnett irrispondiet li ċ-ċirkustanza li sistema ta’ għajnuna mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat tkun tista’, unikament minħabba l-fatt li hija tiffavorixxi ċerti impriżi jew produzzjonijiet nazzjonali, tfixkel, tal-inqas indirettament, l-importazzjoni ta’ prodotti simili jew kompetituri provenjenti mill-Istati Membri l-oħra ma hijiex suffiċjenti waħedha, sabiex ixxebbaħ għajnuna, bħala tali, għal miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34. Barra minn hekk, interpretazzjoni daqstant estensiva tal-imsemmi Artikolu 34 TFUE li xxebbaħ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, bħala tali, ma’ restrizzjoni kwantitattiva msemmija fl-Artikolu 34 TFUE jista’ jkollha l-effett li tibdel il-portata tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u tippreġudika s-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi li t-trattat ried jilħaq billi jistabbilixxi l-proċedura ta’ eżami permanenti tal-Artikolu 108 TFUE.

70.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-modalitajiet ta’ għajnuna mill-Istat li jiksru dispożizzjonijiet partikolari tat-Trattat FUE, kif ukoll l-Artikoli 107 u 108 TFUE, jistgħu jkunu “marbuta inseparabbilment mal-għan tal-għajnuna [sal-punt] li mhux ser ikun possibbli li jiġu evalwati separatament, b’mod li l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna fl-intier tagħhom ikollu neċessarjament jiġu evalwati permezz tal-proċedura tal-Artikolu [108 TFUE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 33 ).

71.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonċediet madankollu “li s-sitwazzjoni tkun differenti meta, fl-analiżi ta’ skema ta’ għajnuna, huwa possibbli li jiġu identifikati kundizzjonijiet jew elementi li, għalkemm jiffurmaw parti mill-iskema, jistgħu jiġu meqjusa bħala mhux neċessarji għat-twettiq tal-għan jew il-funzjonament tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’din l-aħħar ipoteżi, “ma hemmx motivi bbażati fuq it-tqassim tal-kompetenzi li jirriżultaw mill-Artikoli [107 u 108 TFUE] sabiex jiġi konkluż li fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-trattat, li għandhom effett dirett, dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali minħabba biss li l-element imsemmi jikkostitwixxi modalità ta’ għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 34 ).

72.

Fl-2002, il-Qorti tal-Ġustizzja għal darba oħra ddeċidiet fuq dan il-punt fis-sentenza Nygård ( 35 ). F’din il-kawża, hija kienet mistoqsija fuq il-kwistjoni jekk iċ-ċirkustanza li taxxa nazzjonali tkun intiża għall-finanzjament ta’ skema ta’ għajnuna li kienet ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat tipprekludix li qorti nazzjonali tagħmel evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din it-taxxa ma’ dispożizzjonijiet oħra tat-TFUE, li għandhom effett dirett, b’mod partikolari l-Artikolu 110 TFUE ( 36 ).

73.

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwelnett fakkret li, għalkemm l-Artikoli 107 u 108 TFUE, minn naħa, u l-Artikolu 110 TFUE, min-naħa l-oħra, ifittxu għan identiku, li jiġi evitat li ż-żewġ tipi ta’ interventi ta’ Stat Membru – jiġifieri l-għoti ta’ għajnuna, minn naħa, u l-impożizzjoni ta’ taxxa diskriminatorja, min-naħa l-oħra – jkollhom l-effett li jiffalsifikaw il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni, madankollu dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni distinti, speċifiċi għaż-żewġ tipi ta’ miżuri statali għaliex għandhom rispettivament l-għan li jirregolaw, u, barra minn hekk b’konsegwenzi legali differenti, fis-sens fuq kollox li l-implementazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE tagħti lok għal intervent wiesgħa tal-Kummissjoni, b’differenza mill-Artikolu 110 TFUE ( 37 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-prattiċi ta’ diskriminazzjoni fiskali ma humiex eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE minħabba li huma jistgħu jiġu kklassifikati simultanjament bħala mod ta’ finanzjament ta’ għajnuna mill-Istat.

74.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-eżistenza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE xejn ma tostakola li l-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna fir-rigward tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll dawk kontenuti fl-Artikolu 107 TFUE tat-trattat, billi dawn huma dispożizzjonijiet tat-trattat li għandhom effet dirett, ikunu evalwati mill-qrati nazzjonali ( 38 ).

75.

Madankollu, filwaqt li rreferiet għas-sentenza Iannelli ( 39 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “l-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jevalwaw il-modalitajiet ta’ skema ta’ għajnuna fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-[Trattat FUE] kif ukoll dawk tal-Artikoli [107 u 108 TFUE] tippresupponi li l-modalitajiet inkwistjoni jkunu jistgħu jiġu evalwati separatament, jiġifieri li jkun każ ta’ kundizzjonijiet jew elementi li, għalkemm jifformaw parti mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, ma jkunux neċessarji għat-twettiq tal-għan u l-funzjonament tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jekk“dan huwa l-każ, ma hemmx motivi bbażati fuq it-tqassim tal-kompetenti riżultanti mill-[Artikoli 107 u 108 TFUE] sabiex jiġi konkluż li, fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-trattat, li għandhom effett dirett, dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali minħabba biss il-fatt li l-element imsemmi jikkostitwixxi modalità ta’ għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 40 ).

76.

Bil-kuntrarju, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet jew elementi li huma neċessarji għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna, it-tqassim ta’ kompetenzi jopponi li l-qrati nazzjonali jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ dawn il-kundizzjonijiet fir-rigward tar-regoli kif ukoll dawk kontenuti fl-Artikolu 107 TFUE.

77.

F’dan il-każ, ninnota li l-qorti tar-rinviju hija ffaċċjata bi problema simili għal dik ittrattata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati hawn fuq, anki jekk dawn kienu ngħataw f’kuntesti differenti.

78.

Għalhekk, f’dan il-każ, nista’ nsegwi l-Kummissjoni meta hija tindika li l-invokazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE fit-tilwima fil-kawża prinċipali għandha tkun indipendenti mill-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq tal-Unjoni, għaliex din hija preċiżament kwistjoni ta’ artikulazzjoni bejn iż-żewġ livelli ta’ kompetenzi.

79.

L-istess bħall-qorti tar-rinviju, għandi tendenza sabiex nikkunsidra li l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija rilevanti f’dan il-każ. Hekk, din il-ġurisprudenza tippermetti li tiġi tiżgura l-protezzjoni legali riżultanti, għall-partijiet fil-kawża, mill-effett dirett tat-dispożizzjonijiet tat-trattat u, f’każ ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li tirristabbilixxi l-legalità fuq il-livell intern, mingħajr b’daqshekk ma tippreġudika r-rwol ċentrali u esklużiv riżervat, fl-Artikoli 107 u 108 TFUE, għall-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq tal-Unjoni ( 41 ).

80.

Għalhekk, f’dan il-każ, il-kwistjoni jekk il-qorti tar-rinviju tista’ tikkontrolla l-kundizzjoni ta’ residenza fir-rigward tal-Artikolu 63 TFUE tiddependi fuq dik jekk din il-kundizzjoni tistax tiġi evalwata separatament, għaliex ma hijiex neċessarja għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Nammetti li din l-analiżi ma hijiex evidenti, u dan iktar u iktar għaliex sa fejn naf jien il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx fuq liema sitwazzjoni jew modalità ta’ għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala neċessarja għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni sabiex teskludi l-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali.

81.

Fil-fehma tiegħi, modalità hija neċessarja għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament ta’ għajnuna, meta din hija element kostituttiv jew essenzjali tal-għajnuna, b’mod li l-inapplikabbiltà tagħha twassal sabiex tbiddel il-portata jew il-karatteristiċi prinċipali tal-għajnuna.

82.

F’dan il-każ, jidhirli, kif jargumenta l-gvern Olandiż, li l-kundizzjoni ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi hija neċessarja għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

83.

Fil-fatt, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju fuq l-għan tal-miżura fiskali kkontestata, huwa ċar li l-leġiżlatur Olandiż illimita l-portata tal-iskema prevista fl-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi għall-kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi li ma humiex suġġetti għall-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Fil-fatt, kif jargumenta l-gvern Olandiż, l-impriżi tad-dritt pubbliku stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi li huma eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji ma jistgħux jimputaw it-taxxa fuq id-dividendi mħallsa kontra t-taxxa fuq il-kumpanniji. Sabiex f’dan il-każ jiġi evitat li t-taxxa fuq id-dividendi tibqa’ titħallas fuq id-dividendi riċevuti, il-miżura fiskali kontenzjuża tipprevedi l-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa.

84.

Minn din ir-regola jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi hija kundizzjoni tal-għoti tal-għajnuna, u fl-istess waqt, tiddetermina l-benefiċjarji tal-għajnuna. Għalhekk din il-kundizzjoni hija element li jikkostitwixxi u li huwa essenzjali għall-għajnuna. L-inapplikabbiltà ta’ din il-kundizzjoni ta’ residenza minħabba l-inkompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 63 TFUE kif evalwata mill-qorti tar-rinviju, twassal sabiex tagħti l-benefiċċju tal-għajnuna lil persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li ma humiex eżentati mit-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Pajjiżi l-Baxxi, imma jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, li twassal sabiex tbiddel il-portata tal-għajnuna kif din hija prevista mil-leġiżlatur Olandiż.

85.

Fil-fehma tiegħi, dan ifisser li l-kundizzjoni ta’ residenza hija marbuta inseparabbilment mal-għan tal-iskema tal-miżura fiskali kkontestata, b’mod li l-effett tagħha fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna kollha kemm hija jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni skont il-proċedura tal-Artikoli 107 u 108 TFUE. Isegwi li l-qorti tar-rinviju hija pprojbita milli tapplika l-Artikolu 63 TFUE ( 42 ).

86.

Għalkemm il-qrati nazzjonali għandhom normalment ikunu obbligati li josservaw id-dispożizzjonijiet tat-trattat li għandhom effett dirett, inqis li jekk il-kriterju stabbilit fis-sentenza Iannelli u applikat fis-sentenza Nygård għandu jkollu sinjifikat reali, huwa għandu, għar-raġunijiet iċċitati hawn fuq, jiġi applikat fil-kawża prinċipali, u jwassal għan-nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti tar-rinviju sabiex tikkontrolla l-kompatibbiltà tal-miżura fiskali kkontestata mal-Artikolu 63 TFUE.

87.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari li l-Artikoli 107 u 108 TFUE jopponu li qorti nazzjonali tgħaddi għal evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ kundizzjoni ta’ residenza ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti mal-Artikolu 63 TFUE, jekk din il-kundizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hijiex marbuta inseparabbilment mal-iskema ta’ għajnuna għaliex hija neċessarja għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament ta’ din tal-aħħar.

88.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tqis li l-ġurisprudenza ċċitata hawn ma timpedixxix lill-qorti tar-rinviju milli tikkontrolla l-kompatibbiltà tal-kundizzjoni ta’ residenza fir-rigward tal-Artikolu 63 TFUE, sejjer nittratta sussidjarjament, fis-sezzjoni li ġejja, il-kwistjoni jekk id-dritt tal-għajnuna mill-Istat jopponix li, abbażi tal-Artikolu 63 TFUE, qorti nazzjonali tilqa’ t-talba ta’ ħlas lura lil A-Fonds.

3. Fuq il-kwistjoni jekk id-dritt tal-għajnuna mill-Istat jopponix li l-qorti nazzjonali tilqa’ t-talba ta’ ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi favur A-Fonds fir-rigward tal-Artikolu 63 TFUE (l-ewwel u t-tieni domandi preliminari)

89.

Kif spjegajt fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta għamlet id-domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju bbażat ruħha fuq il-premessa li l-miżura fiskali kkontestata kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna eżistenti. Madankollu, kif ikkonstatat il-Kummissjoni, kien jidher li l-miżura fiskali kkontestata ġiet emendata diversi drabi ( 43 ). Fin-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti fuq dawn l-emendi mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex eskluż, ukoll kif innotat il-Kummissjoni, li l-verżjoni tal-miżura fiskali kkontestata fis-seħħ matul il-perijodu rilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999.

90.

Għaldaqstant, sabiex tkun tista’ tingħata risposta għad-domandi preliminari, jeħtieġ li jiġu ttrattati suċċessivament l-ipoteżijiet li din il-miżura fiskali tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna eżistenti jew waħda ġdida.

91.

Fis-sezzjonijiet li ġejjin, sejjer nesponi r-raġunijiet li għalihom fi-fehma tiegħi, fl-ipoteżi ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti, id-dritt tal-għajnuna mill-Istat ma jopponix li l-qorti nazzjonali tilqa’ t-talba ta’ ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi favur A-Fonds abbażi tal-Artikolu 63 TFUE (sezzjoni a), u fl-ipoteżi ta’ skema ta’ għajnuna ġdida, l-Artikolu 108(3) jopponi deċiżjoni bħal din (sezzjoni b).

a) Fuq l-iskema ta’ għajnuna eżistenti

92.

Fl-ipoteżi li l-miżura fiskali kontenzjuża tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna eżistenti, din għandha tiġi kkunsidrata bħala legali sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq tal-Unjoni ( 44 ).

93.

F’din is-sitwazzjoni, jidher għalhekk li d-dritt tal-għajnuna mill-Istat ma jopponix li t-talba ta’ ħlas lura ta’ A-Fonds tintlaqa’. Fi kliem ieħor, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tadottax l-analiżi tiegħi fuq il-kompetenza, dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li, fil-kawża prinċipali, meta l-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-kundizzjoni ta’ residenza tikser l-Artikolu 63 TFUE, hija obbligata li tħalli din il-kundizzjoni mhux applikata u tilqa’ t-talba ta’ ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

94.

Nammetti li l-konsegwenzi prattiċi ta’ din id-deċiżjoni jwasslu għal sitwazzjoni partikolari. Għalkemm meta tagħti din id-deċiżjoni, il-qorti nazzjonali telimina d-distorsjoni ta’ kompetizzjoni li teżisti bejn l-impriżi pubbliċi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-korpi pubbliċi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fl-istess waqt, din id-deċiżjoni ser tkun tista’ żżid l-effetti ta’ distorsjoni ta’ kompetizzjoni li jistgħu jeżistu fir-rigward tal-Artikolu 107(2) u (3) TFUE.

95.

Billi din id-deċiżjoni ser ikollha l-effett li testendi ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-deċiżjoni ġuridika tistax tikkostitwixxi fiha nnifisha għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex ser temenda għajnuna eżistenti, u, f’każ affermattiv, jekk jeżistix obbligu ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

96.

Fil-fehma tiegħi, deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, meħuda fil-kuntest tal-funzjoni tagħha ta’ protezzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, ma tistax tikkostitwixxi fiha nnifisha miżura ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

97.

Fil-fatt, u kif argumentaw ukoll A-Fonds u l-Gvern Olandiż, din id-deċiżjoni ma tistax titqies li hija imputabbli lill-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE li hija waħda mill-kundizzjonijiet tal-klassifika ta’ “għajnuna mill-Istat”.

98.

Il-kunċett ta’ għajnuna previst fl-Artikolu 107(1) TFUE jirreferi għad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li permezz tagħhom, sabiex ifittxu għanijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, dawn iqegħdu r-riżorsi tagħhom għad-dispożizzjoni tal-impriżi jew ta’ suġġetti oħra tad-dritt, billi jagħtuhom vantaġġi intiżi sabiex jiffavorixxu t-twettiq tal-għanijiet ekonomiċi jew soċjali mfittxija ( 45 ). Fi kliem ieħor, id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ għajnuna u l-modalitajiet ta’ din il-miżura jikkostitwixxu għażla politika li għandhom jagħmlu l-organi leġiżlattivi u amministrattivi nazzjonali, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja.

99.

F’dan il-kuntest, għalkemm il-qrati nazzjonali jiffurmaw parti minn Stat Membru bħala organi pubbliċi, il-missjoni tagħhom hija dik li, bħala qrati indipendenti, jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala imputabbli lill-Istat fis-sens iċċitat iktar ’il fuq tal-Artikolu 107(1) TFUE u tikkostitwixxi fiha nnifisha miżura ta’ għajnuna mill-Istat.

100.

Dan huwa l-każ fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Il-ħlas lura tat-taxxa jikkostitwixxi biss konsegwenza tal-implementazzjoni mill-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-funzjoni tagħha, tal-moviment liberu tal-kapital f’kawża konkreta.

101.

F’dan il-kuntest, ninnota li din id-deċiżjoni ma għandhiex effett erga omnes imma tikkonċerna biss is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Il-kwistjoni jekk persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku oħra mhux residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi għandhomx ukoll id-dritt li jakkwistaw il-ħlas lura tat-taxxa, billi jinvokaw l-Artikolu 63 TFUE, tippresupponi li l-qorti tar-rinviju, fid-dawl ta’ evalwazzjoni konkreta, tqis li din il-persuna tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-korpi pubbliċi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi u mhumiex suġġetti għat-taxxa Olandiża fuq il-kumpanniji.

102.

Għall-istess raġuni, deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li tilqa’ t-talba ta’ ħlas lura ta’ A-Fonds ma jkollha la bħala suġġett u lanqas bħala effett li temenda d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-miżura fiskali prevista fl-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi b’mod ġenerali, imma twassal għall-inapplikabbiltà ta’ kundizzjoni tar-regoli nazzjonali li jkunu kuntrarji għall-Artikolu 63 TFUE fil-kawża konkreta li biha hija adita.

103.

Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tikkunsidra li din id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali tista’ minħabba l-effetti tagħha tikkostitwixxi fiha nnifisha miżura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li din hija għajnuna ġdida, li timplika obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq id-diffikultajiet prattiċi ta’ din il-pożizzjoni. Fil-fatt, loġikament, din tkun twassal lill-qorti nazzjonali sabiex tissospendi l-proċeduri sabiex tinnotifika, eventwalment bl-intervent tal-gvern tal-Istat Membru, il-proġett ta’ deċiżjoni tagħha li tippermetti l-implementazzjoni, minħabba l-effetti tagħha, ta’ għajnuna ġdida. Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali ser tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni biss wara deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni meħuda jekk ikun il-każ wara proċedura formali ta’ eżami, li sejjer jagħmel proċess kompletament mhux fattibbli ( 46 ).

104.

Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 108(3) TFUE ma jistax jimplika li organu ġudizzjarju jara d-deċiżjoni tiegħu ssubordinata għall-intervent tal-Kummissjoni, peress li dan jpoġġi f’dubju il-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-funzjoni ġudizzjarja, kif ukoll il-prinċipju ta’ sigriet tad-deliberazzjoni tal-qrati. Fil-fatt, kif argumenta l-Gvern Olandiż, l-obbligu ta’ notifika ta’ proġetti ta’ għajnuna jinkombi biss fuq l-organi tal-Istat li għandhom il-kapaċità li jagħtu l-għajnuna, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Gvern Olandiż jew l-amministrazzjoni Olandiża.

105.

Fl-aħħarnett, ninnota li, meta għamlet id-domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju għamlet referenza għas-sentenza DEI ( 47 ). Anki jekk, kif tindika l-qorti tar-rinviju, din is-sentenza tista’ tħalli jiftiehem li deċiżjoni ġudizzjarja tista’, b’mod ġenerali, tikkostitwixxi fiha nnifisha għajnuna ġdida għaliex jista’ jkollha l-effett li temenda għajnuna eżistenti, u li għandu jkun hemm in-notifika tagħha b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE, madankollu m’iniex ċert li din hija l-portata reali ta’ din is-sentenza.

106.

Hekk, jista’ jiġi ritenut ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkunsidrat, fil-kuntest ta’ appell, fir-rigward ta’ sitwazzjoni ta’ fatt partikolari u relattiva għal miżura provviżorja ta’ qorti nazzjonali fi proċeduri urġenti, li din il-miżura setgħet ikollha l-istess effetti ta’ għajnuna mill-Istat u li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, bħala regola ġenerali, tiddikjara li l-qrati nazzjonali fi proċeduri urġenti jkunu eżonerati mill-osservanza tal-Artikoli 107 u 108 TFUE ( 48 ).

107.

F’kull każ, fid-dawl tad-dubji dwar il-portata reali ta’ din is-sentenza, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu l-opportunità offruta bit-tilwima fil-kawża prinċipali sabiex tirrevedi l-ġurisprudenza riżultanti mill-imsemmija sentenza DEI jekk il-portata ta’ din is-sentenza hija effettivament dik indikata mill-qorti tar-rinviju, jew tikkjarifikaha.

108.

Għar-raġunijiet preċedenti, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sussidjarjament, li tirrispondi għad-domandi li saru li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti li fuqha ma tkunx ippronunzjat ruħha l-Kummissjoni, id-dritt fuq l-għajnuna mill-Istat ma jopponix li qorti nazzjonali tilqa’ t-talba ta’ benefiċjarju bbażata fuq il-moviment liberu tal-kapital f’kawża li biha hija adita. Deċiżjoni bħal din ma tikkostitwixxix fiha nnifisha għajnuna mill-Istat u ma twassal għal ebda obbligu fuq il-qrati nazzjonali li jinnotifikawha lill-Kummissjoni.

b) Fuq l-iskema ta’ għajnuna ġdida

109.

Fl-ipoteżi li l-miżura fiskali kontenzjuża tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, din ser tkun għajnuna illegali fis-sens tal-Artikolu 1(f) ta’ dan ir-regolament, għaliex din l-iskema ser tkun ġiet introdotta bi ksur tal-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE ( 49 ).

110.

Il-kwistjoni li tqum imbagħad hija jekk, minkejja l-inkompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna mal-Artikolu 63 TFUE, il-qorti tar-rinviju tistax tkun obbligata li tirrifjuta l-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi lil A-Fonds, sabiex tikkonforma ruħha mal-projbizzjoni tal-implementazzjoni provvista fl-Artikolu 108(3) TFUE.

111.

Ninnota li din il-kwistjoni hija waħda partikolari fis-sens li l-konsegwenzi ta’ ksur tal-Artikolu 63 TFUE u dawk riżultanti mill-ksur tal-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 108(3) TFUE huma, fil-verità, kontradittorji.

112.

Filwaqt li ksur tal-Artikolu 63 TFUE jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regoli nazzjonali li jmorru kontra tiegħu ( 50 ), li f’dan il-każ iwassal, fil-prinċipju, sabiex jingħata lil A-Fonds il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi minħabba l-inapplikabbiltà tal-kundizzjoni ta’ residenza, ksur tal-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 108(3) TFUE iwassal għall-kuntrarju għal illegalità u invalidità tal-iskema ta’ għajnuna, li f’dan il-każ, jopponi li A-Fonds tkun tista’ tibbenefika minn dan il-ħlas lura.

113.

Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 108(3) f’każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu obbligati li jiskartaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkostitwixxu l-privileġġi illegali ( 51 ). Fil-fatt, il-konsegwenza legali ta’ ksur ta’ din il-projbizzjoni minn miżura ta’ għajnuna nazzjonali hija l-illegalità ta’ din il-miżura ( 52 ), li, bħala prinċipju, twassal għall-invalidità tagħha ( 53 ).

114.

Fir-rigward b’mod partikolari tar-rimbors ta’ taxxa li jikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna illegali, għaliex mogħti bi ksur tal-obbligu ta’ notifika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mhux ser ikun konformi mal-interess tal-Unjoni li jiġi ordnat dan ir-rimbors favur impriżi oħra jekk din id-deċiżjoni jkollha l-effett li testendi ċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-għajnuna, u għalhekk iżżid l-effetti ta’ din l-għajnuna minflok ma teliminaha ( 54 ). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali ma għandhomx sempliċement jestendu l-għajnuna għal grupp iktar wiesa’ ta’ benefiċjarji ( 55 ).

115.

Ninnota li s-sitwazzjoni li tat lok għall-ġurisprudenza iċċitata hawn fuq hija differenti minn dik fil-kawża prinċipali sa fejn dan ma huwiex sempliċiment kwistjoni ta’ għajnuna illegali, imma wkoll ta’ ksur tal-Artikolu 63 TFUE, li, fil-prinċipju, ma jistax jiġi rrimedjat billi tintlaqa’ t-talba għall-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi lil A-Fonds.

116.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex mod ieħor f’din is-sitwazzjoni. Fil-fatt, il-qrati nazzjonali għandhom josservaw b’mod ġenerali u komplet il-projbizzjoni tal-implementazzjoni. Jeħtieġ li jiġu protetti l-partijiet affettwati bid-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa bl-għoti tal-għajnuna illegali ( 56 ).

117.

Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq tal-Unjoni, fil-fehma tiegħi, mhux ser ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni li tiġi ordnata l-għajnuna favur impriżi oħra jekk din id-deċiżjoni jkollha l-effett li testendi ċ-ċirku tal-benefiċjarji tal-għajnuna, u hekk iżżid l-effetti ta’ din l-għajnuna illegali, għaliex din tkun ġiet introdotta mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, minflok ma dawn jiġu eliminati ( 57 ).

118.

Għalhekk, fl-ipoteżi ta’ skema ta’ għajnuna ġdida u illegali, il-projbizzjoni tal-implementazzjoni msemmija fl-Artikolu 108(3) TFEU ser topponi li l-qorti tar-rinviju tilqa’ t-talba ta’ ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi favur A-Fonds,

V. Konklużjoni

119.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi li saru mill-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

L-Artikoli 107 u 108 TFUE jopponu li qorti nazzjonali twettaq evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ kundizzjoni ta’ residenza ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti mal-Artikolu 63 TFUE jekk din il-kundizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija marbuta inseparabbilment mal-iskema ta’ għajnuna għaliex hija neċessarja għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament ta’ din tal-aħħar.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Għall-finijiet ta’ ċarezza, f’dawn il-konklużjonijiet, nagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, filwaqt li t-trattat fis-seħħ matul il-perijodu kontenzjuż mill-2002 sa 2008 kien it-Trattat KE.

( 3 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi (74/76, EU:C:1977:51, iktar ’il quddiem is-“sentenza Iannelli”).

( 4 ) Sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård (C‑234/99, EU:C:2002:244).

( 5 ) Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

( 6 ) Din hija l-unika verżjoni tal-liġi fuq it-taxxa tal-kumpanniji ċċitata mill-qorti tar-rinviju li ma spjegatx il-kontenut tal-emendi leġiżlattivi li setgħu seħħew matul il-perijodu litiġjuż mill-2002 sal-2008.

( 7 ) L-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi ġie emendat diversi drabi matul il-perijodu rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali. Dawn l-emendi ma humiex rilevanti għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

( 8 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2013, Nru 12/01866, ECLI:NL:HR:2013:1128, BNB 2014/20.

( 9 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-iskema ta’ għajnuna S.25338, C(2013) 2372 finali (E3/2008, ex CP 115/2004 u CP 120/2006).

( 10 ) Bis-saħħa tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri effettivi sabiex titwaqqaf l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji mogħtija lill-korpi pubbliċi sabiex l-impriżi pubbliċi li jipparteċipaw f’attivitajiet ekonomiċi jkunu suġġetti għall-istess skema ta’ intaxxar tal-kumpanniji bħall-impriżi privati.

( 11 ) Ara l-punti 22 sa 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/634 tal-21 ta’ Jannar 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.25338 (2014/C) (ex E3/2008 u ex CP115/2004) implementata mill-Pajjiżi l-Baxxi – Eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji mogħtija lill-impriżi pubbliċi (ĠU 2016, L 113, p. 148). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minkejja r-riforma leġiżlattiva adottata fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2015 u li, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016, ħassret l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji mogħtija lill-parti l-kbira tal-impriżi pubbliċi Olandiżi bis-saħħa tal-liġi fuq it-taxxa tal-kumpanniji, il-leġiżlatur Olandiż kien madankollu żamm l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal ċerti portijiet marittimi, li kien jikkostitwixxi għajnuna mill-istat inkompatibbli mas-suq tal-Unjoni.

( 13 ) Il-Kummissjoni tinnota li l-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi segwiet deċiżjoni dwar it-taxxa fuq id-dividendi li tmur lura sal-1941 u li, skont id-dokumenti parlamentari, il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi kienet intiża biss sabiex twettaq “reviżjoni teknika” ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu, kemm il-limitu tal-ammont sabiex ikun jista’ jinkiseb il-benefiċċju tal-ħlas lura kif ukoll iċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ din ir-regola ġew sussegwentement emendati diversi drabi. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, għandu jiġi evalwat jekk dawn l-emendi ttrasformawx din l-iskema ta’ għajnuna eżistenti fi skema ta’ għajnuna ġdida.

( 14 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, l-punti 56 u 57); tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punti 2425), u tas-7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C-447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 46).

( 15 ) Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 26); tad-9 ta’ Novembru 2017, Ispas (C‑298/16, EU:C:2017:843, punt 22), u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 24).

( 16 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 48); tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et (C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 48); tas-27 ta’ Ottubru 2016, Audace et (C-114/15, EU:C:2016:813, punt 38), u tat-8 ta’ Diċembru 2016, Undis Servizi (C‑553/15, EU:C:2016:935, punt 25).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 29).

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 41).

( 19 ) Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Ara s-sezzjoni IV.C.3.a) ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Ninnota madankollu li l-Gvern Olandiż jikkontesta din l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, dan il-gvern iqis li, minħabba l-attivitajiet bankarji tagħha, (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet), A-Fonds għandha tiġi pparagunata mal-impriżi tad-dritt pubbliku suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, bħalma huma banek oħra detenuti minn awtoritajiet pubbliċi. Skont il-Gvern Olandiż, dan ix-xebħ iwassal għall-konklużjoni li A-Fonds u l-banek l-oħra detenuti minn awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu ttrattati b’mod identiku, billi ħadd minnhom ma jkollu dritt għall-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi.

( 22 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi (74/76, EU:C:1977:51).

( 23 ) Sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård (C‑234/99, EU:C:2002:244).

( 24 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon (C‑354/90, EU:C:1991:440, punt 8); tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644, punt 37), u tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 27).

( 25 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon (C‑354/90, EU:C:1991:440, punti 9 sa 13); tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644, punti 36 sa 38), u tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punti 27 sa 29).

( 26 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon (C‑354/90, EU:C:1991:440, punt 14); tas-16 ta’ Diċembru 1992, Lornoy et (C‑17/91, EU:C:1992:514, punt 30); tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punti 26 sa 29); tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punti 5051), u tat-18 ta’ Lulju 2013, P (C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 38).

( 27 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 41).

( 28 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 42).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punti 2729).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 61).

( 31 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi (74/76, EU:C:1977:51).

( 32 ) Ex Artikolu 30 KEE. Għal iktar ċarezza, jien sejjer nirreferi għall-artikoli tat-Trattat FUE biss fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi (74/76, EU:C:1977:51, punti 10 sa 14).

( 34 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi (74/76, EU:C:1977:51, punt 14). Wara din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet mill-ġdid fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-Artikoli 34 TFUE u 107 TFUE, fl-okkażjoni ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, b’mod partikolari fis-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Franza (18/84, EU:C:1985:175, punt 13), u tal-5 ta’ Ġunju 1986, Il-Kummissjoni vs L-Italja (103/84, EU:C:1986:229, punt 19), u, f’sentenza tal-20 ta’ Marzu 1990, Du Pont de Nemours Italiana (C‑21/88, EU:C:1990:121, punti 19 sa 21). Dawn is-sentenzi setgħu joħolqu dubju dwar il-portata tas-sentenza Iannelli, għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx distinzjoni bejn modalitajiet ta’ għajnuna marbuta inseparabbilment mal-għan tal-għajnuna u modalitajiet li ma humiex marbuta inseparabbilment. Madankollu, fuq dan il-punt, is-sentenza Iannelli ġiet iktar tard ikkonfermata bis-sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård (C-234/99,EU:C:2002:244).

( 35 ) Sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård (C‑234/99, EU:C:2002:244).

( 36 ) Ex Artikolu 95 KE.

( 37 ) Sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård (C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 55).

( 38 ) Sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård (C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 56).

( 39 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi (74/76, EU:C:1977:51).

( 40 ) Sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård (C‑234/99, EU:C:2002:244, punti 5758). Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li għalkemm l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq tal-Unjoni huwa kompitu tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatt li dan l-eżami jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali, ma jistax jiġi kkontestat li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-tqassim tal-introjtu minn taxxa parafiskali nazzjonali, il-qrati nazzjonali huma l-aħjar post sabiex tinġabar l-informazzjoni neċessarja u jsiru l-evalwazzjonijiet li huma neċessarji f’dan ir-rigward, abbażi ta’ data li għandhom normalment jirriżultaw mill-kontabbiltà u minn dokumenti oħra marbuta mal-amministrazzjoni ta’ korpi li jirċievu t-taxxa u li jieħdu s-sussidji jew vantaġġi oħra, ara l-punt 61 tas-sentenza.

( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2002, Nygård (C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 62).

( 42 ) Barra minn hekk, nirrileva li l-pożizzjoni kuntrarja twassal għal sitwazzjoni partikolari fit-tilwima fil-kawża prinċipali, fejn, jekk tintlaqa’ t-talba bbażata fuq l-Artikolu 63 TFUE, din id-deċiżjoni jkollha r-riżultat li twessa’ ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna. Imma, skont ir-regoli tal-Unjoni fuq l-għajnuna mill-Istat, l-ebda impriża ma tista’ teżerċita dritt li tirċievi għajnuna mill-Istat, ara f’dan l-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:102, punt 79). Fi kliem ieħor, l-ebda Stat Membru ma jista’ jitqies li huwa marbut li jagħti għajnuna mill-Istat lil impriża, billi d-deċiżjoni li tingħata għajnuna hija għażla politika tal-organi leġiżlattivi u amministrattivi nazzjonali. Jekk minkejja dan id-dritt tal-Unjoni, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet oħra bħalma huma l-Artikolu 63 TFUE, jobbliga lill-qrati nazzjonali li jagħtu deċiżjonijiet li, bl-effetti tagħhom, iwasslu sabiex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna, kuntrarjament għall-intenzjoni tal-leġiżlatur, jidhirli li dan iwassal għal sitwazzjoni paradossali.

( 43 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana (61/79, EU:C:1980:100, punt 31).

( 46 ) Barra minn hekk ninnota li n-notifika ta’ għajnuna ġdida għandha titwettaq permezz tal-formola ta’ notifika li tinsab fl-Anness I, Parti I, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat [KE]. Filwaqt li din in-notifika għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni minn rappreżentant permanenti tal-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, nirrileva madankollu li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-formula ta’ notifika li tinsab fl-Anness I, Parti I, tar-regolament, hija informazzjoni li l-qrati nazzjonali ma humiex neċessarjament kapaċi li jipprovdu.

( 47 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 59108).

( 48 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, DEI u l-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 5960, u l-punti 103 sa 108).

( 49 ) Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, EU:C:2007:804, punt 27).

( 51 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias (C‑690/13, EU:C:2015:235, punt 53).

( 52 ) Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et (C-266/04 sa C-270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, EU:C:2005:657, punt 30), u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 28).

( 53 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon (C‑354/90, EU:C:1991:440, punti 1617); tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punt 63); tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644,, punt 41), u tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 40).

( 54 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644, punt 49).

( 55 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644, punt 50).

( 56 ) Sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 38).

( 57 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Finanzamt Linz (C‑66/14, EU:C:2015:242, punti 27 sa 30). Ninnota li billi ddikjarat l-ewwel domanda preliminari inammissibbli f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx direttament fuq din il-kwistjoni.