KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fid‑19 ta’ Marzu 2020 ( 1 )

Kawża C‑517/17

Milkiyas Addis

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Politika tal-ażil — Direttiva 2013/32/UE — Proċeduri komuni għall-għoti u r-rifjut ta’ protezzjoni internazzjonali — Artikolu 33 — Applikazzjonijiet inammissibbli — Artikolu 33(2)(a) — Ċaħda ta’ talba għall-ażil wara l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor — Artikoli 14 u 34 — Nuqqas ta’ intervista personali — Konsegwenzi — Proċeduri ta’ appell —Artikolu 46 — Id-dritt għal rimedju effettiv — Eżami sħiħ u ex nunc — Il-possibbiltà li qorti tirrimedja nuqqas ta’ awtorità determinanti sabiex twettaq intervista personali”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, fil-forma attwali tagħha, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali ( 2 ) u d-dispożizzjoni predeċessur, speċifikament, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat. L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jew għal status ta’ refuġjat għandu jingħata smigħ personali qabel ma l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni ( 3 ).

2.

It-talba tirriżulta minn proċeduri quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) bejn Milkiyas Addis u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) rigward, inter alia, deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Immigrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Federali”) li ttieħdet fi Frar 2013 li ċaħdet l-applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat ta’ M. Addis.

3.

It-talba ta’ M. Addis għall-istatus ta’ refuġjat fil-Ġermanja ġiet miċħuda mill-Uffiċċju Federali bħala inammissibbli minħabba li huwa diġà ngħata l-istatus ta’ refuġjat fl-Italja. Madankollu, kien hemm qbil li din id-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tad-dritt ta’ M. Addis kemm skont id-dritt nazzjonali u kemm dak tal-Unjoni Ewropea għal intervista personali mwettqa mill-awtorità determinanti – f’dan il-każ, l-Uffiċċju Federali – dwar il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-talba tiegħu. Kif ser naraw, il-kwistjoni fundamentali ppreżentata permezz ta’ din it-talba tikkonċerna l-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjoni espressa u imperattiva tad-Direttiva tal-Proċeduri.

4.

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-eċċezzjonijiet previsti fid-Direttiva tal-Proċeduri fir-rigward tar-rekwiżit li titwettaq intervista personali huma eżawrjenti u, b’mod partikolari, jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ din l-intervista għandux jirriżulta fl-annullament tad-deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni ta’ M. Addis għall-istatus ta’ refuġjat bħala inammissibbli. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, iktar minn hekk, jekk in-nuqqas tal-Uffiċċju Federali li jwettaq intervista personali jistax, u, jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet, jiġi rrimedjat fil-mori tal-kawża mressqa minn M. Addis li tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni li ċaħdet bħala inammissibbli l-applikazzjoni tiegħu għal status ta’ refuġjat.

5.

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) staqsiet ukoll jekk id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali dwar l-inammissibbiltà għandhiex tiġi annullata fejn applikant għal status ta’ refuġjat kellu l-opportunità matul proċeduri ġudizzjarji sussegwenti li jressaq kwalunkwe motivi jew argumenti li setgħu jimmilitaw kontra din il-konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà, u anki jekk dawn il-motivi jew argumenti kollha kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, dawn ma jkunux jwasslux għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni differenti.

6.

Qabel ma nidentifika d-dispożizzjonijiet legali applikabbli u l-fatti ta’ din il-kawża, ser nirreferi fil-qosor għall-istorja proċedurali pjuttost kumplessa ta’ din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din irriżultat minħabba li d-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) f’din il-kawża ġew sovrapposti sa ċertu punt – għalkemm mhux kompletament – minn dawk fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et ( 4 ).

II. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

7.

It-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-Kawża C‑517/17, li oriġinarjament inkludiet tliet domandi, ġiet imressqa fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Awwissu 2017. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Settembru 2017, il-President tal-Qorti għaqqad il-Kawżi C‑517/17 (din il-kawża), C‑540/17 u C‑541/17. Fl‑4 ta’ April 2018, ġie deċiż li jiġu sospiżi l-Kawżi magħquda C‑517/17, C‑540/17 u C‑541/17 sakemm tittieħed deċiżjoni fil-Kawżi magħquda C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17.

8.

Is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et ( 5 ) ġiet innotifikata lill-qorti tar-rinviju fis‑26 ta’ Marzu 2019. Fis‑26 ta’ April 2019, il-qorti tar-rinviju parzjalment irtirat id-domandi fil-Kawżi magħquda C‑517/17, C‑540/17 u C‑541/17.

9.

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-Kawża C‑517/17, il-qorti tar-rinviju rtirat l-ewwel żewġ domandi li kienet orġinarjament għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn id-domandi kienu jirrigwardaw sa fejn Stat Membru huwa pprojbit milli jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata l-istatus ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor, fejn il-kundizzjonijiet tal-ħajja f’dan l-Istat Membru l-ieħor ma jissodisfawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 et seq. tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 6 ), mingħajr madankollu ma huma suffiċjenti sabiex jiksru l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

10.

Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-ewwel żewġ domandi oriġinali ngħataw risposta bis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et. ( 7 )

11.

Permezz ta’ ittra, ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Mejju 2019, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ikkunsidrat, madankollu, li t-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑517/17 ma ġietx indirizzata f’din is-sentenza.

12.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Mejju 2019, il-Kawża C‑517/17 ġiet isseparata mill-Kawżi magħquda C‑540/17 u C‑541/17 u s-sospensjoni ta’ dawn il-kawżi kollha tneħħiet. Il-Kawżi magħquda C‑540/17 u C‑541/17 ġew indirizzati permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Novembru 2019, Hamed u Omar. ( 8 )

13.

Fir-rigward ta’ din il-Kawża C‑517/17, wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Ottubru 2019, ġiet indirizzata talba għal kjarifika lill-qorti tar-rinviju fl‑4 ta’ Ottubru 2019. Il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet risposta għal din it-talba fis‑6 ta’ Novembru 2019 ( 9 ).

14.

Qabel is-sospensjoni tal-Kawża C‑517/17, osservazzjonijiet bil-miktub dwar it-tielet domanda magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ġew ippreżentati mill-Gvern Ġermaniż, Franċiż, Ungeriż u tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Ġermaniż, Ungeriż u tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li skontha nuqqas ta’ intervista personali mal-applikant f’każ fejn l-awtorità determinanti tiċħad applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 ma jirriżultax f’annullament ta’ din id-deċiżjoni minħabba dan in-nuqqas jekk l-applikant ikollu opportunità fil-proċeduri ġudizzjarji sabiex jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi kollha li jimmitigaw kontra deċiżjoni ta’ inammissibbiltà u, anki bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn is-sottomissjonijiet, ma tkun tista’ tittieħed ebda deċiżjoni oħra fil-kawża.

15.

B’kuntrast, il-Gvern Franċiż jikkunsidra, essenzjalment, li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt għal smigħ li jifforma parti integrali mid-drittijiet tad-difiża, jipprekludi regola ta’ dritt nazzjonali li skontha ksur, fl-ewwel istanza quddiem l-awtorità determinanti, tad-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva, ma jwassalx għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni sakemm l-applikant għandu l-opportunità jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu jew tagħha fil-mori tal-kawża.

16.

Inżammet seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Jannar 2020 li attendew għaliha M. Addis, l-Uffiċċju Federali, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni.

III. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2013/32

17.

Il-premessi 18 u 22 tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxu s-segwenti:

“(18)

Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[…]

(22)

Huwa wkoll fl-interess ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti biex jiżguraw fl-ewwel istanza rikonoxximent korrett tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali.”

18.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95/UE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-Kwalifiki”).

19.

L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” bħala talba magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li qiegħda tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [tal-Kwalifiki], li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha.

20.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2013/32 intitolat “Intervista personali”, jistabbilixxi:

“1.   Qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti, l-applikant għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali ma’ persuna li tkun, taħt il-liġi nazzjonali, kompetenti sabiex tmexxi tali intervista. L-intervisti personali dwar is-sustanza tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom isiru mill-persunal tal-awtorità determinanti […]

Fejn l-applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi jagħmluha impossibbli li fil-prattika l-awtorità determinanti tkun tista’ tagħmel intervisti fil-ħin dwar is-sustanza ta’ kull applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-persunal ta’ awtorità oħra tkun involuta b’mod temporanju fit-twettiq ta’ dawn l-intervisti. F’każijiet bħal dawn, il-persunal ta’ dik l-awtorità l-oħra għandu jirċievi minn qabel it-taħriġ rilevanti li għandu jinkludi l-elementi elenkati fl-Artikolu 6(4)(a) sa (e) tar-Regolament (UE) Nru 439/2010. Il-persuni li jagħmlu intervisti personali lill-applikanti taħt din id-Direttiva għandhom ikunu kisbu wkoll għarfien ġenerali ta’ problemi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-kapaċità tal-applikant li jiġi intervistat, bħal indikazzjonijiet li l-applikant seta’ ġie ttorturat fil-passat.

[…]

2.   L-intervista personali dwar is-sustanza tal-applikazzjoni tista’ titneħħa meta:

(a)

l-awtorità determinanti tkun kapaċi li tieħu deċiżjoni pożittiva fir-rigward tal-istatus ta’ rifuġjat abbażi tal-evidenza disponibbli; jew

(b)

l-awtorità determinanti tkun tal-fehma li l-applikant mhuwiex f’siktu jew kapaċi sabiex jiġi intervistat minnħabba ċirkostanzi persistenti li fuqhom huwa ma jkollux kontroll. F’dubju, l-awtorità determinanti għandha tikkonsulta professjonist mediku biex tistabbilixxi jekk il-kundizzjoni li minħabba fiha l-applikant li mhuwiex f’siktu jew kapaċi li jiġi intervistat hijiex temporanja jew fit-tul.

Fejn ma ssirx intervista personali taħt il-punt (b) jew, fejn applikabbli, mal- persuna dipendenti, għandu jsir dak li jkun raġonevolment possibbli sabiex l-applikant jew il-persuna dipendenti jkunu jistgħu jippreżentaw aktar informazzjoni.

3.   In-nuqqas ta’ intervista personali taħt dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi lill-awtorità determinanti milli tieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

4.   In-nuqqas ta’ intervista personali skont il-paragrafu 2(b) ma għandhiex tinċidi negattivament fuq id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti.

[…]”

21.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Rekwiżiti għal intervista personali” jipprovdi li:

“[…]

2.   Intervista personali għandha ssir taħt kundizzjonijiet li jiżguraw kunfidenzjalità adegwata.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-intervisti personali jitmexxew taħt kundizzjonijiet li jippermettu li l-applikanti jippreżentaw ir-raġunijiet għall-applikazzjonijiet tagħhom b’mod komprensiv. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom:

[…]

(b)

kull meta jkun possibbli, jipprovdu li l-intervista mal-applikant tkun imwettqa minn persuna tal-istess sess jekk l-applikant ikkonċernat jitlob dan, sakemm l-awtorità determinanti ma jkollhiex raġuni biex temmen li tali talba hi bbażata fuq raġunijiet li mhumiex relatati ma diffikultajiet min-naħa tal-applikant biex jippreżenta r-raġunijiet tal-applikazzjoni tiegħu/tagħha b’mod komprensiv;

[…]”

22.

L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2013/32 intitolat “Garanziji għal minorenni mhux akkumpanjati”, jistabbilixxi li:

“1.   Fir-rigward tal-proċeduri kollha previsti f’din id-Direttiva u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 sa 17, l-Istati Membri għandhom:

[…]

(b)

jiżguraw li r-rappreżentant jingħata l-opportunità li jinforma lill-minorenni mhux akkumpanjat dwar is-sinifikat u l-konsegwenzi eventwalment possibbli tal-intervista personali u, fejn ikun kunsiljabbli, kif jipprepara ruħu għall-intervista personali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li rappreżentant u/jew konsulent legali jew konsulent ieħor ammess jew permess bħala tali taħt il-liġi nazzjonali jkunu ikunu preżenti f’dik l-intervista u jkollhom opportunità li jsaqsu mistoqsijiet jew jagħmlu kummenti, fi ħdan il-qafas stabbilit mill-persuna li tagħmel l-intervista.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

jekk minorenni mhux akkumpanjat ikollu intervista personali rigward l-applikazzjoni tiegħu/tagħha għall- protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fl-Artikoli 14 sa 17 u 34, dik l-intervista personali titmexxa minn persuna li jkollha l-għarfien meħtieġ tal-bżonnijiet speċjali ta’ persuni minorenni;

[…]”

23.

L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jistabbilixxi:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

(a)

il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor

[…]”

24.

L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Regoli speċjali dwar l-intervista tal-ammissibbiltà” jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti biex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar l-applikazzjoni tar-raġunijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 33 fiċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom iwettqu intervista personali dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni biss taħt l-Artikolu 42 fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti.

Dan il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2)(a) ta’ din id-Direttiva u għall-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013.

[…]”

25.

L-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 30, mal-Artikolu 31(1), (2) u (6) sa (9), mal-Artikoli 32 sa 46, mal-Artikoli 49 u 50 u mal-Anness I l-iktar tard [sal‑20] ta’ Lulju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.”

26.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32:

“L-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl- Artikolu 51(1) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati u fir-rigward ta’ proċeduri għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali li jkunu mibdija wara l‑20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni. L-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015 u l-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat mibdija qabel dik id-data għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi taħt id-Direttiva 2005/85/KE.”

27.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li d-Direttiva 2005/85 tiġi mħassra, għal dawk l-Istati Membri marbuta b’din id-direttiva bis-seħħ mill‑21 ta’ Lulju 2015, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limiti ta’ żmien imposti għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva stabbilita fl-Anness II, Parti B.

28.

L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li d-direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fid‑29 ta’ Ġunju 2013.

B.   Id-dritt nazzjonali

29.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-fatti inkwistjoni fil-proċedura prinċipali huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-AsylG fil-verżjoni ppubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 ( 10 ) u mibdula bil-Fünfzigste Gesetz zur Änderung des Strafgesetzbuches – Verbesserung des Schutzes der sexuellen Selbstbestimmung (Il-Ħamsin Emenda tal-Kodiċi Kriminali – Titjib tal-Protezzjoni tal-Awtodeterminazzjoni Sesswali, iktar ’il quddiem is-“StrÄndG 50”) tal‑4 ta’ Novembru 2016 ( 11 ).

30.

L-Artikolu 24 tal-AsylG jistabbilixxi:

“L-Uffiċċju Federali għandu jikkjarifika l-fatti tal-kawża u jiġbor l-provi neċessarji […] Huwa għandu jintervista lill-barrani personalment. Is-smigħ jista’ ma jitwettaqx jekk l-Uffiċċju Federali għandu l-intenzjoni jirrikonoxxi l-intitolament tal-barrani għall-ażil jew jekk il-barrani jiddikjara li huwa daħal fit-territorju federali minn pajjiż terz sigur […]

[…]”

31.

L-Artikolu 29 tal-AsylG, kif mibdul mill-Artikolu 6 tal-Integrationsgesetz ( 12 ) (il-Liġi dwar l-Integrazzjoni) tal‑31 ta’ Lulju 2016, b’effett mis‑6 ta’ Awwissu 2016 (iktar ’il quddiem l-“Integrationsgesetz”), jistabbilixxi:

“(1)   Applikazzjoni għall-ażil tkun inammissibbli meta:

[…]

2.

Stat Membru ieħor tal-Unjoni diġà ta protezzjoni internazzjonali lill-barrani […],

[…]”

32.

L-Artikolu 36 tal-AsylG intitolat “Proċedura f’każijiet ta’ applikazzjonijiet għall-ażil li huma inammissibbli skont l-Artikolu 29(1) Nri 2 u 4 jew li huma manifestament infondati”, jipprevedi:

“(1)   F’każijiet fejn l-applikazzjoni għall-ażil hija inammissibbli skont l-Artikolu 29(1) Nri 2 u 4 jew manifestament infondata, il-barrani għandu jingħata ġimgħa sabiex jitlaq mill-pajjiż.

(2)   L-Uffiċċju Federali għandu jibgħat lill-persuni involuti kopja tal-fajl tal-ażil tagħhom flimkien mad-deċiżjoni. Il-fajl amministrattiv għandu jiġi trażmess mingħajr dewmien lill-qorti amministrattiva kompetenti flimkien mal-prova tal-kunsinna.

(3)   Appelli mill-avviż ta’ deportazzjoni skont l-Artikolu 80(5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva tal-Qorti għandhom jiġu ppreżentati fi żmien ġimgħa min-notifika; in-notifika mill-Uffiċċju Federali għandha tiġi inkluża mal-appell. Il-barrani għandu jiġi informat b’dan. L-Artikolu 58 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva tal-Qorti għandu japplika skont il-każ. Id-deċiżjoni għandha tittieħed bi proċedura bil-miktub, mhux permess smigħ orali fil-qorti li fih ir-rikors jinstema’ fl-istess ħin. Id-deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien ġimgħa mill-iskadenza tat-terminu skont is-subartikolu 1 iktar ’il fuq. L-awla tal-qorti amministrattiva tista’ testendi t-terminu skont is-subartikolu 5 iktar ’il fuq b’ġimgħa kull darba. It-tieni estensjoni tat-terminu u dawk addizzjonali għandhom ikunu permessi biss għal raġunijiet serji, b’mod partikolari jekk il-qorti ma tkunx tista’ tieħu deċiżjoni iktar kmieni minħabba piż ta’ xogħol partikolarment qawwi. L-ebda deportazzjoni ma għandha tkun permessa qabel deċiżjoni ta’ qorti jekk l-appell ikun ġie ppreżentat fil-ħin. Tkun ittieħdet deċiżjoni meta d-dispożizzjonijiet operattivi tad-deċiżjoni jiġu ffirmati mill-imħallef jew l-imħallfin u jkunu disponibbli fir-reġistru tal-kamra. Applikazzjonijiet għal miżuri temporanji kontra deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Federali li jistabbilixxu termini għaċ-ċaħda tad-dħul jew residenza skont l-Artikolu 11(2) tal-Liġi dwar ir-Residenza u d-digriet u t-termini skont l-Artikolu 11(7) tal-Liġi dwar ir-Residenza għandhom ukoll jiġu ppreżentati fi żmien ġimgħa min-notifika. Dan ma għandux jaffettwa n-natura eżegwibbli tal-avviż ta’ deportazzjoni.

(4)   Digriet li jissospendi d-deportazzjoni jista’ jinħareġ biss jekk hemm dubji serji dwar il-legalità tal-att amministrattiv li kontrih ġie ppreżentat appell. Fatti u provi mhux iddikjarati mill-persuni involuti ma għandhomx jiġu kkunsidrati sakemm ma humiex ovvji u magħrufa mill-qorti. L-introduzzjoni ta’ fatti u provi li ma ġewx ikkunsidrati fil-proċedura amministrattiva skont l-Artikolu 25(3) u fatti u ċirkustanzi fis-sens tal-Artikolu 25(2) li l-barrani ma pproduċiex fil-proċedura amministrattiva jistgħu ma jiġux ikkunsidrati mill-qorti jekk id-deċiżjoni kieku tkun min-naħa l-oħra tardiva.”

33.

L-Artikolu 77(1) tal-AsylG jistabbilixxi:

“F’tilwim li jirriżulta minn dan l-Att il-qorti għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq is-sitwazzjoni fattwali u legali fil-mument tal-aħħar proċeduri orali; jekk id-deċiżjoni tittieħed mingħajr proċeduri orali, hija għandha tiġi bbażata fuq is-sitwazzjoni fil-mument li fih tittieħed id-deċiżjoni […]”

34.

L-Artikolu 46 tal-Verwaltungsverfahrensgesetz (il-Liġi dwar il-Proċeduri Amministrattivi) (iktar ’il quddiem il-“VwVfG”), tal‑25 ta’ Mejju 1976, fil-formulazzjoni ppromulgata l-aħħar fit‑23 ta’ Jannar 2003 ( 13 ), kif emendat mill-Artikolu 1 tal-Viertes Gesetz zur Änderung verwaltungsverfahrensrechtlicher Vorschriften (l-Att tar-Raba’ Emenda tad-Dritt Amministrattiv, “4. VwVfÄndG”) tal‑11 ta’ Diċembru 2008 ( 14 ) jistabbilixxi:

“Applikazzjoni għall-annullament ta’ att amministrattiv li mhux invalidu […] ma tistax issir biss minħabba li l-att sar permezz tal-ksur ta’ regolamenti li jirregolaw proċedura, forma jew kompetenza lokali, fejn huwa evidenti li l-ksur ma influwenzax id-deċiżjoni fuq il-kwistjoni.”

35.

L-Artikolu 80 tal-Verwaltungsgerichtsordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva tal-Qorti) (iktar ’il quddiem il-“VwGo”) fil-formulazzjoni ppromulgata l-aħħar fid‑19 ta’ Marzu 1991 ( 15 ), reċentement emendat permezz tal-Artikolu 9 tal-Liġi tat‑22 ta’ Diċembru 2010 ( 16 ) jistabbilixxi:

“(1)   Oġġezzjoni u rikors ta’ rexxissjoni għandu jkollhom effett sospensiv. Dan għandu japplika wkoll għal atti kostituttivi u dikjaratorji, kif ukoll għal atti b’effett doppju (l-Artikolu 80a).

[…]

(5)   Fuq talba, il-qorti inkarigata mill-kawża prinċipali tista’ kompletament jew parzjalment tordna l-effett sospensiv fil-każijiet li jaqgħu taħt is-subartikolu 2 Nru 1 sa 3, u tista’ tirrestitwixxih kompletament jew parzjalment fil-każijiet li jaqgħu taħt is-subparagrafu 2 Nru 4. It-talba għandha tkun ammissibbli diġà qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors ta’ rexxissjoni. Jekk l-att amministrattiv diġà ġie implimentat fil-mument tad-deċiżjoni, il-qorti tista’ tordna r-rexxissjoni tal-implimentazzjoni. Ir-restituzzjoni tal-effett sospensiv tista’ ssir sakemm tingħata garanzija jew skont istruzzjonijiet oħra. Din tista’ wkoll tkun preskritta.

[…]”

36.

L-Artikolu 86 tal-VwGO jipprevedi:

“(1)   Il-qorti għandha tinvestiga l-fatti ex officio; dawk ikkonċernati għandhom jiġu kkonsultati b’dan. Hija ma għandhiex tkun marbuta mas-sottomissjonijiet u mal-mozzjonijiet għat-teħid tal-provi ta’ dawk ikkonċernati.

[…]”

IV. Il-fatti tal-proċedura prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

37.

M. Addis iddikjara li huwa ċittadin Eritrew ( 17 ). Fl‑2009, madankollu, huwa ppreżenta applikazzjoni għall-ażil lill-awtoritajiet Taljani li fiha ta identità u data tat-twelid differenti għal dan l-għan u ġie rreġistrat bħala ċittadin Etjopjan. Din l-applikazzjoni kienet suċċess: huwa ġie pprovdut b’karta tal-identità u ngħata permess joqgħod sa Frar 2015. L-applikant qagħad fl-Italja sa Settembru 2011 meta mbagħad ivvjaġġa lejn il-Ġermanja u applika għal status ta’ refuġjat hemmhekk.

38.

Minkejja li preċedentement ċaħad li daħal fi kwalunkwe pajjiż Ewropew ieħor, id-dettalji tal-applikazzjoni Taljana oriġinali rriżultaw wara analiżi tal-marki tas-swaba’. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni l-Uffiċċju Federali ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M. Addis fit‑18 ta’ Frar 2013 minħabba li huwa daħal fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja minn pajjiż terz sigur u ordna d-deportazzjoni tiegħu lejn l-Italja.

39.

Qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, M. Addis ma kienx, madankollu, ingħata intervista personali bi ksur, inter alia, tad-dritt tal-ażil nazzjonali applikabbli. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li huwa ma ġiex mismugħ dwar “ir-raġunijiet għalfejn ġie ppersegwitat u lanqas dwar ir-residenza tiegħu fl-Italja u lanqas dwar l-istatus ta’ refuġjat tiegħu rrikonoxxut hemm”.

40.

L-appell ta’ M. Addis kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden, il-Ġermanja) fil‑15 ta’ April 2013. Huwa appella minn din is-sentenza lill-Oberverwaltungsgericht Münster (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Münster, il-Ġermanja). L-Oberverwaltungsgericht Münster (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Münster) annullat id-digriet ta’ deportazzjoni fid‑19 ta’ Mejju 2016 minħabba li ma kienx ċar jekk l-Italja hijiex se tieħu responsabbiltà ta’ M. Addis. Din il-qorti kkunsidrat, madankollu, li l-appell mid-deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni ta’ M. Addis għal status ta’ refuġjat għandha tiġi miċħuda.

41.

M. Addis appella mis-sentenza tal-Oberverwaltungsgericht Münster (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Münster) lill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali). Huwa sostna quddiem din il-qorti, b’mod partikolari, li l-Uffiċċju Federali ma kienx intitolat ma jwettaqx l-intervista personali qabel adotta d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Frar 2013.

42.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) li l-applikazzjoni ta’ M. Addis għal status ta’ refuġjat kienet, fi kwalunkwe każ, inammissibbli skont l-Artikolu 29(1)(2) tal-AsylG minħabba li huwa diġà ngħata status ta’ refuġjat fl-Italja. Hija kkunsidrat li l-assenza ta’ intervista personali ma għandhiex tipprekludi lill-awtorità determinanti milli tiddeċiedi dwar applikazzjoni tal-ażil.

43.

Il-qorti tar-rinviju – jiġifieri, il-Qorti Amministrattiva Federali – ikkunsidrat li huwa neċessarju li jiġu identifikati l-konsegwenzi li ksur tal-obbligu li titwettaq intervista personali jkollu fir-rigward tal-validità ta’ deċiżjoni li tiddikjara applikazzjoni għal status ta’ refuġjat bħala inammissibbli. F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa neċessarju li tiġi ċċarata din il-kwistjoni, b’mod partikolari fejn l-applikant għandu l-opportunità jistabbilixxi, fi proċeduri ta’ appell, l-elementi legali u fattwali kollha li jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata, u minkejja dan, li dawn l-elementi ma jwasslux għal annullament ta’ din id-deċiżjoni.

44.

Fid-dawl tan-nuqqas tal-Uffiċċju Federali milli josserva l-obbligu li jwettaq intervista personali skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2005/85 u l-Artikoli 14(1) u 34 tad-Direttiva 2013/32, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, tinterpreta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 12(2) u (3) tad-Direttiva 2005/85 u dawk previsti fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2013/32 u tindika jekk dawn l-eċċezzjonijiet humiex eżawrjenti, jew jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, id-dritt tal-Unjoni jippermettix għal eċċezzjonijiet oħra previsti b’mod espress fid-dritt nazzjonali.

45.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li skont id-dritt nazzjonali, l-Artikolu 46 tal-VwVfg jittratta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ intervista personali bħala irregolarità minuri meta huwa evidenti li dan in-nuqqas ma kellux impatt fuq is-sustanza tad-deċiżjoni adottata. Huwa jistabbilixxi wkoll li deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà adottata minħabba l-Artikolu 29(1)(2) tal-AsylG hija deċiżjoni li għaliha ma hemmx marġni ta’ diskrezzjoni. F’tali każijiet, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ intervista personali ma għandhiex implikazzjonijiet minħabba li l-Uffiċċju Federali u, min-naħa tagħhom, il-qrati amministrattivi, huma marbuta jeżaminaw il-kundizzjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju, madankollu, għamlet riferiment għall-ġurisprudenza ta’ kamra waħda tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) ( 18 ) li skontha l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 46 tal-VwVfG jista’ jiġi limitat mill-fatt li l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxu eċċezzjonijiet għad-dritt għal intervista personali u għalhekk jikkostitwixxu regola speċjali ta’ proċedura li hija eżawrjenti dwar il-kwistjoni.

46.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika ta’ M. Addis, il-qorti tar-rinviju nnotat li l-Uffiċċju Federali u, min-naħa tagħhom, il-qrati amministrattivi, huma obbligati jeżaminaw jekk il-kundizzjonijiet ta’ ħajja ta’ persuna li ngħatat status ta’ refuġjat fl-Italja josservawx, inter alia, l-Artikolu 4 tal-Karta.

47.

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet fid-dettall il-mod li bih il-qrati inferjuri kienu ċaħdu l-applikazzjoni ta’ M. Addis għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali tat‑18 ta’ Frar 2013 wara li eżaminaw il-kwistjoni ex officio u s-sottomissjonijiet kemm ta’ M. Addis kif ukoll tal-Uffiċċju Federali ( 19 ) dwar il-kundizzjonijiet ta’ ħajja li kieku jkollu jaffaċċja fl-Italja.

48.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) issospendiet il-proċeduri u għamlet tliet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

49.

It-tielet domanda, li hija l-unika waħda li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ma rtiratx fid-dawl tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et ( 20 ):

“L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2013/32/UE jew id-dispożizzjoni predeċessur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2005/85/KE tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tgħid li ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal ażil bħala inammissibbli li sseħħ fl-eżerċizzju tal-awtorizzazzjoni mogħtija permezz tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE jew permezz tad-dispożizzjoni predeċessur tal-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85/UE, mingħajr intervista personali mal-applikant ma twassalx għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ intervista meta l-applikant ikollu l-opportunità li jesponi fil-proċedura tar-rikors l-elementi kollha li jikkontestaw deċiżjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr madankollu ma dawn l-elementi jistgħu jwasslu sabiex tinbidel id-deċiżjoni fuq il-mertu?”

50.

Issa nistgħu nduru għal kunsiderazzjoni ta’ din il-kwistjoni.

V. Applikazzjoni ratione temporis

51.

Għandu jiġi mfakkar li M. Addis applika għal status ta’ refuġjat fil-Ġermanja f’Settembru 2011 u li din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali fi Frar 2013. Il-legalità ta’ din id-deċiżjoni bħalissa qiegħda tiġi kkontestata fil-qorti tar-rinviju.

52.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) għamlet riferiment għad-Direttiva 2005/85 kif ukoll għad-Direttiva 2013/32.

53.

Fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti ta’ dritt nazzjonali fil-kawża quddiemha, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddikjarat li skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, żviluppi legali li seħħew wara l-adozzjoni ta’ sentenza f’appell għandhom, f’ċerti ċirkustanzi, jittieħdu inkunsiderazzjoni minnha. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri ta’ ażil, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ikkonfermat li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(1) tal-AsylG, hija għandha tinvoka s-sitwazzjoni fattwali u legali li teżisti fil-mument tal-aħħar smigħ orali f’Mejju 2016.

54.

F’dan ir-rigward, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddikjarat li l-Artikolu 29 tal-AsylG, kif emendat b’effett mis‑6 ta’ Awwissu 2016 bl-Artikolu 6 tal-Integrationsgesetz (il-Liġi dwar l-Integrazzjoni), intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli” huwa applikabbli fil-proċeduri ta’ quddiemha ( 21 ). Iktar minn hekk, jidher li l-fatti inkwistjoni fil-proċedura prinċipali huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-AsylG fil-verżjoni ppubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 u mibdula fl‑4 ta’ Novembru 2016 ( 22 ).

55.

L-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2013/32 jeħtieġ li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 30, mal-Artikolu 31(1), (2) u (6) sa (9), mal-Artikoli 32 sa 46, mal-Artikoli 49 u 50 u mal-Anness I l-iktar tard sal‑20 ta’ Lulju 2015. Madankollu, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati “wara l‑20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni”. Hija ġurisprudenza stabbilita li billi żied il-kliem “jew f’data preċedenti” mal-imsemmija l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħhom li jimplimentaw din id-direttiva, b’effett immedjat, għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015 ( 23 ).

56.

Minħabba li M. Addis applika għall-istatus ta’ refuġjat fil-Ġermanja f’Settembru 2011, l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet ippreżentata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32 fid‑19 ta’ Lulju 2013 u, fil-fatt, ħafna qabel l-aħħar jum li fih din id-direttiva kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali, jiġifieri, l‑20 ta’ Lulju 2015.

57.

Jidher, madankollu, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(1) tal-AsylG, huma d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu jew li jistgħu jittrasponu ( 24 ) d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32 li huma applikabbli għall-kawża fil-proċedura prinċipali ( 25 ).

58.

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li fil-punt 74 tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219) ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, inter alia, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 li jinkludi dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-applikazzjonijiet ta’ liġijiet li jittrasponu din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru li jipprevedi għal applikazzjoni immedjata tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva għal applikazzjonijiet għall-ażil li dwarhom ma jkunx għadu ġie deċiż definittivament, li kienu ġew ippreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015 u qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ( 27 ). Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mitluba tiċċara xi tfisser eżattament ir-referenza għal “deċiżjoni finali” f’dan il-kuntest, jiena ninterpreta din il-frażi bħala riferiment għal deċiżjoni finali meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi rilevanti (f’din il-kawża, l-Uffiċċju Federali) dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala distinta minn kwalunkwe proċeduri ġudizzjarji sussegwenti li fihom id-deċiżjoni li tingħata jew ma tingħatax protezzjoni ġiet ikkontestata.

59.

Sa fejn hija kkonċernata din il-kawża, jista’ jiġi osservat li d-deċiżjoni finali fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ ażil ta’ M. Addis ittieħdet mill-Uffiċċju Federali sa minn Frar 2013. Dan kien diversi xhur qabel il-pubblikazzjoni tad-Direttiva 2013/32 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’Ġunju tal‑2013 u d-dħul fis-seħħ tagħha fix-xahar segwenti ( 28 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li l-applikazzjoni antiċipata tad-Direttiva 2013/32 bil-mod permess mill-Artikolu 52 ta’ din id-direttiva (u kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et ( 29 ) sempliċement ma tapplikax għal din il-kawża. Filwaqt li s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219) ippermettiet l-applikazzjoni antiċipata ta’ din id-direttiva għal deċiżjonijiet li kienu pendenti anki qabel l-aħħar data ta’ traspożizzjoni, jiġifieri, l‑20 ta’ Lulju 2015 ( 30 ) fejn din kienet issanzjonata mid-dritt nazzjonali rilevanti, dan il-prinċipju ma japplikax fejn id-deċiżjoni amministrattiva finali ttieħdet anki qabel il-pubblikazzjoni ta’ din id-direttiva. Jiena tal-fehma, għaldaqstant, li l-verżjoni preċedenti tad-Direttiva tal-Proċeduri, jiġifieri id-Direttiva 2005/85, hija dik li tapplika, ratione temporis, għal din il-kawża.

60.

Qiegħed ninnota, madankollu, li fis-seduta l-partijiet kollha, inkluż M. Addis, kellhom fehma differenti dwar l-applikazzjoni ratione temporis tad-direttivi inkwistjoni u huma sostnew li d-direttiva sussegwenti, jiġifieri id-Direttiva 2013/32, kienet fil-fatt tirregola din il-kawża. Filwaqt li xorta ser inżomm b’rispett mal-fehma tiegħi li din ma tapplikax, minħabba l-attitudni unanima tal-partijiet flimkien mal-approċċ adottat mill-qorti tar-rinviju, nipproponi, għaldaqstant, li għall-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet nipproċedi fuq il-bażi li din il-kawża hija, fil-fatt, irregolata mid-Direttiva 2013/32. Jiena għalhekk ser nassumi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 sa 30, Artikolu 31(1), (2) u (6) sa (9), l-Artikoli 32 sa 46, l-Artikoli 49 sa 50 u l-Anness I tad-Direttiva 2013/32 huma applikabbli fil-kuntest tal-proċedura prinċipali.

VI. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

61.

Id-dritt għal intervista personali jeżisti, mhux biss fejn l-awtorità determinanti għandha l-intenzjoni tieħu deċiżjoni dwar il-merti ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda anki fejn hija għandha l-intenzjoni, bħal fil-każ ta’ M. Addis, li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 dwar l-ammissibbiltà ta’ din l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, kemm l-Artikoli 14 u 34 tad-Direttiva 2013/32 ( 31 ) speċifikament jeħtieġu li l-awtorità determinanti ( 32 ) twettaq intervista personali mal-applikant għal protezzjoni internazzjonali qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-merti jew l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni.

62.

Huwa ċar mid-definizzjoni ta’ “awtorità determinanti” fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32 li tali intervista għandha titwettaq minn korp kważi ġudizzjarju jew amministrattiv stabbilit minn Stat Membru skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ( 33 ). Id-Direttiva 2013/32 innifisha ma tipprevedi bl-ebda mod għat-twettiq ta’ intervista personali minn qorti. Jista’ jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 103 tas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto ( 34 ) għamlet distinzjoni ċara bejn l-“awtorità determinanti”, iddefinita fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32 u l-“qorti jew tribunal” li jirreferi għalihom l-Artikolu 46. Għalhekk il-proċedura quddiem awtorità determinanti hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ Prima Istanza”, filwaqt li l-proċedura quddiem qorti għandha tosserva r-regoli stabbiliti fil-Kapitolu V ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċeduri tal-Appelli” li huma stabbiliti fl-Artikolu 46.

63.

Ma huwiex ikkontestat li d-dritt ta’ M. Addis għal intervista personali mwettqa mill-awtorità determinanti skont id-Direttiva 2013/32 ġie miksur b’dan ( 35 ).

64.

Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li filwaqt li M. Addis ma ġiex mismugħ personalment mill-Uffiċċju Federali, inter alia, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li kieku jkollu jaffaċċja fl-Italja jekk jiġi rritornat hemmhekk, il-qorti tar-rinviju madankollu tikkunsidra li n-nuqqas ġie ssanat jew ikkumpensat kompletament bil-proċeduri tal-qorti nazzjonali li twettqu skont il-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32.

65.

Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, f’dawn il-proċeduri ta’ annullament li jikkontestaw id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà, M. Addis ta rakkont iddettaljat fir-rikors tiegħu tad-diffikultajiet li kieku jkollu jaffaċċja fl-Italja. Il-qorti amministrattiva ddeċidiet li d-digriet ta’ deportazzjoni mogħti fil-konfront tiegħu ma setax jiġi eżegwit. Skont il-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 86(1) tal-VwGO, hija ddeċidiet ex officio li tikkonsulta informazzjoni dwar id-drittijiet li għandu refuġjat irrikonoxxut fl-Italja fir-rigward ta’ residenza, moviment, aċċess għax-xogħol u kura tas-saħħa. Il-qorti tar-rinviju ddikjarat li l-qorti amministrattiva ċaħdet l-appell ta’ M. Addis minħabba l-evalwazzjoni tagħha stess tal-fatti u tal-provi. Din il-qorti kkonkludiet, wara li eżaminat is-sottomissjonijiet u ċ-ċirkustanzi ġenerali ta’ M. Addis, li bħala persuna żagħżugħa u mhux miżżewġa, huwa jista’ gradwalment jakkwista bażi fl-Italja u li huwa wkoll possibbli għalih, almenu inizjalment, li jistrieħ fuq l-għajnuna ta’ organizzazzjonijiet tal-karità. Hija indikat li diversi refuġjati – partikolarment irġiel żgħażagħ – frekwentement isibu xogħol staġjonali fis-settur agrikolu.

66.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-qorti amministrattiva eżaminat ukoll ex officio jekk, fil-każ ta’ deportazzjoni lejn il-fruntiera Taljana, M. Addis jistax jiġi espost għal trattament kuntrarju għall-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Wara li kkonsultat l-informazzjoni rilevanti tal-pajjiż ta’ oriġini pprovduta mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ġermaniż u mill-Kunsill tar-Refuġjati tal-Isvizzera, kif ukoll minn sorsi ta’ NGO bħall-Associazione per gli Studi Giuridici sull’Immigrazione (l-Assoċjazzjoni għall-Istudju tad-Dritt relatat mal-Immigrazzjoni), din il-qorti kkonkludiet li filwaqt li l-opportunitajiet għal aċċess minn refuġjati kemm għal assistenza pubblika kif ukoll privata kienu iktar limitati milli għat-Taljani, dawn l-opportunitajiet ristretti ma kinux f’livell li jkun min-naħa l-oħra jammonta għal ksur tal-Artikolu 3 KEDB billi, pereżempju, iġibuh nieqes minn kollox.

67.

F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina, jekk l-eċċezzjonijiet għad-dritt għal intervista personali skont l-Artikoli 14 u 34 tad-Direttiva 2013/32 humiex eżawrjenti fin-natura tagħhom u, jekk iva, x’inhuma effettivament il-konsegwenzi ta’ ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ M. Addis mill-awtorità determinanti. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija jekk in-nuqqas li titwettaq l-intervista għandux iwassal sabiex id-deċiżjoni li ċaħdet bħala inammissibbli l-applikazzjoni ta’ M. Addis għal status ta’ refuġjat tiġi annullata jew jekk in-nuqqas tal-awtorità determinanti jistax, u jekk iva taħt liema kundizzjonijiet, jiġi rrimedjat fil-mori tal-kawża skont il-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32.

B.   L-eċċezzjonijiet għad-dritt għal intervista personali skont l-Artikoli 14 u 34 tad-Direttiva 2013/32 huma eżawrjenti fin-natura tagħhom?

68.

L-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2013/32 jidentifika ċ-ċirkustanzi li fihom intervista personali tista’ ma titwettaqx mill-awtorità determinanti ta’ Stat Membru. Iktar minn hekk, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi li “[n]-nuqqas ta’ intervista personali taħt dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi lill-awtorità determinanti milli tieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” ( 36 ). Isegwi mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2013/32 u l-użu tat-termini “n-nuqqas ta’ intervista personali taħt dan l-Artikolu”, li awtorità determinanti ma tistax tadotta deċiżjoni dwar il-merti ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-assenza ta’ intervista personali ħlief fejn waħda miż-żewġ eċċezzjonijiet speċifiċi previsti mill-Artikolu 14 hija applikabbli wkoll. Ma huwiex issuġġerit li din il-kawża taqa’ taħt waħda jew l-oħra minn dawn l-eċċezzjonijiet.

69.

Huwa ċar mill-formulazzjoni nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni li l-eċċezzjonijiet inklużi fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2013/32 huma eżawrjenti fin-natura tagħhom. Isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw eċċezzjonijiet addizzjonali fid-dritt nazzjonali tagħhom.

70.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi, fil-fatt, li l-awtorità determinanti ( 37 ) ta’ Stat Membru għandha twettaq intervista personali dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali qabel ma tadotta deċiżjoni dwar il-kwistjoni. Huwa jgħid ukoll li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu għal eċċezzjoni għal dan id-dritt skont l-Artikolu 42 biss fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti. Huwa għalhekk ċar mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/32 li l-eċċezzjoni fir-rigward ta’ applikazzjoni sussegwenti hija eżawrjenti fin-natura tagħha.

71.

Fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri ma għandhomx is-setgħa li jintroduċu iktar eċċezzjonijiet għad-dritt għal intervista personali apparti dawk speċifikament previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikoli 14 u 34 tad-Direttiva 2013/32.

72.

Huwa għalhekk ċar mill-formulazzjoni espressa tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2013/32 li awtorità determinanti ma tistax tadotta deċiżjoni dwar il-merti ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mingħajr ma twettaq intervista personali sakemm ma tapplikax waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 14(2). L-istess japplika, fil-fehma tiegħi, għal deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 adottata fl-assenza ta’ intervista personali skont l-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva.

73.

Kif diġà osservajt, jidher ċar mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-ebda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt għal intervista personali stabbiliti fid-Direttiva 2013/32 ma tapplika fil-każ ta’ M. Addis. Huwa xieraq li jingħad ukoll li l-ebda mill-partijiet ma ssuġġerew mod ieħor.

C.   Il-konsegwenzi ta’ ksur ta’ obbligu li titwettaq intervista personali – jista’ jiġi rrimedjat ksur bħal dan fil-mori tal-kawża?

74.

Din kienet il-kwistjoni li tinsab fil-qalba ta’ din it-tilwima bejn il-partijiet. Għandu jiġi enfasizzat li – kif il-premessi 11 u 12 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32 kollha jindikaw – il-qafas għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ proċedura unika u fuq regoli minimi komuni ( 38 ). Filwaqt li d-Direttiva 2013/32 hija silenzjuża dwar il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw meta awtorità determinanti tonqos milli twettaq intervista personali ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali bil-mod li huwa meħtieġ mil-liġi, madankollu jidher inerenti fl-iskema leġiżlattiva stabbilita mid-Direttiva li r-rekwiżit espliċitu ta’ intervista personali huwa parti integrali u vitali tal-proċess kollu tal-ażil ( 39 ).

75.

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija, essenzjalment, jekk fil-każ tan-nuqqas tal-awtorità determinanti sabiex twettaq intervista personali, il-qorti li sussegwentement twettaq eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti u kemm tad-dritt skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 tistax, fil-prinċipju, tirrimedja l-ksur billi hi stess twettaq l-intervista personali u mbagħad tikkonferma d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti. Sussidjarjament, għandha madankollu tannulla d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti u tirrinvija l-kawża lura għand din l-awtorità sabiex hija twettaq din l-intervista u tadotta deċiżjoni (potenzjalment ġdida)?

76.

Id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija ġdida u, minkejja ċerti similaritajiet, ma ġietx preċedentement solvuta bis-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko ( 40 ), tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto ( 41 ) jew tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov ( 42 ) li fil-fatt jolqtu punti relatati. Dawn il-kawżi madankollu huma istruttivi fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-“Proċeduri ta’ Prima Istanza” fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32 u l-“Proċeduri tal-Appelli” fil-Kapitolu V ta’ din id-direttiva. Għalhekk, jiena ser neżamina fil-qosor din il-ġurisprudenza fil-kuntest ta’ din il-kawża.

1. Ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2013/32

a) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591)

77.

Fil-punti 33 sa 35 tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko ( 43 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet il-ġurisprudenza stabbilita tagħha fir-rigward tal-proċeduri fl-ewwel istanza koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2013/32. Hija fakkret li l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod sinjifikattiv jaqa’, bħala prinċipju, fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta jieħdu miżuri li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għal smigħ f’kull proċedura, li jifforma parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi l-fehma tagħha, b’mod utli u effettiv, matul proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi tagħha b’mod negattiv. F’dan ir-rigward, ir-regola li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni għandha l-għan, b’mod partikolari, li din il-persuna tkun tista’ tikkorreġi żball jew tissottometti elementi marbuta mas-sitwazzjoni personali tagħha li jargumentaw fis-sens li d-deċiżjoni tittieħed jew ma tittiħidx jew li jkollha kontenut speċifiku.

78.

Fil-punt 49 tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko ( 44 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-Direttiva 2013/32, u b’mod partikolari l-Artikoli 12, 14, 31 u 46 tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li qorti nazzjonali, adita b’appell minn deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tkun manifestament infondata, tiċħad l-imsemmi appell mingħajr ma tisma’ lill-applikant meta ċ-ċirkustanzi fattwali ma jħallu ebda dubju dwar il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni. Din il-konklużjoni kienet, madankollu, suġġetta għall-kundizzjonijiet segwenti: minn naħa, li, matul il-proċedura tal-ewwel istanza, l-applikant ikun ingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, konformement mal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, u li r-rapport jew it-traskrizzjoni ta’ din l-intervista, fil-każ li tkun saret, ikunu disponibbli b’rabta mal-fajl, konformement mal-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva, u, min-naħa l-oħra, li l-qorti adita bl-appell tkun tista’ tordna tali smigħ jekk tqis li jkun neċessarju għall-finijiet tal-eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ dritt, previst fl-Artikolu 46(3) tal-istess direttiva.

79.

Għalhekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, l-awtorità determinanti kienet fil-fatt wettqet intervista personali ( 45 ) u dak li kien f’dubju kien jekk u sa liema punt qorti nazzjonali adita b’appell kontra deċiżjoni li ċaħdet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali manifestament infondata setgħet tinvoka traskrizzjoni ta’ din l-intervista.

80.

Fil-fehma tiegħi, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591) tenfasizza b’mod ċar l-importanza ta’ intervista personali mwettqa mill-awtorità determinanti fil-kuntest tad-Direttiva 2013/32. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li dan ir-rekwiżit “huwa indirizzat esklużivament lill-awtorità li tkun responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u li tkun kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni fl-ewwel istanza fuq dawn l-applikazzjonijiet, u għalhekk ma japplikax għall-proċeduri tal-appell” ( 46 ).

81.

Il-fatti tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko ( 47 ) huma wkoll ta’ rilevanza f’dan il-kuntest. Hawn l-applikant ġie intervistat fl-ewwel istanza mill-kummissarju reġjonali għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Il-kummissarju kkonkluda li huwa kien immigrant ekonomiku u li ma kienx, fuq din il-bażi, intitolat għall-ażil. Din il-konstatazzjoni sussegwentement ġiet ikkontestata fil-qrati Taljani li mbagħad għamlu lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda jekk huma kinux obbligati jisimgħu l-applikant personalment bħala parti mill-“eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ liġi” li l-qrati nazzjonali huma obbligati jwettqu skont l-Artikolu 46(2) ( 48 ).

82.

Kif għadni kemm innotajt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet din id-domanda fin-negattiv (suġġett għal ċerti kundizzjonijiet), fejn l-Avukat Ġenerali Sanchez-Bordona ddikjara:

“[p]eress li d-Direttiva 2013/323 teħtieġ li ssir intervista fil-fażi amministrattiva tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, nifhem il-ħtieġa li din issir fil-proċedura legali, hija imposta biss jekk l-(ewwel) intervista ma tkunx saret, finalment, illustrattiva biżżejjed għall-qorti adita bl-azzjoni ġudizzjarja u li jkollha dubji dwar l-għan tar-rikors” ( 49 ).

83.

Madankollu, il-punt veru huwa li s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko ( 50 ) ma ttrattatx direttament is-sitwazzjoni ppreżentata hawnhekk, jiġifieri, fejn l-intervista ma ġietx imwettqa fl-ewwel istanza mill-awtorità determinanti responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tal-ażil tiegħu.

b) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584)

84.

Fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto ( 51 ) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, ir-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc ( 52 ) skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jimplika li l-qorti adita bir-rikors għandha tisma’ lill-applikant, sakemm hija ma tqisx li tista’ twettaq l-eżami abbażi biss tal-informazzjoni fil-fajl, li tinkludi, skont il-każ, ir-rapport jew it-traskrizzjoni tal-intervista personali quddiem l-imsemmija awtorità ( 53 ). Fil-każ ta’ punti ġodda li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ rikors, il-qorti hija obbligata, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta, li toffri lill-applikant il-possibbiltà li jesprimi lilu nnifsu meta dawn il-punti jistgħu jaffettwawh b’mod sfavorevoli ( 54 ).

85.

Jekk l-awtorità determinanti ma eżaminatx din ir-raġuni ta’ inammissibbiltà u, konsegwentement, ma wettqitx l-intervista personali msemmija fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/32, huwa l-kompitu tal-qorti, fil-każ li din tqis li tali raġuni kien imissha ġiet eżaminata minn din l-awtorità jew għandha tiġi eżaminata issa minħabba li qamu elementi ġodda, li tipproċedi għal tali smigħ ( 55 ). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fil-punt 130 tas-sentenza Alheto “fil-każ li l-qorti adita bir-rikors tkun tixtieq teżamina raġuni ta’ inammissibbiltà li ma ġietx eżaminata mill-awtorità determinanti, hija għandha twettaq smigħ tal-applikant sabiex tippermettilu jesponi personalment, f’lingwa li jifhem, il-perspettiva tiegħu dwar l-applikabbiltà tal-imsemmija raġuni għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu” ( 56 ).

86.

Huwa għalhekk ċar mill-fatti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto ( 57 ), li l-awtorità determinanti f’din il-kawża ma adottatx deċiżjoni ta’ inammissibbiltà. Hija ma kinitx għalhekk meħtieġa twettaq intervista personali skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/32. Ladarba l-kwistjoni tal-inammissibbiltà ġiet sostnuta l-ewwel darba minn qorti fil-kuntest ta’ eżami sħiħ u ex nunc kemm ta’ fatti u kemm ta’ punti ta’ dritt skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien l-obbligu ta’ dik il-qorti li twettaq hi stess intervista personali tal-applikant sabiex tipproteġi d-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta ( 58 ). Isegwi li fejn qorti ssostni f’appell u ex officio kwistjoni ta’ ammissibbiltà li ma ġietx preċedentement eżaminata mill-awtorità determinanti, din il-qorti għandha twettaq intervista personali hija stess.

87.

Iktar minn hekk, fis-sentenza Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jirrigwarda biss l-“eżami” tar-rikors u għaldaqstant ma jirrigwardax l-annullament potenzjali tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors ( 59 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li ma hemm l-ebda obbligu għal qorti adita fl-ewwel istanza li tannulla deċiżjoni li tiddeċiedi hi stess dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 60 ) minħabba li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jintroduċi regola komuni li tipprovdi li l-korp kważi ġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva kellu jitlef il-kompetenza tiegħu wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali tiegħu dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-fajl għandu, wara tali annullament, jintbagħat lura lil dan il-korp sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjoni ġdida. Madankollu, il-korp għandu jadotta deċiżjoni ġdida fi żmien qasir u li tkun konformi mal-evalwazzjoni inkluża fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni inizjali ( 61 ).

88.

Din il-ġurisprudenza għaldaqstant turi li l-qorti adita fl-ewwel istanza għandha, f’ċerti każijiet, twettaq intervista personali fejn hija tqajjem kwistjonijiet ex officio li ma ġewx preċedentement eżaminati mill-awtorità determinanti. Iktar minn hekk il-qorti adita fl-ewwel istanza li tannulla deċiżjoni li tikkonstata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li d-dritt tal-applikant għal intervista personali ġie miksur mill-awtorità determinanti tista’ tirrinvija l-fajl lura lill-korp kważi ġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32 – f’dan il-każ, l-Uffiċċju Federali – għal deċiżjoni ġdida.

89.

Jista’ madankollu jiġi osservat li l-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto ( 62 ) hija differenti minn din il-kawża f’minn tal-inqas żewġ aspetti importanti. L-ewwel wieħed, f’din il-kawża l-awtorità determinanti qajmet il-kwistjoni ta’ ammissibbiltà fl-ewwel istanza, iżda ma wettqitx intervista personali. It-tieni wieħed, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ikkonfermat li anki fejn huwa ssuġġerit li intervista għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, intervista personali tat-tip previst mill‑Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/32 ma tistax tiġi ggarantita.

2. Konsegwenzi li għandhom jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali – prinċipju ta’ ekwivalenza u effettività

90.

Dak li din il-ġurisprudenza għadha sa issa ma indirizzatx huwa jekk qorti, li għandha quddiemha proċeduri għall-annullament ta’ deċiżjoni u li tikkonstata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli minħabba li d-dritt tal-applikant għal intervista personali ġie miksur mill-awtorità determinanti, hijiex obbligata tannulla din id-deċiżjoni u tirreferi l-fajl lura għand dik l-awtorità għal deċiżjoni ġdida. Sussidjarjament, tqum id-domanda dwar jekk il-qorti tistax hi stess twettaq l-intervista personali u, wara li tisma’ l-argumenti kollha tal-applikant li jopponu l-applikazzjoni għall-inammissibbiltà, tikkonferma d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti.

91.

Qiegħed nikkunsidra li jsegwi b’analoġija mal-ġurisprudenza stabbilità tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għal smigħ ( 63 ) li fejn, bħal fil-proċedura prinċipali, il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt għal intervista personali ma humiex stabbiliti mid-Direttiva 2013/32 jew, fil-fatt, minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, dawn il-konsegwenzi ġeneralment ikunu jridu jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali. Dan, madankollu, huwa suġġett għar-riżerva li l-miżuri adottati f’dan is-sens ikunu tal-istess natura bħal dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi f’sitwazzjonijiet ġuridiċi ta’ dritt nazzjonali komparabbli (prinċipju ta’ ekwivalenza) u sakemm ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 64 ).

92.

F’dan il-kuntest huwa neċessarju wkoll li jitfakkar li d-Direttiva 2013/32 tfittex li tiżgura li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu ttrattati “malajr kemm jista’ jkun […], mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut” ( 65 ).

93.

Iktar minn hekk, għandu jitfakkar li fis-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2017, M ( 66 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-għan ta’ intervista personali huwa li tiżgura li l-awtorità determinanti hija oġġettivament f’pożizzjoni li tiddetermina b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk talba għal protezzjoni internazzjonali għandhiex tingħata jew le. Fejn applikant għandu vulnerabbiltajiet partikolari, intervista personali ssir iktar imperattiva.

94.

Fil-punt 38 et seq. tas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G u R ( 67 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li skont id-dritt tal-Unjoni, ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, jimplika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura seta’ kellha riżultat differenti. Isegwi li mhux kull irregolarità fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura amministrattiva tista’ tirriżulta fl-annullament jew it-tħassir tad-deċiżjoni rilevanti li ġiet ikkontestata.

95.

Jidher mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti applikabbli huma, inter alia, l-Artikolu 46 tal-VwVfG u l-Artikolu 29(1)(2) tal-AsylG. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 46 tal-VwVfG jittratta n-nuqqas li titwettaq intervista personali bħala irregolarità minuri meta huwa evidenti li tali nuqqas ma kellux impatt fuq is-sustanza tad-deċiżjoni adottata. Iktar minn hekk, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li deċiżjoni ta’ inammissibbiltà adottata abbażi tal-Artikolu 29(1)(2) tal-AsylG hija deċiżjoni li ma hemm l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tagħha. F’każijiet bħal dawn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ intervista personali ma għandu l-ebda implikazzjonijiet minħabba li l-Uffiċċju Federali u, min-naħa tagħhom, il-qrati amministrattivi huma marbuta jeżaminaw il-kundizzjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni.

96.

Minħabba li ma hemm l-ebda prova quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-proċedura nazzjonali quddiem il-qrati ma tirrispettax il-prinċipju ta’ ekwivalenza, din il-proċedura għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività.

97.

Il-mistoqsija essenzjali li issa trid issir hija jekk il-qorti nazzjonali adita b’appell hijiex f’pożizzjoni li tirreplika intervista personali filwaqt li tiżgura r-rekwiżiti rilevanti imperattivi kollha u l-garanziji speċifikati fid-Direttiva 2013/32 jiġu osservati.

98.

F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk, l-ewwel nett, intervista personali minn qorti hijiex fil-fatt iggarantita fil-każijiet kollha fid-dritt nazzjonali fejn l-awtorità determinanti naqset milli twettaq tali intervista u, it-tieni nett, fil-każ li intervista personali hija ggarantita, jekk din tosservax ir-rekwiżiti rilevanti speċifiċi imperattivi stabbiliti mid-Direttiva 2013/32 dwar kif tali intervista għandha titwettaq.

a) Intervista personali hija ggarantita fid-dritt nazzjonali?

99.

L-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jiggarantixxi lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 46(1)(a)(ii) u (3) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li, fil-fatt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li applikant għandu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fejn l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali hija kkunsidrata inammissibbli ( 68 ). Il-qorti għandha twettaq eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti u kemm tal-punti ta’ dritt.

100.

Madankollu, għandu jiġi nnotat li waħda mill-konsegwenzi għall-persuna li l-applikazzjoni tagħha tiġi miċħuda minħabba li hija inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 ( 69 ), hija li kuntrarjament għal dak li huwa previst fil-każ ta’ ċaħda sempliċi, hija ma tistax tiġi awtorizzata tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni sal-eżitu tal-appell tagħha. Dan huwa ċar mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46(5) u (6) tad-Direttiva 2013/32 ( 70 ).

101.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-punt 53 tad-digriet tal‑5 ta’ Lulju 2018, C ( 71 )li skont ir-rekwiżiti tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 46(6) ta’ din id-direttiva, dan għandu jkun jista’ jressaq każ quddiem qorti li tiddeċiedi jekk huwa jistax jibqa’ f’dan it-territorju sakemm ir-rikors tiegħu jiġi deċiż fuq il-mertu. L-Artikolu 46(8) tal-istess direttiva jipprevedi li, sal-eżitu ta’ din il-proċedura intiża sabiex jiġi deċiż jekk il-persuna kkonċernata tistax tibqa’, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħtiha l-awtorizzazzjoni li tibqa’ fit-territorju tiegħu.

102.

F’dan ir-rigward, jidher, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li appell ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Uffiċċju Federali li ċaħdet, skont l-Artikolu 29 tal-AsylG, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz bħala inammissibbli ma għandhiex effett sospensiv ( 72 ). Iktar minn hekk, il-qorti tar-rinviju ddikjarat fit-tweġiba tagħha, ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Novembru 2019, għal domanda magħmula lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 73 ) li jekk applikazzjoni għal protezzjoni legali provviżorja kontra d-digriet ta’ deportazzjoni tal-Uffiċċju Federali ma tiġix ippreżentata skont l-Artikolu 80(5) tal-VwGO, id-deċiżjoni ta’ deportazzjoni tista’ tiġi eżegwita qabel ma ssir legalment vinkolanti ( 74 ). L-istess japplika jekk issir applikazzjoni skont l-Artikolu 80(5) tal-VwGO fil-ħin iżda ma tintlaqax. Iktar minn hekk, il-qorti tar-rinviju indikat li skont l-Artikolu 36(3)(4) tal-AsylG, fejn applikazzjoni għall-ażil hija inammissibbli skont l-Artikolu 29 tal-AsylG minħabba li l-applikant ikun ingħata protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, il-proċedura normalment tkun bil-miktub u, ġeneralment, almenu, ma jkun hemm l-ebda smigħ orali u lanqas ma jkun hemm xi opportunità effettiva għall-applikant sabiex jinstema’ b’mod personali bil-mod ta’ intervista personali.

103.

Għalhekk, jidher li, mit-tweġiba tal-qorti tar-rinviju li fil-każ li l-awtorità determinanti – f’dan il-każ l-Uffiċċju Federali – tonqos milli twettaq intervista personaliu jiċħad l-applikazzjoni bħala inammissibbli, intervista personali minn qorti adita b’appell mhix iggarantita. Għandu jsegwi li fuq din il-bażi biss il-prinċipju ta’ effettività ma huwiex rispettat, minħabba li d-drittijiet tal-applikant ma ġew żgurati fl-ebda stadju tal-proċedura la dik amministrattiva u lanqas dik ġudizzjarja. Li jiġi kkonstatat mod ieħor ikun, effettivament, jammonta għal kważi tħassir ġudizzjarju tad-dritt tal-applikant għal intervista personali li huwa b’mod ċar previst mid-Direttiva 2013/23 u jġib fix-xejn protezzjoni meqjusa bħala fundamentali mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

104.

Fil-każ li qorti adita b’appell twettaq intervista personali fejn l-awtorità determinanti preċedentement naqset milli twettaq intervista personali fuq il-bażi li dik l-applikazzjoni hija inammissibbli, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-mod li bih issir tali intervista jirrispettax il-prinċipju ta’ effettività.

105.

Qabel ma nirrispondi din id-domanda jista’ jkun konvenjenti li l-ewwel nikkunsidra r-regoli sabiex titwettaq intervista personali minn korp amministrattiv jew kważi ġudizzjarju stabbilit mid-Direttiva 2013/32.

b) Regoli sabiex titwettaq intervista personali stabbiliti fid-Direttiva 2013/32

106.

Għandu jiġi nnotat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma speċifikax sempliċement fl-Artikoli 14 u 34 tad-Direttiva 2013/32 li intervista personali ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali għandha ssir mill-awtorità determinanti u mbagħad ħalla l-kundizzjonijiet relatati magħha kompletament għall-Istati Membri. Bil-maqlub: il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa regoli speċifiċi, iddettaljati u imperattivi rigward it-twettiq ta’ dawn l-intervisti. Dan huwa evidenzjat bl-użu ripetut fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/32 ta’ termini bħal “Intervista personali għandha […]” u “L-Istati Membri għandhom […]” ( 75 ).

107.

Għalhekk, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/32 b’mod partikolari jistabbilixxi numru ta’ rekwiżiti jew garanziji fir-rigward tat-twettiq ta’ intervista personali. Ser nenfasizza b’mod partikolari r-rekwiżit li skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2013/32, intervista personali għandha ssir skont il-kundizzjonijiet li jiżguraw kunfidenzjalità xierqa ( 76 ). L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi, madankollu, li l-Istati Membri għandhom jipprevedu regoli rigward il-preżenza ta’ terzi fl-intervista personali.

108.

L-Artikolu 15(3)(a) tad-Direttiva 2013/32 jobbliga l-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-persuna li twettaq l-intervista tkun kompetenti sabiex tieħu kont taċ-ċirkustanzi personali u ġenerali relatati mal-applikazzjoni, inkluż l-oriġini kulturali, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità sesswali jew il-vulnerabbiltà tal-applikant ( 77 ).

c) Evalwazzjoni

109.

F’dan l-isfond wieħed jista’ frankament jiddubita jekk f’dawn l-istanzi fejn ikun twettaq ksur tal-Artikoli 14 u 34 qorti hijiex allura, fil-fatt, kompetenti fil-każijiet kollha sabiex tidħol fiż-żarbun ta’ awtorità determinanti u twettaq intervista personali skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/32 ( 78 ). Wara kollox, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod ċar kellu l-intenzjoni li intervista personali ddettaljata titwettaq fl-ewwel istanza f’kuntest kunfidenzjali minn amministraturi mħarrġa b’mod speċjali b’differenza minn intervista mwettqa minn imħallfin (li forsi ma jkollhomx dan it-taħriġ) b’mod ġudizzjarju f’qorti bil-miftuħ. Il-prinċipju ta’ effettività fl-Artikolu 47 tal-Karta jeħtieġ li dawn ir-rekwiżiti imperattivi ma jiġux injorati b’mod ħafif, minħabba li l-osservanza ta’ din l-istipulazzjoni leġiżlattiva espressa kienet intiża b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex tkun prerekwiżit għall-validità ta’ kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti dwar l-ażil li tikkawża preġudizzju.

110.

F’dan ir-rigward, l-Artikoli 4(3) u (4) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-awtorità determinanti jkun imħarreġ b’mod xieraq ( 79 ). L-Artikoli 4(3) u (4) tad-Direttiva 2013/32 ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 6(4)(c) tar-Regolament Nru 439/2010 jikkonfermaw li l-persunal tal-awtorità determinanti għandu jkun imħarreġ fit-tekniki tal-intervista ( 80 ).

111.

Il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament irrikonoxxiet li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mill-korp amministrattiv jew kważi ġudizzjarju nazzjonali kompetenti, mgħammar b’mezzi speċifiċi u persunal speċjalizzat fil-qasam, huwa fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2013/32 ( 81 ).

112.

Filwaqt li qorti għandha twettaq eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti u tal-punti ta’ dritt skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 u tista’, fil-fehma tiegħi, tirrimedja ċerti nuqqasijiet tal-awtorità determinanti fil-proċedura mwettqa minn din tal-aħħar ( 82 ), wieħed jista’ jiddubita jekk l-imħallfin li iktar ’il quddiem jista’ jkun li jintalbu jwettqu intervista personali skont id-Direttiva 2013/32 – effettivament minflok l-awtorità determinanti – irċevewx taħriġ jew akkwistawx ħiliet dwar tekniki tal-intervista li huma ekwivalenti għal dawk ta’ awtorità determinanti ( 83 ). Din hija, madankollu, finalment kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju.

113.

L-Artikolu 15(3)(b) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom, kull meta hu possibbli, jipprovdu li l-intervista mal-applikant tkun mwettqa minn persuna tal-istess sess jekk l-applikant jitlob dan, sakemm l-awtorità determinanti ma jkollhiex raġuni sabiex temmen li tali talba hija bbażata fuq raġunijiet li ma humiex relatati mad-diffikultajiet min-naħa tal-applikant sabiex jippreżenta r-raġunijiet tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha b’mod komprensiv. Madankollu, hemm raġunijiet sabiex jiġi ddubitat jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 15(3)(b) tad-Direttiva 2013/32 jistgħux jiġu ssodisfatti f’ċerti Stati Membri minħabba li jista’ fil-fatt ikun hemm regoli stretti ħafna rigward l-assenjazzjoni ta’ mħallfin għall-kawżi u rikuża minħabba s-sess tista’ ma tkunx possibbli.

114.

Fil-fatt, jista’ jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju stess esprimiet tħassib dwar jekk ir-rekwiżiti u l-garanziji kollha stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/32 dwar it-twettiq ta’ intervista personali jistgħux jiġu ssodisfatti fil-mori tal-kawża fil-Ġermanja.

115.

Fil-fehma tiegħi, jekk ir-rekwiżiti u l-garanziji rilevanti kollha stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/32 ( 84 ) fir-rigward ta’ intervista personali ma jiġux issodisfatti matul il-proċeduri ta’ appell skont il-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32, mela l-prinċipju ta’ effettività ma huwiex rispettat. Dan mhux eżami astratt iżda pjuttost wieħed li għandu jkun speċifiku għall-kawża inkwistjoni minħabba li wħud mir-rekwiżiti u l-garanziji fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/32 jistgħu sempliċement ma jkunux ta’ rilevanza f’kawża partikolari. Għandu madankollu jiġi mfakkar li eżami xieraq u sħiħ tal-każ tal-applikant għandu jitwettaq u li n-nuqqas ta’ dan għandu, b’mod ġenerali, almenu, jitqies fatali għall-validità ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tikkawża preġudizzju fir-rigward ta’ kwalunkwe applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 85 ).

116.

Fir-rigward tal-kawża fil-proċedura prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk it-twettiq tal-intervista personali ta’ M. Addis mill-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva, Minden) irrispettax id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/32. Qiegħed ninnota f’dan ir-rigward li l-applikazzjoni tiegħu ġiet ikkunsidrata bħala inammissibbli mill-awtorità determinanti. L-għan tal-intervista personali li għandha titwettaq jista’ għaldaqstant ikun iktar limitat u ċerti rekwiżiti u garanziji stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/32 setgħu ma kinux rilevanti.

117.

Madankollu, fil-qalba tal-applikazzjoni ta’ M. Addis hemm id-dikjarazzjoni tiegħu li huwa jkun effettivament qiegħed jirriskja li jispiċċa nieqes minn kollox u bi standard tal-ħajja abjett b’tali mod li jiġi espost, fil-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et ( 86 ) għal “deprivazzjoni materjali estrema, li ma [tħallihx] [j]issodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi [tiegħu]” b’mod li d-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 4 tal-Karta jiġu miksura li kieku kellu jiġi ddeportat jew b’xi mod jew ieħor jittieħed lejn l-Italja. Filwaqt li l-konsultazzjoni ta’ rapporti tal-pajjiżi u rapporti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi bla dubju li huma ta’ għajnuna konsiderevoli fi kwalunkwe evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni, dawn ma humiex sostitut għal intervista personali li fiha l-applikant jitħalla jiddeskrivi l-esperjenzi personali u ċ-ċirkustanzi personali tiegħu jew tagħha ( 87 ). Dan, fi kwalunkwe każ, huwa dak li ordna l-leġiżlatur tal-Unjoni.

118.

Wara kollox, l-esperjenza umana tgħallimna li dan huwa minnu: kemm-il darba sibna li diskussjoni personali jew djalogu ma’ persuna oħra biddlitilna fehmitna? Din hija xi ħaġa wkoll li, żgur, hija vera għal kull professjoni, aħna bħala mħallfin u avukati għandna wkoll inkunu konsapevoli u konxji: kemm-il darba sibna fil-kliem immortali tal-imħallef Ingliż, Mr. Justice Megarry, li: “il-mogħdija tad-dritt hija mimlija eżempji ta’ kawżi ċari u determinati li, b’xi mod, ma kinux; ta’ akkużi li ma setgħux jiġu mwieġba li, fil-fatt, ġew imwieġba kompletament; ta’ aġir inspjegabbli li ġie spjegat bis-sħiħ; ta’ determinazzjonijiet fissi u li ma jistgħux jitbiddlu li, permezz ta’ diskussjoni, sofrew tibdila” ( 88 ) [traduzzjoni libera]?

119.

Fil-fatt, huwa veru li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fis-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R. ( 89 ) mhux kull ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni amministrattiva rilevanti kkontestata u li huwa ġeneralment neċessarju għal dan l-għan li jintwera li, ħlief għal dan il-ksur, il-konklużjoni tal-proċedura amministrattiva setgħet kienet differenti. Fejn, bħal f’din il-kawża, madankollu, il-ksur jolqot il-qofol proprju tal-protezzjonijiet proċedurali ċentrali speċifikati mid-dritt tal-Unjoni, mela allura, sakemm ma jkunx hemmx ċirkustanzi speċjali u mhux normali, huwa kważi dejjem diffiċli jingħad li deċiżjonijiet amministrattivi ma kinux jew ma setgħux ikunu differenti. Din, madankollu, hija finalment kwistjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa u tivverifika b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża.

120.

Jiena għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, il-qorti nazzjonali adita b’appell skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 hijiex f’pożizzjoni li tirreplika b’mod sħiħ intervista personali skont l-Artikolu 14 jew l-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva filwaqt li tiżgura r-rekwiżiti u l-garanziji imperattivi rilevanti kollha speċifikati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jiġu sodisfatti. Fil-każ li tali intervista personali ma tistax tiġi rreplikata b’mod xieraq, id-deċiżjoni li ċaħdet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi annullata fuq din il-bażi u l-kawża għandha tiġi rrinvijata lura għand l-awtorità determinanti għal deċiżjoni ġdida.

VII. Konklużjoni

121.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) għandha tevalwa jekk, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, il-qorti nazzjonali adita b’appell skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60). hijiex f’pożizzjoni li tirreplika b’mod sħiħ intervista personali skont l-Artikolu 14 jew l-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva filwaqt li tiżgura r-rekwiżiti u l-garanziji imperattivi rilevanti kollha speċifikati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva. Fil-każ li tali intervista personali ma tistax tiġi rreplikata b’mod xieraq, id-deċiżjoni li ċaħdet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi annullata fuq din il-bażi u l-kawża għandha tiġi rrinvijata lura għand l-awtorità determinanti għal deċiżjoni ġdida.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2013, L 180, p. 60.

( 3 ) ĠU 2006, L 175M, p. 168. Xi drabi ser, għall-konvenjenza, nirreferi għal dawn id-direttivi b’mod ġeneriku bħala d-“Direttiva tal-Proċeduri”.

( 4 ) C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219.

( 5 ) C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219.

( 6 ) ĠU 2011 L 337 p. 9.

( 7 ) C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219. Qiegħed ninnota f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, inter alia, fil-punt 101 tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219) li l-“Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva [2013/32] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni li jiċħad applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ rifuġjat bħala inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor, meta l-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li dan l-applikant jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja f’dan l-Istat Membru ieħor ma jesponuhx għal riskju serju li jissubixxi trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċirkustanza li l-benefiċjarji ta’ tali protezzjoni sussidjarja jirċievu, f’dan l-Istat Membru, ebda benefiċċju ta’ sussistenza, jew ikunu destinatarji ta’ tali benefiċċju f’ammont nettament inqas milli fi Stati Membri oħra, mingħajr madankollu ma jiġu ttrattati b’mod differenti minn ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, ma tistax twassal għall-konstatazzjoni li dan l-applikant ikun espost fih għal tali riskju ħlief jekk din ikollha bħala konsegwenza li jsib ruħu, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tiegħu, indipendentement mir-rieda tiegħu u mill-għażliet personali tiegħu, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema.”

( 8 ) C‑540/17 and C‑541/17, not published, EU:C:2019:964.

( 9 ) Ara l-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) BGB1. I p. 1798.

( 11 ) BGB1. I p. 2460.

( 12 ) BGB1. I., p. 1939.

( 13 ) BGB1 I. p. 102.

( 14 ) BGB1 I p. 2418.

( 15 ) BGB1 I p. 686.

( 16 ) BGB1 I. p. 2248.

( 17 ) Skont l-informazzjoni pprovduta minnu.

( 18 ) Ara s-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht tas‑17 ta’ Jannar 2017, 2 BvR 2013/16, DE:BVerfG:2017:rk20170117.2bvr201316, punt 20.

( 19 ) Il-qorti tar-rinviju enfasizzat li huwa l-Uffiċċju Federali li kellu l-piż tal-oneru tal-prova skont is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑137/14, EU:C:2015:683, punti 60 sa 62).

( 20 ) C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219,

( 21 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 67).

( 22 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 3940 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 77 sa 81).

( 25 ) Qiegħed ninnota li ma hemm l-ebda prova fil-fajl li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tittrasponi d-Direttiva 2013/32, b’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mar-rekwiżit ta’ intervista personali. Iktar minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni mibdula fl‑2016, u għalhekk wara l‑20 ta’ Lulju 2015, hija applikabbli fil-proċedura prinċipali.

( 26 ) C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219. Ara wkoll is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 73) u s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 40).

( 27 ) Fil-punti 70 sa 74 tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddikjarat, inter alia, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32, jipprekludi tali applikazzjoni immedjata f’sitwazzjoni li fiha kemm l-applikazzjoni għall-ażil kif ukoll it-talba għall-finijiet ta’ teħid lura kienu ġew introdotti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109) qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32. Ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tali talba għall-finijiet ta’ teħid lura ġiet ippreżentata fir-rigward ta’ M. Addis. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ddikjarat fil-punt 3 tat-talba għal deċiżjoni preliminari li din it-talba ma setgħetx issir skont ir-regoli ta’ Dublin. F’dan ir-rigward, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) indikat li M. Addis jista’ jintbagħat lejn l-Italja skont ftehim ta’ riammissjoni. Fil-punt 5 tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddikjarat, madankollu, li d-digriet ta’ deportazzjoni lejn l-Italja fir-rigward ta’ M. Addis kien illegali minħabba li ma kienx magħruf jekk l-Itajla kinitx għadha disposta tieħu responsabbiltà tiegħu wara l-iskadenza tad-dokument tal-ivvjaġġar mogħti lilu fil‑5 ta’ Frar 2015.

( 28 ) Ara l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2013/32.

( 29 ) C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219. Ara wkoll is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 73 et seq.) u s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 40 et seq.).

( 30 ) Ara l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2013/32.

( 31 ) Minħabba li l-kawża tal-proċedura prinċipali tikkonċerna l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal status ta’ refuġjat, japplika l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/32 minflok l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, ser nirreferi ġeneralment għaż-żewġ dispożizzjonijiet sakemm ċerti differenzi rilevanti ma jkollhomx bżonn jiġu enfasizzati.

( 32 ) Eċċezzjoni għal dan il-prinċipju hija pprovduta fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 14(1), u fl-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 2013/32. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li “[f]ejn l-applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi jagħmluha impossibbli li fil-prattika l-awtorità determinanti tkun tista’ tagħmel intervisti fil-ħin dwar is-sustanza ta’ kull applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-persunal ta’ awtorità oħra tkun involuta b’mod temporanju fit-twettiq ta’ dawn l-intervisti. F’każijiet bħal dawn, il-persunal ta’ dik l-awtorità l-oħra għandu jirċievi minn qabel it-taħriġ rilevanti li għandu jinkludi l-elementi elenkati fl-Artikolu 6(4)(a) sa (e) tar-Regolament (UE) Nru 439/2010. Il-persuni li jagħmlu intervisti personali lill-applikanti taħt din id-Direttiva għandhom ikunu kisbu wkoll għarfien ġenerali ta’ problemi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-kapaċità tal-applikant li jiġi intervistat, bħal indikazzjonijiet li l-applikant seta’ ġie ttorturat fil-passat.” L-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li “[l]-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex il-persunal ta’ awtoritajiet oħra barra l-awtorità determinanti jagħmel l-intervista personali dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali persunal jirċievu minn qabel it-taħriġ bażiku meħtieġ b’mod partikolari fir-rigward tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-acquis tal-Unjoni dwar l-asil u t-tekniki biex issir intervista.” Enfasi miżjuda minni.

( 33 ) Għal eċċezzjoni għal din ir-regola, ara l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2013/32.

( 34 ) C‑585/16, EU:C:2018:584.

( 35 ) Ara l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/32.

( 36 ) Enfasi miżjuda minni.

( 37 ) Suġġett għall-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 2013/32.

( 38 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (C‑404/17, EU:C:2018:588, punt 30).

( 39 ) Ara wkoll, għal dan l-għan, il-punti 145 sa 149 tas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584) li għalihom jirreferi l-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) C‑348/16, EU:C:2017:591.

( 41 ) C‑585/16, EU:C:2018:584.

( 42 ) C‑556/17, EU:C:2019:626.

( 43 ) C‑348/16, EU:C:2017:591.

( 44 ) C‑348/16, EU:C:2017:591.

( 45 ) Huwa ċar mill-punt 18 tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591) li “[f]l-10 ta’ Marzu 2016, il-kummissjoni territorjali, marbuta mal-Prefettura di Milano (prefettura ta’ Milano, l-Italja), semgħet lil M. Sacko dwar is-sitwazzjoni tiegħu u r-raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu.”

( 46 ) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 26).

( 47 ) C‑348/16, EU:C:2017:591.

( 48 ) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 50).

( 49 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:288, punt 65).

( 50 ) C‑348/16, EU:C:2017:591.

( 51 ) C‑585/16, EU:C:2018:584.

( 52 ) Fil-punt 52 tas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-espressjoni “ex nunc” tenfasizza l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-provi ġodda li jirriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors. Fir-rigward tal-aġġettiv “sħiħ”, dan jikkonferma li l-qorti hija obbligata teżamina kemm l-elementi li l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni ħadet jew setgħet tieħu inkunsiderazzjoni kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni minn din l-awtorità. Sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati malajr kemm jista’ jkun, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u sħiħ mill-qorti, tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettulha twettaq evalwazzjoni aġġornata ta’ dan il-każ, b’mod li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi ttrattata b’mod eżawrjenti mingħajr il-bżonn li l-fajl jintbagħat lura lill-imsemmija awtorità. Ara l-punt 53 tal-istess sentenza. L-eżami sħiħ u ex nunc li għandu jitwettaq mill-qorti ma għandux neċessarjament jinvolvi eżami sostantiv tar-rekwiżit għall-protezzjoni internazzjonali u jista’ konsegwentement jikkonċerna l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta l-liġi nazzjonali tippermetti dan skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32. Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C 585/16, EU:C:2018:584, punt 115).

( 53 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:58, punt 114). Fil-punt 126 ta’ dik is-sentenza il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li fil-każ li r-raġuni ta’ inammissibbiltà eżaminata mill-qorti adita bir-rikors ġiet eżaminata wkoll mill-awtorità determinanti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, dik il-qorti tista’ tibbaża ruħha fuq ir-rapport tal-intervista personali mwettqa mill-imsemmija awtorità, mingħajr ma twettaq smigħ tal-applikant, sakemm hija ma tqisux neċessarju. Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 48).

( 54 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 114).

( 55 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 127). Iktar minn hekk, fil-punt 128 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, bħalma huwa previst fl-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva 2013/32 għall-intervisti personali mwettqa mill-awtorità determinanti, l-applikant għandu, jekk ikun hemm bżonn, matul is-smigħ tiegħu mill-qorti, jibbenefika mis-servizzi ta’ interpretu sabiex jippreżenta l-argumenti tiegħu. Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto. Ara wkoll l-Artikolu 15(3)(c) tad-Direttiva 2013/32.

( 56 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018 (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 130). Enfasi miżjuda minni.

( 57 ) C‑585/16, EU:C:2018:584.

( 58 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 130).

( 59 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, (C‑585/16, EU:C:2018:584 punti 145 sa 149). Ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 54).

( 60 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fil-punt 69 tas-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626) li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ma jobbligax lill-Istati Membri jagħtu lill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tar-rikorsi skont din id-dispożizzjoni s-setgħa, skont id-dritt tal-Unjoni, li jissostitwixxu d-deċiżjoni tagħhom għal dik tal-awtorità determinanti. Madankollu, l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw, f’kull każ, l-osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

( 61 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-punt 58 tas-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626) li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 ikun imċaħħad mill-effett utli tiegħu jekk jiġi aċċettat li, wara li tingħata sentenza li permezz tagħha l-qorti tal-ewwel istanza tkun wettqet, skont din id-dispożizzjoni, evalwazzjoni sħiħa u ex nunc tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant, il-korp kważi ġudizzjarju jew amministrattiv, imsemmi fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2013/32, ikun jista’ jieħu deċiżjoni li tmur kontra din l-evalwazzjoni.

( 62 ) C‑585/16, EU:C:2018:584.

( 63 ) Fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 45), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li tali dritt huwa parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

( 64 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 35).tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 51), u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 41),

( 65 ) Il-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32, enfasi miżjuda minni. Ara wkoll is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 109).

( 66 ) C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 49 et seq.

( 67 ) C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533.

( 68 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 115120).

( 69 ) Minħabba li Stat Membru ieħor ta protezzjoni internazzjonali.

( 70 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (C‑404/17, EU:C:2018:588, punt 27). Ara wkoll, id-digriet tal‑5 ta’ Lulju 2018, C et (C‑269/18 PPU, EU:C:2018:544, punt 55).

( 71 ) C‑269/18 PPU, EU:C:2018:544.

( 72 ) Ara l-Artikolu 75(1) tal-AsylG.

( 73 ) Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 74 ) Ir-rappreżentant ta’ M. Addis enfasizza fis-seduta tal‑15 ta’ Jannar 2020 li applikazzjoni f’każijiet bħal dawn għandha tiġi ppreżentata fi żmien ġimgħa.

( 75 ) Il-kundizzjonijiet iddettaljati rigward it-twettiq ta’ intervista personali stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/32 japplikaw fir-rigward ta’ kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. L-ebda distinzjoni ma ssir fid-Direttiva 2013/32 bejn l-applikazzjonijiet ta’ dawn il-kundizzjonijiet fir-rigward ta’ intervista personali skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 34 tagħha.

( 76 ) Dan jista’ possibbilment jiġi żgurat mill-qorti li twettaq l-intervista personali in camera.

( 77 ) Għandu jiġi nnotat li l-premessa 29 tad-Direttiva 2013/32 tipprevedi li “[x]i applikanti jistgħu jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali minħabba, inter alia, l-età, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tas-sess, diżabbiltà, mard serju, mard mentali jew konsegwenzi ta’ tortura, stupru jew forom oħra serji ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jidentifikaw applikanti li jkollhom bżonn ta’ garanziji proċedurali speċjali qabel tittieħed deċiżjoni fl-ewwel każ.” Enfasi miżjuda minni. Iktar minn hekk il-premessa 32 tad-Direttiva 2013/32 tipprevedi, inter alia, li “[b]l-għan li tiġi żgurata l-ugwaljanza sostantiva bejn l-applikanti nisa u rġiel, il-proċeduri ta’ eżami għandhom ikunu relatati mas-sessi. B’mod partikolari, l-intervisti personali għandhom ikunu organizzati b’tali mod li jagħmluha possibbli kemm għall-applikanti nisa kif ukoll għall-irġiel biex jitkellmu dwar l-esperjenzi tal-passat tagħhom f’każijiet li jinvolvu persekuzzjoni bbażata fuq is-sess.”

( 78 ) Dan huwa l-każ partikolarment fejn il-qorti hija meħtieġa teżamina l-mertu ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

( 79 ) Ara wkoll il-premessa 16 tad-Direttiva 2013/32 li tipprevedi li “[h]uwa essenzjali li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali jittieħdu abbażi tal-fatti u, fl-istadju ta’ prima istanza, minn awtoritajiet li l-persunal tagħhom ikollu l-informazzjoni adegwata jew ikun irċieva t-taħriġ meħtieġ fil-qasam ta’ kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali.”

( 80 ) L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2013/32 jirreferi speċifikament għall-Artikolu 6(4)(a) sa (e) tar-Regolament Nru 439/2010.

( 81 ) Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 82 ) Sabiex ma tittawwalx il-proċedura bla bżonn u timmina l-għan speċifiku tad-Direttiva 2013/32 li jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet jiġu ttrattati malajr kemm jista’ jkun.

( 83 ) Fil-fehma tiegħi, huwa ċar mis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584) li l-qorti tista’, f’ċerti ċirkustanzi, twettaq intervista personali sakemm ċerti garanziji stabbiliti mid-Direttiva 2013/32, bħad-dritt għal interpretu, jiġu ssodisfatti.

( 84 ) Meħuda inkunsiderazzjoni wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) u (4) ta’ din id-direttiva.

( 85 ) Ara l-premessa 18 tad-Direttiva 2013/32 u s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 109).

( 86 ) C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 90.

( 87 ) Fis-seduta tal‑15 ta’ Jannar 2020, l-avukat ta’ M. Addis indika li huwa jsofri minn kundizzjoni psikjatrika li tagħmlu partikolarment vulnerabbli li kieku kellu jintbagħat lejn l-Italja minħabba, inter alia, li huwa ma jitkellimx bit-Taljan. Huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda kapaċità tevalwa l-veraċità ta’ din id-dikjarazzjoni jew fil-fatt il-piż li għandu jingħata lil tali dikjarazzjoni. Madankollu, nixtieq nenfasizza li huma tassew kwistjonijiet bħal dawn li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jingħata l-opportunità jqajjem matul intervista personali skont l-Artikoli 14 u 34 tad-Direttiva 2013/32. Iktar minn hekk, dikjarazzjoni bħal din għandha tiġi evalwata mill-persunal imħarreġ u esperjenzat tal-awtorità determinanti. Il-forum korrett għal tali kwistjonijiet żgur li mhix il-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas fil-fatt, ma hi l-fehma tiegħi li huma l-qrati ta’ Stat Membru fi proċeduri ta’ appell skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32. Huwa ċar mis-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 68) li l-fatt li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu marda fiżika jew mentali jista’ jkun rilevanti fil-kuntest tat-trasferiment ta’ dan l-applikant lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Nru 604/2013. Fl-istess punt ta’ din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta, jirriżulta li s-sofferenza dovuta għal marda li seħħet b’mod naturali, kemm jekk din tkun fiżika jew mentali, tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB, jekk din tkun jew hemm riskju li ssir iktar gravi minħabba trattament, kemm jekk dan jirriżulta minn kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, ta’ espulsjoni jew ta’ miżuri oħra, li l-awtoritajiet jistgħu jitqiesu responsabbli għalihom, u dan bil-kundizzjoni li s-sofferenzi li jirriżultaw minn dan jilħqu l-minimu ta’ gravità meħtieġ minn dan l-artikolu.

( 88 ) John vs Rees [1970] Ch. 345 f’402.

( 89 ) C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533.