KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑17 ta’ Ottubru 2018 ( 1 )

Kawża C‑496/17

Deutsche Post AG

vs

Hauptzollamt Köln

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

“Domanda preliminari — Drittijiet u obbligi tal-persuni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni doganali — Status ta’ operatur ekonomiku awtorizzat — Kwestjonarju — Protezzjoni ta’ data personali — Numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa — Uffiċċju tat-taxxa kompetenti għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul — Ipproċessar tad-data meħtieġ għat-twettiq ta’ obbligu legali — Prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskopijiet tal-ipproċessar ta’ data personali”

1. 

L-awtorità doganali Ġermaniża teħtieġ ċerta data personali tal-maniġers u tal-impjegati tal-impriżi li jaspiraw li jiksbu jew iżommu l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat (iktar ’il quddiem, “AEO”), li permezz tiegħu jgawdu trattament iktar favorevoli mill-bqija tal-importaturi jew l-esportaturi.

2. 

Id-domanda preliminari magħmula tikkonċerna l-limiti li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq dawn ir-rekwiżiti, kemm fil-qasam strettament doganali, kif ukoll fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-leġiżlazzjoni doganali

a) Il-Kodiċi Doganali

3.

L-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 952/2013 ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”) jipprovdi:

“1.   Operatur ekonomiku li hu stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni u li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 39 jista’ japplika għall-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat.

[…]

2.   L-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandu jikkonsisti fit-tipi ta’ awtorizzazzjoni li ġejjin:

a)

dik ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għas-simplifikazzjonijiet doganali, li għandha tippermetti li d-detentur jibbenefika minn ċerti simplifikazzjonijiet skont il-leġislazzjoni doganali; jew

b)

dik ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għas-sikurezza u s-sigurtà li għandha tintitola lid-detentur għal faċilitazzjonijiet marbuta mas-sikurezza u s-sigurtà.

[…]”

4.

L-Artikolu 39(a) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Il-kriterji biex jingħata status ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandhom ikunu dawn li ġejjin:

a)

in-nuqqas ta’ kwalunkwe ksur serju jew ksur ripetut tal-leġislazzjoni doganali u r-regoli tat-tassazzjoni, inkluż ebda rekord ta’ reati kriminali serji marbuta mal-attività ekonomika tal-applikant;

[…]”

b) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447

5.

Skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 ( 3 ):

“[…]

Meta l-applikant ma jkunx persuna fiżika, il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 39(a) tal-Kodiċi għandu jitqies li ġie rispettat meta, matul l-aħħar tliet snin, ebda waħda mill-persuni li ġejjin ma tkun wettqet ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u tar-regoli ta’ tassazzjoni jew kellha rekord ta’ reati kriminali serji li għandhom x’jaqsmu mal-attività ekonomika tagħha:

a)

l-applikant;

b)

il-persuna responsabbli għall-applikant jew li teżerċita kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu;

c)

l-impjegat inkarigat għall-kwistjonijiet doganali tal-applikant.”

c) Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/341

6.

B’mod konformi mal-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/341 ( 4 ):

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali dwar il-mezzi għall-iskambju u l-ħażna tad-dejta msemmija fl-Artikolu 278 tal-Kodiċi) sakemm jibdew joperaw is-sistemi elettroniċi li huma meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi.

2.   Ir-rekwiżiti tad-dejta, il-formats u l-kodiċijiet, li jridu jiġu applikati għall-perjodi tranżizzjonali stipulati f’dan ir-Regolment, ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 huma stabbiliti fl-Annessi għal dan ir-Regolament.”

7.

L-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2016/341 jipprovdi li:

“1.   Sad-data tal-aġġornament tas-sistema tal-AEO msemmija fl-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/255/UE, l-awtoritjiet doganali jistgħu jippermettu li jintużaw mezzi oħrajn, minbarra t-tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-dejta jistgħu jintużaw fir-rigward tal-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet relatati mal-AEO, jew jistgħu jħallu lok għal kwalunkwe eventwalità li tista’ taffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

a)

applikazzjonijiet għall-istatus ta’ AEO għandhom jiġu ppreżentati bl-użu tal-format tal-formola stabbilit fl-Anness 6; u

b)

awtorizzazzjonijiet li jagħtu l-istatus ta’ OEA [AEO] għandhom jinħarġu bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness 7.”

8.

Il-punt 19 tan-noti ta’ spjega għall-Anness 6 jipprovdi dwar il-kontenut tal-formola tat-talba għall-istatus ta’ AEO:

“Isem, id-data u l-firma tal-applikant:

Firma: il-firmatarju għandu jżid il-kariga tiegħu. Il-firmatarju għandu dejjem ikun il-persuna li tirrappreżenta l-applikant b’mod ġenerali.

Isem: isem l-applikant u t-timbru tal-applikant.

[…]

8.

L-ismijiet ta’ dawk li għandhom il-karigi ewlenin (diretturi maniġerjali, kapijiet tad-diviżjonijiet, maniġers tal-kontabilità, kapijiet tad-diviżjoni doganali, eċċ.). Deskrizzjoni tar-rutini adottati f’sitwazzjonijiet fejn l-impjegat kompetenti mhuwiex preżenti, b’mod temporanju jew permanenti.

9.

L-ismijiet u l-pożizzjonijiet fi ħdan l-organizzazzjoni tal-applikanti li għandhom kompetenza doganali speċifika. Valutazzjoni tal-livell ta’ għarfien ta’ dawn il-persuni fit-rigward tal-użu tat-teknoloġija tal-IT fil-proċessi doganali u kummerċjali u fi kwistjonijiet kummerċjali ġenerali.

[…]”

2. Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data: Ir-Regolament (UE) Nru 2016/679

9.

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 ( 5 ):

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)

‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]”

10.

L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/679 jipprovdi li:

“Id-data personali għandha:

a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (‘limitazzjoni tal-fini’);

c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

[…]”

11.

L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 jindika:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

[…]

c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[…]

e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b’mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. […] Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

4.   Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta’:

a)

kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

b)

il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

c)

in-natura tad-data personali, b’mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta’ data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

d)

il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

e)

l-eżistenza ta’ salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.”

12.

Skont l-ittra (e) tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament (UE) 2016/679:

“Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

[…]

e)

objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali”.

B.   Id-dritt Ġermaniż

1. Il-Kodiċi tat-Taxxa

13.

Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti, l-Artikolu 139a(1) tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tax-Taxxi) jipprovdi:

“Il-Bundeszentralamt für Steuern [(l-Uffiċċju Federali tat-Taxxa)] għandu jattribwixxi lil kull persuna taxxabbli, għall-identifikazzjoni inekwivokabbli tagħha fil-proċeduri fiskali, kodiċi uniku u permanenti (kodiċi ta’ identifikazzjoni), li għandu jiġi pprovdut mill-persuna taxxabbli jew minn terz li għandu jikkomunika d-data tal-istess persuna lill-awtoritajiet fiskali, fi kwalunkwe konsultazzjoni, dikjarazzjoni jew komunikazzjoni mal-awtoritajiet tat-taxxa. Il-kodiċi ta’ identifikazzjoni għandu jkun kompost minn sekwenza numerika li ma tistax tiġi kostrutta jew dedotta minn data oħra tal-persuna taxxabbli, u l-aħħar ċifra għandha tkun ċifra ta’ kontroll […]”.

14.

Skont l-Artikolu 139b:

“(1)   Persuna fiżika tista’ tirċievi biss numru ta’ identifikazzjoni wieħed […]

(2)   L-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jiksbu u jużaw in-numru ta’ identifikazzjoni biss meta jkun meħtieġ sabiex jissodisfaw il-funzjonijiet legali tagħhom jew meta jkunu espressament awtorizzati jew ordnati jagħmlu dan minn dispożizzjoni legali. Korpi pubbliċi jew privati oħrajn jistgħu:

1.

jiksbu u jużaw in-numru ta’ identifikazzjoni biss meta dan ikun meħtieġ għall-komunikazzjoni tad-data bejn dawn il-korpi u l-awtoritajiet fiskali jew meta jkunu espressament awtorizzati jew ordnati jagħmlu dan minn dispożizzjoni legali;

[…]

3.

jużaw in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ persuna taxxabbli miksub legalment sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom ta’ informazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet tat-taxxa, sakemm l-obbligu ta’ komunikazzjoni jkun tal-persuna taxxabbli stess u l-ġbir u l-użu tan-numru ta’ identifikazzjoni jkunu koperti mill punt 1 […]

(3)   L-Uffiċċju Federali tat-Taxxa għandu jirreġistra l-informazzjoni li ġejja dwar il-persuni fiżiċi:

1.

in-numru ta’ identifikazzjoni,

[…]

3.

il-kunjom,

4.

il-kunjomijiet preċedenti,

5.

l-isem,

6.

it-titolu ta’ dottorat,

[…]

8.

id-data u l-post tat-twelid,

9.

is-sess,

10.

l-indirizz attwali jew l-aħħar indirizz magħruf,

11.

l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti,

12.

il-projbizzjonijiet ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni taħt il-Bundesmeldegesetz (il-Liġi Federali dwar id-Dikjarazzjonijiet),

13.

id-data tal-mewt,

14.

id-data tad-dħul f’residenza u tal-ħruġ minn residenza.

(4)   L-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 3 għandha tiġi rreġistrata sabiex:

1.

jiġi żgurat li kull persuna tiġi assenjata numru uniku ta’ identifikazzjoni u li ma jiġix assenjat l-istess numru ta’ identifikazzjoni lil iktar minn persuna waħda,

2.

jiġi ddeterminat in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ kull persuna taxxabbli,

3.

jiġu ddeterminati l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti għal kull persuna taxxabbli,

4.

tkun tista’ tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni li għandha tinġabar skont liġi jew bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali jew tad-dritt internazzjonali,

5.

l-awtoritajiet tat-taxxa jingħataw il-possibbiltà li jikkonformaw mal-funzjonijiet assenjati lilhom bil-liġi.”

2. Il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul

15.

L-Artikolu 38(1) u (3) tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni applikabbli fil-mument li fih seħħew il-fatti, jippreskrivi:

“(1)   Fir-rigward tad-dħul mix-xogħol bis-salarju, it-taxxa fuq id-dħul għandha tinġabar permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn (taxxa fuq is-salarji), sakemm is-salarju jitħallas minn persuna li timpjega […]

[…]

(3)   Il-persuna li timpjega għandha tnaqqas it-taxxa fuq is-salarji, f’isem il-persuna impjegata, ma’ kull pagament ta’ salarji […]”.

16.

Skont l-Artikolu 39(1) u (4) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul:

“(1)   Sabiex tiġi imposta t-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarji, għandhom jiġu ddeterminati, fuq talba tal-impjegat, l-elementi tat-taxxa f’ras il-għajn […]

[…]

(4)   L-elementi għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn huma:

1.

il-klassi tat-taxxa,

2.

in-numru ta’ tnaqqis mit-taxxa għall-ulied dipendenti fil-klassijiet tat-taxxa I sa IV […],

[…]”

17.

Skont l-Artikolu 39e tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul:

“(1)   L-Uffiċċju Federali tat-Taxxa għandu jiddetermina, għal kull impjegat, ġeneralment b’mod awtomatiku, il-klassi tat-taxxa, kif ukoll, għall-ulied li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fuq il-bażi tal-klassijiet ta’ taxxa I sa IV, in-numru ta’ tnaqqis mit-taxxa għall-ulied dipendenti bħala data individwali għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn tat-taxxa fuq is-salarji (il-punti 1 u 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 39(4)). F’każ li l-uffiċċju tat-taxxa jiddetermina d-data individwali għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn skont l-Artikolu 39, huwa għandu jikkomunikahom lill-Uffiċċju Federali tat-Taxxa sabiex jagħmilhom disponibbli għal konsultazzjoni awtomatika mill-persuna li timpjega […]

(2)   L-Uffiċċju Federali tat-Taxxa għandu jirreġistra l-elementi għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn sabiex jagħmilhom disponibbli għall-konsultazzjoni awtomatika mill-persuna li timpjega, filwaqt li jindika n-numru ta’ identifikazzjoni u jżid, għal kull persuna taxxabbli, mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 139b(3) tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxa), dan li ġej:

1.

l-appartenenza legali għal komunità reliġjuża li tiġbor it-taxxa, kif ukoll id-data tal-adeżjoni u tal-irtirar,

2.

l-istat ċivili u d-data tal-ħolqien jew tat-tmiem tal-istat ċivili u, għall-persuni miżżewġin, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-konjuġi,

3.

l-ulied, bin-numru ta’ identifikazzjoni tagħhom,

[…]

(4)   Meta tinbeda relazzjoni ta’ impjieg, il-persuna impjegata għandha tikkomunika lil kull waħda mill-persuni li jimpjegawha, sabiex ikunu jistgħu jikkonsultaw id-data individwali għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn:

1.

in-numru ta’ identifikazzjoni tagħha u d-data tat-twelid tagħha,

[…]

Fil-bidu tal-kuntratt tax-xogħol, il-persuna li timpjega għandha tiġbor elettronikament, mill-Uffiċċju Federali tat-Taxxa, id-data individwali elettronika intiża għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn dwar l-impjegat u tinkludihom fil-kont tas-salarju tal-impjegat. […]

[…]”

II. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18.

Deutsche Post AG kienet il-proprjetarja tal-awtorizzazzjonijiet doganali mogħtija skont ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 ( 6 ) u r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 ( 7 ), b’mod partikolari, bħala destinatarja awtorizzata u bħala kunsinnatarja awtorizzata. Hija tibbenefika wkoll minn garanzija globali sabiex tiffaċilita l-iskema ta’ tranżitu tal-Unjoni jew l-iskema ta’ tranżitu komuni u, minn meta bdiet l-applikazzjoni sħiħa tal-kodiċi doganali l-ġdid, mill-awtorizzazzjoni sabiex ikollha faċilità ta’ ħażna temporanja.

19.

Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ April 2017, il-Hauptzollamt (l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana) talab lil Deutsche Post timla u tibgħat, qabel id-19 ta’ Mejju 2017, il-kwestjonarju ta’ awtoevalwazzjoni, parti I (Informazzjoni tal-impriża) aċċessibbli fuq l-internet. Dan il-formularju jinkludi, inter alia, it-talbiet li ġejjin:

“1.1.2 Indika, sa fejn applikabbli, il-forma ġuridika tal-impriża tiegħek:

[…]

c)

il-membri tal-kumitati konsultattivi u tal-bordijiet ta’ sorveljanza, bl-isem u l-kunjom, id-data tat-twelid, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa u l-uffiċċju tat-taxxa kompetenti.

1.1.6 Identifika l-maniġers prinċipali (diretturi ġenerali, diretturi tad-dipartimenti, direttur tal-kontabbiltà, direttur tal-affarijiet doganali, eċċ.) tal-impriża u ddeskrivi r-regoli ta’ rappreżentanza korrispondenti. L-informazzjoni minima li għandha tiġi indikata hija l-isem u l-kunjom, id-data tat-twelid, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa u l-uffiċċju tat-taxxa kompetenti.

[…]

1.3.1 Identifika lil dawk responsabbli għal kwistjonijiet doganali fl-organizzazzjoni tiegħek jew lill-persuni li jittrattaw kwistjonijiet doganali (pereżempju, tekniċi doganali, direttur tal-affarijiet doganali), filwaqt li tindika l-isem u l-kunjom, id-data tat-twelid, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, l-uffiċċju tat-taxxa kompetenti u l-pożizzjoni fl-organizzazzjoni.”

20.

L-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana wissa lil Deutsche Post li jekk ma tipprovdix il-kooperazzjoni meħtieġa, ikun impossibbli li jiġi vverifikat jekk ikkonformatx mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont il-Kodiċi Doganali. Huwa wissa wkoll li kien ser jirrevoka l-awtorizzazzjonijiet permanenti jekk hija ma tikkooperax jew jekk hija ma tibqax tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

21.

Deutsche Post adixxiet lill-qorti tar-rinviju billi kkontestat l-obbligu li l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana jiġi informat bin-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (iktar ’il quddiem, “NIT”) tal-persuni msemmija fil-formularju ta’ awtoevalwazzjoni, kif ukoll id-dettalji tal-uffiċċji tat-taxxa kompetenti li fuqhom dawn jiddependu. Hija talbet lill-qorti tiddikjara li ma hijiex obbligata tirrispondi dik il-parti tal-formularju.

22.

Deutsche Post allegat, insostenn tat-talba tagħha, li:

in-numru ta’ persuni fl-impriża tagħha affettwati minn dawn id-domandi kien kbir ħafna u, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data, ma setgħetx tirrispondihom, minħabba li wħud mill-impjegati tagħha ma tawx il-kunsens tagħhom sabiex id-data tagħhom tiġi pprovduta. Barra minn hekk, il-persuni previsti mill-punti 1.1.2(c); 1.1.6 u 1.3.1 kienu jaqbżu dawk imsemmija fil-punti (b) u (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447;

is-sitwazzjoni tal-impjegati tagħha fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul ma kinitx rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk dawn kinux wettqu ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u tar-regoli ta’ tassazzjoni jew reati kriminali serji li għandhom x’jaqsmu mal-attività ekonomika tagħha. Il-komunikazzjoni tan-NIT tagħhom ma kinitx meħtieġa jew xierqa sabiex tiġi vvalutata l-affidabbiltà tagħhom fil-qasam doganali.

23.

L-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana oġġezzjona għall-argumenti ta’ Deutsche Post billi argumenta li t-talba tan-NIT hija essenzjali sabiex jiġu identifikati kif xieraq il-persuni kkonċernati meta ssir konsultazzjoni mal-uffiċċji tat-taxxa. L-iskambju ta’ informazzjoni huwa previst biss meta dawn l-uffiċċji msemmija jkunu jafu li sar ksur serju jew ksur ripetut tar-regoli ta’ tassazzjoni. F’dan ir-rigward, il-proċeduri kriminali jew l-proċeduri ta’ sanzjoni diġà magħluqa ma humiex rilevanti. Il-ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni fiskali jiġi kkunsidrat biss jekk il-frekwenza tiegħu tkun sproporzjonata fil-kuntest tan-natura u d-daqs tal-attività kummerċjali tal-applikant.

24.

Skont l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana, il-grupp ta’ persuni kkonċernati mid-domandi huwa konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 u mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-AEO. Dan l-uffiċċju jiddeċiedi każ b’każ, skont ir-riskju, fir-rigward ta’ liema persuni speċifiċi għandha tiġi skambjata l-informazzjoni mal-uffiċċji tat-taxxa. Fir-rigward tal-persuni impenjati bi kwistjonijiet doganali, il-konsultazzjoni hija limitata, fid-dipartimenti doganali kbar, għall-maniġers u l-persuni responsabbli.

25.

Il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) għandha dubji dwar jekk il-konsultazzjoni tad-data personali mitluba (in-NIT u l-uffiċċji tat-taxxa kompetenti għall-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni msemmija fil-punti 1.1.2(c), 1.1.6 u 1.3.1 tal-kwestjonarju) tikkostitwixxix ipproċessar legali ta’ tali data skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, “il-Karta”).

26.

Hija għandha dubji wkoll fir-rigward tal-ħtieġa li wieħed juża d-data personali tal-impjegati u tal-membri tal-bord ta’ sorveljanza tar-rikorrenti, miġbura sabiex tinġabar it-taxxa fuq id-dħul, peress li ma humiex direttament relatati mal-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tagħhom fil-qasam doganali jew mal-attività ekonomika ta’ Deutsche Post.

27.

F’dan il-kuntest, din il-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jippermetti lill-awtoritajiet doganali jeżiġu mingħand l-applikant li huwa jinformahom, fir-rigward tal-membri tal-bord ta’ sorveljanza tiegħu u tal-impjegati tiegħu li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ diretturi ġenerali, kapijiet ta’ dipartimenti, ġestitur tas-servizzi ta’ kontabbiltà, kap tad-dipartiment doganali, kif ukoll tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni ta’ kwistjonijiet doganali u dawk inkarigati jittrattawhom, bin-numri ta’ identifikazzjoni fiskali mogħtija mill-[Uffiċċju Federali tat-Taxxa] għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul, kif ukoll bl-uffiċċji tat-taxxa responsabbli għall-istabbiliment tat-taxxa fuq id-dħul?”

28.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Deutsche Post, l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Taljan, kif ukoll mill-Kummissjoni. Matul is-seduta, li saret fil‑5 ta’ Lulju 2018, dehru Deutsche Post, l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana u l-Kummissjoni.

III. Risposta għad-domanda preliminari

29.

Qabel l-analiżi tal-mertu, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat liema regoli tal-Unjoni relatati mal-protezzjoni tad-data personali huma applikabbli f’din il-kawża.

30.

It-talba għall-komunikazzjoni tad-data ntbagħtet lil Deutsche Post fid‑19 ta’ April 2017, qabel, għalhekk, id-data tad-dħul fis-seħħ (il‑25 ta’ Mejju 2018) tar-Regolament (UE) 2016/679. Dak iż-żmien kienet fis-seħħ id-Direttiva 95/46/KE ( 8 ), minkejja l-fatt li kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet intervenuti fil-proċedura għad-deċiżjoni preliminari jitilqu mill-prinċipju, minbarra l-Kummissjoni, li l-imsemmi regolament japplika.

31.

L-ispjegazzjoni ta’ din l-anomalija apparenti tista’ tinstab fin-natura tal-proċedura nazzjonali ta’ oriġini. Kif spjegat fis-seduta, Deutsche Post ma kinitx ressqet azzjoni għal annullament (Anfechtungsklage) li l-qorti kellha tikkunsidra skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, iżda hija għamlet biss azzjoni (Feststellungsklage) ( 9 ) li għandha tiġi solvuta skont is-sitwazzjoni ġuridika fis-seħħ fiż-żmien tas-seduta u s-sentenza.

32.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix dwaru. Għalhekk, jekk, skont ir-regoli interni, hija tqis li t-tilwima għandha tiġi deċiża, ratione temporis, skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u mhux skont id-Direttiva 95/46, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament u mhux dik tad-Direttiva ( 10 ).

33.

Id-domanda preliminari tipprevedi l-interpretazzjoni, u mhux id-dikjarazzjoni eventwali ta’ invalidità, tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, għal liema skop għandu jitqies ir-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 11 ). Nirrepeti li l-qorti tar-rinviju ma pprevedietx l-invalidità possibbli tal-istess artikolu, li sempliċement jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ AEO mingħajr ma jeħtieġ, fih innifsu, it-trażmissjoni jew l-ipproċessar ta’ data personali minn terz.

A.   L-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447

34.

L-istatus ta’ AEO jagħti vantaġġi ( 12 ) lill-operaturi ekonomiċi li, fil-kuntest tal-operazzjonijiet doganali tagħhom, huma kkunsidrati affidabbli madwar l-Unjoni (l-Artikolu 5(5) tal-Kodiċi Doganali). Fost dawn il-vantaġġi, skont kif stabbilit fl-Artikolu 38(6) ta’ dan il-kodiċi, hemm dak li wieħed igawdi trattament iktar favorevoli mill-operaturi l-oħrajn, f’dak li jirrigwarda l-kontrolli doganali. Skont it-tip ta’ awtorizzazzjoni mogħtija, AEO jkun suġġett għal inqas kontrolli fiżiċi u ta’ dokumenti.

35.

Peress li l-AEO għandu jkollhom affidabbiltà u reputazzjoni vverifikati, l-għoti ta’ dan l-istatus huwa suġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39 tal-Kodiċi Doganali ( 13 ), jiġifieri:

il-konformità mal-leġiżlazzjoni doganali kif ukoll mar-regolamenti tat-taxxa u, b’mod partikolari, l-assenza ta’ kundanni għal reati kriminali serji li għandhom x’jaqsmu mal-attività ekonomika tal-applikant;

il-wiri, min-naħa tal-applikant, ta’ livell għoli ta’ kontroll tal-operazzjonijiet tiegħu u tal-fluss ta’ merkanzija, permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni ta’ reġistri kummerċjali u, fejn applikabbli, tar-reġistri tat-trasport, li jippermetti t-twettiq tal-kontrolli doganali neċessarji;

il-prova tas-solidità finanzjarja akkreditata, u

skont it-tip ta’ status ta’ AEO, l-osservanza ta’ regoli prattiċi fil-qasam tal-kompetenza jew tal-kwalifiki professjonali relatati direttament mal-attività mwettqa (AEOC), jew ta’ regoli xierqa fil-qasam tas-sigurtà (AEOS).

36.

Dawn il-kundizzjonijiet huma meħtieġa mill-operaturi kollha li jitolbu l-istatus ta’ AEO, kemm jekk ikunu persuni ġuridiċi kif ukoll fiżiċi. F’din il-kawża, peress li Deutsche Post hija persuna ġuridika, il-kundizzjoni li din ma tkunx wettqet ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u tar-regoli ta’ tassazzjoni u li din ma tkunx instabet ħatja ta’ reati kriminali serji li għandhom x’jaqsmu mal-attività ekonomika tagħha huwa estiż għal xi wħud mill-impjegati tagħha (dawk bl-iktar funzjonijiet rilevanti elenkati hawn taħt) ( 14 ). Dan huwa speċifikat fl-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, li ġie adottat skont l-Artikolu 39(a) tal-Kodiċi Doganali ( 15 ).

37.

Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, “il-persuna responsabbli għall-applikant jew li teżerċita kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu” u “l-impjegat inkarigat għall-kwistjonijiet doganali tal-applikant” għandhom ikunu eżenti minn dawn l-akkużi ( 16 ).

38.

L-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 jiddetermina l-limiti li l-awtoritajiet doganali ma għandhomx jaqbżu fit-talbiet tagħhom għal informazzjoni dwar iċ-ċirku ta’ persuni suġġetti għal investigazzjoni. Dawn għandhom josservaw ukoll dan l-artikolu f’termini tal-iskop li għandu jiġi segwit fil-ġbir tad-data ta’ dawn il-persuni.

1. Persuni fiżiċi li jistgħu jiġu investigati qabel ma jingħata l-istatus ta’ AEO lil persuna ġuridika

39.

Skont il-loġika tal-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, sabiex jingħata ( 17 ) l-istatus ta’ AEO, l-awtoritajiet doganali għandu jkollhom ċerta informazzjoni tal-maniġers prinċipali tal-impriżi, kif ukoll tal-persuni fiżiċi li jimmaniġġjaw l-attivitajiet doganali tagħha ( 18 ).

40.

Il-kliem tal-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 huwa restrittiv: huwa jsemmi esklużivament il-persuna responsabbli (tal-operatur li japplika għall-istatus ta’ AEO) jew li teżerċita kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu u l-impjegat responsabbli għall-kwistjonijiet doganali. Dan l-Artikolu juża s-singular, sabiex tiġi imposta interpretazzjoni stretta, spjegata wkoll mill-fatt li l-informazzjoni kkomunikata hija data personali. Regola ta’ dritt sekondarju subordinata b’mod ġerarkiku għall-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, bħall-Anness 6 tar-Regolament Delegat 2016/341, ma tistax testendi l-kamp ta’ applikazzjoni personali tiegħu.

41.

Għalhekk, l-awtoritajiet doganali jistgħu jiġbru biss data personali dwar:

il-persuna responsabbli għall-impriża li tapplika għall-istatus ta’ AEO, li tkun normalment il-persuna b’setgħat eżekuttivi ta’ tmexxija ( 19 ).

il-persuna inkarigata għall-kwistjonijiet doganali tal-impriża msemmija. L-istess interpretazzjoni stretta hija applikabbli hawnhekk u tassumi li tista’ tintalab biss id-data personali tal-persuna responsabbli finali għall-attivitajiet doganali tal-impriża.

42.

Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, naqbel mal-perspettiva tal-qorti tar-rinviju, li t-talba għad-data personali tal-membri tal-bord ta’ sorveljanza jew tal-kumitat konsultattiv ta’ impriża ma hijiex koperta mill-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447. Fl-istess spirtu, lanqas ma hemm bażi f’dan l-artikolu sabiex tkun meħtieġa l-informazzjoni tad-diretturi ta’ dipartimenti oħrajn u tad-diretturi tal-kontabbiltà, sakemm dawn il-persuni ma jkollhomx ukoll is-setgħa ta’ deċiżjoni finali fl-impriża jew jittrattaw il-kwistjonijiet doganali tagħha.

2. Informazzjoni u data li tista’ tiġi rikjesta mill-awtoritajiet doganali

43.

Kif diġà indikajt, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, tista’ tinkiseb biss l-informazzjoni indispensabbli sabiex jiġi vverifikat li l-persuna ma wettqitx “ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u tar-regoli ta’ tassazzjoni” u ma nstabitx ħatja ta’ “reati kriminali serji li għandhom x’jaqsmu mal-attività ekonomika [tal-applikant]”.

44.

Dan huwa, għalhekk, l-unika skop għaliex għandha tinġabar l-informazzjoni mill-awtoritajiet doganali. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax liema tip ta’ data hija xierqa sabiex jinkiseb l-għan tiegħu: huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw dan, bl-għarfien tajjeb li għandha tkun biss dik indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-(in)eżistenza tal-aġir li jaffettwa l-affidabbiltà tal-persuni prinċipali responsabbli tal-impriża.

45.

Sabiex jiġi vverifikat jekk l-impjegati, imsemmijin preċedentement, tal-impriża kandidata għall-istatus ta’ AEO għandhomx l-integrità meħtieġa sabiex igawdu l-fiduċja tal-awtorità doganali, l-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 jelenka tliet kategoriji ta’ ksur:

il-“[k]sur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali”. “Leġiżlazzjoni doganali” hija dik iddefinita fl-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi Doganali. ( 20 ) Peress li hija preċiżament l-awtorità doganali li timmaniġġja l-applikazzjoni ta’ dan il-korp regolatorju, fil-prinċipju, diġà għandha biżżejjed data hija stess. L-Uffiċċju Federali tad-Dwana jirrikonoxxi li għandu aċċess dirett għad-databases federali b’informazzjoni dwar il-ksur doganali jew dak relatat mal-attività ekonomika tal-impriża.

il-“[k]sur serju jew ksur ripetut tar-regoli ta’ tassazzjoni”, liema kunċett jinkludi, kif tindika l-Kummissjoni, firxa wiesgħa ta’ taxxi ( 21 ). Rigward din it-tieni kategorija, l-awtoritajiet doganali għandhom jiksbu l-informazzjoni mingħand terzi li tkun indispensabbli sabiex jiġi żgurat li l-impjegati tal-impriżi kandidata għall-istatus tal-AEO ma ġewx issanzjonati għal dawn l-atti illegali;

ir-“reati kriminali serji marbuta mal-attività ekonomika tagħhom”, liema kunċett, kif tipprovdi l-Kummissjoni, jinkludi r-reati ta’ dan it-tip li, imwettqa minn uħud mid-diretturi prinċipali tagħha, jikkawżaw ħsara serja lir-reputazzjoni u l-onorabbiltà tal-impriża fir-rigward tal-ġestjoni doganali ( 22 ). Għal darba oħra, dan huwa ksur li, normalment, l-awtoritajiet doganali ma jirreġistrawx fl-arkivji tagħhom stess.

46.

Liema data tista’ tinġabar mill-awtoritajiet doganali, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, sabiex tiġi identifikata l-preżenza ta’ dan il-ksur, bil-ħsieb li jingħata l-istatus ta’ AEO?

47.

L-Uffiċċju Federali tad-Dwana jsostni li għandu jkollu n-NIT u d-dettalji tal-uffiċċji tat-taxxa tad-diretturi u tal-impjegati ta’ Deutsche Post li jeżerċitaw kontroll fuq il-ġestjoni doganali tagħha. Huwa jgħid li b’dan il-mod biss jista’ jiġi vverifikat jekk ġiex imwettaq ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni tat-tassazzjoni, peress li ħafna taxxi fil-Ġermanja huma ġestiti mill-awtoritajiet reġjonali. In-NIT huwa d-data bażika sabiex tintalab bi preċiżjoni mingħand dawn l-awtoritajiet l-informazzjoni neċessarja dwar dawn il-persuni.

48.

Għall-kuntrarju, Deutsche Post tiżgura li s-sitwazzjoni tal-impjegati tagħha fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul ma hijiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk kienx sar ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni tat-tassazzjoni. Il-komunikazzjoni tan-NIT tagħhom, għalhekk, ma hijiex indispensabbli u lanqas xierqa sabiex tiġi ddeterminata l-affidabbiltà tagħhom fil-qasam tal-ġestjoni doganali.

49.

Mill-osservazzjonijiet bil-miktub u l-ispjegazzjonijiet mogħtija waqt is-seduta jirriżulta li n-NIT huwa identifikatur personali użat fir-relazzjonijiet bejn il-persuni fiżiċi u l-awtorità fiskali Ġermaniża għal diversi kwistjonijiet. Hemm qbil li l-użu primarju tiegħu huwa għall-ġestjoni tat-taxxa fuq id-dħul, li jispjega r-rabta tiegħu, fil-kawża prinċipali, mad-dettalji tal-uffiċċji tat-taxxa kompetenti għall-kalkolu tagħha.

50.

L-interpretazzjoni tad-dritt Ġermaniż ma għandhiex issir mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda mill-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar issostni li n-NIT assenjati mill-Uffiċċju Federali tat-Taxxa lill-impjegati ta’ Deutsche Post (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 139a(1) tal-Kodiċi tat-Taxxa) jistgħu jinġabru u jinħażnu biss għall-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul, permezz tat-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarji (il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 39e(4) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul).

51.

Id-data personali tal-impjegati ta’ Deutsche Post, miġbura bl-iskop diġà invokat, skont il-qorti tar-rinviju, ma għandhiex relazzjoni diretta mal-attività ekonomika ta’ din l-impriża u għalhekk ma hijiex xierqa sabiex tiġi evalwata l-affidabbiltà tagħha fil-qasam doganali ( 23 ).

52.

Madankollu, nemmen li, mill-perspettiva tal-leġiżlazzjoni doganali, xejn ma jwaqqaf lill-awtorità Ġermaniża milli titlob in-NIT (u l-isem tal-uffiċċju kompetenti għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul) tad-direttur u tal-persuna inkarigata mill-kwistjonijiet doganali tal-impriża li tapplika għall-istatus ta’ AEO. Mingħajr preġudizzju għal dak li ser nispjega iktar ’il quddiem dwar il-protezzjoni ta’ din id-data personali, ir-reġistrazzjoni tagħha tista’ sservi sabiex jiġi vverifikat li dawn il-persuni ma wettqux ksur.

53.

L-argument tal-qorti tar-rinviju jista’ jkun rilevanti fil-każ li jkun hemm separazzjoni (li tidher li qed tirreferi għaliha) bejn l-informazzjoni li tista’ tinkiseb min-NIT, li neċessarjament tirreferi għal kull persuna fiżika, u l-attività tal-impriża. Madankollu, l-għan ta’ din il-verifika huwa li jiġi kkonfermat, preċiżament, jekk iż-żewġ persuni fiżiċi li jwettqu l-funzjonijiet rilevanti fl-entità kandidata għall-AEO wettqux, matul l-aħħar tliet snin, nuqqasijiet personali (jiġifieri, mhux tal-impriża) li jnaqqas l-affidabbiltà tagħhom, fejn in-nuqqas ta’ integrità tagħhom — jekk ikunu ġew issanzjonati fil-passat — iħammeġ, biex ngħidu hekk, lill-entità li tagħha huma jwettqu t-tmexxija ġenerali jew doganali.

B.   L-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali

54.

Bħal data analoga oħra ta’ natura fiskali kklassifikata bħala tali mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ), in-NIT huwa data personali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-Regolament (UE) 2016/679, minħabba li dan huwa informazzjoni dwar persuna identifikata jew identifikabbli ( 25 ).

55.

L-indikazzjoni tal-uffiċċji tat-taxxa kompetenti għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuna partikolari tidher, fid-digriet tar-rinviju, marbuta mill-qrib man-NIT, minħabba l-istruttura federali tas-sistema fiskali Ġermaniża. F’dan il-kuntest, informazzjoni tat-taxxa relatata ma’ persuna identifikata jew identifikabbli tista’ titqies li hija anċillari.

56.

Kif tindika l-qorti tar-rinviju, il-konsultazzjoni awtomatizzata tan-NIT tippermetti aċċess għal informazzjoni partikolarment sensittiva ( 26 ). Dan huwa, għalhekk, strument li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li jkollha dan in-numru u l-ksib ta’ ċerta informazzjoni dwar il-ħajja privata u l-familja tagħha li hija miżmuma mill-awtorità.

57.

L-attività li tiżviluppa madwar in-NIT fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità doganali u l-kandidati għall-istatus ta’ AEO tista’ tiġi kklassifikata bħala ġbir jew bħala komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni. Fiż-żewġ każijiet, din tagħti lok għal ipproċessar ta’ data, fis-sens ta’ punt 2 tal-Artikolu 4 tal-Regolament (UE) 2016/679. L-awtorità doganali Ġermaniża titlob in-NIT, torganizzahom u tużahom sabiex titlob lill-uffiċċji tat-taxxa kompetenti informazzjoni dwar ksur serju jew ksur ripetut possibbli tal-leġiżlazzjoni tat-tassazzjoni mwettaq minn dawn il-persuni. Is-sempliċi kisba ta’ din id-data diġà tinvolvi pproċessar, bħal ma huwa, sa ċertu punt, l-organizzazzjoni u l-użu sussegwenti tagħha sabiex tinkiseb informazzjoni dwar dawn il-persuni ( 27 ).

58.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis ukoll li jsir ipproċessar ta’ data meta tintbagħat data minn korp pubbliku għal ieħor ( 28 ), kif ukoll meta persuna li timpjega tibgħat data personali lil awtorità nazzjonali ( 29 ). Għalhekk, it-trażmissjoni ta’ data personali ta’ diretturi u impjegati ta’ Deutsche Post lill-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana tikkostitwixxi “pproċessar ta’ data” għall-finijiet tal-Regolament (UE) 2016/679.

59.

L-Artikolu 5(1)(b) tal-Regolament (UE) 2016/679 jindika bħala l-prinċipju ta’ gwida tat-trattament dak tal-limitazzjoni tal-iskop, skont liema “d-data personali għandha […] tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet” ( 30 ).

60.

Għalhekk, hemm bżonn li jiġi deċiż jekk l-użu mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi tan-NIT tad-diretturi u tal-persuni responsabbli għall-kwistjonijiet doganali ta’ Deutsche Post, meħtieġa minn din l-entità tal-aħħar, huwiex kompatibbli mal-għan mogħti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ġbir ta’ din id-data personali.

61.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji f’dan ir-rigward ( 31 ) u taħseb li ma hemmx relazzjoni diretta bejn in-NIT u l-uffiċċji tat-taxxa kompetenti għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tad-diretturi u l-impjegati, u l-attivitajiet doganali ta’ Deutsche Post. Kif ġie żvelat matul is-seduta u kif jiena spjegajt preċedentement, id-dritt Ġermaniż jipprovdi għall-użu ta’ din id-data fiskali, essenzjalment iżda mhux esklużivament, fir-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-persuna li timpjega u l-impjegat għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul.

62.

In-NIT (u, b’mod aċċessorju, l-indikazzjoni tal-uffiċċji tat-taxxa kompetenti għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul) huma, għalhekk, data personali li ma tkunx ġiet imfassla għall-użu fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn impriża u l-awtorità doganali Ġermaniża għall-finijiet tal-kisba jew taż-żamma tal-istatus ta’ AEO. Għalhekk, dan huwa pproċessar ta’ data personali li, fil-prinċipju, ma huwiex konformi mal-iskop li għalih hija inġabret, bi ksur tar-regola tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/679.

63.

Madankollu, ipproċessar ta’ data personali ta’ dan it-tip jista’, madankollu, ikun iġġustifikat. Ikun biżżejjed, pereżempju, li l-persuni fiżiċi kkonċernati jagħtu l-kunsens tagħhom, skont l-Artikolu 6(1)(a) tal-Regolament (UE) 2016/679. Madankollu, jirriżulta li l-impjegati ta’ Deutsche Post ma jagħtux il-kunsens tagħhom, u allura, din is-soluzzjoni hija eskluża.

64.

Ġustifikazzjonijiet oħra possibbli jinsabu fl-Artikolu 6(1) ( 32 ) skont liema l-ipproċessar tad-data huwa illegali meta jkun meħtieġ “għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur” (il-punt c)) jew “għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur” (il-punt e)) ( 33 ). Fiż-żewġ każijiet, l-Artikolu 6(3) tal-Regolament (UE) 2016/679 jistipula li l-bażi tal-ipproċessar għandha tiġi stabbilita mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istat Membru li għalih hija suġġetta l-persuna responsabbli għall-ipproċessar.

65.

Il-legalità tat-talba u tal-ipproċessar ta’ data personali li l-awtorità doganali timponi fuq Deutsche Post hija bbażata fuq l-obbligu legali ( 34 ) impost fuq din l-awtorità sabiex tivverifika li l-għoti tal-istatus ta’ AEO jingħata biss lil impriżi li d-diretturi u l-persuni responsabbli għall-kwistjonijiet doganali tagħha ma jkunux wettqu l-ksur imsemmi qabel. Dan l-obbligu legali joħroġ, finalment, mill-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2015/2447. Nifhem, għalhekk, li l-ġustifikazzjoni ddikjarata fl-Artikolu 6(1)(c) tal-Regolament (UE) 2016/679 hija applikabbli.

66.

Il-legalità tal-ipproċessar tan-NIT tad-direttur u tal-persuna responsabbli għall-kwistjonijiet doganali ta’ impriża, għall-finijiet tal-għoti tal-istatus ta’ AEO, tista’ tkun ibbażata wkoll fuq “[l]-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;” (l-Artikolu 6(1)(e) tar-Regolament (UE) 2016/679) ( 35 ), peress li huwa indispensabbli għall-awtorità doganali li teżerċita s-setgħa pubblika li ġiet mogħtija lilha sabiex tikkontrolla lill-impriżi bi status ta’ AEO. Dan l-istatus jimplika ċerta delega tal-funzjonijiet ta’ kontroll doganali favur l-AEO, li hija nnewtralizzata minn diskrezzjoni wiesgħa tal-awtorità sabiex tivverifika u tissorvelja l-affidabbiltà tiegħu.

67.

It-talba u l-ipproċessar tad-data inkwistjoni fit-tilwima, li huma legali minħabba li huma bbażati fuq l-Artikolu 6(1)(c) u (e) tar-Regolament (UE) 2016/679, jistgħu jiġġeneraw ċerti limiti għad-drittijiet li l-Artikoli 12 sa 22 tal-Regolament (UE) 2016/679 jirrikonoxxu lid-detenturi ta’ din id-data personali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana, meta dan jipproċessa din id-data, jillimitax ċerti drittijiet tal-persuni kkonċernati, pereżempju, id-drittijiet ta’ aċċess, ta’ rettifika, ta’ tħassir jew ta’ oppożizzjoni.

68.

Dawn il-limitazzjonijiet, jekk jeżistu, jistgħu jkunu ġġustifikati minn xi wħud mill-“objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali” (l-Artikolu 23(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679). Il-miżura imposta fuqhom għandha tirrispetta wkoll “l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali” u tkun “meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika” ( 36 ).

69.

Fil-fehma tiegħi, l-għan li tiġi żgurata l-affidabbiltà doganali tad-direttur u tal-persuna responsabbli għall-kwistjonijiet doganali ta’ impriża, għall-finijiet tal-għoti tal-istatus ta’ AEO, jikkorrispondi għall-għan ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni u tal-Istat Ġermaniż, minn perspettiva ekonomika, fiskali u baġitarja. Il-kontroll tal-affidabbiltà tal-AEO jiffavorixxi l-ġbir tad-dazji doganali, li huma riżors proprju tal-Unjoni, li l-Istati Membri jħallsu u jittrasferixxuhom fil-baġit tal-Unjoni wara t-tnaqqis ta’ perċentwali għall-ġestjoni amministrattiva.

70.

In-nuqqas ta’ integrità tad-direttur tal-impriża u tal-persuna responsabbli għall-kwistjonijiet doganali tagħha huma fatturi li jistgħu jikkompromettu l-affidabbiltà doganali ta’ din l-impriża, b’impatt dirett fuq l-għoti tal-istatus ta’ AEO ( 37 ). Kif wissejt fil-konklużjonijiet tiegħi tal-kawża Impresa di Costruzioni Ing. E. Mantovani u Guerrato ( 38 ), huwa loġiku […] li n-nuqqas ta’ kredibbiltà tagħhom tiġi evalwata mill-perspettiva tal-atti kriminali mwettqa minn dawk responsabbli għall-ġestjoni tagħhom.

71.

Din iċ-ċirkustanza tiġġustifika li l-awtorità doganali tkun tista’ tinvestiga l-informazzjoni arkivjata tat-taxxa ta’ dawn id-diretturi, li tinkludi l-passat tagħhom fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul. Jekk id-direttur tal-impriża jew il-persuna responsabbli għall-kwistjonijiet doganali tagħha jkunu wettqu ksur relatat mal-ġbir ta’ din t-taxxa, jew kwalunkwe ksur ieħor, nemmen li l-awtorità doganali għandha tkun tista’ tikseb informazzjoni dwar dan il-ksur.

72.

Bl-istess mod, il-ġbir u l-użu ta’ data ta’ dan it-tip huma mezzi proporzjonati sabiex jintlaħaq l-għan ipprovdut fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 ( 39 ). Skont id-dikjarazzjonijiet magħmula waqt is-seduta mill-Uffiċċju Federali tat-Taxxa, fid-dritt Ġermaniż ma jeżistux mezzi alternattivi oħrajn inqas restrittivi, u għalhekk l-istruttura federali tal-Istat Ġermaniż tipprovdi li ċerti taxxi, bħat-taxxa fuq id-dħul, huma ġestiti mill-awtoritajiet reġjonali. In-NIT huwa l-iktar mezz xieraq sabiex l-awtorità doganali (federali) tiġbor u tikseb l-informazzjoni fiskali miżmuma mid-diversi awtoritajiet reġjonali ( 40 ).

73.

Għandhom isiru żewġ preċiżjonijiet tal-aħħar:

l-awtorità doganali hija obbligata skont l-Artikoli 13 u 14 tal-Regolament (UE) 2016/679 tipprovdi informazzjoni lid-direttur u lill-persuna responsabbli għall-kwistjonijiet doganali ta’ impriża bi status ta’ AEO dwar l-ipproċessar li hija tkun se twettaq tad-data personali tagħhom (in-NIT u l-uffiċċju tat-taxxa) sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet irrikonoxxuti lilhom fl-Artikoli 15 sa 22 tar-Regolament (UE) 2016/679;

il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-rekwiżit ta’ trattament ġust tad-data personali jobbliga lil awtorità pubblika tinforma lill-persuni kkonċernati bit-trażmissjoni ta’ din id-data lil awtorità pubblika oħra bil-għan tal-ipproċessar tagħha minn din tal-aħħar fil-kapaċità tagħha bħala destinatarja tal-imsemmija data ( 41 ).

IV. Konklużjoni

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta lill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) b’dan il-mod:

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

dan jippermetti lill-awtoritajiet doganali jeżiġu lil impriża li taspira li tikseb l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat tipprovdi n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa u d-dettalji tal-uffiċċju tat-taxxa kompetenti għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul, li jirreferu biss għall-“persuna responsabbli għall-applikant jew li teżerċita kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu u l-impjegat inkarigat għall-kwistjonijiet doganali tal-applikant”.

dan ma jippermettix li t-talba għal din id-data tiġi estiża għall-membri tal-bord ta’ sorveljanza tal-applikant jew għad-diretturi u l-impjegati l-oħra tiegħu.

2)

L-Artikolu 6(1)(c) u (e) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE jippermetti lil awtorità doganali tiġbor u tipproċessa data personali, bħan-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa u d-dettalji tal-uffiċċju tat-taxxa kompetenti għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul, relatata mal-persuna responsabbli għall-affarijiet doganali, dwar id-direttur responsabbli u l-persuna inkarigata mill-kwistjonijiet doganali ta’ impriża li taspira li tikseb l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat, anki jekk dawn ma jkunux taw il-kunsens tagħhom, sabiex ikun hemm konformità mal-obbligu legali li tiġi vverifikata l-affidabbiltà, għall-finijiet doganali, ta’ tali impriża, kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/2447.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1).

( 3 ) Regolament tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU 2015, L 343, p. 558, minn issa ’l quddiem ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447).

( 4 ) Regolament tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fejn is-sistemi rilevanti għadhom ma sarux operazzjonali u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (ĠU 2016, L 69, p. 1).

( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU 2016, L 119, p. 1).

( 6 ) Regolament tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

( 7 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6 p. 3).

( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 9 ) Skont il-punt 5 tad-digriet tar-rinviju, “[i]r-rikorrenti titlob li jiġi ddikjarat li […]”.

( 10 ) F’kull każ, is-soluzzjoni ma hijiex ser tvarja b’mod sostanzjali billi tiġi applikata waħda jew l-oħra, peress li r-Regolament (UE) 2016/679 juża ħafna mill-kontenut tad-Direttiva 95/46, li huwa jissostitwixxi.

( 11 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet “li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, sa fejn jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 38; u tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni, C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 39).

( 12 ) Dawn il-vantaġġi jinkludu b’mod partikolari: faċilità ikbar li wieħed jibbenefika minn proċeduri doganali ssemplifikati; notifika minn qabel rigward it-twettiq ta’ kontroll doganali; inqas kontrolli fiżiċi u ta’ dokumenti b’paragun ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn fir-rigward tal-kontrolli doganali; trattament prijoritarju tat-trasferimenti magħżulin għall-ispezzjoni; il-possibbiltà li jiġi magħżul il-post tal-ispezzjoni; u vantaġġi “indiretti”, mhux riflessi b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni doganali, iżda li jista’ jkollhom effett pożittiv ħafna fuq l-operazzjonijiet kummerċjali ġenerali tal-AEO. Il-fatt li AEO jissodisfa l-kriterji tal-protezzjoni u tas-sigurtà jfisser li s-sigurtà u l-protezzjoni fil-katina tal-provvista huma ggarantiti.

( 13 ) Skont l-Artikolu 38(4) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kollha jirrikonoxxu l-istatus tal-AEO mogħti minn Stat Membru.

( 14 ) Inqis li, minbarra l-impjegati tagħha, l-impriża applikanti nnifisha għandha tissodisfa dawk l-istess rekwiżiti.

( 15 ) L-Artikolu 41(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li “[l]-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 39”.

( 16 ) L-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/341 jipprovdi li l-applikazzjonijiet għall-istatus ta’ AEO għandhom jiġu sottomessi permezz tal-format tal-formola stipulat fl-Anness 6. F’dan l-anness, il-punt 19 tan-noti ta’ spjega jindika li għandha tiġi inkluża l-firma tal-persuna li tirrappreżenta l-applikant b’mod ġenerali, u tiġi indikata l-pożizzjoni tiegħu, l-isem u t-timbru. Barra minn hekk, l-applikant għandu jipprovdi, fost informazzjoni oħra, dawn li ġejjin: “[l]-ismijiet ta’ dawk li għandhom il-karigi ewlenin (diretturi maniġerjali, kapijiet tad-diviżjonijiet, maniġers tal-kontabilità, kapijiet tad-diviżjoni doganali, eċċ.). Deskrizzjoni tar-rutini adottati f’sitwazzjonijiet fejn l-impjegat kompetenti mhuwiex preżenti, b’mod temporanju jew permanenti.”

( 17 ) Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, minn issa ’l quddiem, ser nirreferi biss għall-għoti tal-istatus ta’ AEO, iżda l-argumenti jistgħu jiġu estiżi għaż-żamma ta’ dan l-istatus.

( 18 ) Ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati, TAXUD/B2/047/2011-REV6, tal‑11 ta’ Marzu 2016, p. 126 u 127, li jinkludu l-informazzjoni li għandhom jipprovdu l-impriżi fil-kwestjonarji ta’ awtoevalwazzjoni tal-istatus tal-AEO.

( 19 ) Jekk l-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni ta’ tmexxija kien konġunt, l-applikazzjoni għad-data tista’, loġikament, tiġi estiża għal dawk li jwettquha taħt din l-iskema konġunta.

( 20 ) Din tfisser “il-korp leġislattiv magħmul minn dan kollu li ġej: a) il-Kodiċi u l-provvedimenti li jissupplimentawh jew jimplimentawh adottati fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali; b) it-Tariffa Doganali Komuni; c) il-leġislazzjoni li tistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ eżenzjonijiet minn dazju doganali; u d) ftehimiet internazzjonali li jinkludu provvedimenti doganali, sa fejn dawn ikunu applikabbli fl-Unjoni”.

( 21 ) Inter alia, it-taxxi li jirreferu għat-traffiku ta’ merkanzija u servizzi, li għandhom rabta diretta mal-attività ekonomika tal-applikant (dan huwa l-każ, pereżempju, tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (il-VAT)), id-dazji tas-sisa u dawk relatati mat-tassazzjoni tal-impriżi.

( 22 ) Fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati, TAXUD/B2/047/2011-REV6, tal‑11 ta’ Marzu 2016, p. 37, hemm reati bħall-falliment frawdolenti (insolvenza); kwalunkwe ksur tal-leġiżlazzjoni tas-saħħa; ksur tal-leġiżlazzjoni ambjentali, bħall-moviment transkonfinali illegali ta’ skart perikoluż; frodi fuq prodotti u teknoloġija b’użu doppju; l-appartenenza f’organizzazzjoni kriminali; it-tixħim u l-korruzzjoni; il-kriminalità ċibernetika; il-ħasil tal-flus; il-parteċipazzjoni diretta jew indiretta f’negozji marbutin ma’ attivitajiet terroristiċi; jew il-parteċipazzjoni diretta jew indiretta fil-promozzjoni jew l-appoġġ tal-migrazzjoni illegali lejn l-Unjoni Ewropea.

( 23 ) Punt 16 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 24 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:638), punt 29; u tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725), punt 41.

( 25 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali japplika għall-informazzjoni kollha dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 52, u tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schwartz, C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 26).

( 26 ) Inter alia, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-appartenenza legali għal komunità reliġjuża li tiġbor it-taxxa; id-dati tal-adeżjoni u tal-irtirar; l-istat ċivili u d-data tal-ħolqien jew it-tmiem tiegħu; possibbilment, in-NIT tal-konjuġi u tal-ulied tal-impjegat, fir-rigward tat-tnaqqis mit-taxxa għal ulied dipendenti.

( 27 ) Fis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16,EU:C:2017:725, punt 34), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala “pproċessar tad-data” l- inklużjoni f’lista tal-isem, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali u n-NIT ta’ persuni li jservu bħala nominees għal pożizzjonijiet ta’ diretturi. Din il-lista tħejjiet mid-Direttorat tal-Finanzi u l-Uffiċċju tal-Ġlieda kontra l-Kriminalità Finanzjarja tar-Repubblika Slovakka, u, kemm il-kisba kif ukoll l-użu tagħha mill-awtoritajiet tat-taxxi differenti huma pproċessar ta’ data.

( 28 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:638), punt 29.

( 29 ) “Il-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, il-konservazzjoni, il-konsultazzjoni, l-użu ta’ tali data minn persuna li timpjega kif ukoll it-trażmissjoni tagħha minn din tal-aħħar lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, għaldaqstant għandhom in-natura ta’ ‘pproċessar ta’ data personali’, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/76” (enfasi miżjuda) (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Worten, C‑342/12, EU:C:2013:355, punt 20).

( 30 ) Dan l-artikolu jżid li, “f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (‘limitazzjoni tal-fini’)”.

( 31 ) Skont il-qorti tar-rinviju, “in-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa assenjati mill-Uffiċċu Federali tat-Taxxa lill-impjegati li jaħdmu mar-rikorrenti (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 139a(1) tal-Kodiċi tat-Taxxa) jistgħu jinġabru u jinħażnu biss għall-irkupru tat-taxxa fuq id-dħul, permezz tat-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarji (il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 39e(4) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul). Għalhekk, id-data personali tal-impjegati tar-rikorrent miġbura għal dak il-għan ma hijiex relatata direttament mal-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tagħha għal finijiet doganali. B’mod partikolari, id-data personali tal-impjegati tar-rikorrenti li ġew miġbura għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarji ma humiex relatati mal-attività ekonomika tar-rikorrenti nnifisha”.

( 32 ) Huwa xieraq li wieħed jiftakar ukoll li mill-għan li jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni fl-Istati Membri mfittex mid-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi lista eżawrjenti u vinkolanti ta’ każijiet fejn l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jiġi kkunsidrat legali (sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 30), u tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 105)). Din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi estrapolata għal-lista fl-Artikolu 6(1) tal-Regolament 2016/679.

( 33 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 64), u tat‑30 ta’ Mejju 2013, Worten (C‑342/12, EU:C:2013:355, punt 36).

( 34 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]r-rekwiżit […] li jgħid li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-bażi legali li tippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandha tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat” (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 139; u s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicensesC‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81).

( 35 ) Fis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punti 106 sa 109), il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet li lista ta’ persuni kkunsidrati mid-direttorat tal-finanzi tas-Slovakkja bħala nominees, stabbilita għat-titjib tal-ġbir tat-taxxa u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali, kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 (dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1)(e) tar-Regolament 2016/679) minħabba li l-għanijiet tagħha kienu, realment, missjonijiet ta’ interess pubbliku.

( 36 ) Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-limitazzjonijiet għall-protezzjoni tad-data personali, li hija żgurata permezz tal-Artikolu 8(1) tagħha għandhom jiġu stabbiliti billi jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità u mingħajr ma jinqabżu l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (sentenzi tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12, u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 52; tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 28; u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 92).

( 37 ) F’oqsma oħrajn tad-dritt tal-Unjoni hemm ukoll każijiet li fihom in-nuqqas ta’ onorabbiltà jew ta’ integrità tad-diretturi ta’ impriża jaffettwaw l-abbiltà tagħha sabiex twettaq attività ekonomika jew tibbenefika minn privileġġ. Pereżempju, id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013 L 176, p. 338), tindika, fl-Artikolu 23(1)(b) tagħha, li, f’dak li jirrigwarda l-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kkwalifikati f’istituzzjonijiet ta’ kreditu, “l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sabiex jiżguraw il-ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu li fiha jkun qiegħed jiġi propost l-akkwist, u filwaqt li titqies l-influwenza eventwali eżerċitata mill-akkwirent propost fuq dik l-istituzzjoni ta’ kreditu, jivvalutaw l-ideoneità tal-akkwirent propost u s-sodizza finanzjarja tal-akkwist propost skont il-kriterji li ġejjin: […] b) ir-reputazzjoni, għarfien, ħiliet u l-esperjenza, kif imniżżel fl-Artikolu 91(1), ta’ kwalunkwe membru tal-korp ta’ ġestjoni u kwalunkwe membru tal-amministrazzjoni għolja li ser imexxi n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu bħala riżultat tal-akkwist propost”. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:502.

( 38 ) Kawża C‑178/16 (EU:C:2017:487, punt 54). Fil-punt 34 tas-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017 (EU:C:2017:1000), f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[d]-dritt tal-Unjoni jibda bil-premessa li tgħid li l-persuni ġuridiċi jaġixxu permezz tar-rappreżentanti tagħhom. L-aġir li jmur kontra l-kondotta professjonali mwettaq minn dawn tal-aħħar jista’, għalhekk, jikkostitwixxi fattur rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kondotta professjonali ta’ impriża. Konsegwentement huwa perfettament permissibbli li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħhom biex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-kawżi ta’ esklużjoni fakultattivi, fost l-elementi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-integrità l-impriża offerenti, l-eventwali eżistenza ta’ aġiri ta’ amministraturi ta’ din l-impriża li jmorru kontra l-kondotta professjonali”.

( 39 ) F’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fuq livell tal-Unjoni teżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet ta’ din il-protezzjoni ma jaqbżux dak li huwa strettament neċessarju (sentenzi tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 5152; tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 92; tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 96; tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 112).

( 40 ) Waqt is-seduta ġie diskuss jekk it-tressiq, mill-impriża, ta’ ċertifikati ta’ konformità fiskali tad-direttur tagħha u tal-persuna responsabbli għall-kwistjonijiet doganali tistax tkun għażla inqas restrittiva. Kif spjega l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dwana, dan ma huwiex il-każ, peress li dawk iċ-ċertifikati għandhom jintalbu direttament u jkunu responsabbiltà ta’ dawn il-persuni u, barra minn hekk, fihom iktar informazzjoni milli hija essenzjali għall-finijiet tal-istatus tal-AEO. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dawn l-allegazzjonijiet, fost allegazzjonijiet oħrajn, dwar dan il-punt.

( 41 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:638), punt 40.