KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fil‑15 ta’ Novembru 2018 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑487/17 sa C‑489/17

Alfonso Verlezza,

Riccardo Traversa,

Irene Cocco,

Francesco Rando,

Carmelina Scaglione,

Francesco Rizzi,

Antonio Giuliano,

Enrico Giuliano,

Refecta Srl,

E. Giovi Srl,

Vetreco Srl,

SE.IN Srl (C‑487/17),

Carmelina Scaglione (C‑488/17),

MAD Srl (C‑489/17),

bl-intervent ta’:

Procuratore della Repubblica del Tribunale di Roma,

Procuratore generale della Repubblica presso la Corte Suprema di Cassazione

(talbaiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))

“Domanda preliminari — Ambjent — Direttiva 2008/98/KE — Skart — Deċiżjoni 2000/532/KE — Lista Ewropea tal-Iskart — Klassifikazzjoni tal-iskart — Kodiċijiet mera — Skart li jista’ jiġi attribwit kodiċijiet korrispondenti għal skart perikoluż u għal skart mhux perikoluż — Skart li ġej mit-trattament mekkaniku ta’ skart muniċipali”

1. 

L-iskart perikoluż, li prinċipalment ġej mill-industrija kimika, ma jikkostitwixxix volum kbir mill-iskart kollu ġġenerat fl-Unjoni Ewropea, iżda l-impatt tiegħu fuq l-ambjent jista’ jkun tassew qawwi jekk il-ġestjoni u l-kontroll tiegħu ma jitwettqux b’mod xieraq. B’mod partikolari, jistgħu jinstabu sustanzi perikolużi fl-iskart li ġej mit-trattament mekkaniku ta’ skart muniċipali, kif jiġri fil-kawżi li wasslu għal dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari.

2. 

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi għall-ewwel darba, jekk mhux sejjer żball, dwar il-klassifikazzjoni ta’ skart f’dawk li jissejħu kodiċijiet mera ( 2 ) tal-Lista Ewropea tal-Iskart (iktar ’il quddiem il-“LEI”) li tinsab fid-Deċiżjoni 2000/532/KE ( 3 ). Għandhom jiġu ppreċiżati l-Linji gwida li għandhom jiġu segwiti għal dan il-għan, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiċċara jekk l-akkużati f’diversi proċeduri kriminali wettqux, fl-Italja, ir-reat ta’ traffikar illegali ta’ skart, billi ttrattaw skart bħala mhux perikoluż meta fil-fatt kien.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2008/98/KE ( 4 )

3.

Skont l-Artikolu 3:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

(2)

‘skart perikoluż’ tfisser skart li jkollu waħda jew aktar mill-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III;

[…]

(6)

‘detentur ta’ l-iskart’ tfisser il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun fil-pussess ta’ l-iskart;

(7)

‘negozjant’ tfisser kwalunkwe intrapriża li taġixxi fir-rwol ta’ prinċipal biex tixtri jew sussegwentement tbigħ l-iskart, inkluż tali negozjanti li ma jeħdux pussess fiżiku ta’ l-iskart;

(8)

‘sensar’ tfisser kwalunkwe intrapriża li tirranġa l-irkupru jew ir-rimi ta’ skart f’isem oħrajn, inkluż tali sensara li ma jeħdux il-pussess fiżiku ta’ l-iskart;

(9)

‘maniġġar ta’ l-iskart’ tfisser il-ġbir, it-trasport, l-irkupru u r-rimi ta’ skart, inklużi s-superviżjoni ta’ tali operazzjonijiet u l-kura ta’ wara tas-siti tar-rimi, u inklużi l-azzjonijiet li jittieħdu bħala negozjant jew sensar;

(10)

‘ġbir’ tfisser il-ġbir ta’ l-iskart, inkluż l-għażla preliminari u l-ħżin preliminari ta’ l-iskart għall-finijiet tat-trasport lejn impjant tat-trattament ta’ l-iskart;

[…]”

4.

L-Artikolu 7 tagħha, bl-isem “Lista ta’ skart”, jipprevedi li:

“1.   Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva relatati ma’ l-aġġornar tal-lista ta’ skart stabbilita bid-Deċiżjoni 2000/532/KE għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 39(2). Il-lista ta’ skart għandha tinkludi skart perikoluż u għandha tieħu kont ta’ l-oriġini u l-kompożizzjoni ta’ l-iskart u, fejn jeħtieġ, tal-valuri tal-limiti ta’ konċentrazzjoni tas-sustanzi perikolużi. Il-lista ta’ skart għandha tkun vinkolanti fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ l-iskart li għandu jkun ikkunsidrat bħala skart perikoluż. L-inklużjoni ta’ sustanza jew oġġett fil-lista ma għandhiex tfisser li huma skart fiċ-ċirkustanzi kollha. Sustanza jew oġġett għandu jkun ikkunsidrat skart biss meta tiġi sodisfatta d-definizzjoni tal-punt (a[1]) ta’ l-Artikolu 3.

2.   Stat Membru jista’ jqis skart bħala skart perikoluż fejn, anki jekk ma jkunx imniżżel hekk fil-lista ta’ skart, ikollu waħda jew aktar mill-karatteristiċi elenkati fl-Anness III. L-Istat Membru għandu jinnotifika tali każijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Huwa għandu jiddokumentahom fir-rapport previst fl-Artikolu 37(1), u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha. Fid-dawl tan-notifikazzjonijiet rċevuti, il-lista għandha tiġi riveduta sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-adattament tagħha.

3.   Fejn Stat Membru jkollu provi li juru li skart speċifiku li jidher fil-lista bħala skart perikoluż ma juri l-ebda waħda mill-karatteristiċi elenkati fl-Anness III, jista’ jqis dak l-iskart bħala skart mhux perikoluż. L-Istat Membru għandu jinnotifika tali każijiet lill-Kummissjoni mingħajr dewmien u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bil-provi meħtieġa. Fid-dawl tan-notifikazzjonijiet rċevuti, il-lista għandha tiġi riveduta sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-adattament tagħha.

4.   Ir-riklassifikazzjoni ta’ skart perikoluż bħala skart mhux perikoluż m’għandhiex issir permezz ta’ dilwizzjoni jew taħlit ta’ l-iskart bil-għan li jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet inizjali tas-sustanzi perikolużi għal livell taħt il-livelli minimi li jiddefinixxu skart bħala wieħed perikoluż.

[…]

6.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-iskart bħala skart mhux perikoluż skond il-lista ta’ l-iskart imsemmija fil-paragrafu 1.

[…]”.

5.

L-Anness III tad-Direttiva 2008/98, emendat bir-Regolament (UE) Nru 1357/2014 ( 5 ), jinkludi l-lista tal-karatteristiċi differenti li jagħmlu l-iskart perikoluż. Fir-rigward tal-metodi tal-ittestjar jindika li:

“Il-metodi li għandhom jintużaw huma dawk deskritti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 440/2008 u f’noti [Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (iktar ’il quddiem iċ-“CEN”)] oħra rilevanti, jew metodi tal-ittestjar u linji gwida oħra rikonoxxuti internazzjonalment.”

2. Id-Deċiżjoni 2000/532

6.

Taħt l-intestatura “Valutazzjoni u klassifikazzjoni” tal-anness tagħha jinsab il-punt 2 (“Klassifikazzjoni ta’ skart bħala perikoluż”), li skontu:

“Kwalunkwe skart immarkat b’asterisk (*) fil-lista ta’ skart għandu jitqies bħala skart perikoluż skont id-Direttiva 2008/98/KE, sakemm ma jkunx japplika l-Artikolu 20 ta’ dik id-Direttiva.

Għal dak l-iskart li għalih jistgħu jiġu assenjati kodiċi ta’ skart perikoluż u mhux perikoluż, għandu japplika dan li ġej:

Entrata fil-lista armonizzata ta’ skart immarkat bħala perikoluż, b’referenza speċifika jew ġenerali għal ‘sustanzi perikolużi’, hija f’lokha biss għal skart meta dak l-iskart ikun fih sustanzi perikolużi relevanti li jikkawżaw l-iskart li juri waħda jew aktar mill-proprjetajiet perikolużi HP 1 sa HP 8 u/jew HP 10 sa HP 15 kif imniżżlin fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE. Il-valutazzjoni tal-proprjetà perikoluża HP 9 ‘infettuż’ għandha ssir skont il-leġiżlazzjoni relevanti jew id-dokumenti ta’ referenza fl-Istati Membri.

Proprjetà perikoluża tista’ tiġi vvalutata bl-użu tal-konċentrazzjoni ta’ sustanzi fl-iskart kif speċifikat fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE jew, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, billi jitwettaq test f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 440/2008 jew metodi ta’ ttestjar u linji gwida oħrajn rikonoxxuti internazzjonalment, filwaqt li jitqies l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fir-rigward tal-ittestjar fuq annimali u bnedmin.

[…]”

B.   Id-dritt Taljan

7.

L-Artikolu 184 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 ( 6 ) kien jirregola l-klassifikazzjoni tal-iskart, billi jagħmel distinzjoni, skont l-oriġini tiegħu, bejn skart muniċipali u skart partikolari. Dan tal-aħħar jiġi kklassifikat, skont il-perikolożità tiegħu, bħala skart perikoluż u mhux perikoluż. Għandu jitqies perikoluż l-iskart mhux domestiku kklassifikat espressament bħala tali permezz tal-asterisk fil-lista tal-Anness D.

8.

L-Anness D tiegħu, li jinsab fir-raba’ parti, kien jinkludi wkoll il-ħolqien ta’ lista ta’ skart konformement mal-leġiżlazzjoni Ewropea.

9.

Fl-ewwel verżjoni tiegħu, l-Artikolu 184 kien jipprevedi, fil-paragrafu 4, it-tħejjija permezz ta’ digriet interministerjali ta’ lista ta’ skart konformement mad-Direttiva 75/442/KEE ( 7 ), mad-Direttiva 91/689/KEE ( 8 ) u mad-Deċiżjoni 2000/532. Barra minn hekk, kien jippreċiża li, sal-adozzjoni tad-digriet futur, kienu ser jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju tad‑9 ta’ April 2002, li kienu jinsabu fl-imsemmi Anness D.

10.

L-Anness D ġie emendat f’diversi okkażjonijiet ulterjuri:

L-ewwel nett, bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 205 tat‑3 ta’ Diċembru 2010 ( 9 ), li tah l-isem ta’ “Lista ta’ skart stabbilita mid-Deċiżjoni 2000/532/KE tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Mejju 2000”.

It-tieni nett, bil-Liġi Nru 28 tal‑24 ta’ Marzu 2012 dwar Miżuri Eċċezzjonali u Urġenti fil-Qasam Ambjentali ( 10 ).

It-tielet nett, bil-Liġi Nru 116 tal‑11 ta’ Awwissu 2014 ( 11 ) fejn jinsabu, inter alia, dispożizzjonijiet urġenti għall-protezzjoni tal-ambjent.

11.

Din il-liġi tal-aħħar emendat il-preambolu tal-Anness D, billi introduċiet id-dispożizzjonijiet li ser nanalizza iktar ’il quddiem ( 12 ).

12.

L-Artikolu 9 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 91/2017 tal‑20 ta’ Ġunju 2017 (Miżuri urġenti għall-iżvilupp tal-Mezzogiorno) ( 13 ), fis-seħħ mill‑21 ta’ Ġunju 2017, iżda mhux irrikonoxxut fid-data tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, elimina n-numri 1 sa 7 tal-Anness D tar-raba’ parti tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 u ssostitwixxihom permezz tat-test li ġej:

“Il-klassifikazzjoni tal-iskart ser titwettaq mill-produttur, li jattribwixxilu l-kodiċi KEI xierqa, billi japplika d-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni 2014/955/UE u fir-Regolament (UE) Nru 1357/2014 tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2014.”

II. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

13.

Id-domandi preliminari ġew magħmula fil-qafas ta’ tliet proċeduri kriminali li nfetħu kontra madwar tletin persuna li huma akkużati bir-reat ta’ assoċjazzjoni illegali għat-traffikar illegali ta’ skart, ikklassifikat fl-Artikolu 260 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006.

14.

Fost dawn l-akkużati hemm operaturi ta’ landfills, kumpanniji li jiddepożitaw l-iskart, professjonisti u laboratorji ta’ analiżi. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jakkużahom bil-klassifikazzjoni, għal finijiet illegali, ta’ skart b’kodiċi mera bħala mhux perikoluż, billi rrikorrew għal analiżijiet parzjali, permissivi u mhux eżawrjenti. Dan l-iskart ġie ttrattat f’landfills għall-iskart mhux perikoluż.

15.

Fit‑22 ta’ Novembru 2016 u fis‑16 ta’ Jannar 2017, l-imħallef responsabbli għall-investigazzjonijiet preliminari ta’ Ruma, fuq talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, ordna li, sabiex jinġabru l-provi, jiġu ssekwestrati (għalkemm bil-fakultà tal-użu) diversi landfills fejn l-iskart ġie ttrattat. Ordna wkoll il-mandat ta’ qbid kawtelatorju tal-assi tal-proprjetarji tagħhom u ħatar, għal perijodu ta’ sitt xhur, kummissarju ġudizzjarju għall-ġestjoni tal-landfills u tas-siti ta’ produzzjoni u ġbir tal-iskart.

16.

Fit‑28 ta’ Frar 2017, it-Tribunale di Roma — Sezione per il riesame dei provvedimenti di sequestro (il-Qorti ta’ Ruma — Bord tar-reviżjoni tal-mandati ta’ qbid, l-Italja) iddeċidiet dwar it-talbiet għal reviżjoni mressqa minn xi akkużati. Din annullat, fi tliet deċiżjonijiet, il-miżuri ordnati mill-imħallef, minħabba li dawn ma jaqblux mal-interpretazzjoni mwettqa mill-prosekutur pubbliku, ibbażata fuq il-preżunzjoni ta’ perikolożità tal-iskart.

17.

Il-Procuratore della Repubblica presso il Tribunale di Roma — Direzione distrettuale antimafia (il-Prosekutur tar-Repubblika quddiem il-Qorti ta’ Ruma — Direttorat Distrettwali kontra l-Mafja) ikkontesta tali deċiżjonijiet quddiem il-Corte suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), fejn allega li l-qorti tal-appell, meta laqgħet l-allegazzjonijiet magħmula mid-difiża, kienet interpretat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart b’kodiċi mera.

18.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, sabiex ikun twettaq ir-reat u, għaldaqstant, jiġi ddeterminat jekk l-iskart b’kodiċijiet mera inkwistjoni ġiex ikklassifikat b’mod korrett, għandu jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2014/955 u tar-Regolament Nru 1357/2014. B’dan il-mod biss jista’ jiġi ċċarat liema analiżijiet (kimiċi, mikrobijoloġiċi, eċċ.) huma meħtieġa għad-detezzjoni tal-preżenza ta’ sustanzi perikolużi f’dan l-iskart, għall-klassifikazzjoni u l-klassifikazzjoni ulterjuri tiegħu permezz tal-attribuzzjoni ta’ kodiċi ta’ perikolożità jew ta’ assenza ta’ perikolożità.

19.

Il-qorti tar-rinviju żżid li l-klassifikazzjoni tal-iskart b’kodiċijiet mera ġġenerat dibattitu wiesa’ fl-Italja:

Parti mid-dutrina legali tiddefendi l-hekk imsejħa “teorija taċ-ċertezza” jew tal-“perikolożità preżunta”, li, ispirata mill-prinċipju ta’ prekawzjoni, twassal sabiex tiġi preżunta l-perikolożità tal-iskart, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor ( 14 ).

Settur ieħor jiddefendi t-teorija kuntrarja, tal-hekk imsejħa “probabbiltà”, li skontha l-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli jimponi l-evalwazzjoni minn qabel tal-perikolożità tal-iskart permezz ta’ analiżijiet xierqa ( 15 ).

20.

Il-Corte suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tagħha stess fir-rigward tal-emendi mwettqa bil-Liġi Nru 116/2014. Fiha ġie stabbilit il-prinċipju li skontu, fir-rigward tal-iskart b’kodiċi mera, għall-klassifikazzjoni tiegħu u għall-attribuzzjoni ta’ kodiċi ta’ perikolożità jew mhux ta’ perikolożità, il-produttur jew id-detentur huwa obbligat iwettaq l-analiżijiet meħtieġa bil-għan li jkun hemm detezzjoni tal-preżenza ta’ sustanzi perikolużi u tal-qbiż tal-livelli massimi ta’ konċentrazzjoni. L-iskart jista’ jiġi kklassifikat bħala mhux perikoluż biss jekk jiġi konkluż, f’dan il-każ partikolari, li ma humiex preżenti jew li ma jinqabżux il-livelli massimi korrispondenti ( 16 ).

21.

Sabiex telimina d-dubji dwar ir-regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-qorti tar-rinviju qablet li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari, fejn isiru d-domandi li ġejjin, identiċi fit-tliet kawżi:

“1)

L-Anness tad-Deċiżjoni 2014/955/UE kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 1357/2014 għandhom jiġu interpretati, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-iskart taħt kodiċijiet mera fis-sens li, fejn il-kompożizzjoni tal-iskart ma tkunx magħrufa, il-produttur tal-iskart għandu jwettaq il-karatterizzazzjoni minn qabel tiegħu u, jekk hu hekk, f’liema limiti?

2)

It-tiftix ta’ sustanzi perikolużi għandu jsir skont metodi uniformi predeterminati?

3)

It-tiftix ta’ sustanzi perikolużi għandu jkun ibbażat fuq verifika preċiża u rappreżentattiva li tieħu inkunsiderazzjoni l-kompożizzjoni tal-iskart, jekk din il-kompożizzjoni tkun diġà magħrufa jew identifikata matul il-fażi ta’ karatterizzazzjoni, jew inkella għandha titwettaq skont kriterji ta’ probabbiltà, fid-dawl tas-sustanzi li jistgħu raġonevolment jeżistu fl-iskart?

4)

F’każ ta’ dubju jew li ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk hemmx jew ma hemmx sustanzi perikolużi fl-iskart, dan tal-aħħar għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi kklassifikat u kkunsidrat bħala skart perikoluż, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni?”

22.

Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub il-Procuratore generale della Republica presso la Corte Suprema di Cassazione (il-Prosekutur Ġenerali quddiem il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), Vetreco srl., Francesco Rando, MAD srl., Alfonso Verlezza, Antonio u Enrico Giuliano, il-Gvern tar-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea.

23.

Fis-seduta li saret fis‑6 ta’ Settembru 2018 ippreżentaw osservazzjonijiet ir-rappreżentanti ta’ Francesco Rando, ta’ E. Giovi Srl, ta’ Vetreco Srl, ta’ MAD Srl, tal-Gvern tar-Repubblika Taljana, tal-Kummissjoni u l-Procuratore della Repubblica presso il Tribunale di Roma (il-Prosekutur tar-Repubblika quddiem il-Qorti ta’ Ruma).

III. Risposta għad-domandi preliminari

A.   Fuq l-ammissibbiltà

24.

Il-Prosekutur quddiem il-Qorti Suprema, F. Rando u Vetreco srl. ressqu diversi argumenti favur l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari.

25.

Skont F. Rando, tali domandi huma inammissibbli minħabba li huma bbażati fuq l-applikazzjoni tal-Liġi Nru 116/2014 u din hija regolament tekniku, fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE ( 17 ) li, ladarba ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni, ma huwiex applikabbli għall-individwi.

26.

Jiena ma naqbilx ma’ din l-oġġezzjoni. Id-dispożizzjoni Taljana dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart b’kodiċijiet mera, li tinsab fil-Liġi Nru 116/2014, ġiet adottata għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart. Kemm jekk din il-liġi hija regolament tekniku fis-sens tad-Direttiva 98/34 jew le, l-Artikoli 8(1) u 10(1) tagħha jeżentaw mill-obbligu ta’ notifikazzjoni lill-Kummissjoni r-regolamenti tekniċi nazzjonali, adottati matul l-implimentazzjoni tal-istandards ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, li jiġi stabbilit jekk il-liġi Taljana hijiex regolament tekniku jimplika risposta fil-mertu, li ma hijiex applikabbli fil-fażi ta’ ammissibbiltà tad-domandi preliminari.

27.

Il-bqija tal-oġġezzjonijiet huma dwar (skont id-difensuri tagħhom, insuffiċjenti) id-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawżi:

F. Rando jargumenta li fid-digriet tar-rinviju (Kawża C‑489/17) ma ġiex speċifikat li huwa kien responsabbli mill-ispezzjoni f’ċerti landfills u li ma hemm l-ebda domanda la dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 1999/31/KE u lanqas dwar dik tad-Deċiżjoni 2003/33/KE ( 18 ). Bħala punti ta’ fatt, il-qorti tar-rinviju lanqas ma semmiet l-analiżijiet kimiċi li huwa wettaq, li abbażi tagħhom laboratorju kklassifika l-iskart bil-kodiċi CED 19 12 12 (kodiċi mera ta’ skart mhux perikoluż, iktar ’il quddiem “MSMP”).

Vetreco srl tallega li d-domandi preliminari ma humiex meħtieġa, minħabba li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisprudenza fuq il-kriterji applikabbli għall-klassifikazzjoni tal-iskart b’kodiċijiet mera. Għalhekk, għandha sempliċement tevalwa l-fatti u tapplika l-ġurisprudenza tagħha, mingħajr ma jkollha għalfejn tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Skont il-Prosekutur quddiem il-Qorti Suprema, id-domandi magħmula ma jidentifikawx bi preċiżjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom qed tintalab l-interpretazzjoni, minħabba li fl-ewwel waħda biss isir riferiment ġeneriku għad-Deċiżjoni 2014/955 u għar-Regolament 1357/2014. Lanqas ma jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ awtosuffiċjenza, minħabba li dawn ma humiex komprensibbli minnhom infushom, mingħajr il-ħtieġa li tiġi kkonsultata l-motivazzjoni tagħhom. Fid-digriet tar-rinviju ma jiġux spjegati l-fatti li seħħew fl‑2013, fl‑2014 u fl‑2015 u l-qorti tar-rinviju sempliċement tesponi d-dubji tagħha dwar l-interpretazzjoni ta’ terminu fit-tieni punt tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2014/955.

28.

L-ebda waħda minn dawn l-oġġezzjonijiet ma jidhirli li hija suffiċjenti sabiex tiġi rrifjutata l-ammissjoni tat-tliet rinviji għal deċiżjoni preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet repetutament fil-ġurisprudenza tagħha li tista’ biss tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 19 ).

29.

Hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali, u mhux tal-partijiet li jidhru quddiemha, sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li dwarhom għandha dubji ta’ interpretazzjoni. Għalhekk, tista’ ma tistaqsix dwar id-Direttiva 1999/31 u d-Deċiżjoni 2003/33 fil-kawża ta’ F. Rando, jekk tqis li dan ma huwiex indispensabbli. Barra minn hekk, tista’ tagħmel domandi oħrajn jekk taħseb li l-ġurisprudenza preċedenti tagħha tista’ taġġusta jew tikkuntrasta ma’ dik li tirriżulta mir-risposta għad-domanda preliminari. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tgawdi l-libertà li tirreferi għar-regoli tal-Unjoni differenti minn dawk imsemmija fid-digriet tar-rinviju, meta tqis li huwa xieraq sabiex tirrispondi d-domandi preliminari magħmula.

30.

F’din il-kawża, id-domandi juru relazzjoni ċara mas-suġġett tat-tilwima u l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni tirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti nazzjonali. Barra minn hekk, essenzjalment, id-digrieti jesponu l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-proċedura kriminali pendenti, inkluża deskrizzjoni tar-regoli Taljani applikabbli pjuttost iddettaljata. Huwa minnu li fir-rapport tal-fatti setgħet ġiet inkluża informazzjoni addizzjonali dwar it-tipi ta’ skart u l-analiżijiet li twettqu. Madankollu, xejn ma waqqaf lill-partijiet milli jippreżentaw osservazzjonijiet u naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed punti sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

31.

Finalment, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja huma ssodisfatti.

B.   Fuq il-mertu

32.

Il-klassifikazzjoni tal-iskart hija kruċjali fil-fażijiet kollha tal-eżistenza tiegħu, mill-produzzjoni sat-trattament finali. Din tiddetermina kemm id-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tiegħu, kif ukoll il-prattiċità u s-sostenibbiltà ekonomika tal-ġbir tiegħu, l-għażla bejn ir-riċiklaġġ jew ir-rimi u, jekk ikun il-każ, il-metodu ta’ riċiklaġġ.

33.

Li tikklassifika skart bħala perikoluż iwassal għal konsegwenzi ġuridiċi sinjifikattivi ( 20 ), minħabba li d-Direttiva 2008/98 timponi kundizzjonijiet stretti fuq il-ġestjoni tiegħu. Din teżiġi, inter alia, li jiġu prodotti provi għall-monitoraġġ tiegħu, skont l-iskema maħluqa mill-Istat Membru (Artikolu 17); tipprojbixxi taħlit (Artikolu 18); tintroduċi obbligi speċifiċi fil-qasam tal-ittikkettjar u l-imballaġġ (Artikolu 19); u tistabbilixxi li l-iskart perikoluż jista’ jiġi ttrattat biss f’impjanti speċjalizzati li jkunu kisbu permess speċjali (mogħti skont l-Artikoli 23 sa 25 tagħha) ( 21 ).

34.

Fl-ewwel tliet domandi tagħha, li jistgħu jitwieġbu b’mod konġunt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-mod kif id-Direttiva 2008/98 (emendata bir-Regolament Nru 1357/2014) u d-Deċiżjoni 2000/532 (emendata bid-Deċiżjoni 2014/955) jirregolaw il-proċedura għall-klassifikazzjoni tal-iskart li jista’ jiġi attribwit kodiċijiet mera. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ prekawzjoni jitlobx li, f’każ ta’ dubju jew ta’ impossibbiltà li tiġi żgurata b’ċertezza l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi fl-iskart, dan għandu jiġi kklassifikat b’kodiċi mera ta’ skart perikoluż (iktar ’il quddiem “MSP”).

35.

Id-domandi jagħmlu sens fid-dawl ta’ dak li ġie allegat fil-proċeduri quddiem il-qorti tal-appell:

Skont l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, il-produttur jew id-detentur tal-iskart huwa inkarigat jikklassifikah, filwaqt li jqis il-prinċipju ta’ prekawzjoni, wara diversi analiżijiet eżawrjenti. Huwa jinvoka l-Linji gwida Ewropej u l-manwali tekniċi nazzjonali sabiex isostni li l-metodoloġija li tistabbilixxi l-leġiżlazzjoni Taljana timplika suppliment tekniku għad-Deċiżjoni 2014/955 u għar-Regolament Nru 1357/2014.

Skont l-akkużati, l-investigazzjoni u l-akkużi kontrihom huma bbażati fuq preżunzjoni ta’ perikolożità tal-iskart b’kodiċi mera, li tmur kontra l-ispirtu tal-liġi u impossibbli li tiġi kkonfutata f’dan il-każ partikolari. Fl-opinjoni tagħhom, ma jeżisti l-ebda metodu li jippermetti li jiġu identifikati l-komponenti kollha, jew kważi kollha, li jinsabu fl-iskart, għaldaqstant il-klassifikazzjoni li wettqu, abbażi ta’ analiżi permezz ta’ teħid ta’ kampjuni, hija korretta. Barra minn hekk, mill‑1 ta’ Ġunju 2015, bdew japplikaw id-Deċiżjoni 2014/955 u r-Regolament Nru 1357/2014, li għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-analiżijiet ta’ perikolożità għandhom jirreferu biss għas-sustanzi “rilevanti skont il-proċess ta’ produzzjoni” ( 22 ).

1. L-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi preliminari

36.

Skont l-informazzjoni li tirriżulta mid-digrieti u l-osservazzjonijiet tal-partijiet ippreżentati bil-miktub u fis-seduta, il-kawżi huma biss dwar l-iskart li ġej mit-trattament bijomekkaniku ta’ skart muniċipali ( 23 ), li fir-rigward tal-perikolożità tiegħu jkun hemm dubju u li, għalhekk, jista’ jiġi kklassifikat b’kodiċijiet mera. Jekk ikun fih sustanzi perikolużi jew indizji ta’ perikolożità, jiġi kklassifikat bil-kodiċi MSP 19 12 11*, filwaqt li jekk ma jinstabux dawn l-indizji perikolużi, jiġi kklassifikat bil-kodiċi MSMP 19 12 12 ( 24 ).

37.

Huwa importanti jiġi ċċarat li l-qorti tar-rinviju ma tagħmilx id-domandi tagħha dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart muniċipali mħallat, li jibbenefika minn preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ perikolożità skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/98, u għalhekk huwa eżenti mill-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet prinċipali li jaqgħu fuq l-iskart perikoluż ( 25 ).

38.

Għalhekk, id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma sempliċement dwar il-klassifikazzjoni tal-iskart li jiġi mit-trattament mekkaniku ta’ skart muniċipali, li ma għandux jiġi mfixkel mal-iskart muniċipali mħallat li jmur fil-landfills. Fl-opinjoni tiegħi, din id-differenza timplika żewġ konsegwenzi:

In-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar ir-rimi u l-aċċettazzjoni ta’ skart li jispiċċa fil-landfills wara t-trattament mekkaniku ta’ skart muniċipali ( 26 ).

Il-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ perikolożità tal-iskart muniċipali mħallat ma hijiex applikabbli għall-iskart li ġej mit-trattament mekkaniku tiegħu. L-iskart li jirriżulta minn dan it-trattament mekkaniku jista’ jkun fih sustanzi b’indizji ta’ perikolożità, sempliċement minħabba l-fatt li bi żball ġie inkluż fl-iskart muniċipali mħallat, bħalma huma l-batteriji, il-kartriġis tal-linka għall-istampaturi jew kwalunkwe tip ta’ skart ieħor b’sustanzi perikolużi.

39.

Għalhekk, ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq l-iskart li hemm dubji dwaru fir-rigward tal-perikolożità tiegħu u li, għaldaqstant, jista’ jiġi kklassifikat f’kodiċijiet mera; b’mod speċjali, fuq l-iskart li ġej mit-trattament bijomekkaniku ta’ skart muniċipali, li huwa dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

40.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 jiddefinixxi bħala “skart”“kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”, u bħala “skart perikoluż” dak li juri waħda jew iktar mill-karatteristiċi mniżżla fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98, li ġew adattati għall-progress xjentifiku permezz tar-Regolament Nru 1357/2014, applikabbli mill‑1 ta’ Ġunju 2015 ( 27 ).

41.

Id-diffikultà sabiex jiġi kklassifikat l-iskart u jiġi stabbilit meta dan ikun perikoluż tispjega għalfejn il-leġiżlatur tal-Unjoni jħejji lista ta’ skart, bil-għan li jiffaċilita d-deċiżjonijiet tal-produtturi u tad-detenturi ta’ dan it-tip ta’ merkanzija.

42.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/98 jipprevedi li tali lista għandha tinkludi l-iskart perikoluż u għandha tieħu kont tal-oriġini u tal-kompożizzjoni tal-iskart u, fejn meħtieġ, tal-valuri tal-limiti ta’ konċentrazzjoni tas-sustanzi perikolużi. Dan jindika wkoll li, bħala prinċipju ( 28 ), il-lista ta’ skart għandha tkun vinkolanti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-iskart li għandu jitqies bħala skart perikoluż. Għalhekk, il-lista hija obbligatorja għall-Istati Membri, iżda la hija definittiva u lanqas assoluta, minħabba li l-armonizzazzjoni li twettaq id-Direttiva 2008/98 ma hijiex eżawrjenti ( 29 ).

43.

Il-LEI ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni 2000/532 ( 30 ), irriveduta, konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/98, permezz tad-Deċiżjoni 2014/955 ( 31 ) sabiex tiġi adattata għall-progress xjentifiku u tiġi allinjata mal-iżviluppi fil-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-prodotti kimiċi ( 32 ).

44.

Il-klassifikazzjoni skont il-LEI timplika l-attribuzzjoni ta’ numru b’sitt figuri, imsejjaħ “Kodiċi Ewropea tal-Iskart” (iktar ’il quddiem il-“KEI”), lill-iskart kollu ( 33 ), li permezz tiegħu wieħed jagħraf jekk huwiex perikoluż jew le. F’dan ir-rigward, il-LEI tirrikonoxxi tliet tipi ta’ kodiċijiet:

“Kodiċijiet ta’ skart perikoluż assolut (SP)”: l-iskart b’dawn il-kodiċijiet (identifikat b’asterisk (*)) jitqies perikoluż mingħajr il-ħtieġa tal-ebda evalwazzjoni addizzjonali.

“Kodiċijiet ta’ skart mhux perikoluż assolut (SMP)”: l-iskart b’dawn il-kodiċijiet jitqies mhux perikoluż mingħajr il-ħtieġa tal-ebda evalwazzjoni addizzjonali.

“Kodiċijiet mera”: meta l-iskart ma jkunx ġie kklassifikat b’kodiċi assolut, bħala prinċipju, jista’ jiġi assenjat kodiċi SP jew kodiċi SMP, skont il-każ partikolari u l-kompożizzjoni tiegħu. Fi kliem ieħor, il-kodiċijiet mera jistgħu jiġu ddefiniti bħala żewġ kodiċijiet relatati jew iktar, fejn wieħed huwa perikoluż u l-ieħor ma huwiex, b’tali mod li jkun hemm kodiċijiet MSP (immarkat b’asterisk (*)) u kodiċijiet MSMP.

45.

Meta l-kompożizzjoni tal-iskart hija magħrufa, il-produttur jikklassifikah, konformement mal-LEI, b’kodiċi SP jew b’kodiċi SMP. Iżda t-twettiq ta’ klassifikazzjoni huwa iktar ikkumplikat meta jinvolvi skart li jista’ jaqa’ f’kodiċijiet mera, minħabba li l-produttur jew id-detentur tiegħu għandhom jimplimentaw miżuri addizzjonali ta’ evalwazzjoni sabiex finalment jagħtuh kodiċi MSP jew kodiċi MSMP. Il-qorti tar-rinviju qed taffaċċja din is-sitwazzjoni tal-aħħar.

46.

Infatti, il-Corte Suprema de Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) għandha tapplika, kif tiddikjara, il-paragrafi 4, 5 u 6 tal-Anness D tar-raba’ parti tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, kif emendat bil-Liġi Nru 116/2014, li stabbilixxew il-proċedura sabiex fl-Italja tiġi ddeterminata l-perikolożità ta’ skart klassifikabbli b’kodiċijiet mera. Tali perikolu għandu jiġi identifikat permezz ta’ dawn it-tliet stadji (f’ordni kronoloġiku):

jiġu identifikati l-komponenti preżenti fl-iskart, permezz tal-iskeda informattiva tal-produttur, l-għarfien tal-proċess kimiku, it-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi tal-iskart;

tiġi vverifikata l-perikolożità ta’ dawn il-komponenti permezz tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-ittikkettjar ta’ sustanzi u ta’ preparazzjonijiet perikolużi, is-sorsi ta’ informazzjoni Ewropej u internazzjonali u l-iskeda ta’ sigurtà tal-prodotti li minnhom ġej l-iskart; u

jiġi stabbilit jekk il-konċentrazzjonijiet tal-komponenti preżenti fl-iskart jimplikawx li huwa perikoluż, billi jiġu kkomparati l-konċentrazzjonijiet misjuba fil-kuntest tal-analiżi kimika, mal-livell massimu tal-indikazzjonijiet ta’ perikolu speċifiċi tal-komponenti jew it-twettiq ta’ testijiet sabiex jiġi vverifikat jekk l-iskart jurix perikolożità.

47.

Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni tgħid li, f’każ li l-analiżijiet kimiċi ma jippermettux id-detezzjoni tal-komponenti kollha partikolari tal-iskart, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-komponenti li huma iktar ta’ ħsara għandhom iservu bħala riferiment sabiex tiġi kkalkolata l-perikolożità tiegħu. Jekk il-proċedura ma tkunx ġiet segwita jew ma tkunx ippermettiet li jiġu identifikati l-komponenti tal-iskart jew il-perikolożità tagħhom, l-iskart għandu jiġi kklassifikat bħala perikoluż, jiġifieri, b’kodiċi MSP (b’asterisk (*)).

48.

Fil-qosor, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk leġiżlazzjoni nazzjonali b’dan il-kontenut hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2008/98 u mad-Deċiżjoni 2000/532, kif ġew emendati bir-Regolament Nru 1357/2014 u bid-Deċiżjoni 2014/955, rispettivament.

49.

Jidhirli li bażikament il-leġiżlazzjoni Taljana hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, għall-motivi li ser jiġu esposti.

50.

Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/98, l-evalwazzjoni tal-perikolu teżiġi, l-ewwel nett, li tiġi magħrufa l-kompożizzjoni tal-iskart, sabiex issir detezzjoni tas-sustanzi perikolużi li jinkludi u li jistgħu jagħtuh waħda jew iktar mill-karatteristiċi ta’ perikolożità (HP 1 sa HP 15) tal-Anness III. Huwa l-produttur jew id-detentur tal-iskart li għandu jwettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa, meta ma tkunx magħrufa l-kompożizzjoni tal-iskart.

51.

Sabiex tiġi analizzata l-kompożizzjoni tal-iskart, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-LEI twettaq klassifikazzjoni abbażi tas-sors li jiġġenera l-iskart (il-proċess speċifiku jew l-attività fejn jiġi ġġenerat) u t-“tip ta’ skart” (jew tipi, f’każ ta’ taħlit). L-investigazzjonijiet sabiex tiġi analizzata l-kompożizzjoni għandhom jippermettu li jiġu identifikati s-sors u/jew it-tip tal-iskart, b’tali mod li tiġi ffaċilitata l-klassifikazzjoni tiegħu f’wieħed mill-kodiċijiet tal-LEI.

52.

Jeżistu diversi metodi li permezz tagħhom il-produttur jew id-detentur tal-iskart jista’ jiġbor informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tiegħu, dwar is-sustanzi perikolużi li jinkludi u l-karatteristiċi perikolużi potenzjali tiegħu. Fosthom hemm ( 34 ):

informazzjoni dwar il-kimika/proċess tal-manifattura li jiġġeneraw l-iskart u s-sustanzi u l-intermedjarji tal-input tagħhom, inklużi ġudizzji esperti. Sorsi utli jistgħu jkunu r-rapporti BREF ( 35 ), il-manwali tal-proċess industrijali, id-deskrizzjonijiet tal-proċess jew il-listi ta’ materjali tal-input ipprovduti mill-produttur;

informazzjoni mill-produttur oriġinali tas-sustanza jew tal-oġġett qabel isiru skart. Pereżempju, skedi ta’ data ta’ sigurtà (SDS), tikketta ta’ prodott jew skedi informattivi dwar il-prodott;

bażijiet ta’ data dwar l-analiżijiet tal-iskart disponibbli fil-livell tal-Istati Membri; u

teħid ta’ kampjuni u analiżi kimika tal-iskart.

53.

Ladarba l-produttur ikun ġabar l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-iskart, għandu jiċċara jekk sustanza identifikata hijiex ikklassifikata bħala perikoluża (li ma hijiex sitwazzjoni komuni) jew jekk jinkludix sustanzi b’karatteristiċi perikolużi (li hija sitwazzjoni komuni u dik li tiġri f’dawn il-kawżi). Il-klassifikazzjoni tas-sustanzi titwettaq skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 ( 36 ), filwaqt li l-preżenza tas-sustanzi perikolużi fl-iskart tiġi evalwata skont l-Anness III tad-Direttiva 2008/98 ( 37 ).

54.

Ir-Regolament Nru 1272/2008, li jadatta għas-sistema internazzjonali tan-NU ta’ klassifikazzjoni tal-prodotti kimiċi [Sistema Globalment Armonizzata (SGA)] għall-Unjoni, joffri kriterji ddettaljati sabiex jiġu evalwati s-sustanzi u tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni ta’ perikolu tagħhom.

55.

Skont l-Artikolu 1(3) tal-imsemmi regolament, l-iskart ma huwiex sustanza, taħlita jew oġġett; konsegwentement, l-obbligi li jimponi ma japplikawx għall-produtturi jew detenturi ta’ skart. Madankollu, l-Anness VI jipprevedi sensiela ta’ klassifikazzjonijiet armonizzati ta’ sustanzi perikolużi, li għandhom jintużaw għall-klassifikazzjoni tal-iskart, minħabba li ħafna mill-kodiċijiet mera jirreferu, speċifikament, għal “sustanzi perikolużi” ( 38 ).

56.

Il-preżenza ta’ sustanzi perikolużi għandha tiġi evalwata mill-produttur jew mid-detentur tal-iskart konformement mal-Anness III tad-Direttiva 2008/98 li, kif diġà għedt, jiddeskrivi ħmistax-il karatteristika tal-iskart li jagħmluh perikoluż ( 39 ). Tali evalwazzjoni tista’ titwettaq: a) permezz ta’ kalkolu, jiġifieri, billi jiġi kkalkolat jekk il-valuri limiti bbażati fuq kodiċijiet ta’ dikjarazzjoni ta’ perikolu (li jiddependu individwalment fuq il-karatteristiċi HP 4 sa HP 14) humiex milħuqa jew maqbuża mis-sustanzi li huma preżenti fl-iskart li qiegħed jiġi kkunsidrat; u b) permezz ta’ test dirett sabiex jiġi stabbilit jekk l-iskart jurix karatteristiċi perikolużi (tassew xieraq għall-karatteristiċi HP 1 sa HP 4) ( 40 ).

57.

Fid-dawl tal-anness tad-Deċiżjoni 2000/532, taħt l-intestatura li tikkorrispondi għall-valutazzjoni ta’ proprjetajiet perikolużi tal-iskart (punt 1 in fine), “[f]ejn proprjetà perikoluża ta’ skart tkun ġiet evalwata permezz ta’ test u permezz tal-użu ta’ konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi perikolużi kif indikat fl-Anness II tad-Direttiva 2008/98/KE, ir-riżultati tat-test għandhom jipprevalu”.

58.

Jekk l-iskart jesibixxi waħda mill-ħmistax-il karatteristika perikoluża jew iktar, il-produttur jew id-detentur għandu jikklassifikah b’kodiċi MSP. Jekk dan ma jesibixxihomx, xorta waħda jista’ jiġi kklassifikat bħala tali, ladarba jkun jinkludi wieħed mill-pollutanti organiċi persistenti ( 41 ) msemmija fl-anness tal-LEI (it-tielet inċiż tal-punt 2), lil hinn mill-valuri limiti previsti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 ( 42 ).

59.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jippermettuli niċħad dik li l-qorti tar-rinviju ssejjaħ it-teorija tal-probabbiltà, li skontha l-produttur tal-iskart għandu setgħa diskrezzjonali sabiex jikklassifika l-iskart li jista’ jiġi inkluż fil-kodiċijiet mera bħala perikoluż jew mhux perikoluż, minħabba li jkun impossibbli li jitwettqu testijiet sabiex jiġu investigati s-sustanzi kollha li jinsabu f’ċertu skart u kollha jispiċċaw ikklassifikati b’kodiċijiet MSP.

60.

Kif diġà spjegajt, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni teżiġi li l-produttur jew id-detentur iwettaq identifikazzjoni raġonevoli tal-kompożizzjoni tal-iskart u li, sussegwentement, jivverifika l-perikolożità possibbli tas-sustanzi identifikati, sabiex jiddetermina fejn għandu jiġi kklassifikat, skont il-valuri ta’ konċentrazzjoni tiegħu, fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98 jew fl-Anness IV tar-Regolament Nru 850/2004. B’dan il-mod, tiġi miċħuda wkoll it-“teorija taċ-ċertezza jew tal-perikolożità preżunta”, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li tobbliga tiftix eżawrjenti tal-kompożizzjoni tal-iskart u tas-sustanzi perikolużi possibbli kollha, kif ukoll tal-grad ta’ konċentrazzjoni tagħhom, bħala l-uniku mod sabiex l-iskart ma jiġix ikklassifikat bħala perikoluż.

61.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ żewġ termini tal-punt 2 tat-titolu “Valutazzjoni u klassifikazzjoni” tal-anness tad-Deċiżjoni 2000/532, kif ġew emendati bid-Deċiżjoni 2014/955. Skont it-test Taljan ta’ din id-dispożizzjoni, “[…] l’iscrizione di una voce nell’elenco armonizzato di rifiuti contrassegnata come pericolosa, con un riferimento specifico o generico a ‘sostanze pericolose’, è opportuna solo quando questo rifiuto contiene sostanze pericolose pertinenti che determinano nel rifiuto una o più delle caratteristiche di pericolo […]”. Il-qorti tar-rinviju tgħid li, skont ċerti interpretazzjonijiet, l-użu tat-termini “opportuna” u “pertinenti”, fir-rigward tal-kodiċijiet mera, tikkonferma l-possibbiltà ta’ setgħa diskrezzjonali fl-evalwazzjoni u li t-tiftix tal-perikolożità jirrigwarda biss il-komponenti tal-iskart rilevanti fid-dawl tal-perikolożità tagħhom.

62.

Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 43 ), huwa meħtieġ li jsir riferiment għal verżjonijiet lingwistiċi oħrajn ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jinstab jekk hemmx differenzi u, jekk dan ikun il-każ, tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha.

63.

Barra minn hekk, il-verżjonijiet bl-Ispanjol ( 44 ), bil-Portugiż ( 45 ), bil-Franċiż ( 46 ) u bl-Ingliż ( 47 ) tad-dispożizzjoni jaqblu li, fir-rigward ta’ skart b’kodiċijiet mera, l-inklużjoni tiegħu fil-lista armonizzata ta’ skart mmarkat bħala perikoluż hija f’lokha biss jew hija xierqa“[…] meta dak l-iskart ikun fih sustanzi perikolużi relevanti li jikkawżaw l-iskart li juri waħda jew aktar mill-proprjetajiet perikolużi […]”. Skart li għalih huwa applikabbli kodiċi mera jiġi kklassifikat biss b’kodiċi MSP jekk ikun fih sustanzi li jagħtuh waħda mill-ħmistax-il karatteristika perikoluża jew iktar previsti fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98. Għalhekk, ma hemmx marġni ta’ setgħa diskrezzjonali jew ta’ opportunità f’dan ir-rigward. Naħseb li dawn il-verżjonijiet lingwistiċi kollha jirrispondu b’mod fidil għall-għan u għall-istruttura ġenerali tad-dispożizzjoni.

64.

Fir-rigward tal-metodi ta’ analiżi u ttestjar użati mill-produtturi jew mid-detentur sabiex jevalwa t-tossiċità jew il-perikolożità tal-iskart u jikklassifikah b’kodiċi mera (it-tieni domanda preliminari), la d-Direttiva 2008/98 u lanqas id-Deċiżjoni 2000/532 ma jinkludu indikazzjonijiet speċifiċi u diretti, għaliex il-metodi ma ġewx armonizzati permezz tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-Anness III in fine tad-Direttiva 2008/98, emendat bir-Regolament Nru 1357/2014, jippreċiża, fir-rigward tal-metodi tal-ittestjar, li għandhom jiġu applikati dawk li huma “[…] deskritti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 u f’noti CEN oħra rilevanti, jew metodi tal-ittestjar u linji gwida oħra rikonoxxuti internazzjonalment.”

65.

Il-punt 2 tat-Titolu “Valutazzjoni u klassifikazzjoni” tal-anness tad-Deċiżjoni 2000/532 ukoll għandu xi spjegazzjonijiet addizzjonali fir-rigward tal-analiżijiet u tal-metodi tal-ittestjar:

Fit-tieni inċiż tiegħu jgħid li karatteristika perikoluża tista’ tiġi evalwata abbażi tas-sustanzi preżenti fl-iskart jew permezz ta’ test konformi mar-Regolament (KE) Nru 440/2008 ( 48 ) jew ma’ Linji gwida u metodi tal-ittestjar irrikonoxxuti internazzjonalment, sakemm ma jiġix previst mod ieħor fir-Regolament Nru 1272/2008.

Fil-ħames inċiż tiegħu jenfasizza li “[f]ejn applikabbli, in-noti li ġejjin inklużi fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jista’ jitqiesu meta jiġu stabbiliti l-proprjetajiet perikolużi ta’ skart: — 1.1.3.1. Noti b’rabta mal-identifikazzjoni, il-klassifikazzjoni u t-tikkettar ta’ sustanzi: In-noti B, D, F, J, L, M, P, Q, R, u U. — 1.1.3.2. Noti b’rabta mal-klassifikazzjoni u t-tikkettar tat-taħlitiet: In-noti 1, 2, 3 u 5.”

66.

Iż-żewġ riferimenti jipprovdu indikazzjoni dwar it-tipi ta’ testijiet u analiżijiet kimiċi ( 49 ) li l-produtturi jew id-detenturi tal-iskart jistgħu jirreferu għalihom sabiex janalizzaw il-perikolu tas-sustanzi li jkun fih. Naturalment, huma validi l-metodi tal-ittestjar applikabbli għas-sustanzi u l-preparazzjonijiet kimiċi fil-qafas tar-Regolament REACH, previsti mir-Regolament Nru 440/2008. Bl-istess mod, jirriżultaw validi l-metodi tal-ittestjar u l-metodi ta’ kalkolu tal-karatteristiċi perikolużi tal-iskart stipulati mill-Kummissjoni fl-Anness III tal-Avviż tal‑2018 tagħha ( 50 ).

67.

Min-naħa tiegħu, l-Anness 4 ta’ tal-imsemmi avviż jinkludi lista tal-metodi u tal-istandards taċ-CEN għall-karatterizzazzjoni tal-iskart permezz ta’ tipi ta’ analiżijiet kimiċi differenti ( 51 ).

68.

Madankollu, naħseb li kwalunkwe tip ta’ test ieħor aċċettat mil-leġiżlazzjonijiet internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali ( 52 ), ikun ugwalment validu sabiex juri l-perikolożità, jew in-nuqqas ta’ perikolożità, tas-sustanzi li jinsabu f’ċertu skart. Kemm l-Anness III in fine tad-Direttiva 2008/98, emendata bir-Regolament Nru 1357/2014, kif ukoll it-tieni inċiż tal-punt 2 tat-Titolu “Valutazzjoni u klassifikazzjoni” tal-anness tad-Deċiżjoni 2000/532, jistabbilixxu li wieħed jista’ jirrikorri għal “metodi ta’ ttestjar u linji gwida oħra rikonoxxuti internazzjonalment”. Nerġa’ nfakkar li r-riżultati ta’ test jieħdu preċedenza fuq il-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn is-sustanzi perikolużi, skont il-punt 1 in fine tal-anness tad-Deċiżjoni 2000/523, “Valutazzjoni u klassifikazzjoni”.

69.

Nifhem li, fir-rigward tal-portata tat-testijiet u tal-analiżijiet kimiċi, konformement mal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, dawn l-analiżijiet jistgħu jitwettqu permezz ta’ teħid ta’ kampjuni, iżda b’garanzija totali ta’ effettività u rappreżentattività. Dawn il-garanziji jintlaħqu, pereżempju, billi jiġu applikati l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, imfassla miċ-CEN, dwar il-“karatterizzazzjoni tal-iskart – Kampjunar tal-materjali ta’ skart” ( 53 ).

70.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 7 u l-Anness III tad-Direttiva 2008/98 u l-punt 2 “Klassifikazzjoni ta’ skart bħala perikoluż” taħt l-intestatura “Valutazzjoni u klassifikazzjoni” tal-anness tad-Deċiżjoni 2000/532 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-produttur jew id-detentur ta’ skart b’kodiċi mera huwa obbligat jinvestiga l-kompożizzjoni tiegħu u sussegwentement jivverifika, permezz ta’ kalkolu jew test, jekk fihx xi sustanza perikoluża jew b’indizju ta’ perikolożità minn dawk imniżżla fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98 jew fl-Anness IV tar-Regolament Nru 850/2004. F’dan is-sens, huwa rilevanti l-użu tat-teħid ta’ kampjuni, l-analiżijiet kimiċi u t-testijiet previsti fir-Regolament Nru 440/2008, jew kwalunkwe minn dawn irrikonoxxuti internazzjonalment jew aċċettati mid-dritt intern tal-Istat Membru.

2. Ir-raba’ domanda preliminari

71.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ prekawzjoni jeżiġix li, f’każ ta’ dubju jew impossibbiltà li tiġi vverifikata b’ċertezza l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi fi skart, dan għandux jiġi kklassifikat b’kodiċi MSP.

72.

Skont l-Artikolu 191(2) TFUE, il-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa wieħed fost dawk li jispira l-politika ambjentali tal-Unjoni, flimkien mal-prinċipju ta’ prevenzjoni, il-prinċipju li l-ħsara lill-ambjent għandha tissewwa f’ras il-għajn u l-prinċipju li “min iniġġeż għandu jħallas”. Il-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa għodda ta’ ġestjoni tar-riskju li wieħed jista’ jirrikorri għaliha f’każ ta’ inċertezza xjentifika dwar suspett ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent u li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi, qabel ma tali inċertezza tissolva ( 54 ).

73.

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jissemma, flimkien ma’ oħrajn, fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/98 ( 55 ), filwaqt li l-Artikoli 1 u 13 ta’ din id-direttiva jagħmlu riferiment għall-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex il-ġestjoni tal-iskart titwettaq mingħajr ma titqiegħed f’perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent.

74.

Kif diġà indikajt, il-klassifikazzjoni ta’ skart b’kodiċi mera MSP timplika konsegwenzi sinjifikattivi dwar il-ġestjoni sussegwenti tiegħu (riutilizzazzjoni, riċiklaġġ, eventwali valorizzazzjoni u rimi). Kif tafferma l-Kummissjoni, il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jimponix awtomatikament tali klassifikazzjoni meta jkun hemm sempliċi dubju dwar l-eżistenza ta’ sustanzi b’elementi perikolużi minn dawk previsti fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98 jew fl-Anness IV tar-Regolament Nru 850/2004.

75.

Sabiex jiġi ċċarat jekk huwiex xieraq li jiġi assenjat kodiċi MSP jew kodiċi MSMP, il-proprjetarju jew id-detentur tal-iskart għandu japplika l-proċedura ta’ klassifikazzjoni tal-iskart b’kodiċijiet mera, billi jiddetermina minn qabel il-kompożizzjoni tiegħu u, f’każ ta’ detezzjoni ta’ sustanzi b’indizji ta’ perikolożità, billi jikkalkola l-valuri tagħhom jew billi jwettaq it-testijiet korrispondenti.

76.

Madankollu, il-produttur jew id-detentur tal-iskart ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni tal-iskart b’kodiċi mera stabbilita mid-Direttiva 2008/98 u mid-Deċiżjoni 2000/532. L-Istati Membri huma awtorizzati sabiex jerġgħu jikklassifikaw jew jiddeklassifikaw skart bħala perikoluż, iżda għandhom jinformaw lill-Kummissjoni sabiex din temenda, min-naħa tagħha, il-LEI skont l-Artikolu 7(2) u(3) tad-Direttiva 2008/98. Jekk din ir-restrizzjoni tgħodd għall-Istati Membri, l-imsemmi prinċipju ma jippermettix lill-individwi jikklassifikaw l-iskart mingħajr osservanza tal-proċedura li tinsab fl-imsemmija regoli tal-Unjoni.

77.

Naħseb li dan huwa sostnut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 56 ). Infatti, “applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ prekawzjoni tippreżumi, fl-ewwel lok, l-identifikazzjoni tal-konsegwenzi potenzjalment negattivi għas-saħħa tas-sustanzi jew tal-prodotti tal-ikel ikkonċernati u, fit-tieni lok, stima komprensiva tar-riskju għas-saħħa bbażata fuq l-iktar data xjentifika affidabbli disponibbli u fuq l-iktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali” ( 57 ). Għaldaqstant, “miżuri ta’ protezzjoni […] ma jistgħux jiġu motivati b’mod validu permezz ta’ approċċ purament ipotetiku tar-riskju, ibbażat fuq sempliċi suppożizzjonijiet li xjentifikament għadhom ma ġewx ivverifikati. Għall-kuntrarju, tali miżuri ta’ protezzjoni, minkejja n-natura provviżorja tagħhom u anke jekk dawn ikunu ta’ natura preventiva, jistgħu jiġu adottati biss jekk dawn ikunu bbażati fuq evalwazzjoni tar-riskji kemm jista’ jkun kompleta b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, li jindikaw li dawn il-miżuri huma neċessarji” ( 58 ).

78.

Sempliċi dubju dwar il-perikolożità tal-iskart ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kklassifikat b’kodiċi MSP, billi jiġi invokat il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Jekk dan ikun il-każ, il-kodiċijiet mera kollha jwasslu għall-klassifikazzjoni tal-iskart bħala perikoluż. Madankollu, nenfasizza li tali klassifikazzjoni teżiġi analiżi separata tal-kompożizzjoni tal-iskart u l-verifika sussegwenti tal-perikolożità possibbli tas-sustanzi li jifformawh. Il-proċedura tad-Direttiva 2008/98 u tad-Deċiżjoni 2000/532 timponi eżiġenzi simili għal dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet għall-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

79.

Naqbel mal-Gvern Taljan li l-produttur jew id-detentur tal-iskart ma huwiex obbligat janalizzah fid-dettall sabiex jidentifika s-sustanzi perikolużi kollha, skont ir-Regolament Nru 1272/2008, li jistgħu jkunu preżenti fih u l-indizji ta’ perikolożità possibbli kollha li jista’ jippreżenta fl-applikazzjoni tal-Anness III tad-Direttiva 2008/98. Il-qorti tar-rinviju għandha din l-istess opinjoni, li skontha ma huwiex indispensabbli t-tiftix indiskriminat tas-sustanzi kollha li l-iskart jista’ jkun fih teoretikament, iżda hija l-identifikazzjoni xierqa ta’ dawn ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-kompożizzjoni preċiża tal-iskart u, sussegwentement, il-verifika tal-perikolu tas-sustanzi identifikati.

80.

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ sostenibbiltà teknika u ekonomika, li jinsab fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/98, jipprekludi l-fatt li l-produttur għandu jwettaq analiżi assolutament eżawrjenti tal-kompożizzjoni tal-iskart u tal-indizji perikolużi kollha tas-sustanzi li jifformawh. Obbligu ta’ dan it-tip ukoll ikun sproporzjonat.

81.

Fl-opinjoni tiegħi, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ skart b’kodiċi mera MSP meta l-analiżi tal-kompożizzjoni tiegħu u/jew tal-indizji ta’ perikolożità tal-komponenti tiegħu jirriżultaw impossibbli, għal raġunijiet mhux imputabbli lill-produttur jew lid-detentur tal-iskart. F’dan il-każ, ikun hemm riskju reali għas-saħħa pubblika jew għall-ambjent, li jiġġustifika l-klassifikazzjoni tal-iskart f’kodiċi mera MSP, bħala miżura restrittiva sabiex l-perikolu tiegħu “jiġi nnewtralizzat” ( 59 ).

IV. Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li d-domandi preliminari magħmula mill-Corte suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) għandhom jiġu risposti kif ġej:

“L-Artikolu 7 u l-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, emendati bir-Regolament (UE) Nru 1357/2014, u l-punt 2 “Klassifikazzjoni ta’ skart bħala perikoluż” taħt l-intestatura “Valutazzjoni u klassifikazzjoni” tal-anness tad-Deċiżjoni 2000/532/KE tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż, wara li ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2014/955/UE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

1)

Il-produttur jew id-detentur ta’ skart klassifikabbli b’kodiċi mera huwa obbligat jinvestiga l-kompożizzjoni tal-imsemmi skart u sussegwentement jivverifika, permezz ta’ kalkolu jew test, jekk fihx xi sustanza perikoluża jew b’indizju ta’ perikolożità minn dawk imniżżla fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98 jew fl-Anness IV tar-Regolament Nru 850/2004. F’dan is-sens, huwa rilevanti l-użu tat-teħid ta’ kampjuni, l-analiżijiet kimiċi u t-testijiet previsti fir-Regolament (KE) Nru 440/2008, jew kwalunkwe minn dawn irrikonoxxuti internazzjonalment jew aċċettati mid-dritt intern tal-Istat Membru.

2)

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jistax jiġi invokat mill-produttur jew mid-detentur ta’ skart sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ klassifikazzjoni tal-iskart b’kodiċi mera tad-Direttiva 2008/98 u tad-Deċiżjoni 2000/532, sakemm l-analiżi tal-kompożizzjoni tiegħu u/jew tal-indizji perikolużi tal-komponenti tiegħu ma tirriżultax impossibbli.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Huwa dak l-iskart li, minħabba l-preżenza jew in-nuqqas ta’ sustanza perikoluża, jista’ jiġi kklassifikat, bħala prinċipju, bħala perikoluż jew mhux perikoluż.

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (notifikat bid-dokument numru K (2000) 1147) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 151), fil-verżjoni emendata bid-Deċiżjoni 2014/955/UE tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 370, p. 44) (iktar ’il quddiem id-Deċiżjoni “2000/532”).

( 4 ) Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).

( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2014 li jieħu post l-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li jħassar ċertu Direttivi (ĠU 2014, L 365, p. 89).

( 6 ) Decreto legislativo 3 aprile 2006, n. 152, Norme in materia ambientale (GU Serie Generale n. 88 tal‑14 ta’ April 2006 — Supplemento Ordinario n. 96) (Digriet Leġiżlattiv Nru 152 tat‑3 ta’ April 2006 dwar regoli ambjentali) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006”).

( 7 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23).

( 8 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 1991 fuq skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 78).

( 9 ) Decreto legislativo 3 dicembre 2010, n. 205, Disposizioni di attuazione della direttiva 2008/98/CE del Parlamento europeo e del Consiglio del 19 novembre 2008 relativa ai rifiuti e che abroga alcune direttive (GU Serie Generale n. 288 tal‑10 ta’ Diċembru 2010 — Supplemento Ordinario n. 269).

( 10 ) Testo del decreto-legge 25 gennaio 2012, n. 2 (GURI Serie Generale n. 20 tal‑25 ta’ Jannar 2012), coordinato con la legge di conversione 24 marzo 2012, n. 28, recante: “Misure straordinarie e urgenti in materia ambientale” (GURI Serie Generale n. 71 tal‑24 ta’ Marzu 2012).

( 11 ) Testo del decreto-legge 24 giugno 2014, n. 91 (GURI Serie Generale n. 144 tal‑24 ta’ Ġunju 2014), coordinato con la legge di conversione 11 agosto 2014, n. 116, recante: “Disposizioni urgenti per il settore agricolo, la tutela ambientale e l’efficientamento energetico dell’edilizia scolastica e universitaria, il rilancio e lo sviluppo delle imprese, il contenimento dei costi gravanti sulle tariffe elettriche, nonche’ per la definizione immediata di adempimenti derivanti dalla normativa europea.” (GURI Serie Generale n. 192 tal‑20 ta’ Awwissu 2014 — Supplemento Ordinario n. 72) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 116/2014”).

( 12 ) Punti 46 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Decreto-legge 20 giugno 2017, n. 91, recante: «Disposizioni urgenti per la crescita economica nel Mezzogiorno.» (GURI Serie generale n.o 141 tal-20 ta’ Ġunju 2017).

( 14 ) Dawk li jieħdu din il-pożizzjoni jilqgħu b’mod favorevoli l-proċeduri introdotti permezz tal-Liġi Nru 116/2014, billi jenfasizzaw il-konformità tagħha mad-Deċiżjoni 2000/532, mal-Linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea u mar-rapporti jew il-manwali tekniċi adottati fi Stati Membri oħrajn dwar l-iskart perikoluż, kif ukoll mad-Deċiżjoni 2014/955 u mar-Regolament Nru 1357/2014. Fost dawn ir-rapporti hemm dak redatt mill-Ministeru għall-Ekoloġija Franċiż (MEDDE) Nru 4/2/2016 (“Classification réglementaire des déchets. Guide d’application pour la caractérisation et dangerosité”) u l-“Hazardous waste, Interpretation of the definition and classification of hazardous waste (Technics Guidance WM2)”, ippubblikata għall-ewwel darba fl‑2003 fir-Renju Unit.

( 15 ) Minn din il-perspettiva, il-Liġi Nru 116/2014 kienet tkun tassew negattiva għall-operaturi tas-settur, kemm mill-perspettiva teknika kif ukoll ekonomika. Id-dimostrazzjoni tan-nuqqas ta’ perikolożità tal-iskart timplika probatio diabolica li tobbliga lill-produttur sabiex jikklassifikah bħala perikoluż fi kwalunkwe każ. Dawk favur din it-teorija jifhmu li tali liġi kienet inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u jallegaw li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 91/2017, li elimina l-proċeduri introdotti permezz tal-Liġi Nru 116/2014, jikkonferma t-teħid ta’ pożizzjoni tagħhom.

( 16 ) Sentenza Nru 46897 tat‑3 ta’ Mejju 2016 Arduini et, Rv. 26812601.

( 17 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337). Mis‑6 ta’ Ottubru 2015, din id-direttiva ġiet ikkodifikata u ssostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1).

( 18 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’ terraferma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi l-kriterji u proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ skart f’ terraferma artifiċjali skont l-Artikolu 16 ta’ u l-Anness II tad-Direttiva 1999/31/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 314).

( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400), punti 24 u 25; tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324), punti 15 u 16; tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514), punt 19; tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874), punt 54; u tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), punti 50 u 155.

( 20 ) Ara f’dan ir-rigward il-klassifikazzjoni ta’ De Saeleer, N., Droit des déchets de l’UE. De l’élimination à l’économie circulaire, Bruylant, Brussell, 2016, pp. 253 u 254.

( 21 ) Barra minn hekk, ir-rimi tiegħu jista’ biss jitwettaq f’landfills għal skart perikoluż, filwaqt li jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet (Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 1999/31) u t-trasferiment tiegħu bejn Stati Membri huwa suġġett għal komunikazzjoni u permess. L-esportazzjoni u l-importazzjoni tiegħu huma pprojbiti jew strettament ikkontrollati, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190 p. 1).

( 22 ) Isir riferiment għal rapport tar-Reġjun ta’ Lazio, li r-redazzjoni tiegħu saret għall-ispezzjoni u li ġie ppreżentat mid-difiża, u għal nota tas‑26 ta’ Jannar 2017 tal-Ministeru responsabbli, li fiha tiġi kkonfermata “l-applikabbiltà, mill‑1 ta’ Ġunju 2015, tad-dispożizzjonijiet Ewropej”. Barra minn hekk, huma jiċħdu wkoll l-akkuża tal-Prosekutur Pubbliku abbażi tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 91/2017 li, b’mod partikolari, iħassar ir-regoli nazzjonali dwar l-investigazzjonijiet li għandhom jitwettqu sabiex jiġi kklassifikat l-iskart.

( 23 ) L-iskart muniċipali mħallat jikkostitwixxi, ċertament, skart fis-sens tad-Direttiva 2008/98. Is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Ragn‑Sells (C‑292/12, EU:C:2013:820), punt 56, tindika li, fir-rigward tal-iskart muniċipali mħallat, mill-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006, moqri fid-dawl tal-premessa 20 tiegħu kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/98, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ portata ġenerali li jirrestrinġu l-vjaġġi ta’ dan l-iskart bejn Stati Membri, fil-forma ta’ projbizzjonijiet ġenerali jew parzjali ta’ vjaġġi, bl-għan li jiġu implimentati l-prinċipji ta’ prossimità, ta’ prijorità għall-irkupru u ta’ awtosuffiċjenza konformement mad-Direttiva 2008/98.

( 24 ) Kodiċi 19 12 11* li jikkorrispondi għal “skart ieħor (inklużi taħlitiet ta’ materjali) mit-trattament mekkaniku ta’ skart li fih sustanzi perikolużi” jew kodiċi 19 12 12 li tikkorrispondi għal “skart ieħor (inklużi taħlitiet ta’ materjali) mit-trattament mekkaniku ta’ skart għajr għal dak imsemmi f’19 12 11”.

( 25 ) Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/98, “[l]-Artikoli 17, 18, 19, u 35 m’għandhomx japplikaw għal skart imħallat prodott mid-djar.”

( 26 ) Id-Direttiva 1999/31 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma, tirregola l-ġestjoni, il-kundizzjonijiet tal-permessi, l-għeluq u l-ġestjoni ta’ wara l-għeluq tal-landfills. Id-Deċiżjoni 2003/33 tistabbilixxi l-kriterji għall-aċċettazzjoni ta’ skart għad-diversi tipi ta’ landfills, li għalihom hija deċiżiva l-klassifikazzjoni ta’ skart bħala perikoluż jew mhux perikoluż skont il-LEI. Madankollu, tali klassifikazzjoni hija differenti u ma għandhiex tiġi mfixkla mal-evalwazzjoni tal-iskart sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji għall-aċċettazzjoni ta’ skart previsti fl-Anness II tad-Direttiva 1999/31 u fid-Deċiżjoni 2003/33. Għalhekk, l-analiżijiet imwettqa fil-qafas tal-kriterji għall-aċċettazzjoni ta’ skart normalment ma jistgħux jintużaw għall-klassifikazzjoni tal-iskart skont il-LEI. Ara f’dan ir-rigward l-Avviż tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ April 2018 dwar il-gwida teknika rigward il-klassifikazzjoni tal-iskart (ĠU 2018, C 124, p. 1), punt 2.1.4.

( 27 ) Iktar tard, sar adattament ieħor permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/997 tat‑8 ta’ Ġunju 2017 li jemenda l-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” (ĠU 2017, L 150, p. 1). Huwa applikabbli mill‑5 ta’ Lulju 2018 u, għaldaqstant, irrilevanti ratione temporis f’dawn il-kawżi.

( 28 ) Fid-dawl tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu 7, l-Istati Membri jistgħu jikklassifikaw mill-ġdid l-iskart perikoluż bħala mhux perikoluż, u viċe versa, meta jkollhom provi li hemm jew ma hemmx sustanzi perikolużi preżenti, filwaqt li jinformaw lill-Kummissjoni sabiex, min-naħa tagħha, temenda l-lista. Fis-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑194/01, EU:C:2004:248), punti 66 sa 71, ingħatat deċiżjoni dwar il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri.

( 29 ) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li d-Direttiva 91/689 ma twaqqafx lill-Istati Membri, inklużi, f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet ġudizzjarji, milli jikklassifikaw bħala skart perikoluż dak li ma jinsabx fil-lista ta’ skart perikoluż adottata permezz tad-Direttiva 94/904, u għalhekk milli jieħdu miżuri ta’ protezzjoni iktar stretti sabiex jipprojbixxu r-rimi u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ tali skart (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Fornasar et, C‑318/98, EU:C:2000:337, punt 51) hija komparabbli mad-Direttiva 2008/98.

( 30 ) Id-Direttiva 2008/98 u d-Deċiżjoni 2000/532 jiffurmaw unità waħda u għandhom jiġu interpretati b’mod konġunt fir-rigward tad-definizzjoni u tas-sistema legali tal-iskart perikoluż. Ara Van Calster, G., EU Waste Law, Oxford University Press, it-tieni edizzjoni, 2015, p. 86.

( 31 ) Ladarba tinsab f’deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea, il-LEI torbot fl-intier tagħha, tindirizza lill-Istati Membri u ma teħtieġx traspożizzjoni.

( 32 ) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1).

( 33 ) Il-LEI tikkonsisti f’għoxrin kapitolu (kodiċijiet b’żewġ figuri, li jirreferu għall-kategorija ta’ oriġini), kull wieħed maqsum f’sottokapitoli (kodiċijiet b’erba’ figuri, li jindikaw is-settur tal-attività, il-proċedura u d-detenturi li jiġġeneraw l-iskart) u l-kodiċi (kodiċijiet b’sitt figuri, li jindikaw l-iskart). Pereżempju, il-kodiċi 19 12 11* huwa kodiċi MSP, li jinqasam kif ġej: 19 (Skart minn faċilitajiet ta’ ġestjoni tal-iskart, impjanti għat-trattament ta’ ilma mormi li ma jkunux fis-sit u l-preparazzjoni ta’ ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u ilma għall-użu industrijali); 12 (skart mit-trattament mekkaniku tal-iskart (pereżempju l-għażla, it-tgħaffiġ, l-ikkumpattar, it-tiswir f’gerbubiet) mhux speċifikati b’mod ieħor); 11* skart ieħor (inklużi taħlitiet ta’ materjali) mit-trattament mekkaniku ta’ skart li fih sustanzi perikolużi. Meta l-aħħar żewġ figuri jvarjaw, ikun MSMP: 19 12 12 (skart ieħor (inklużi taħlitiet ta’ materjali) mit-trattament mekkaniku ta’ skart għajr għal dak imsemmi f’19 12 11).

( 34 ) Avviż tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ April 2018 dwar il-gwida teknika rigward il-klassifikazzjoni tal-iskart (ĠU 2018, C 124, p. 1), punt 3.2.1. Dan id-dokument, mingħajr saħħa legali vinkolanti, inkiteb wara konsultazzjoni wiesgħa mal-Istati Membri u mal-operaturi ekonomiċi.

( 35 ) Id-Dokumenti ta’ Referenza Ewropej tal-Aqwa Tekniki Disponibbli (EU Best Available Techniques Reference Documents “BREF”) imħejjija mill-European Integrated Pollution Prevention and Control Bureau, jinsabu fuq http://eippcb.jrc.ec.europa.eu/reference/.

( 36 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1).

( 37 ) Dawn iż-żewġ sensiliet ta’ regoli ma humiex kompletament armonizzati u l-Kummissjoni ssemmi sitwazzjonijiet fejn l-istess materjal, li jinkludi sustanza perikoluża, jista’ jitqies bħala perikoluż u mhux perikoluż, skont jekk ikunx skart jew prodott. Din id-differenza timplika li wieħed ma jistax jassumi li l-materjali li jerġgħu jiġu introdotti fl-ekonomija, wara l-irkupru ta’ skart mhux perikoluż, ser jirriżultaw neċessarjament fi prodott mhux perikoluż. Il-Kummissjoni nediet inizjattiva sabiex telimina dan in-nuqqas permezz tad-Dokument COM(2018) 32 finali tas‑16 ta’ Jannar 2018, li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implementazzjoni tal-pakkett dwar l-ekonomija ċirkulari: għażliet sabiex tiġi indirizzata r-rabta bejn il-leġiżlazzjonijiet dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart.

( 38 ) Għalhekk, l-intestatura 16 01 11* (Pedds tal-brejkijiet li fihom l-asbestos) hija kodiċi MSP, filwaqt li 16 01 12 (Pedds tal-brejkijiet għajr għal dawk imsemmija f’16 01 11) hija kodiċi MSMP.

( 39 ) Dawn il-karatteristiċi perikolużi huma li ġejjin: HP 1 Splussiv; HP 2 Ossidizzanti; HP 3 Jieħu n-nar; HP 4 Irritanti — irritazzjoni tal-ġilda u ħsara fl-għajnejn; HP 5 Tossiċità speċifika għall-organi fil-mira (l-akronimu Ingliż STOT)/Tossiċità tal-aspirazzjoni; HP 6 Tossiċità akuta; HP 7 Karċinoġeniku; HP 8 Korrużiv; HP 9 Infettuż; HP 10 Tossiku għar-riproduzzjoni; HP 11 Mutaġeniku; HP 12 Rilaxx ta’ gass tossiku akut; HP 13 Sensitizzanti; HP 14 Ekotossiku; HP 15 Skart li kapaċi juri xi waħda mill-karatteristiċi perikolużi li tniżżlu iktar ’il fuq u li l-iskart oriġinali ma jkunx juri b’mod dirett.

( 40 ) Avviż tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ April 2018 dwar il-gwida teknika rigward il-klassifikazzjoni tal-iskart (ĠU 2018, C 124, p. 1), punt 3.2.2.

( 41 ) Il-pollutanti organiċi persistenti (POP) huma prodotti kimiċi organiċi b’ċerta kombinazzjoni ta’ proprjetajiet fiżiċi u kimiċi li twassal sabiex, ladarba jiġu rrilaxxati fl-ambjent, jibqgħu hemm għal perijodi ta’ żmien twal, jinfirxu kompletament ma’ kullimkien, jakkumulaw fit-tessut adipuż tal-organiżmi ħajjin, inklużi l-esseri umani, u huma tossiċi kemm għall-persuni kif ukoll għall-organiżmi selvaġġi. Pereżempju: dibenzo‑p‑diossina u dibenzofurani poliklorinati (PCDD/PCDF), DDT (1,1,1‑trikloro‑2,2‑bis(4‑klorofenil) etanu), chlordane, eksakloroċiklohexane (inkluż lindane), dieldrin, endrin, eptaklor, eksaklorobenżin, klordecone, aldrin, pentaklorobenżin, mirex, toxafene, klordecone.

( 42 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 465).

( 43 ) Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom fil-fatt jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2016, Edilizia MastrodonatoC‑147/15, EU:C:2016:606, punt 29; u tas‑17 ta’ Marzu 2016, Kødbranchens Fællesråd,C‑112/15, EU:C:2016:185, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 )

( 45 ) Bl-istess sens il-verżjoni Portugiża: “só se justifica a inclusão de um resíduo na lista harmonizada de resíduos, assinalado como ‘perigoso’ e com uma menção específica ou geral a ‘substâncias perigosas’, se o resíduo em causa contiver substâncias perigosas que lhe confiram uma ou mais das características de perigosidade […]”

( 46 )

( 47 )

( 48 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi metodi ta’ ttestjar skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU 2008, L 142, p. 1).

( 49 ) Ġeneralment, l-analiżi kimika tintuża sabiex jiġu investigati s-sustanzi preżenti fl-iskart, filwaqt li t-test normalment isir sabiex tiġi ddeterminata l-konċentrazzjoni ta’ sustanza li l-preżenza tagħha fl-iskart hija magħrufa.

( 50 ) Anness 3, bl-isem “Approċċi speċifiċi sabiex jiġu ddeterminati l-karatteristiċi ta’ periklu (HP 1 sa HP 15)” tal-Avviż tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ April 2018 dwar il-gwida teknika rigward il-klassifikazzjoni tal-iskart (ĠU 2018, C 124, p. 1), pp. 87 sa 123.

( 51 ) Avviż tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ April 2018 dwar il-gwida teknika rigward il-klassifikazzjoni tal-iskart, Anness 4, pp. 129 sa 131.

( 52 ) Fl-Avviż tal‑2018, il-Kummissjoni nnifisha ssemmi d-dokument “Karatterizzazzjoni tal-iskart — Determinazzjoni tal-elementi u tas-sustanzi fl-iskart”, kif deskritt fl-istandard esperimentali AFNOR XP X30‑489, li jipproponi metodu għad-determinazzjoni eżawrjenti tal-elementi u tas-sustanzi fi skart likwidu u solidu. Kif ukoll id-dokument tal-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Istati Uniti, Test Methods for Evaluating Solid Waste (SW‑846), 2014, disponibbli fuq: http://www3. epa.gov/epawaste/hazard/testmethods/sw846/online/index.htm.

( 53 ) L-istandards tekniċi taċ-CEN huma dawn li ġejjin: EN 14899 Qafas għat-tħejjija u l-applikazzjoni ta’ pjan tal-kampjunar; CEN/TR 15310‑1:2006 Gwida dwar l-għażla u l-applikazzjoni tal-kriterji għall-kampjunar f’diversi kundizzjonijiet; CEN/TR 15310‑2:2006 Gwida dwar it-tekniki tal-kampjunar; CEN/TR 15310‑3:2006 Gwida dwar il-proċeduri għas-subkampjunar fil-qasam; CEN/TR 15310‑4:2006 Gwida dwar il-proċeduri għall-ippakkjar, il-ħażna, il-preservazzjoni, it-trasportazzjoni u l-kunsinna tal-kampjuni; u CEN/TR 15310‑5:2006 Gwida dwar il-proċess tad-definizzjoni tal-pjan tal-kampjunar.

( 54 ) Ara Thieffry, P., Manuel de droit européen de l’environnement, it-tieni edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2017, p. 83; u Esteve Pardo, J., El desconcierto del Leviatán. Política y derecho ante las incertidumbres de la ciencia, Marcial Pons, Madrid, 2009, pp. 141 sa 146.

( 55 ) Li jgħid li “L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-prinċipji ġenerali, fir-rigward ta’ protezzjoni ambjentali, ta’ prekawzjoni u sostenibbiltà, fattibbiltà teknika u vijabbiltà ekonomika, protezzjoni tar-riżorsi kif ukoll jieħdu kont ta’ l-impatti fuq l-ambjent, fuq is-saħħa tal-bniedem, u l-impatti ekonomiċi u soċjali ġenerali, skond l-Artikoli 1 u 13”.

( 56 ) Għal espożizzjoni ddettaljata tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, ara Da Cruz Vilaça, J. L., “The Precautionary Principle in EC Law”, fi EU Law and Integration: Twenty Years of Judicial Application of EU Law, Hart Publishing, 2014, pp. 321 sa 354.

( 57 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44), punt 92; u tad‑19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma (C‑282/15, EU:C:2017:26), punt 56. Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek ippreżentati fil-kawża Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:20), punti 48 sa 54.

( 58 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Monsanto et (C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:553), punt 77; u tat‑13 ta’ Settembru 2017, Fidenato et (C‑111/16, EU:C:2017:676), punt 51.

( 59 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[m]eta ma jkunx possibbli, minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati ta’ l-istudji magħmula, li l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat tiġi ddeterminata b’ċertezza, iżda meta tibqa’ l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika fil-każ fejn ir-riskju jseħħ, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi” (sentenzi tat‑2 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑41/02, EU:C:2004:762, punt 54; tat‑28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 93; u tad‑19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma,C‑282/15, EU:C:2017:26, punt 57).