KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-27 ta’ Settembru 2018 ( 1 )

Kawża C‑477/17

Raad van bestuur van de Sociale Verzekeringsbank

vs

D. Balandin,

I. Lukashenko,

Holiday on Ice Services BV

(talba għal deċiżjoni preliminari miċ-Centrale Raad van Beroep (il- Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku (il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament Nru 1231/2010 — Estensjoni tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjiedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru — Dritt ta’ moviment u ta’ residenza fl-Unjoni Ewropea — Abbuż”

1. 

Għadda ftit ta’ żmien, imma niftakar sew inżur spettaklu Holiday on Ice meta kont għadni tifel. Dak iż-żmien kont affaxxinat bl-ispettaklu fantastiku li rriżulta mill-konfluwenza ta’ tant protagonisti differenti: skejters fuq is-silġ, inġiniera tad-dawl, mużiċisti u ħafna iżjed. Madankollu, dak li ħafna spettaturi ta’ Holiday on Ice ma jikkunsidrawx huwa li, wara x-xeni, daqstant ieħor affarijiet, jekk mhux iżjed, jingħaqdu sabiex jiġi organizzat dan l-ispettaklu. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) turi kemm kwistjonijiet legali waħedhom hemm involuti sabiex l-ispettaklu jinġieb lin-nies mal-Europa kollha.

2. 

Speċifikament ineżami hija l-kwistjoni ta’ jekk skejters fuq is-silġ li jaħdmu għal Holiday on Ice, li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, humiex intitolati għal kopertura koordinata tas-sigurtà soċjali meta jkunu qed iduru fid-diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

3. 

Filwaqt li r-Regolament Nru 1231/2010 ( 2 ) u r-Regolament Nru 883/2004 ( 3 ) huma l-protagonisti prinċipali f’din il-produzzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm ukoll għadd kbir ta’ strumenti leġiżlattivi oħra, bħall-Kodiċi tal-Viża ta’ Schengen ( 4 ), ir-Regolament dwar il-permess ta’ residenza ( 5 ) u d-Direttiva dwar il-permess uniku ( 6 ), li huma kollha rilevanti għar-riżoluzzjoni tad-domanda li saret miċ-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku).

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 1231/2010

4.

Ir-Regolament Nru 1231/2010 ssostitwixxa r-Regolament Nru 859/2003 ( 7 ) u l-kliem tiegħu huwa kważi identiku għal dak tar-regolament preċedenti. Iż-żewġ regolamenti għandhom l-għan li jiżguraw li għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu applikati l-istess regoli dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali bħal dawk li japplikaw għaċ-ċittadini Ewropej billi jestendu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 u tar-Regolament Nru 987/2009 ( 8 ) u, rispettivament, tar-Regolament Nru 1408/71 ( 9 ) u tar-Regolament Nru 574/72 ( 10 ) lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

5.

Il-preambolu tar-Regolament Nru 1231/2010 jgħid, inter alia:

“(1)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sejħu għal integrazzjoni aħjar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti legalment fit-territorju tal-Istati Membri billi jingħatalhom sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ jkun simili dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni.

[…]

(8)

Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn min iħaddem u l-korpi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jkollhom jitrattaw sitwazzjonijiet legali u amministrattivi kumplessi li jikkonċernaw biss grupp limitat ta’ persuni, huwa importanti li wieħed jibbenefika mill-benefiċċji kollha tal-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali permezz tal-użu ta’ strument legali uniku ta’ koordinazzjoni li jgħaqqad flimkien ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009.

[…]

(10)

L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom mhumiex koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom ma għandha tagħtihom ebda dritt għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza fi Stat Membru jew li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol tiegħu. […]

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom ikunu, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, applikabbli biss sa fejn il-persuna kkonċernata tkun diġà residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru. Għalhekk, ir-residenza legali għandha tkun prerekwiżit għall-applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti.”

6.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010 jipprovdi:

“Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom mhumiex koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom, bil-kondizzjoni li huma jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li jkunu f’sitwazzjoni li fl-aspetti kollha tagħha ma tkunx limitata għal Stat Membru wieħed.”

2. Ir-Regolament Nru 883/2004

7.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004 (“Definizzjonijiet”) jipprovdi, inter alia:

“(j)

‘residenza’ tfisser il-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha;

(k)

‘żjara’ [‘soġġorn’] tfisser residenza temporanja;”

8.

L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 ( 11 ), huwa fformulat kif ġej:

“Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun soġġetta:

(a)

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza jekk hija twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha f’dak l-Istat Membru, jew

(b)

jekk ma twettaqx parti sostanzjali tal-attività tagħha fl-Istat Membru tar-residenza:

(i)

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċju rreġistrat jew il-post tan-negozju tal-impriża jew ta’ min iħaddem jekk hija impjegata minn impriża jew persuna li tħaddem waħda, […]”

9.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 huma ssupplimentati bir-Regolament Nru (KE) 987/2009, ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu.

B.   Id-dritt nazzjonali

10.

Filwaqt li jirreferu għar-Regolament Nru 1231/2010, il-Linji Gwida ta’ Politika tar-Raad van bestuur van de Sociale Verzekeringsbank (il-Bord tad-Diretturi tal-Bank tal-Assigurazzjoni Soċjali; iktar ’il quddiem is-“SvB”) jipprovdu, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċittadini ta’ pajjiżi barra mill-Unjoni, li r-Regolament Nru 883/2004 għandu japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex diġà koperti minn dan ir-regolament unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom, jekk tali ċittadini jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u jiċċaqalqu legalment ġewwa l-Unjoni.

11.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “residenza legali”, li ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 1231/2010, dawn il-linji gwida jipprovdu wkoll li residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi hija preżunta jekk tali residenza hija legali fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin tal-2000; iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”), iżda s-SvB ma jassumix li hemm residenza legali jekk ċittadin barrani jirresjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi meta tkun pendenti applikazzjoni għall-ewwel dħul.

12.

Barra minn dan, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw il-kriterju ta’ mobbiltà tar-Regolament Nru 883/2004 bl-istess mod bħaċ-ċittadini tal-Unjoni.

13.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-Regolament Nru 883/2004, il-Linji Gwida ta’ Politika tas-SvB jgħidu li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 hija “bħala prinċipju inkwistjoni biss jekk persuna tgħix u taħdem fit-territorju tal-Unjoni”, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet li jinstabu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

II. Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

14.

D. Balandin, ċittadin Russu, u I. Lukashenko, ċittadin tal-Ukraina, huma impjegati minn Holiday on Ice Services BV (iktar ’il quddiem “HOI”), kumpannija bl-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Amsterdam u bis-sede prinċipali tan-negozju tagħha f’Utrecht. Matul l-istaġun tax-xitwa, HOI torganizza spettakli ta’ skejzjar fuq is-silġ f’diversi Stati Membri.

15.

L-impjegati ta’ HOI jqattgħu ftit ġimgħat kull sena fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex iħejju għal avvenimenti li jkunu ġejjin. Għadd ta’ impjegati mbagħad jagħtu l-ispettakli tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi filwaqt li impjegati oħra jagħmlu dan fi Stati Membri oħra, l-aktar fi Franza u l-Ġermanja.

16.

Matul il-perijodu ta’ taħriġ u, fejn applikabbli, ta’ rappreżentazzjonijiet, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kollha jidher li jkunu preżenti legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi. Imbagħad, xi ċittadini ta’ pajjiżi terzi jibqgħu fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-istaġun kollu, bil-permessi meħtieġa miksuba għalihom fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali. Madankollu, xi ċittadini ta’ pajjiżi terzi joqogħdu fi Stati Membri oħra fejn huma jagħtu spettakli, ta’ spiss fuq il-bażi ta’ “viża ta’ Schengen”.

17.

Għal numru ta’ snin, is-SvB ħareġ għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati minn HOI “dikjarazzjonijiet A1” għat-tul tal-istaġun tal-ispettakli, u l-iktar reċenti fuq il-bażi tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009. Dawn id-dikjarazzjonijiet iċċertifikaw li l-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tas-sigurtà soċjali tapplika għall-impjegati u li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali korrispondenti jitħallsu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, mill-istaġun 2015/16, is-SvB irrifjuta li jagħti d-dikjarazzjonijiet A1 liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati minn HOI, bl-argument li fil-passat dan tal-aħħar kien ħareġ dawn id-dikjarazzjonijiet b’mod żbaljat.

18.

Wara konsultazzjoni, parzjalment wara miżuri provviżorji mogħtija mill-imħallef li jisma’ t-talbiet għal miżuri provviżorji tar-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), finalment inħarġu d-dikjarazzjonijiet A1 miss-SvB li kienu validi sal-1 ta’ Mejju 2016. Madankollu, l-istaġun intemm biss fit-22 ta’ Mejju 2016, b’tali mod li għadha teżisti tilwima fir-rigward ta’ dawn l-aħħar ġimgħat.

19.

B’sentenza tal-28 ta’ April 2016, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li s-SvB kien imissu ħareġ dikjarazzjonijiet A1 validi għall-istaġun kollu, jiġifieri sat-22 ta’ Mejju 2016.

20.

Sussegwentement, is-SvB appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

21.

Skont il-qorti tar-rinviju, D. Balandin u I. Lukashenko ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2004, peress li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru, persuni bla Stat jew refuġjati. Huma jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament biss jekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1231/2010, li l-għan tiegħu huwa li jestendi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u r-Regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

22.

Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat li D. Balandin u I. Lukashenko ma kinux jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fi Stat Membru ieħor, iżda ssoġġornaw u ħadmu temporanjament ġewwa l-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(k) tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, teżisti, f’dan l-isfond, ċerta inċertezza dwar jekk humiex biss ċittadini minn pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004 li jistgħu jinvokaw l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010 jew jekk dan l-artikolu jistax jiġi invokat ukoll minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-sitwazzjoni ta’ D. Balandin u I. Lukashenko.

23.

Minħabba dubji li għandha dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, iċ-Centrale Raad van Beroep (il- Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema li għandhom in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, li jgħixu barra mill-Unjoni iżda li jaħdmu temporanjament fi Stati Membri differenti għal persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, jistgħu jinvokaw (it-Titolu II tar-)Regolament Nru 883/2004 u r-Regolament Nru 987/2009?”

24.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati f’dawn il-proċeduri minn D. Balandin, I. Lukashenko u HOI (iktar ’il quddiem, flimkien, “Balandin et”), mis-SvB, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Ċek u minn dak Franċiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. Balandin et, is-SvB, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-4 ta’ Lulju 2018.

III. Analiżi

25.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-sitwazzjoni ta’ D. Balandin u I. Lukashenko jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010 u, b’estensjoni, tar-Regolament Nru 883/2004 u tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu.

26.

Il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju saru minħabba li s-SvB sostna fil-proċeduri nazzjonali li D. Balandin u I. Lukashenko ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1231/2010. Madankollu, is-SvB fil-fatt reġġa’ lura l-pożizzjoni tiegħu matul il-proċedura orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Minħabba ċ-ċirkustanzi, wieħed jista’ jistaqsi jekk għadhiex teżisti tilwima reali, kif meħtieġ mill-Artikolu 267 TFUE.

27.

Id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u l-limitu għal rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa wieħed għoli: huwa biss meta jkun pjuttost ovvju li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, li l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li sarulha ( 12 ). Jiena tal-fehma li, sakemm it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tiġix irtirata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tirrispondi għad-domanda mressqa quddiemha.

28.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010 jinkludi żewġ prerekwiżiti għall-applikazzjoni tiegħu. L-ewwel nett, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jibbenefikaw minn dan ir-regolament għandhom ikunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru; u, it-tieni nett, għandhom ikunu f’sitwazzjoni li ma hijiex ristretta fl-aspetti kollha ġewwa Stat Membru wieħed.

29.

Ma huwiex ikkontestat f’dan il-każ li D. Balandin u I. Lukashenko jissodisfaw it-tieni prerekwiżit. Il-kwistjoni kontenzjuża fil-kawża prinċipali hija jekk D. Balandin u I. Lukashenko jistgħux attwalment jiġu kkunsidrati bħala “residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru” għall-finijiet tar-Regolament Nru 1231/2010.

30.

Ir-Regolament Nru 1231/2010 ma jipprovdix definizzjoni tal-espressjoni “jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru”, u tali definizzjoni lanqas ma tinstab fi strumenti legali oħra tal-Unjoni. Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma tat tali definizzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (jew tabilħaqq tal-predeċessur tiegħu, li juża kliem kważi identiku).

31.

Sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat indirettament biss il-kriterju li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu residenti legalment fi Stat Membru, previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010, fil-ġurisprudenza tagħha dwar it-tieni kriterju fl-istess artikolu. Huwa ċar minn din il-ġurisprudenza li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ residenza fi Stat Membru jissodisfaw l-ewwel kriterju ( 13 ).

32.

Madankollu, D. Balandin u I. Lukashenko ma għandhomx permess ta’ residenza. Dawn jidħlu fl-Unjoni fuq il-bażi ta’ viża ta’ Schengen li tippermettilhom jibqgħu legalment fiż-żona Schengen għal massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum ( 14 ). Filwaqt li ma setax jiġi definittivament ikkonfermat matul is-seduta, jidher ukoll li dawk il-viżi ta’ Schengen huma kkumplimentati minn viżi nazzjonali sabiex jiġi kopert l-istaġun sħiħ ta’ rappreżentazzjonijiet minn Ottubru sal-aħħar ta’ Mejju.

33.

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu impjegat bi qligħ jistgħu jitqiesu li huma “residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru” meta ma jkunux fil-pussess ta’ permess ta’ residenza imma jibqgħu fl-Unjoni fuq il-bażi ta’ viża għal soġġorn qasir.

34.

Skont ġurisprudenza konsistenti, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jeħtieġu li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, normalment għandhom jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi ( 15 ).

35.

Ir-Regolament Nru 1231/2010 ma fih l-ebda riferiment għal-liġijiet nazzjonali fir-rigward tat-tifsira tal-kliem “jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru”. Minn dan isegwi li dan il-kliem għandu jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1231/2010, bħala li jindika kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha ( 16 ).

36.

L-istess jgħodd, mutatis mutandis, għall-kunċetti ta’ “residenza” fl-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004 u ta’ “soġġorn” fl-Artikolu 1(k) tal-istess regolament.

37.

Dan huwa wkoll għaliex il-fatt li diversi verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Nru 1231/2010 huma fformulati b’mod kemxejn differenti, kif semmiet il-qorti tar-rinviju, huwa irrilevanti għal din l-analiżi. Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi ma tippermettix li tiġi kkunsidrata verżjoni waħda tat-test f’iżolament, imma teħtieġ pjuttost li t-test jiġi interpretat fuq il-bażi tal-iskop tal-miżura inkwistjoni ( 17 ).

38.

Peress li d-dritt tal-Unjoni ma armonizzax għalkollox il-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn u ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-kriterji stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali dwar l-immigrazzjoni huma madankollu rilevanti għall-kwistjoni ta’ jekk il-prerekwiżiti għal residenza legali fi Stat Membru humiex issodisfatti jew le. Għandu jiġi enfasizzat, madankollu, li l-klassifikazzjoni legali ta’ soġġorn minn ċittadin ta’ pajjiż terz skont il-liġi nazzjonali ma hijiex rilevanti għal evalwazzjoni fil-qafas tar-Regolament Nru 1231/2010.

39.

Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni, minn naħa, ta’ D. Balandin u ta’ I. Lukashenko u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibqgħu fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-istaġun tax-xitwa kollu li huma koperti minn sigurtà soċjali Olandiża, ma humiex paragunabbli għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. Bħalma ddeċidiet b’mod konsistenti l-Qorti tal-Ġustizzja, f’ċirkustanzi fejn ikunu kkonċernati Stat Membru wieħed biss tal-Unjoni u Stat terz, id-dritt tal-Unjoni ma japplikax u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1231/2010 ( 18 ). Għalhekk, is-sitwazzjoni ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali biss.

40.

Fin-nuqqas ta’ definizzjoni fl-istrument legali rilevanti, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mill-korp ta’ regoli li tifforma parti minnu ( 19 ).

41.

F’dan li ġej, ser jiġu kkunsidrati l-ewwel il-kuntest tar-Regolament Nru 1231/2010 u l-għanijiet imfittxija mill-korp ta’ regoli li jagħmel parti minnu. Fuq il-bażi ta’ dik l-analiżi, fit-tieni pass, ser tiġi elaborata interpretazzjoni tal-kliem “residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru” sabiex jiġi ddeterminat jekk D. Balandin u I. Lukashenko jissodisfawx jew le l-prekundizzjonijiet għal residenza legali fi Stat Membru.

A.   Il-kuntest tar-Regolament Nru 1231/2010 u l-għanijiet imfittxija mill-korp ta’ regoli li jagħmel parti minnu

42.

Ir-Regolament Nru 1231/2010 ġie adottat bħala parti minn pakkett leġiżlattiv komprensiv li jfittex li jissimplifika u jirrazzjonalizza l-qafas legali għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-Unjoni kemm għal ċittadini tal-Unjoni kif ukoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

43.

Ir-Regolament huwa fformulat f’termini kważi identiċi bħar-regolament predeċessur tiegħu, ir-Regolament Nru 859/2003. Madankollu, filwaqt li r-Regolament l-antik ippermetta dispożizzjonijiet speċjali li permezz tagħhom l-Istati Membri setgħu jillimitaw, sa ċertu punt, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament bl-użu ta’ kriterju nazzjonali speċifiku bħala prerekwiżit ( 20 ), ir-Regolament Nru 1231/2010 neħħa eċċezzjonijiet bħal dawn.

44.

Ir-Regolament Nru 1231/2010, hekk kif jgħid it-titolu tar-regolament stess, jestendi d-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri, jiġifieri r-Regolament Nru 883/2004 u r-Regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu, għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex diġà koperti b’dawn id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom.

45.

Għalhekk, sabiex jinftiehmu tajjeb il-kuntest u l-għanijiet tiegħu, ir-Regolament Nru 1231/2010 għandu jiġi eżaminat fid-dawl tar-Regolament Nru 883/2004.

46.

Meta jestendi l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu għal ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ir-Regolament Nru 1231/2010 irid jagħti lil dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kemm jista’ jkun, l-istess drittijiet bħal dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni f’termini ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali taħt ir-Regolament Nru 883/2004 ( 21 ).

47.

Għalhekk, iż-żewġ regolamenti jiżguraw li persuni li jagħmlu użu mid-dritt tagħhom għall-moviment liberu ġewwa l-Unjoni ma jsofru l-ebda żvantaġġ fid-drittijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom. Madankollu, għandu jiġi nnutat li r-regolamenti ma jfittxux li jarmonizzaw is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali. Pjuttost, ir-regolamenti jipprovdu regoli tal-kunflitt tal-liġijiet li jiddeterminaw is-sistema applikabbli għal kopertura tas-sigurtà soċjali ( 22 ). Dan ma huwiex biss sabiex jiġi żgurat li persuni li jiċċaqalqu fi ħdan l-Unjoni ma jitħallewx mingħajr kopertura ta’ sigurtà soċjali għaliex ma hemmx leġiżlazzjoni applikabbli għalihom, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss fi kwalunkwe żmien partikolari ( 23 ).

48.

Għalhekk ir-regolamenti ma joħolqux dritt għall-protezzjoni tas-sigurtà soċjali bħala tali, iżda pjuttost jiddeterminaw liema reġim għandu jiġi applikat. Ir-regoli ta’ koordinazzjoni jidħlu fis-seħħ biss meta xi ħadd ikun diġà affiljat mal-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru. Madankollu, huwa d-dritt nazzjonali li jiddetermina l-kundizzjonijiet għal tali affiljazzjoni.

49.

Filwaqt li essenzjalment jipprovdu l-istess regoli sostantivi, iż-żewġ regolamenti huma madankollu differenti minn xulxin b’mod sinjifikattiv sa fejn huwa kkonċernat l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħhom. Ir-Regolament Nru 883/2004 japplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, għal persuni mingħajr Stat u għal refuġjati, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom, li jirrisjedu fi Stat Membru ( 24 ). Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1231/2010 japplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom ( 25 ).

50.

Allura għaliex għandna żewġ strumenti legali separati li jsegwu l-istess għan?

51.

L-ewwel proposta għar-Regolament Nru 883/2004 pprevediet li r-regolament kellu jkun japplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, sakemm ikunu residenti fi Stat Membru ( 26 ). L-applikazzjoni tal-istess regoli għal ċittadini ta’ pajjiż terz bħal dawk applikati għaċ-ċittadini tal-Unjoni kienet tevita li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkollhom jiġġestixxu sitwazzjonijiet legali u amministrattivi kumplessi li jikkonċernaw grupp limitat biss ta’ persuni ( 27 ). Barra minn hekk, tqies li kien “fundamentalment inġust” li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu qed jaħdmu legalment u kienu assigurati f’wieħed mill-Istati Membri jiġu ttrattati b’mod differenti minn ċittadini tal-Unjoni mill-mument li jaqsmu waħda mill-fruntieri fi ħdan l-Unjoni ( 28 ).

52.

Madankollu, ir-Regolament Nru 883/2004 huwa bbażat fuq id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal moviment liberu. Diġà fis-snin ħamsin il-leġiżlatur tal-Unjoni rrealizza li l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni jkun imxekkel b’mod sinjifikattiv jekk dawn il-ħaddiema ma setgħux jieħdu magħhom id-drittijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom ( 29 ). Billi ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jibbenefikawx mill-istess dritt għall-moviment liberu, kellha tintuża bażi legali differenti sabiex il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tiġi estiża għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi ( 30 ). B’differenza mir-Regolament Nru 883/2004, ir-Regolament Nru 1231/2010 kien għalhekk ibbażat fuq l-Artikolu 79(2)(b) TFUE.

53.

L-Artikolu 79(2) TFUE jawtorizza lill-Unjoni tadotta miżuri li jiddefinixxu d-drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru, inkluż il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu u r-residenza fl-Istati Membri l-oħra. Madankollu, kif inhu ċar fl-Artikolu 79(2) TFUE, huwa għall-finijiet tal-Artikolu 79(1) TFUE li tali miżuri jistgħu jiġu adottati, jiġifieri għall-finijiet tal-politika komuni tal-immigrazzjoni intiża li tiżgura amministrazzjoni effikaċi tal-flussi migratorji, trattament ġust taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz residenti b’mod regolari fl-Istati Membri, kif ukoll prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u tat-traffikar tal-bnedmin u ġlieda msaħħa kontra dawn tal-aħħar ( 31 ).

54.

Il-politika tal-migrazzjoni tal-Unjoni, li minnha jagħmel parti r-Regolament Nru 1231/2010, hija bbażata wkoll fuq l-Artikolu 79 TFUE. Din il-politika għandha l-għan li tattira ħaddiema minn pajjiżi terzi u li dawn jiġu integrati fil-forza tax-xogħol tal-Istati Membri tal-Unjoni sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet eżistenti u futuri tas-suq tax-xogħol tal-Unjoni u sabiex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli tal-pajjiżi kollha. Fl-istess ħin, il-politika ta’ migrazzjoni tal-Unjoni tfittex li tiżgura li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu legalment fl-Unjoni jagħmlu dan taħt kundizzjonijiet ġusti u b’livell għoli ta’ protezzjoni soċjali. Madankollu, il-politika ma titlobx l-armonizzazzjoni ġenerali tal-kundizzjonijiet fuq id-dħul, is-soġġorn u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ( 32 ).

55.

Fil-kuntest tar-Regolament Nru 1231/2010, dan ifisser li, filwaqt li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom l-istess dritt għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ koordinazzjoni ma tagħtihom l-ebda dritt li jidħlu, jissoġġornaw jew jirrisjedu fi Stat Membru jew li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol tiegħu ( 33 ). Il-persuna kkonċernata għandha tkun diġà residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ( 34 ).

56.

Madankollu, dan il-kriterju għandu jiġu ssodisfatt fl-ewwel Stat Membru biss. Sabiex dak li jkun jibbenefika mill-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fit-tieni Stat Membru, il-kundizzjonijiet ta’ residenza legali ma għandhomx għalfejn ikunu ssodisfatti għal darba oħra għal soġġorni temporanji. Ladarba ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu kisbu l-istatus ta’ resident legali fl-ewwel Stat Membru, dawn jistgħu sempliċement jmorru fit-tieni pajjiż, inkonformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan il-pajjiż dwar id-dħul u s-soġġorn ( 35 ). Tista’ tgħid li l-istatus ta’ resident legali jiġi “esportat” lejn it-tieni Stat Membru.

57.

Għandu jiġi nnutat, madankollu, li dan l-istatus jista’ jiġi esportat biss sakemm jippersisti fl-ewwel Stat Membru.

58.

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi interpretat l-kliem “jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru” li jinsab fir-Regolament Nru 1231/2010.

B.   It-tifsira ta’ “jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru” fir-Regolament Nru 1231/2010

59.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-parteċipanti f’din il-kawża ffukaw id-diskussjonijiet tagħhom dwar jekk il-kunċett ta’ “residenti legalment” għall-finijiet tar-Regolament Nru 1231/2010 għandux jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ “residenza” kif iddefinit fir-Regolament Nru 883/2004. Il-parteċipanti kollha u l-qorti tar-rinviju qiesu li huwa stabbilit li l-preżenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati fl-Istati Membri kienet legali fi kwalunkwe każ.

60.

Skont l-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004, “residenza” tfisser “il-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha”.

61.

L-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, li kkonsolida ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprovdi wkoll li r-residenza għall-finijiet tar-Regolament Nru 883/2004 hija fejn hemm iċ-“ċentru ta’ interessi” tal-persuna kkonċernata. Id-determinazzjoni ta’ dan iċ-ċentru ta’ interessi tinkludi evalwazzjoni ċirkustanzjali li tqis fatturi bħalma huma t-tul ta’ preżenza, kwalunkwe attività li titwettaq, l-istatus tal-familja u r-rabtiet familjari, kwalunkwe attività mingħajr ħlas, is-sitwazzjoni domiċiljari jew residenza fiskali ( 36 ). Barra minn hekk, meta l-kunsiderazzjoni ta’ dawn il-kriterji ma twassalx għal riżultat definittiv, l-intenzjoni tal-persuna, kif tidher mill-fatti u miċ-ċirkustanzi rilevanti, għandha tkun deċiżiva sabiex tiġi stabbilita r-residenza ta’ din il-persuna.

62.

“Residenza” fir-Regolament Nru 883/2004 hija għalhekk kunċett fattwali.

63.

Dan minħabba li ċ-ċittadini tal-Unjoni, bħala materja ta’ dritt tal-Unjoni, igawdu minn dritt ġenerali ta’ residenza u ta’ moviment liberu fi ħdan l-Istati Membri kollha. Minn perspettiva legali, ma tista’ ssir l-ebda distinzjoni fir-relazzjoni bejn ċittadin tal-Unjoni u Stati Membru speċifiku mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni n-nazzjonalità ta’ din il-persuna. L-għan tar-Regolament Nru 883/2004 għalhekk ma huwiex li jiġi ddeterminat jekk iċ-ċittadini tal-Unjoni humiex intitolati jew le għall-koordinazzjoni tad-drittijiet tagħhom tas-sigurtà soċjali, imma pjuttost li jiġi ddeterminat l-Istat Membru li miegħu huma fil-fatt konnessi l-iktar mill-qrib. Bl-istess mod, persuni mingħajr Stat u refuġjati jgawdu minn dan id-dritt legali fuq il-bażi tal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri u għalhekk ġew inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 ( 37 ).

64.

B’kuntrast ma’ dan, ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jgawdux minn dritt ġenerali ta’ residenza u ta’ moviment liberu fi ħdan l-Istati Membri. Għaldaqstant, huma lanqas ma għandhom dritt ġenerali għal sigurtà soċjali “esportabbli”.

65.

Ir-Regolament Nru 1231/2010 b’hekk ifittex li jiddetermina bħala pass preliminari jekk ċittadin ta’ pajjiż terz għandux jew le d-dritt, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni, għall-koordinazzjoni tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali tiegħu. Kif tissuġġerixxi l-espressjoni stess, “residenti legalment fi Stat Membru” huwa kunċett ġuridiku. Id-definizzjoni tal-kunċett fattwali ta’ “residenza” fir-Regolament Nru 883/2004 għalhekk ma tista’ tkun ta’ ebda konsegwenza għall-interpretazzjoni ta’ “resident legali fi Stat Membru” għall-finijiet tar-Regolament Nru 1231/2010. Hija l-klassifikazzjoni legali tal-preżenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, li għandha tkun iddeterminata.

66.

Minn dan jirriżulta wkoll li l-kunċett ta’ “resident legali fi Stat Membru” għall-finijiet tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010, il-kunċett ta’ “residenza” kif iddefinit fl-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-kunċett ta’ “soġġorn”, li huwa ddefinit fl-Artikolu 1(k) tar-Regolament Nru 883/2004 bħala “residenza temporanja”, huma tliet kunċetti legali distinti fid-dritt tal-Unjoni ( 38 ).

67.

Fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ “residenti legalment” fir-Regolament Nru 1231/2010, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jitqiesu biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mir-regoli li tagħmel parti minnhom ( 39 ).

68.

Kif indikajt fil-punt 52 iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 883/2004 huwa intiż li jikkoordina d-drittijiet tas-sigurtà soċjali għal dawk il-persuni li jużaw il-libertà tagħhom li jiċċaqilqu fl-Unjoni. Madankollu, b’mod ġenerali ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jibbenefikawx mil-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fl-Unjoni. Għall-kuntrarju, id-dritt tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fl-Unjoni huwa dejjem ibbażat fuq dispożizzjonijiet legali espliċiti li joħolqu dan id-dritt. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni sħiħa, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jinstiltu mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali.

69.

F’termini tad-dritt tal-Unjoni, hemm numru ta’ strumenti li fuqhom jista’ jiġi bbażat id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, ikun biżżejjed li wieħed jiffoka fuq l-istrumenti li għandhom x’jaqsmu ma’ ħaddiema ta’ pajjiżi terzi bħal D. Balandin u I. Lukashenko li huma f’impjieg bi qligħ ( 40 ).

70.

Id-Direttiva dwar il-karta blu ( 41 ) u d-Direttiva dwar it-trasferimenti interazjendali ( 42 ) jipprovdu espressament, it-tnejn li huma, għad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza fl-Unjoni għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fl-Unjoni fuq il-bażi ta’ dawn l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni għandu jitqies li huwa “residenti legalment” għall-finijiet tar-Regolament Nru 1231/2010. L-istess jgħodd għal kwalunkwe ftehim ta’ assoċjazzjoni li jinkludu dispożizzjonijiet dwar ta’ moviment u ta’ residenza fl-Unjoni. Id-Direttiva dwar il-ħaddiema staġjonali, filwaqt li tippermetti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jaħdmu fi ħdan l-Unjoni fuq bażi temporanja, ma tipprevedix tali dritt u teskludi espressament li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jirrisjedu fl-Unjoni ( 43 ). Għalhekk, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin joqogħdu fl-Unjoni fuq il-bażi ta’ dan l-istrument legali tal-Unjoni żgur ma humiex ser jitqiesu li huma “residenti legalment” għall-finijiet tar-Regolament Nru 1231/2010 ( 44 ).

71.

Min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza jista’ jkun idderivat ukoll minn status legali bbażata fuq id-dritt nazzjonali. Madankollu, peress li l-Istati Membri biss huma kompetenti sabiex jirregolaw l-ammissjoni, inklużi l-volumi ta’ ammissjoni, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ xogħol, u peress li l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn u ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma humiex armonizzati b’mod sħiħ, il-kriterji għal tali status jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri ( 45 ). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, jirriżulta neċessarjament mill-istruttura ġenerali u mill-kuntest tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u sabiex jiġi ffaċilitat il-kontroll tal-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li dan l-istatus għandu jkun iċċertifikat permezz ta’ permess ta’ residenza. Skont ir-Regolament dwar il-permess ta’ residenza, għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni, “permess ta’ residenza” huwa “kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jħalli ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fit-territorju tiegħu, bl-eċċezzjoni [fost oħrajn] ta’ […] viżi” ( 46 ).

72.

Lil hinn mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-punti 69 sa 71 iktar ’il fuq, ma nista’ nipprevedi ebda sitwazzjoni fejn ħaddiem ta’ pajjiż terz jitqies li huwa residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru għall-finijiet tar-Regolament Nru 1231/2010, peress li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jgawdux minn dritt ġenerali ta’ moviment u ta’ residenza fl-Unjoni.

73.

D. Balandin u I. Lukashenko ġew ammessi fil-Pajjiżi l-Baxxi skont il-Kodiċi tal-Viża ta’ Schengen u, sa fejn jista’ jiġi dedott mill-proċess nazzjonali disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli nazzjonali dwar il-viża. Huma għandhom ukoll kuntratt ta’ xogħol ma’ HOI li jdum minn Ottubru sa Mejju.

74.

Jistgħu jitqiesu li huma “residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru” għall-finijiet tar-Regolament Nru 1231/2010?

75.

Ma naħsibx li jistgħu.

76.

L-ewwel nett, D. Balandin u I. Lukashenko ma għandhom l-ebda wieħed mill-permessi ta’ residenza maħruġa fuq il-bażi ta’ strumenti tad-dritt tal-Unjoni speċjalizzati msemmija fil-punt 70 jew fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

77.

It-tieni nett, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati li għandhom permess ta’ residenza maħruġ fuq il-bażi ta’ kriterji tal-liġi nazzjonali billi l-viżi ma humiex meqjusa “permessi ta’ residenza” għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 47 ).

78.

It-tielet nett, il-preżenza ta’ D. Balandin u ta’ I. Lukashenko fil-Pajjiżi l-Baxxi tista’, f’kull każ, tkun legali biss għall-perijodu li matulu huma permessi li jibqgħu hemm. Billi huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi tar-Regolament Nru 1231/2010 li r-residenza legali hija “esportata” mill-ewwel Stat Membru lejn Stati Membri oħra ( 48 ), iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jitqiesu li huma residenti legalment fl-ewwel Stat Membru għall-perijodu kollu li fih tkun qed tintalab il-kopertura. Anki kieku tingħata interpretazzjoni iktar liberali ta’ “residenti legalment”, din tal-aħħar tista’ ddum biss għal massimu ta’ 90 jum fuq il-bażi tal-viża ta’ Schengen tagħhom. Ma huwiex biżżejjed li f’dan ir-rigward D. Balandin u I. Lukashenko jistgħu jkunu qegħdin joqogħdu legalment fl-Istati Membri l-oħra. F’ċirkustanzi fejn ir-residenza legali ma tistax tiġi esportata, il-prerekwiżiti għal residenza legali jkollhom jiġu ssodisfatti fl-Istat Membru li jmiss.

79.

Minn dan isegwi li D. Balandin u I. Lukashenko ma jistgħux jitqiesu li huma residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għalhekk ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1231/2010.

80.

Kuntrarjament għal dak li ġie argumentat mis-SvB u mill-Gvern Olandiż waqt is-seduta, D. Balandin u I. Lukashenko lanqas ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “residenti legalment” fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-finijiet tar-Regolament Nru 1231/2010 fuq il-bażi tas-sede ta’ HOI fil-Pajjiżi l-Baxxi. Filwaqt li dan kien ikun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-residenza taħt ir-Regolament Nru 883/2004, iż-żewġ skejters fuq is-silġ l-ewwel għandhom jissodisfaw il-prerekwiżiti tar-Regolament Nru 1231/2010 sabiex id-dispożizzjonijiet tal-ewwel regolament ikunu jistgħu jestendu għalihom ukoll.

81.

Inżid ukoll li d-dipendenza fuq il-post tax-xogħol għall-finijiet tar-Regolament Nru 883/2004 sabiex jiġi stabbilit l-istatus legali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz tkun teħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun effettivament awtorizzata sabiex taħdem fl-Istat Membru kkonċernat. D. Balandin u I. Lukashenko, sa fejn seta’ jiġi stabbilit waqt is-seduta, jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr permess tax-xogħol billi jiddependu fuq eċċezzjoni li tippermetti li l-artisti jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi sa sitt ġimgħat fi kwalunkwe perijodu ta’ tlettax-il ġimgħa. Jekk ninsew għal mument il-kwistjoni ta’ jekk tali eċċezzjoni tistax tapplika għal artisti li huma f’impjieg bi qligħ, anki f’ċirkustanzi fejn D. Balandin u I. Lukashenko setgħu jiddependu fuq il-post tax-xogħol tagħhom sabiex tiġi stabbilita r-residenza legali tagħhom fi Stat Membru, dawn jistgħu jiġu kkunsidrati li jaħdmu biss fil-Pajjiżi l-Baxxi għal massimu ta’ sitt ġimgħat.

82.

Kuntrarjament għal dak li ġie argumentat mill-Gvern Franċiż, D. Balandin u I. Lukashenko ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1231/2010 jekk dan jitqabbel mad-Direttiva dwar il-ħaddiema staġjonali. Mhux biss din id-direttiva speċifikament teskludi residenza fl-Unjoni, iżda teskludi wkoll liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jwettqu attivitajiet f’isem impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor fil-qafas tal-provvista ta’ servizzi ( 49 ).

83.

Fl-aħħar nett, il-konstatazzjoni li D. Balandin u I. Lukashenko ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1231/2010 hija kkorroborata mill-kundizzjonijiet u mill-proċeduri applikabbli għall-viża ta’ Schengen. L-Artikolu 15 tal-Kodiċi tal-Viża ta’ Schengen jeħtieġ li l-applikanti għall-viża ta’ Schengen għal dħul multiplu jipprovaw li huma fil-pussess ta’ assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida ( 50 ). Bħala prinċipju, l-applikanti għandhom jagħmlu l-assigurazzjoni fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom ( 51 ). Barra minn hekk, l-applikanti jiddikjaraw fil-kors tal-applikazzjoni tal-viża tagħhom li ma humiex biħsiebhom jirrisjedu fl-Unjoni u li għandhom għeruq suffiċjenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom sabiex jiġi żgurat ir-ritorn tagħhom.

84.

Għalhekk nikkonkludi li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jaħdmu f’diversi Stati Membri tal-Unjoni għal persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda li ma jkollhomx permess ta’ residenza fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, ma jistgħux jinvokaw (it-Titolu II tar-)Regolament Nru 883/2004 u r-Regolament Nru 987/2009.

85.

Balandin et isostnu li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1231/2010 għas-sitwazzjoni ta’ D. Balandin u ta’ I. Lukashenko hija essenzjali għal HOI sabiex tkun tista’ tipprovdi s-servizzi tagħha fi Stati Membri oħra. Għalhekk, bħala l-aħħar pass, ser nikkunsidra jekk il-libertà ta’ HOI sabiex tipprovdi servizzi għandhiex xi effett fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010.

C.   Il-libertà ta’ HOI li tipprovdi servizzi għandha xi effett fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010?

86.

Waqt is-seduta, is-SvB appoġġa lil Balandin et fl-argument tagħhom li D. Balandin u I. Lukashenko għandhom jitqiesu li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1231/2010 għaliex inkella HOI tiġi mfixkla fil-libertà tagħha li tipprovdi servizzi fi ħdan l-Unjoni. Is-SvB speċifikament ibbaża ruħu f’dan ir-rigward fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Vander Elst.

87.

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif iggarantita minn dak li issa huwa l-Artikolu 56 TFUE, teħtieġ it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni meta tkun tali li tipprojbixxi jew b’mod ieħor tfixkel l-attivitajiet ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn il-fornitur jipprovdi legalment servizzi analogi ( 52 ).

88.

Hawnhekk ta’ min jagħmel ċerti osservazzjonijiet.

89.

L-ewwel nett, il-ġurisprudenza Vander Elst hija irrilevanti f’din il-kawża. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Vander Elst u l-ġurisprudenza li tnisslet minn dik il-kawża kienu jirrigwardaw ħaddiema stazzjonati fi Stat Membru ieħor. Fl-ewwel lok il-ħaddiema kollha kkonċernati kienu ssodisfaw ir-rekwiżiti legali għal residenza u impjieg fl-Istat emtittenti ( 53 ). Il-kwistjoni legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet pjuttost jekk, meta l-ħaddiema jiġu stazzjonati fl-Istat riċeventi, huma jkunux kisbu aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dan tal-aħħar u, fl-affermattiv, jekk l-Istat riċeventi jistax, minħabba f’hekk, jimponi rekwiżiti addizzjonali ( 54 ).

90.

It-tieni nett, HOI għandha l-għażla li tikseb permessi ta’ residenza għal D. Balandin u I. Lukashenko fuq il-bażi tad-Direttiva dwar il-permess uniku ( 55 ). Malli D. Balandin u I. Lukashenko jkollhom permessi ta’ residenza, huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1231/2010. Fuq il-bażi ta’ tali permess, dawn jistgħu mbagħad jintbagħtu mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn Stati Membri oħra fejn huma jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom u għaldaqstant ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 u tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu.

91.

It-tielet nett, konsegwenza tal-fatt li HOI tuża taħlita ta’ eċċezzjonijiet li jinsabu fid-dritt tal-Unjoni u fil-liġijiet nazzjonali hija li D. Balandin u I. Lukashenko ma jistgħux jinvokaw ċerti drittijiet li altrimenti kienu jgawdu skont id-dritt tal-Unjoni (pereżempju, id-Direttiva dwar il-permess uniku) –– notevolment, id-dritt għal trattament ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż il-ħlas u t-tkeċċija kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ( 56 ). Ikun assurd jekk id-dipendenza fuq waħda mil-libertajiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni tintuża sabiex jiġi evitat wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema kif ukoll tar-Regolament Nru 1231/2010, jiġifieri sabiex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jingħataw drittijiet u obbligi paragunabbli ma’ dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni ( 57 ). Barra minn hekk, strument tad-dritt tal-Unjoni ma għandux jiġi interpretat b’tali mod li jagħmilha possibbli li d-drittijiet iggarantiti skont id-dritt tal-Unjoni jiġu abbużati ( 58 ).

92.

Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-libertà ta’ HOI li tipprovdi servizzi fl-Unjoni ma taffettwax l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010.

IV. Konklużjoni

93.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi mressqa miċ-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku (il-Pajjiżi l-Baxxi)), kif ġej:

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jaħdmu f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea għal persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda li ma jkollhomx permess ta’ residenza fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali, ma jistgħux jinvokaw (it-Titolu II tar-)Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (ĠU 2010, L 344, p. 1).

( 3 ) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

( 4 ) Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009 L 243, p. 1)

( 5 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiz terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 3).

( 6 ) Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU 2011 L 343, p. 1).

( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 tal-14 ta’ Mejju 2003 li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 317).

( 8 ) Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1).

( 9 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).

( 10 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83).

( 11 ) Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Mejju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2012, L 149, p. 4).

( 12 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, dwar kawżi b’fatti ipotetiċi, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1980, Foglia (104/79, EU:C:1980:73) u s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, EU:C:1981:302). Barra minn hekk, ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 1995, Leclerc-Siplec (C‑412/93 EU:C:1995:26, punt 14), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-partijiet fil-proċeduri prinċipali jaqblu dwar ir-riżultat li għandu jinkiseb ma huwiex biżżejjed sabiex it-tilwima tkun inqas reali.

( 13 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva (C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 27); sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Hadj Ahmed (C‑45/12, EU:C:2013:390, punti 1231); u s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Xhymshiti (C‑247/09, EU:C:2010:698, punt 29).

( 14 ) Ara l-Artikolu 1(1) ta-Kodiċi tal-Viża ta’ Schengen.

( 15 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punti 3233 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, X (C‑486/12, EU:C:2013:836, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Hadj Ahmed (C‑45/12, EU:C:2013:390, punt 32), u s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Xhymshiti (C‑247/09, EU:C:2010:698, punt 37).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 20). Ara wkoll is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Kirin Amgen (C‑66/09, EU:C:2010:484, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara l-Anness tar-Regolament Nru 859/2003.

( 21 ) Ara Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru […] għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (COM(2007) 439 final), punt 1 tal-Memorandum Spjegattiv – Kuntest tal-Proposta). Ara wkoll id-dokument tal-Kunsill Nru 14762/01 (“It-2392 laqgħa tal-Kunsill – Politika tal-Impjiegi u Soċjali – Brussels, 3 ta’ Diċembru 2001’), paġni 7 u 8, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, konklużjoni 21.

( 22 ) Ara l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali (COM(1998) 779 finali), p. 1.

( 23 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, B. (C‑394/13, EU:C:2014:2199, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, I (C‑255/13, EU:C:2014:1291, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2004.

( 25 ) Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010.

( 26 ) Ara l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali (COM(1998) 779 finali), p. 2.

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1231/2010.

( 28 ) Ara d-dokument tal-Kunsill Nru 12296/01, Addendum 2 (“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali – Parametri bil-ħsieb li jiġi mmodernizzat ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 = Nota spjegattiva”), p. 11.

( 29 ) Ara r-Regolament Nru 3 tal-1958 dwar is-sigurtà soċjali ta’ ħaddiema migranti (ĠU 1958, 30, p. 561), u d-dokument tal-Kunsill Nru 12296/01, Addendum 1 (“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali – Parametri bil-ħsieb li jiġi mmodernizzat ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Test tal-parametri”), p. 3.

( 30 ) Ara d-dokument tal-Kunsill Nru 12296/01 (“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali – Parametri bil-ħsieb li jiġi mmodernizzat ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71”), p. 4, li jirreferi għas-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2001, Khalil et (C‑95/99 sa C‑98/99 u C 180/99, EU:C:2001:532).

( 31 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punti 4142).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, id-dokument tal-Kunsill Nru 16879/1/06 (“Kunsill Ewropew ta’ Brussell 14/15 ta’ Diċembru 2006 – Konklużjonijiet tal-Presidenza”), paġni 6 sa 12 u d-dokumenti msemmija hemmhekk, kif ukoll il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru […] għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (COM(2007) 439 finali).

( 33 ) Ara l-premessa 10 tar-Regolament Nru 1231/2010.

( 34 ) Ara l-premessa 11 tar-Regolament Nru 1231/2010.

( 35 ) Ara l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru […] għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (COM(2007) 439 finali), p. 6 tal-Memorandum Spjegattiv).

( 36 ) Ara r-Regolament Nru 987/2009, Artikolu 11(1).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2001, Khalil et (C‑98/99 u C‑180/99, EU:C:2001:532, punti 39 sa 58).

( 38 ) Għalkemm f’xi lingwi, bħall-Olandiż, tista’ tintuża, għat-tliet kunċetti, l-istess terminoloġija jew terminoloġija tant simili li tista’ tqarraq b’dak li jkun.

( 39 ) Sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Kirin Amgen (C‑66/09, EU:C:2010:484, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Eżempji oħra huma d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), jew id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU 2016, L 132, p. 21).

( 41 ) Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU 2009, L 155, p. 17).

( 42 ) Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fil-qafas ta’ trasferiment intra-azjendali (ĠU 2014, L 157, p. 1).

( 43 ) Ara d-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU 2014, L 95, p. 375), Artikolu 2.

( 44 ) Anki għalkemm ma jitqisux li huma residenti legalment, il-ħaddiema staġjonali jistgħu madankollu jibbenefikaw mill-kopertura tas-sigurtà soċjali. Madankollu, id-dritt tagħhom għas-sigurtà soċjali huwa bbażat, b’mod eċċezzjonali, speċifikament fuq l-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva dwar il-ħaddiema staġjonali. Bl-istess mod, hemm strumenti oħra tal-liġi tal-Unjoni jew saħansitra dispożizzjonijiet nazzjonali li speċifikament jipprovdu kopertura tas-sigurtà soċjali fejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati ma jistgħux jitqiesu li huma “residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru” għall-finijiet tar-Regolament Nru 1231/2010.

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessi 3 u 6 tad-Direttiva dwar il-permess uniku.

( 46 ) Ara l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament dwar il-permess ta’ residenza. Dan jinkludi wkoll permess maħruġ skont id-Direttiva dwar il-permess uniku.

( 47 ) Ara l-Artikolu 1(2)(a)(i) tar-Regolament dwar il-permessi ta’ residenza.

( 48 ) Ara l-punti 56 u 57 iktar ’il fuq.

( 49 ) Ara l-Artikolu 2(1) u (3)(a) tad-Direttiva dwar il-ħaddiema staġjonali.

( 50 ) Ara l-Artikolu 15(2) tal-Kodiċi tal-Viża ta’ Schengen.

( 51 ) Ara l-Artikolu 15(4) tal-Kodiċi tal-Viża ta’ Schengen.

( 52 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C‑43/93, EU:C:1994:310, punt 14 u l-ġurisprudenzza ċċitata).

( 53 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C‑43/93, EU:C:1994:310, punt 3).

( 54 ) Sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C‑43/93, EU:C:1994:310, punt 11). Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie (C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 51 sa 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:288, punti 85 sa 95).

( 55 ) Ara l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-permess uniku.

( 56 ) Ara l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva dwar il-permess uniku.

( 57 ) Ara l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1231/2010.

( 58 ) Ara, f’dan is-sens, il-konkużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Halifax et (C‑255/02, EU:C:2005:200, punt 69).