KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2018 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑412/17 u C‑474/17

Bundesrepublik Deutschland

vs

Touring Tours und Travel GmbH (C‑412/17),

Sociedad de Transportes SA (C‑474/17)

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqin mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (KE) Nru 562/2006 – Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) – Artikoli 20 u 21 – Tneħħija ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni taż-żona Schengen – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li operatur tat-trasport bil-karozzi tal-linja li jaqsam il-fruntieri interni taż-żona Schengen jikkontrolla l-passaporti u l-permessi ta’ residenza tal-passiġġieri – Direttiva 2002/90/KE – Deċiżjoni Qafas 2002/946/ĠAI – Iffaċilitar tad-dħul illegali”

I. Introduzzjoni

1.

Għalkemm il-konnessjonijiet tat-toroq internazzjonali bil-karozzi tal-linja jippermettu liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni regolari li jiċċaqilqu b’mod liberu fi ħdan l-Unjoni, huma wkoll opportunità għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari li jieħdu vantaġġ mill-faċilitajiet li toffri din iż-żona ta’ moviment liberu u għalhekk jikkostitwixxu mezz ta’ immigrazzjoni illegali.

2.

Kif nistgħu niġġieldu kontra din l-immigrazzjoni irregolari fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fiha tinsab iż-żona Schengen, minbarra permezz tar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, mingħajr ma tiġi kompromessa l-libertà ta’ moviment imwiegħda liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fiha?

3.

Stat Membru jista’ jeżiġi li impriżi ta’ trasport ( 2 ) bil-karozzi tal-linja li joperaw servizzi regolari transkonfinali fi ħdan iż-żona Schengen jikkontrollaw, qabel ma jaqsmu l-fruntieri interni, li l-passiġġieri għandhom id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa biex jidħlu fit-territorju nazzjonali u jippenalizzaw kull ksur ta’ dan l-obbligu mingħajr ma jistabbilixxu mill-ġdid fruntieri fejn dawn, fil-prinċipju, tneħħew?

4.

Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawżi bejn Touring Tours und Travel GmbH u Sociedad de Transportes SA, żewġ impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja stabbiliti rispettivament fil-Ġermanja u fi Spanja, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar deċiżjonijiet li jipprojbixxulhom milli jittrasportaw fit-territorju Ġermaniż ċittadini barranin mingħajr il-passaport jew il-permess ta’ residenza meħtieġa skont l-Artikolu 13(1) tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali) ( 3 ), tat-30 ta’ Lulju 2004, u li timponulhom multa ta’ EUR 1000 għal kull barrani fil-każ ta’ ksur ta’ din il-projbizzjoni.

5.

Sabiex jiġi żgurat li l-barranin jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni biex jaqsmu l-fruntiera, il-leġiżlatur Ġermaniż jeżiġi fil-fatt li l-impriżi ta’ trasport bl-ajru, bil-baħar u fuq l-art, bl-eċċezzjoni tat-traffiku ferrovjarju transkonfinali, jivverifikaw li dawn huma fil-pussess tad-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa.

6.

Għalhekk, l-Artikolu 63 tal-AufenthG, intitolat “Obbligi tal-impriżi tat-trasport” ( 4 ), li l-legalità tiegħu fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata hawnhekk, jipprovdi:

“1.   Trasportatur jista’ jġorr barranin fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja biss meta dawn ikollhom il-passaport u l-permess ta’ residenza meħtieġa.

2.   Il-Bundesministerium des Innern [il-Ministeru Federali għall-Intern, il-Ġermanja] jew l-awtorità ddetermina minnu jista’, bi ftehim mal-Bundesministerium für Verkehr und digitale Infrastruktur [il-Ministeru Federali għat-Trasport u għall-Infrastruttura Diġitali, il-Ġermanja], jipprojbixxi lil trasportatur milli jittrasporta barranin fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bi ksur tal-paragrafu 1 u jhedded lil din l-impriża b’pagamenti ta’ penalità fil-każ ta’ ksur. […]

3.   L-ammont tal- pagamenti ta’ penalità imposti fuq it-trasportatur għandu jkun ta’ mill-inqas EUR 1000 u mhux iktar minn EUR 5000 għal kull barrani li l-imsemmija impriża tittrasporta bi ksur ta’ deċiżjoni adottata skont il-paragrafu 2. […]

4.   Il-Ministeru Federali għall-Intern jew l-awtorità li jkun innomina jistgħu jiftiehmu mat-trasportaturi dwar ir-regoli li jimplimentaw l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1.”

7.

Din il-leġiżlazzjoni tittrasponi kemm fl-obbligi li tistabbilixxi kif ukoll fis-sanzjonijiet li tiffissa, l-obbligi adottati fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ( 5 ), kif supplimentat mid-Direttiva 2001/51/KE ( 6 ). Għaldaqstant din ma hijiex leġiżlazzjoni iżolata ( 7 ). Skont l-Artikolu 26 tal-KIFS, din il-leġiżlazzjoni għandha tapplika fir-rigward ta’ trasportaturi minn Stat li miegħu ma japplikax l-acquis ta’ Schengen.

8.

L-Artikolu 63 tal-AufenthG, għaldaqstant, ma jistax jiġi kkritikat jekk jiġi applikat għat-trasportaturi li jittrasportaw barrani meta jaqsmu l-fruntiera esterna ta’ Stat Membru.

9.

Dak li huwa iktar kritikabbli, min-naħa l-oħra, jew li, f’kull każ, iqajjem diffikultà, huwa l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-impriżi tat-trasport bil-karozzi tal-linja li joffru servizz regolari transkonfinali fiż-żona Schengen u li għalhekk iwasslu barrani fuq il-fruntiera interna ta’ Stat Membru ( 8 ). Fil-fatt, in-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni huwa proprju l-essenza stess taż-żona Schengen ( 9 ).

10.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri fil-kawżi quddiemha sabiex tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

11.

Permezz ta’ żewġ domandi preliminari, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 67(2) TFUE, kif ukoll l-Artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludux li Stat Membru japplika għal impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja, li joffru servizz regolari transkonfinali fi ħdan l-istess żona Schengen, leġizlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, teżiġi li t-trasportaturi jivverifikaw, qabel il-qsim tal-fruntiera, li l-passiġġieri tagħhom ikollhom il-passaport u l-permess ta’ residenza meħtieġa għad-dħul regolari fit-territorju nazzjonali u, min-naħa l-oħra, tippenalizza kull nuqqas ta’ konformità ma’ dan l-obbligu ta’ kontroll.

12.

Id-domandi li qed tagħmlilna l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) huma ġodda.

13.

Fil-fatt, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli ( 10 ), tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil ( 11 ), u tal-21 ta’ Ġunju 2017, A. ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-konformità ta’ kontrolli minn awtoritajiet li kellhom awtorità pubblika u li saru fl-istess territorju ta’ Stat Membru, fuq il-fruntiera jew fiż-żona tal-fruntiera tiegħu mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Madankollu, il-kontrolli mwettqa skont l-Artikolu 63 tal-AufenthG hawnhekk qed isiru mill-persunal ta’ trasportaturi privati, li ma għandhomx awtorità ta’ pulizija, u li jridu jsiru qabel il-qsim tal-fruntiera interna u għalhekk barra t-territorju tal-Istat Membru.

14.

L-isfida tar-risposti għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju hija ċara.

15.

Irid jiġi ddeterminat sa fejn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni – li ċċaħħad liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari mill-possibbiltà li jivvjaġġaw minn Stat Membru għal ieħor bl-użu ta’ mezz ta’ trasport, f’dan il-każ, ir-rotot regolari bil-karozzi tal-linja – tikkostitwixxi, fis-sens tal-Artikolu 3 TUE, “miżura xierqa” dwar l-immigrazzjoni f’żona li hija intenzjonata li tkun spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, iżda fi żmien meta t-terroriżmu, il-kriminalità transkonfinali u r-riskji ta’ movimenti sekondarji ta’ persuni li jkunu qasmu b’mod irregolari l-fruntieri esterni joħolqu theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna tal-Istati Membri.

16.

Illum, bosta huma dawk li qed jitolbu l-introduzzjoni mill-ġdid tal-fruntieri interni – billi jinvokaw il-lakuni u n-nuqqasijiet li jaffettwaw il-kontrolli fuq il-fruntieri esterni taż-żona Schengen – u li qed jagħmlu xi aġġustamenti fil-liġijiet tagħhom ( 13 ). Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tenfasizza għalhekk li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi “kontromiżura effettiva” għal dawn il-movimenti sekondarji, u b’hekk tirrimedja l-permeabbiltà jew il-porożità tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen fejn ma ġewx introdotti mill-ġdid temporanjament il-kontrolli fuq il-fruntieri interni.

17.

Fl-ewwel lok, ser neżamina l-kontrolli inkwistjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li fuqhom il-qorti tar-rinviju tibbaża t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

18.

F’dan ir-rigward, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom dawn il-kontrolli għandhom, fil-fehma tiegħi, jitqabblu ma’ “verifiki fuq il-fruntiera” ipprojbiti skont l-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Jien inqis, fil-fatt, li bl-istabbiliment ta’ tali obbligu ta’ kontroll, l-Istat Membru juża leġiżlazzjoni oriġinarjament intenzjonata għall-kontrolli tal-fruntieri esterni, jerġa’ joħloq b’mod moħbi fruntieri fejn dawn fil-prinċipju tneħħew u jevita l-projbizzjoni fil-prinċipju stabbilita fl-Artikoli 1 u 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

19.

Filwaqt li l-Istati Membri għandhom interess perfettament leġittimu li jikkontrollaw l-immigrazzjoni illegali, naħseb li ma huwiex permezz ta’ mekkaniżmu stabbilit barra l-qafas u l-limiti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u li jeżiġi li l-impriżi ta’ trasport jeżerċitaw, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, kontrolli u jagħmlu evalwazzjonijiet li normalment jaqgħu taħt l-awtorità esklużiva tal-pulizija, li wieħed għandu jiġġieled kontra din l-immigrazzjoni irregolari.

20.

Mekkaniżmu bħal dan huwa ineffiċjenti u dubjuż fir-rigward tal-protezzjoni ta’ ċerti drittijiet fundamentali bħad-dritt għal-ażil stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 14 ).

21.

Fl-opinjoni tiegħi, jekk dan jiġi leġittimizzat, dan ikun mhux biss a skapitu tal-prinċipji li fuqhom hija bbażata ż-żona Schengen, iżda wkoll tar-realtà tagħha, peress li attwalment din tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni regolari li jiksbu l-benefiċċji kollha tal-moviment ħieles li hija tiżgura. Ikun ifisser ukoll li qed tiġi injorata l-kompetenza tal-pulizija li jħarsu lill-Istati Membri sabiex jiżguraw l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna fit-territorju tagħhom u strumenti ta’ kooperazzjoni li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, ikun ifisser li qed jiġu injorati l-bosta strumenti leġiżlattivi li ġew adottati fl-Unjoni sabiex jiġu kkontrollati aħjar il-flussi migratorji u, b’mod partikolari, il-miżuri adottati fil-qasam tal-ġestjoni u l-kontroll tal-fruntieri esterni u l-ġlieda kontra l-iffaċilitar tal-immigrazzjoni illegali.

22.

It-tieni nett, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawżi li għandha quddiemha, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma intiżi speċifikament għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u, b’mod partikolari, ta’ dawk stabbiliti taħt id-Direttiva 2002/90/KE ( 15 ), u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946/ĠAI ( 16 ), biex jitrażżan l-iffaċilitar ta’ dħul, tranżitu u residenza irregolari.

23.

F’dan ir-rigward nindika li, fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkonstataw li impriżi ta’ trasport, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-realtà qed japprofittaw mill-attivitajiet tagħhom sabiex jgħinu, deliberatament, lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jidħlu illegalment fit-territorju nazzjonali u jqisu li l-elementi materjali u intellettwali tal-ksur ta’ għajnuna għad-dħul irregolari huma sodisfatti, huma jkunu obbligati mbagħad li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dan il-ksur ikun suġġett għal sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, skont il-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva 2002/90 u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946.

II. Il-fatti tal-kawżi prinċipali

24.

L-impriżi tat-trasport inkwistjoni joffru vjaġġi bil-karozzi tal-linja u joperaw b’mod partikolari rotot regolari lejn il-Ġermanja li jaqsmu l-fruntieri bejn il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi u bejn il-Ġermanja u l-Belġju.

25.

Peress li l-Bundespolizeipräsidium (id-Direttorat tal-Pulizija Federali, il-Ġermanja) qies li dawn l-impriżi kienu ttrasportaw fil-Ġermanja, bi ksur tal-Artikolu 63(1) tal-AufenthG, numru kbir ta’ barranin mingħajr id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa, bagħtilhom, f’Novembru 2013 u f’Marzu 2014, rispettivament, “twissija” li fiha elenka l-każijiet ta’ trasport mhux awtorizzat u, fuq il-bażi tal-Artikolu 63(2) tal-AufenthG, ħabbar li, f’każ li l-ksur ikompli, ma kinux se jitħallew jittrasportaw barranin fit-territorju nazzjonali meta dawn ma jkollhomx id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa.

26.

Sussegwentement, wara li kkonstata li l-ksur kompla, id-Direttorat tal-Pulizija Federali adotta tali deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni, fis-26 ta’ Settembru 2014 u fit-18 ta’ Novembru 2014 rispettivament, li kienu akkumpanjati b’theddida ta’ pagamenti ta’ penaltà ta’ EUR 1000 għal kull ksur ġdid.

27.

Dawn id-deċiżjonijiet kienu jipprovdu, bħala motivazzjoni, li l-impriżi tat-trasport inkwistjoni kienu obbligati, skont l-Artikolu 63(1) tal-AufenthG, li jagħmlu biżżejjed sforzi biex jevitaw it-trasport fuq it-territorju Ġermaniż ta’ kull barrani li ma għandux id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa, obbligi li huma f’pożizzjoni li jissodisfaw kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt. Għal dan il-għan, dawn l-impriżi huma obbligati jivverifikaw dawn id-dokumenti waqt il-kontroll tal-biljetti meta jitilgħu fil-karozza tal-linja u jistgħu jirrifjutaw li l-barranin mingħajr id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa jitilgħu fil-karozza tal-linja.

28.

Adita mill-impriżi ta’ trasport inkwistjoni li appellaw minn dawn id-deċiżjonijiet, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) annullathom, billi qieset, essenzjalment, li, fid-dawl tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 63(2) tal-AufenthG ma kellux jiġi applikat peress li l-applikazzjoni tiegħu għal impriżi li jittrasportaw barranin lejn il-Ġermanja waqt il-qsim tal-fruntiera interna ta’ Schengen tmur kontra l-Artikolu 67(2) TFUE u l-Artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Fil-fatt, il-kontrolli imposti fuq dawn l-impriżi kellhom jiġu kklassifikati bħala “miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntieri”, fis-sens tal-Artikolu 21 ta’ dan il-Kodiċi, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura sistematika tagħhom u minħabba li jsiru qabel ma tinqasam il-fruntiera.

29.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rikors għal “Reviżjoni” kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet, b’mod partikolari, li d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-Direttiva 2002/90, kif ukoll id-Deċiżjoni Qafas 2002/946, li huma dispożizzjonijiet speċjali meta mqabbla ma’ dawk previsti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jeħtieġu li jiġi ssanzjonat il-ksur tal-projbizzjonijiet ta’ trasport, bħal dak previst mill-Artikolu 63 tal-AufenthG.

30.

Fi kwalunkwe każ, il-kontroll ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġ minn din id-dispożizzjoni nazzjonali ma jistax jiġi kklassifikat bħala “miżura li għandha effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntieri”, fis-sens tal-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Fil-fatt, l-għan imfittex ma huwiex li jiġi kkontrollat il-qsim tal-fruntiera, iżda l-infurzar tad-dispożizzjonijiet dwar id-dħul fit-territorju. Barra minn hekk, peress li dawn il-kontrolli ma jsirux minn uffiċjali pubbliċi, iżda minn persunal privat, il-firxa u l-intensità tagħhom huma inqas minn dawk ta’ verifika fuq il-fruntiera. Għaldaqstant, huwa impossibbli li jintużaw miżuri ta’ infurzar jew ta’ investigazzjoni f’każ ta’ rifjut ta’ sottomissjoni għall-kontroll.

III. Id-domandi preliminari

31.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 67(2) [TFUE], kif ukoll l-Artikoli [20 u 21] tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] jipprekludu dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li finalment teżiġi li l-impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linji li joperaw servizzi regolari transkonfinali fi ħdan iż-żona Schengen jikkontrollaw id-dokumenti ta’ qsim ta’ fruntieri tal-passiġġieri tagħhom qabel il-qsim ta’ fruntiera interna, sabiex jipprevjenu trasport ta’ barranin li ma għandhomx passaport u permess ta’ residenza fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja?

B’mod partikolari:

a)

L-obbligu legali ġenerali jew l-obbligu impost mill-awtoritajiet fuq impriżi ta’ trasport individwali, li ma jittrasportawx barranin fit-territorju Ġermaniż mingħajr il-passaport meħtieġ jew il-permess ta’ residenza meħtieġ, li jista’ jiġi ssodisfatt biss billi jiġu kkontrollati d-dokumenti ta’ qsim ta’ fruntieri tal-passiġġieri kollha qabel il-qsim tal-fruntiera interna, jikkostitwixxi verifika fuq il-persuni fuq il-fruntieri interni fis-sens tal-Artikolu [20] tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] jew għandu jiġi assimilat għal tali verifika?

b)

L-impożizzjoni tal-obbligi msemmija fil-punt (1) għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-Artikolu [21](a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, minkejja li l-impriżi ta’ trasport ma jeżerċitawx “setgħat ta’ pulizija” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u minkejja li l-obbligu li jwettqu kontrolli li huwa impost fuqhom mill-Istat ma jawtorizzahomx formalment sabiex jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika?

c)

Fil-każ li l-ewwel domanda, punt (b), tingħata risposta fl-affermattiv: fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu [21](a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-kontrolli mitluba mill-impriżi ta’ trasport jikkostitwixxu miżura illegali ta’ effett ekwivalenti għal kontrolli fuq il-fruntieri?

d)

L-impożizzjoni tal-obbligi msemmija fil-punt (1) sa fejn hija tirrigwarda impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linji li joperaw servizzi regolari, għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-Artikolu [21](b), tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jipprevedi li l-assenza ta’ kontroll fuq il-fruntieri interni ma għandhiex taffettwa l-kompetenza tal-impriżi ta’ trasport li jwettqu kontrolli ta’ sigurtà fuq il-persuni fil-portijiet jew fl-ajruporti? Minn dan jirriżulta li l-kontrolli fis-sens tal-ewwel domanda mwettqa barra minn portijiet u ajruporti ma humiex permessi meta ma jikkostitwixxux kontrolli ta’ sigurtà u ma jitwettqux ukoll fuq persuni li jivvjaġġaw fi ħdan l-Istat Membru?

2)

L-Artikoli [20] u [21] tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludu leġiżlazzjonijiet li jippermettu, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligu, li tiġi adottata deċiżjoni ta’ projbizzjoni taħt piena ta’ penalità kontra impriża ta’ trasport bil-karozzi tal-linji jekk, minħabba li l-kontrolli ma twettqux, barranin ġew ukoll ittrasportati fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja minkejja li ma kellhomx passaport u permess ta’ residenza?”

32.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata mill-Bundespolizeipräsidium (id-Direttorat tal-Pulizija Federali), kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali.

IV. Osservazzjonijiet preliminari

33.

Qabel l-eżami tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li huwa importanti li nagħmel punt preliminari dwar l-obbligi li għalihom huma suġġetti l-Istati Membri f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni.

34.

Skont l-Artikolu 3(2) TUE “[l]-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha”.

35.

F’din iż-żona mingħajr fruntieri interni bħalma huwa l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Istati Membri għandhom min-naħa waħda jiżguraw il-moviment liberu tal-persuni, u min-naħa l-oħra, jikkontrollaw il-flussi migratorji, li jinvolvi l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

36.

Fl-ewwel lok, l-Istati Membri huma obbligati li ma jostakolawx b’kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom il-moviment ħieles taċ-ċittadini tal-Unjoni u ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu jew li jirrisjedu legalment, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.

37.

Dan jaqa’, minn naħa, taħt id-“[d]ispożizzjonijiet ġenerali” tal-Artikolu 67(2) TFUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha tiżgura li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 77(1)(a), TFUE, li jipprovdi bit-titolu “[P]olitika dwar kontrolli fil-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni”, li l-Unjoni għandha tiżviluppa politika bil-għan li tiżgura li ma jkun hemm l-ebda kontroll fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni.

38.

Għaċ-ċittadini tal-Unjoni, id-dritt ta’ moviment liberu u bla xkiel fit-territorji tal-Istati Membri huwa dritt fundamentali skont l-Artikolu 3(2) TUE kif ukoll l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 21 TFUE.

39.

Għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni regolari, it-tneħħija tal-klawżola ta’ nazzjonalità permezz tal-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-Artikolu 67 TFUE tagħmilhom benefiċjarji tal-moviment liberu mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni għall-perjodu ta’ żmien speċifikat mil-leġiżlazzjoni.

40.

L-Istati Membri huma għalhekk obbligati li ma jagħmlux verifiki fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u kwalunkwe miżura oħra li jkollha effett ekwivalenti għall-eżerċitar ta’ verifiki bħal dawn, fis-sens tal-Artikolu 21 ta’ dan il-Kodiċi.

41.

Madankollu, skont l-Artikolu 72 TFUE, it-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni ma għandhiex taffettwa l-eżerċitar tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri rigward iż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.

42.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni, skont l-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jeżerċitaw is-setgħat ta’ pulizija tagħhom taħt il-liġi nazzjonali, sa fejn l-eżerċitar ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal dak ta’ kontrolli fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll fiż-żoni tal-fruntiera. Skont din id-dispożizzjoni, l-eżerċitar ta’ dawn il-kompetenzi ma jistax “ikun ikkunsidrat ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera meta l-miżuri ta’ pulizija:

i)

ma jkollhomx bħala objettiv il-kontroll fuq il-fruntiera;

ii)

ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità trans-konfini;

iii)

huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni;

iv)

huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji […]”

43.

Skont l-Artikolu 21(b) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-leġiżlatur tal-Unjoni jawtorizza barra minn hekk lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex iwettqu kontrolli ta’ sigurtà fuq il-persuni fil-portijiet u l-ajruporti.

44.

Fit-tieni lok, l-Istati Membri huma wkoll obbligati jadottaw il-miżuri xierqa sabiex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali sa fejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu daħlu jew ikunu qed joqogħdu b’mod irregolari fl-Unjoni ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija mit-Trattati ( 17 ).

45.

B’hekk il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa bosta miżuri.

46.

L-ewwel miżuri, bħall-mekkaniżmu pprovdut mil-liġi nazzjonali inkwistjoni, jistabbilixxu l-obbligi ta’ kontroll għat-trasportaturi li jġorru ċittadini ta’ Stati terz lejn il-fruntiera esterna taż-żona Schengen, sabiex tiġi evitata l-immigrazzjoni illegali.

47.

Dawn il-miżuri ġew adottati fil-kuntest tal-KIFS. Dawn huma “[m]iżuri li jakkumpanjaw” li t-termini tagħhom huma ddefiniti fl-Artikolu 26 tagħha. Dan l-Artikolu jipprovdi:

“1.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’ Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, li jinkorporaw ir-regoli li ġejjin fil-liġi nazzjonali tagħhom:

a)

Jekk aljeni ma jitħallewx jidħlu fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti, it-trasportatur li jkun ġabhom sal-fruntiera esterna bl-ajru, bil-baħar jew fuq l-art għandu jkun obbligat immedjatament li jerġa’ jassumi responsabbilità għalihom. […];

b)

It-trasportatur huwa obbligat li jieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jassigura li aljen li jinġarr bl-ajru jew bil-baħar ikollu fil-pussess tiegħu d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar meħtieġa sabiex jitħalla jidħol fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti.

2.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mill-isħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’ Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, u b’mod konformi mal-liġi kostituzzjonali tagħhom, li jimponu penalitajiet fuq trasportaturi li jġorru aljeni li ma jkollhomx id-dokumenti meħtieġa għall-ivvjaġġar bl-ajru jew bil-baħar minn Stat Terz għat-territorji tagħhom.

3.   Il-paragrafi 1(b) u 2 għandhom japplikaw ukoll għal trasportaturi internazzjonali li jitrasportaw gruppi fuq l-art permezz ta’ coach, bl-eċċezzjoni ta’ traffiku ta’ fuq il-fruntiera.”

48.

Dawn iż-zewġ dispożizzjonijiet ġew issupplimentati bid-Direttiva 2001/51.

49.

Il-premessi 1, 2 u 4 ta’ din id-Direttiva jistabbilixxu:

“(1)

Sabiex tiġi kkumbattuta b’mod effettiv l-immigrazzjoni illegali, huwa meħtieġ illi l-Istati Membri kollha jdaħħlu disposizzjonijiet li jistabbilixxu l-obbligi tat-trasportaturi li jġorru liċ-ċittadini barranija għal ġewwa t-territorju ta’ l-Istati Membri. B’żieda ma’ dan, sabiex tiġi żgurata efikaċja ikbar ta’ dan il-għan, il-penali pprovvduti bħalissa mill-Istati Membri għall-każijiet meta t-trasportaturi jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-kontroll għandhom jiġu armonizzati safejn u sakemm possibbli […].

(2)

Din il-miżura hija fost id-disposizzjonijiet ġenerali mmirati sabiex irażżnu l-mixi migratorji u jikkumbattu l-immigrazzjoni illegali.

[…]

(4)

Ma għandhiex tiġi affettwata l-libertà ta’ l-Istati Membri li jżommu jew idaħħlu miżuri jew penali addizzjonali għat-trasportaturi, sewwa jekk riferiti f’din id-Direttiva u sewwa jekk le.”

50.

Fl-Artikoli 2 u 3 tagħha, din id-direttiva tippreċiża l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-obbligu tat-trasportatur li jreġġa’ lura lill-persuna u fl-Artikoli 4 u 5 tagħha, it-tip u l-ammont tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur, mit-trasportaturi, tal-obbligi ta’ kontroll tagħhom.

51.

Għalhekk l-Istati Membri jridu jiżguraw, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/51, li s-sanzjonijiet li japplikaw għat-trasportaturi skont l-Artikolu 26(2) u (3) tal-KIFS ikunu dissważivi, effettivi u proporzjonati, waqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi ammont massimu u minimu ta’ dawn is-sanzjonijiet. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu sanzjoni ta’ natura oħra, bħas-sospensjoni temporanja jew l-irtirar tal-liċenzja.

52.

It-tieni sett ta’ miżuri li jindirizzaw il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ġew adottati fil-kuntest tad-Direttiva 2002/90 u tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946 u għandhom l-għan li jippenalizzaw l-assistenza għall-immigrazzjoni irregolari ( 18 ).

53.

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/90 u l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946, dawn iħassru l-mekkaniżmu stabbilit oriġinarjament fl-Artikolu 27 tal-KIFS ( 19 ).

54.

Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2002/90 u tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946, dawn għandhom japplikaw b’konnessjoni mal-qsim irregolari tal-fruntieri interni ta’ Stat Membru ( 20 ).

55.

Għalkemm id-Direttiva 2002/90 tiddefinixxi r-reati dwar l-iffaċilitar tad-dħul, tat-transitu u tar-residenza irregolari, id-Deċiżjoni Qafas 2002/946 tistabbilixxi r-regoli minimi fir-rigward tat-tip ta’ sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti, tar-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi u tal-kompetenza bejn l-Istati Membri.

56.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/90, intitolat “Ksur tal-liġi ġenerali”, jipprovdi kif ġej fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jadotta sanzjonijiet xierqa dwar:

(a)

kull persuna li intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta’ Stat Membru biex tidħol, jew taqsam fi transitu, it-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar id-dħul jew transitu ta’ aljeni ta’ l-Istat ikkonċernat;

[…]”

57.

Skont l-Artikolu 2 ta’ dik id-direttiva, dawn is-sanzjonijiet għandhom jiġu applikati kontra min ikun l-instigatur jew il-kompliċi jew jipprova jwettaq dan il-ksur.

58.

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946 jeżiġi li l-ksur ta’ assistenza għad-dħul irregolari fit-territorju jkun ikkastigat b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-ksur imwettaq jista’ għalhekk jagħti lok għal “estradizzjoni”, għall-konfiska tal-mezzi ta’ trasport li jkunu ntużaw biex jitwettaq il-ksur, għall-projbizzjoni tal-eżerċitar tal-attività professjonali li matulha sar il-ksur kif ukoll għal piena ta’ priġunerija meta l-ksur ikun twettaq bħala parti minn attivitajiet ta’ organizzazzjoni kriminali jew jekk it-twettiq tiegħu jkun ipperikola l-ħajjiet tal-persuni li huma s-suġġett tar-reat.

59.

Sakemm dawn il-miżuri japplikaw għall-qsim tal-fruntieri interni ta’ Stat Membru, jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

V. L-analiżi tiegħi

60.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 67(2) TFUE, kif ukoll l-Artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludux li Stat Membru japplika għal impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja, li joffru servizz regolari transkonfinali fiż-żona Schengen, leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ li, qabel il-qsim tal-fruntiera, it-trasportaturi jikkontrollaw li l-passiġġieri tagħhom għandhom il-passaport u l-permess ta’ residenza meħtieġa biex jidħlu b’mod regolari fit-territorju nazzjonali.

61.

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kontrolli implimentati skont din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxux jew jistgħux jiġu assimilati għal “verifiki fuq il-fruntiera” fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew jekk humiex “verifiki fit-territorju”, fis-sens tal-Artikolu 21(a) ta’ dan il-kodiċi. F’din l-aħħar ipoteżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fid-dawl tal-kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni, dawn il-kontrolli jistgħux ikollhom effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera.

62.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tippermetti li tiġi adottata deċiżjoni li tipprojbixxi lill-impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja li joffru servizz regolari transkonfinali fiż-żona Schengen milli jittrasportaw fit-territorju nazzjonali ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari u li tippermetti, barra minn hekk, li jiġu mhedda b’pagamenti ta’ penalità jekk ikomplu b’dan il-ksur.

63.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tiffoka l-analiżi tagħha fuq id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jimplimentaw it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni ta’ Schengen.

64.

Id-domandi li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif diġà indikajt, huma ġodda.

65.

Fil-fatt, fil-kuntest ta’ kawża li kellha quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-konformità ta’ kontrolli minn awtoritajiet li għandhom awtorità pubblika u mwettqa fl-istess territorju ta’ Stat Membru, fuq il-fruntiera jew fiż-żona tal-fruntiera tiegħu, mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

66.

L-ewwel nett, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli ( 21 ), il-persuni kkonċernati kienu fil-fatt ġew ikkontrollati mill-pulizija Franċiża, b’applikazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, f’żona inkluża bejn il-fruntiera terrestri ta’ Franza mal-Belġju u linja mmarkata 20 kilometru ġewwa dik il-fruntiera. Dan il-kontroll kellu l-għan li jivverifika l-osservanza tal-obbligi ta’ żamma, ta’ ġarr u ta’ preżentazzjoni tat-titoli u tad-dokumenti previsti mil-liġi.

67.

Imbagħad, fil-kawża li, wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil ( 22 ), il-persuna kkonċernata twaqqfet waqt kontroll mill-Koninklijke Marechaussee (il-Korp tal-Pulizija Rjali, il-Pajjiżi l-Baxxi) skont l-Artikolu 4.17(a) tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (id-Digriet dwar iċ-Ċittadini Barranin tal-2000), waqt li kien passiġġier f’karozza tal-linja tal-kumpannija Eurolines. Huwa twaqqaf fuq l-awtostrada mill-Ġermanja, fit-territorju ta’ komun tal-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża, dan twaqqaf sabiex tiġi stabbilita l-identità, in-nazzjonalità u d-dritt ta’ residenza tal-persuna, bħala parti mill-ġlieda kontra r-residenza illegali wara qsim tal-fruntiera u peress li kien jirrigwarda t-trasport fuq l-art, kien qed isir esklużivament fil-kuntest tal-kontroll tal-barranin fit-toroq, f’żona ta’ 20 kilometru mill-fruntiera komuni tal-Belġju u tal-Ġermanja.

68.

Fl-aħħar nett, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, A. ( 23 ) il-persuna kkonċernata kienet ġiet suġġetta għal kontroll tal-identità minn pattulja tal-Bundespolizei (il-Pulizija Federali, il-Ġermanja), wara li kienet għadha kemm qasmet bil-mixi il-Pont de l’Europe minn Strasbourg (Franza) għal Kehl (il-Ġermanja) u mxiet lejn l-istazzjon ferrovjarju madwar 500 metru ’il bogħod. Il-punt 3 tal-Artikolu 23(1) tal-Gesetz über die Bundespolizei (il-Liġi dwar il-Pulizija Federali) ( 24 ) tad-19 ta’ Ottubru 1994, fil-fatt tippermetti lill-Pulizija tivverifika l-identità ta’ persuna f’żona li testendi sa 30 kilometru lil hinn mill-fruntiera sabiex jiġi evitat jew ipprojbit kull dħul mhux awtorizzat fit-territorju federali jew biex jiġu evitati reati kriminali.

69.

Il-kontrolli implimentati skont l-Artikolu 63 tal-AufenthG huma evidentement differenti ħafna minn dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet konjizzjoni tagħhom sa issa u li l-ambitu tagħhom kien limitat għaż-żoni tal-fruntieri interni ta’ Stat Membru. Fil-fatt, il-kontrolli inkwistjoni jsiru mill-persunal ta’ trasportaturi privati, li ma jkollhomx poteri ta’ pulizija, u jridu jsiru qabel il-qsim tal-fruntiera interna u għalhekk barra mit-territorju tal-Istat Membru.

70.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, min-naħa tagħha, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni bl-ebda mod ma tistabbilixxi verifika fuq il-fruntieri pprojbit mill-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, anzi, fil-verità, qiegħda timplimenta l-miżuri ta’ ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali adottati fuq livell internazzjonali u Ewropew.

71.

Għalhekk hija tiddedika l-kummenti tagħha biex turi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija imposta mill-Artikolu 11 tal-Protokoll Kontra t-Traffikar ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali ( 25 ), li hija, barra minn hekk, permessa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/51, li tispeċifika l-obbligi ta’ kontroll fuq it-trasportaturi permezz tal-Artikolu 26 tal-KIFS, u, fl-aħħar nett, li hija kienet ġiet adottata “b’konformità u skont” ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/90 u tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946, li jrażżnu l-iffaċilitar tad-dħul irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru.

72.

Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina l-kontrolli inkwistjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li fuqhom il-qorti tar-rinviju tibbaża t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, qabel ma nanalizza d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkopru speċifikament il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u, b’mod partikolari, il-prevenzjoni tal-iffaċilitar ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati li fuqhom tiffoka r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

A.   Fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

73.

Għar-raġunijiet li jiena sejjer niżviluppa, nikkunsidra li l-kontrolli inkwistjoni għandhom jiġu assimilati għal “verifiki fuq il-fruntiera” ipprojbiti skont l-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

74.

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen “jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni […].”.

75.

Skont it-termini tal-punt 9 tal-Artikolu 2 ta’ dan il-Kodiċi, il-kontrolli fuq il-fruntiera jkopru “l-attività mwettqa fuq fruntiera […] bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera”;

76.

Skont il-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi kodiċi, il-“verifiki fuq il-fruntiera” ikopru “l-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera [ ( 26 )], sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri jew jitilqu minnu”.

77.

L-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jikkonkretizza l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 1 billi jipprovdi li “[f]runtieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom”.

78.

Għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipprojbixxi l-verifiki fuq il-fruntiera meta dawn jitwettqu “fil-fruntieri” jew mal-qsim tal-fruntiera ( 27 ).

79.

L-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li huwa intitolat “Verifiki fit-territorju”, jipprojbixxi, min-naħa tiegħu, il-verifiki li jsiru fit-territorju kollu ta’ Stat Membru jew f’żoni tal-fruntiera tiegħu u li, taħt l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija, ikollhom effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fuq il-fruntiera ( 28 ).

80.

Minn liema angolu għandu wieħed jifhem il-kontrolli eżerċitati skont l-Artikolu 63 tal-AufenthG?

81.

L-ewwel nett, dawn il-kontrolli jidhru li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Fil-fatt, dawn ma jsirux fit-territorju tal-Istat Membru, iżda barra minnu, peress li t-trasportaturi jridu jikkontrollaw lill-passiġġieri waqt il-kontroll tal-biljetti meta jitilgħu fil-karozza tal-linja.

82.

Min-naħa l-oħra, dawn il-kontrolli jistgħu jinftiehmu mil-lat tal-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen peress li huma, fil-fehma tiegħi, simili għal “verifiki fuq il-fruntiera”.

83.

Huwa minnu li l-kontrolli mwettqa skont l-Artikolu 63 tal-AufenthG ma jsirux waqt il-qsim tal-fruntiera, iżda qabel il-qsim tagħha. Għaldaqstant ma hemmx, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2008/115/KE ( 29 ), “rabta diretta fiż-żmien u fl-ispazju” mal-qsim tal-fruntiera ( 30 ).

84.

Madankollu, dawn il-kontrolli huma, min-natura tagħhom stess, simili għal verifiki fuq il-fruntiera.

85.

Dan jirriżulta b’mod ċar mit-termini tal-punt 63.1.1 tad-dispożizzjoni amministrattiva ġenerali dwar l-AufenthG, fejn huwa indikat li “[l-]obbligu ta’ kontroll [previst fl-Artikolu 63 tal-AufenthG] għandu l-għan li jiżgura li l-barrani jissodisfa r-rekwiżiti fl-Artikolu 13(1) [tal-AufenthG], biex jaqsam il-fruntiera” ( 31 ). Waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ammettiet bis-sħiħ li dawn il-kontrolli jiġu ġġenerati mill-qsim tal-fruntiera interna. Dawn il-kontrolli għandhom l-għan waħdieni li jiżguraw li l-persuni abbord il-karozza tal-linja, li beħsiebhom jaqsmu l-fruntiera tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, jistgħu effettivament jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, huma għandhom l-effett li jipprevjenu lill-passiġġieri milli jidħlu fit-territorju ta’ dak l-Istat jekk ma jkollhomx id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa, l-istess bħal kontrolli magħmula mill-gwardji tal-fruntiera waqt il-qsim tal-fruntieri interni. Ir-rifjut tat-trasport ta’ barrani f’sitwazzjoni irregolari hawnhekk huwa simili għal refoulement.

86.

Fil-fatt, il-mekkaniżmu eżaminat għandu l-effett li jikser ir-rabta diretta fiż-żmien u fl-ispazju mal-qsim tal-fruntiera, u b’hekk jestendi l-konfini territorjali u jistabbilixxi dak li l-kummentaturi jiddeskrivu bħala “kontroll mill-bogħod” jew kontroll “delokalizzat” ( 32 ). Ir-refoulement ma jsirx fuq il-fruntieri, iżda qabel il-qsim tagħhom.

87.

Barra minn hekk, mill-mument li fih il-liġi tipprojbixxi lit-trasportaturi li jittrasportaw fit-territorju nazzjonali ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għad-dħul regolari u thedded lil dawn it-trasportaturi b’pagamenti ta’ penalità fil-każ ta’ ksur ta’ din il-projbizzjoni, nistgħu ngħidu li dan huwa obbligu ta’ kontroll sistematiku li l-osservanza tiegħu hija inkundizzjonata u li l-ksur tiegħu jwassal għal kundanna. Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tal-punt 63.2.0 tad-dispożizzjoni amministrattiva ġenerali dwar tal-AufenthG li dawn il-kontrolli huma mfassla u għandhom isiru “fi kwalunkwe każ”.

88.

Il-fatt li dawn il-kontrolli jsiru mill-persunal tal-impriżi tat-trasport ma huwiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, biex jeskludihom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Jekk dan ikun il-każ, allura jkun faċli li jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija.

89.

Minn naħa, din id-delegazzjoni la tbiddel l-għan u lanqas il-karatteristiċi prinċipali tal-kontrolli magħmula, ħlief tnaqqas l-effettività tagħhom.

90.

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-portata tal-obbligi tagħhom u tar-riskju ta’ sanzjoni li jiffaċċjaw, it-trasportaturi llum qed jassumu r-rwol ta’ kontrolluri jew ta’ gwardjani tal-fruntieri li ma jistax ikun innegat ( 33 ) u li sal-lum għadu jqajjem dubji ta’ prinċipju diskussi regolarment mid-duttrina legali.

91.

Ir-responsabilizzazzjoni u s-sanzjoni tat-trasportaturi huma strumenti ta’ politika tal-migrazzjoni li ma humiex ġodda ( 34 ).

92.

L-Artikolu 26 tal-KIFS, li ġiet ikkompletata permezz tad-Direttiva 2001/51, jimponi fuq it-trasportaturi tal-ajru, tal-baħar u tal-art, li jittrasportaw ċittadini ta’ Stat terz mill-fruntieri esterni taż-żona Schengen, obbligi ta’ kontroll u ta’ ritorn lura, li l-ksur tagħhom jesponi lil dawn it-trasportaturi għal sanzjonijiet.

93.

Minbarra dawk l-obbligi, id-Direttiva 2004/82/KE ( 35 ) żżid il-komunikazzjoni tad-data dwar il-passiġġieri, fuq talba tal-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll ta’ persuni fil-fruntieri esterni, li l-ksur tagħhom ukoll jesponi lit-trasportaturi għal sanzjonijiet. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, hija kwistjoni ta’ titjib tal-kontrolli fuq il-fruntieri u ta’ ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, permezz tat-trażmissjoni minn qabel mit-trasportaturi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ data dwar il-passiġġieri. Din id-Direttiva tikkomplementa d-Direttiva 2001/51 minħabba li ssegwi l-istess objettivi bl-użu ta’ mezzi oħra.

94.

Iktar reċentement, ġew imposti obbligi addizzjonali fuq it-trasportaturi.

95.

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 ( 36 ), jikkompleta l-obbligi ta’ kontroll imsemmijin fl-Artikolu 26(1)(b) tal-KIFS. Bħala parti minn dan il-kontroll, it-trasportaturi issa huma obbligati li jikkomunikaw, permezz tas-servizz tal-internet stabbilit fil-kuntest tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni, l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità u s-sess ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom viża għal soġġorn qasir, iżda wkoll it-tip, in-numru, id-data tal-iskadenza tad-dokument tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument sabiex jivverifikaw jekk dawn ikunux diġà użaw l-għadd ta’ daħliet awtorizzati mill-viża tagħhom ( 37 ). Bl-eċċezzjoni tal-immaġni tal-wiċċ, din hija d-data li abbażi tagħha l-awtoritajiet tal-fruntiera toħloq il-fajl individwali taċ-ċittadini kkonċernati.

96.

Barra minn hekk, fil-livell nazzjonali, numru ta’ Stati Membri, bħar-Repubblika Franċiża, riedu li t-trasportaturi jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, li jinkludi l-evalwazzjoni ta’ irregolaritajiet bħas-serq tal-identità, il-falsifikazzjoni, il-kontrafazzjoni jew l-iskadenza ( 38 ). Xi Stati Membri, bħar-Renju ta’ Spanja, barra minn hekk espressament stipulaw l-obbligu għall-kumpaniji tat-trasport li jħarrġu lill-persunal tagħhom fl-identifikazzjoni ta’ dokumenti foloz, u dan iqajjem dubji dwar ir-rwol tagħhom meta jwettqu dawn il-kontrolli ( 39 ).

97.

Skont il-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza), id-dispożizzjonijiet relatati mas-sanzjonijiet tat-trasportaturi “ma [jistgħux] jitqiesu li jikkonferixxu lit-trasportatur setgħa tal-pulizija minflok l-awtorità pubblika” fis-sens li, meta jivverifika r-regolarità ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ passiġġier, it-trasportatur għandu sempliċiment “jifhem is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata mingħajr ma jagħmel ebda riċerka” ( 40 ). Skont il-qorti tar-rinviju, lanqas ma hemm xi trasferiment ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika lil impriżi ta’ trasport. Il-verifika tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri tiġi integrata fil-proċess tat-trasport li jsir fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport li jaqa’ taħt id-dritt privat. Barra minn hekk, il-leġiżlatur iħalli l-għażla tal-mod u tal-mezzi użati biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom f’idejn it-trasportatur.

98.

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li t-trasportaturi jridu jagħmlu evalwazzjonijiet u jadottaw miżuri li, min-natura tagħhom stess, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet doganali jew tal-pulizija, u dan anki jekk ma għandhomx l-għan u lanqas neċessarjament il-mezzi ( 41 ).

99.

Dan jimmina l-effettività tas-sistema. Fil-fatt, it-trasportaturi jistgħu biss jirrifjutaw it-tlugħ abbord tal-persuni f’sitwazzjoni irregolari, li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru tat-tluq, mingħajr ma tkun tista’ tiġi adottata, skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ( 42 ), “deċiżjoni li tiċħad id-dħul” fit-territorju, bil-garanziji li tinkludi, u mingħajr ma jkunu jistgħu jintużaw id-dispożizzjonijiet komplementari dwar id-dritt għal ażil u għal protezzjoni internazzjonali.

100.

Meta jistabbilixxi tali obbligu ta’ kontroll, l-Istat Membru ikun qed juża, fil-fatt, leġiżlazzjoni ntiża inizjalment għall-kontrolli tal-fruntieri esterni, jistabbilixxi fruntieri mill-ġdid, b’mod moħbi u b’inqas effettività ovvja, fejn, fil-prinċipju, ikunu tneħħew u jevita l-projbizzjoni ta’ prinċipju stabbilita fl-Artikoli 1 u 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. B’hekk l-Istat Membru jeżiġi li l-operaturi privati jagħmlu kontrolli li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma humiex iktar awtorizzati li jagħmlu fil-fruntieri interni, skont dawn id-dispożizzjonijiet, u lanqas ma huma intitolati li jwettquhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

101.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u sabiex ma jkunx ipperikolat it-twettiq tal-għan tat-tneħħija ta’ kontrolli fil-fruntieri interni stabbilit fl-Artikolu 3(2) TUE, fl-Artikolu 26(2) TFUE u fl-Artikolu 67(2) TFUE u previst fl-Artikoli u 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jidhirli li huwa essenzjali li l-kontrolli mwettqa skont l-Artikolu 63 tal-AufenthG jiġu assimilati għal “verifiki fuq il-fruntiera” fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

102.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nikkunsidra li l-kontrolli li għandhom jitwettqu minn impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja li jipprovdu servizz regolari transkonfinali fiż-żona Schengen u li permezz tagħhom dawn huma obbligati li jivverifikaw, qabel ma tinqasam il-fruntiera interna, li l-passiġġieri jkunu fil-pussess tad-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għad-dħul fit-territorju nazzjonali jistgħu jiġu assimilati għal “verifiki fuq il-fruntiera” ipprojbiti skont l-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ( 43 ).

103.

Peress li nikkunsidra li l-obbligi ta’ kontroll inkwistjoni jiksru d-dritt tal-Unjoni, il-pagamenti ta’ penalità adottati fuq il-bażi tal-ksur ta’ dawn l-obbligi, li, fid-dawl tal-funzjoni tagħhom (dissważjoni u sanzjoni) huma simili għal sanzjonijiet pekunjarji, ma jistgħux jiġu ġġustifikati.

104.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena nqis li l-Artikolu 67(2) TFUE u l-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżiġi li t-trasportaturi jivverifikaw, qabel ma tinqasam il-fruntiera, li l-passiġġieri jkunu fil-pussess ta’ passaport u permess ta’ residenza meħtieġa għad-dħul regolari fit-territorju nazzjonali u li thedded lil dawn tal-aħħar b’pagamenti ta’ penalità fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu, meta din il-leġiżlazzjoni tapplika għal impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja li joffru servizz regolari transkonfinali fi ħdan iż-żona Schengen.

105.

Għandhom isiru żewġ rimarki dwar din il-konklużjoni.

106.

Fl-ewwel lok, din l-interpretazzjoni tar-regoli tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen xorta ma tfissirx li l-Istati Membri huma mċaħħda mill-mezzi li jippermettulhom jiġġieldu b’mod leġittimu kontra l-immigrazzjoni illegali fit-territorju tagħhom.

107.

Fil-fatt, l-ewwel nett, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fejn, kif sostniet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom informazzjoni preċiża li tippermetti li jiġu ddeterminati r-rotot l-iktar esposti għal riskju ta’ immigrazzjoni illegali, xejn ma jipprekludi li Stat Membru tat-tluq u l-Istat Membru tad-destinazzjoni jużaw l-istrumenti ta’ kooperazzjoni operattiva eżistenti biex jiġġieldu flimkien kontra din l-immigrazzjoni irregolari, billi jeżerċitaw il-poteri tal-pulizija fit-territorju rispettiv tagħhom u b’mod partikolari fil-vendi tax-xarabanks u fil-viċinanzi tagħhom.

108.

Il-kooperazzjoni operattiva hija bbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999. Dan huwa obbligu stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, fejn l-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha rilevanti, jassistu lil xulxin u jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejniethom sabiex il-kontroll tal-fruntieri esterni jiġi implimentat b’mod effettiv. F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni, fejn l-Istati Membri jenfasizzaw in-nuqqasijiet tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, xejn ma jipprekludi, fil-fehma tiegħi, li jużaw strumenti bħal dawn biex flimkien jikkoordinaw il-miżuri ta’ ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari fiż-żona Schengen.

109.

Dan jgħin biex jiżgura kontroll iktar effiċjenti minn dak stabbilit fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li barra minn hekk jaqa’ perfettament fil-kuntest tal-kompetenzi riżervati lill-Istati Membri fl-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

110.

Infakkar li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jwettqu kontrolli ta’ identità u ta’ dokumenti fit-territorju tagħhom u fiż-żoni tal-fruntiera ta’ dan sabiex jipprevjenu jew iwaqqfu dħul illegali fit-territorju jew biex jiġi evitat it-twettiq ta’ reati bil-kundizzjoni madankollu li l-eżerċizzju prattiku ta’ tali kontrolli ma jkollux effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fuq il-fruntiera.

111.

Għalhekk, kif indikajt diġà, fis-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, A. ( 44 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tieħu konjizzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll previsti għal dan il-għan mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-Liġi dwar il-Pulizija Federali, peress li l-persuna kkonċernata kienet suġġetta għal kontroll ta’ identità li sar minn pattulja tal-Pulizija Federali Ġermaniża meta kienet għadha kif qasmet bil-mixi l-Pont de l’Europe minn Strasburgu għal Kehl, u marret fl-istazzjon ferrovjarju madwar 500 metru ’il bogħod.

112.

Infakkar ukoll li l-Istati Membri llum huma awtorizzati jintensifikaw il-kontroll mill-pulizija tagħhom fit-territorju kollu tagħhom. Il-Kummissjoni fil-fatt ħadet il-miżura mhux biss qieset minħabba l-pressjoni tal-influss massiv ta’ migranti irregolari u taż-żieda fl-attakki terroristiċi fuq l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna tal-Istati Membri, iżda wkoll in-nuqqasijiet li jxekklu l-effettività tal-istruttura ta’ Schengen.

113.

Għalhekk, fir-rakkomandazzjoni tagħha tat-12 ta’ Mejju 2017 ( 45 ), il-Kummissjoni ffukat fuq kif l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw is-setgħa tal-pulizija tagħhom fit-territorju kollu tagħhom u fiż-żoni tal-fruntiera. Waqt li qieset li it-“tħaddim tajjeb ta’ żona bħal din tiddependi mhux biss fuq l-applikazzjoni uniformi tal-acquis tal-Unjoni, iżda wkoll fuq l-użu tal-kompetenzi nazzjonali fir-rigward taż-żamma tal-liġi u tal-ordni u s-salvagwardja tas-sigurtà interna f’konformità mal-għanijiet tal-acquis ta’ Schengen” ( 46 ), il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li l-intensifikazzjoni tal-kontrolli mill-pulizija fit-territorju kollu tal-Istati Membri tista’ titqies bħala neċessarja u ġġustifikata, peress li dawn tal-aħħar huma iktar effikaċi mill-kontrolli fuq il-fruntieri interni u iktar adatti għar-riskji li qed jevolvu ( 47 ).

114.

It-tieni nett, jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kellhom barra minn hekk jikkonstataw li ċerti impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja jonqsu mill-obbligu tagħhom ta’ kontroll sabiex jinvolvu ruħhom fit-traffikar illegali ta’ migranti, huma jistgħu allura jikkundannaw lil dawn tal-aħħar abbażi tar-regoli li jinsabu fid-Direttiva 2002/90 u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946, peress li l-iffaċilitar tad-dħul irregolari tikkostitwixxi reat kriminali li tiegħu ser niżviluppa l-komponenti. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja barra minn hekk ittrasponiet dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tal-Artikoli 95 sa 97 tal-AufenthG.

115.

It-tielet nett, jekk l-awtoritajiet nazzjonali jqisu li hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, dawn tal-aħħar jistgħu, skont l-Artikolu 23(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jintroduċu mill-ġdid b’mod temporanju l-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom ( 48 ). Huwa interessanti li wieħed jinnota li, fid-dawl taż-żieda fil-movimenti sekondarji ta’ migranti irregolari kif ukoll iż-żieda tat-theddid terroristiku transkonfinali, il-Kummissjoni qed tipproponi li tirristruttura l-qafas eżistenti biex jiġu indirizzati dawn il-fenomeni ( 49 ).

116.

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni tar-regoli tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandha tfakkar lill-Istati Membri dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom biex il-miżuri kollha li jwasslu għall-infurzar tal-kontrolli u tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni ( 50 ) jiġu implimentati. Nirrileva li, skont l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ( 51 ), l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu persunal u riżorsi xierqa u suffiċjenti sabiex iwettqu kontrolli fuq il-fruntieri esterni, b’tali mod li jkun żgurat kontroll effiċjenti, ta’ livell għoli u uniformi fil-fruntieri esterni tagħhom.

B.   Fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kontra l-immigrazzjoni illegali

117.

F’dan il-punt għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni bis-sħiħ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-osservazzjonijiet tagħha, dawn il-kontrolli jistgħu jitqiesu bħala imposti skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali u Ewropew li ġew adottati sabiex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali.

1. Il-prevenzjoni tal-iffaċilitar tad-dħul irregolari skont id-Direttiva 2002/90 u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946

118.

Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiddedika l-osservazzjonijiet tagħha biex turi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet adottata “f’konformità u skont” ( 52 ) ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/90 u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946, li jipprevjenu l-iffaċilitar tad-dħul irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru.

119.

“[F]’konformità”, minn naħa, sa fejn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni tikkostitwixxi miżura importanti għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari fi ħdan iż-żona Schengen u tippermetti lill-impriżi ta’ trasport li ma jiġux ikkundannati għall-iffaċilitar tad-dħul irregolari.

120.

“[S]kont”, min-naħa l-oħra, sa fejn id-Direttiva 2002/90 u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946 jawtorizzaw u jobbligaw lill-Istati Membri jimponu sanzjonijiet kontra kull min jipprovdi għajnuna għad-dħul irregolari mill-fruntieri interni, inklużi penali kriminali kontra dawk responsabbli b’mod individwali u sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni ġuridiċi.

121.

Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li kull impriża tat-trasport li tieħu r-responsabbiltà ta’ barrani mingħajr id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa u li tittrasportah fit-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar inevitabbilment tkun iffaċilitat id-dħul irregolari tal-persuna kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2002/90. Tali impriża, li tkun ġiet informata mill-awtoritajiet kompetenti li s-servizz tagħha diġà ġie sfruttat għal skopijiet ta’ dħul irregolari u li għalhekk tkun totalment konxja mill-irregolaritajiet tagħha, iżda li madankollu tastjeni milli twettaq il-kontrolli meħtieġa, minkejja li dawn ikunu fattibbli u tollerabbli, għandha titqies bħala li tippermetti, tal-inqas parzjalment, dħul irregolari ġdid u bħala li taġixxi parzjalment b’mod volontarju (dolus eventualis).

122.

Jien ma naqbilx mal-opinjoni espressa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-osservazzjonijiet tagħha.

123.

Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tonqos milli tindika li r-reat tal-iffaċilitar tal-għajnuna għad-dħul irregolari ddefinit u kkundannat mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/90 ġie traspost fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż fl-Artikoli 95 sa 97 tal-AufenthG, relatati mal-għajnuna għall-immigrazzjoni illegali ( 53 ).

124.

Fit-tieni lok, għalkemm il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkontribwixxi b’mod effettiv fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali – inkwantu din għandha l-għan li timponi fuq it-trasportaturi obbligu ta’ kontroll fuq il-persuni biex jiġi evitat id-dħul illegali fit-territorju nazzjonali –, dan ma huwiex biżżejjed biex jitqies li hija ġiet adottata “f’konformità u skont” ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/90 u tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946.

125.

Fil-fatt, dan l-approċċ jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni l-iskop u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/90 u tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946.

126.

Ifisser ukoll li wieħed ikun qed jinjora n-natura kriminali tad-dispożizzjonijiet adottati fil-kuntest ta’ dan il-pakkett ta’ miżuri, li teħtieġ, skont il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, li l-elementi materjali u intellettwali li jikkostitwixxu dan il-ksur jiġu interpretati b’mod strett.

127.

Id-Direttiva 2002/90 u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946 jiffurmaw ġabra ta’ miżuri indiviżibbli, intiżi biex jikkompletaw l-istrumenti għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ( 54 ). Deskritti bħala “pakkett ta’ miżuri dwar il-faċilitaturi” ( 55 ), huma jindirizzaw l-immigrazzjoni illegali u, b’mod partikolari, is-setturi tat-trasport illegali.

128.

Dan joħroġ ċar ħafna mill-premessa 2 tad-Direttiva 2002/90 u tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946, fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-ħsieb li jittieħdu miżuri “biex tkun miġġielda l-għajnuna lill-immigrazzjoni illegali kemm in konnessjoni mal-qsim mhux awtorizzat tal-konfini fis-sens strett u kemm għall-għan biex jinżammu networks li jesplojtjaw il-bnedmin” ( 56 ). Fil-fatt, din il-premessa tirrifletti b’mod ċar u inekwivoku l-oriġini ta’ dan il-pakkett ta’ miżuri, li ġie adottat wara l-iskoperta makabra f’Dover (ir-Renju Unit) fis-sena 2000, ta’ 58 katavru ta’ Ċiniżi, kandidati għall-immigrazzjoni illegali, f’kontejner issiġillat ta’ trakk irreġistrat fil-Pajjiżi l-Baxxi, u wara li l-Istati Membri inkarigaw lir-Repubblika Franċiża, li dak iż-żmien kellha l-Presidenza tal-Unjoni, biex tipproponi miżuri kontra dawn ir-reati u kontra l-iżvilupp rapidu tal-katini ta’ immigrazzjoni illegali fl-UE.

129.

Sabiex jiġi evitat li n-netwerks kriminali japprofittaw ruħhom min-nuqqas ta’ kriminalizzazzjoni u ta’ sanzjoni f’xi Stati Membri biex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom u jagħżlu l-mod tad-dħul tagħhom permezz ta’ forum shopping ( 57 ), dan il-pakkett ta’ miżuri għandu t-tendenza li jqarreb il-liġijiet nazzjonali billi jistabbilixxi, minn naħa, fid-Direttiva 2002/90, definizzjoni komuni tar-reat tal-iffaċilitar tad-dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati u, min-naħa l-oħra, fid-Deċiżjoni Qafas 2002/946, regoli minimi dwar it-tip ta’ sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti, kif ukoll ir-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi u r-regoli ta’ ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri ( 58 ).

130.

L-iffaċilitar tad-dħul irregolari hija definita fl-element kemm materjali kif ukoll intellettwali tagħha, fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2002/90 f’dawn it-termini:

“Kull Stat Membru għandu jadotta sanzjonijiet xierqa dwar:

(a)

kull persuna li intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta’ Stat Membru biex tidħol […] [f]it-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar id-dħul jew transitu ta’ aljeni ta’ l-Istat ikkonċernat.” ( 59 )

131.

Ir-reat tal-iffaċilitar tad-dħul irregolari huwa introdott fid-dritt tal-Unjoni bħala “ksur ta’ liġi ġenerali”, kif jirriżulta mit-titolu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/90, iżda wkoll mill-ġeneralità tat-termini użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ksur b’hekk huwa partikolarment wiesa’ u ġġustifikat mill-prijorità tal-ġlieda kontra l-katini ta’ immigrazzjoni irregolari. Il-kunċett ta’ “iffaċilitar”, li huwa wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu l-ksur, ma huwiex definit b’mod strett hawnhekk, u għalhekk jista’ jinkludi l-forom differenti li jista’ jieħu l-iffaċilitar tal-immigrazzjoni illegali, u għalhekk il-modus operandi tal-faċilitaturi, mit-trasport stricto sensu, għall-ġestjoni ta’ dan it-trasport, għal-manifattura jew il-forniment ta’ dokumenti ffalsifikati, għall-organizzazzjoni ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza, jew kwalunkwe mezz ieħor li jista’ jiffaċilita d-dħul, it-tranżitu jew ir-residenza ( 60 ).

132.

Barra minn hekk, meta ssanzjona l-għajnuna pprovduta minn “kull persuna”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni n-numru u d-diversità tal-profili tal-persuni li jistgħu jkunu involuti, bi skop ta’ profitt jew le ( 61 ), biex b’hekk jinkludi lill-membri kollha ta’ netwerk ta’ faċilitaturi, bħal traffikanti, mexxejja, dawk li jirreklutaw jew anki xufiera jew kaptani, messaġġiera, għassiesa, falsifikaturi tal-passaporti, fornituri (sidien ta’ bastimenti, karozzi, xarabanks), uffiċjali u fornituri ta’ servizzi korrotti ( 62 ).

133.

Barra minn hekk, il-ksur huwa kkostitwit, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk l-iffaċilitar tal-immigrazzjoni illegali tikkonċernax il-qsim illegali ta’ fruntiera interna jew esterna taż-żona Schengen. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jinkrimina fil-fatt l-iffaċilitar tal-immigrazzjoni illegali meta tkun tikkonċerna d-dħul “fit-territorju ta’ Stat Membru”, fejn dan il-leġiżlatur preċedentement indika fil-premessa 2 tad-Direttiva 2002/90 li kien meħtieġ li jiġi miġġieled l-iffaċilitar tal-immigrazzjoni illegali inkonnessjoni mal-qsim illegali tal-fruntiera “fis-sens strett”.

134.

Fl-aħħar nett, il-kwalifika ta’ “pagamenti ta’ penalità” użata għad-definizzjoni tal-miżura effettivament applikata għat-trasportatur ma jidhirlix li tikkorrispondi għar-realtà legali tagħha.

135.

Kif ġie indikat espressament waqt is-seduta, il-pagament ta’ penalità msemmi fl-Artikolu 63(3) tal-AufenthG jikkonsisti f’sanzjoni finanzjarja ta’ ammont mhux negliġibbli (minimu ta’ EUR 1000 u massimu ta’ EUR 5000) impost fuq it-trasportatur immultiplikat bin-numru ta’ passiġġieri li qed iġorr bi ksur tat-testi li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul tal-barranin fit-territorju Ġermaniż. L-għan ta’ tali leġiżlazzjoni, kif iddikjarat b’mod ċar huwa li tiddisswadi lit-trasportatur milli ma jwettaqx il-kontroll meħtieġ u li tissanzjonah kull darba li jkun ġie kkonstatat li ma sarx il-kontroll.

136.

Il-funzjoni ta’ din is-sanzjoni, jiġifieri l-prevenzjoni u s-sanzjonar fl-istess ħin, hija preċiżament dik ta’ piena li tissanzjona ksur. Għalhekk, tqum il-mistoqsija inevitabbli dwar l-intenzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, li jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi l-elementi kollha tal-ksur u, b’mod partikolari, l-elementi materjali u psikoloġiċi tagħha.

137.

Madankollu, ninsab konvint li, skont l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2002/90, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jikkundanna mhux lil dak li jieħu r-riskju li jgħin lil persuna f’sitwazzjoni irregolari biex tidħol fit-territorju (intenzjoni kriminali indiretta) imma lil dak li huwa mmotivat mill-intenzjoni kriminali li jwettaq l-att preċiżament ipprojbit mil-liġi (intenzjoni kriminali speċifika).

138.

Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rreferiet effettivament għal forma ta’ intenzjoni kriminali li hija ssejjaħ “dolus eventualis”, li hija tiddefinixxi bħala “intenzjoni parzjalment deliberata”. Din il-forma ta’ intenzjoni kriminali tirreferi għal dak li ma riedx iwettaq il-ksur fl-intier tiegħu. Hawnhekk ninsabu f’sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata ma hijiex immotivata mir-rieda ipprovata li twettaq reat serju, li jikkonsisti fil-kollaborazzjoni ma’ netwerk ta’ faċilitaturi, iżda li taġixxi b’nuqqas ta’ attenzjoni, b’imprudenza jew b’negliġenza. Ċertament, huwa possibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jikkriminalizza n-negliġenza fir-rigward tal-leġiżlazzjoni, iżda jeħtieġ li dan ikun espress b’mod ċar u definit u ssanzjonat b’mod proporzjonat fit-test li jistabbilixxi r-reat.

139.

Għandu jiġi kkonstatat li din id-definizzjoni ta’ “dolus eventualis” u s-sistema ta’ infurzar tal-liġi li hija l-konsegwenza huma inkompatibbli mat-termini tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/90 li tikkostitwixxi l-bażi legali tas-sistema ta’ infurzar u li ma tħalli ebda dubju fir-rigward tat-termini, l-għan u l-istruttura tagħha.

140.

Fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża l-leġiżlatur tal-Unjoni jeżiġi li l-persuna fiżika jew ġuridika tkun aġixxiet “sciemment”, il-verżjoni bil-Ġermaniż tuża l-kelma “vorsätzlich”, dik bl-Ingliż “intentionally”, bit-Taljan “intenzionalmente”, dik bl-Olandiż “opzettelijk”, dik Rumena “în mod conștient”, u dik Slovakka “úmyselne”.

141.

Dan il-kliem irid ikollu interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha u wieħed għandu jfittex is-sinjifikat tiegħu, qabelxejn, billi jikkunsidra l-prinċipju ta’ awtonomija tal-liġi kriminali u tal-prinċipji ġenerali tagħha.

142.

Madankollu, il-kelma “sciemment” tradotta mingħajr distinzjoni fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tad-direttiva bil-kliem “intenzjonalment”, “deliberatament” jew saħansitra “volontarjament”, fiha nnifisha teskludi l-kunċett ta’ “intenzjoni kriminali indiretta”. Għandu jkun hemm qbil li l-persuna li “intenzjonalment” jew “deliberatament” tgħin lil ċittadin ta’ pajjiż terz jidħol fit-territorju b’mod irregolari ma hijiex immotivata mill-istess intenzjoni kriminali, bħal ta’ dik li tassumi biss ir-riskju minħabba n-negliġenza tagħha.

143.

Barra minn hekk, l-istruttura li fiha jaqa’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/90 tindika b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-ħsieb li jindirizza lil dawk li jaġixxu b’mod prudenti u deliberat sabiex iwettqu l-att ipprojbit. Fil-fatt, l-għan hawnhekk ma huwiex biss li jiġu penalizzati dawk li jwettqu r-reat, iżda wkoll, skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, dawk li jippruvaw iwettquh, dawk li jkunu instigaturi jew kompliċi. Dwar is-sanzjonijiet applikabbli, kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946, dawn għandhom ikunu dissważivi. Madankollu, wieħed jista’ jiddiswadi biss lil dawk li beħsiebhom iwettqu l-att imrażżan mil-liġi jew li jirrepetuh. Barra minn hekk, is-severità tas-sanzjonijiet, li jistgħu jwasslu għal miżura ta’ “estradizzjoni” jew għal pieni ta’ priġunerija, teskludi, fil-fehma tiegħi, li dawn jiġu imposti fuq dawk li jieħdu biss ir-riskju li jwettqu r-reat.

144.

Fl-aħħar nett, l-objettiv iddikjarat b’mod ċar tad-Direttiva 2002/90 huwa dak tal-ġlieda kontra dawk li jissieħbu man-netwerks tal-faċilitaturi u jgħixu minn fuq l-immigrazzjoni illegali.

145.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma nistax naqbel mal-opinjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li kull impriża ta’ trasport bil-karozzi tal-linja li tipprovdi servizz regolari transkonfinali fiż-żona Schengen li tippermetti l-imbark ta’ barranin mingħajr id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa tiffaċilita neċessarjament għal dawn tal-aħħar id-dħul irregolari fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a), tad-Direttiva 2002/90. Għalhekk, bl-estensjoni tat-tifsira tal-kunċett ta’ “intenzjoni kriminali indiretta”, wieħed ma jistax ixebbah lil dawk li aġixxew b’mod “parzjalment intenzjonat” ma’ koawturi jew kompliċi.

146.

Għalkemm l-iffaċilitar tal-immigrazzjoni illegali tkopri effettivament l-attivitajiet ta’ trasport u tista’ tinvolvi lill-fornituri ta’ servizzi bħall-kumpaniji tat-trasport li joperaw fit-territorju tal-Unjoni, madankollu jenħtieġ li l-elementi materjali u intellettwali tal-ksur ikunu ssodisfatti. Dan jaqa’ taħt is-setgħa tal-qorti nazzjonali li għandha tevalwa każ b’każ jekk, meta jkun ġarr lill-barrani fit-territorju nazzjonali, it-trasportatur involviex ruħu deliberatament f’attività kriminali intiża sabiex iddaħħal fit-territorju nazzjonali persuni li jinsabu f’sitwazzjoni irregolari billi kellu r-rwol li jiffaċilita l-moviment sekondarju ta’ dawn il-persuni fiż-żona Schengen.

147.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nikkunsidra li, fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jsibu li impriża tat-trasport bil-karozzi tal-linja li toffri servizz regolari transkonfinali fiż-żona Schengen tapprofitta mill-attività tagħha biex tgħin, b’mod deliberat, lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jidħlu illegalment fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni u jqisu li l-elementi materjali u intellettwali tar-reat tal-iffaċiltar tad-dħul irregolari huma ssodisfatti, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2002/90, hija fir-responsabbiltà tagħhom li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dan il-ksur ikun suġġett għal sanzjoni kriminali effettiva, proporzjonata u dissważiva skont il-prinċipji stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/946.

2. Il-prevenzjoni tat-traffikar illegali ta’ immigranti mill-Protokoll Addizzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti

148.

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija konformi mad-dispożizzjonijiet previsti fil-qafas tal-Protokoll Addizzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri huma marbuta bih.

149.

Huwa minnu li, skont l-Artikolu 11 ta’ dan il-Protokoll, l-Istati li huma partijiet għandhom isaħħu l-kontrolli fuq il-fruntieri meħtieġa biex jipprevjenu u jidentifikaw it-traffikar illegali ta’ immigranti u, f’dan il-kuntest, għandhom jadottaw il-miżuri xierqa fuq il-fruntieri sabiex jipprevjenu l-użu ta’ mezzi ta’ trasport użati minn trasportaturi kummerċjali għat-twettiq ta’ dan ir-reat kriminali ( 63 ). Fejn xieraq, l-Istati li huma partijiet huma fost l-oħrajn meħtieġa li jipprevedu l-obbligu li t-trasportaturi kummerċjali, inklużi kwalunkwe kumpannija tat-trasport jew kull operatur ta’ kwalunkwe mezz ta’ trasport, jivverifikaw, taħt piena ta’ sanzjonijiet, li l-passiġġieri kollha jkunu fil-pussess tad-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għad-dħul fl-Istat ospitanti.

150.

Madankollu jeħtieġ li titqies ir-riżerva fl-Artikolu 11(1) tal-Protokoll Addizzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti u mfakkra fil-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi li dawn l-obbligi għandhom japplikaw “mingħajr preġudizzju għall-impenji internazzjonali dwar il-moviment liberu tal-persuni” li għalihom l-Istati huma parti.

151.

Jeħtieġ ukoll li titqies id-dikjarazzjoni magħmula mill-Unjoni meta ssieħbet fil-Protokoll Addizzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-6 ta’ Settembru 2006, li fiha hija enfasizzat li “hija għandha s-setgħa tadotta miżuri relatati mal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri, li jistabbilixxu l-istandards u l-proċeduri ta’ kontroll ta’ persuni fuq dawn il-fruntieri […] [kif ukoll] il-miżuri dwar il-politika tal-immigrazzjoni, dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza u l-miżuri ta’ ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u r-residenza illegali […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

152.

Billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija Stat li huwa parti fil-KIFS u Stat Membru tal-Unjoni, hija tista’ biss timplimenta r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(2) sa (4), ta’ dan il-protokoll jekk dawn ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet adottati fil-kuntest tal-KIFS, tad-Direttiva 2002/90 u tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946.

153.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma naħsibx li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tirreferi għat-termini tal-Protokoll Addizzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tistabbilixxi l-legalità ta’ dawn il-kontrolli.

3. L-obbligi imposti fuq it-trasportaturi mid-Direttiva 2001/51

154.

It-tielet u l-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-kliem tad-Direttiva 2001/51 u, b’mod partikolari, il-premessa 4 tagħha, jawtorizzaw lill-Istati Membri jżommu jew jintroduċu kontrolli bħal dawk implimentati fuq il-bażi tal-Artikolu 63 tal-AufengthG.

155.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija żbaljata dwar il-portata ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, tal-premessa 4 tagħha.

156.

Skont it-titolu tagħha, id-Direttiva 2001/51 għandha l-għan li “tissupplimenta d-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 26 tal-[KIFS]”.

157.

Skont dan l-Artikolu 26, il-Partijiet Kontraenti għandhom jimponu fuq it-trasportaturi ta’ gruppi li joperaw fuq rotot internazzjonali bil-karozzi tal-linja u li, fil-kuntest ta’ dan is-servizz, iwasslu lil barrani sal-“fruntiera esterna” ( 64 ) l-obbligu tal-kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, kif ukoll l-obbligu ta’ ritorn lura, li l-ksur tiegħu għandu jiġi ssanzjonat ( 65 ). Dawn l-obbligi jikkostitwixxu, hekk kif jirriżulta mit-titolu tal-Kapitolu 6 li jaqgħu fih, “[m]iżuri li jakkumpanjaw” it-tneħħija tal-kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni li l-prinċipju tagħha huwa stabbilit fl-Artikolu 2 tal-KFS.

158.

Fil-premessa 4 tad-Direttiva 2001/51 – li fuqu tibbaża r-Repubblika Federali tal-Ġermanja – il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża li din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-libertà tal-Istati Membri li jżommu jew idaħħlu miżuri jew penali addizzjonali “għat-trasportaturi, sewwa jekk riferiti f’din id-Direttiva u sewwa jekk le”. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din il-premessa għalhekk tawtorizza lill-Istati Membri jżommu jew jintroduċu obbligi ta’ kontroll fir-rigward tat-trasportaturi li jwasslu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi sal-fruntieri interni ta’ Stat Membru bil-karozzi tal-linji.

159.

L-espressjoni “sewwa jekk riferiti f’din id-Direttiva u sewwa jekk le” użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 4 tad-Direttiva 2001/51 hija sfortunata sa fejn, bil-ġeneralità tagħha, tintroduċi element ta’ inċertezza f’test intiż biex jimponi sanzjonijiet ta’ natura kriminali jew amministrattiva fuq it-trasportaturi. Għaldaqstant għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, waqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan u l-istruttura ta’ din id-direttiva li minnha tagħmel parti din il-premessa.

160.

Fir-rigward tal-iskop ta’ din id-direttiva, huwa evidenti li din ma għandhiex l-għan li tibdel jew testendi l-portata tal-obbligi ta’ kontroll imposti fuq it-trasportaturi lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-obbligi stabbilit fl-Artikolu 26 tal-KIFS. L-għan tad-Direttiva 2001/51, kif huwa espressament imsemmi fit-titolu u fl-Artikolu 1 tagħha, huwa li tissupplimenta dawn id-dispożizzjonijiet. Għalkemm l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva jispeċifikaw il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ritorn lura, l-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmija direttiva sempliċement jippreċiżaw in-natura u l-ammont tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ li t-trasportaturi jiksru l-obbligu tagħhom ta’ kontroll.

161.

Il-premessa 4 tad-Direttiva 2001/51 ma tistax għalhekk tiġi interpretata bħala li għandha tali effett waħedha, ħlief jekk wieħed jinjora b’mod ċar is-sens u l-portata tat-test li hija inkluża fih u jekk jitneħħa kull effett utli tal-prinċipju tat-tneħħija ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni stabbilit fl-Artikolu 3(2) TUE, fl-Artikolu 26(2) TFUE u fl-Artikolu 67(2) TFUE u previst fl-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li fuqu hija bbażata din id-direttiva.

162.

Issa, fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2001/51, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju stabbilit fil-premessa 4 tagħha, jiġifieri li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jintroduċu jew iżommu miżuri jew sanzjonijiet addizzjonali fir-rigward tat-trasportaturi, huwa parzjalment ikkonkretizzat biss, fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, peress li l-leġiżlatur sempliċement isemmi lit-“trasportaturi”, u ma jagħmel ebda riferiment għall-espressjoni “sewwa jekk riferiti f’din id-Direttiva u sewwa jekk le”.

163.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-formulazzjoni tad-Direttiva 2001/51 u, b’mod partikolari, tal-premessa 4 tagħha, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri jżommu jew li jintroduċu obbligi ta’ kontroll fir-rigward tat-trasportaturi ta’ gruppi li jittrasportaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi sal-fruntieri interni ta’ Stat Membru, bil-karozzi tal-linja, fuq rotot internazzjonali, ħlief jekk wieħed jinjora b’mod ċar l-għan tal-Artikolu 26 tal-KIFS u l-prinċipji li fuqhom din tal-aħħar hija bbażata.

164.

Il-miżuri adottati skont l-Artikolu 26 tal-KIFS, li r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom huma stipulati mid-Direttiva 2001/51, japplikaw biss b’konnessjoni mal-qsim tal-fruntieri esterni.

VI. Konklużjoni

165.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jien nipproponi li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) għandhom ikunu s-segwenti:

1)

Il-kontrolli li jridu jitwettqu minn impriżi tat-trasport bil-karozzi tal-linja li jipprovdu servizz regolari transkonfinali fiż-żona Schengen u li permezz tagħhom dawn huma obbligati jivverifikaw, qabel ma tinqasam il-fruntiera interna, li l-passiġġieri jkunu fil-pussess tad-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għad-dħul fit-territorju nazzjonali jistgħu jiġu assimilati għal “verifiki fuq il-fruntiera” fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013.

2)

L-Artikolu 67(2) TFUE u l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006 jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teħtieġ lit-trasportaturi jivverifikaw, qabel ma tinqasam il-fruntiera, li l-passiġġieri għandhom il-passaport u l-permess ta’ residenza meħtieġa għall-iskop ta’ dħul regolari fit-territorju nazzjonali u li thedded lil dawn it-trasportaturi b’pagamenti ta’ penalità fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu meta din il-leġiżlazzjoni tapplika għal impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja li joffru servizz regolari transkonfinali fiż-żona Schengen.

3)

Fil-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkonstataw li impriża tat-trasport bil-karozzi tal-linja li toffri servizz regolari transkonfinali fiż-żona Schengen tapprofitta mill-attività tagħha biex tiffaċilita, b’mod deliberat, id-dħul illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni u jqisu li l-elementi materjali u intellettwali tar-reat tal-iffaċilitar tad-dħul irregolari huma ssodisfatti, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a), tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati, huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dan il-ksur ikun suġġett għal sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, skont il-prinċipji stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2002 dwar it-tisħiħ ta’ qafas penali biex jiġi pprevenut l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) It-“trasportatur” għandu jinftiehem hawnhekk bħala “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li l-professjoni tagħha hi dik li tipprovdi t-trasport ta’ persuni”, kif jiddefinixxih il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-punt 14 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (ĠU 2006, L 105, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 182, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”). Ir-Regolament Nru 562/2006 ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1). Ir-Regolament Nru 562/2006 kien applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali.

( 3 ) BGB1. 2004 I, p.1950, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”).

( 4 ) L-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu hija speċifikata fil-punti 63.1 u 63.2 tal-Allgemeine Verwaltungsvorschrift zum Aufenthaltsgesetz (id-Dispożizzjoni Amministrattiva Ġenerali dwar il-Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin), tas-26 ta’ Ottubru 2009 (GMBl. 2009, p. 878, iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni amministrattiva ġenerali dwar l-AufenthG”).

( 5 ) Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2 p. 3, iktar ’il quddiem il-“KIFS”).

( 6 ) Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2001 li tissupplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 160).

( 7 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-analiżi komparattiva ta’ de Bruycker, P., “Rapport de synthèse concernant la transposition de la directive visant à compléter les dispositions de l’article 26 de la Convention d’Application de l’Accord de Schengen du 14 juin 1985”, Actualité du droit européen de l’immigration et de l’asile,, Bruylant, Brussell, 2005, p. 417 sa 424, kif ukoll dik tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni bit-titolu “Ad-Hoc Query on implementing Council Directive 2001/51/EC”, tat-13 ta’ Diċembru 2012, disponibbli fuq is-sit web li ġej: https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/networks/european_migration_network/reports/docs/ad-hoc-queries/eu-acquis/436_emn_ad-hoc_query_on_implementing_council_directive_200151ec_5november2012_wider_dissemination_en.pdf.

( 8 ) Kif jirriżulta minn dan l-istudju tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, bħal apparentement ħafna oħrajn, ma tagħmilx distinzjoni bejn it-trasportaturi li jittrasportaw il-passiġġieri minn Stat Membru taż-żona Schengen jew minn Stat terz.

( 9 ) Ara Labayle, H., “La suppression des contrôles aux frontières intérieures de l’Union”, Les frontières de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2013, p. 19–53. L-awtur jinnota li “ce mouvement de suppression est à la base de l’une des réalisations les plus remarquables de l’Union …, celle d’un ‘espace’ ouvert à la libre circulation des personnes” (“dan il-pass ta’ tneħħija huwa l-bażi ta’ waħda mill-iktar kisbiet notevoli tal-Unjoni […], dik ta’ ‘żona’ miftuħa għall-moviment liberu tal-persuni”) (p. 19).

( 10 ) C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363.

( 11 ) C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508.

( 12 ) C‑9/16, EU:C:2017:483.

( 13 ) B’hekk xi Stati Membri jeżentaw lill-impriżi tat-trasport bil-karozzi tal-linja mill-multa prevista fil-każ ta’ ksur tal-obbligu tagħhom ta’ kontroll meta jsir qsim tal-fruntieri esterni jekk dawn juru li sar kontroll mad-dħul fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri li magħhom japplika l-acquis ta’ Schengen jew li sar kontroll mis-servizzi kompetenti, mad-dħul fit-territorju nazzjonali.

( 14 ) Jidhirli li dan il-mekkaniżmu huwa kritikabbli inkwantu ma jagħmel ebda distinzjoni bejn jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mingħajr id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa huwiex immigrant illegali jew persuna li qed tfittex l-ażil. Madankollu, il-movimenti migratorji sekondarji jinkludu persuni eliġibbli għal protezzjoni internazzjonali. Għalkemm, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikanti għall-ażil huma mistennija jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom fl-ewwel Stat Membru tad-dħul, ħafna huma dawk li jivvjaġġaw b’mod irregolari fiż-żona Schengen, billi jqisu li għandhom iktar possibbiltajiet ta’ aċċess għall-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru partikolari u mhux f’ieħor, inkwantu minkejja l-armonizzazzjoni miksuba, għad għandna sistema ta’ ażili nazzjonali.

( 15 ) Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 64).

( 16 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 61).

( 17 ) Dawn il-miżuri għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni li tingħata lil refuġjati u lil persuni li jfittxu l-ażil.

( 18 ) Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946, dan il-mekkaniżmu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni li tingħata lir-refuġjati u lill-persuni li jfittxu ażil.

( 19 ) Taħt il-Kapitolu 6, intitolat “Miżuri li jakkumpanjaw”, l-Artikolu 27(1) tal-KIFS kien jeżiġi li “[i]l-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jimponu penalitajiet xierqa fuq kull persuna li, għal qligħ finanzjarju, jassisti jew jipprova jassisti lil aljen sabiex jidħol jew joqgħod fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti bi ksur tal-liġijiet ta’ dik il-Parti Kontraenti dwar id-dħul u r-residenza ta’ aljeni”.

( 20 ) Fil-premessa 2 tad-Direttiva 2002/90 u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946, il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-fatt indika li għandhom “jittieħdu miżuri biex tkun miġġielda l-għajnuna lill-immigrazzjoni illegali kemm in konnessjoni mal-qsim mhux awtorizzat tal-konfini fis-sens strett u kemm għall-għan biex jinżammu networks li jesplojtjaw il-bnedmin”, korsiv miżjud minni.

( 21 ) C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363.

( 22 ) C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508.

( 23 ) C‑9/16, EU:C:2017:483.

( 24 ) BGB1. 1994 I, p. 2978.

( 25 ) Dan il-protokoll ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/616/KE tal-24 ta’ Lulju 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Kontra t-Traffikar ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Artikoli 179 u l-Artikolu 181A tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU 2006, L 262, p. 24), u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/617/KE tal-24 ta’ Lulju 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Kontra t-Traffikar ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, safejn id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll jaqgħu fl-ambitu tal-Parti III, Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU 2006, L 262, p. 34) (iktar ’il quddiem il-Protokoll Addizzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti”).

( 26 ) Il-punt 8 tal-Artikolu 2 ta’ dan il-Kodiċi jiddefinixxi l-punti ta’ qsim tal-fruntiera bħala kwalunkwe punt ta’ qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jinqasmu l-fruntieri esterni.

( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil (C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal-21 ta’ Ġunju 2017, A (C‑9/16, EU:C:2017:483, punt 42).

( 28 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 5 u Rakkomandazzjoni 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2017 dwar verifiki proporzjonati tal-pulizija u kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen [C(2017) 3349 final].

( 29 ) Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

( 30 ) Dan il-kriterju ġie applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 72 tas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, EU:C:2016:408), għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li l-arrest jew l-interċezzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati għandu jseħħ “b’konnessjoni mal-qsim irregolari” ta’ fruntiera esterna. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn it-termini jimplikaw rabta diretta fiż-żmien u fl-ispazju mal-qsim tal-fruntiera, li tirrigwarda ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti fil-mument stess tal-qsim irregolari tal-fruntiera esterna jew wara dan il-qsim viċin din il-fruntiera.

( 31 ) Enfasi miżjuda minni.

( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, Lantero, C., “La politique de sanction des transporteurs”, Les flux migratoires au sein de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2017, p. 265 sa 281, li jirreferi għall-“dispositifs de non-entrée” (mezzi ta’ nuqqas ta’ dħul) (p. 265), Cuttitta, P., “Le monde frontière. Le contrôle de l’immigration dans l’espace globalisé”, Cultures et conflits, OpenEdition, Marseille, 2007, Nru 68, p. 61 sa 84, li jirreferi, min-naħa tiegħu, għal “flexibilisation … de la frontière à travers la délocalisation des contrôles” (żieda fil-flessibilita […] tal-fruntiera permezz ta’ delokalizzazzjoni tal-kontrolli” (p. 69), Guiraudon, V., “Logiques et pratiques de l’État délégateur: les compagnies de transport dans le contrôle migratoire à distance, parties 1 et 2”, Cultures et conflits, OpenEdition, Marseille, 2002, Nru 45, p. 51 sa 79, u Rossetto, J., “Le contrôle de l’immigration”, Les frontières de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2013, p. 111 sa 129, b’mod partikolari, p. 121.

( 33 ) Ara Cruz, A., Nouveaux contrôleurs d’immigration: transporteurs menacés de sanctions, L’Harmattan, Pariġi, 1995.

( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, minbarra x-xogħlijiet u l-artikli diġà ċċitati, Carlier, J.-Y., “Les transporteurs, nouveaux contrôleurs des migrations internationales? À propos des sanctions à charge des transporteurs qui prennent à leur bord des personnes non munies des documents requis pour leur entrée dans le pays de destination”, Liber amicorum Jacques Putzeys, études de droit des transports, Bruylant, Brussell, 1996, p. 15 sa 35, Dumas, P., L’accès des ressortissants de pays tiers au territoire des États membres de l’Union européenne, thèse pour le doctorat public soutenue en 2010, Bruylant, Brussell, 2013, p. 220 et seq., u Le Bourhis, K., Les transporteurs et le contrôle des flux migratoires,, L’Harmattan, Pariġi, 2001, p. 61.

( 35 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/82KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 7, p. 74).

( 36 ) Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU 2017, L 327, p. 20, rettifika fil-ĠU 2018, L 258, p. 5).

( 37 ) Abbażi ta’ din id-data, is-servizz tal-internet jibagħtilhom ir-risposta “OK/NOT OK”. It-trasportaturi jistgħu jżommu l-informazzjoni mibgħuta u r-risposta u jridu jistabbilixxu sistema ta’ awtentikazzjoni biex jiżguraw li l-persunal awtorizzat biss ikollu aċċess għal dan is-servizz.

( 38 ) Ministeru għall-Intern, “Rapport au Parlement: responsabilité des transporteurs, l’application de la loi No 92-190 du 26 février 1992 du 1er mars 1993 au 31 décembre 1995”, Direction des Libertés publiques et de l’action judiciaire, Pariġi, 1996.

( 39 ) Garcia Coso, E., “Spain – Report on the transposition of the Directive supplementing Article 26 of the Schengen Convention”, Actualité du droit européen de l’immigration et de l’asile, Bruylant, Brussell, 2005, p. 481 sa 485, partikolarment p. 484.

( 40 ) Ara d-Deċiżjoni Nru 92-307 tal-Conseil constitutionnel (Franza), tal-25 ta’ Frar 1992, dwar il-liġi li temenda l-Ordni Nru 45-

2658 tat-2 ta’ Novembru 1945 emendata dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u r-residenza tal-barranin fi Franza (premessa 32).

( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward, Lochak, D., “Commentaire de la décision du Conseil constitutionnel du 25 février 1992 (Entrée et séjour des étrangers)”, Journal du droit international (Clunet), LexisNexis, Pariġi, Lulju 1992, p. 669 sa 692, partikolarment p. 690, u Dumas, P., op. cit., b’mod partikolari p. 224.

( 42 ) Jekk napplikawha hawnhekk b’analoġija għall-fruntieri interni.

( 43 ) Fid-dawl tal-interpretazzjoni li jiena nissuġġerixxi li tadotta l-Qorti tal-Ġustizzja, mhux ser inwieġeb għal domandi sekondarji magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(a) u (b) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 44 ) C‑9/16, EU:C:2017:483.

( 45 ) Recommandation citée à la note en bas de page 28 des présentes conclusions.

( 46 ) Ara l-premessa 1 ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

( 47 ) Ara l-premessa 6 ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

( 48 ) Fil-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 f’dak li jikkonċerna r-regoli applikabbli għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni [COM (2017) 571 final], il-Kummissjoni tfakkar fl-ewwel punt li, minħabba l-kriżi tal-migrazzjoni u l-attakki terroristiċi, il-kontroll fil-fruntieri interni, li tiegħu l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen stabbilixxa l-prinċipju u ddeċieda l-modalitajiet, ġie introdott mill-ġdid u estiż madwar ħamsin darba minn Settembru 2015, kemm minħabba theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna (Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi) kif ukoll minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen fil-periklu (Artikolu 26 tal-imsemmi Kodiċi).

( 49 ) Ara l-proposta ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.

( 50 ) Fost dawn il-miżuri, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ippreżervar u t-tisħiħ ta’ Schengen [COM (2017) 570 final], hemm, b’mod partikolari, ir-regolament il-ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), il-ħolqien ta’ żoni hotspot u l-introduzzjoni, bħala reazzjoni għal theddid terroristiku, ta’ verifiki sistematiċi mal-bażijiet tad-data rilevanti fil-fruntieri esterni għall-vjaġġaturi kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-Unjoni (p. 5 sa 7).

( 51 ) Din id-dispożizzjoni tinsab f’termini identiċi fl-Artikolu 15 tar-Regolament 2016/399, li ssostitwixxa l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali.

( 52 ) Bil-lingwa tal-kawża: “in Übereinstimmung und in Umsetzung”.

( 53 ) Dawn id-dispożizzjonijiet ġew eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tas-sentenza tal-10 ta’ April 2012, Vo (C‑83/12 PPU, EU:C:2012:202).

( 54 ) Ara l-premessa 5 tagħhom.

( 55 ) Ara n-Nota ta’ Informazzjoni tal-Parlament Ewropew intitolata “Ġlieda kontra t-Traffikar ta’ Immigranti lejn l-Unjoni Ewropea, Strumenti Prinċipali”, April 2016, disponibbli fuq is-sit tal-internet li ġej: http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2016/581391/EPRS_BRI%282016%29581391_FR.pdf (p. 2, 6 u 14).

( 56 ) L-enfasi miżjuda minni.

( 57 ) Is-suq tat-traffiku illegali huwa estremament flessibbli, peress li l-atturi jadattaw l-istrateġiji tagħhom skont it-tisħiħ tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-kontrolli fuq il-fruntiera.

( 58 ) Ara l-premessa 3 ta’ din id-direttiva u ta’ din id-deċiżjoni qafas.

( 59 ) Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, dan il-ksur għandu jkun suġġett għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li n-natura u l-ammont tagħhom huma stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946.

( 60 ) “It-traffikar tal-immigranti huwa problema kumplessa u l-modus operandi tal-faċilitaturi ta’ spiss huwa flessibbli u dinamiku. Huwa għalhekk importanti li dan il-fenomenu jiġi indirizzat permezz ta’ approċċ komprensiv”, Nota ta’ Informazzjoni tal-Parlament Ewropew iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet (p. 14).

( 61 ) Il-ksur kif iddefinit fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2002/90 huwa intiż kontra n-netwerks ta’ traffikanti bi skop ta’ qligħ finanzjarju, bħall-predeċessur tiegħu l-Artikolu 27 tal-KIFS.

( 62 ) In-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni enfasizza li dawn l-atturi jinsabu kemm f’pajjiżi terzi kif ukoll fl-Istati Membri tal-Unjoni fejn jiffaċilitaw il-moviment sekondarju. Fl-Unjoni, il-faċilitaturi ħafna drabi jkunu tan-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ tranżitu jew ta’ destinazzjoni; ara “Étude sur le trafic illicite de migrants, caractéristiques, réponses et coopération avec les pays tiers, synthèse générale, septembre 2015” fuq is-sit tal-Internet li ġej: https://emnbelgium.be/sites/default/files/publications/study_on_smuggling_of_migrants_executive_summary_french_091115_pdf.pdf (punt 1.3.2).

( 63 ) It-traffikar illegali ta’ immigranti jikkostitwixxi reat kriminali skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1)(a) tal-Protokoll Addizzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti. Skont l-Artikolu 3(a) ta’ dan il-protokoll, dan il-ksur huwa ddefinit kemm fl-elementi materjali kif ukoll intellettwali tiegħu bħala l-iżgurar intenzjonat u biex jinkiseb, direttament jew indirettament, benefiċċju finanzjarju jew benefiċċju ieħor materjali mid-dħul illegali, fi Stat li huwa parti, ta’ persuna li ma hijiex ċittadin jew resident permanenti f’dak l-Istat.

( 64 ) Ara l-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu, korsiv miżjud minni.

( 65 ) Ara d-dispożizzjonijiet il-ġodda previsti fil-qafas tar-Regolament (UE) 2017/2226, u b’mod partikolari l-premessa 16 u l-Artikolu 13(3) tiegħu.