KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017 ( 1 )

Kawża C-271/17 PPU

Openbaar Ministerie

vs

Sławomir Andrzej Zdziaszek

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Proċedura li tikkonċerna piena globali – Proċedura tal-appell”

I. Introduzzjoni

1.

Sławomir Andrzej Zdziaszek, ċittadin Pollakk, huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar 'il quddiem il-“MAE”) maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja Pollakka. Din l-awtorità talbet il-konsenja ta’ S. Zdziaszek, li fil-preżent jinsab arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex jiskonta ż-żewġ pieni ta’ priġunerija ta’ sena u sitt xhur u ta’ tliet snin u sitt xhur rispettivament.

2.

Dawn il-pieni ġew imposti permezz ta’ “sentenza kumulattiva” li tikkostitwixxi l-bażi tal-MAE inkwistjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza kumulattiva”). Din is-sentenza kumulattiva ma tirrigwardax il-ħtija tal-persuna kkonċernata imma għandha bħala għan biss li takkumula u taġġusta tliet pieni imposti qabel. Għaldaqstant, il-piena ta’ sena u sitt xhur tgħaqqad żewġ pieni li għalihom kien ġie kkundannat S. Zdziaszek f’żewġ proċeduri distinti. Il-piena ta’ tliet snin u sitt xhur tirrappreżenta, min-naħa tagħha, tnaqqis ta’ piena ta’ erba’ snin imposta lil S. Zdziaszek b’sentenza preċedenti (iktar ’il quddiem is-“sentenza oriġinali”). Dan it-tnaqqis fil-piena seħħ wara tibdil leġiżlattiv favorevoli għall-persuna kkonċernata.

3.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-formola tal-MAE fiha biss informazzjoni dwar is-sentenza kumulattiva. Informazzjoni addizzjonali miksuba mill-qorti tar-rinviju turi li S. Zdziaszek kien debitament irrappreżentat waqt il-proċedura tal-appell li wasslet għas-sentenza oriġinali, li hu kien mgħarraf biha. Id-drittijiet tad-difiża ta’ S. Zdziaszek fl-ewwel istanza ma ġewx, min-naħa tagħhom, irrispettati skont dik l-istess qorti.

4.

Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni qafas”) ( 2 ), l-awtorità Olandiża kompetenti għandha tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE jekk il-persuna mitluba ma tkunx dehret personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni ( 3 ), ħlief jekk ikun hemm xi waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fih.

5.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” jinkludiex il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tas-sentenza kumulattiva anki jekk il-kwistjoni tal-ħtija ma baqgħetx tiġi diskussa hemmhekk. Il-qorti tar-rinviju tixtieq għaldaqstant tistabbilixxi jekk ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata għandux jiġi evalwat fid-dawl ta’ din il-proċedura jew jekk tridx pjuttost tittieħed inkunsiderazzjoni l-proċedura li wasslet għas-sentenza oriġinali.

6.

Jekk ikun jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-proċedura li wasslet għas-sentenza oriġinali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effetti marbutin mal-assenza ta’ rappreżentanza effettiva ta’ S. Zdziaszek fl-ewwel istanza.

7.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk huwiex possibbli għaliha li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-MAE minħabba l-fatt li la l-formola li takkumpanjah u lanqas l-informazzjoni addizzjonali li ġiet ipprovduta ma jistabbilixxu li din il-kawża taqa’ taħt waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti taħt il-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas.

8.

L-isfond ta’ dawn id-domandi hija t-traspożizzjoni partikolari ta’ din l-aħħar dispożizzjoni fid-dritt Olandiż. L-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas introduċa l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-konsenja tal-persuna kkundannata in absentia, sakemm l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma setgħatx tiżgura ruħha li d-drittijiet proċedurali ta’ dik il-persuna kienu rrispettati. F’każ li jkun jeżisti wieħed mill-erba’ xenarji previsti f’din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija xorta obbligata teżegwixxi l-MAE. Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali taqleb din il-loġika fakultattiva billi tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali milli tikkonsenja l-persuna kkonċernata meta ma jkunu jeżistu ebda wieħed minn dawn ix-xenarji.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

9.

L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jipprovdi:

“Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi […]”

B. Id-dritt tal-Unjoni

1.  Il-Karta

10.

Skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”.

11.

Skont l-Artikolu 48(2), “[g]ħandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat”.

2.  Id-deċiżjoni qafas

12.

L-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni qafas jiddefinixxi l-MAE bħala “deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni”.

13.

L-Artikolu 1(2) jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe [MAE] abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru”.

14.

L-Artikolu 1(3) jipprovdi li l-imsemmija deċiżjoni qafas “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-[TUE]”.

15.

L-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas ġie introdott permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 biex jippreċiża r-raġunijiet fakultattivi tar-rijfut għall-eżekuzzjoni tal-MAE meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment għall-proċess tagħha:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

a)

fi żmien debitu

i)

jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

ii)

kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk huwa jew hija ma tidhirx għall-kawża;

jew

b)

konxja mill-kawża skedata kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;

jew

ċ)

wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament bid-dritt għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:

i)

iddikjarat espressament li huwa jew hija ma tikkontestax id-deċiżjoni;

jew

ii)

ma talbitx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli.

jew

d)

ma kinitx notifikata personalment bid-deċiżjoni iżda:

i)

ser tkun innotifikata personalment biha mingħajr dewmien wara ċ-ċediment u ser tkun infurmata espressament dwar id-dritt tiegħu jew tagħha għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

u

ii)

ser tkun infurmata bil-perijodu taż-żmien li fih hija għandha titlob din il-kawża mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.

2.   F’każ li l-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ […] taħt il-kondizzjonijiet tal-paragrafu (1)(d) u l-persuna konċernata ma tkunx irċeviet minn qabel xi informazzjoni uffiċjali dwar l-eżistenza tal-proċedimenti kriminali kontriha, huwa jew hija tista’, meta tiġi infurmata bil-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew, titlob biex tirċievi kopja tas-sentenza qabel ma tiġi kkonsenjata. […]; la għandu jitqies bħala notifika formali tas-sentenza u lanqas ma jistabbilixxi xi limiti ta’ żmien applikabbli biex jintalab proċess ġdid jew appell.

3.   F’każ li persuna tiġi kkonsenjata skond il-kondizzjonijiet tal-paragrafu (1)(d) u huwa jew hija tkun talbet għal proċess ġdid jew appell, id-detenzjoni ta’ dik il-persuna li tkun qed tistenna dan il-proċess ġdid jew l-appell għandha, sakemm jintemmu dawn il-proċedimenti, tiġi riveduta skond il-liġi tal-Istat Membru emittenti, fuq bażi regolari jew fuq talba tal-persuna konċernata.[…]”.

16.

L-Artikolu 8(1) tad-deċiżjoni qafas jipprovdi li l-MAE għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

“[…];

ċ)

l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

d)

in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat […];

[…]

f)

il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti;

[…]”

17.

L-Artikolu 15 tad-deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”, jipprovdi:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa […].

[…]”

18.

Il-punt (d) tal-anness (“Mandat ta’ arrest Ewropew”) tad-deċiżjoni qafas, huwa fformulat (wara l-emenda bid-deċiżjoni qafas 2009/299) kif ġej:

Image Image

C. Id-dritt Olandiż

19.

L-Overleveringswet (liġi dwar il-konsenja), tad-29 ta’ April 2004 (Stb. 2004, nru 195, iktar ’il quddiem l-“OLW”), tittrasponi d-deċiżjoni qafas fid-dritt Olandiż. L-Artikolu 12 jipprovdi li: “il-konsenja ma tkunx awtorizzata meta l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun intiż għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza, meta l-akkużat ma jkunx deher personalment waqt is-seduta li wasslet għall-imsemmija sentenza, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx jindika li, skont ir-rekwiżiti proċedurali tal-Istat Membru emittent” teżisti waħda mill-erba’ sitwazzjonijiet deskritti f’din l-istess dispożizzjoni. Dawn is-sitwazzjonijiet huma deskritti fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 12 tal-OLW u jikkorrispondu għall-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas.

20.

Il-punt D tal-Anness 2 tal-OLW, intitolat “Mudell ta’ mandat ta’ arrest Ewropew imsemmi fl-Artikolu 2(2) tal-OLW” jikkorrispondi għall-punt d) tal-anness tad-deċiżjoni qafas.

III. Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21.

Fis-17 ta’ Jannar 2017, il-qorti tar-rinviju ġiet adita b’talba għall-eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ fit-12 ta’ Ġunju 2014 mis-Sąd Okręgowy w Gdańsku (qorti reġjonali ta’ Gdańsk, il-Polonja).

22.

Dan il-MAE huwa intiż għall-arrest u l-konsenja ta’ S. Zdziaszek, ċittadin Pollakk, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni fil-Polonja ta’ żewġ pieni ta’ priġunerija ta’ sena u sitt xhur (għall-fatti nri 1 u 2 ( 5 )) u ta’ tliet snin u sitt xhur (għall-fatti nri 3, 4 u 5 ( 6 )).

23.

Il-MAE jirreferi għal sentenza kumulattiva li timponi żewġ pieni, mogħtija fil-25 ta’ Marzu 2014 mis-Sąd Rejonowy w Wejherowie (qorti tad-distrett ta’ Wejherowo, il-Polonja) (iktar ’il quddiem is-“sentenza kumulattiva”). Minn naħa, din is-sentenza ġabret f’piena ta’ priġunerija ta’ sena u sitt xhur iż-żewġ pieni li għalihom ġie kkundannat S. Zdziaszek għall-fatti nri 1 u 2 permezz tas-sentenzi definittivi mogħtija fil-21 ta’ April 2005 mis-Sąd Rejonowy w Wejherowie (qorti tad-distrett ta’ Wejherowo) u fis-16 ta’ Ġunju 2006 mis-Sąd Rejonowy w Gdyni (qorti tad-distrett ta’ Gdynia, il-Polonja). Min-naħa l-oħra, dik l-istess sentenza naqqset għal tliet snin u sitt xhur piena ta’ priġunerija oriġinali ta’ erba’ snin li kienet ġiet imposta fuq S. Zdziaszek għall-fatti nri 3 sa 5 permezz tas-sentenza definittiva tal-10 ta’ April 2012 mogħtija mis-Sąd Rejonowy w Wejherowie (qorti tad-distrett ta’ Wejherowo). Dan it-tibdil seħħ wara tibdil leġiżlattiv favorevoli għall-persuna kkonċernata.

24.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2017, il-qorti tar-rinviju rrifjutat il-konsenja ta’ S. Zdziaszek għal dak li jikkonċerna l-piena ta’ prinġunerija għall-fatt nru 1 inkwantu dak il-fatt ma kienx punibbli fid-dritt Olandiż. Hija ssospendiet il-proċeduri fir-rigward tal-fatt nru 2 sabiex tagħmel domandi addizzjonali lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat.

25.

Għaldaqstant, hija biss il-parti mis-sentenza kumulattiva dwar it-tnaqqis tal-piena għall-fatti nri 3 sa 5 li hija affettwata minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

26.

S. Zdziaszek ma deherx personalment għall-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva. Il-MAE jindika li huwa kellu, madankollu, għarfien tal-proċess previst u inkariga konsulent legali li ddefendieh.

27.

B’mod iktar preċiż, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li S. Zdziaszek ġie msejjaħ għall-ewwel istanza fit-28 ta’ Jannar 2014 fl-indirizz li huwa indika. Huwa ma rtirax in-notifika u ma deherx. Is-Sąd Rejonowy w Wejherowie (qorti tad-distrett ta’ Wejherowo) ħatret avukat ex officio u ssospendiet il-proċeduri. S. Zdziaszek ġie msejjaħ bl-istess mod għat-tieni seduta fil-25 ta’ Marzu 2014. Huwa ma deherx personalment iżda l-avukat tiegħu pparteċipa f’din is-seduta. Huwa wara dik is-seduta li ngħatat is-sentenza kumulattiva.

28.

Minkejja dawn l-affermazzjonijiet fattwali, il-qorti tar-rinviju tqis li ċ-ċirkustanza msemmija fis-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1)(b) tad-deċiżjoni qafas ma tapplikax, peress li ma ġiex stabbilit li l-persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba “[kienet] konxja mill-kawża skedata” u lanqas li hija “kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża”.

29.

L-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju teżiġi li jiġi stabbilit jekk il-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva tikkostitwixxix il-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas. Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju ser tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE.

30.

Jekk, min-naħa l-oħra, is-sentenza kumulattiva ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hija għandha teżamina jekk, S. Zdziaszek deherx personalment għall-fażi preċedenti ta’ proċedura u, fil-każ oppost, jekk seħħitx waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas.

31.

Issa, skont il-qorti tar-rinviju, l-informazzjoni pprovduta fil-MAE ma tikkonċernax is-sentenza oriġinali.

32.

It-tieni domanda twassal biex jiġi stabbilit jekk, f’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-MAE.

33.

Jekk dan ma huwiex il-każ, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa fid-dawl tas-sentenza oriġinali li hija għandha tiddetermina jekk din il-kawża taqax taħt waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas.

34.

F’dan ir-rigward, hija ssostni li S. Zdziaszek ma deherx personalment fil-proċess li wassal għad-deċiżjoni tal-ewwel istanza u li ebda waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas ma tapplika għall-proċedura tal-ewwel istanza.

35.

Fir-rigward tal-proċedura ta’ appell, S. Zdziaszek ma deherx personalment fis-seduta. Madankollu, huwa ġie debitament imsejjaħ u l-konsulent legali tiegħu deher għalih. Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi minn dan li S. Zdziaszek “[kien] konxj[u] mill-kawża skedata” fl-appell u li huwa “[kien ta] mandat […] biex [jiddefendih] fil-kawża”.

36.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fit-tielet lok jekk il-proċedura ta’ appell tikkostitwixxix il-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas.

37.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Proċedura

li fil-kuntest tagħha l-qorti tal-Istat Membru emittenti tiddeċiedi li takkumula pieni ta’ priġunerija distinti li l-persuna kkonċernata tkun diġà ġiet ikkundannata għalihom b’mod definittiv f’piena waħda ta’ priġunerija u/jew dwar l-emenda ta’ piena ta’ priġunerija akkumulata li l-persuna kkonċernata tkun ġiet preliminarjament ikkundannata għaliha b’mod definittiv u

li fil-kuntest tagħha din il-qorti ma teżaminax iżjed il-kwistjoni tal-ħtija,

bħalma hija l-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva [sentenza li tiddeċiedi piena globali] tal-25 ta’ Marzu 2014, tikkostitwixxi ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas […]?

2)

L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’:

f’każ fejn il-persuna mitluba ma tkunx dehret personalment fil-proċess li wassal għad-deċiżjoni,

iżda fejn, la fil-MAE, u lanqas fl-informazzjoni kumplimentari mitluba abbażi tal-Artikolu 15(2) tad-deċiżjoni […], l-awtorità ġudizzjarja [li toħroġ il-mandat] ma indikat l-applikabbiltà ta’ waħda jew iktar miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-deċiżjoni qafas […] skont il-formulazzjoni ta’ waħda jew iktar mill-kategoriji msemmija fil-punt 3 tal-parti (d) tal-formula tal-MAE,

tikkonkludi, għal din ir-raġuni, li ebda waħda mill-kundizzjonijiet tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) u tal-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-deċiżjoni qafas, ma hija ssodisfatta u tirrifjuta, għal din ir-raġuni, l-eżekuzzjoni tal-MAE?

3)

Proċedura ta’ appell

li fiha jkun sar eżami fuq il-mertu u

li tat lok għal kundanna (ġdida) tal-persuna kkonċernata u/jew il-konferma tal-kundannna deċiża fl-ewwel istanza,

filwaqt li l-MAE jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-imsemmija kundanna,

tikkostitwixxi ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-deċizjoni qafas […]?”

IV. Fuq il-proċedura b’urġenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

38.

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39.

Insostenn ta’ din it-talba, hija ssostni li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ deċiżjoni qafas li taqa’ taħt it-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE. Hija osservat ukoll li l-persuna kkonċernata kienet tinsab f’detenzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, tistenna biex tara x’ser jiġri wara l-konsenja tagħha. Ir-risposta urġenti tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha influwenza diretta u deċiżiva fuq id-dewmien tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata

40.

Il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fit-8 ta’ Ġunju 2017 sabiex tilqa’ dik it-talba tal-qorti tar-rinviju.

41.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Openbaar Ministerie (prosekutur pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) rikorrent fil-kawża prinċipali, S. Zdziaszek konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Pollakk ippreżenta risposta bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntest ġuridiku Pollakk applikabbli.

42.

Il-prosekutur pubbliku, S. Zdziaszek, il-Gvern Olandiż, dak Irlandiż u dak Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom fis-seduta li nżammet fil-11 ta’ Lulju 2017.

V. Evalwazzjoni

43.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva, li ma kinitx għadha tikkonċerna l-kwistjoni tal-ħtija, tikkostitwixxix “process li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas. Sabiex nagħti risposta għal din id-domanda, ser nanalizza l-ewwel nett il-kunċett ta’ kundanna kriminali li l-eżistenza tagħha tikkundizzjona l-eżistenza ta’ “sentenza eżekuttiva” u ta’ “process li rriżulta fid-deċiżjoni”. Ser neżamina mbagħad in-natura speċifika ta’ sentenza kumulattiva (A).

44.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina l-konsegwenzi li jirriżultaw, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ MAE, min-natura insuffiċjenti tal-informazzjoni pprovduta mill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat. Din id-domanda tista’ tinftiehem b’mod formali bħala li tirrigwarda n-numru ta’ drabi li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ titlob informazzjoni utli min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat jew iż-żmien massimu tal-“komunikazzjoni” bejn dawn iż-żewġ qrati, meħud kont b’mod partikolari tat-termini applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-MAE. B’mod inqas apparenti, din id-domanda għandha l-isfond tagħha fit-traspożizzjoni problematika tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas fid-dritt Olandiż (B).

45.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas, jirreferix għal proċedura ta’ appell li wassal għall-eżami tal-mertu tal-kawża u kkonferma l-kundanna ppronunzjata fl-ewwel istanza, li l-MAE huwa intiż li jeżegwixxi. Din id-domanda teħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata matul il-proċedura ta’ appell tistax tirrimedja l-eventwali nuqqasijiet li setgħu jimmanifestaw ruħhom fl-ewwel istanza (Ċ).

A. Fuq l-ewwel domanda preliminari

46.

Il-partijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u li pparteċipaw fis-seduta jaqblu, essenzjalment, dwar il-pożizzjoni li proċedura li twassal biss għall-aġġustament tal-piena mingħajr ma tiġi dibattuta l-kwistjoni tal-ħtija ma tikkostitwixxix“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas.

47.

Dan premess, l-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll is-sottomissjonijiet jixhdu n-nuqqas ta’ konsensus fuq il-punt dwar x’jikkostitwixxi l-“mertu” tal-kawża. Ma jidhirx li hemm dubju li proċedura li tirrigwarda l-ħtija u l-piena tikkostitwixxi proċedura fuq il-mertu. Quid madankollu dwar proċedura li tikkonċerna biss il-piena, l-aġġustament tagħha jew it-tnaqqis tagħha? Id-dibattitu dwar il-ħtija jikkostitwixxi komponent indispensabbli tal-proċedura biex wieħed ikun jista’ jikklassifikaha bħala proċedura fuq il-mertu?

48.

S. Zdziaszek isostni li meta l-aġġustament tal-piena ma huwiex sempliċi eżerċizzju aritmetiku, il-proċedura relatata miegħu tikkostitwixxi “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”. Għaldaqstant hija għandha tosserva r-rekwiżiti tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

49.

Il-prosekutur pubbliku jenfasizza li fl-interess tal-aħjar garanzija tad-drittijiet tad-difiża, l-istħarriġ għandu jirrigwarda deċiżjoni dwar il-ħtija. L-approċċ oppost ikun jinvolvi r-riskju li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tiġi kkonsenjata mingħajr ma jkunu ġew irrispettati d-drittijiet tad-difiża fil-fażijiet preċedenti tal-proċedura.

50.

Similment, il-Gvern Olandiż jipproponi risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari. Huwa jsostni li l-istħarriġ għandu jirrigwarda proċedura dwar il-mertu li wasslet għall-kundanna. Dan jippreżumi li l-qorti tkun ippronunzjat ruħha fuq il-ħtija. Proċedura li tiġbor jew taġġusta l-pieni ta’ prinġunerija ma taqax għaldaqstant taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”.

51.

Il-Gvern Irlandiż u dak Pollakk jipproponu wkoll risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda. Peress li l-ħtija tal-persuna kkonċernata ma ġietx iddibattuta waqt il-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva, din tal-aħħar ma tistax tikkostitwixxi “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas. Skont il-Gvern Irlandiż, l-iċken analiżi tal-proċedura tal-kumulu tal-pieni tkun tmur kontra l-prinċipju tal-fiduċja reċiproka. Skont il-Gvern Pollakk, jekk il-proċedura tas-sentenza kumulattiva tiġi inkluża fil-kunċett iċċitat iktar ’il fuq, dan iwassal biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas. Għal dak il-gvern, il-kunċett ta’ “mertu tal-kawża” jimplika d-determinazzjoni tal-fatti kif ukoll l-eżami tal-ħtija, elementi li fuqhom ittieħdet deċiżjoni finali waqt il-proċedura ta’ appell li wasslet għas-sentenza oriġinali.

52.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issibha diffiċli tikkonċepixxi li l-istħarriġ taħt l-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas jista’ jirrigwarda proċedura li tkun limitata biex taġġusta l-piena mentri l-proċedura li wasslet għall-kundanna oriġinali ma tkunx hekk suġġetta għal dan l-istħarriġ. Min-naħa l-oħra, proċedura li wasslet għall-aġġustament tal-pieni oriġinali filwaqt li ppermettiet lill-persuna kkonċernata li tressaq l-argumenti tagħha taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”.

53.

Jiena ma naqbilx mal-fehma li hija biss il-kwistjoni tal-ħtija li hija rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-“mertu tal-kawża”, bl-esklużjoni ta’ dik li tirrigwarda d-determinazzjoni tal-piena. Il-kunċett ta’ kundanna kriminali, li huwa rilevanti għall-kunċett ta’ “sentenza eżekuttiva” daqs kemm hu rilevanti għal dak ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” [użati rispettivament fis-sentenza introduttiva tal-Artikoli 4a(1) u 8(a) tad-deċiżjoni qafas] jinvolvi fil-fatt żewġ aspetti: il-ħtija u l-piena (1). Inkwantu s-sentenza kumulattiva tistabbilixxi l-piena, hija taqa’ taħt il-kunċett ta’ kundanna kriminali (2). Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas, jibqa’ madankollu li jiġi vverifikat jekk il-proċedura li wasslet għal dik is-sentenza tħallix lill-qorti s-setgħa diskrezzjonali biex tiddeċiedi l-modi konkreti għall-aġġustament tal-piena (3). Inkantu tali setgħa diskrezzjonali teżisti f’dan il-każ, il-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva tikkostitwixxi “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas (4).

1.  Elementi kostituttivi tal-kundanna kriminali

54.

Meta jkun intiż għal eżekuzzjoni ta’ piena, il-MAE jippreżumi l-eżistenza ta’ kundanna kriminali. Din tal-aħħar ikun fiha tipikament żewġ elementi, jiġifieri dikjarazzjoni ta’ ħtija, u konsegwentement, l-għoti ta’ sanzjoni ( 7 ). Dawn iż-żewġ elementi jiffurmaw għaldaqstant il-“mertu” tal-kawża, jiġifieri b’mod konġunt (il-mertu fl-intier tiegħu) jew meħud separatament (parti mill-mertu).

55.

Dawn iż-żewġ elementi għandhom jirriżultaw mill-MAE. L-awtoritajiet ġudizzjarji li joħorġu l-mandat għandhom fil-fatt l-obbligu li jipprovdu l-informazzjoni mhux biss fuq ir-reati mwettqa, imma wkoll fuq is-sanzjonijiet imposti b’mod konkret. Dan huwa indispensabbli għall-finijiet li tiġi vverifikata l-applikabbiltà tal-MAE f’każ konkret mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meħud kont tar-reat imwettaq ( 8 ) u tas-sanzjoni imposta ( 9 ). Din l-informazzjoni hija wkoll importanti biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ raġuni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja tal-MAE ( 10 ).

56.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ sentenza eżekuttiva għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-deċiżjoni qafas, din tirrigwarda sentenza finali li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, li jipproċedu bl-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija tal-persuna kkonċernata. Dak li jikkostitwixxi tali sentenza f’każ konkret jiddependi minn żewġ fatturi varjabbli, jiġifieri l-kuntest proċedurali tal-Istat Membru u l-użu konkret li jkun sar minnu minn (jew fil-konfront ta)l-persuna kkonċernata ( 11 ).

57.

Meta sentenza tikkostitwixxi t-titlu li jippermetti li jrendi eżekuttiva l-piena ta’ priġunerija, hija għandha mid-definizzjoni tagħha tkun tirrigwarda l-piena. Il-kwistjoni li tqum f’dan il-każ hija dwar jekk deċiżjoni li tirrigwarda biss il-piena tistax tkun “sentenza eżekuttiva” fis-sens tad-deċiżjoni qafas. Dan hu dak li ser neżamina issa.

2.  L-ispeċifiċità tas-sentenza kumulattiva

58.

Is-sentenza kumulattiva li fuqha huwa bbażat l-MAE f’din il-kawża hija doppjament speċifika.

59.

Fl-ewwel lok, hija tgħaqqad żewġ deċiżjonijiet sostantivi f’att wieħed. F’dan ir-rigward, (i) hija takkumula s-sanzjonijiet imposti qabel (u separatament) għall-fatti nri 1 u 2; u (ii) tnaqqas it-tul tas-sanzjoni imposta qabel u kumulattivament għall-fatti nri 3 sa 5.

60.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatti nri 3 sa 5, is-sentenza kumulattiva hija limitata biex tnaqqas il-piena imposta mingħajr ma tittratta l-kwistjoni tal-ħtija, deċiża qabel mis-sentenza oriġinali.

61.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Pollakk jirriżulta li dak it-tnaqqis ħa inkunsiderazzjoni tibdil leġiżlattiv favorevoli għall-persuna kkonċernata, li seħħ bejn l-adozzjoni tas-sentenza oriġinali u l-għoti tas-sentenza kumulattiva.

62.

Il-Gvern Pollakk ikkonferma, waqt is-seduta, li s-sentenza kumulattiva kellha bħala konsegwenza li tissostitwixxi s-sentenza oriġinali.

63.

B’riżerva għall-verifika li trid issir mill-qorti tar-rinviju, ġie għaldaqstant stabbilit li d-deċiżjoni dwar is-sanzjoni kif tirriżulta mis-sentenza kumulattiva tikkostitwixxi l-uniku titlu ġuridiku li jippermetti li jċaħħad lil S. Zdziaszek mil-libertà tiegħu għaż-żmien hemm previst. Konsegwentement, iż-żewġ aspetti tal-kundanna kriminali li tikkonċerna lil S. Zdziaszek ġew dibattuti l-aħħar fl-okkażjoni ta’ żewġ proċeduri differenti: il-proċedura li wasslet għas-sentenza oriġinali għal dak li jikkonċerna l-ħtija u l-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva għal dak li jikkonċerna l-piena finalment imposta.

64.

Issa jeħtieġ li tiġi eżaminata n-natura tal-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva.

3.  Karatteristiċi tal-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva

65.

Huwa utli li jitfakkar, l-istess bħal ma għamlu S. Zdziaszek u l-Kummissjoni, li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tiddistingwi żewġ tipi ta’ proċeduri li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet globali: (i) il-proċeduri li ma jagħtu lill-qorti ebda setgħa diskrezzjonali u li matulhom dik il-qorti tagħmel biss kalkolu matematiku, u (ii) il-proċeduri li fihom il-qorti teżerċita setgħa diskrezzjonali. Filwaqt li l-ewwel tip ta’ proċeduri ma jaqax taħt l-Artikolu 6 KEDB, mhux l-istess jingħad għat-tieni wieħed ( 12 ).

66.

Id-determinazzjoni tan-natura tal-proċedura inkwistjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti li ġejjin.

67.

Meta l-qorti għandha tillimita ruħha biex tapplika mekkanikament dispożizzjoni tal-liġi li ma tħallilha ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-mod kif titnaqqas il-piena, tali proċedura ma tistax tikkostitwixxi proċess fis-sens tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas. Fil-fatt, il-persuna kkonċernata ma għandha ebda possibbiltà li tinvoka d-drittijiet proċedurali tagħha sabiex tinfluwenza r-riżultat ta’ tali applikazzjoni mekkanika tal-liġi.

68.

Differenti jkun il-każ ta’ proċedura fejn il-qorti teżerċita setgħa diskrezzjonali. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jsiru l-mistoqsijiet segwenti: hemm elementi ġodda li l-qorti hija obbligata tidentifika u li tieħu inkunsiderazzjoni (pereżempju, l-aġir tal-persuna kkonċernata wara l-kundanna oriġinali tagħha, l-evalwazzjoni li saret ta’ dak l-aġir mill-awtoritajiet penitenzjarji, eċċ)? Għandha tiġi organizzata seduta waqt il-proċedura li twassal għall-aġġustament tal-piena? Jista’ jiġi ppreżentat appell kontra deċiżjoni ġdida dwar l-aġġustament tal-piena? Fuq kollox u qabel kollox: il-qorti għandha marġni ta’ diskrezzjoni matul il-proċedura kollha?

69.

Jekk tingħata tweġiba fl-affermattiv għal dawn il-mistoqsijiet – u b’mod partikolari l-aħħar waħda, jidhirli li allura dik tkun proċess fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas. Fil-fatt, dawn l-elementi proċedurali jippermettu lill-persuna kkonċernata li tinfluwenza d-determinazzjoni tal-piena. L-effettività li biha l-persuna kkonċernata tista’ tinvoka d-drittijiet proċedurali tagħha għandha f’dan ir-rigward importanza kardinali.

70.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, il-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva tagħtix setgħa diskrezzjonali lill-qorti nazzjonali. Fid-dawl tal-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, jidhirli li fi proċedura li twassal għas-sentenza kumulattiva, il-qorti Pollakka għandha setgħa diskrezzjonali mhux negliġibbli.

71.

Waqt is-seduta, il-Gvern Pollakk ikkonferma li qorti li tagħti sentenza kumulattiva, għalkemm ma tkunx għadha qed teżamina l-kwistjoni tal-ħtija, għandha setgħa diskrezzjonali biex tiffissa (jew taġġusta) il-piena globali fil-limiti li jirriżultaw mill-pieni imposti mis-sentenzi relatati preċedenti.

72.

Madankollu, dan il-gvern jirrifjuta li jikklassifika l-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva bħala “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” skont is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas inkwantu r-riżultat ta’ din il-proċedura huwa dejjem favorevoli għall-persuna kkonċernata. Skont dak il-gvern, it-tul tal-piena finalment imposta jkun neċessarjament inqas minn dak li jirriżulta mill-għadd tal-pieni kumulabbli. Bl-istess mod, il-piena wara t-tnaqqis tkun neċessarjament iqsar minn dik imposta preċedentement.

73.

Jien ma naqbilx mal-konklużjoni li l-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva ma taqax taħt l-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas.

74.

Għalkemm l-aġġustament tal-piena jinvolvi dejjem it-tnaqqis tal-piena oriġinali, jibqa’ fundamentali għall-persuna kkonċernata li tkun tista’ titlob it-tnaqqis massimu.

75.

Immaġina pereżempju s-sitwazzjoni li fiha l-qorti nazzjonali tkun mitluba takkumula tliet pieni ta’ ħames snin, erba’ snin u tliet snin imposti preċedentement. Immaġina wkoll li s-setgħa diskrezzjonali li għandha l-qorti tippermetti lil din tal-aħħar li tiffissa l-piena kumulattiva kemm għal ħames snin kif ukoll għal tnax-il sena ta’ priġunerija. Huwa minnu li r-riżultat finali jkun mid-definizzjoni tiegħu iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata inkwantu l-għadd sempliċi u pur tal-pieni kien iwassal għal piena globali ta’ tnax-il sena. Madankollu, hemm differenza sostanzjali bejn li tiġi imposta piena kumulattiva li t-tul tagħha jkun qrib il-limitu inferjuri tal-iskala (pereżempju sitt snin) jew inkella sa limitu superjuri tagħha (pereżempju ħdax-il sena).

76.

Jekk, bil-preżenza tagħha, il-persuna kkonċernata jista’ jkollha influwenza fuq id-determinazzjoni tat-tul tal-piena, il-proċess inkwistjoni ma jista’ la jikser il-garanziji tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, u lanqas konsegwentement dawk tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas.

77.

Kif osservajt iktar 'il fuq, il-fatt li r-rispett tad-drittijiet proċedurali seta’ jkun ivverifikat fir-rigward tas-sentenza oriġinali ma għadux rilevanti għal dak li jikkonċerna l-aspett tal-“piena” inkwantu, minn naħa, il-qorti li ddeċidiet fuq il-piena l-ġdida eżerċitat setgħa diskrezzjonali u fejn, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni l-ġdida li tirrigwardaha ssostitwiet id-deċiżjoni preċedenti. Is-sentenza kumulattiva saret għaldaqstant l-unika sentenza eżekuttiva li fuqha jista’ jkun ibbażat MAE.

78.

Sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata ġew irrispettati, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika in concreto liema deċiżjoni tikkostitwixxi s-sentenza eżekuttiva li fuqha huwa bbażat il-MAE. Hija għandha titlob, jekk ikun il-każ, l-informazzjoni addizzjonali abbażi tal-Artikolu 15(2) tad-deċiżjoni qafas sabiex tidentifika l-fażi tal-proċedura li matulha l-qorti eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali biex tiffissa finalment it-tul tal-piena. F’dan il-kuntest, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha wkoll tkun tista’ teżamina r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata fir-rigward tal-aħħar fażi proċedurali li ddeterminat il-ħtija.

79.

B’mod għal kollox prattiku, dan ifisser li l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat għandha timla l-partijiet (ċ) u (d) tal-formola tal-MAE dwar il-proċedura li wasslet immedjatament għas-sentenza eżekuttiva.

80.

Madankollu, sabiex jiġi evitat l-eventwali nuqqas ta’ informazzjoni u biex jiġi llimitat l-użu tal-imsemmi Artikolu 15(2), jidhirli li jkun tajjeb li l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tipprovdi, prinċipalment fil-parti (b) tal-formola, l-informazzjoni kollha addizzjonali, li tista’ tkun utli sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata. Din l-informazzjoni tista’ b’mod partikolari tkun tirrigwarda l-aħħar fażi proċedurali li tkun ħadet pożizzjoni fuq il-kwistjoni tal-ħtija meta din tkun ġiet eżaminata fil-kuntest ta’ proċedura differenti minn dik li matulha l-qorti ddeċidiet fuq il-piena billi eżerċitat setgħa diskrezzjonali.

81.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat f’dan il-kuntest li ma hijiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tiskrutinizza l-mużajk kollu tal-proċedura kriminali mill-bidu.

82.

Kif ġustament isostnu l-prosekutur pubbliku u l-Gvern Olandiż, dan jimmina l-prinċipju tal-fiduċja reċiproka – fundamentali fil-kooperazzjoni kriminali f’dan il-qasam ( 13 ) - u jippreġudika l-funzjonament tas-sistema tad-deċiżjoni qafas.

83.

Fil-fatt, l-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni qafas ifakkar li din ma għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE u riflessi fil-Karta. Dan l-obbligu huwa kemm tal-Istat Membru emittenti kif ukoll tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ( 14 ).

84.

Infakkar li l-Istati Membri kollha huma marbutin bil-KEDB, b’mod partikolari bl-Artikolu 6(1) tagħha. Dan ifisser li l-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat huwa obbligat jirrimedja, jekk ikun il-każ, in-nuqqasijiet li jistgħu jimmanifestaw ruħhom fil-fażijiet preċedenti tal-proċedura.

85.

Għalkemm is-sentenza ngħatat in absentia, l-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat għandu fil-prinċpju jiggarantixxi proċess ġdid skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali. Il-korrezzjoni tal-eventwali żbalji proċedurali jaqgħu fl-obbligu, għaldaqstant, tal-Istat Membru emittenti li jilqa’ l-persuna kkonsenjata abbażi tal-MAE. Fid-dritt nazzjonali, ma hijiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tivverifika, ossija tikkoreġi n-nuqqasijiet kollha fi proċedura li rriżultat f’sentenza mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun dehret personalment fil-proċess tagħha.

86.

Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun ikkonstatat li s-sistema kriminali tal-Istat Membru li minnu jkun ġej il-MAE hija f’dan ir-rigward defiċjenti tant li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-fiduċja reċiproka ma tkunx ippreġudikata, pereżempju minħabba l-eżistenza ta’ riskju serju u ppruvat ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta ( 15 ) jew inkella minħabba l-fatt li l-qrati kriminali ta’ Stat Membru ma jkunux iktar jistgħu jiggarantixxu d-dritt għal proċess xieraq, bl-esklużjoni għalhekk tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ( 16 ).

4.  Konklużjoni intermedja

87.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-proċedura li wasslet għas-sentenza, bħalma hi s-sentenza kumulattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tikkostitwixxi “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas meta (i) dik is-sentenza, wara li tkun saret eżekuttiva, tiffissa b’mod definittiv piena ta’ priġunerija u tikkostitwixxi għaldaqstant titolu li jrendiha eżekuttiva; u meta (ii) fil-proċedura li tirrigwarda l-iffissar ta’ dik il-piena, il-qorti nazzjonali jkollha setgħa diskrezzjonali.

B. Fuq it-tieni domanda preliminari

88.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk hija tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-MAE meta jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata għandu jkun evalwat fir-rigward ta’ sentenza differenti minn dik indikata fil-MAE u meta l-informazzjoni addizzjonali pprovduta skont l-Artikolu 15(2) tad-deċiżjoni qafas ma tippermettix li jiġi vverifikat ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata.

89.

Il-qorti tar-rinviju ssostni li r-rifjut huwa possibbli f’tali kundizzjonijiet. Mill-kliem “sakemm il-[MAE] ma jiddikjarax li” użati fis-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas, jista’ jiġi dedott li l-informazzjoni dwar l-applikabbiltà ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni għandhom ikunu mniżżla fil-parti (d) tal-formola tal-MAE, jew tal-inqas skont il-kategoriji kif jinsabu hemmhekk ifformulati.

90.

Filwaqt li S. Zdziaszek ma jiħux pożizzjoni dwar it-tieni domanda, il-prosekutur pubbliku jikkunsidra min-naħa tiegħu li l-eżekuzzjoni tal-MAE ma tistax tiġi rrifjutata jekk l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat ma tużax il-formulazzjonijiet tal-parti (d) tal-formola, sakemm l-informazzjoni pprovduta tkun utli.

91.

Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li t-tieni domanda hija intiża biex jiġi stabbilit jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex tistħarreġ is-sentenza oriġinali fid-dawl tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas. Huwa jipproponi risposta fin-negattiv inkwantu l-verifika għandha ssir fid-dawl tas-sentenza indikata bħala eżekuttiva fil-MAE.

92.

Skont il-Kummissjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha titlob l-informazzjoni li tikkonċerna l-aħħar fażi tal-proċedura li fiha jkun ġie ddibattut il-mertu tal-kawża u li wasslet għall-kundanna definittiva. F’dan il-każ, hija l-proċedura tal-appell li wasslet għas-sentenza oriġinali. Il-Kummissjoni tfakkar li fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas jikkonċerna raġuni ta’ rifjut fakultattiv. Fil-fehma tagħha jeżistu każijiet fejn, barra mill-erba’ sitwazzjonijiet ta’ obbligu ta’ konsenja, il-MAE jista’ jiġi eżegwit mingħajr ma jkun ippreġudikat id-dritt tal-persuna kkonċernata li tkun preżenti fil-proċess tagħha. F’dan ir-rigward, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha disponibbli.

93.

Biex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, ser niddistingwi bejn l-aspett apparenti tagħha li jirrigwarda l-modi ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji (1) u l-kuntest tagħha li fuqu hija bbażata, li għalih tirreferi wkoll ir-risposta msemmija iktar ’il fuq tal-Kummissjoni (2). Ser nispjega mbagħad għaliex l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni għandhom ikollhom marġni ta’ diskrezzjoni meta huma jeżaminaw ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati skont l-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas (3).

1.  Il-modi tal-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji skont l-Artikolu 15(2) tad-deċiżjoni qafas

94.

Il-komunikazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet skont id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tiddependi dejjem mill-bżonnijiet konkreti ta’ kull każ partikolari. Għaldaqstant, huwa diffiċli li tingħata risposta għal tali domanda fl-astratt. Fil-fatt, it-tip ta’ informazzjoni mitluba tkun tipikament tiddependi mill-għan li għalih dik l-informazzjoni tkun mitluba.

95.

Dan premess, jien tal-fehma li l-approċċ li għandu jiġi adottat f’dan il-kuntest jista’ jkun iggwidat mill-kunsiderazzjonijiet segwenti.

96.

Bħala introduzzjoni, infakkar li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi MAE biss fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, previsti fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni qafas, jew ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, previsti fl-Artikoli 4 u 4a ta’ din id-deċiżjoni qafas ( 17 ).

97.

Il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat ukoll ir-rekwiżiti ta’ regolarità previsti fl-Artikolu 8(1) tad-deċiżjoni qafas li l-osservanza tagħhom tikkostitwixxi kundizzjoni għall-validità tal-MAE, u l-ksur tagħhom iwassal fil-prinċipju għar-rifjut tal-eżekuzzjoni tal-MAE. Qabel ma tirrifjuta l-eżekuzzjoni (ħaġa li għandha tibqa’ eċċezzjonali), l-awtorità kompetenti għandha, għaldaqstant, skont l-Artikolu 15(2) tad-deċiżjoni qafas, titlob lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat sabiex b’urġenza tipprovdilha kull informazzjoni addizzjonali neċessarja ( 18 ).

98.

Huwa biss jekk, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 15(2) tad-deċiżjoni qafas kif ukoll ta’ kull informazzjoni potenzjali oħra li hija setgħat tikseb mod ieħor, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tasal għall-konklużjoni li l-MAE inħareġ b’mod irregolari [fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(1) tad-deċiżjoni qafas] li hija ma għandhiex tipproċedi bih.

99.

B’mod iktar speċifiku, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 15(2) tad-deċiżjoni qafas, jeħtieġ li jiġi osservat fl-ewwel lok li l-komunikazzjoni skont din id-dispożizzjoni hija intiża li jiġi żgurat bilanċ bejn l-obbligu ta’ min jeżegwixxi ( 19 ) (b’osservanza tal-urġenza li biha l-MAE għandu jiġi eżaminat, meħud kont tat-termini li tipprevedi d-deċiżjoni qafas) u r-rekwiżit tal-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ma għandhiex iddum indefinittivament. Hija għandha tippermetti l-osservanza tat-terminu ta’ 60 jum ( 20 ) li fihom il-MAE għandu, fil-prinċipju, jiġi eżegwit ( 21 ).

100.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li l-modi ta’ komunikazzjoni msemmija iktar ’il fuq jiggarantixxu n-natura operattiva tas-sistema. Għaldaqstant, il-mistoqsijiet għandhom isiru bl-iktar mod preċiż u ċar possibbli. Jidher b’mod partikolari li huwa raġonevoli li mistoqsija ssir l-ewwel darba, imbagħad issir verifika t-tieni darba billi jiġu enfasizzati l-aspetti li għandhom ikunu ċċarati. Jekk tali komunikazzjoni ma twassalx għar-riżultat mixtieq, jidhirli li huwa raġonevoli, fid-dawl tal-għanijiet iċċitati iktar ’il fuq ta’ urġenza u ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati, li wieħed ma jżidx fit-tiftix attiv tal-informazzjoni.

101.

Madankollu, dan ma jeżentax lill-awtorità kompetenti milli tevalwa kull kawża każ b’każ fid-dawl tan-neċessità li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata.

102.

F’dan il-każ, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni xtaqet tagħmel mistoqsijiet addizzjonali li jikkonċernaw il-proċedura li wasslet għas-sentenza oriġinali. Hija fil-fatt uriet dubji, kif jinnota l-Gvern Olandiż, dwar il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża ta’ S. Zdziaszek fil-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva.

103.

B’dan ippreċiżat, fl-isfond tat-tieni domanda preliminari tidher iktar fundamentalment il-problema tat-traspożizzjoni nazzjonali fid-dritt Olandiż tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas fid-dritt Olandiż. Issa ser niddedika ruħi għal dan l-aspett tad-domanda.

2.  L-isfond tal-komunikazzjoni skont l-Artikolu 15(2) tad-deċiżjoni qafas

104.

L-informazzjoni addizzjonali, f’dan il-każ, intalbet skont l-Artikolu 15(2) tad-deċiżjoni qafas sabiex tiġi evalwata l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas. Kif diġà ġie nnutat, din id-dispożizzjoni tipprevedi raġuni ta’ rifjut fakultattiva tal-MAE ( 22 ).

105.

Kif diġà nnutajt banda oħra ( 23 ), ir-regola ġenerali li tirriżulta mill-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni qafas hija l-obbligu, għall-Istati Membri, li jeżegwixxu l-MAE “abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [qafas]”.

106.

L-Artikolu 4a(1) introduċa l-possibbiltà li l-eżekuzzjoni ta’ MAE tiġi rrifjutata meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li wassal għad-deċiżjoni. Din il-possibbiltà li ma jiġix eżegwit MAE għandha tkun ibbażata fuq eżami mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni taċ-ċirkustanzi proprji għal kull każ konkret.

107.

Il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tieqaf meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tistabbilixxi każ inkwistjoni jkun jikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas. F’tali xenarju, ir-rifjut tal-eżekuzzjoni tal-MAE huwa eskluż u l-obbligu li tiġi kkonsenjata l-persuna kkonċernata jerġa’ jsir ir-regola.

108.

Issa, ninnota li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ippreżentata fid-deċiżjoni tar-rinviju (jiġifieri l-Artikolu 12 tal-OLW) taqleb il-loġika tad-deċiżjoni qafas billi tittrasforma l-“possibbiltà li ma teżegwixxix ħlief jekk (a) sa (d)” f’”obbligu li ma teżegwixxix sakemm (a) sa (d)”.

109.

Dan il-mod li bih ġie traspost l-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas ittrasforma l-lista ta’ erba’ eċċezzjonijiet għall-possibbiltà li ma jiġix eżegwit il-MAE meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni f’lista eżawrjenti tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ biss teżegwixxi l-MAE meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment għall-proċess. Din it-traspożizzjoni tipprekludi, fil-fehma tiegħi, lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni milli jevalwaw iċ-ċirkustanzi fattwali kollha f’kawża partikolari għall-finijiet li jivverifikaw ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati. Billi nittrasponi b’analoġija l-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat fir-rigward tar-raġuni fakultattiva ta’ rifjut skont l-Artikolu 4(6) tad-deċiżjoni qafas, nikkunsidra li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu jkollha f’dan il-kuntest ukoll, marġni ta’ diskrezzjoni li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk kienx hemm lok jew le li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-MAE ( 24 ).

110.

Nikkunsidra konsegwentement li l-Artikolu 12 tal-OLW jikkostitwixxi traspożizzjoni żbaljata tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas.

111.

Il-kwistjoni tan-natura eżawrjenti tal-Artikolu 4a tqum ukoll f’din il-kawża ( 25 ): iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) sa (d) huma l-uniċi tali li jippermettu lill-awtorità mitluba li tivverifika r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata? Jew inkella dik l-awtorità tista’ tirreferi għal ċirkustanzi oħra biex tkun tista’ teżegwixxi l-MAE filwaqt li tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata?

112.

Biex nikkonkludi, nenfasizza mill-ġdid li d-deċiżjoni qafas hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri ( 26 ). Madankollu, il-kunċetti ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproka ma jistgħux jaħbu l-importanza li d-dritt tal-Unjoni, b’mod ġenerali, u d-deċiżjoni qafas jagħtu lir-rispett tad-drittijiet fundamentali, f’dan il-każ, proċedurali ( 27 ).

113.

L-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas jixhed il-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni laħaq bejn l-effikaċità tal-konsenja tal-persuni fiż-żona ġuridika Ewropea, minn naħa, u l-portata tal-istħarriġ li għandha tagħmel l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, min-naħa l-oħra. Meta din l-awtorità tkun konvinta li d-drittijiet fundamentali ġew irrispettati fid-dawl, jekk ikun il-każ, tal-aġir tal-persuna kkonċernata, hija ma għandhiex tkun prekluża mil-leġiżlazzjoni nazzjonali milli timplementa l-obbligu li hija għandha li teżegwixxi l-MAE skont l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni qafas.

3.  Konklużjoni intermedja

114.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-MAE fil-każ fejn la l-informazzjoni li tinsab fil-formola tal-MAE, u lanqas dik li hija rċeviet min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat skont l-Artikolu 15(2) tad-deċiżjoni qafas ma tippermettilha li tivverifika r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata li ma dehritx personalment għall-proċess tagħha. Id-deċiżjoni li tapplika r-raġuni fakultattiva ta’ rifjut li teżegwixxi MAE fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas hija tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tkun tista’ tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha li hija jkollha, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata.

C. Fuq it-tielet domanda preliminari

115.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-verifika tal-applikabbiltà tar-raġuni fakulattiva ta’ rifjut skont l-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas għandha ssir fid-dawl ta’ proċedura bħalma hija dik li wasslet għas-sentenza kumulattiva fil-kawża prinċipali. Infakkar li dan jirriżulta, minn naħa, mill-fatt li, f’dan il-każ, is-sentenza kumulattiva ffissat b’mod definittiv il-piena imposta lil S. Zdziaszek b’mod li li jrendi eżekuttiva l-piena ta’ priġunerija u, min-naħa l-oħra, li jidher li l-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva timplika setgħa diskrezzjonali min-naħa tal-qorti, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

116.

Issa, mir-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni teżamina r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-aħħar fażi proċedurali li matulha l-mertu tal-kawża ġie iddibattut u li wasslet għas-sentenza eżekuttiva. F’dan il-każ, jidher li din l-aħħar fażi tal-proċedura hija dik li wasslet għas-sentenza kumulattiva. Huwa minnu li din il-proċedura kienet tikkonċerna biss id-determinazzjoni finali tas-sanzjoni.

117.

Inkwantu l-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma ġiex żgurat waqt dik il-fażi proċedurali preċiża, jidhirli madankollu superfluwu li wieħed janalizza r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-aħħar fażi proċedurali li ddeterminat l-aspett l-ieħor tal-kundanna inkwistjoni, jiġifieri l-ħtija.

118.

Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tadotta approċċ differenti u tikkonkludi li s-sentenza oriġinali tibqa’ dejjem rilevanti għall-finijiet tal-istħarriġ magħmul mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas, jien nirreferi għall-pożizzjoni espressa minni fil-kawża Tupikas ( 28 ).

119.

L-unika differenza bejn dik u l-kawża preżenti qegħda fil-fatt li, fir-rigward tas-sentenza oriġinali, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li S. Zdziazsek kien debitament irrappreżentat fl-appell mentri huwa ma kienx hekk rappreżentat fl-ewwel istanza. Peress li, skont l-informazzjoni pprovduta, il-proċedura ta’ appell tat lok għal eżami fil-mertu tal-kawża, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’dak l-istadju tal-proċedura jirremedja għan-nuqqasijiet li seta’ kien hemm fl-istadji preċedenti.

120.

Dan premess, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni dwar il-piena li tinsab fis-sentenza oriġinali ġiet issostitwita u, kif fakkart iktar 'il fuq, li l-kundanna ta’ S. Zdziaszek tirriżulta llum minn żewġ proċeduri distinti. Peress li ġie stabbilit li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ma ġewx żgurati fil-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva, il-verifika tar-rispett ta’ dawk id-drittijiet fir-rigward tas-sentenza oriġinali jidhirli, nirrepeti, li hija irrilevanti.

VI. Konklużjoni

121.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari magħmula mir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

Il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, fil-verżjoni li tirriżulta mid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jista’ japplika għall-proċedura li wasslet għas-sentenza, bħalma hija s-sentenza kumulattiva fil-kawża prinċipali, meta dik is-sentenza, wara li tkun saret eżekuttiva, tiffissa piena ta’ priġunerija u meta, fil-proċedura relatata mal-iffissar ta’ din il-piena, il-qorti nazzjonali jkollha setgħa diskrezzjonali.

L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ fejn la l-informazzjoni li tinsab fil-formola, u lanqas dik li hija rċeviet min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2009/299, ma tippermetti li jiġi vverifikat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata li ma dehritx personalment għall-proċess tagħha. Id-deċiżjoni li tapplika r-raġuni fakultattiva ta’ rifjut tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas hija tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tkun tista’ tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha li hija jkollha, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34. Din id-deċiżjoni qafas ġiet emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).

( 3 ) Enfasi miżjuda.

( 4 ) Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

( 5 ) Il-fatt nru 1 jikkorrispondi għal insulti lil żewġ pulizija matul it-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom u b’rabta magħhom; il-fatt nru 2 jikkonċerna l-użu tal-vjolenza bl-intenzjoni li jinduċi ċerta mġieba.

( 6 ) Il-fatt nru 3 jikkonċerna offiżi gravi fuq il-persuna fi stat ta’ reċidiva; il-fatt nru 4 jirreferi għal aggressjoni sesswali; il-fatt nru 5 jikkonċerna sewqan fi stat xurban bi ksur ta’ projbizzjoni ġudizzjarja ta’ sewqan.

( 7 ) Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ppreċiżat li b’“kundanna” fis-sens tal-Artikolu 5 § 1(a) tal-KEDB għandu jinftiehem […] kemm dikjarazzjoni ta’ ħtija, wara l-konstatazzjoni legali ta’ reat […] u l-impożizzjoni ta’ piena jew miżura oħra li ċċaħħad il-libertà […]”. (QEDB, Del Rio Prada vs Spanja, 21 ta’ Ottubru 2013, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, § 123. Fis-sentenza Kremzow vs L-Awstrija, il-QEDB ikkonkludiet għall-ksur tal-Artikolu 6(1), marbut mal-assenza tal-persuna kkonċernata għad-dibattiti fl-appell meta l-fażi kkonċernata tal-proċedura kienet tirrigwarda biss il-piena li għandha tiġi imposta, (QEDB, Kremzow vs L-Awstrija, 21 ta’ Settembru 1993, CE:ECHR:1993:0921JUD001235086, § 67.

( 8 ) Meħud kont, pereżempju, tal-eventwali applikazzjoni tal-kundizzjoni tan-ne bis in idem. Ara b’mod partikolari l-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni qafas.

( 9 ) Ara l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni qafas.

( 10 ) Ara l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni qafas.

( 11 ) Ara l-punti 49 sa 54 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Tupikas (C-270/17/PPU).

( 12 ) QEDB, 15 ta’ Lulju 1982, Eckle vs Il-Ġermanja, ECLI:CE:ECHR:1983:0621JUD000813078, § 77. Ara, ukoll, QEDB, 28 ta’ Novembru 2013, Aleksandr Dementyev vs Russja, ECLI:CE:ECHR:2013:1128JUD004309505 § 25.

( 13 ) Ara l-premessa 6 tad-deċiżjoni qafas.

( 14 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C-404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 104).

( 16 ) Huwa evidenti li, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw għas-sistema Ewropea ta’ rikonoxximent reċiproku (fi kwalunkwe qasam tad-dritt – kriminali, ċivili, amministrattiv), il-qrati nazzjonali għandhom jissoddisfaw il-kriterji li jiddefinixxu “qorti” fid-dritt tal-Unjoni, inkluż l-indipendenza tagħha – ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2016:825, punti 95 sa 96 u 101 sa 107).

( 17 ) Sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov (C-388/08 PPU, EU:C:2008:669, punt 51); tat-30 ta’ Mejju 2013, F (C-168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 36); u tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C-399/11, EU:C:2013:107, punt 38.

( 18 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C-241/15, EU:C:2016:385, punti 64 sa 65).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punti 34 sa 37).

( 20 ) Li jista’ jitwal bi 30 jum skont l-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas.

( 21 ) Fil-kawża Lanigan, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-obbligu ta’ eżekuzzjoni tal-MAE, minkejja l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas, inkluż, jekk meħtieġ, iż-żamma tal-persuna kkonċernata f’detenzjoni (sentenza tas-16 ta Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punti 34 sa 42 u 62).

( 22 ) Ara l-premessi 6 u 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 li jenfasizzaw in-natura “alternattiva” u “fakultattiva” tar-raġunijiet ta’ rifjut taħt l-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas (b’riżerva għar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata).

( 23 ) Ara l-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Tupikas (C-270/17/PPU, punti 70 sa 78).

( 24 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C-579/15, EU:C:2017:503 punti 21 sa 23). Ara wkoll is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punti 50 sa 52).

( 25 ) Ara xenarju simili deskritt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Tupikas (C-270/17, punti79 sa 80).

( 26 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C-241/15, EU:C:2016:385, punti 31 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Punti 55 sa 65 fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Tupikas (C-270/16 PPU).