KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TANCHEV
ippreżentati fid‑19 ta’ Ġunju 2018 ( 1 )
Kawża C‑191/17
Bundeskammer für Arbeiter und Angestellte
vs
ING-DiBa Direktbank Austria Niederlassung der ING-DiBa AG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi ta’ ħlas – Direttiva 2007/64/KE – Artikolu 4(14) – Kunċett ta’ ‘kont ta’ ħlas’ – Kont ta’ tfaddil dirett online li jippermetti aċċess illimitat għal fondi, iżda li jeħtieġ li jsiru trasferimenti permezz ta’ kont ta’ referenza”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Il-kwistjoni ewlenija mqajma minn dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) tikkonċerna jekk tip partikolari ta’ kont bankarju magħruf bħala kont ta’ tfaddil dirett online, fejn il-klijent ikollu aċċess illimitat għall-fondi fil-kont iżda t-trasferimenti kollha lejn u minn dan il-kont lil terzi għandhom jitwettqu permezz ta’ kont ieħor imsejjaħ “kont ta’ referenza”, jaqax taħt il-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” skont l-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern ( 2 ). |
|
2. |
Dan il-każ jippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-ewwel okkażjoni li tinterpreta l-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” fis-sens tad-Direttiva 2007/64. Fil-kawża prinċipali, dan huwa meħtieġ sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kont bankarju inkwistjoni għandux ikun konformi mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2007/64. |
II. Il-qafas legali
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
3. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li:
|
B. Id-dritt Awstrijak
|
4. |
Id-Direttiva 2007/64 ġiet trasposta fid-dritt Awstrijak mill-Bundesgesetz über die Erbringung von Zahlungsdiensten (Zahlungsdienstegesetz – ZaDiG) (il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas) tal‑2009 (BGB1. I, 66/2009; iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas”) |
|
5. |
L-Artikolu 3 tal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi li:
|
III. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
6. |
Il-Bundeskammer für Arbeiter und Angestellte (il-Kamra Federali tal-Ħaddiema u tal-Impjegati; iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) għandha locus standi taħt id-dritt Awstrijak sabiex tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi. |
|
7. |
ING-DiBa Direktbank Austria Niederlassung der ING-DiBA AG (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”) hija bank li jopera madwar l-Awstrija. |
|
8. |
Il-konvenuta tuża sett ta’ kundizzjonijiet ġenerali fir-relazzjonijiet tagħha mal-konsumaturi (Allgemeine Geschäftsbedingungen; iktar ’il quddiem l-“AGB”). B’mod partikolari, il-konvenuta tuża l-AGB inkonnessjoni ma’ tip partikolari ta’ kont li hija toffri lill-konsumaturi taħt it-terminu “Direkt-Sparen” (“tfaddil dirett”) li jissemma fid-deċiżjoni tar-rinviju bħala, inter alia, kont ta’ tfaddil dirett online (iktar ’il quddiem il-“kont ta’ tfaddil dirett online”) ( 3 ). |
|
9. |
Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni huwa dak li fih il-konsumatur jista’ b’mod indipendenti jagħmel depożiti u rtirar permezz ta’ online banking ( 4 ), iżda l-konsumatur għandu dejjem iwettaq dawn it-trasferimenti permezz ta’ kont ieħor imsejjaħ “kont ta’ referenza”, miżmum f’ismu. Il-kont ta’ referenza għandu jkun kont kurrenti miftuħ fl-Awstrija, iżda ma għandux neċessarjament jinżamm mal-konvenuta. Il-konsumatur jista’ jiddeċiedi, abbażi ta’ disponibbiltà a vista u għalhekk mingħajr ebda effett negattiv fuq l-interessi, jekk, meta u f’liema ammont jittrasferixxi flus bejn il-kont ta’ tfaddil dirett online u l-kont ta’ referenza. Għalkemm it-trasferimenti huma possibbli biss bejn il-kont ta’ tfaddil dirett online u l-kont ta’ referenza, il-konsumatur ma huwiex imċaħħad milli jkollu aċċess fi kwalunkwe ħin – u mingħajr ma jkun neċessarju li jinvolvi lill-fornitur tas-servizz ta’ ħlas ( 5 ) – għall-ammont ta’ flus fil-kont ta’ tfaddil dirett online. |
|
10. |
Ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra l-konvenuta għar-raġuni li numru kbir ta’ klawżoli fl-AGB użati fil-kuntratti tagħha li jikkonċernaw il-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni ma humiex konformi mal-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas. Din il-kawża issa waslet fl-istadju tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
11. |
Il-konvenuta ssostni li l-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas ma tapplikax għall-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni. |
|
12. |
Il-qorti tar-rinviju indikat li l-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas tirriproduċi kelma b’kelma d-definizzjonijiet rilevanti stabbiliti fid-Direttiva 2007/64. Konsegwentement, jekk il-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni huwa kopert mid-Direttiva 2007/64, il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Ħlas tapplika wkoll għalih. |
|
13. |
Il-qorti tar-rinviju qieset, b’mod partikolari, li l-isem “kont ta’ tfaddil” waħdu ma jikkostitwixxix raġuni għalfejn il-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni ma għandux jaqa taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2007/64, peress li l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva dwar dak li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jipprovdi l-ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, il-qorti tar-rinviju rrimarkat li, għal kull tranżazzjoni li permezz tagħha d-detentur tal-kont jixtieq iħallas dejn, huwa neċessarju pass intermedju li matulu ammont jiġi ttrasferit mill-kont ta’ tfaddil dirett online lejn il-kont ta’ referenza. Huwa biss wara li dan l-ammont jasal fil-kont ta’ referenza li jkun jista’ jiġi ttrasferit lejn terz. Il-qorti tar-rinviju ma qisitx li huwa ċar, bħala kwistjoni ta’ interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” fl-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64, jekk dan il-pass intermedju jiġġustifikax l-esklużjoni tal-kont ta’ tfaddil dirett online mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
14. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64/KE dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern (Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas) għandu jiġi interpretat fis-sens li kont ta’ tfaddil online li bih il-klijent (b’maturità kuljum [abbażi ta’ disponibbiltà a vista] u mingħajr involviment speċjali min-naħa tal-bank) permezz ta’ sistema ta’ online banking, jista’ jagħmel ħlasijiet u jiġbed minn kont ta’ referenza miżmum minnu stess (kont kurrenti fl-Awstrija), għandu jitqies li jidħol ukoll taħt il-kunċett ta’ ‘kont tal-ħlas’ (Artikolu 4(14)) u b’hekk, jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva?” |
|
15. |
Ir-rikorrenti, il-konvenuta, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma saret l-ebda seduta għas-sottomissjonijiet orali. |
IV. Osservazzjonijiet tal-partijiet
|
16. |
Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jqisu li l-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “kont ta’ ħlas” skont l-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64, filwaqt li l-konvenuta u l-Gvern Ġermaniż għandhom pożizzjoni opposta. |
|
17. |
Ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ ċerti definizzjonijiet oħra stabbiliti fid-Direttiva 2007/64, li l-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” ma jirrikjedix interazzjoni bejn id-detentur tal-kont u terzi. Pjuttost, fil-fehma tagħha, il-kundizzjoni ewlenija għall-klassifikazzjoni bħala “kont ta’ ħlas” hija l-kapaċità tad-detentur tal-kont li jwettaq tranżazzjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess fi kwalunkwe ħin mingħajr ma jkollu jinvolvi l-fornitur tas-servizz ta’ ħlas. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li ċerti tweġibiet mogħtija fid-dokument “mistoqsijiet u tweġibiet” tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva 2007/64 (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni”) ( 6 ) jappoġġjaw il-pożizzjoni tagħha, u hija tikkontesta r-rilevanza tal-informazzjoni li tinsab f’dokument ta’ gwida preċedenti dwar id-Direttiva 2007/64 maħruġ mill-Grupp ta’ Esperti tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas tal-Industrija Bankarja Ewropea (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ gwida tal-Grupp ta’ Esperti”) ( 7 ). |
|
18. |
Il-konvenuta ssostni li l-klassifikazzjoni ta’ kont bħala “kont ta’ ħlas” għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjonalità u tal-għanijiet ta’ dan il-kont, u li l-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” jinvolvi l-possibbiltà li wieħed jinteraġixxi direttament ma’ terzi fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas. Fuq din il-bażi, il-konvenuta ssostni li fil-każ tal-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni, l-użu tiegħu għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas ma’ terzi huwa eskluż kemm kuntrattwalment kif ukoll teknikament, u għalhekk ma jistax jitqies bħala “kont ta’ ħlas”. F’dan ir-rigward, il-konvenuta tosserva li l-karatteristika li tiddefinixxi l-kont ta’ tfadil dirett online inkwistjoni hija li t-trasferimenti kollha lejn u minn dak tali kont għandhom isiru permezz ta’ kont ta’ referenza, fejn dan tal-aħħar huwa “kont ta’ ħlas” fis-sens tad-Direttiva 2007/64. |
|
19. |
In sostenn tal-pożizzjoni tagħha, il-konvenuta tistrieħ, b’mod partikolari, fuq id-dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni u tal-Grupp ta’ Esperti, żewġ miżuri oħra fis-settur tas-servizzi ta’ ħlas tal-Unjoni – id-Direttiva 2014/92/UE (l-hekk imsejħa “Direttiva dwar il-kontjiet ta’ ħlas”) ( 8 ) u r-Regolament (UE) Nru 260/2012 (l-hekk imsejjaħ “Regolament dwar iż-żona unika ta’ ħlas bl-euro” (SEPA) ( 9 ) – flimkien mal-approċċ meħud minn bosta Stati Membri dwar il-kwistjoni ( 10 ). Il-konvenuta tenfasizza wkoll li l-fatt li l-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni jiġi kklassifikat bħala “kont ta’ ħlas” ikollu konsegwenzi konkreti negattivi sinjifikattivi, bħal diskriminazzjoni bejn kontijiet ta’ tfaddil online u kontijiet ta’ tfaddil tradizzjonali li, bis-saħħa tal-Artikolu 31(1) tal-Bankwesengesetz (il-Liġi dwar is-Settur Bankarju) ( 11 ), ma jaqgħux taħt din il-kategorija, spejjeż sinjifikattivi għall-banek mingħajr vantaġġi korrispondenti għall-klijenti, diverġenza fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi ta’ ħlas u l-erożjoni tad-distinzjoni bejn kontijiet ta’ depożitu u kontijiet kurrenti li torganizza l-attività bankarja. |
|
20. |
Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li hemm ċerti tipi ta’ kontijiet li ma humiex suġġetti għad-Direttiva 2007/64. Fuq din il-bażi, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-kontijiet ta’ tfaddil għandhom primarjament funzjoni ta’ tfaddil u ma humiex ġeneralment użati għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas, bħalma huwa l-każ tal-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni. Il-Gvern Ġermaniż jargumenta li din il-perċezzjoni ta’ kont ta’ tfaddil hija sostnuta wkoll mill-kliem ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/92 dwar il-kontijiet ta’ ħlas, u jindika li ċerti tweġibiet li jinsabu fid-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni ma humiex ċari, filwaqt li jsemmi li, fi kwalunkwe każ, dan id-dokument ma huwiex vinkolanti. |
|
21. |
Il-Kummissjoni ssostni li ma hemm xejn fil-kliem tad-Direttiva 2007/64 li jindika li l-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” ma jkoprix il-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-għan tad-Direttiva 2007/64 huwa li tagħti protezzjoni lill-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas: kif imsemmi fil-premessa 46 u fl-artikoli tat-Titolu IV tad-Direttiva 2007/64, il-kontijiet koperti minn din id-direttiva jibbenefikaw minn ċerti rekwiżiti regolatorji minimi għall-eżekuzzjoni u għall-ipproċessar kif suppost ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas. Il-Kummissjoni tqis li din il-protezzjoni tiġi miċħuda lill-konsumaturi fil-każ ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” fis-sens tad-Direttiva 2007/64. |
V. Evalwazzjoni
|
22. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kontest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha ( 12 ). |
|
23. |
Huwa fuq din il-bażi li wasalt għall-konklużjoni li l-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni ma jistax jitqies li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” skont l-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64. |
|
24. |
Jiena inklinat li naqbel li s-sempliċi fatt li kont jiġi msejjaħ, pereżempju, “kont ta’ tfaddil” ma jiddeterminax minnu nnifsu jekk dan il-kont jikkostitwixxix “kont ta’ ħlas” fis-sens tad-Direttiva 2007/64, iżda pjuttost għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari relatati mal-kont inkwistjoni, li jinkludu l-funzjonijiet u l-għanijiet tiegħu. Madankollu, kriterju deċiżiv sabiex kont jiġi kklassifikat bħala “kont ta’ ħlas” fis-sens tad-Direttiva 2007/64 huwa jekk tali kont jinvolvix parteċipazzjoni diretta f’tranżazzjonijiet ta’ ħlas ma’ terzi. Għaldaqstant, inqis li l-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” skont id-Direttiva 2007/64. |
A. Formulazzjoni
|
25. |
Kif jidher fil-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64 jiddefinixxi “kont ta’ ħlas” bħala “kont miżmum f’isem utent wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ ħlas li jintuża għall-eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas”. Din id-definizzjoni waħedha ma tindikax il-karatteristiċi speċifiċi jew it-tipi ta’ kontijiet li jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt dan il-kunċett. |
|
26. |
Din id-definizzjoni fil-fatt tuża termini – “utent ta’ servizzi ta’ ħlas” u “tranżazzjoni ta’ ħlas” - li huma stess huma ddefiniti f’punti oħra tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64. Konsegwentement, id-definizzjoni ta’ “kont ta’ ħlas” għandha tinqara fid-dawl tad-definizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’din id-dispożizzjoni kif ukoll fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’mod ġenerali. |
|
27. |
B’mod partikolari, l-Artikolu 4(10) tad-Direttiva 2007/64 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “utent ta’ servizzi ta’ ħlas” bħala “persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizzi ta’ ħlas fil-kapaċità ta’ min iħallas jew ta’ min jitħallas, jew tat-tnejn” ( 13 ). |
|
28. |
Id-definizzjoni ta’ “utent ta’ servizzi ta’ ħlas” stipulata fl-Artikolu 4(10) tad-Direttiva 2007/64 hija ambigwa għaliex tispeċifika li l-persuna li tagħmel użu mis-servizz ta’ ħlas tista’ tkun min iħallas jew min jitħallas, jew it-tnejn li huma. Tabilħaqq, meħuda waħedha, din il-formulazzjoni tista’ tinftiehem fis-sens li timplika li min iħallas (min jibgħat il-fondi) u min jitħallas (min jirċievi l-fondi) jistgħu jkunu l-istess persuna u li persuna li twettaq tranżazzjonijiet magħha nfisha tista’ tkun “utent ta’ servizzi ta’ ħlas” ( 14 ). |
|
29. |
L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2007/64 jiddefinixxi t-terminu “transazzjoni ta’ ħlas” bħala “att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas”. |
|
30. |
Id-definizzjoni ta’ “transazzjoni ta’ ħlas” fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2007/64 hija wkoll ambigwa meta meħuda waħedha. Minn naħa waħda, din tista’ tinqara fis-sens li timplika li għandu jkun hemm żewġ persuni, “min iħallas” u “min jitħallas”; b’kuntrast mal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 2007/64, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2007/64 ma jipprovdix espressament li persuna waħda tista’ tkun it-tnejn. Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jsostni li dak li huwa sempliċement meħtieġ huwa att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas, “ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi” ( 15 ), mingħajr ma jiġi speċifikat jekk tali trasferiment jistax isir bejn żewġ kontijiet tal-istess persuna, bħal fil-każ tal-pass intermedju li jinvolvi t-trasferiment ta’ fondi bejn il-kont ta’ tfaddil dirett online u l-kont ta’ referenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
31. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jippreċiża li din id-direttiva tapplika “għal servizzi ta’ ħlas ipprovduti [fl-Unjoni] ( 16 )”. Skont l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, “servizzi ta’ ħlas” huwa ddefinit bħala “kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ negozju kif elenkati fl-Anness”. |
|
32. |
B’mod partikolari, il-punt 2 ta’ dan l-anness isemmi s-“[s]ervizzi li jippermettu ġbid ta’ flus kontanti minn kont tal-ħlas” ( 17 ). Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jidher li jippreżumi trasferimenti direttament mill-kont ta’ ħlas. |
|
33. |
Barra minn hekk, il-punt 3 tal-Anness tad-Direttiva 2007/64 jirreferi għal: “Eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas, inkluż trasferiment ta’ fondi fuq kont tal-ħlas mal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ieħor:
|
|
34. |
Meħud b’mod iżolat, il-kliem bil-korsiv fil-punt 3 tal-Anness jista’ jinqara li jimplika li tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux bilfors jinvolvu terzi għall-iskopijiet tal-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” stabbilit fl-Artikolu 4(14) Direttiva 2007/64. Madankollu, dan il-kliem huwa segwit minn tliet inċiżi, li kull wieħed minnhom, bħala prinċipju, jinvolvi interazzjoni diretta ma’ terz għall-finijiet tat-trasferiment ta’ fondi lejn jew mill-kont ta’ ħlas (debiti diretti jinvolvu li “jiġi ddebitat il-kont tal-ħlas ta’ min iħallas” ( 19 ), bl-użu ta’ kards ta’ ħlas jew billi jitwettqu trasferimenti ta’ kreditu bħal ordnijiet permanenti ( 20 )). |
|
35. |
Madankollu, nirrikonoxxi li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni negattiv”, jindika li din id-direttiva ma tapplikax għal 15‑il kategorija ta’ tranżazzjonijiet u servizzi ta’ ħlas elenkati fiha, u li l-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni ma jaqax espressament taħt waħda minnhom. Madankollu, ma nqisx li din id-dispożizzjoni hija eżawrjenti fir-rigward ta’ kontijiet li jistgħu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Dan huwa sostnut mill-premessa 6 tad-Direttiva 2007/64 li tiddikjara li “mhux xieraq li dak il-qafas legali [għal servizzi ta’ ħlas] jkun jinkludi kollox. L-applikazzjoni tiegħu għandha tkun limitata għal fornituri tas-servizz ta’ ħlas li l-attività ewlenija tagħhom tikkonsisti fil-forniment ta’ servizzi ta’ ħlas lil utenti ta’ servizzi ta’ ħlas” ( 21 ). |
|
36. |
Għaldaqstant, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64 ma tipprovdix risposta inekwivokabbli dwar il-kwistjoni dwar jekk il-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni jistax jitqies bħala “kont ta’ ħlas” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
1. Oriġini
|
37. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-oriġini ta’ miżura tal-Unjoni jew ta’ dispożizzjoni tagħha tista’ tkun ta’ għajnuna sabiex tiġi identifikata l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tkun tikkostitwixxi l-bażi tal-miżura jew tad-dispożizzjoni partikolari tagħha ( 22 ). |
|
38. |
F’dan ir-rigward, it-travaux préparatoires għad-Direttiva 2007/64 ma jipprovdux risposta definittiva sabiex tiġi identifikata l-intenzjoni leġiżlattiva li fuqha huwa bbażat il-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” li jinsab fl-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64 ( 23 ). Madankollu, huma jsostnu sa ċertu punt il-fehma li ċerti tipi ta’ kontijiet ta’ tfaddil ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
|
39. |
Fil-proposta tal-Kummissjoni, “kont ta’ pagament [ħlas]” kien iddefinit bħala “kont li jkun f’isem utent ta’ servizz ta’ pagament li jintuża biss għal transazzjonijiet ta’ pagament” ( 24 ). Barra minn hekk, it-terminu “kont ta’ tfaddil” issemma inkonnessjoni ma’ regoli stabbiliti fih dwar id-disponibbiltà ta’ fondi f’kont ta’ ħlas, fis-sens li tali regoli jkunu “mingħajr preġudizzju għad-debiti effettwati fuq kontijiet ta’ tifdil koperti minn ftehimiet espliċiti dwar l-użu ta’ fondi f’arranġamenti ta’ tifdil” ( 25 ). |
|
40. |
Fl-opinjoni tiegħu dwar il-proposta, il-Bank Ċentrali Ewropew indika li d-definizzjoni ta’ “kont ta’ ħlas” u r-referenza għal “kont ta’ tfaddil” kellhom jiġu kkjarifikati ( 26 ). |
|
41. |
Fl-ewwel qari tal-proposta, il-Parlament Ewropew ippropona li titħassar id-dispożizzjoni li fiha r-referenza għal “kont ta’ tfaddil” għar-raġuni li: “kontijiet ta’ tfaddil fi kwalunkwe każ m’humiex ikklassifikati bħala kontijiet ta’ pagament” ( 27 ). Il-Parlament ippropona wkoll li jemenda d-definizzjoni ta’ “kont ta’ pagament [ħlas]” b’mod li dan jiġi ddefinit bħala “kont li jkun f’isem utent jew utenti ta’ servizz ta’ pagament li jintuża għal transazzjonijiet ta’ pagament” ( 28 ). |
|
42. |
Fl-aħħar verżjoni tat-test, il-kelma “eżekuzzjoni” ġiet miżjuda mad-definizzjoni ta’ “kont tal-ħlas”, u d-dispożizzjoni dwar “kont ta’ tfaddil” tħassret. Madankollu, ma ġiet segwita l-ebda proposta oħra. |
2. Dokumenti ta’ gwida
|
43. |
Id-dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni u tal-Grupp ta’ Esperti msemmija fl-osservazzjonijiet tal-partijiet f’din il-kawża ma humiex, fil-fehma tiegħi, konklużivi fir-rigward tad-domanda mressqa f’din il-kawża ( 29 ). Dawn jistgħu jitqiesu li jsostnu l-fehma li kull tip ta’ kont għandu jiġi evalwat fuq il-merti tiegħu stess u għalhekk ċerti tipi ta’ kontijiet ta’ tfaddil jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64, iżda ma jittrattawx espliċitament kontijiet ta’ tfaddil diretti online bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 30 ). |
|
44. |
B’mod partikolari, fid-dokument ta’ gwida tagħha, il-Kummissjoni tindika fit-tweġiba tagħha għal ċerti mistoqsijiet li “kont ta’ tfaddil” fejn id-detentur jista’ jiddepożita u jiġbed fondi mingħajr ebda restrizzjoni għandu jitqies bħala “kont ta’ ħlas” għall-finijiet tad-Direttiva 2007/64, filwaqt li dan ma għandux ikun il-każ għal “depożitu għal żmien fiss”, peress li d-detentur ma jistax jiġbed mill-kont qabel id-data ta’ maturità mingħajr ma jġarrab telf ta’ interessi jew penali ( 31 ). Konsegwentement, fuq din il-bażi, ma huwiex ċar jekk ir-rekwiżit, għal dak li jirrigwarda l-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni, li t-trasferimenti jistgħu jsiru biss minn dan il-kont lejn il-kont ta’ referenza u mhux lejn terzi jistax jikkostitwixxi restrizzjoni li tipprekludi l-klassifikazzjoni tiegħu bħala “kont ta’ ħlas”. |
B. Kuntest
|
45. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-istruttura ġenerali u tal-kuntest ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tinkludi, inter alia, l-eżami tal-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess miżura tal-Unjoni u ta’ miżuri oħra tal-Unjoni li huma relatati jew marbuta b’xi mod sostantiv mal-miżura tal-Unjoni inkwistjoni ( 32 ). Fil-fehma tiegħi, ċerti dispożizzjonijiet relatati tad-Direttiva 2007/64 kif ukoll dawk ta’ miżuri oħra fi ħdan il-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni dwar is-servizzi ta’ ħlas jipprovdu indikazzjonijiet determinanti li l-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” previst fid-Direttiva 2007/64. |
1. Id-dispożizzjonijiet relatati tad-Direttiva 2007/64
|
46. |
L-eżami ta’ dispożizzjonijiet relatati tad-Direttiva 2007/64 juri li l-ħlas lil terzi huwa essenzjali sabiex kont jikkostitwixxi “kont ta’ ħlas” fis-sens tad-Direttiva 2007/64. |
|
47. |
Ċerti definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 jippreżumu li l-flus ser jiġu ttrasferiti fi jew minn kont ta’ ħlas lil terzi. Dan jidher mid-definizzjoni ta’ “min iħallas” fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2007/64 kif imsemmi iktar ’il fuq (“tippermetti ordni tal-ħlas minn dak il-kont tal-ħlas”) ( 33 ) u ta’ “data tal-valur” fl-Artikolu 4(17) 2007/64, li tfisser “żmien ta’ referenza użat minn fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għall-kalkolu ta’ l-interessi fuq il-fondi debitati minn jew kreditati lejn kont tal-ħlas” ( 34 ). |
|
48. |
Xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64 relatati mal-kontijiet ta’ ħlas juru barra minn hekk li kont ta’ ħlas jippreżumi l-possibbiltà li flus jiġu ddebitati mill-kont ta’ ħlas jew ikkreditati f’dan il-kont fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet imwettqa direttament ma’ terzi ( 35 ). Dan huwa rifless ukoll f’ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64 intiżi li jiżguraw is-sigurtà tal-kont ta’ ħlas bħala konsegwenza tal-fatt li jitwettqu tranżazzjonijiet ta’ ħlas direttament ma’ terzi, bħar-rimbors ta’ ammonti fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas mhux awtorizzati, mhux eżegwiti jew li jkunu s-suġġett ta’ eżekuzzjoni ħażina ( 36 ). |
|
49. |
Konsegwentement, il-klassifikazzjoni bħala “kont ta’ ħlas” tal-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni li fih l-ebda flus ma jistgħu jiġu ttrasferiti lejn jew minn dan il-kont permezz ta’ ħlas dirett lil terz jagħmlu l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet illoġika. |
2. Miżuri relatati fi ħdan il-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni dwar is-servizzi ta’ ħlas
|
50. |
Id-Direttiva 2007/64 – u s-suċċessur tagħha, id-Direttiva 2015/2366 ( 37 ) – hija parti mill-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni dwar is-servizzi ta’ ħlas ( 38 ). |
|
51. |
Kif tindika l-premessa 4 tad-Direttiva 2007/64, “[h]uwa vitali […] li jkun stabbilit fuq livell [tal-Unjoni] qafas legali modern u koerenti għas-servizzi ta’ ħlas”. Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-premessa 6 tad-Direttiva 2015/2366 jissemma wkoll li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija li tiġi ggarantita l-applikazzjoni konsistenti madwar l-Unjoni tal-qafas leġiżlattiv dwar is-servizzi ta’ ħlas ( 39 ). |
|
52. |
Diversi miżuri fi ħdan il-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni dwar servizzi ta’ ħlas fihom definizzjoni ta’ “kont ta’ ħlas” li ssegwi dik stabbilita fl-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64. Dan jinkludi r-Regolament Nru 260/2012 (l-hekk imsejjaħ “Regolament dwar iż-żona unika ta’ ħlas bl-euro” (SEPA) ( 40 ), ir-Regolament (UE) 2015/751 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard ( 41 ) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/442/UE dwar l-aċċess għal kont bażiku ta’ ħlas ( 42 ) li tapplika flimkien mad-Direttiva 2007/64 ( 43 ). Fil-fatt, ċerti miżuri fihom kontroreferenzi għad-definizzjoni ta’ “kont ta’ ħlas” mogħtija fl-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64 (jew dak li issa huwa l-Artikolu 4(12) tad-Direttiva 2015/2366) ( 44 ). |
|
53. |
B’mod partikolari, miżura ewlenija fi ħdan il-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni dwar is-servizzi ta’ ħlas hija d-Direttiva 2014/92 (l-hekk imsejħa “Direttiva dwar il-kontijiet ta’ ħlas”) ( 45 ). |
|
54. |
Skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2014/92, “kont ta’ ħlas” huwa “kont f’isem konsumatur wieħed jew aktar li jintuża għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet tal-ħlas”. Dan huwa prattikament identiku għad-definizzjoni ta’ “kont ta’ ħlas” stipulata fl-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64, ħlief għas-sostituzzjoni tal-kliem “konsumatur”, f’dak tal-ewwel, għal “utent wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ ħlas”, f’dak tal-aħħar, li ma jbiddilx il-kontenut sostantiv tad-definizzjoni, iżda tirrifletti pjuttost is-suġġett kopert mid-direttivi rispettivi. |
|
55. |
Il-premessa 12 tad-Direttiva 2014/92 tgħid li: “[…] Id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva għandhom jikkonċernaw il-kontijiet tal-ħlas li permezz tagħhom il-konsumaturi jistgħu jagħmlu t-transazzjonijiet li ġejjin: ipoġġu fondi, jiġbdu l-flus, u jagħmlu transazzjonijiet ta’ ħlas lil partijiet terzi u jirċievu transazzjonijiet ta’ ħlas mingħandhom, inkluż it-twettiq ta’ trasferimenti tal-kreditu. B’konsegwenza ta’ dan, il-kontijiet b’funzjonijiet aktar limitati għandhom jiġu esklużi. Pereżempju, kontijiet bħall-kontijiet ta’ tfaddil, kontijiet tal-karti tal-kreditu, fejn normalment jitpoġġew fondi għall-iskop uniku li jitħallas dejn fuq karti tal-kreditu, ipoteki b’karatteristiċi ta’ kont kurrenti jew kontijiet ta’ flus elettroniċi għandhom fil-prinċipju jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Madankollu, jekk dawk il-kontijiet jintużaw għal transazzjonijiet tal-ħlas ta’ kuljum u jekk ikun fihom il-funzjonijiet kollha elenkati hawn fuq, huma ser jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. […]” ( 46 ) |
|
56. |
Dan huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 2014/92, li jindika b’mod espliċitu li t-tliet rekwiżiti minimi għal kontijiet ta’ ħlas li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jinkludu l-possibbiltà għall-konsumaturi li jpoġġu fondi f’kont ta’ ħlas, jiġbdu l-flus minn kont bħal dan u “jagħmlu u jirċievu tranżazzjonijiet tal-ħlas, inkluż trasferimenti ta’ kreditu, lil partijiet terzi u mingħandhom” ( 47 ). |
|
57. |
Barra minn hekk, il-premessa 14 tad-Direttiva 2014/92 tgħid li: “Id-definizzjonijiet li hemm f’din id-Direttiva għandhom jiġu allinjati kemm jista’ jkun ma’ dawk li hemm f’atti leġislattivi oħra tal-Unjoni, u b’mod partikolari ma’ dawk li hemm fid-Direttiva 2007/64/KE u fir-Regolament (UE) Nru 260/2012 […]” ( 48 ). |
|
58. |
Konsegwentement, ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2014/92 għall-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fl-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64. Fuq din il-bażi, jiena tal-fehma li l-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni ma għandux jitqies li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni minħabba l-“funzjonijiet aktar limitati” tiegħu, jiġifieri li ma jippermettix lid-detentur tal-kont jesegwixxi u jirċievi tranżazzjonijiet ta’ ħlas lil u minn terzi. |
C. Għanijiet
|
59. |
L-għan ġenerali tad-Direttiva 2007/64 huwa, skont il-premessa 60, li jiġi stabbilit suq uniku fis-servizzi ta’ ħlas. Barra minn hekk, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm diversi premessi fid-Direttiva 2007/64 li jippromwovu l-għan li jiġu protetti l-konsumaturi bħala riċevituri ta’ servizzi ta’ ħlas ( 49 ). |
|
60. |
F’dan il-kuntest, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” fl-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64 fis-sens li dan il-kunċett ma jkoprix il-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni ma tmurx kontra l-għan ta’ din id-direttiva. Peress li l-kont ta’ referenza għandu jiġi kklassifikat neċessarjament bħala “kont ta’ ħlas”, ma jidhirx li hemm bżonn ta’ “protezzjoni doppja” għall-konsumaturi b’rabta mal-kont ta’ tfaddil dirett online inkwistjoni meta l-ħlasijiet kollha lil terzi għandhom iseħħu permezz tal-kont ta’ referenza ( 50 ). |
VI. Konklużjoni
|
61. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kif ġej: L-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li kont ta’ tfaddil online li bih il-klijent (abbażi ta’ disponibbiltà a vista u mingħajr involviment speċjali min-naħa tal-bank) permezz ta’ sistema ta’ online banking, jista’ jagħmel ħlasijiet u jiġbed minn kont ta’ referenza miżmum minnu stess (kont kurrenti fl-Awstrija), ma huwiex kopert mill-kunċett ta’ “kont ta’ ħlas” previst fl-Artikolu 4(14) ta’ din id-direttiva u għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2007/64”). Id-Direttiva 2007/64 ġiet imħassra u ssostitwita, b’effett mit‑13 ta’ Jannar 2018, bid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2015, L 337, p. 35) (iktar ’il quddiem id- “Direttiva 2015/2366”). Kif indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-proċeduri prinċipali ġew imnedija sew qabel it‑13 ta’ Jannar 2018. Id-Direttiva 2007/64 għalhekk hija applikabbli ratione temporis. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 4(12) tad-Direttiva 2015/2366 fih l-istess definizzjoni ta’ “kont ta’ ħlas” bħal dak stabbilit fl-Artikolu 4(14) tad-Direttiva 2007/64.
( 3 ) Kif indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż u tal-konvenuta, it-termini “kont ta’ tfaddil online” u “kont ta tfaddil dirett” jintużaw it-tnejn sabiex jiddeskrivu l-kont inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għall-finijiet tal-konklużjonijiet tiegħi, ser nagħmel użu mit-terminu sħiħ “kont ta’ tfaddil dirett online”, kif jinsab ukoll fid-deċiżjoni tar-rinviju.
( 4 ) Għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju ma jidhirx li tiddefinixxi l-online banking, dan it-terminu x’aktarx ifisser servizz bankarju pprovdut b’mezzi elettroniċi. Dan jikkorrispondi għall-użu tiegħu f’rinviju ieħor għal deċiżjoni preliminari mill-qorti tar-rinviju dwar dispożizzjonijiet differenti tad-Direttiva 2007/64: ara s-sentenza tad‑9 ta’ April 2014, T-Mobile Austria (C‑616/11, EU:C:2014:242, punt 17) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża T-Mobile Austria (C‑616/11, EU:C:2013:691, punt 49). Barra minn hekk, is-sit internet tal-konvenuta, https://www.ing-diba.at/sparen/direkt-sparen, jindika, fid-dettalji tal-prodott għall-kont “Direkt-Sparen”, li l-klijent jista’ “jwettaq tranżazzjonijiet bankarji permezz tat-telefon, tal-online banking jew tal-mobile banking”. It-traduzzjoni tiegħi.
( 5 ) Skont l-Artikoli 1(1) u 4(9) tad-Direttiva 2007/64, il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas jinkludu l-banek kif ukoll tipi oħra ta’ stabbilimenti ta’ kreditu u ta’ ħlas.
( 6 ) Il-Kummissjoni, “Your questions on PSD – Payment Services Directive 2007/64/EC Questions and answers”, aġġornat l-aħħar fit‑22 ta’ Frar 2011, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/info/system/files/faq-transposition-psd-22022011_en.pdf, mistoqsijiet 150 u 187.
( 7 ) Grupp ta’ Esperti tal-PSD [Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas] tal-Industrija Bankarja Ewropea, “PSD Guidance for the Implementation of the Payment Services Directive”, Verżjoni 1.0 – Awwissu 2009, disponibbli fuq https://www.ebf.eu/wp-content/uploads/2017/01/Brokure-_24-08-09-PSD-Web-2009-01152-01-E.pdf, punt 2(b) Definizzjoni ta’ ‘Kont ta’ Ħlas’.
( 8 ) Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU 2014, L 257, p. 214, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/92”).
( 9 ) Regolament (UE) Nru 260/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU 2012, L 94, p. 22 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 260/2012”), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 248/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 li jemenda r-Regolament Nru 260/2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 260/2012 fir-rigward tal-migrazzjoni lejn trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti mal-Unjoni kollha (ĠU 2014, L 84, p. 1).
( 10 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-konvenuta tirreferi għad-dritt u għall-prattiki ta’ ħames Stati Membri: l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi.
( 11 ) L-Artikolu 31(1) tal-Liġi dwar is-Settur Bankarju (BGB1. I, 532/1993, fil-verżjoni ppubblikata fil-BGB1. I, 118/2016) jipprovdi li: “Depożiti ta’ tfaddil jirreferu għal fondi li huma ddepożitati f’stabbilimenti ta’ kreditu u ma humiex intiżi għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas, iżda għal investiment, u bħala tali jistgħu jiġu aċċettati biss kontra l-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti (dokumenti ta’ tfaddil)”.
( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express (C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Enfasi miżjuda minni.
( 14 ) L-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2007/64 jiddefinixxi “min iħallas” bħala “persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-ħlas u tippermetti ordni tal-ħlas minn dak il-kont tal-ħlas, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont tal-ħlas, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni għal ħlas”. L-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2007/64 jiddefinixxi “min jitħallas” bħala “persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur intenzjonat ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ transazzjoni ta’ ħlas”.
( 15 ) Enfasi miżjuda minni.
( 16 ) Direttiva 2007/64, Artikolu 2(1).
( 17 ) Direttiva 2007/64, Anness “Servizzi ta’ Ħlas (it-Tielet Punt ta’ l-Artikolu 4)”, punt 2.
( 18 ) Direttiva 2007/64, Anness “Servizzi ta’ Ħlas (it-Tielet Punt ta’ l-Artikolu 4)”, punt 3. Enfasi miżjuda minni.
( 19 ) Direttiva 2007/64, Artikolu 4(28), li jistabbilixxi d-definizzjoni ta’ “debitu dirett”.
( 20 ) Għalkemm it-terminu “ordni permanenti” ma huwiex iddefinit, taħt l-Artikolu 4(16) tad-Direttiva 2007/64, “ordni tal-ħlas” huwa ddefinit bħala “kwalunkwe istruzzjoni minn min iħallas jew minn min jitħallas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, fejn jitlob l-eżekuzzjoni ta’ transazzjoni ta’ ħlas”.
( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, Rasool (C‑568/16, EU:C:2018:211, paragrafu 36).
( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 32), u tal‑21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst (C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 38).
( 23 ) L-istess jista’ jingħad għat-travaux préparatoires għad-Direttiva 2015/2366 fir-rigward tad-domanda preliminari magħmula f’din il-kawża.
( 24 ) KUMM(2005) 603 finali, l‑1 ta’ Diċembru 2005, Artikolu 4(7) propost.
( 25 ) KUMM(2005) 603 finali, l‑1 ta’ Diċembru 2005, Artikolu 65(4) propost. Enfasi miżjuda minni.
( 26 ) Ara l-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑26 ta’ April 2006 dwar proposta għal direttiva dwar servizzi ta’ ħlas fis-suq intern (ĠU 2006, C 109, p. 10), punti 2.2, 12.4 u 12.5.
( 27 ) Rapport tal-Parlament Ewropew, 20 ta’ Settembru 2006, A6‑0298/2006 Finali, Emenda 82, p. 147.
( 28 ) Rapport tal-Parlament Ewropew, 20 ta’ Settembru 2006, A6‑0298/2006 Finali, Emenda 57, pp. 26 u 27.
( 29 ) Id-dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni jistgħu ġeneralment ikunu ta’ referenza utli għalkemm mhux vinkolanti fuq il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, b’analoġija għal tipi oħra ta’ dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑383/09, EU:C:2011:23, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Snitem u Philips France (C‑329/16, EU:C:2017:501, punti 55 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 30 ) Ara d-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mistoqsija 31; dokument ta’ gwida tal-Grupp ta’ Esperti, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 2(b) Definizzjoni ta’ “Kont ta’ Ħlas”.
( 31 ) Ara d-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mistoqsijiet 25, 31, 150, 187 u 262.
( 32 ) Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Vaditrans (C‑102/16, EU:C:2017:82, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) Enfasi miżjuda minni.
( 35 ) Ara, pereżempju, id-Direttiva 2007/64, Artikoli 69, 71 u 73.
( 36 ) Ara, pereżempju, id-Direttiva 2007/64, Artikoli 60(1) u 75(1) u (2). Ara wkoll l-Artikolu 53(3) tad-Direttiva 2007/64 li jirreferi għall-“abbiltà li jiffriża l-kont [ta’ ħlas]”.
( 37 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 38 ) Ara, pereżempju, id-Direttiva 2015/2236, premessi 1 u 2; Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva 2015/2236, COM(2013) 547 final, 24 ta’ Lulju 2013, punt 1, p. 4.
( 39 ) Sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express (C‑304/16, EU:C:2018:66, paragrafu 57).
( 40 ) Regolament Nru 260/2012, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Artikolu 2(5). Ara, f’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament Nru 260/2012, KUMM(2010) 775 finali, 16 ta’ Diċembru 2010, punt 5, p. 10, li ssemmi li d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dak ir-regolament huma “allinjati, kemm jista’ jkun possibbli, ma’ dawk użati fid-Direttiva 2007/64/KE”.
( 41 ) Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard (ĠU 2015, L 123, p. 1), Artikolu 2(22).
( 42 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/442/UE tat‑18 ta’ Lulju 2011 dwar l-aċċess għal kont bażiku ta’ ħlas (ĠU 2011, L 190, p. 87), Taqsima I(1)(ċ). Ara wkoll il-premessa 11 u t-Taqsima III. Definizzjonijiet oħra fihom kontroreferenzi għad-Direttiva 2007/64: ara t-Taqsima I(1)(b), (d), (e) u (f).
( 43 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/442/UE, premessa 5.
( 44 ) Ara, pereżempju, ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU 2015, L 141, p. 1), Artikolu 3(7). Barra minn dan il-qasam, ara wkoll, perezempju, ir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU 2018, L 60 I, p. 1), l-Artikolu 2(8).
( 45 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 46 ) Enfasi miżjuda minni.
( 47 ) Enfasi miżjuda minni.
( 48 ) Fil-fatt, diversi definizzjonijiet fid-Direttiva 2014/92 jirreferu direttament għad-Direttiva 2007/64: ara l-Artikolu 2(4), (6), (7) u (9). Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad‑19 ta’ Novembru 2013 dwar il-proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva 2014/92 (ĠU 2014, C 51, p. 3), punt 3.1.
( 49 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2018, Rasool (C‑568/16, EU:C:2018:211, punt 38). Abbażi tal-fatti ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan ma kienx jiġġustifika li servizz ta’ ġbid ta’ flus tat-tip operat mill-kumpannija tal-parti fil-kawża jiġi kklassifikat bħala “servizz ta’ ħlas” fis-sens tad-Direttiva 2007/64.
( 50 ) Dan jikkuntrasta mas-sitwazzjoni li eżaminajt fil-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:303).