Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fis-6 ta’ Ġunju 2018 (1)

Kawża C-186/17

flightright GmbH

v

Iberia Express SA

(talba għal deċiżjoni preliminiari mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, Ġermanja))

(Talba għal deċiżjoni preliminari — Trasport permezz tal-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikoli 5(1)(ċ) u 7 — Kumpens għal passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet — Konnessjoni mitlufa fuq vjaġġ b’diversi waqfiet — Dewmien qasir fuq l-ewwel parti tal-vjaġġ iżda dewmien twil fid-destinazzjoni finali — Responsabbiltà għal kumpens meta t-trasportatur tal-ajru kuntrattwali ma jopera l-ebda titjira fuq vjaġġ u kull parti tal-vjaġġ hija mwettqa minn trasportaturi tal-ajru differenti li joperaw)






I.      Introduzzjoni

1.        Huwa t-trasportatur tal-ewwel titjira, f’katina ta’ titjiriet, responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens lill-passiġġier taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (2) meta din l-ewwel titjira tkun is-suġġett ta’ dewmien qasir biss, iżda twassal għal dewmien twil fir-rigward tad-destinazzjoni finali tal-passiġġier?

2.        Din hija essenzjalment id-domanda magħmula għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari mressaq mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja).

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġa qieset kwistjoni ta’ dan it-tip fis-sentenza tagħha f’Folkerts, (3) iżda f’kuntest li t-titjiriet konnessi kienu mmexxija mill-istess trasportatur tal-arju li jopera, u li dak li kien inkwisjtoni kien jekk id-dritt tal-passiġġier għal kumpens taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 kienx jiddependi fuq li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament. (4)

4.        Iżda, hemm differenzi fattwali sinjifikanti bejn Folkerts u l-kawża prinċipali. Dak li hu inkwistjoni hawnhekk ma huwiex jekk għandux jitħallas il-kumpens, iżda mingħand min għandu jitħallas.

5.        Fil-kawża prinċipali, kull titjira fil-kuntest ta’ diversi titjiriet b’konnessjoni fuq vjaġġ individwali kienet operata minn trasportaturi tal-ajru differenti, iżda fir-reżervazzjoni kien trasportatur tal-ajru ieħor, li ma opera l-ebda parti mill-vjaġġ, li ġie indikat bħala l-fornitur tas-servizz. Għalhekk, fil-kawża prinċipali, u b’differenza għax-xenarju li jirriżulta f’Folkerts, ma hemm l-ebda ftehim kuntrattwali bejn kull wieħed mit-trasportaturi tal-ajru li joperaw u l-passiġġieri li soffrew id-dewmien, u t-trasportatur tal-ajru li jopera, responsabbli għad-dewmien qasir fl-ewwel titjira, ma kienx involut fl-operazzjoni tal-partijiet sussegwenti tal-vjaġġ.

6.        Il-Qorti tal-Ġustizzja issa għandha l-opportunità li tissuplimenta l-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 f’dan il-kuntest fattwali.

II.    Il-kuntest ġuridiku

7.        Il-premessi 1, 2, 4, 7 u 8 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta' transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta' protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, kunsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)      Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

(4)      Il-Komunitá għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn [Regolament tal-Konsill (KEE) Nru 295/91 ta’ l-4 ta’ Frar 1991 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal meta ma jitħallewx jitilgħu f’trasport permezz ta’ l-ajru skedat (5)]kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f'suq illiberalizzat.

(7)      Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-obbligazzjonijiet li joħloq għandhom jibqgħu mal-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira, kemm jekk b'inġenji ta’ l-ajru li qegħdin fil-proprjetá, taħt kiri dry jew wet, jew fuq kwalunkwe bażi oħra.

(8)      Dan ir-Regolament m’għandux jirrestrinġi d-drittijiet tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli.”

8.        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi t-tifsiriet li ġejjin:

“(b)      “trasportatur ta’ l-ajru li jopera” ifisser trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f'isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier;

(h)      “destinazzjoni finali” ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta' l-aħħar titjira; titjiriet konnessi alternattivi li qegħdin għad-dispożizzjoni m'għandhomx jiġu meħudin in konsiderazzjoni jekk il-ħin oriġinali tal-wasla hu mħares;”

9.        L-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta' l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f'isem il-persuna li għandha kuntratt ma' dak il-passiġġier.”

10.      L-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom […] jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, …”

11.      L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa intitolat ”Dritt għall-kumpens” u jipprovdi fl-ewwel paragrafu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

(ċ)      EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.”

12.      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004 huwa intitolat “Dritt għal rimedju” u jipprovdi:

“F'każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda rrinvijata għal deċiżjoni preliminari

13.      Fil-kawża prinċipali, flightright GmbH (“flightright”) ressaq kawża kontra t-trasportatur tal-ajru Spanjol Iberia Express SA (“Iberia Express”), għal kumpens taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004. Id-digriet tar-rinviju jindika li flightright ressaq din it-talba f’isem żewġ passiġġieri li ttrasferewlu d-drittijiet tagħhom għal kumpens taħt dan ir-regolament fl-ammont ta’ EUR 600 kull wieħed.

14.      Skont id-digriet tar-rinviju, il-passiġġieri rriżervaw vjaġġ bi tliet waqfiet għal żewġ persuni minn Berlin, il-Ġermanja, għal San Salvador, El Salvador permezz tal-Elumbus GmbH (“Elumbus”), il-portal elettroniku ta’ reżervazzjoni ta’ vjaġġi. Elumbus huwa l-aġent ta’ reżervazzjoni ta’ vjaġġi awtorizzat għat-trasportatur tal-ajru Air Berlin PLC & Co Luftverkehrs KG (“Air Berlin”).

15.      Air Berlin ġie indikat bħala l-fornitur ta’ servizzi ta’ vvjaġġar fil-fattura maħruġa minn Elumbus. Il-biljett inħareġ minn Elumbus u kien jelenka l-istess numru tar-reżervazzjoni għal Air Berlin, Iberia Lineas Aereas De Espana SA (”Iberia”) u Avianca SA (“Avianca”), fejn tal-aħħar kienu tnejn mit-tliet trasportaturi tal-ajru operattivi tal-vjaġġ.

16.      L-ewwel parti tal-vjaġġ kienet minn Berlin, il-Ġermanja għal Madrid, l-Ispanja. Din kienet operata minn Iberia Express.

17.      It-tieni parti tal-vjaġġ kienet minn Madrid, fl-Ispanja għal San Jose, fil-Kosta Rika. Din kienet operata minn Iberia. Iberia Express hija sussidjarja kollha kemm hi proprjetà ta’ Iberia.

18.      It-tielet parti tal-vjaġġ kienet minn San Jose, fil-Kosta Rika għal San Salvador, f’El Salvador. Din kienet operata minn Avianca, it-trasportatur tal-ajru Kolombjan permezz tal-arranġament ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi ma’ Iberia. (6)

19.      L-ewwel titjira waslet f’Madrid b’dewmien ta’ 59 minuta. Konsegwentement, il-passiġġieri tilfu t-titjira ta’ konnessjoni tagħhom. Il-passiġġieri eventwalment waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom, San Salvador, b’dewmien ta’ 49 siegħa, (7) wara li rriżervaw titjiriet oħra.

20.      L-Amtsgericht Wedding (il-Qorti Lokali ta’ Wedding, il-Ġermanja) ċaħdet it-talba ta’ flightright fuq il-bażi li Iberia Express opera biss it-titjira minn Berlin għal Madrid, iżda mhux it-titjiriet l-oħra. Minbarra hekk, Iberia Express ma kinitx involuta fir-reżervazzjoni u fl-ippjanar tal-vjaġġ. Għalhekk, l-Amtsgericht Wedding (il-Qorti Lokali ta’ Wedding) iddeċidiet li Iberia Express kien responsabbli biss għad-dewmien fuq it-titjira minn Berlin għal Madrid. Hija aċċettat l-argument ta’ Iberia Express li fuq din il-parti tal-vjaġġ, li kienet tammonta għal iktar minn 1500 km, kien hemm dewmien ta’ 59 minuta biss u li għalhekk ma jeżisti l-ebda dritt għal kumpens abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

21.      Flightright appella minn din is-sentenza quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin).

22.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Folkerts (8) hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali fejn it-titjira inizjali li ttardjat u t-titjira ta’ konnessjoni li ntilfet huma operati minn trasportaturi tal-ajru differenti. (9)

23.      F’dawn iċ-ċirkostanzi l-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-kawża prinċipali u tirrinvija d-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“Jeżisti wkoll dritt għal kumpens abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 meta passiġġier ma setax jaqbad titjira ta’ korrispondenza diretta, minħabba dewmien fil-wasla relattivament minimu, u meta dan kellu bħala konsegwenza dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar lejn id-destinazzjoni finali, iżda meta ż-żewġ titjiriet kienu operati minn trasportaturi tal-ajru differenti u meta r-riżervazzjoni saret permezz ta’ organizzatur ta’ vjaġġi li wettaq ir-riżervazzjoni tat-titjira sħiħa ma’ kumpanija tal-ajru oħra?”

24.      Saru sottomissjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni. Flightright, Iberia Express, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta li saret fil-21 ta’ 2018.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Pożizzjoni tal-problema

25.      Huwa ċar li r-Regolament Nru 261/2004 ma huwiex maħsub għall-prattika speċifika li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jiġifieri, it-trasportatur tal-ajru A joħroġ biljett taħt kuntratt għal vjaġġ b’diversi waqfiet (“it-trasportatur tal-ajru kuntrattwali”), imbagħad ma jopera l-ebda parti tal-vjaġġ, iżda minflok ittrasferixxa l-partijiet diversi tal-vjaġġ lil trasportaturi tal-ajru li joperaw differenti B, Ċ, u D. Dawn l-arranġamenti ġeneralment iseħħu taħt il-prattika magħrufa bħala l-kondiviżjoni tal-kodiċi. (10)

26.      F’konformità mat-tifsira prevista fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, kull wieħed minn B, Ċ, u D huwa “trasportatur li jopera” għall-finijiet tar-Regolament Nru 261/2004, u dan huwa il-kunċett li tistrieħ fuqu r-responsabbiltà taħt ir-Regolament Nru 261/2004.

27.      L-obbligi kollha fir-Regolament Nru 261/2004 ma humiex imposti fuq it-trasportatur tal-ajru kuntrattwali, iżda fuq “it-trasportatur tal-ajru li jopera”. Fil-fatt, kif innotat mill-Kummissjoni fis-seduta, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, in-nuqqas ta’ rabta kuntrattwali bejn il-passiġġieri kkonċernati u t-trasportatur tal-ajru huwa irrilevanti, sakemm, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, it-trasportatur tal-ajru li jopera jkollu relazzjoni kuntrattwali mat-trasportatur tal-ajru kuntrattwali.

28.      Dan jista’ jkun problematiku għal tliet raġunijiet.

29.      L-ewwel nett, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-limiti li fihom jiskatta l-kumpens għad-dewmien, u dawn ġew stabbiliti għal minimu ta’ tliet sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat. (11) Kif innotat mill-qorti tar-rinviju, fuq il-fatti tal-kawża prinċipali, dan il-limitu ma jintlaħaqx jekk il-parti tal-vjaġġ li kienet responsabbli għaliha Iberia Express tiġi evalwata waħedha, peress li d-dewmien ta’ din il-parti kien ta’ 59 minuta biss.

30.      Din twassal għat-tieni kwistjoni. Fuq il-fatti tal-kawża prinċipali, fejn it-trasportatur tal-ajru kuntrattwali ħareġ biljett għal vjaġġ bi tliet waqfiet, “it-titjira” li għandha tiġi evalwata għad-dewmien hija magħmula minn tliet titjiriet separati jew minn waħda biss? Fil-kawża prinċipali, il-limitu stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ntlaħaq fil-każ tal-aħħar biss, għaliex id-dewmien fil-post finali tad-destinazzjoni kien ta’ 49 siegħa.

31.      It-tielet nett, jekk “it-titjira” hija magħmula mill-vjaġġ sħiħ minn Berlin għal San Salvador, kif jista’ Iberia Express jinżamm responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens taħt ir-Regolament Nru 261/2004 għad-dewmien ta’ 49 siegħa meta huwa kien it-trasportatur tal-ajru li jopera għal parti minuri tal-vjaġġ? B’mod ugwali, kif jista’ Air Berlin bħala t-trasportatur tal-ajru kuntrattwali jinżamm responsabbli meta l-ebda obbligi ma huma imposti mir-Regolament Nru 261/2004 fuq it-trasportaturi tal-ajru kuntrattwali, iżda minflok, kif imsemmi qabel, dawn huma imposti fuq it-trasportaturi tal-ajru li joperaw?

32.      Dawn huma l-kwistjonijiet li jeħtieġu evalwazzjoni sabiex tingħata risposta għad-domanda rrinvijata mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin).

B.      Ħarsa ġenerali lejn l-osservazzjonijiet tal-partijiet

33.      Flightright u l-Kummissjoni jipproponu d-domanda rrinvijata tingħata risposta fl-affermattiv. Fl-opinjoni tagħhom, id-deċiżjoni f’Folkerts hija trasponibbli għall-fatti li jirriżultaw mill-kawża prinċipali għaliex l-identità tat-trasportaturi li joperaw hija irrilevanti.

34.      Il-Gvern Ġermaniż jieħu l-pożizzjoni kuntrarja, u jsostni li f’Folkerts il-kumpens kellu jitħallas biss għaliex il-partijiet kollha tal-vjaġġ kienu operati mill-istess trasportatur. Din, għall-Gvern Ġermaniż, hija r-rabta meħtieġa. Il-Gvern Ġermaniż jesprimi wkoll tħassib dwar il-fatt li t-trasportaturi tal-ajru b’fokus fuq it-titjiriet reġjonali jistgħu jkunu mgħobbija żżejjed jekk it-talbiet għal kumpens jistgħu jiġu bbażati fuq id-dewmien twil sussegwenti fid-destinazzjoni finali ta’ vjaġġ b’diversi waqfiet.

35.      Skont il-Gvern Pollakk, id-dritt għal kumpens jeżisti jekk l-aġent tal-ivvjaġġar ikun aġixxa bħala aġent awtorizzat f’isem it-trasportaturi tal-ajru jew jekk it-trasportaturi tal-ajru, li jkunu jafu bil-pjan sħiħ tat-titjira tal-passiġġieri kkonċernati, jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jwettqu parti minnu, filwaqt li l-Gvern Taljan huwa tal-opinjoni li Air Berlin, bħala t-trasportatur kuntrattwali, huwa responsabbli għall-kumpens previst mill-Artikoli 5(1)(ċ) u 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

V.      Ir-risposta ssuġġerita għad-domanda rrinvijata

36.      Jiena wasalt għall-konklużjoni li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda rrinvijata għandha tkun li d-dritt għal kumpens jeżisti taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 kontra “trasportatur tal-ajru li jopera” meta l-passiġġier jonqos milli jaqbad it-titjira ta’ konnessjoni diretta minħabba dewmien relattivament minuri fil-wasla tat-titjira ta’ qabel, bil-konsegwenza li jkun hemm dewmien fil-wasla fid-destinazzjoni finali ta’ tliet sigħat jew iktar, anki meta t-titjiriet ikkonċernati jkunu operati minn trasportaturi tal-ajru differenti u r-reżervazzjoni tkun saret minn operaturi turistiċi li jkunu għamlu r-reżervazzjoni tal-vjaġġ kollu permezz ta’ trasportatur tal-ajru (kuntrattwali) ieħor li ma opera l-ebda titjira fuq xi parti tal-vjaġġ.

37.      Jiena ninnota l-ewwel nett li, skont il-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004, l-azzjoni fil-qasam tat-trasport permezz tal-ajru għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri u għandha tittieħed kunsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali. Minbarra hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 li jagħtu d-drittijiet lill-passiġġieri tal-ajru għal kumpens, għandhom ikunu interpretati b’mod wiesa’. (12) L-għan tar-Regolament Nru 261/2004 huwa li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, (13) u dak li għandu jiġi kkumpensat taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 hija “l-iskumdità tagħhom marbuta ma’ telf ta’ ħin irriversibbli”. (14)

38.      Jiena għalhekk tal-opinjoni, fid-dawl tal-għan tiegħu, li r-Regolament Nru 261/2004 ma għandux jinqara bħala li jostakola d-disponibbiltà tal-kumpens lill-passiġġieri li b’mod ċar ikunu soffrew dewmien sinjifikanti li jseħħu f’mudelli ta’ negozju li jimponu distanza fir-relazzjonijiet legali bejn il-passiġġieri u t-trasportaturi tal-ajru li joperaw.

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġa ddeċidiet li r-referenza fir-Regolament Nru 261/2004 għat-tipi differenti ta’ dewmien hija komparabbli mal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, li tagħmel parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-UE. L-Artikolu 19 tal- Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport internazzjonali bl-ajru (il-“Konvenzjoni ta’ Montreal”) jirreferi għall-kunċett ta’ “dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri”, mingħajr ma jispeċifika f’liema stadju ta’ dan it-trasport għandu jiġi kkonstatat id-dewmien inkwistjoni. (15)

40.      Għalhekk, f’Folkerts ġie stabbilit li filwaqt li l-inkonvenjenza timmaterjalizza biss fid-destinazzjoni finali, meta s-sensiela ta’ titjiriet ta’ konnessjoni tkun operata minn trasportatur tal-ajru li jopera wieħed, u jkun hemm kemm dewmien twil fil-post tad-destinazzjoni finali kif ukoll dewmien iqsar fuq ir-rotta, “għall-finijiet tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, jgħodd biss id-dewmien ikkonstatat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat fid-destinazzjoni finali, mifhum bħala d-destinazzjoni tal-aħħar titjira li ttieħdet mill-passiġġier ikkonċernat.” (16)Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet iktar reċentement li d-dritt għal kumpens jirriżulta mingħajr distinzzjoni skont jekk il-passiġġieri “jilħqu d-destinazzjoni finali tagħhom permezz ta’ titjira diretta jew b’titjira konnessa direttament.” (17) B’konsegwenza, id-dewmien rilevanti fil-kawża prinċipali huwa d-dewmien ta’ 49 siegħa biex jasal f’San Salvador.

41.      Din il-konklużjoni hija f’konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Vjaġġ b’diversi waqfiet operat minn trasportatur tal-ajru li jopera wieħed huwa komparabbli ma’ wieħed operat minn trasportaturi tal-ajru differenti taħt arranġament bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, (18) u ma jidher li hemm ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għal trattament differenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-għan stabbilit mir-Regolament Nru 261/2004. Huwa jaġixxi wkoll bħala deterrent kontra t-trasportaturi tal-ajru li jaqsmu t-titjiriet, pereżempju bejn is-sussidjarji, sabiex jevitaw l-obbligu għal kumpens f’każ ta’ dewmien twil.

42.      Mill-proċess tal-kawża jidher li d-differenza rilevanti bejn il-fatti li jirriżultaw f’Folkerts u dawk li jirriżultaw fil-kawża prinċipali hija biss li t-trasportatur tal-ajru li jopera u t-trasportatur tal-ajru kuntrattwali f’Folkerts kienu wieħed u l-istess, u t-titjiriet kollha f’Folkerts kienu operati mill-istess entità. Fil-kawża prinċipali, Air Berlin huwa t-trasportatur tal-ajru kuntrattwali, iżda il-partijiet tal-vjaġġ rilevanti ġew subkuntratti lit-trasportaturi tal-ajru li joperaw.

43.      Għaliex, għalhekk, l-iskema ta’ kumpens iffissat stabbilita mill-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 ma tistax tiġi imposta fuq Air Berlin minflok Iberia Express, kif ġie argumentat mill-Gvern Taljan?

44.      Ir-risposta tinsab fil-fatt li r-Regolament Nru 261/2004 sempliċement ma jirregolax l-attivitajiet tat-trasportaturi tal-ajru kuntrattwali. Din ma hijiex ibbażata biss fuq il-formulazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, iżda hija marbuta wkoll mal-fatt li dan ir-regolament jindirizza f’kull parti “lit-trasportatur tal-ajru li jopera”, kif indikat mill-premessi 7, 8, 14 u 19 u mill-Artikoli 4, 5, 6 (filwaqt li l-Artikolu 7 huwa limitat b’mod espress għat-trasportaturi tal-ajru li joperaw mit-test tal-Artikoli 5, 10, 11 u 13). In-numru ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa ħafna iktar u jegħlbu r-referenza ġenerika għat-“trasportaturi ta’ l-ajru” li tidher fil-premessi 4, 9, 12 u 22 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 261/2004, flimkien mat-tifsira ta’ “trasportatur ta’ l-ajru” fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 261/2004. Il-premessa 7 tar-Regolament Nru 261/2004 hija ta’ importanza partikolari għaliex hija tenfasizza li l-obbligi taħt ir-Regolament “għandhom jibqgħu mal-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira”.

45.      Għalhekk, jiena jidhirli li għandi naqra d-dritt għal kumpens fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, li japplika għat-“trasportatur ta’ l-ajru li jopera” permezz tal-Artikolu 5(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament, bħala li jinkludi t-trasportaturi tal-ajru li joperaw li jkunu ttardjaw titjira b’diversi waqfiet, li tirriżulta f’dewmien fid-destinazzjoni finali li jaqa’ fil-limiti għal kumpens kif stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46.      Dan huwa sostnut iktar mit-travaux préparatoires tar-Regolament Nru 261/2004. Filwaqt li l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni kienet tindirizza kemm l-operaturi turistiċi kif ukoll it-trasportatur tal-ajru kuntrattwali fil-każ ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi, u l-Parlament Ewropew kien issuġġerixxa r-responsabbiltà parallela tat-tnejn, il-Kunsill qajjem tħassib fir-rigward ta’ x’seta’ jfisser dan kollu f’termini ta’ ċertezza legali għall-passiġġieri.(19) Għall-finijiet ta’ kjarezza u sempliċità, l-abbozz ta’ regolament kien emendat biex jimponi b’mod esklużiv obbligi fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera. (20) Minbarra hekk, filwaqt li kien hemm dispożizzjoni fil-proposta oriġinali li kienet teħtieġ li t-trasportatur tal-ajru kuntrattwali għandu jkun trasportatur tal-ajru tal-Komunità fil-każ ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi, (21) din id-dispożizzjoni kienet ġiet sussegwentement modifikata sabiex tagħmel it-trasportatur tal-ajru li jopera l-punt ta’ referenza. (22) Dan kollu juri li t-trasportatur tal-ajru kien deliberatament magħmul it-trasportatur rilevanti taħt ir-Regolament Nru 261/2004. (23)

47.      Fl-aħħar nett, ir-rappreżentant tal-Iberia Express kien semma fis-seduta li Iberia Express kienet taf li l-passiġġieri kkonċernati, li taru minn Berlin fuq it-titjira tiegħha, kellhom jaqbdu titjira ta’ konnessjoni f’Madrid. Minħabba l-prevalenza tal-prattika ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi, ma jidhirx li jkun qed jintefa piż kbir iżżejjed fuq it-trasportaturi tal-ajru, li jkunu qed jiggwadanjaw kummerċjalment minn din il-prattika, li kieku dawn ikollhom iġorru r-riskju involut, (24)speċjalment meta l-konsegwenzi ta’ xi titjira li tkun ġiet ittardjata jistgħu jkunu previsti mit-trasportatur tal-ajru billi jiċċekkja l-pjan tat-titjira tal-passiġġieri tiegħu. Jew fi kliem ieħor, kif ġie argumentat mill-Gvern Pollakk, għarfien tal-eżistenza tat-titjiriet ta’ konnessjoni jammonta għal forma ta’ kunsens.

48.      Kif enfasizzat mill-Kummissjoni fis-seduta, it-trasportaturi tal-ajru fil-pożizzjoni ta’ Iberia Express huma liberi li jirrifjutaw li jikkuntrattaw mat-trasportaturi tal-ajru kuntrattwali jekk il-ħin tal-perijodu ta’ waqfien bejn it-titjiriet jaqa’ barra mill-marġni ta’ risku raġonevoli. Fid-dawl ta’ dan, jiena napprova l-fehma li “il-kriterju għal kumpens ma huwiex il-kawżalità, iżda l-ħtija (iddefinita b’mod wiesa’) min-naħa tal-operatur.” (25)

49.      Ir-risposta li jiena qiegħed nipproponi għalhekk ma timponix piż sproporzjonat fuq it-trasportaturi tal-ajru responsabbli biss għall-partijiet qosra tat-titjiriet. (26)Minbarra hekk, it-twettiq tal-obbligi skont ir-Regolament Nru 261/2004 huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tat-trasportatur tal-ajru li jfittex kumpens mingħand kull persuna, inkluż partijiet terzi, skont id-dritt nazzjonali, u dan kif jipprovdi l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004. Iżda, għandu jingħata preċedenza għall-għan tar-Regolament Nru 261/2004, li hu li jassigura li l-passiġġieri jirċievu l-kumpens tagħhom b’mod standardizzat u immedjat. (27)

VI.    Konklużjoni

50.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda rrinvijata mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) għandha tkun kif ġej:

Jeżisti dritt għal kumpens taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91kontra “trasportatur ta’ l-ajru” meta passiġġier jonqos li jaqbad titjira ta’ konnessjoni diretta minħabba dewmien relattivament minuri fil-wasla tat-titjira preċedenti, li jirriżulta f’dewmien fil-wasla fid-destinazzjoni finali ta’ tliet sigħat jew iktar, anki meta t-titjiriet ikkonċernati huma operati minn trasportaturi tal-ajru differenti u r-reżervazzjoni tkun saret minn operatur turistiku li jkun għamel ir-reżervazzjoni tal-vjaġġ ta’ titjiriet kollu permezz ta’ trasportatur tal-ajru (kuntrattwali) ieħor li ma operax titjira fuq l-ebda parti tal-vjaġġ.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU 2004 L 46, p. 1).


3      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, (C-11/11, EU:C:2013:106).


4      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C-11/11, EU:C:2013:106, punti 25, 35 sa 38).


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306.


6      Ara s-siti elettroniċi ta’ Avianca, disponibbli f’https://www.avianca.com/es/en/our-company/some-partners/air-partner/codeshare; Iberia, disponibbli f’https://www.iberia.com/gb/our-alliances/codeshare/; u Iberia Express, disponibbli f’https://www.iberiaexpress.com/en/general-info/iberia-express/the-company.


7      Skont id-digriet tar-rinviju, dan id-dewmien ammonta għal 49 siegħa. Iżda, flightright sostna fis-seduta li d-dewmien inkwistjoni kien ta’ 25 siegħa.


8      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013(C-11/11, EU:C:2013:106).


9      Il-qorti tar-rinviju tinnota li domanda essenzjalment identika diġa’ ġiet irrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti tal-Ġustizzja Federali, il-Ġermanja), iżda kienet ġiet irrinunzjata wara li l-konvenut aċċetta t-talba f’dik il-kawża. Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-11 ta’ Ottubru 2016, Markmann and Others, mhux ippubblikat (C-479/16, EU:C:2016:794).


10      Din il-prattika komuni fis-settur tal-avjazzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-preżenza fis-suq u l-kapaċità kompettitiva. Taħt din il-prattika, kumpannija tal-ajru tbigħ titjiriet taħt il-kodiċi tagħha minkejja li t-titjiriet ikkonċernati huma operati minn kumpannija oħra. Għalhekk, titjira b’kondiviżjoni tal-kodiċi għandha diversi kodiċijiet, ġeneralment dak tat-trasportatur tal-ajru li jbigħ it-titjira u dak tat-trasportatur tal-ajru li joperaha.


11       Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon and Others (C-402/07 u C-432/07, EU:C:2009:716, punt 57).


12      Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon and Others (C-402/07 u C-432/07, EU:C:2009:716, punt 45).


13       Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon and Others (C-402/07 u C-432/07, EU:C:2009:716, punt 49).


14      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C-11/11, EU:C:2013:106, punt 39).


15      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C-11/11, EU:C:2013:106, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C-11/11, EU:C:2013:106, punt 35). Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Bossen and Others (C-559/16, EU:C:2017:644, punt 23).


17      Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Bossen and Others (C-559/16, EU:C:2017:644, punt 24).


18      Sentenzi tas- tas-26 ta’ Frar 2013, Folkerts (C-11/11, EU:C:2013:106, punti 32 u 33) u 7 ta’ Settembru 2017, Bossenand Others (C-559/16, EU:C:2017:644, punti 19, 22, 26, 28 u 29). Ara wkoll is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA and ELFAA (C-344/04, EU:C:2006:10, punti 95 u 98). tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon and Others, C-402/07 u C-432/07, EU:C:2009:716, punti 48, 49 u 60) u tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson and Others (C-581/10 u C-629/10, EU:C:2012:657, punti 33 u 34).


19      Dokument tal-Kunsill 12028/02, tal-25 ta’ Settembru 2002, pp. 6 u 11.


20      Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni komuni, SEC(2003) 361 finali, tal-25 ta’ Marzu 2003, punt 3, it-tieni paragrafu.


21      L-Artikolu 3 tal-proposta oriġinali kien jaqra, fost oħrajn, kif ġej:


      “1. Dan ir-Regolament japplika għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat, u għal passiġġieri li għandhom kuntratt ma’ trasportatur Komunitarju jew ma’ operatur tat-tour għal pakkett offrut għal bejgħ fit-territorju tal-Komunità li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat …


      3. Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru jew operatur tat-tour ma’ min il-passiġġier imsemmi fil-paragrafu 1 … għandu kuntratt. L-operatur tat-tour, jew fil-każ ta’ kondiviżjoni tal-kodiċi, it-trasportatur li huwa fis-suq għandu jagħmel mat-trasportatur li jopera kull arranġament meħtieġ biex jiżgura l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”


      KOM(2001) 784 finali, tal-21 ta’ Diċembru 2001.


22      Dokument tal-Kunsill 13877/02, tat-12 ta’ Novembru 2002, p. 10 u 11.


23      Ara l-Linji Gwida Interpretattivi tal-Kummissjoni għar-Regolament Nru 261/2004 (ĠU 2016 C 214, p. 5), punt 2.2.3.


24      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’flightright and Others (C-274/16, C-447/16 u C‑448/16, EU:C:2017:787, punt 83).


25      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’Sturgeon and Others (C-402/07 u C-432/07, EU:C:2009:416, punt 60).


26      Ara b’mod ġenerali is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA and ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10).


27      Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA and ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 82) u tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon and Others, C-402/07 u C-432/07, EU:C:2009:716, punti 49 u 51)