KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fid-19 ta’ April 2018 ( 1 )

Kawża C-164/17

Edel Grace

Peter Sweetman

vs

An Bord Pleanála

partijiet konġunti:

ESB Wind Development Limited,

Coillte,

The Department of Arts, Heritage and the Gaeltacht

(talba għal deċiżjoni preliminari mis-Supreme Court (l-Irlanda))

“Talba għal deċiżjoni preliminari - Ambjent - Direttiva 92/43/KEE - Artikolu 6(3) - Direttiva 2009/147/KE - Evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ta’ proġett ta’ park eoliku għal żona ta’ protezzjoni speċjali - Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus) - Miżuri ta’ mitigazzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Il-Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus) huwa għasfur ikoniku li huwa magħruf, fost affarijiet oħra, għall-hekk imsejħa ‘żifna fis-sema’ tiegħu, li permezz tagħha jagħmel akrobaziji fl-ajru billi jitgħawweġ u jagħmel kutrumbajsi fl-ajru biex jattira sieħba. ( 2 )

2.

ESB Wind Development u Coillte iridu jibnu park eoliku fuq Keeper Hill, County Tipperary f’żona li hija ddeżinjata biex tipproteġi l-Bugħadam Abjad Prim skont id-Direttiva 2009/147/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Għasafar”). ( 3 )

3.

L-awtorità Irlandiża, An Bórd Pleanála, tathom il-permess tagħha biex jagħmlu dan, parzjalment minħabba li hi tal-opinjoni li l-miżuri fil-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Ispeċi u l-Habitat propost mill-iżviluppaturi huwa konformi mal-obbligi fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-Habitats”) ( 4 ) li jeħtieġu li An Bord Pleanála bħala l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiżgura li l-iżvilupp tal-park eoliku ma jaffettwax b’mod ħażin l-integrità taż-żona ddeżinjata għall-Bugħadam Abjad Prim.

4.

Edel Grace u Peter Sweetman (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) ma jaqblux ma dan. Huma tal-opinjoni li, fiċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-obbligi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats ma ntlaħqux. Huma fetħu kawża quddiem il-qrati Irlandiżi fejn ikkontestaw il-permess mogħti mill-An Bórd Pleanála. Il-kawża baqgħet sejra quddiem is-Supreme Court of Ireland li ressqet rinviju għal deċiżjoni preliminari biex tirriżolvi t-tilwima.

5.

Din il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkunsidra l-iskop tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats. Il-fatti li jirriżultaw mill-kawża prinċipali huma differenti minn dawk ikkunsidrati f’sentenzi preċedenti minħabba l-pekuljarità tal-habitat tal-Bugħadam Abjad Prim u l-mod li dan huwa mħares permezz ta’ interventi mill-bniedem.

6.

Dan il-każ lanqas ma hu l-ewwel wieħed li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li kien jinvolvi nuqqas ta’ qbil bejn il-promozzjoni tal-enerġija mir-riħ u l-protezzjoni tal-għasafar, li t-tnejn li huma jikkostitwixxu miżuri, ta’ min ifaħħarhom, li jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-ambjent. ( 5 ) Minħabba l-ħtieġa ta’ rikonċiljazzjoni tal-użu dejjem jiżdied ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri, bħall-enerġija mir-riħ, u l-protezzjoni tal-habitats u l-ispeċi, bħalma huwa l-Bugħadam Abjad Prim, skont id-Direttiva tal-Għasafar, dan il-każ joffri, lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-opportunità, f’waqtha u ta’ valur, li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Habitats.

II. Il-kuntest legali

A.   Id-Direttiva dwar l-Għasafar

7.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-Għasafar jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw it-territorji l-iktar xierqa għall-protezzjoni tal-għasafar elenkati fl-Anness 1 ta’ dik id-direttiva bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem “ŻPS”) kif ġej:

“1.   L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

[…]

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-iktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.”

8.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-Għasafar tistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni għaż-ŻPS:

“4. Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu.”

B.   Id-Direttiva dwar il-Habitats

9.

Id-Direttiva tal-Habitats tipprovdi għall-istabbiliment ta’ siti ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem is-“SIK”) li għandhom l-għan li jiżguraw il-konservazzjoni ta’ tipi partikolari ta’ habitats u speċi individwali ta’ annimali u pjanti. Is-SIK taħt id-Direttiva tal-Habitats flimkien maż-ŻPS taħt id-Direttiva tal-Għasafar jifformaw parti min-netwerk Natura 2000.

10.

Fis-sezzjoni intitolata “Konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi” l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats jipprovdi:

“3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’iktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.”

11.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Habitats japplika l-provvedimenti msemmija għaż-ŻPS taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar kif ġej:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva -[Direttiva dwar l-Għasafar] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva -[Direttiva dwar l-Għasafar], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi iktar tard.”

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda għal deċiżjoni preliminari

12.

Il-Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus) huwa għasfur tal-priża ta’ daqs medju bil-forma tal-wiċċ bħal tal-Kokka li ġeneralment jinstab f’ħafna partijiet fl-Ewropa u fl-Asja ( 6 ). Huwa speċi ta’ għasfur suġġetta għal tħassib internazzjonali ta’ konservazzjoni ( 7 ), u huwa elenkat fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Għasafar ( 8 ). Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-Għasafar, speċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva huma suġġetti għal miżuri ta’ konservazzjoni speċjali li jikkonċernaw il-habitat tagħhom sabiex jiġu assigurati s-sopravivenza u r-riproduzzjoni tagħhom ( 9 ), u l-Istati Membri huma obbligati li jikklassifikaw it-territorji l-iktar xierqa bħala ŻPS għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi.

13.

Fl-2007, l-Irlanda kklassifikat is-Slieve Felim to Silvermines Mountains Special Protection Area (iż-“ŻPS”) ( 10 ) li tikkonsisti f’żona ta’ ftit iktar minn 20900 ettaru li tinstab fil-Counties Tipperary u Limerick ( 11 ). L-għan tal-konservazzjoni taż-ŻPS huwa li tinżamm u tkun irrestawrata l-kundizzjoni favorevoli ta’ konservazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim ( 12 ). Iż-ŻPS titqies bħala “waħda mir-refuġji” tal-Bugħadam Abjad Prim fl-Irlanda, u hija kklassifikata fost l-iktar 5 siti fl-Irlanda importanti għal din l-ispeċi ( 13 ). Id-deżinjazzjoni taż-ŻPS mill-Irlanda kienet ir-riżultat ta’ azzjoni għal ksur imressqa kontriha mill-Kummissjoni, fejn fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Irlanda naqset milli tosserva l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar, inter alia, billi naqset milli tikklassifika ŻPS biżżejjed għal ħafna speċi ta’ għasafar inkluż il-Bugħadam Abjad Prim. ( 14 )

14.

Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti jikkontestaw l-għoti tal-permess tal-ippjanar mill-awtorità Irlandiża An Bórd Pleanála (iktar ’il quddiem il-“Bord”) għall-iżvilupp tal-park eoliku li jikkonsisti f’16-il turbina tar-riħ u infrastruttura relatata (iktar ’il quddiem il-“park eoliku”) li jinsab kollu fiż-ŻPS. ( 15 ) Il-park eoliku jkopri żona ta’ 832 ettaru ta’ art proprjetà ta’ Coillte, kumpannija statali li topera fil-forestrija kummerċjali, li flimkien ma’ ESB Wind Development Limited, impriża tal-istat fil-qasam tal-enerġija (flimkien iktar ’il quddiem l-“iżviluppaturi”) huma l-iżviluppaturi konġunti tal-park eoliku u nnominati bħala l-partijiet innotifikati fil-kawża.

15.

Id-Department of Arts, Heritage and the Gaeltacht (iktar ’il quddiem id-“DAWG”) huwa d-dipartiment tal-Gvern Irlandiż responsabbli min-National Parks and Wildlife Service (iktar ’il quddiem in-“NPWS’) inkarigat mill-protezzjoni tal-habitats u ċertu speċi ta’ għasafar u huwa wkoll innominat bħala notifikat fil-kawża prinċipali. Id-dipartiment ħa sehem fil-proċess ta’ ppjanar li involva l-park eoliku.

16.

Skont l-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-2013, l-iżviluppaturi ressqu applikazzjoni għall-iżvilupp tal-park eoliku quddiem in-North Tipperary City Council (iktar ’il quddiem il-“County Council”). Il-County Council irrifjuta l-ħruġ tal-permess għall-iżvilupp fuq il-bażi li park eoliku, li kien jirriżulta f’telf kunsiderevoli ta’ habitat tal-ikel għall-Bugħadam Abjad Prim, kien ikollu impatt detrimentali serju fuq l-istatus tal-konservazzjoni taż-ŻPS.

17.

L-iżviluppaturi appellaw mid-deċiżjoni tal-County Council. Dan ġie segwit minn skambji kunsiderevoli bejn l-iżviluppaturi u d-DAWG u mill-ħruġ ta’ rapport mill-ispettur tal-Bord.

18.

Fit-22 ta’ Lulju 2014, il-Bord approva l-permess għall-iżvilupp lill-iżviluppaturi għall-park eoliku. Fl-eżekuzzjoni ta’ dak li jidher bħala evalwazzjoni tajba fit-tifsira tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, il-Bord ikkonkluda li, suġġett għall-miżuri ta’ mitigazzjoni identifikati fil-proposta tal-iżviluppaturi li kienet tinkludi l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Immaniġġjar tal-Ispeċi u l-Habitat (iktar ’il quddiem il-“PIIĦ”), il-park eoliku ma kienx ser jaffettwa ħażin l-integrità taż-ŻPS.

19.

Ir-rikorrenti appellaw mid-deċiżjoni tal-Bord quddiem il-High Court li ċaħdet l-appell fuq numru ta’ motivi. Sussegwentement, ir-rikorrenti kisbu permess li jressqu appell quddiem is-Supreme Court of Ireland li ddeċidiet li tirreferi domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

20.

Il-qorti tar-rinviju tqis li d-diffikultà fl-interpretazzjoni li tqum f’dan il-każ tirriżulta mill-fatt li parti mill-habitat li huwa ta’ benefiċċju għall-Bugħadam Abjad Prim u li allura huwa essenzjali għall-manteniment tal-integrità taż-ŻPS ma hijiex statika u tinbidel maż-żmien, u dan iwassal biex il-Bugħadam Abjad Prim jippopola partijiet differenti tas-sit fi żminijiet differenti liema ħaġa parzjalment tiddependi minn kif jitmexxa s-sit.

21.

Sabiex jiġi pprovdut kuntest għall-isfond fattwali ta’ dan il-każ, annessa mad-digriet għal rinviju preliminari hemm skeda li fiha dikjarazzjoni tal-fatti li l-qorti tar-rinviju hija sodisfatta li ġew stabbiliti (iktar ’il quddiem l-“iskeda”). L-iskeda tipprovdi informazzjoni li tikkonċerna, inter alia, lill-habitat tal-Bugħadam Abjad Prim, l-impatti potenzjali tal-park eoliku fuq il-Bugħadam Abjad Prim u l-miżuri stabbiliti fil-PIIĦ biex jindirizzaw dan l-impatti. Billi dawn il-kwistjonijiet jinsabu fil-qalba tal-każ, insibha utli li nagħti informazzjoni rilevanti fuq dawn l-aspetti.

22.

Fir-rigward tal-habitat tal-Bugħadam Abjad Prim, l-iskeda tgħid li l-Bugħadam Abjad Prim huwa għasfur li primarjament jgħix fil-kampanja miftuħa u jirrikjedi żona estensiva ta’ art tajba fejn jista’ jfittex l-ikel. Għadajjar mhux miżrugħa u raba’ xagħri huma tradizzjonalment meqjusa bħala habitat prim għall-Bugħadam Abjad Prim, iżda kif il-forestrija kummerċjali nfirxet, kibret it-tfittxija għall-ikel fl-afforestazzjoni. Il-habitat ippreferut tal-Bugħadam Abjad Prim għat-tfittxija tal-ikel huma l-għadajjar, raba’ xagħri, art agrikola fl-għoljiet, żoni ta’ afforestazzjoni fejn is-siġar ma humiex ogħla minn 2 metri u stadji avvanzati ta’ pjantazzjonijiet ta’ qabel it-tond tat-tieni rotazzjoni. Il-Bugħadam Abjad Prim jevita art agrikola intensiva, pjantazzjonijiet maturi tal-foresti u afforestazzjoni li tkun tneħħiet riċentement. Għaldaqstant, foresta li ma tkunx naqset jew ġiet maqtugħa, iżda sempliċiment imħollija biex timmatura u tirriżulta f’kopertura magħluqa ( 16 ), ma tkunx tajba għat-tfittxija għall-ikel għall-Bugħadam Abjad Prim.

23.

Skont l-iskeda, il-popolazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim fiż-ŻPS ser tiddependi dejjem iktar fuq il-preżenza ta’ għadajjar mhux miżrugħa u raba’ xagħri u foresti tat-tieni rotazzjoni ta’ qabel il-qoxra. Jidher li ż-żona ta’ għadajjar u raba’ xagħri ser tibqa’ ftit jew wisq konsistenti, iżda l-firxa ta’ foresti tat-tieni rotazzjoni ta’ qabel il-qoxra ser tvarja. Konsegwentement, l-impronta fiżika taż-żona għat-tfittxija tal-ikel tal-Bugħadam Abjad Prim fi ħdan iż-ŻPS hija iktar dinamika milli statika fin-natura tagħha minħabba li tinbidel b’mod kostanti permezz tal-immaniġġjar attiv tal-foresta li jsir fil-preżent. Nuqqas fl-immaniġġjar attiv tal-foresta minnu nnifsu jwassal għat-telf tal-habitat għat-tfittxija tal-ikel.

24.

L-iskeda tidentifika erba’ impatti potenzjali fuq il-Bugħadam Abjad Prim b’riżultat tal-park eoliku. L-ewwel nett, ikun hemm telfien permanenti dirett tal-habitat, stima ta’ 9 ettari, li jirrappreżentaw ftit iktar minn 1 % taż-żona totali tas-sit. It-telf jinkludi:

Madwar ettaru ta’ għadajjar u raba’ saqwi, li fil-preżent huma habitat adegwat għat-tfittxija tal-ikel, jintilfu għal turbina waħda u l-passaġġ ta’ aċċess assoċjat magħha;

2 ettari oħra ta’ għadajjar jintilfu għaż-żoni ta’ repożitorju għall-park eoliku (fil-forma ta’ kanal għall-materjal tal-ġebel skavat mhux adattat għall-użu fil-kostruzzjoni), iżda dan ikun mistenni li, sa ċertu punt, jirkupra fi żmien medju sa twil; u

Iż-żona li jifdal ta’ madwar 6 ettari ta’ foresta tal-konifera matura li fil-preżent ma għandhiex valur għall-Bugħadam Abjad Prim, iżda tkun ta’ valur għalih jekk u meta tkun imħawla mill-ġdid.

25.

It-tieni nett, huwa maħsub li l-effett taċ-ċaqliq tal-Bugħadam Abjad Prim f’medda ta’ 250 metru ta’ turbini tar-riħ jirriżulta f’telf ta’ 162.7 ettaru ta’ habitat matul il-ħajja tal-proġett.

26.

It-tielet nett, l-attività tal-kostruzzjoni tal-park eoliku mistennija li tiskoraġġixxi t-tfittxija għall-ikel.

27.

Ir-raba’ nett, ir-riskju ta’ kolliżjoni tal-Bugħadam Abjad Prim mat-turbini huwa kkalkolat li jkun baxx abbażi ta’ studji disponibbli.

28.

L-iskeda tiddeskrivi l-miżuri proposti mill-PIIĦ biex tinbidel is-sistema ta’ tmexxija li hemm fil-preżent u tindirizza l-impatti potenzjali tal-park eoliku fuq il- Bugħadam Abjad Prim ( 17 ). L-ewwel nett, il-PIIĦ jirrestawra 3 żoni fil-preżent imħawla f’għadajjar qabel tibda l-kostruzzjoni tal-park eoliku, bl-involviment ta’ total ta’ 41.2 ettaru, li minnhom 14.2 jinstabu f’medda ta’ 250 metru minn turbina.

29.

It-tieni, matul l-eżistenza tal-proġett, il-PIIĦ jissuġġetta 137.3-il ettaru ta’ foresta tat-tieni rotazzjoni għal tmexxija “sensittiva”. Din it-tmexxija “sensittiva” tantiċipa t-tqaċċit u tibdil tal-kopertura magħluqa minn fuq tal-foresta preżenti sabiex jiġi żgurat li jkun hemm 137.3-il ettaru ta’ kopertura miftuħa minn fuq ta’ foresta li sservi bħala habitat għat-tfittxija tal-ikel, bl-għan li tipprovdi habitat għat-tfittxija tal-ikel kontinwu u kuritur ekoloġiku bejn żewġ żoni miftuħa ta’ għadajjar. Dan isir fuq bażi ta’ fażijiet li jibdew sena qabel il-kostruzzjoni.

30.

It-tielet nett, ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ġeneralment jinżamm ristrett għal matul iż-żmien barra l-istaġun tat-tgħammir.

31.

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tindika li, kif jidher mill-iskeda, proporzjon sinifikanti miż-ŻPS tinvolvi forestrija kummerċjali li tipprovdi biss habitat tajjeb għall-Bugħadam Abjad Prim waqt porzjon taċ-ċiklu tal-ħajja tas-siġar koniferi. Kieku tħallew is-siġar kollha, fl-assenza ta’ tmexxija ta’ forestrija kummerċjali, jikbru sakemm jimmaturaw, minflok ma jitqaċċtu u jinbidlu bi pjanti ġodda, il-habitat fil-parti afforestata taż-ŻPS jieqaf milli jkun ta’ benefiċċju għall-Bugħadam Abjad Prim. Għaldaqstant, l-għan essenzjali li għalih kienet ikklassifikata ż-ŻPS jitqies li kien milħuq mill-fatt li l-foresta tinsab fi fluttwazzjoni dinamika kostanti b’riżultat tal-attività ta’ forestrija kummerċjali, b’mod li partijiet li huma tajba bħala habitat fi żmien partikolari għall-Bugħadam Abjad Prim ikunu fi fluss kostanti.

32.

Abbażi ta’ dan, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-habitat li ser tintilef minħabba l-park eoliku mhux neċessarjament ser tifforma parti mill-habitat idoneju fi kwalunkwe żmien partikolari, iżda ser tkun tifforma parti mill-habitat biss li jista’ jkun idoneju b’dipendenza fuq ix-xejra tat-tmexxija tal-forestrija kummerċjali adottata. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tgħid li jista’ jkun argumentat li t-telf permanenti ta’ żona sinifikanti ta’ habitat potenzjali tul iż-żmien tal-proġett ifisser li l-integrità essenzjali tas-sit ikklassifikat bħala ŻPS hija kompromessa anki jekk it-tmexxija kollha tas-sit issir b’tali mod li jkun iddisinjat li jżomm, jekk mhux ukoll li jtejjeb, l-idoneità bħala habitat għall-Bugħadam Abjad Prim.

33.

Abbażi ta’ dan, il-qorti tar-rinviju qalet li hija sodisfatta bil-fatti li l-PIIĦ ser, tal-inqas, iżomm u wisq probabbli jsaħħaħ l-ammont ta’ habitat idoneju li jkun disponibbli. Madankollu, ma tikkunsidrax li huwa ċar, bħala interpretazzjoni xierqa tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats, minħabba n-natura dinamika tas-sit, jekk huwiex permissibbli skont il-liġi tal-UE li l-PIIĦ jiġi kkaratterizzat bħala mitigatorju skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif argumentat mill-Bord, pjuttost milli kumpensatorju, hekk kif argumentaw ir-rikorrenti, fejn tal-ewwel tinsab riflessa fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats u tal-aħħar fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva.

34.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supreme Court of Ireland irreferiet dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Meta

(a)

l-għan essenzjali ta’ sit protett ikun li joffri habitat għal speċi partikolari

(b)

in-natura tal-habitat li hija ta’ benefiċċju għall-imsemmija speċi tkun timplika li l-parti tas-sit li hija ta’ benefiċċju se tevolvi neċessarjament maż-żmien, u

(c)

fil-kuntest ta’ proġett maħsub, ikun previst li għandu jiġi implementat pjan ta’ ġestjoni għas-sit fit-totalità tiegħu (li jinkludi tibdiliet fil-ġestjoni tal-partijiet tas-sit li ma jkunux direttament affettwati mill-proġett innifsu) sabiex jiġi żgurat li, fi kwalunkwe ħin, id-daqs tas-sit li huwa xieraq sabiex joffri habitat kif imsemmi iktar ’il fuq ma jkunx imnaqqas, iżda jista’ jiġi mkabbar; iżda li

(d)

waqt il-proġett ta’ żvilupp, parti mis-sit ma hijiex se tkun ta’ natura li toffri habitat xieraq,

miżuri bħal dawk deskritti taħt (c) jistgħu jitqiesu ġustament bħala miżuri ta’ mitigazzjoni?”

35.

Ir-rikorrenti, l-iżviluppaturi, il-Bord, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn kollha pparteċipaw fis-seduta li saret fl-1 ta’ Frar 2018.

IV. L-osservazzjonijiet tal-partijiet

36.

Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jsostnu li l-miżuri proposti fil-PIIĦ huma insuffiċjenti biex jammontaw għal miżuri protettivi (mitigatorji) ( 18 ) skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats minħabba li dawn ma jevitawx jew ma jnaqqsux l-effetti ħżiena fuq l-integrità taż-ŻPS li jirriżultaw mill-iżvilupp tal-park eoliku. L-argument isir b’riferenza għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każijiet, inter alia, Sweetman ( 19 ), Briels ( 20 ), Orleans ( 21 ) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (“Impjant ta’ Moorburg”). ( 22 ) Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jenfasizzaw b’mod partikolari li n-natura dinamika tal-habitat u kif jitmexxa ma humiex deċiżivi minħabba li hemm partijiet tal-habitat (iż-żona tal-għadajjar u tar-raba’ xagħri) li ma huma dinamiċi xejn, u li l-PIIĦ għandu jitqies mingħajr restrizzjoni billi jittieħed kont tal-attivitajiet kollha tal-Bugħadam Abjad Prim fiż-żona protetta kollha.

37.

Ir-rappreżentant tar-rikorrenti enfasizza waqt is-smigħ, fost affarijiet oħra, li l-PIIĦ għandu jiġi kkunsidrat bħala ż-żoni kollha li għandhom il-potenzjal li jipprovdu habitat idoneju u mhux biss bħala żona magħmula minn “biċċiet individwali” li jikkostitwixxu f’habitat għall-Bugħadam Abjad Prim fi żmien partikolari kwalunkwe. Għaldaqstant, mhux possibbli li jinbnew u jitħaddmu t-turbini tar-riħ mingħajr ma titnaqqas iż-żona li għandha potenzjal li tipprovdi habitat idoneju għall-Bugħadam Abjad Prim tul il-ħajja tal-proġett u għalhekk ser ikun hemm telf sinifikanti ta’ habitat idoneju għall-Bugħadam Abjad Prim li jikkostitwixxi effett ħażin dirett fuq l-integrità taż-ŻPS li ma huwiex evitat jew imnaqqas bil-miżuri proposti fil-PIIĦ.

38.

Barra minn hekk, waqt is-smigħ, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni sostna li approċċ abbażi ta’ “ebda tnaqqis net” fil-habitat eżistenti u għaldaqstant in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taż-żoni li għandhom il-potenzjal għal habitat għat-tfittxija tal-ikel jirriżulta fl-għoti ta’ inqas protezzjoni għal speċi kklassifikata milli għal tipi ta’ habitat ikklassifikati li ma humiex appoġġjati mid-Direttiva dwar il-habitat.

39.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li ż-żewġ obbligi ewlenin imposti mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-miżuri proposti fil-PIIĦ ma twettqux. L-ewwel nett, ma hemm l-ebda miżura fil-PIIĦ li timmitiga l-impatt negattiv li jirriżulta mit-telf permanenti dirett ta’ ettaru ta’ għadira maqtugħ u raba’ saqwi mxarrab u t-telf temporanju dirett ta’ 2 ettari addizzjonali ta’ għadira maqtugħ; il-miżura fil-PIIĦ biex jiġu rrestawrati żoni ta’ għadajjar u raba’ xagħri mxarrab jistgħu jikkumpensaw għal dak it-telf f’partijiet oħra taż-ŻPS iżda ma jnaqqsuhx jew ma jevitawhx. Bl-istess mod, fir-rigward ta’ telf permanenti dirett ta’ 6 ettari ta’ foresta matura u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ 162.7-il ettaru ta’ habitat għat-tfittxija tal-ikel minħabba l-effet taċ-ċaqliq tat-turbini, il-miżura fil-PIIĦ li tikkonċerna tmexxija “sensittiva” ta’ żoni ta’ foresti oħra ma jindirizzawx dan it-telf ta’ habitat idoneju għat-tfittxija tal-ikel potenzjali, iżda minflok tara li tikkumpensa għal dawn l-effetti. It-tieni nett, il-miżuri fil-PIIĦ ma setgħux ikunu previsti biċ-ċertezza meħtieġa fil-ħin li l-awtoritajiet awtorizzaw il-proġett skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Bord u l-iżviluppaturi ssottomettew li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ġie osservat. Dan minħabba li l-miżuri proposti fil-PIIĦ huma biżżejjed biex jammontaw għal miżuri protettivi (mitigatorji) li jevitaw jew inaqqsu l-effetti negattivi fuq l-integrità taż-ŻPS. Dawn isostnu li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fi Sweetman, Briels, Orleans u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (“Impjant ta’ Moorburg”) huma differenti mill-każ preżenti u jtennu li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-protezzjoni ta’ speċi, mhux it-tip ta’ habitat, u għaldaqstant l-għan tal-konservazzjoni u l-karatteristiċi kostituttivi taż-ŻPS fir-relazzjoni mal-ispeċi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Dawn jilmentaw ukoll dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri proposti fil-PIIĦ huma nieqsa mir-rekwiżiti ta’ ċertezza fil-ħin li l-Bord awtorizza dawn il-miżuri.

41.

Partikolarment, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontendi li t-test għal effetti negattivi fuq l-integrità tas-sit skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats huwa differenti meta jkun jirrigwarda habitat għal speċi (għasfur) meta mqabbel ma’ tip ta’ habitat naturali minħabba li jinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet taż-ŻPS għall-ispeċi. F’dan ir-rigward, dan isostni li għandha ssir distinzjoni wkoll bejn habitat potenzjalment idoneju u habitat li verament jintuża, bir-riżultat li t-telf ta’ parti mill-habitat li ma jintużax ma jikkostitwixxix fih innifsu effett negattiv li jitqies bħala sinifikanti fid-dawl tan-natura dinamika tas-sit, tal-karatteristiċi mobbli tal-Bugħadam Abjad Prim u li ż-żona li verament tintuża mill-Bugħadam Abjad Prim bħala habitat mhux ser titnaqqas.

42.

Il-Bord argumenta, inter alia, li kien mitlub jikkunsidra jekk l-iżvilupp propost kienx ser jaffettwa ħażin il-karattru essenzjali fit-tul taż-ŻPS, prinċipalment jekk kienx ser inaqqas il-protezzjoni mwassla permezz taż-ŻPS għall-Bugħadam Abjad Prim u partikolarment l-idonjetà tagħha bħala habitat għat-tfittxija tal-ikel. F’dan il-kuntest, it-telf ta’ habitat idoneju u mhux idoneju fuq parti waħda tas-sit ma tfissirx li neċessarjament tikkostitwixxi effett negattiv minħabba li l-habitat huwa dejjem fi stat ta’ fluss dinamiku. Konsegwentement, it-telf ta’ parti mill-habitat f’parti miż-ŻPS irid jitqies fil-kuntest tal-iżvilupp propost fl-intier tiegħu li jinkludi l-immaniġġjar attiv tal-habitat mitigatorju propost bħala parti mill-PIIĦ.

43.

Fil-fehma tal-Bord, u kuntrarjament għall-każ imressaq mir-rikorrenti, it-tmexxija attiva ma tikkumpensax wara li jseħħu effetti negattivi. Iżda, tmexxija attiva tiżgura li bis-saħħa tat-tmexxija kummerċjali tal-forestrija matul il-ħajja tal-permess, l-ammont ta’ habitat idoneju għall-Bugħadam Abjad Prim jinżamm, jew anki jittejjeb. Għaldaqstant, il-miżuri proposti fil-PIIĦ, li l-Bord jenfasizza li huma parti integrali mill-iżvilupp propost, għandhom l-għan li jevitaw kwalunkwe effett negattiv għall-Bugħadam Abjad Prim mill-park eoliku billi jiżgura li ma jkunx hemm telf nett u fil-fatt jipprovdi għal żieda netta ta’ habitat għat-tfittxija tal-ikel għall-Bugħadam Abjad Prim. B’mod partikolari, waqt is-smigħ, ir-rappreżentant tal-Bord enfasizza li ma hemm ebda telf permanenti f’dan il-każ minħabba li l-habitats ma għandhom ebda valur intrinsiku fihom infushom u li t-tmexxija tal-foresti tassigura habitat kontinwu, kif inhu l-każ ukoll għaż-żona ta’ għadira u raba’ xagħri, u li “ebda telf nett” ma kien instab mill-Bord fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

44.

L-iżviluppaturi jsostnu, fost affarijiet oħra, li t-telf, li jirriżulta mit-telf permanenti dirett ta’ 9 ettari ta’ habitat u min-nuqqas ta’ 162.7-il ettaru ta’ habitat għat-tfittxija tal-ikel b’riżultat tal-effet taċ-ċaqliq, għandu jittieħed f’kuntest. Ma jfissirx li mhux ser ikun hemm żona idoneja ta’ habitat għat-tfittxija tal-ikel u biex il-Bugħadam Abjad Prim ikun jista’ jbejjet f’partijiet oħra taż-ŻPS, u l-miżuri proposti fil-PIIĦ jassiguraw li dejjem ikun hemm żona disponibbli għat-tfittxija tal-ikel u biex il-Bugħadam Abjad Prim ikun jista’ jbejjet li tkun tal-inqas l-istess daqs taż-żona eżistenti. Ir-rappreżentant tal-iżviluppatur enfasizza wkoll waqt is-smigħ li l-miżuri proposti fil-PIIĦ huma “’l bogħod ħafna” milli jonqsu fiċ-ċertezza fil-kuntest tat-tifsira ta’ dan kif rifless fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni tal-inċertezza hija kwistjoni ta’ fatt li ma hijiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżaminaha.

V. Analiżi

45.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk f’ċirkustanzi li jinvolvu sit ikklassifikat għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ speċi, li parti minnu tinbidel maż-żmien b’intervent uman biex jilqa’ għall-ħtiġijiet tal-ispeċi, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandux jiġi interpretat fis-sens li proġett li jeskludi, tul il-ħajja ta’ dak il-proġett, parti miż-żona protetta milli tkun habitat idoneju għal speċi li fil-preżent is-sit huwa kklassifikat għaliha, iżda li huwa akkumpanjat minn pjan li huwa maħsub biex jiżgura li t-total tal-habitat idoneju għall-ispeċi ma jitnaqqasx u jista’ wkoll jiżdied, jaffettwax negattivament l-integrità tas-sit.

46.

Għalhekk, essenzjalment, il-mistoqsija tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna fis-sustanza l-analiżi tal-miżuri proposti fil-PIIĦ li jikkonċernaw it-telf tal-habitat tal-Bugħadam Abjad Prim li jirriżulta minn telf permanenti ta’ 9 ettari ta’ habitat u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ 162.7-il ettaru ta’ habitat minħabba l-effett taċ-ċaqliq tat-turbini ( 23 ).

47.

Nifhem li t-totalità ta’ sit li huwa kklassifikat bħala ŻPS għall-benefiċċju ta’ speċi għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk awtorità nazzjonali kompetenti tkunx laħqet mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li dik id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod li jeskludi żoni li jkunu għadhom ma ġewx inklużi biex jipprovdu habitat (żoni potenzjali) meta jkun evalwat jekk dak li huwa propost bħala mezz ta’ mitigazzjoni tal-effetti ħżiena tal-iżvilupp propost huwiex biżżejjed. Dan ifisser, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li dak li qed jiġi propost fil-PIIĦ ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ miżuri protettivi (mitigatorji) suffiċjenti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

48.

L-analiżi tiegħi hija maqsuma fi tliet partijiet. Fl-ewwel lok, ser nagħmel osservazzjonijiet preliminari fuq ċerti obbligi imposti fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li huma rilevanti għal dan il-każ. Fit-tieni lok, ser niddiskuti deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-portata tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Fit-tielet lok, ser neżamina l-applikazzjoni tagħhom għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

A.   Osservazzjonijiet preliminari

49.

F’dak li jirrigwarda ż-żoni kklassifikati bħala ŻPS, l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdi li l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel frażi tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar huma ssostitwiti mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-habitats, sa mid-data tal-implementazzjoni tagħha jew mid-data tal-klassifikazzjoni skont id-Direttiva dwar l-għasafar, fejn din l-aħħar data tkun iktar tard ( 24 ). Dan ifisser li pjanijiet jew proġetti li jaffettwaw siti kklassifikati bħala ŻPS skont id-Direttiva dwar l-għasafar, kif inhu l-każ tal-park eoliku f’din il-kawża, huma suġġetti għar-rekwiżiti, inter alia, tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

50.

Fil-qosor, l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats jgħid kif ġej. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats għandu l-għan li jassigura li jittieħdu passi pożittivi fuq bażi regolari biex l-istatus tal-konservazzjoni tas-sit inkwistjoni jkun mantenut u/jew irrestawrat, filwaqt li Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din id-direttiva jservu għan differenti, dak li jilqa’ għal ħsara li tkun qed issir lis-sit, jew f’każi eċċezzjonali fejn il-ħsara jkollha tkun ittollerata, biex titnaqqas il-ħsara. L-Artikolu 6(2) jimponi obbligu primarju fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jevitaw deterjorazzjoni jew disturb. L-Artikolu 6(3) u (4) japplikaw fejn hemm pjan jew proġett li ma huwiex neċessarjament jew direttament konness mat-tmexxija tas-sit. ( 25 )

51.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats għandhom ikunu interpretati bħala totalità koerenti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni mfittxija minn din id-direttiva. Għaldaqstant, l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats huma maħsuba biex jiżguraw l-istess livell ta’ protezzjoni ta’ habitats naturali u habitats ta’ speċi, filwaqt li l-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi dispożizzjoni li tidderoga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3), ( 26 ) u b’hekk iħalli lill-awtorità nazzjonali kompetenti tawtorizza pjan jew proġett minkejja li tkun saret evalwazzjoni negattiva skont l-Artikolu 6(3) taħt ċertu ċirkustanzi.

52.

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, jistabbilixxi proċedura ta’ evalwazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, intiża sabiex, permezz ta’ kontroll minn qabel, tiżgura li pjan jew proġett li ma jkunx direttament marbut jew neċessarju għat-tmexxija tas-sit ikkonċernat, iżda li jkun jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinifikanti, ikun awtorizzat biss jekk dan ma jkunx ser jaffettwa ħażin lill-integrità ta’ dan is-sit. Din id-dispożizzjoni għaldaqstant titlob żewġ stadji. L-ewwel stadju, li huwa kkontemplat fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3), jeżiġi li l-awtorità nazzjonali kompetenti twettaq evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet għas-sit protett ta’ pjan jew proġett fejn hemm il-possibbiltà li l-pjan jew il-proġett ikollu effett sinifikanti fuq dak is-sit. ( 27 )

53.

Rilevanti għal dan il-każ, it-tieni stadju, li huwa stabbilit mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats u li jseħħ wara l-evalwazzjoni xieraq imsemmi iktar ’il fuq, iħalli li pjan jew proġett jiġu awtorizzati mill-awtorità nazzjonali kompetenti biss bil-kundizzjoni li ma jkunx ser ikollu effett negattiv fuq l-integrità tas-sit ikkonċernat, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4) ta’ dik id-direttiva (ara l-punti 57 u 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ( 28 ).

54.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw pjan jew proġett biss jekk ikunu żguraw li mhux ser ikollu effett negattiv fuq l-integrità tas-sit protett, kif ikun il-każ meta ma jkun hemm l-ebda dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika fir-rigward ta’ assenza ta’ tali effetti ( 29 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li, huwa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza t-twettiq tal-proġett li ma għandu jkun baqa’ l-ebda dubju raġonevoli mill-perspettiva xjentifika fir-rigward tal-assenza ta’ effetti negattivi għall-integrità tas-sit inkwistjoni ( 30 ).

55.

Min-naħa l-oħra, hija ġurisprudenza stabbilita li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jirrifjutaw li jawtorizzaw pjan jew proġett fejn tibqa’ inċertezza dwar in-nuqqas ta’ effetti negattivi fuq l-integrità tas-sit. Il-Qorti tal-Ġustizzja rraġunat li l-kriterju ta’ awtorizzazzjoni stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats jinkorpora l-prinċipju ta’ prekawzjoni u jippermetti li jiġi evitat, b’mod effettiv, l-effett negattiv fuq l-integrità tas-siti protetti b’riżultat tal-pjanijiet jew tal-proġetti li jkunu previsti. Kriterju ta’ awtorizzazzjoni inqas strett, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiżgura b’mod daqshekk effettiv it-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-sit stabbilit f’din id-dispożizzjoni ( 31 ).

56.

Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats teħtieġ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jevalwaw l-implikazzjonijiet tal-proġett għas-sit ikkonċernat fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit u, barra minn hekk, li jittieħdu inkunsiderazzjoni “l-miżuri ta’ protezzjoni mdaħħla fl-imsemmi proġett, intiżi li jevitaw jew inaqqsu l-effetti ħżiena possibbli kkawżati direttament fuq dan tal-aħħar, sabiex jiġi żgurat li ma jaffettwax ħażin l-integrità tal-imsemmi sit” ( 32 ). Il-miżuri msemmija essenzjalment jindikaw lil dawk li huma komunement imsejħa miżuri mitigatorji, li huwa t-terminu użat mill-qorti tar-rinviju fid-digriet għal rinviju preliminari ( 33 ).

57.

S’issa l-Qorti tal-Ġustizzja ppreferiet li ma tużax it-terminu “miżuri mitigatorji” biex tindika obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats fuq il-bażi li “l-kliem tal-Artikolu 6 tad-Direttiva ‘habitats’ ma jinkludi ebda riferiment għal kwalunkwe kunċett ta’ ‘miżura ta’ mitigazzjoni’” ( 34 ) Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-effettività tal-miżuri protettivi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats hija intiża biex tevita sitwazzjonijiet fejn awtoritajiet nazzjonali kompetenti jħallu l-hekk imsejħa miżuri “mitigatorji” – li huma fir-realtà miżuri kumpensatorji – bl-għan li jevitaw il-proċeduri speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 6(3) u jawtorizzaw proġetti li jaffettwaw ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat ( 35 ).

58.

Għaldaqstant, mill-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats kif interpretata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, isegwi, minn naħa, li hemm distinzjoni bejn il-miżuri protettivi li jiffurmaw parti minn pjan jew proġett li jevitaw jew inaqqsu kwalunkwe effett negattiv dirett fuq l-integrità tas-sit li jista’ jkun awtorizzat skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, u min-naħa l-oħra, miżuri kumpensatorji li jikkumpensaw jew li jpattu għall-effetti negattivi tal-pjan jew tal-proġett fuq l-integrità tas-sit f’qafas usa’ li jista’ jkun awtorizzat skont l-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva ( 36 ). Dan jagħti l-isfond għad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-iskop tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

B.   Deċiżjonijiet rilevanti dwar l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats

59.

Kif imsemmi iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkunsidra l-iskop tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats u partikolarment fid-deċiżjonijiet tagħha f’Sweetman, Briels, Orleans u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (“Impjant ta’ Moorburg”). Peress li dawk id-deċiżjonijiet jissemmew fl-argumenti tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ser nelenka r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’ċertu dettall.

60.

Ir-referenza għal deċiżjoni preliminari tas-Supreme Court of Ireland fi Sweetman kienet tikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ ċerti miżuri proposti bħala parti minn proġett ta’ żvilupp ta’ triq li kien jinvolvi t-telf permanenti u irreparabbli ta’ parti minn paviment bil-ġebel tal-ġir ta’ sit ikklassifikat, tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità protett mid-Direttiva dwar il-habitats. ( 37 ) Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li biex ma jkunx hemm effett negattiv fuq l-integrità ta’ sit inkwantu habitat naturali, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, is-sit għandu jinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli; dan jinvolvi “iż-żamma fit-tul tal-karatteristiċi kostituttivi tas-sit ikkonċernat, li huma marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ habitat naturali li l-preżervazzjoni tiegħu kienet tiġġustifika li dan is-sit” jitniżżel fil-lista tas-SIK, fis-sens ta’ din id-direttiva. ( 38 )

61.

Abbażi ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li s-sit kkonċernat kien ġie indikat bħala sit li jinkludi tip ta’ habitat ta’ prijorità minħabba, b’mod partikolari, il-preżenza f’dan is-sit ta’ paviment bil-ġebel tal-ġir, riżorsa naturali li ma tistax tiġi ssostitwita ladarba tinqered. ( 39 ) Għaldaqstant, l-għan ta’ konservazzjoni tas-sit jikkorrispondi għal manteniment ta’ status ta’ konservazzjoni favorevoli tal-karatteristiċi kostituttivi tas-sit, prinċipalment il-preżenza ta’ paviment bil-ġebel tal-ġir. ( 40 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li jekk wara evalwazzjoni xierqa, l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkonkludi li l-pjan jew il-proġett iwassal għall-telf dejjiemi jew irreparabbli tat-total jew ta’ parti mill-habitat ta’ prijorità li l-konservazzjoni tiegħu kienet l-għan li ġġustifika l-klassifikazzjoni tas-sit ikkonċernat, l-opinjoni għandha tkun li pjan jew proġett bħal dan ser jaffettwa negattivament l-integrità tas-sit u ma jistax jiġi awtorizzat skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. ( 41 )

62.

Il-Kawża Briels kienet tikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ ċerti miżuri li kienu inklużi fi proposta ta’ proġett ta’ twessiegħ ta’ toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi li kienu jaffettwaw lil sit li kien ikklassifikat taħt id-Direttiva dwar il-habitats biex jipproteġi l-mergħat ta’ molini, tip ta’ habitat, li l-għan tal-konservazzjoni tagħhom kien jikkonsisti fl-espansjoni taż-żona ta’ dak it-tip ta’ habitat u fit-titjib fil-kwalità tagħhom. ( 42 ) Il-miżuri inkwistjoni kellhom l-għan li jiżguraw il-ħolqien ta’ żona b’dak it-tip ta’ habitat tal-istess daqs jew ikbar x’imkien ieħor fuq l-istess sit bl-għan li jissostitwixxi jew ikabbar dawk affettwati. ( 43 )

63.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-miżuri proposti ma kellhomx l-għan li jevitaw jew inaqqsu l-effetti negattivi sinifikanti għal dak it-tip ta’ habitat, iżda pjuttost kellhom it-tendenza li jikkumpensaw wara l-fatt għal dawk l-effetti u għaldaqstant ma kinux jiggarantixxu li l-proġett ma kienx ser ikollu effett negattiv fuq l-integrità tas-sit. ( 44 ) Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “b’regola ġenerali, l-effetti pożittivi possibbli tal-iżvilupp futur ta’ habitat ġdid, intiż li jikkumpensa t-telf ta’ superfiċje u tal-kwalità ta’ dan l-istess tip ta’ habitat fuq sit protett, minkejja li ta’ żona ikbar u ta’ kwalità itjeb, huma biss diffiċilment prevedibbli u, fi kwalunkwe każ, ser ikunu viżibbli biss fi ftit snin”. ( 45 ) Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-miżuri proposti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istadju proċedurali kif imsemmi fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. ( 46 )

64.

Ta’ min jinnota li, fil-konklużjonijiet tagħha fi Briels, l-Avukat Ġenerali Sharpston ċaħdet l-argument imressaq mill-gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit li l-integrità tas-sit għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħha f’termini ta’ “telf jew benefiċċju net”, li jfisser li ma jimportax li habitat partikolari jintilef f’parti mis-sit, sakemm tal-inqas żona ekwivalenti fid-daqs (u preferibbilment ikbar) u l-kwalità tal-istess habitat ikunu kkreati x’imkien ieħor fuq is-sit. ( 47 ) Filwaqt li l-Avukat Ġenerali qablet li l-integrità tas-sit għandha tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ, din enfasizzat li f’kull każ, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats jeżiġi teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit, u anki jekk ikun previst effett pożittiv nett, xorta jkun hemm effett negattiv - possibbilment anki irreparabbli - fuq il-habitat naturali eżistenti u għaldaqstant fuq l-integrità tas-sit. ( 48 )

65.

F’Orleans, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet affaċċjata b’assessjar ta’ miżuri proposti, inklużi bħala parti minn proġett għall-iżvilupp ta’ port, li kienu jipprovdu għal ħolqien ta’ żona ta’ tip ta’ habitat naturali li kien ser jitpoġġa qabel ma jkun hemm effetti negattivi fuq it-tip ta’ habitat eżistenti, iżda li jkun itterminat wara l-evalwazzjoni tat-tifsira ta’ xi effetti negattivi fuq l-integrità tas-sit. ( 49 )

66.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet, l-ewwel nett, li l-effeti negattivi fuq is-sit Natura 2000 inkwistjoni kienu ċerti, peress li l-qorti tar-rinviju – li kienet sabet li l-miżuri proposti kienu ser jirriżultaw fl-għajbien ta’ massa ta’ 20 ettaru ta’ art b’tajn kawża ta’ marea baxxa u bassas tal-marea - kienet kapaċi tikkwantifikahom. ( 50 ) It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-benefiċċji li jirriżultaw mill-ħolqien tal-habitats il-ġodda kien diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali biex turi n-nuqqas ta’ effetti negattivi sinifikanti fuq is-sit, minkejja li r-riżultat tal-ħolqien ta’ dawk il-habitats huwa inċert, peress li ma huwiex komplut. ( 51 )

67.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u ta’ Briels kienu jixxiebħu, sa fejn kienu jinvolvu, fiż-żmien tal-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-pjan jew tal-proġett għas-sit ikkonċernat, il-premessa identika li l-benefiċċji futuri kienu ser jimmitigaw l-effetti negattivi sinifikanti fuq dak is-sit, minkejja li l-miżuri ta’ żvilupp inkwistjoni ma kinux itterminati. ( 52 ) Minn dan kien isegwi li l-effetti negattivi ta’ pjan jew ta’ proġett mhux direttament marbutin ma’ jew neċessarji għat-tmexxija ta’ żona u li jaffettwaw l-integrità tagħha ma jaqgħux taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. ( 53 )

68.

Fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (“Impjant ta’ Moorburg”), il-Kummissjoni ressqet azzjoni għal ksur kontra l-Ġermanja fuq il-bażi, inter alia, li kienet skorretta meta kklassifikat ċertu miżura bħala waħda mitigatorja skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. ( 54 ) Il-miżura kienet tikkonċerna sellum għall-ħut installat ħdejn l-impjant tal-enerġija ta’ Moorburg li kellu l-għan li jikkumpensa għall-ħut maqtul waqt l-operazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tkessiħ tal-impjant li jiġbed ammonti kbar ta’ ilma mix-xmara fil-qrib. Dik ix-xmara kienet isservi bħala rotta migratorja għall-bosta speċi ta’ ħut koperti minn numru ta’ żoni Natura 2000 li jinstabu upstream. ( 55 )

69.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sellum tal-ħut kien maħsub biex iżid l-istokkijiet tal-ħut migratorji billi jippermetti lil dawk l-ispeċi jilħqu ż-żoni tat-tgħammir tagħhom iktar malajr u għalhekk kien mistenni li jikkumpensa għall-imwiet tal-ħut qrib l-impjant ta’ Moorburg sabiex l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni Natura 2000 upstream mill-impjant ma jkunux affettwati b’mod sinifikanti. ( 56 ) Madankollu, l-evalwazzjoni tal-effetti, imwettqa mill-awtoritajiet Ġermaniżi, ma kinitx tinkludi dejta definittiva dwar l-effettività tas-sellum tal-ħut, iżda kienet sempliċement tispeċifika li din l-effettività setgħet tiġi kkonfermata biss wara diversi snin ta’ sorveljanza. ( 57 ) Isegwi li fiż-żmien meta ngħatat l-awtorizzazzjoni, is-sellum tal-ħut, minkejja li kien maħsub biex inaqqas l-effetti diretti sinifikanti fuq iż-żoni Natura 2000, ma setax jiggarantixxi lil hinn minn kull dubju raġonevoli li, flimkien ma’ miżuri oħra maħsuba biex jipprevjenu l-effetti negattivi mit-teħid tal-ilma mix-xmara, l-impjant ma jaffettwax negattivament l-integrità tas-sit skont it-tifsira tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. ( 58 )

70.

Fuq din il-bażi, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja f’ebda waħda mid-deċiżjonijiet preċedenti ma sabet li l-miżuri proposti bħala parti mill-pjan ta’ żvilupp jew il-proġett inkwistjoni kienu biżżejjed biex jammontaw għal miżuri protettivi li jevitaw jew inaqqsu l-effetti negattivi diretti kollha fuq l-integrità tas-sit ikkonċernat fuq il-bażi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

C.   Applikazzjoni għaċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-proċeduri

71.

Jiena tal-fehma li għalkemm iċ-ċirkustanzi inkwistjoni fid-deċiżjonijiet preċedenti ma humiex identiċi għal dan il-każ, ċerti prinċipji elaborati f’dawk id-deċiżjonijiet isostnu l-konstatazzjoni li l-miżuri proposti fil-PIIĦ ma humiex biżżejjed biex jammontaw għal miżuri protettivi li jevitaw jew inaqqsu l-effetti negattivi diretti fuq l-integrità taż-ŻPS inkwistjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fiċ-ċirkustanzi fejn il-PIIĦ jeskludi l-kunsiderazzjoni ta’ habitat potenzjali għall-Bugħadam Abjad Prim.

72.

Nirrikonoxxi li d-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq kienu jikkonċernaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ miżuri proposti bħala parti minn pjan jew proġett li kellhom effetti negattivi fuq l-integrità ta’ sit maħsub għal tip ta’ habitat protett taħt dik id-direttiva. Madankollu, nosserva li minn Sweetman ’il quddiem (ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet enfasi fuq il-karatteristiċi kostituttivi tas-sit bħala konnessi mal-għanijiet li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni ta’ dak is-sit fl-evalwazzjoni jekk il-miżuri proposti bħala parti minn pjan jew proġett jistgħux jitqiesu li jevitaw jew inaqqsu l-effetti negattivi diretti kollha fuq l-integrità ta’ dak is-sit.

73.

Barra minn hekk, fi Briels, Orléans u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (“Impjant ta’ Moorburg”), il-Qorti essenzjalment sostniet li miżuri li kienu jikkumpensaw għal telf ikkwantifikat x’imkien ieħor fuq is-sit ma setgħux jitqiesu bħala miżuri li mmitigaw biżżejjed l-effetti negattivi fuq l-integrità tas-sit ikkonċernat. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, minn Briels ’il quddiem, li fil-prinċipju l-benefiċċji li jirriżultaw mill-ħolqien ta’ żoni ġodda ta’ habitat li huma mmirati biex jikkumpensaw għat-telf ta’ żona u kwalità tal-istess habitat f’sit protett huma diffiċli ħafna biex jiġu previsti b’xi grad ta’ ċertezza (ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

74.

F’dan il-każ, ninnota li l-għan ta’ konservazzjoni taż-ŻPS huwa li żżomm jew tirrestawra l-kundizzjoni favorevoli ta’ konservazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim (ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Nikkunsidra wkoll li l-karatteristiċi kostituttivi taż-ŻPS huma għalhekk li jiżguraw habitat suffiċjenti għall-Bugħadam Abjad Prim konformi mal-għan ta’ konservazzjoni taż-ŻPS.

75.

Kif indikat fl-iskeda, il-park eoliku ser jirriżulta fit-telf ta’ żona meħuda mill-habitat għat-tfittxija tal-ikel tal-Bugħadam Abjad Prim fiż-ŻPS. Din hija kkwantifikata fl-iskeda bħala li tammonta għal telf dirett permanenti ta’ 9 ettari ta’ habitat u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ 162.7 ettaru ta’ habitat minħabba l-effett ta’ ċaqliq tat-turbini (ara l-punti 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Bħala tali, il-park eoliku propost se jneħħi porzjon ta’ habitat eżistenti u potenzjali għall-Bugħadam Abjad Prim. Huwa affermat li l-miżuri proposti fil-PIIĦ ser iżommu l-istess kwantità ta’ habitat fiż-ŻPS fit-totalità u b’hekk jevitaw l-effetti ħżiena fuq l-integrità taż-ŻPS.

76.

Fil-fehma tiegħi, il-miżuri proposti fil-PIIĦ jixbħu dawk il-miżuri f’Briel u Orléans minħabba li jistgħu jiżguraw biżżejjed habitat “eżistenti” għall-Bugħadam Abjad Prim, iżda ma jindirizzawx il-problema fis-sors, jiġifieri, telf ta’ artijiet meħtieġa. Konformi wkoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li l-benefiċċji mistennija mill-miżuri proposti fil-PIIĦ għandhom isiru matul iż-żmien tal-ħajja tal-proġett, nikkunsidra li l-obbligu li jiġi żgurat li l-miżuri huma ċerti lil hinn minn kull dubju raġonevoli biex jiġu evitati l-effetti negattivi diretti kollha fuq l-integrità taż-ŻPS fil-ħin tal-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti ma tkunx sodisfatta.

77.

Barra minn hekk, inqis li fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, habitat potenzjali tal-Bugħadam Abjad Prim huwa parti mill-karatteristiċi kostituttivi taż-ŻPS li jikkontribwixxi għall-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-Bugħadam Abjad Prim. Għalhekk, it-telf sinifikanti ta’ habitat potenzjali tal-Bugħadam Abjad Prim għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-miżuri proposti fil-PIIĦ humiex biżżejjed biex jiġu evitati jew jitnaqqsu l-effetti avversi tal-park eoliku fuq l-integrità taż-ŻPS. Żoni potenzjali fi ħdan iż-żona protetta taħt il-liġi tal-UE ma huma xejn iżjed minn żoni li għadhom ma ġewx immaniġġjati minħabba li l-bżonnijiet li qed jinbidlu tal-habitat tal-Bugħadam Abjad Prim għadhom ma ħtieġux, jew għadhom ma humiex lesti li jsostnu lill-Bugħadam Abjad Prim.

78.

Il-Bugħadam Abjad Prim huwa speċi ta’ għasfur li huwa elenkat fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar u għalhekk jistħoqqlu miżuri speċjali ta’ konservazzjoni għall-habitat tiegħu, skont il-Premessa 8 u l-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, sabiex tkun żgurata s-sopravivenza u riproduzzjoni tiegħu fiż-żona tad-distribuzzjoni. ( 59 ) Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, “L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprovdi sistema speċifikament intiża u msaħħa kemm għall-ispeċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva kif ukoll għall-ispeċi migratorji, li huwa approċċ iġġustifikat bil-fatt li huma, rispettivament, l-ispeċi l-iktar mhedda u l-ispeċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-UE”. ( 60 ) Barra minn hekk, l-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jipproteġu dawk l-ispeċi jeżistu minn qabel ma jkun ġie osservat xi tnaqqis fin-numru tal-għasafar jew qabel ma jkun immaterjalizza r-riskju li speċi protetta ssir estinta. ( 61 )

79.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-importanza mogħtija lill-prinċipju ta’ prekawzjoni fl-evalwazzjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats (ara l-punti 55 u 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fil-fehma tiegħi, dan japplika iktar u iktar fil-każ tal-Bugħadam Abjad Prim li ġie elenkat f’anness għal dokument ta’ gwida riċenti tal-Kummissjoni bħala speċi ta’ għasfur meqjus bħala partikolarment vulnerabbli għall-parkijiet eoliċi, li jinkludu ċ-ċaqliq tal-habitat. ( 62 )

80.

Għaldaqstant nikkonkludi li fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, miżuri proposti f’xi pjan ta’ ġestjoni bħala parti minn proġett ta’ żvilupp li huma mfassla biex jiżguraw li, f’kull ħin, l-ammont tas-sit, li l-iskop essenzjali tiegħu huwa l-provvista ta’ habitat għal speċi protetta, li huwa habitat adattat għal dik l-ispeċi ma titnaqqasx u jista’ saħansitra jissaħħaħ, iżda xi partijiet mis-sit għandhom, għall-ħajja tal-proġett ta’ żvilupp, jiġu esklużi milli jkollhom il-potenzjal li jipprovdu habitat xieraq għal dik l-ispeċi, ma jissodisfawx il-ħtieġa ta’ miżuri protettivi (mitigatorji) biżżejjed taħt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

VI. Konklużjoni

81.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi magħmula mis-Supreme Court of Ireland kif ġej:

Fejn

(a)

sit protett għandu bħala l-iskop essenzjali tiegħu l-għoti ta’ habitat għal speċi speċifika

(b)

in-natura tal-habitat li hija ta’ benefiċċju għal dik l-ispeċi tfisser li l-parti tas-sit li hija ta’ benefiċċju neċessarjament se tinbidel maż-żmien, u

(c)

bħala parti minn żvilupp propost, għandu jitfassal pjan ta’ ġestjoni għas-sit kollu kemm hu (inklużi bidliet fil-ġestjoni ta’ partijiet tas-sit mhux direttament affettwati mill-iżvilupp innifsu) li huwa maħsub biex jiżgura li, f’kull ħin, l-ammont tas-sit xieraq bħala habitat kif intqal qabel ma jitnaqqasx u tabilħaqq jista’ jitjieb; iżda

(d)

xi partijiet mis-sit, tul il-ħajja tal-proġett ta’ żvilupp, ikunu esklużi milli jkollhom il-potenzjal li jipprovdu habitat xieraq,

tali miżuri kif deskritti f’(c) ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri protettivi li jiffurmaw parti minn dak il-pjan jew proġett intiżi biex jevitaw jew inaqqsu l-effetti negattivi diretti fuq l-integrità tas-sit, sabiex jiġi żgurat li dak il-pjan jew proġett ma jaffettwax negattivament l-integrità tas-sit skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara pereżempju l-film prodott bħala parti mill-Proġett ta’ Konservazzjoni Skydancer (Skydancer Conservation Project) (2011-2015) tar-Royal Society for the Protection of Birds immirata lejn il-promozzjoni tal-konservazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim fl-Ingilterra, disponibbli fuq https://www.rspb.org.uk/our-work/conservation/conservation-and-sustainability/safeguarding-species/skydancer.

( 3 ) Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi (verżjoni kkodifikata) (ĠU 2010 L 20, p. 7).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU 1992 L 206, p. 7).

( 5 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑141/14, EU:C:2015:528, punt 1. Ara pereżempju is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Azienda Agro-Zootecnia Franchini and Eolica di Altamura, C‑2/10, EU:C:2011:502; u tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑141/14, EU:C:2016:8.

( 6 ) Ara pereżempju BirdWatchIreland, ‘The bird behind the headlines: getting to know the Hen Harrier’, eWings Ħruġ 64, Jannar 2015, disponibbli fuq: http://www.birdwatchireland.ie.

( 7 ) Pereżempju l-Bugħadam Abjad Prim huwa inkluż fl-IUCN (Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u Riżorsi Naturali) Lista Ħamra ta’ Speċi Mhedda 2016, disponibbli fuq http://www.iucnredlist.org

( 8 ) Il-Bugħadam Abjad Prim ġie elenkat fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar minn mindu ġiet adottata d-direttiva dwar l-għasafar oriġinali (Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi (ĠU 1979 L 103, p. 1) u anki qabel bil-proposta inizjali tal-Kummissjoni għal dik id-direttiva. Ara l-Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni tal-għasafar, COM (76) 676 finali, Anness I.

( 9 ) Ara wkoll il-Premessa 8 tad-Direttiva dwar l-għasafar li tipprovdi fil-parti rilevanti: “Ċerti speċi tal-għasafar għandhom ikunu suġġetti għal miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bl-għan li jassiguraw is-sopravvivenza tagħhom u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żoni tad-distribuzzjoni tagħhom.”

( 10 ) S.I. Nru 587/2011 - Komunitajiet Ewropej (Konservazzjoni ta’ Għasafar Selvaġġi (Slievefelim to Silvermines Mountains Special Protection Area 004165)) Regolamenti 2011, skeda 3, disponibbli fuq http://www.irishstatutebook.ie/eli/2011/si/588/made/en/print.

( 11 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li ż-ŻPS tinkludi erja totali ta’ 20,935-il ettaru. Ara wkoll il-Formola tad-Dejta Standard ta’ Natura 2000 għas-sit IE0004165, Slievefelim to Silvermines Mountains SPA, disponibbli fuq https://www.npws.ie/sites/default/files/protected-sites/natura2000/NF004165.pdf (iktar ’il quddiem il-“Formola tad-Dejta Standard ta’ Natura 2000”).

( 12 ) Għanijiet ta’ Konservazzjoni għal Slievefelim to Silvermines Mountains SPA [004165], iddatata 15 ta’ Awwissu 2016, disponibbli fuq https://www.npws.ie/sites/default/files/protected-sites/conservation_objectives/CO004165.pdf. Enfasi tiegħi.

( 13 ) Formola tad-Dejta Standard ta’ Natura 2000; Sinopsi tas-sit għal Slievefelim to Silvermines Mountains SPA, disponibbli fuq https://www.npws.ie/sites/default/files/protected-sites/synopsis/SY004165.pdf.

( 14 ) Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, paragrafu 105; ara wkoll ibid., paragrafi 170 sa 175. Ta’ min jinnota wkoll li l-Bugħadam Abjad Prim issemma wkoll fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ ksur preċedenti kontra l-Irlanda: ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil-Kawża Il-Kummissjoni vs L-IrlandaC‑392/96, EU:C:1998:612, punt 45; kif ukoll kontra Franza: ara Il-Kummissjoni vs Franza, C‑374/98, EU:C:2000:670, punt 16; u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Albert fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Franza, C‑374/98, EU:C:2000:86, punt 35.

( 15 ) Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, ESB Wind Development u Coillte jiddikjaraw li l-elettriku ġġenerat mill-park eoliku se jiġi fornut fin-netwerk nazzjonali tal-elettriku u se jieħu post elettriku ġġenerat mill-fjuwils fossili bħala parti mill-impenn tal-Gvern Irlandiż li jiġġieled il-bidla fil-klima u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

( 16 ) Ġeneralment, foresta b’kopertura magħluqa tkun meta l-uċuħ tas-siġar jikkoinċidu biex jiffurmaw saff prattikament kontinwu, filwaqt li b’foresti tal-kopertura miftuħa, dawn ikunu spazjati b’mod iktar wiesa’, u b’hekk iħallu żoni miftuħa. Ara pereżempju Michael Allaby editor, A Dictionary of Plant Sciences (It-Tielet edizzjoni, Oxford University Press, 2012 u 2013).

( 17 ) Skont l-iskeda, il-PIIĦ għandu tliet għanijiet prinċipali: (1) biex jirrestawraw żoni ta’ għadajjar u raba’ xagħri mxarrab (il-habitats naturali taż-żona) f’żewġ postijiet speċifikati fi ħdan is-sit; (2) biex jipprovdu żoni tal-aqwa habitat għall-Bugħadam Abjad Prim, red grouse u annimali selvaġġi oħra fi ħdan is-sit matul il-ħajja tal-proġett; u (3) biex jipprovdu kuritur li jgħaqqad iż-żoni ta’ habitat tal-għadajjar adattat għall-Bugħadam Abjad Prim.

( 18 ) Ara punti 56 u 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220 (iktar ’il quddiem “Sweetman”).

( 20 ) Sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330 (iktar ’il quddiem “Briels”).

( 21 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583 (iktar ’il quddiem “Orleans”).

( 22 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni v Il-Ġermanja (iktar ’il quddiem l-impjant ta’ Moorburg), C‑142/16, EU:C:2017:301.

( 23 ) Ninnota li d-domanda preliminari ma tirrigwardax l-impatti potenzjali tal-park eoliku stabbiliti fl-iskeda fir-rigward tal-attività ta’ kostruzzjoni u l-effett tal-kolliżjoni (ara l-punti 26, 27 u 30 ta’ din l-konklużjoni). Għalhekk, m’iniex ser nikkunsidrahom ulterjorment.

( 24 ) Ara pereżempju s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 25 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fi Sweetman, C‑258/11, EU:C:2012:743, punti 41 sa 45.

( 26 ) Ara pereżempju l-Kawża Orleans, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 27 ) Ara pereżempju l-Kawża Orleans punti 43 u 44.

( 28 ) Ara pereżempju l-Kawża Orleans punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’Sweetman, punti 45 sa 51.

( 29 ) Ara pereżempju l-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata. Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll pereżempju l-Kawża Briels, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata; u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑441/17, EU:C:2018:80, punt 154.

( 30 ) Ara pereżempju, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 31 ) Ara pereżempju s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482 (iktar ’il quddiem “Waddenzee”), punti 57 u 58.

( 32 ) Ara pereżempju Orleans, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata. Enfasi tiegħi.

( 33 ) It-terminu “miżuri mitigatorji” jintuża fil-letteratura u fit-testi tal-UE, b’mod partikolari d-dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats. Disponibbli fuq http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/guidance_en.htm.

( 34 ) Orleans, punt 57. Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 25.

( 35 ) Briels, punt 33; Orleans, punt 58.

( 36 ) Ara Briels, punt 29 u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fi Briels, C‑521/12, EU:C:2014:113, punti 29 sa 3646 sa 51. Ara wkoll, pereżempju id-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats 92/43/KEE (2007/2012), disponibbli fin-nota 33, punt 1.4. Skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, jekk minkejja evalwazzjoni negattiva tal-impatti fuq is-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi, proġett għandu jitwettaq xorta għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku superjuri, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jieħdu l-“miżuri ta’ kumpens” kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-koerenza ġenerali ta’ Natura 2000 tkun protetta u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-miżuri ta’ kumpens adottati. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(4) biss sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti hemmhekk jiġu mħarsa. Ara pereżempju Orleans, punti 60 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 37 ) Sweetman, punti 11 sa 12 u 26.

( 38 ) Sweetman, punt 39. Enfasi tiegħi. Ara wkoll, pereżempju, Briels, punt 21, u Orleans, punt 47.

( 39 ) Sweetman, punt 45

( 40 ) Sweetman, punt 45.

( 41 ) Sweetman, punti 46 sa 48.

( 42 ) Briels, punti 9 u 10.

( 43 ) Briels, punti 12, 13 u 18

( 44 ) Briels, punt 31.

( 45 ) Briels, punt 32. Ara wkoll pereżempju Orleans, punt 52.

( 46 ) Briels punt 32.

( 47 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fi Briels, punt 40.

( 48 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fi Briels, punti 41 u 42.

( 49 ) Orleans, paragrafi 11 sa16, 20, 21 u 30.

( 50 ) Orleans, paragrafi 37 u 55.

( 51 ) Orleans, paragrafu 55.

( 52 ) Orleans, paragrafu 56.

( 53 ) Orleans, punt 59.

( 54 ) Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 9 u 14.

( 55 ) Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 6 u 7.

( 56 ) Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 36.

( 57 ) Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 37.

( 58 ) Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 35 u 38.

( 59 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, ir-rapport fil-kompilazzjoni ta’ studji ta’ Każijiet iffinanzjat mill-Kummissjoni dwar il-proċedura ta’ permess skont l-Artikolu 6(3) taħt id-Direttiva dwar il-habitats (Ġunju 2013), disponibbli fuq nota 33, Każ ta’ Studju 1: L-adozzjoni ta’ approċċ sistematiku għall-iskrining u EX [Evalwazzjoni Xierqa] tal-pjanijiet u l-proġetti relatati mal-attivitajiet tal-foresti (l-Irlanda), p. 10 (filwaqt li jinnota li l-Bugħadam Abjad Prim huwa wieħed mill-ispeċijiet ewlenin misjuba f’oqsma fejn it-teħid ta’ deċiżjonijiet relatat mal-forestrija huwa importanti u “ikompli jkunu serjament f’riskju, bil-[Bugħadam Abjad Prim] li qed tonqos fiż-ŻPS”).

( 60 ) Ara pereżempju s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 61 ) Ara pereżempju s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑461/14, EU:C:2016:895, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑461/14, EU:C:2016:110, punt 72.

( 62 ) Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni, Żviluppi fl-Enerġija mir-Riħ u Natura 2000 (2011), disponibbli fin-nota 33, Anness II. Ta’ min jinnota li dan huwa f’sintonija ma’ proġett ta’ riċerka riċenti “Windharrier - Interazzjonijiet bejn il-Bugħadam Abjad Prim u turbini tar-riħ” (2012-2014) li jikkonċernaw kwistjonijiet partikolari mal-Bugħadam Abjad Prim u enerġija mir-riħ fl-Irlanda, disponibbli fuq https://www.ucc.ie/en/forestecology/research/windharrier/.