KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fis‑26 ta’ April 2018 ( 1 )
Kawża C‑129/17
Mitsubishi Shoji Kaisha,
Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe
vs
Duma Forklifts,
G.S. International
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju))
“Domanda preliminari — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark — Importazzjonijiet paralleli fiż-ŻEE — Immarkar mill-ġdid tal-prodotti qabel l-importazzjoni tagħhom fiż-ŻEE”
|
1. |
Mir-reġistrazzjoni ta’ sinjal distintiv bħala trade mark, il-proprjetarju tiegħu jgawdi, fil-konfront ta’ terzi, sensiela ta’ drittijiet li jippermettulu jopponi dan is-sinjal kontra l-kompetituri tiegħu. Fost dawn id-drittijiet hemm, preċiżament, dak li jiġi pprojbit l-użu tat-trade mark, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, fil-kummerċ. |
|
2. |
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipproteġi wkoll id-dritt tal-proprjetarju li jawtorizza, fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti koperti bit-trade mark. Ladarba jiġi eżerċitat, jirriżulta dak li jissejjaħ eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark, b’tali mod li l-proprjetarju ma jkunx jista’ jopponi iktar il-bejgħ jew it-trasferimenti sussegwenti ta’ dawn il-prodotti, ħlief f’ċerti każijiet previsti ( 2 ). |
|
3. |
Żewġ ċirkustanzi uniċi jseħħu f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari:
|
|
4. |
Fuq il-bażi ta’ dawn il-fatti, il-qorti tar-rinviju tressaq id-dubji tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-limiti tad-drittijiet mogħtija lill-proprjetarju tat-trade mark bil-liġi applikabbli fil-qasam tas-sinjali distintivi. Speċifikament, hija tistaqsi jekk it-terz li kien involut fl-imġiba deskritta hawn fuq użax trade mark irreġistrata, u għalhekk kiser id-drittijiet tal-proprjetarju tagħha. |
I. Il-kuntest ġuridiku
|
5. |
Fid-dritt tal-Unjoni, is-sistema legali għall-protezzjoni tat-trade marks hija magħmula kemm mill-miżuri ta’ armonizzazzjoni tad-drittijiet nazzjonali (b’mod partikolari, id-Direttiva 2008/95/KE ( 4 ), li l-emendi sussegwenti tagħha ma jaffettwawx dan il-każ) ( 5 ), kif ukoll mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-trade mark tal-Unjoni ( 6 ), fis-seħħ għall-operaturi li jagħżlu li jirrikorru għal dan it-titolu ta’ proprjetà industrijali ta’ portata kontinentali ( 7 ). |
A. Il-leġiżlazzjoni dwar it-trade marks
1. Id-Direttiva 2008/95
|
6. |
Fil-premessa 11 tagħha jiġi ddikjarat li: “Il-protezzjoni mogħtija lit-trade marks reġistrati, li l-funzjoni tagħhom hi partikolarment li jiggarantixxu t-trade mark bhala indikazzjoni ta’ oriġini, għandha tkun assoluta fil-każ ta’ identità bejn il-marka u s-sinjal u l-merkanzija jew is-servizzi. Il-protezzjoni għandha tapplika wkoll f’każ ta’ similarità bejn il-marka u l-merkanzija jew is-servizzi. […]” |
|
7. |
L-Artikolu 5 (“Drittijiet mogħtija minn trade mark”) jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:
[…] 3. Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt il-paragrafi 1 u 2:
|
|
8. |
L-Artikolu 7 (“Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark”) jipprovdi: “1. It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha relattivament għal merkanzija li tqiegħdet fis-suq fil-Komunità taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu. 2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn jeżistu raġunijiet leġittimi għall-proprjetarju sabiex jopponi aktar kummerċjalizzazzjoni tal-merkanzija, speċjalment fejn il-kondizzjoni tal-merkanzija tkun mibdula jew danneġġata wara li tqiegħdet fis-suq.” |
2. Ir-Regolament Nru 207/2009
|
9. |
Skont il-premessa 9: “Mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija jsegwi li l-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] m’għandux jitħalla jistabbilixxi lil terzi persuni milli jużaw tali trade mark fir-rigward ta’ merkanzija illi tkun tpoġġiet f’ċirkulazzjoni [fl-Unjoni Ewropea], taħt it-trade mark, minnu jew bil-kunsens tiegħu, ħlief fejn il-proprjetarju ikollu raġunijiet leġittimi biex jopponi li din il-merkanzija tiġi kkummerċjalizzata aktar.” |
|
10. |
L-Artikoli 9 (“Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark [tal-Unjoni Ewropea]”) u 13 (“L-eżawriment tad-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark [tal-Unjoni Ewropea]”) huma ekwivalenti għall-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2008/95, rispettivament. |
B. Il-leġiżlazzjoni doganali
|
11. |
Il-proċedura ta’ ħażna doganali applikabbli ratione temporis għal din il-kawża kienet taqa’, bħala waħda mill-proċeduri speċjali, taħt il-Kapitolu I tat-Titolu VII, (“Dispożizzjonijiet ġenerali”), Artikolu 135(b), (“Il-kamp ta’ applikazzjoni”), tar-Regolament (KE) Nru 450/2008, dwar il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( 8 ). |
|
12. |
L-Artikolu 141 (“Forom użwali ta’ maniġġar”) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprovdi: “Merkanzija mqiegħda taħt ħażna doganali jew proċedura tal-ipproċessar jew f’żona ħielsa tista’ tgħaddi minn taħt forom użwali ta’ maniġġar intenzjonati li jżommuwha fi stat tajjeb, itejbu d-dehra jew il-kwalità tagħha għas-suq jew jippreparawha għad-distribuzzjoni jew għall-bejgħ mill-ġdid.” |
|
13. |
L-Artikolu 531 tar-Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali ( 9 ) jipprovdi li “[o]ġġetti [merkanzija] mhux tal-Komunità jistgħu jgħaddu mill-forom komuni ta’ maniġġ elenkati fl-Anness 72”. Dan l-anness jispeċifika l-kunċett ta’ “forom tas-soltu għall-ispostament” u, fir-rigward ta’ dak li jikkonċerna lilna f’din il-kawża, jinkludi inter alia
|
C. Il-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni inġusta
|
14. |
Peress li l-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni inġusta ma hijiex eskluża, huwa xieraq li jissemma’ l-Artikolu 10(a) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ( 11 ), li jipprovdi kif ġej: “1) Il-pajjiżi tal-Unjoni huma obbligati li jiżguraw protezzjoni effettiva kontra kompetizzjoni inġusta liċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Unjoni. 2) Kull att ta’ kompetizzjoni li jmur kontra prattiċi onesti f’materji industrijali jew kummerċjali jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni inġusta. 3) B’mod partikolari, għandhom ikunu pprojbiti dawn li ġejjin:
|
II. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
A. Il-fatti
|
15. |
Mitsubishi Shoji Kaisha Ltd., kumpannija ddomiċiljata fil-Ġappun (iktar ’il quddiem imsejħa “Mitsubishi”), tamministra globalment il-portafoll tat-trade marks tal-grupp Mitsubishi. F’din il-kapaċità, hija taġixxi bħala l-proprjetarju tat-trade marks li ġejjin (iktar ’il quddiem imsejħin it-“trade marks Mitsubishi”):
|
|
16. |
Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe BV (iktar ’il quddiem “MCFE”), iddomiċiljata fil-Pajjiżi l-Baxxi, għandha d-dritt esklużiv li tipproduċi u tikkummerċjalizza fiż-ŻEE trakkijiet tal-forklift tat-trade mark Mitsubishi. MCFE taħdem ma’ distributuri uffiċjali li jbigħu t-trakkijiet tal-forklift fiż-ŻEE. Barra minn dan it-territorju, it-trakkijiet tal-forklift Mitsubishi huma mmanifatturati essenzjalment minn Mitsubishi Heavy Industries Ltd., li hija wkoll kumpannija tal-grupp Mitsubishi, imma indipendenti mill-kumpannija ta’ ġestjoni tat-trade marks. |
|
17. |
L-attività prinċipali ta’ Duma Forklifts NV (iktar ’il quddiem “Duma”), kumpannija ddomiċiljata fil-Belġju, hija x-xiri u l-bejgħ globali ta’ trakkijiet tal-forklift, ġodda u użati, tat-trade marks, inter alia, Mitsubishi, Caterpillar, Nissan u Toyota. Hija timmanifattura wkoll it-trakkijiet tal-forklift tagħha stess, bl-ismijiet “GSI”, “GS” jew “Duma”, u taħdem bħala bejjiegħ bl-ingrossa ta’ trakkijiet tal-forklift, skavaturi, minitratturi u “stackers”, li tbigħ kemm ġewwa ż-ŻEE kif ukoll barra. Sa nofs id-disgħinijiet hija kienet tappartjeni għan-netwerk ta’ distributuri uffiċjali ta’ trakkijiet tal-forklift Mitsubishi fil-Belġju. |
|
18. |
G.S. International BVBA (iktar ’il quddiem “GSI”), iddomiċiljata fil-Belġju wkoll, hija marbuta ma’ Duma, li magħha tikkondividi l-istess amministratur u s-sede. GSI tibni u ssewwi trakkijiet ta’ forklift li, flimkien mal-ispare parts tagħhom, timporta u tesporta bl-ingrossa fis-suq dinji. Hija ddedikata, wkoll, sabiex tadatta t-trakkijiet għar-regolamenti Ewropej fis-seħħ, u tipprovdihom bin-numru tas-serje rispettiv. Wara sensiela ta’ manipulazzjonijiet, GSI tagħti l-inġenji lil Duma bid-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE rilevanti, li toħroġ hija stess. |
|
19. |
Skont id-digriet tar-rinviju, bejn l‑1 ta’ Jannar 2004 u t‑12 ta’ Novembru 2009, Duma u GSI wettqu kummerċ parallel illegali, jiġifieri, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade marks Mitsubishi, ta’ trakkijiet koperti minn dawn it-trade marks. Din l-imġiba, madankollu, ma hijiex is-suġġett tad-domandi preliminari. |
|
20. |
Mill‑20 ta’ Novembru 2009, għall-kuntarju, Duma u GSI xtraw l-istess tip ta’ trakkijiet minn impriża tal-grupp Mitsubishi u poġġewhom taħt proċeduri ta’ ħażna doganali. Matul iż-żmien li baqgħu fil-proċedura msemmija, iż-żewġ kumpanniji:
|
B. Il-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali
|
21. |
Fl‑10 ta’ Novembru 2008, Mitsubishi u MCFE ppreżentaw rikors quddiem ir-Rechtbank van koophandel te Brussel (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell, il-Belġju) fejn talbu l-waqfien tal-importazzjoni parallela u t-tneħħija tas-sinjali u l-immarkar mill-ġdid, li attribwixxew għal Duma u GSI. Permezz tas-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2010, il-qorti msemmija ċaħdet ir-rikors għaliex infondat. |
|
22. |
Mitsubishi u MCFE appellaw is-sentenza tal-ewwel istanza. Huma jitolbu, fil-qosor, lill-Hof van beroep Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) sabiex tannulla u tipprojbixxi l-kummerċ parallel ta’ trakkijiet tal-forklift mgħammra bit-trade marks Mitsubishi, kif ukoll dak ta’ dawn l-istess vetturi li s-sinjali tagħhom tneħħew. |
|
23. |
L-appellanti jargumentaw li l-prattika tat-tneħħija tas-sinjali u l-immarkar mill-ġdid b’sinjal differenti tat-trakkijiet u l-importazzjoni sussegwenti tagħhom fiż-ŻEE tikser id-drittijiet tat-trade mark tagħhom. Barra milli tinjora l-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott, l-imġiba kkontestata tikser id-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark li jikkontrolla tal-ewwel tqegħid fis-suq, fiż-ŻEE, tal-prodotti mgħammra bit-trade marks tiegħu. Il-ħażna doganali ma għandux issir żona ħielsa mid-drittijiet kollha u, wara li jitneħħew is-sinjali u jsir l-immarkar mill-ġdid, il-konsumatur ikompli jagħraf t-trakkijiet ta’ Mitsubishi. |
|
24. |
Duma u GSI jinnegaw li d-drittijiet ta’ Mitsubishi jiġu miksura. It-trade marks imneħħija matul il-ħażna doganali kienu Ażjatiċi, mhux Ewropej. Barra minn hekk, wara li jkunu adattaw it-trakkijiet skont l-istandards fis-seħħ fl-Unjoni, huma jiġu kkunsidrati bħala manifatturi ta’ dawn il-vetturi u, għalhekk, bid-dritt li jqiegħdu t-trade marks tagħhom stess fuqhom. |
|
25. |
Fl-istess digriet li jinkludi d-domanda preliminari, il-qorti tal-appell diġà (parzjalment) aċċettat ir-rikorsi ta’ Mitsubishi u ta’ MCFE fir-rigward tal-fatti li seħħew qabel l-20 ta’ Novembru 2009. Madankollu, hija għandha dubji dwar l-applikabbiltà tal-azzjonijiet tat-trade marks għall-imġiba sussegwenti għal dan il-jum, jiġifieri, dawk li kienu jinvolvu t-tneħħija tat-trade marks Mitsubishi, is-sostituzzjoni tagħhom bi trade marks oħra ta’ Duma u GSI u l-eliminazzjoni tal-pjanċa ta’ identifikazzjoni u tan-numru tas-serje tal-vetturi. Hija temmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-prattika tat-tneħħija tas-sinjali, kif imwettaq minn Duma u GSI. |
|
26. |
F’din is-sitwazzjoni, il-Hof van Beroep Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjonijiet tal-partijiet
A. Il-proċedura
|
27. |
Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Marzu 2017, u osservazzjonijiet bil-miktub ġew iddepożitati minn Mitsubishi, Duma, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni. |
|
28. |
Saret seduta fit‑8 ta’ Frar 2018, li attendew għaliha r-rappreżentanti ta’ Mitsubishi, ta’ Duma u tal-Kummissjoni. |
B. Is-sintesi tal-argumenti tal-partijiet
|
29. |
Mitsubishi ( 12 ) targumenta li l-unika raġuni għaliex Duma u GSI ssottomettew it-trakkijiet tal-forklift li nxtraw barra ż-ŻEE għall-manipulazzjonijiet deskritti hija sabiex jevitaw ir-regoli dwar l-eżawriment tad-dritt tat-trade marks. Hija tissuġġerixxi li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95 u l-kontraparti tiegħu fir-Regolament Nru 207/2009 (l-Artikolu 9) jiġu interpretati fis-sens li jagħtu lill-proprjetarju ta’ trade mark id-dritt li joġġezzjona għall-eliminazzjoni, minn terz u mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, tas-sinjali mqiegħda fuq il-prodotti, meta tkun merkanzija li għadha ma ġietx ikkummerċjalizzata fiż-ŻEE, bħal dik li tinstab f’ħażna doganali. |
|
30. |
Hija tenfasizza wkoll li l-enumerazzjoni tal-użi tat-trade mark li l-proprjetarju jista’ jipprojbixxi lil terzi, li tinsab fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/95 u fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ma hijiex eżawrjenti ( 13 ). Fil-fehma tagħha, id-dritt tal-proprjetarju li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq jikkostitwixxi l-għan speċifiku tad-dritt tat-trade marks ( 14 ). Għalkemm l-introduzzjoni ta’ prodotti taħt il-proċedura sospensiva ta’ ħażna doganali ma hijiex meqjusa bħala użu tat-trade mark, din ma timplikax awtorizzazzjoni sabiex dawn jiġu suġġetti għal manipulazzjonijiet li l-uniku għan tagħhom huwa li jiġi evitat id-dritt tal-proprjetarju li jissorvelja t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tagħhom fis-suq. |
|
31. |
Barra minn hekk, dawn l-operazzjonijiet jiksru l-funzjonijiet tat-trade mark, kemm dik li tkun garanzija tal-oriġini tal-prodott u tal-kwalità tiegħu ( 15 ), kif ukoll dawk relatati mal-investiment ( 16 ) u r-reklamar ( 17 ). Hija temmen li l-immarkar il-ġdid b’sinjal tal-importatur u li l-konsumatur jirrikonoxxi li Mitsubishi timmanifattura t-trakkijiet ma humiex rilevanti. Dan il-fatt imsemmi l-aħħar ifisser, ukoll, li l-konsumatur jingħata l-impressjoni li hemm rabta kummerċjali mal-proprjetarju tat-trade mark oriġinali, u għalhekk Duma u GSI jieħdu vantaġġ mit-trade marks tal-manifattur, u għalhekk jaffettwaw ir-reputazzjoni tiegħu ( 18 ). |
|
32. |
Duma, madankollu, temmen li għandha tingħata risposta negattiva għad-domandi preliminari. Hija tibbaża r-raġunament tagħha fuq il-fatt li ma ġiex użat sinjal identiku jew analogu għal kwalunkwe trade mark Ewropea ta’ Mitsubishi, peress li l-apparati huma importati biss fl-Unjoni wara li dawn it-trade marks jitneħħew ( 19 ). Hija tqis li tapplika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-proprjetarju ta’ trade mark ma jistax jopponi s-sempliċi dħul fl-Unjoni, taħt il-proċedura tal-ħażna doganali, ta’ prodotti oriġinali tat-trade mark li qabel ma kinux ikkummerċjalizzati fiż-ŻEE ( 20 ). |
|
33. |
Hija tfakkar li, skont din il-ġurisprudenza, il-proprjetarju tad-dritt jista’ jopponi biss ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-prodotti li jinkorporaw it-trade mark, jew jekk ikun ippruvat li l-merkanzija kellha tinbiegħ jew tiġi offruta fiż-ŻEE, li neċessarjament jinvolvi li din tiġi kkummerċjalizzata f’dan it-territorju ( 21 ). Madankollu, hija tinsisti li tali setgħa tal-proprjetarju tkopri biss il-każijiet fejn il-prodotti jiġu introdotti fis-suq bit-trade mark ( 22 ). Għalhekk, fin-nuqqas tal-użu ta’ sinjal identiku jew anologu għat-trade marks ta’ Mitsubishi, Duma tiċħad kwalunkwe rilevanza tal-perċezzjoni tal-konsumatur medju. |
|
34. |
Il-Gvern Ġermaniż ukoll huwa favur l-għoti ta’ risposta negattiva għad-domandi preliminari. Mill-kliem tal-Artikoli 5 tad-Direttiva 2008/95 u 9 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark jippreżupponi l-“użu” ta’ din it-trade mark, terminu li jingħata l-istess interpretazzjoni fiż-żewġ dispożizzjonijiet ( 23 ). Approċċ sistematiku jwassal għall-istess riżultat, peress li l-eżempji li ż-żewġ dispożizzonijiet jipprevedu bħala użi suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark jimplikaw li s-sinjal għandu jidher, bħala tali, fl-eżerċizzju tal-kummerċ, li ma jseħħx jekk it-trade mark titneħħa kompletament mill-prodott. Madankollu, hija ma teskludix li l-proprjetarju tat-trade mark, sabiex jopponi l-importazzjoni tal-oġġetti mmarkati mill-ġdid, jinvoka l-istandards li jirregolaw il-kompetizzjoni inġusta. |
|
35. |
Għall-Gvern Ġermaniż, it-tneħħija kompluta tas-sinjali ma taffettwa ebda funzjoni tat-trade mark ( 24 ). Wisq inqas ma huwa rilevanti, f’din il-kawża, li wieħed jitkellem dwar il-ksur tad-dritt li jikkontrolla tal-ewwel tqegħid fis-suq tal-merkanzija fiż-ŻEE, minħabba li d-dritt tat-trade marks ma jipproteġix lill-proprjetarju tat-trade mark kontra t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tiegħu, irrispettivament mit-trade mark tiegħu ( 25 ). F’dan il-kuntest, huwa jeskludi li s-sentenza Portakabin ( 26 ) topponi dawn l-evalwazzjonijiet, peress li dik il-kawża ma kinitx tinvolvi t-tneħħija kompluta tat-trade mark, iżda kienet tikkonċerna l-użu tagħha minn terz fir-reklamar. |
|
36. |
Il-Kummissjoni temmen li għandha tingħata risposta affermattiva għad-domandi preliminari. Hija tipprovdi li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikonoxxix l-eżawriment internazzjonali, u għalhekk, f’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ bejgħ fiż-ŻEE, il-proprjetarju jista’ jopponi t-tqegħid fis-suq ta’ merkanzija bit-trade mark tiegħu f’dan it-territorju ( 27 ). Hija temmen li, għalkemm it-tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura bħal dik tal-ħażna doganali minn terz ma jimplikax ksur tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark ( 28 ), dan ma jkunx il-każ meta ċerti operazzjonijiet kummerċjali jitwettqu fl-Unjoni, bħall-offerta jew ir-reklamar, jew meta jkun hemm raġunijiet sabiex wieħed jevita d-devjazzjoni tal-prodotti lejn iż-ŻEE ( 29 ). |
|
37. |
Skont il-Kummissjoni, Duma u GSI użaw il-proċedura tal-ħażna doganali sabiex jintroduċu t-trakkijiet tal-forklift fit-territorju taż-ŻEE bil-għan li jifformalizzaw l-importazzjoni tagħhom, f’liema każ ikun irrilevanti jekk it-tneħħija tas-sinjali mill-merkanzija setgħetx tiġi kklassifikata bħala illegali mill-perspettiva ta’ kompetizzjoni inġusta. |
IV. L-analiżi
A. L-approċċ u osservazzjonijiet preliminari
|
38. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009 jawtorizzawx lil Mitsubishi topponi t-tneħħija tat-trade marks tagħha għat-trakkijiet tal-forklift, kif għamlu Duma u GSI. |
|
39. |
Peress li la n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark u lanqas l-użu fl-eżerċizzju tal-kummerċ ma huma diskussi (jiġifieri, tnejn mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ artikoli), il-kwistjoni essenzjalment hija ffukata fuq jekk kienx hemm użu tat-trade marks ikkontestati. Ser nipprova nispjega għaliex ma naħsibx li kien hemm dan l-użu (Taqsima B). |
|
40. |
Il-fatt li Duma u GSI poġġew, wara t-tneħħija tas-sinjali, is-sinjali tagħhom fuq it-trakkijiet tal-forklift, meta kienu taħt il-proċedura tal-ħażna doganali, huwa biss skema bl-iskop ta’ ingann legali sabiex jiġi evitat id-dritt tal-proprjetarju tat-trade marks li jipprojbixxi l-importazzjoni parallela tal-prodotti, dritt li huwa għandu abbażi tan-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-eżawriment internazzjonali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Din hija t-teorija ta’ Mitsubishi, li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju. Sussegwentement, għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk kienx hemm evażjoni legali jew frodi, għad-detriment tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark (Taqsima C). |
|
41. |
Finalment, xieraq li jsir riferiment fil-qosor għar-regoli dwar il-kompetizzjoni inġusta, li jistgħu jipprovdu reazzjoni għal imġiba bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża (Taqsima D). |
|
42. |
Qabel ma nibda l-analiżi tiegħi, għandi nagħmel żewġ osservazzjonijiet. L-ewwel waħda hija li sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema jeħtieġ li d-dibattitu jindirizza l-użu (jew nuqqas ta’ użu) tas-sinjal, jiġifieri, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/95 u tar-Regolament Nru 207/2009 li jirregolaw is-setgħat tal-proprjetarju tat-trade mark. Fl-opinjoni tiegħi, huma dawn id-dispożizzjonijiet, u mhux dawk doganali, li joffru r-risposta għad-domanda ewlenija tar-rinviju, li tittratta, speċifikament, l-Artikolu 5 tad-Direttiva u l-Artikolu 9 tar-Regolament. |
|
43. |
It-tieni osservazzjoni hija li, skont l-informazzjoni fil-kawża u dik mogħtija waqt is-seduta, it-trakkijiet ikkummerċjalizzati minn Duma, għalkemm oriġinarjament kienu ġejjin minn Mitsubishi u kellhom it-trade marks ta’ din il-kumpannija, kienu s-suġġett ta modifiki strutturali waqt li kienu jinstabu fil-ħażna doganali. Permezz ta’ dawn il-modifiki, Duma ppruvat tadatta l-vetturi għar-rekwiżiti tas-sigurtà u ambjentali tad-dritt tal-Unjoni, sabiex imbagħad tikkummerċjalizzahom fiż-ŻEE. It-tqegħid fis-suq diġà jitwettaq taħt it-trade marks rispettivi ta’ Duma, li hija ppreżentata lill-konsumatur bħala l-kumpannija responsabbli għat-trakkijiet, li twettaq is-servizz ta’ wara l-bejgħ tagħhom, f’kompetizzjoni ma’ Mitsubishi. |
B. Dwar it-tneħħija tas-sinjali bħala “użu” tat-trade marks Mitsubishi
1. Id-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark
|
44. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[s]kont l-ewwel sentenza tal-Artikolu (5)(1) tad-Direttiva [ ( 30 )], it-trade mark reġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha drittijiet esklużivi. Bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(a) dawn id-drittijiet esklużivi jawtorizzaw lill-proprjetarju jimpedixxi lit-terzi kollha, fin-nuqqas tal-kunsens tiegħu, milli jagħmlu użu, matul il-kummerċ, minn sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom din hija rreġistrata” ( 31 ). |
|
45. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet ukoll li “fl-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva [89/104], il-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa r-regola ta’ l-eżawriment Komunitarju, jiġifieri dik ir-regola li, permezz tagħha, id-dritt mogħti mit-trade mark ma jippermettix lill-proprjetarju tagħha jipprojbixxi l-użu tagħha għal prodotti li tqiegħdu fis-suq fiż-ŻEE taħt din it- trade mark minnu stess jew bil-kunsens tiegħu. Meta adotta dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur [tal-Unjoni] ma ħalliex lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprovdu fid-dritt nazzjonali tagħhom l-eżawriment tad-dritt mogħti mit- trade mark għal prodotti mqiegħda fis-suq f’pajjiżi terzi (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied, C‑355/96, [EU:C:1998:374], punt 26)” ( 32 ). |
|
46. |
Għall-finijiet ta’ din il-kawża, għandu jiġi nnotat limitu fuq id-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE: “miċ-ċirkulazzjoni tal-merkanzija bejn l-uffiċċji ta’ dwana u l-ħażna ta’ merkanzija f’maħżen imqiegħed taħt sorveljanza doganali […] ma jistgħux, bħala tali, jiġu analizzati bħala tqegħid fis-suq ta’ merkanzija fl-Unjoni” ( 33 ). |
|
47. |
Minn din il-premessa jirriżulta li “l-merkanzija mqiegħda taħt proċedura sospensiva ma tistax, mis-sempliċi fatt ta’ dan it-tqegħied, tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali applikabbli fl-Unjoni” ( 34 ). Huwa biss fil-każ ta’ offerta jew bejgħ ta’ prodotti bit-trade mark lil terzi fiż-ŻEE li jista’ jiġi ostakolat id-dritt esklużiv tal-proprjetarju. |
2. L-interpretazzjoni tat-terminu “użu”
|
48. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu verbali tat-trade mark kompetitriċi, pereżempju fost in-negozjanti ( 35 ); l-avviżi dwar l-aċċessorji u l-ispare parts għat-tiswija u l-manutenzjoni tal-karozzi ( 36 ); u s-sinjali kummerċjali ma huwiex ta’ ħsara għad-dritt tat-trade marks, sakemm jirrispetta l-prattiki onesti fl-oqsma industrijali jew kummerċjali ( 37 ). Iżda sal-ġurnata tal-lum (sakemm mhux sejjer żball) ma ttrattatx in-“nuqqas ta’ użu” f’kundizzjonijiet analogi għal dawk ta’ din il-kawża. |
|
49. |
Fis-sentenza Portakabin ( 38 ) ġiet eżaminata mġiba pjuttost simili, iżda b’fattur ewlieni differenti, li kien l-użu, għal skopijiet ta’ reklamar, tat-trade mark li l-proprjetarju ma kienx awtorizza ( 39 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-proprjetarju huwa intitolat li jipprojbixxi lil min jirreklama milli jirreklama, abbażi ta’ kelma prinċipali identika jew simili għal dik it-trade mark, magħżula minn min jirreklama mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju. Id-domanda tal-qorti nazzjonali kienet dwar l-użu, fir-reklamar fuq l-Internet, tas-sinjal protett, u preċiżament in-nuqqas ta’ kwalunkwe konsultazzjoni dwar it-trażżin tat-trade mark jispikka. Fis-sentenza, ma jidhirx li l-kumpannija proprjetarja tad-dritt tat-trade mark allegat il-ksur tiegħu permezz tal-prattika tat-tneħħija tas-sinjal u tal-immarkar mill-ġdid. |
a) L-interpretazzjoni letterali
|
50. |
Mill-perspettiva semantika, fl-ewwel tifsira tagħha, il-kelma tuża tfisser “tagħmel oġġett iservi għal xi ħaġa”. L-użu ta’ trade mark sabiex tidentifika l-prodotti ta’ manifattur, għalhekk, jikkostitwixxi użu ta’ din l-istess trade mark. |
|
51. |
Għall-kuntrarju, u loġikament, l-eliminazzjoni jew it-tneħħija tat-trade mark minn fuq ċertu prodott tirrappreżenta l-oppost tal-użu ta’ dan is-sinjal distintiv. Naqbel, għalhekk, mal-Gvern Ġermaniż ( 40 ) li l-eliminazzjoni kompluta tat-trade mark ma tistax titqies bħala użu tagħha. Diffiċli jiġi ddikjarat li, permezz tat-tneħħija ta’ trade mark minn fuq prodott li sa dak il-mument kienet tiddistingwih minn oħrajn, l-awtur ta’ din l-imġiba kompla juża s-sinjal li tneħħa, bħala element li jidentifika l-oriġini tal-merkanzija. |
|
52. |
L-użu tat-trade mark iseħħ “fl-eżerċizzju tal-kummerċ”, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95 u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-ġurisprudenza ddikjarat repetutament li din l-espressjoni tirreferi għall-użu magħmul fil-kuntest ta’ attività kummerċjali bl-iskop ta’ qligħ u mhux fl-isfera privata ( 41 ). Għalhekk, l-eliminazzjoni tat-trade mark mill-prodotti li kienu jinkorporawha tikkawża n-nuqqas ta’ din it-trade mark fis-suq, jiġifieri, fl-eżerċizzju tal-kummerċ, u għalhekk, il-konsumatur ma jkunx jista’ jaraha. |
|
53. |
Kif tindika Duma, jeżistu biss żewġ ipoteżijiet li fihom in-nuqqas ta’ sinjal distintiv jista’ jitqies bħala użu li jista’ jikser id-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark: a) fejn it-trade mark kienet il-forma tridimensjonali tal-prodott stess, irreġistrata wara li għaddiet mill-eżami tar-raġunijiet għal rifjut assolut tal-Artikolu 3(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95 ( 42 ) u b) jekk kulur irreġistrat bħala trade mark kien ġie użat dejjem sakemm kiseb karattru distintiv ( 43 ). Ebda waħda minn dawn l-ipoteżijiet ma tinsab fil-każ inkwistjoni. |
b) L-interpretazzjoni sistematika
|
54. |
Minn perspettiva sistematika, huwa xieraq li wieħed iħares lejn l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/95 u lejn l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-kuntest tal-ispeċifikazzjoni tal-użi pprojbiti mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, ma jsemmux l-imġiba li tikkonsisti fit-tneħħija tas-sinjal mill-merkanzija li kienu inkorporat fuqha sa dak il-mument. |
|
55. |
L-enumerazzjoni tat-tipi ta’ użu li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi, kif ipprovduta f’dawn iż-żewġ artikoli, ma hijiex eżawrjenti ( 44 ). Iżda, kif josserva l-Gvern Ġermaniż, l-assenza minn din il-lista tal-eliminazzjoni tat-trade mark hija naturali: skont il-loġika taż-żewġ dispożizzjonijiet, is-sinjal li suppost intuża għandu jidher fis-suq sabiex ikollu l-effett ta’ strument ta’ komunikazzjoni ( 45 ). |
|
56. |
Ladarba d-Duma u l-GSI neħħew it-trade marks Mitsubishi mit-trakkijiet tal-forklift, u biddluhom bit-trade marks rispettivi tagħhom, naħseb li huwa ċar li ma jużawx is-sinjali distintivi ta’ Mitsubishi. Tkun kwistjoni oħra jekk is-sinjali suġġetti għall-immarkar mill-ġdid (“Duma” u “GSI”) jkunu jixbhux it-trade marks Mitsubishi, fatt li la huwa ddikjarat mill-proprjetarju ta’ dawn tal-aħħar u li lanqas ma huwa probabbli (għalkemm din hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi ċċarata mill-qorti tar-rinviju). |
|
57. |
Jekk dan huwa l-każ, kif nemmen li huwa, ma jkunx rilevanti — mill-perspettiva tad-dritt tat-trade marks — li l-merkanzija kkummerċjalizzata minn Duma u GSI tkun ftit jew wisq simili għal dik ta’ Mitsubishi. F’dan il-każ il-kwistjoni tirrigwarda l-użu ta’ trade marks li jappartjenu għal proprjetarju, jiġifieri, s-sinjal distintiv bħala tali, u mhux għax-xebh ikbar jew inqas li għandhom mal-prodotti li jidentifikaw. |
c) L-interpretazzjoni teleoloġika
|
58. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95 jistabbilixxi l-funzjoni essenzjali li t-trade mark għandha tissodisfa, billi jipprovdi li huma biss dawk is-sinjali li jistgħu jiddistingwu l-prodotti jew servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ kumpanniji oħrajn li jistgħu jikkostitwixxu trade marks ( 46 ). |
|
59. |
It-trade mark għalhekk tipproteġi l-mod kif il-proprjetarju tagħha jirrendi distingwibbli l-prodotti tiegħu: hija tagħtih il-monopolju tas-sinjal, li jista’ jiġi oppost kontra terzi, b’għan ta’ trasparenza tal-informazzjoni tas-suq, sabiex jidentifika dawk il-prodotti, b’tali mod li jkunu assoċjati mas-sinjal protett. Meta s-sinjal li sa dakinhar kien jiddistingwi merkanzija jitneħħa minn fuqu, il-konsumatur jista’ jiġi mqarraq jew jista’ jġarrab imġiba kummerċjali inġusta, iżda, nirrepeti, ma huwiex għal din ir-raġuni li ma jkunx qiegħed isir użu mhux dovut tat-trade mark li sa dak il-mument kienet inkorporata fuq l-istess merkanzija. |
|
60. |
Kif ser nispjega iktar tard, f’każ ta’ azzjoni bħal din, li tinvolvi qerq bil-konsumatur jew prattika kummerċjali inġusta, ir-reazzjoni legalment xierqa għandha rimedji oħra. |
d) Noti ta’ dritt komparat
|
61. |
Id-dritt ta’ wħud mill-Istati Membri jikkonferma din il-pożizzjoni. Ser nillimita ruħi għal tliet eżempji. |
|
62. |
Fir-Renju Unit ( 47 ), l-eliminazzjoni tat-trade mark mill-prodotti li kienet fuqhom ma tagħtix lill-proprjetarju tagħha d-dritt li jopponi t-tneħħija tas-sinjali (de-branding), sakemm din tkun kompluta, jiġifieri, li s-sinjal preċedenti jkun ġie eliminat kompletament. Il-ġurisprudenza Brittanika taqbel ma’ din it-teorija, li ma tirrikonoxxix li min iwettaq din l-imġiba jikser id-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark li jopponi l-użu tagħha minn terz ( 48 ). |
|
63. |
Fid-dritt Ġermaniż, id-duttrina tipprovdi wkoll li t-tneħħija tat-trade mark oriġinali ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-ksur tad-dritt tat-trade marks ( 49 ). Hija bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li, fl-istess linja tas-sentenzi Brittaniċi, tipprovdi “meta l-merkanzija, mibdula jew le, tinbiegħ wara li t-trade mark tal-manifattur tkun tneħħiet, dan tal-aħħar ma jistax juża azzjonijiet ta’ trade marks, minħabba li ma sarx użu tat-trade mark irreġistrata lilu” ( 50 ). |
|
64. |
Huwa veru li, fi Franza, “it-tneħħija jew it-tibdil ta’ trade mark imwaħħla regolarment” tikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark. Iżda din hija r-raġuni għaliex il-leġiżlatur, fl-Artikolu L 713-2 del Code de la propriété intellectuelle (il-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali), introduċa l-projbizzjoni espressa ta’ dik l-imġiba, sakemm ma tkunx ingħatat l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju ( 51 ). Il-fatt li kien meħtieġ li tiġi introdotta din ir-regola, bħala sussidjarja għall-protezzjoni kontra l-użu mhux dovut tat-trade mark juri li, mingħajrha, ma setgħetx tinftiehem li kienet inkluża fil-firxa ta’ setgħat li jistabbilixxu l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/95 u l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 207/2009 favur il-proprjetarju tat-trade mark. |
|
65. |
Għalkemm naf li dawn l-eżempji jirreferu għad-dritt intern, li jirregola l-prinċipju ta’ eżawriment, fl-ebda mument ma jidher li l-ġustifikazzjoni tal-pożizzjoni adottata (li tista’ tkun imqassra fir-regola “no use, no infringement”) hija konnessa ma’ dan il-prinċipju. |
e) Il-funzjoni tal-leġiżlatur
|
66. |
Jekk id-drittijiet tal-Istati Membri juru differenzi notevoli rigward l-inklużjoni tat-tneħħija tas-sinjali u l-immarkar mill-ġdid, bħala każijiet ta’ użu ħażin tat-trade mark, dan huwa minħabba li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax deċiżjoni f’dan ir-rigward. L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/95 u l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 207/2009 huma limitati li jirregolaw l-użi tat-trade marks, iżda ma jmorrux lil hinn minnhom: għalhekk l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli tagħhom, favur jew kontra, dwar in-nuqqas ta’ użu (jew l-eliminazzjoni) tas-sinjal distintiv, fi ħdan il-libertà tal-konfigurazzjoni tal-liġijiet tagħhom. |
|
67. |
Jekk naċċettaw l-interpretazzjoni li n-nuqqas ta’ użu jikkostitwixxi, minkejja kollox, użu, fis-sens taż-żewġ artikoli ċċitati, inkunu qegħdin nagħtu sinjifikat lid-dritt tal-Unjoni li, fil-fehma tiegħi, imur lil hinn mit-tifsira li għandha tiġi attribwita lilha skont tali leġiżlazzjoni, u li l-Istati Membri ma pprevedewx (kif juri l-fatt li xi wħud minnhom jibqgħu jirrifjutawha). Taħt il-kopertura ta’ kompitu interpretattiv, probabbilment inkunu qegħdin nadottaw, pjuttost, soluzzjoni leġiżlattiva. |
3. Il-funzjonijiet tat-trade mark
|
68. |
Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-inqas fil-każ ta’ “identità doppja” previst fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2008/95, l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv huwa rriżervat għall-każijiet li fihom l-użu tas-sinjal minn terz jippreġudika waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark, kemm jekk tkun il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini jew waħda mill-funzjonijiet l-oħra tagħha ( 52 ). Funzjonijiet oħra jinkludu, b’mod partikolari, l-iżgurar tal-kwalità ta’ dan il-prodott jew ta’ dan is-servizz u dawk ta’ komunikazzjoni, investiment jew reklamar ( 53 ). |
|
69. |
Wieħed jinnota, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja dejjem tiffoka fuq l-użu tas-sinjal protett. Peress li nargumenta li, f’din il-kawża, ma sarx użu reali tat-trade marks Mitsubishi, naħseb li ma huwiex meħtieġ li tiġi indirizzata l-kontroversja dwar il-possibbiltà ta’ preġudizzju għall-funzjonijiet proprji ta’ dawn it-trade marks, kontroversja li tagħmel sens biss jekk ikunu sar użu minnhom. |
|
70. |
Jekk, min-naħa l-oħra, fil-kunċett ta’ użi li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi, ikun hemm lok għal imġiba bħal dik eżaminata hawnhekk, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-funzjoni tat-trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti ġietx miksura ( 54 ). Din tkun kwistjoni pjuttost ta’ fatt, li għandha tiġi ċċarata mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li tivvaluta li, minħabba l-partikolarità tat-trakkijiet tal-forklift, użati f’attivitajiet ta’ ħażna jew attivitajiet simili, il-konsumatur ġeneralment ikun magħmul minn professjonisti b’livell ogħli ta’ għarfien ( 55 ). |
|
71. |
Għal dawn il-finijiet, ċerta informazzjoni mogħtija fid-digriet tar-rinviju tista’ tkun rilevanti: jekk, skont il-qorti tar-rinviju (it-tieni domanda preliminari), minkejja l-immarkar mill-ġdid tal-prodott, il-konsumaturi xorta jkomplu jqisu l-prodotti bħala li joriġinaw minn Mitsubishi, jidher probabbli li l-konfużjoni dwar l-oriġini tan-negozju tagħhom ma teżistix ( 56 ). |
C. It-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura tal-ħażna doganali
|
72. |
Minn dak li ntqal hawn fuq, niddeduċi li l-eliminazzjoni, minn ċertu prodott, tas-sinjal li kien jinsab fuqu ma tikkostitwixxix użu tat-trade mark li għalih huwa essenzjali li tingħata l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tagħha. It-twaħħil ta’ sinjal ieħor jagħti biss lil dak il-proprjetarju s-setgħa li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-prodotti jekk l-immarkar mill-ġdid ikun identiku jew simili għas-sinjal oriġinali, li ma jidhirx li seħħ f’din il-kawża. |
|
73. |
Jekk dan ikun il-każ, il-problemi relatati mal-applikazzjoni tad-dritt doganali, fir-realtà, ikunu ħafna inqas applikabbli għal din il-kawża. Bħala prinċipju, filwaqt li l-oġġetti jinsabu f’ħażna doganali, ma jistgħux isiru tentattivi kontra d-drittijiet tat-trade marks protetti fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-kwistjonijiet relatati mal-ewwel tqegħid fis-suq tal-merkanzija fi ħdan iż-ŻEE iqumu biss, mill-perspettiva tad-dritt tat-trade marks, fir-rigward ta’ prodotti b’sinjal distintiv li l-proprjetarju tiegħu jqis li jkun ġie miksur. Jekk, għall-kuntrarju, il-merkanzija tiegħu ma jkollhiex dan is-sinjal, nerġa’ nirrepeti, ir-reazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark imneħħija ma tibqax taqa’ iktar taħt dan it-titolu (possibbilment taqa’ taħt oħrajn). |
|
74. |
F’kull każ, ser nitkellem sussidjarjament dwar il-bqija tal-allegazzjonijiet ippreżentati. |
1. Fuq l-allegazzjoni ta’ frodi
|
75. |
Mitsubishi ssostni li l-prattiċi tat-tneħħija tas-sinjali u tal-immarkar mill-ġdid jiksru d-dritt tagħha li tikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti bit-trade mark tagħha ( 57 ), sal-punt li l-unika għan tagħhom huwa li jevitaw jew jinnewtralizzaw dan id-dritt. Hija tuża bħala riferiment passaġġ mis-sentenza TOP Logistics et ( 58 ). |
|
76. |
Ma huwiex faċli tagħti prova għall-argument tal-frodi tal-liġi. Fir-realtà, il-qorti tar-rinviju lanqas ma tagħmel id-domandi tagħha f’dawn it-termini. Madankollu, peress li dik il-qorti estendiet l-ewwel domanda (fuq it-tneħħija tas-sinjali) għal dik li tikkonċerna l-importazzjoni jew it-tqegħid fis-suq fiż-ŻEE tal-merkanzija wara l-immarkar mill-ġdid tagħha, ma hemm ebda problema sabiex jiġi eżaminat jekk l-użu tal-leġiżlazzjoni doganali setax sar, f’din il-kawża, b’mod frawdolenti. |
|
77. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-individwi ma jistgħux jużaw ir-regoli tal-Unjoni b’mod abbużiv jew frawdolenti ( 59 ) Sabiex jiġi evalwat jekk dan seħħx, għandu jkun hemm:
|
|
78. |
Barra minn hekk, għalkemm permezz tal-użu tat-tneħħija tas-sinjali u tal-immarkar mill-ġdid sussegwenti Duma u GSI jistgħu jintroduċu t-trakkijiet tal-forklift fiż-ŻEE li inizjalment kienu ġew immanifatturati minn Mitsubishi, huma jagħmlu dan billi jadattawhom għar-rekwiżiti tekniċi tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li huma ma jippruvawx ibigħuhom billi juru t-trade mark (u sinjali oħrajn) ta’ dan il-manifattur, iżda juru tagħhom stess. |
|
79. |
Duma y GSI, għalhekk, ma jiksrux id-dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata, li jipprevali waqt li l-prodotti introdotti jkunu għadhom b’din it-trade mark fuqhom. Dan jirriżulta mill-Artikolu 5(3)(c) tad-Direttiva 2008/95 (“l-importazzjoni jew esportazzjoni tal-merkanzija taħt is-sinjal”) ( 61 ). |
|
80. |
Ir-riferiment għas-sentenza TOP Logistics et ( 62 ), fir-realtà ma tgħinx lil Mitsubishi. Din titkellem dwar id-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE ta’ prodotti li għandhom din it-trade mark. F’dik il-kawża, l-merkanzija ġiet irrilaxxata għaċ-ċirkulazzjoni libera u sussegwentement inkluża fi proċedura ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, li ma jseħħx f’dan il-każ. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet li Duma u GSI jissottomettu t-trakkijiet għalihom jistgħu possibbilment jaqgħu taħt l-Artikolu 531 tar-Regolament dwar l-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali, li jippermetti, b’mod partikolari, il-manipulazzjonijiet użwali li jikkonsistu fit-“tqegħid jew tneħħija ta’ trade marks” ( 63 ). |
|
81. |
Fil-qosor, ma naħsibx li kien hemm frodi jew abbuż tad-dritt mill-konvenuti, minħabba li:
|
2. Użu fl-eżerċizzju tal-kummerċ ta’ merkanzija f’ħażna doganali
|
82. |
Il-Kummissjoni, għalkemm lanqas ma tosserva li sar frodi, tqis li, kieku kien hemm raġunijiet sabiex wieħed jemmen li l-prodotti setgħu jiġu ddevjati lejn il-konsumaturi taż-ŻEE, wieħed jista’ jitkellem dwar użu fl-eżerċizzju tal-kummerċ u, għalhekk, dwar ksur tad-dritt tat-trade marks, minkejja l-proċedura ta’ ħażna doganali li jinsabu fiha ( 64 ). Bħala sostenn għal din it-teorija, hija rreferiet għal xi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
83. |
It-tliet sentenzi msemmija mill-Kummissjoni kienu dwar merkanzija pirata (kopji jew imitazzjonijiet), iffalsifikata (it-trade mark kienet inkluża fuq prodotti mhux magħmulin mill-proprjetarju tagħha) ( 65 ) jew oriġinali iżda li kellhom it-trade mark tal-produttur, li toriġina minn pajjiżi terzi u inkluża fi proċedura ta’ sospensjoni. F’dawn il-kuntesti kollha, id-domandi kienu dwar jekk il-proprjetarju tad-dritt tat-trade mark kienx intitolat sabiex jopponi l-bejgħ jew (l-offerta) li sar waqt li l-prodott inżamm taħt il-proċedura ta’ sospensjoni, bis-sempliċi riskju li jiġi kkummerċjalizzat fiż-ŻEE ( 66 ). |
|
84. |
Barra minn hekk, f’din il-kawża, minn naħa, jidher ċar minn dak li ddikjarat il-qorti tar-rinviju li l-merkanzija ma ġietx mibjugħa u ma ġietx offerta bis-sinjal tal-produttur (Mitsubishi) fiż-ŻEE, waqt li kienet taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali. F’dan ir-rigward, barra minn hekk, huwa l-proprjetarju tad-dritt tat-trade mark li għandu jipproduċi l-prova taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ projbizzjoni (l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009), li jakkredita rilaxx għal ċirkulazzjoni libera jew offerta jew bejgħ tal-merkanzija mhux Komunitarji bit-trade mark tiegħu ( 67 ). |
|
85. |
Għalhekk, sakemm ma tiġix prodotta din it-tip ta’ prova, il-merkanzija taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali ma jistgħux, minħabba dan is-sempliċi fatt, jiksru d-drittijiet tal-proprjetà industrijali ( 68 ). Matul l-inklużjoni tagħhom f’din il-proċedura, huma jistgħu, ukoll, ikunu suġġetti għal manipulazzjonijiet użwali rrikonoxxuti legalment bħala legali skont l-Artikolu 141 tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 531 imsemmi hawn fuq tar-Regolament ta’ implementazzjoni tiegħu. |
|
86. |
Min-naħa l-oħra, il-perikolu ta’ devjazzjoni tal-merkanzija lill-konsumaturi Ewropej kien jirriżulta, f’dawk it-tliet kawżi, fil-fatt li l-merkanzija, f’każijiet ta’ offerta jew bejgħ mill-ġdid lill-klijenti, setgħet ġiet introdotta fiż-ŻEE bit-trade mark tal-manifattur oriġinali, li fil-fatt jikkawża ksur tad-dritt tat-trade marks. Għall-kuntrarju, din iċ-ċirkustanza ma seħħitx f’din il-kawża: wara l-manipulazzjonijiet (ta’ tneħħija tas-sinjali u mmarkar mill-ġdid, inter alia) li għalihom kienet suġġetta matul il-proċedura ta’ sospensjoni, il-merkanzija ma kinitx ser taffaċċja merkanzija oħra fis-suq b’sinjal identiku. |
|
87. |
Kien hemm il-possibbiltà wkoll li Duma tesporta t-trakkijiet immanipulati lejn pajjiżi terzi ( 69 ) li, fi kwalunkwe każ, ma kienx jippreġudika d-dritt tat-trade mark tal-proprjetarju, sakemm dawn ma jkunux ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera qabel. F’din is-sitwazzjoni, l-aċċettazzjoni tal-qbid tal-oġġetti kienet tippreżumi ksur tad-drittijiet tat-trade marks, inkompatibbli mal-ġurisprudenza li ġiet esposta preċedentement. |
|
88. |
Il-Kummissjoni tiffoka biss fuq it-tqegħid fis-suq tal-prodotti ( 70 ), mingħajr ma tqis il-preżenza jew l-assenza tat-trade mark fuqhom, fil-mument tal-aċċess eventwali tagħhom fiż-ŻEE. Issa, din l-informazzjoni, fil-fehma tiegħi, hija rilevanti. Il-finzjoni ġuridika li l-merkanzija fil-ħażna doganali ma kinitx tinsab fis-suq taż-ŻEE tqabbel din il-merkanzija mal-prodotti importati direttament minn pajjiżi terzi li kienu wkoll suġġetti għal tneħħija tas-sinjali u mmarkar mill-ġdid: f’sitwazzjoni bħal din, il-proprjetarju tat-trade mark ma jistax juża azzjoni tat-trade marks sabiex iwaqqaf tali merkanzija, li għandu jiġi estrapolat għal din il-kawża. |
|
89. |
Fi kliem ieħor: jekk il-proprjetarju tat-trade mark ma jistax jopponi l-importazzjoni fiż-ŻEE tal-oġġetti tiegħu stess, ladarba jitneħħa s-sinjal minn fuqhom u jiġu mmarkati mill-ġdid minn terz mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, sakemm ma jintużax is-sinjal irreġistrat tiegħu, lanqas ma għandu jkun jista’ jagħmel dan fir-rigward ta’ merkanzija oriġinali tiegħu suġġetta għall-istess manipulazzjoni taħt proċedura ta’ ħażna doganali li hija, per definizzjoni, merkanzija mhux Komunitarja. |
D. Protezzjoni mil-liġi dwar il-kompetizzjoni inġusta
|
90. |
Flimkien mar-reklamar qarrieqi u komparattiv ( 71 ), id-dritt tal-Unjoni armonizza parzjalment id-dritt tal-kompetizzjoni inġusta fir-rigward tal-prattiċi kummerċjali tal-kumpanniji fir-relazzjonijiet tagħhom mal-konsumaturi ( 72 ). |
|
91. |
Għall-kuntrarju, imġiba illegali bejn in-negozjanti, illum, ma hijiex koperta minn leġiżlazzjoni speċifika fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Unjoni. Sabiex tiġi megħluba, ikun meħtieġ li wieħed jirrikorri għar-regolamenti nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Ma jistax jiġi argumentat, kif għamlet il-Kummissjoni waqt is-seduta, li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni inġusta bejn kumpanniji fl-Unjoni, id-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark għandu jissaħħaħ permezz tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Il-ħolqien progressiv tas-suq intern jinvolvi li, fin-nuqqas ta’ miżuri sabiex jiġu armonizzati d-drittijiet nazzjonali, jiġi aċċettat li d-differenzi bejniethom ikunu legali sakemm, permezz ta’ azzjoni leġiżlattiva mill-Unjoni, din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata. |
|
92. |
Barra minn hekk, mill-premessa 13 tad-Direttiva 2008/95 jirriżulta li l-Istati Membri huma firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, li l-Artikolu 10(a) tagħha jobbligahom jiżguraw protezzjoni effettiva kontra l-kompetizzjoni inġusta ( 73 ). Għalhekk, wieħed jista’ raġonevolment jistenna li, minkejja d-differenzi, l-Istati Membri kollha jkollhom dispożizzjonijiet leġiżlattivi għal dan l-iskop. |
|
93. |
Hemm Stati Membri ( 74 ) li estendew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali inġusti għar-relazzjonijiet tan-negozjanti bejniethom. Issa, fil-fatt, skont din id-direttiva, it-tħassir tat-trade mark minn fuq prodott u t-tibdil tagħha b’oħra jista’, probabbilment u skont iċ-ċirkustanzi, jiġi integrat taħt il-klawżola ġenerali tal-Artikolu 5(1) (bħala “prattika kummerċjali inġusta”), jew taħt il-paragrafu 4(a) tal-istess artikolu (bħala “prattika qarrieqa”). |
|
94. |
F’ordinamenti ġuridiċi oħrajn, bħal dak Ġermaniż, id-duttrina għandha tendenza li tikkunsidra l-każijiet ta’ tneħħija tas-sinjali u mmarkar mill-ġdid tal-prodotti bħala mġiba adattata, bħala prinċipju, sabiex il-kompetizzjoni tiġi ostakolata (Wettbewerbsbehinderung), b’mod partikolari, bħala ostakoli għall-bejgħ (Absatzbehinderung) u għar-reklamar (Werbebehinderung) ( 75 ). |
|
95. |
Bl-introduzzjoni ta ’dawn ir-riferimenti, ma għandix l-intenzjoni li nidħol fil-possibbiltajiet li l-qorti tar-rinviju tista’ssib, taħt id-dritt nazzjonali tagħha, biex tikklassifika l-imġiba inkwistjoni. Nillimita ruħi sabiex niftaħ il-perspettiva li minnha jistgħu jintwerew ir-reazzjonijiet proċedurali fir-rigward ta’ mġiba potenzjalment illegali, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tad-dritt tat-trade marks ( 76 ). |
V. Konklużjoni
|
96. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Hof van beroep Brussel (il-Qorti tal-Appell, il-Belġju) kif ġej: “L-eliminazzjoni, minn terz, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark, tas-sinjali mqiegħda fuq merkanzija, ma tikkostitwix użu tat-trade mark, għall-finijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks u l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni] meta:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Madankollu, ma jkunx hemm dan l-eżawriment jekk il-merkanzija bit-trade mark irreġistrata l-ewwel ġiet mibjugħa f’pajjiżi terzi.
( 3 ) Iktar ’il quddiem ser nuża t-termini “tneħħija tas-sinjali” u “għoti ta’ sinjali ġodda” sabiex nirreferi għall-azzjonijiet li bl-Ingliż jissejjħu de-branding u re-branding, sakemm okkażjonalment ma nużax xi perifrażi.
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).
( 5 ) Id-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 336, p. 1), bl-istess isem bħal dik preċedenti, emendat lil dik imsemmija l-aħħar iżda ma tapplikax għal dan il-każ ratione temporis.
( 6 ) Il-verżjoni applikabbli hawnhekk hija dik tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1). Teżisti verżjoni sussegwenti, ikkodifikata fir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), li lanqas ma tikkonċerna ratione temporis il-fatti ta’ din il-kawża.
( 7 ) Mit‑23 ta’ Marzu 2016, it-trade marks “Komunitarji” bdew jissejħu “trade marks tal-Unjoni Ewropea”, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 1). Iktar ’il quddiem ser nirreferi għalihom bħala it-“trade marks tal-Unjoni”.
( 8 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU 2008, L 145, p. 1). Sadanittant, ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1).
( 9 ) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU 1993, L 253, p. 1), kif emendat b’mod applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali”).
( 10 ) L-Artikolu 180 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1), li ma huwiex applikabbli ratione temporis, jirreferi għall-Artikolu 220 tal-Kodiċi, li, min-naħa tiegħu, jirreferi għall-Anness 71-03 tiegħu, li n-numru 18 tiegħu għandu kontenut identiku għan-numru 16 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ottubru 1992 (ĠU 1992, L 302, p. 1).
( 11 ) Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 828, Nru 11851, p. 305).
( 12 ) MCFE ma ressqitx osservazzjonijiet f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari.
( 13 ) B’riferiment għas-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club (C‑206/01, EU:C:2002:651, punt 38); u tal‑25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, EU:C:2007:55, punt 16).
( 14 ) Hija tiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, EU:C:2001:604, punt 38); u tas‑16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics et (C‑379/14, EU:C:2015:497 punt 32).
( 15 ) Hija ssemmi, inter alia, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1997, Loendersloot, (C‑349/95, EU:C:1997:530, punt 24); u tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 81).
( 16 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, EU:C:2001:604, punt 62).
( 17 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 92).
( 18 ) Hija tirreferi, inter alia, għas-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 1999, BMW (C‑63/97, EU:C:1999:82, punt 51); u tal‑14 ta’ Lulju 2011, Viking Gas (C‑46/10, EU:C:2011:485, punt 37).
( 19 ) Hija tirreferi, inter alia, għas-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2005, Class International (C‑405/03, EU:C:2005:616, punti 71 u 72); u tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Philips u Nokia (C‑446/09 u C‑495/09, EU:C:2011:796, punt 57).
( 20 ) Hija tiċċita, inter alia, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2005, Class International (C‑405/03, EU:C:2005:616 punt 50); u tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Philips u Nokia (C‑446/09 u C‑495/09, EU:C:2011:796, punt 56).
( 21 ) Hija tirreferi għas-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2005, Class International (C‑405/03, EU:C:2005:616 punti 71 u 72).
( 22 ) Inter alia, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2005, Class International (C‑405/03, EU:C:2005:616, punti 58 u 60) u tad‑9 ta’ Novembru 2006, Montex Holdings (C‑281/05, EU:C:2006:709, punt 26).
( 23 ) Hija tiċċita d-digriet tad‑19 ta’ Frar 2009, UDV North America (C‑62/08, EU:C:2009:111, punt 42).
( 24 ) Huwa jirreferi għas-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punti 75 u 77) u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 25 ) F’dan ir-rigward, jirreferi għall-ġurisprudenza dwar l-ippakkjar mill-ġdid tal-mediċini, li tenfasizza l-ħtieġa li t-trade mark oriġinali tidher b’xi mod sabiex il-proprjetarju tagħha jkun jista’ jopponi t-tqegħid fis-suq tal-prodott ippakkjat mill-ġdid, u jsemmi espressament is-sentenza tat‑23 ta’ April 2000, Boehringer Ingelheim et (C‑143/00, EU:C:2002:246, punt 7).
( 26 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010 (C‑558/08, EU:C:2010:416, punt 86).
( 27 ) Hija ssemmi, inter alia, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied (C‑355/96, EU:C:1998:374, punt 31); u tat‑18 ta’ Ottubru 2005, Class International (C‑405/03, EU:C:2005:616, punt 33).
( 28 ) Hija tirreferi, inter alia, għas-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Philips u Nokia (C‑446/09 u C‑495/09, EU:C:2011:796, punt 56); u tas‑16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics et (C‑379/14, EU:C:2015:497, punt 34).
( 29 ) Hija tinvoka, inter alia, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2005, Class International (C‑405/03, EU:C:2005:616, punt 58); u tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 67).
( 30 ) Isir riferiment għad-Direttiva 89/104/KEE, L-ewwel Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).
( 31 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Céline (C‑17/06, EU:C:2007:497, punt 14).
( 32 ) Sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (C‑414/99 sa C‑416/99, EU:2001:617, punt 32).
( 33 ) Sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Philips u Nokia (C‑446/09 u C‑495/09, EU:C:2011:796, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) Ibidem, punt 56.
( 35 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2002, Hölterhoff (C‑2/00, EU:C:2002:287, punti 14 sa 16).
( 36 ) Sentenza tat‑23 ta’ Frar 1999, BMW (C‑63/97, EU:C:1999:82, punti 37 sa 42).
( 37 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007(Céline,C‑17/06, EU:C:2007:497).
( 38 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010 (C‑558/08, EU:C:2010:416, punt 86).
( 39 ) Il-proprjetarju tat-trade mark xtaq jipprojbixxi “lil terz milli jirreklama, abbażi ta’ kelma prinċipali identika għal dik it-trade mark li dan it-terz, mingħajr il-kunsens tal-imsemmi proprjetarju, għażel fil-kuntest ta’ servizz ta’ referenzjar fuq l-internet, prodotti jew servizzi identiċi għal jew li jixbhu lil dawk li għalihom l-imsemmija trade mark hija rreġistrata”
( 40 ) Fil-punti 19 u 20 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
( 41 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics et (C‑379/14, EU:C:2015:497, punt 43).
( 42 ) Jew tal-kontroparti tiegħu l-Artikolu 7(1)(b), (c) u (e), tar-Regolament Nru 207/2009. Ara s-sentenza tat‑8 ta’ April 2003, Linde et (C‑53/01, C‑54/01 u C‑55/01, EU:C:2003:206), dwar l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal, magħmul mill-forma tal-prodott, għal trakkijiet awtopropulsivi u makkinarju mobbli ieħor bil-kabina tax-xufier, speċjalment bil-forklift.
( 43 ) Dwar il-kundizzjonijiet li fihom kulur jista’ jikseb aċċess għar-reġistrazzjoni bħala trade mark, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI (C‑447/02 P, EU:C:2004:649, punt 79).
( 44 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159), punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 45 ) Punti 24 sa 26 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
( 46 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Backaldrin Österreich The Kornspitz Company (C‑409/12, EU:C:2014:130, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 47 ) Stothers, Ch., Parallel Trade in Europe — Intellectual Property, Competition and regulatory Law, Hart Publishing, Portland (Oregon), 2007, p. 84 u 85.
( 48 ) Court of Appeal (Civil Division) (Il-Qorti tal-Appell, Sezzjoni ċivili, Ir-Renju Unit), sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Boehringer Ingelheim KG & Anor v Swingward Ltd, [2008] EWCA Civ 83. Il-punti 51 sa 53 jinqraw kif ġej: “Total de-branding in general is far from uncommon. […] To say that removing (or not applying) the original supplier’s mark to the goods amounts to an infringement would be absurd: traders have […] applied their own trade marks to goods for centuries. There is no harm in it. […] Going back to the legislation, such total de-branding is clearly not an infringement. There is simply no use of the trade mark in any shape or form. Total de-branding does not fall within Art. 5 at all. No defence is needed. […] So a trade mark owner has no right to insist that his trade mark stays on the goods for the aftermarket”. Mingħajr enfasi fil-verżjoni oriġinali.
( 49 ) Ara, pereżempju, Hacker, F., “Teil I Anwendungsbereich - § 2”, f’Ströbele, P./Hacker, F., Markengesetz - Kommentar, Editorial Carl Heymanns, 9.a edizzjoni, Cologne, 2009, p. 48, punt 62.
( 50 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2007, “CORDARONE” (I ZR 148/04), punt 24. Traduzzjoni libera.
( 51 ) Dispożizzjoni inkorporata f’dan il-Kodiċi permezz tal-Liġi 92-597, tal‑1 ta’ Lulju 1992 (Anness tal-ĠURF tat‑3 ta’ Lulju 1992).
( 52 ) Sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 79); u tat‑22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, EU:C:2011:604, punt 38). Enfasi miżjuda minni.
( 53 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 58).
( 54 ) Din il-funzjoni tinftiehem bħala li “tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott jew tas-servizz kopert mit-trade mark bħala li joriġina minn impriża partikolari, liema impriża hija dik li taħt il-kontroll tagħha jiġi kkummerċjalizzat il-prodott jew is-servizz”. Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Backaldrin Österreich The Kornspitz Company (C‑409/12, EU:C:2014:130, punt 20) u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 55 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tas‑6 ta’ Frar 2009, MPDV Mikrolab vs UASI (C‑17/08 P, EU:C:2009:64, punti 28 u 29).
( 56 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, EU:C:2007:55, punt 24).
( 57 ) Hija tiċċita s-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 1999, Sebago u Maison Dubois (C‑173/98, EU:C:1999:347, punt 21); u tal‑20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (C‑414/99 sa C‑416/99, EU:2001:617, punt 33).
( 58 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015 (C‑379/14, EU:C:2015:497, punt 48): “kull att ta’ terz li jipprekludi lill-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru wieħed jew iktar milli jeżerċità d-dritt tiegħu, rikonoxxut mill-ġurisprudenza […] li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE tal-prodotti li għandhom din it-trade mark, jippreġudika min-natura tiegħu stess l-imsemmija funzjoni essenzjali tat-trade mark. L-importazzjoni ta’ prodotti mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark ikkonċernata u ż-żamma f’maħżen tat-taxxa ta’ dawn il-prodotti fl-istennija tar-rilaxx tagħhom għall-konsum fl-Unjoni għandhom l-effett li jċaħħdu lill-proprjetarju ta’ din it-trade mark mill-possibbiltà li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE tal-prodotti li għandhom it-trade mark tiegħu”.
( 59 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 60 ) Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 61 ) Korsiv miżjuda minni.
( 62 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015 (C‑379/14, EU:C:2015:497).
( 63 ) Ma naħsibx li huwa essenzjali li napprofondixxu fuq dan il-punt, minħabba li l-kontroversja ma ġietx estiża għall-Artikolu 531 tar-Regolament dwar l-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali.
( 64 ) Hija tiċċita s-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2005, Class International (C‑405/03, EU:C:2005:616, punt 58); tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 67); u tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Philips u Nokia (C‑446/09 u C‑495/09, EU:C:2011:796, punti 57 sa 62).
( 65 ) Ara l-punti 31, 32, 41, 42 u 51 tas-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Philips u Nokia (C‑446/09 u C‑495/09, EU:C:2011:796).
( 66 ) Punti 13 sa 16 tas-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2005, Class International (C‑405/03, EU:C:2005:616); u 26 sa 32 tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474).
( 67 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2005, Class International (C‑405/03; EU:C:2005:616, punt 75).
( 68 ) Sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Philips u Nokia (C‑446/09 u C‑495/09, EU:C:2011:796, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 69 ) Waqt is-seduta, Duma kkonfermat li hija tesporta trakkijiet tal-forklift bit-trade mark tagħha lejn il-Marokk u r-Russja, fost pajjiżi oħra.
( 70 ) Punt 27 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 71 ) Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU 2006, L 376, p. 21). Ara, fir-rigward tat-trade marks, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha.
( 72 ) Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22).
( 73 ) Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 74 ) Ley 29/2009, de 30 de diciembre, por la que se modifica el régimen legal de la competencia desleal y de la publicidad para la mejora de la protección de los consumidores y usuarios (il-Liġi Spanjola 29/2009, tat‑30 ta’ Diċembru, li temenda l-proċedura legali tal-kompetizzjoni inġusta u r-reklamar sabiex titjieb il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti) (BOE Nru 315, tal‑31 ta’ Diċembru 2009, p. 112039) tistabbilixxi “proċedura legali unitarja dwar l-inġustizzja tal-atti qarrieqa u aggressivi, fejn ikun mitlub llivell ta’ korrezzjoni ugwali irrispettivament minn jekk id-destinatarji tagħha jkunux konsumaturi jew negozjanti”.
( 75 ) Ara, Fezer, K.-H., Markenrecht, ir-raba’ edizzjoni, C.H. Beck, Múnich, 2009, p. 249, punti 87 u 88; kif ukoll, Hacker, F., fi Ströbele, P./Hacker, F., Markengesetz – Kommentar, id-disa’ edizzjoni, Editorial Carl Heymanns, Cologne, 2009, p. 48, punt 62. It-tnejn li huma joffru ċitazzjonijiet ta’ ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi.
( 76 ) Għalkemm il-qorti nazzjonali ma għamlitx domanda f’dan ir-rigward, Mitsubishi tipprovdi li d-domanda tagħha kontra Duma u GSI hija bbażata wkoll, sussidjarjament, fuq ir-regoli Belġjani dwar il-kompetizzjoni inġusta.