KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2018 ( 1 )

Kawża C‑51/17

OTP Bank Nyrt.

OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt.

vs

Teréz Ilyés

Emil Kiss

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija))

“Protezzjoni tal-konsumatur - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Ftehimiet ta’ kreditu ddenominati f’munita barranija - Miżuri statutorji ta’ Stat Membru mgħoddija sabiex jirrimedjaw klawżoli kuntrattwali inġusti - Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13/KEE u ‘linġwaġġ sempliċi u ċar’ - Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 u ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ - Setgħat tal-qrati tal-Istati Membri sabiex jevalwaw ex officio l-kundizzjonijiet kuntrattwali għan-natura inġusta”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti Reġjonali tal-Appell tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) tirrigwarda tilwima oħra ( 2 ) b’segwitu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (iktar ’il quddiem is-“sentenza Kásler”) ( 3 ), li tirrigwarda l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ klawżoli ta’ ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumaturi fl-Ungerija li ġew iddenominati f’munita barranija, u b’mod partikolari fi franki Svizzeri.

2. 

Hemmhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, inter alia, dwar it-tifsira tal-espressjoni “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt” skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 4 ). Kienet imbagħad il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju nazzjonali f’dik il-kawża, li kellha tiddeċiedi jekk il-klawżoli kuntrattwali li kienu inkwistjoni kinux jaqgħu, bħala prinċipju, barra mill-protezzjoni prevista mid-Direttiva 93/13. Fl-istess ħin il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet kriterji lill-Kúria li għandha tapplika sabiex tiddetermina jekk dawn il-klawżoli kinux ġew miktuba f’“lingwaġġ sempliċi u ċar” li, anki skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, jipprovdu eċċezzjoni għal din l-esklużjoni.

3. 

Sostanzjalment, Téréz Ilyés u Emil Kiss, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) jikkontestaw is-sistema ta’ rimedju stabbilita mil-leġiżlatur Ungeriż fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kásler, u s-sentenza sussegwenti tal-Kúria, billi sostnew li din is-sistema tħalli r-riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumaturi f’ċirkustanzi li jwasslu għal ksur tal-obbligi ta’ trasparenza imposti mid-Direttiva 93/13.

I. Il-kuntest legali

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

6.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 jgħid:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

7.

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 jgħid li l-Anness tad-Direttiva 93/13 jipprovdi lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jitqiesu li huma inġusti. Il-punt (i) ta’ dan l-Anness isemmi:

“Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

jorbtu lill-konsumatur b’mod irrevokabbli b’klawżoli li ma kellu l-ebda opportunità vera li jsir jafhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt”.

8.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

9.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”.

B.   Id-dritt Ungeriż

1. Il-Liġi a hitelintézetekről és pénzügyi vállalkozásokról szóló 1996. évi CXII törvény (il-Liġi Nru CX II tal-1996 dwar l-Istituzzjonijiet Finanzjarji u ta’ Kreditu, iktar ’il quddiem il-“Liġi Hpt”)

10.

L-Artikolu 203 tal-Liġi Hpt jgħid:

“1.   L-istituzzjoni finanzjarja għandha tinforma kemm lill-klijenti attwali kif ukoll dawk potenzjali tagħha, b’mod sempliċi u li jinftiehem, bil-kundizzjonijiet għall-użu tas-servizzi li jipprovdu, u l-emendi għal dawk il-kundizzjonijiet […]

6.   Fil-każ ta’ kuntratti konklużi ma’ klijenti bl-imnut li jagħtu self b’munita barranija jew li jkun fihom il-possibbiltà li tinxtara proprjetà immobbli, l-istituzzjoni finanzjarja għandha tispjega lill-klijent ir-riskju li jkun qiegħed jassumi bit-tranżazzjoni kuntrattwali u l-klijent għandu jżid il-firma tiegħu sabiex jikkonferma li huwa konxju minnu.”

2. Il-Liġi DH1

11.

L-Artikolu 1(1) tal-A Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvény (il-Liġi Nru XXXVIII tal-2014 li Tirregola Materji Speċifiċi Relatati mad-Deċiżjoni tal-Kúria għall-Armonizzazzjoni tal-Ġurisprudenza dwar Kuntratti ta’ Self Konklużi bejn Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u Konsumaturi; iktar ’il quddiem il-“Liġi DH1”) jgħid:

“Din il-liġi għandha tapplika għall-kuntratti ta’ self ma’ konsumaturi konklużi bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Għall-finijiet ta’ din il-liġi, il-kunċett ta’ ‘kuntratt ta’ self ma’ konsumaturi’ għandu jkopri l-kuntratti ta’ self, ta’ kreditu jew ta’ leasing finanzjarju bbażati fuq muniti barranin (irreġistrati jew mogħtija f’munita barranija u rrimborsati f’HUF) jew fuq HUF u konklużi bejn istituzzjoni finanzjarja u konsumatur, jekk il-kuntratt ikun jinkorpora klawżoli kuntrattwali standard jew kwalunkwe klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, fis-sens tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 4(1).”

12.

L-Artikolu 3 tal-Liġi DH1 jgħid:

“1.   F’kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’ konsumaturi, klawżoli – bl-eċċezzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali li jkunu ġew innegozjati individwalment – li bis-saħħa tagħhom istituzzjoni ta’ kreditu tistipula li, għall-fini tal-ħlas lura tal-ammont ta’ finanzjament mogħti għax-xiri tas-suġġett tas-self jew tal-leasing finanzjarju, għandha tapplika r-rata tax-xiri, u li, għall-fini tar-rimbors tad-dejn, għandha tapplika r-rata tal-bejgħ, jew rata tal-kambju differenti minn dik stabbilita meta s-self ikun tħallas, ikunu invalidi.

2.   Minflok il-klawżola nulla msemmija fil-paragrafu 1 – bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 – għandha tapplika r-rata tal-kambju uffiċjali stabbilita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija għall-munita barranija kkonċernata b’rabta mal-ħruġ ta’ flus u r-rimbors tas-self (inkluż ir-radd lura ta’ ħlasijiet bin-nifs u l-ispejjeż, it-tariffi u l-kummissjonijiet kollha espressi fil-munita barranija).

[…]

5.   L-istituzzjoni finanzjarja għandha twettaq bilanċ tal-kontijiet mal-konsumatur skont id-dispożizzjonijiet ta’ liġi speċjali.”

3. Il-Liġi DH3

13.

L-Artikolu 3(1) tal-Az egyes fogyasztói kölcsönszerződések devizanemének módosulásával és a kamatszabályokkal kapcsolatos kérdések rendezéséről szóló 2014. évi LXXVII. törvény (il-Liġi Nru LXXVII tal-2014 li Tirregola Diversi Materji Relatati mat-Tibdil tal-Munita Barranija li fiha Kuntratti ta’ Self ma’ Konsumaturi jkunu Ddenominati u mad-Dispożizzjonijiet b’Rabta ma’ Interessi; iktar ’il quddiem il-“Liġi DH3”), jgħid li:

“Il-kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumaturi għandhom ikunu emendati ipso jure, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

14.

L-Artikolu 10 tal-Liġi DH3 jgħid:

“Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self b’ipoteka f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija konkluż ma’ konsumaturi, l-istituzzjoni ta’ kreditu li lilha d-dejn ikun dovut hija meħtieġa, fit-terminu stabbilit għat-twettiq tal-obbligu tagħha li twettaq il-bilanċ tal-kontijiet skont [il-Liġi DH2], tikkonverti f’self iddenominat f’HUF id-dejn kollu li jkun ibbażat fuq kuntratt ta’ self b’ipoteka f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija, jew id-dejn kollu li jirriżulta minn tali kuntratt, kif ikkalkolat fuq il-bażi tal-bilanċ tal-kontijiet imwettaq skont [il-Liġi DH2], inklużi l-interessi, it-tariffi, il-kummissjonijiet u l-ispejjeż mitluba f’munita barranija, u dan billi tapplika ir-rata miż-żewġ rati ta’ interessi li ġejjin li l-iktar tkun favorevoli għall-konsumatur (iktar ’il quddiem il-“konverżjoni f’HUF”) fid-data ta’ referenza:

(a) ir-rata tal-kambju medja għall-munita barranija kkonċernata stabbilita uffiċjalment mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fil-perijodu mis-16 ta’ Ġunju 2014 sas-7 ta’ Novembru 2014, jew

(b) ir-rata tal-kambju għall-munita barranija kkonċernata stabbilita uffiċjalment mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fis-7 ta’ Novembru 2014.”

II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

15.

Fil-15 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti kkonkludew kuntratt ta’ self iddenominat fi franki Svizzeri b’rata ta’ interessi ta’ 1.9 % ma’ ELLA Elsġ Lakáshitel Kereskedelmi Zrt. Fl-1 ta’ Novembru 2016 is-self ġie ttrasferit minn intermedjarju lil OTP Bank Nyrt., li mbagħad assenjah lil OTP Faktoring Követléskezelő Zrt. (il-konvenuti fl-ewwel istanza, iktar ’il quddiem il-“konvenuti”).

16.

Skont dan il-kuntratt, il-kreditur kellu jħallas ammont massimu ta’ 30075000 forint Ungeriżi (HUF), ammont li kien jinkludi l-ħlas ta’ kummissjoni ta’ HUF 75000 u li meta ġie konkluż il-kuntratt kien ekwivalenti għal 212831 frank Svizzeru (CHF).

17.

Skont il-kuntratt, il-kreditur ikkonverta fi franki Svizzeri, bl-użu tar-rata tax-xiri tiegħu fil-mument tal-ħruġ tal-ħlas, is-self li ta f’forint. Madankollu, huwa stabbilixxa skont ir-rata ta’ bejgħ tiegħu stess l-ammont li jikkorrispondi mar-rimbors tal-ħlas bin-nifs ta’ kull xahar li kellu jitħallas f’forint. Il-kreditur seta’ wkoll jagħmel emendi unilaterali għall-interessi ordinarji u għall-ispejjeż tal-ġestjoni, imma l-kuntratt ma kien jinkludi l-ebda klawżola li tippermetti lill-applikanti jemendaw unilateralment il-munita ta’ reġistrazzjoni.

18.

Parti mill-kuntratt intitolata “Dikjarazzjoni ta’ notifika ta’ riskju” kienet tiddikjara li “fir-rigward tar-riskji tas-self, id-debitur jiddikjara li huwa konxju ta’ u li jifhem l-informazzjoni ddettaljata relatata ma’ din il-kwistjoni pprovduta lilu mill-kreditur, u huwa konxju tar-riskju li jieħu self f’munita barranija, riskju li huwa biss iġorr. Fir-rigward tar-riskju tar-rata tal-kambju, huwa konxju, b’mod partikolari, li, jekk matul it-terminu tal-kuntratt ikun hemm varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju bejn il-forint u l-frank Svizzeru li jkunu sfavorevoli (jiġifieri, fil-każ ta’ deprezzament tar-rata tal-kambju tal-forint għall-kuntrarju tar-rata tal-kambju fil-ħin tal-ħruġ tal-ħlas), jista’ jiġri wkoll li l-valur tal-kambju tal-ħlasijiet bin-nifs tar-rimbors, li huma ffissati f’munita barranija u pagabbli f’forint, jiżdied b’mod sinjifikattiv. Bl-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, id-debitur jikkonferma li hu konxju li r-riperkussjonijiet ekonomiċi ta’ dan ir-riskju jġorrhom huwa kompletament. Huwa jiddikjara wkoll li huwa eżamina bir-reqqa l-effetti possibbli tar-riskju tar-rata tal-kambju u li jaċċettahom, wara li evalwa r-riskju fid-dawl tas-solvenza u tas-sitwazzjoni ekonomika tiegħu, u li ma huwa ser ikun jista’ jressaq l-ebda pretenzjoni kontra l-bank bħala konsegwenza tar-riskju tar-rata tal-kambju”.

19.

Ir-rikorrenti fetħu kawża kontra l-konvenuti fis-16 ta’ Mejju 2013, fejn talbu dikjarazzjoni tal-invalidità tal-kuntratt ta’ self, u dikjarazzjoni li l-kuntratt jitqies bħala validu, imma bħala ddenominati f’forint.

20.

Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet din it-talba b’sentenza tas-11 ta’ Marzu 2016, billi kkonstatat, inter alia, li l-klawżola kuntrattwali li imponiet l-obbligu li jinġarr ir-riskju tar-rata tal-kambju, filwaqt li kien is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, la kienet sempliċi u lanqas ċara.

21.

L-ewwel konvenuta ppreżentat appell mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, fejn talbet li din tiġi emendata u t-talba miċħuda.

22.

Il-Liġijiet DH1 u DH2, flimkien mal-Liġi DH3, ġew adottati mil-leġiżlatur Ungeriż wara li r-rikorrenti fetħu l-kawża fis-16 ta’ Mejju 2013, imma fil-mori ta’ din il-litigazzjoni quddiem il-qrati Ungeriżi. Id-deċiżjoni tar-rinviju tiddikjara li l-Liġi DH1, li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Lulju 2014, hija bbażata fuq id-Deċiżjoni Nru 2/2014 tal-Kúria ( 5 ), (li torbot lill-qrati Ungeriżi) u li nħarġet fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kasler ( 6 ).

23.

Skont il-qorti tar-rinviju nazzjonali, l-Artikoli 1(1) u 3 tal-Liġi DH1 huma applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

24.

Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi DH1, il-klawżoli f’kuntratti mal-konsumatur li jipprovdu li r-rata tax-xiri ta’ munita barranija tapplika għall-finijiet tal-ħlas ta’ self, imma r-rata tal-bejgħ tapplika għall-fini tar-rimbors tiegħu, għandhom ikunu invalidi. Skont l-Artikolu 3(2) tal-Liġi DH1, klawżola ddikjarata invalida skont l-Artikolu 3(1) għandha tiġi ssostitwita — bħala prinċipju — b’dispożizzjoni li tipprovdi għall-applikazzjoni, kemm għall-ħlas kif ukoll għar-rimbors, tar-rata tal-kambju uffiċjali stabbilita mill-Magyar Nemzeti Bank (il-Bank Nazzjonali tal-Ungerija)

25.

Id-deċiżjoni tar-rinviju tkompli tgħid li bil-Liġi DH2 tal-2014, il-leġiżlazzjoni kienet teħtieġ li istituzzjonijiet finanzjarji jwettqu bilanċ tal-kontijiet fir-rigward ta’ ħlasijiet żejda magħmula mill-konsumaturi minħabba klawżoli kuntrattwali inġusti. Il-Liġi DH3 tal-2014 waqfet milli taċċetta kuntratti ggarantiti b’ipoteka ddenominati f’muniti barranin, ikkonvertiet debiti tal-konsumatur f’forint (inkluż id-dejn fil-proċeduri prinċipali) u għamlet emendi oħra fil-kontenut tar-relazzjonijiet legali.

26.

Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża li l-Liġijiet DH1 u DH3 komplew ipoġġu r-riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumatur, b’effetti kemm ex tunc u ex nunc.

27.

Fir-rigward tas-sentenza fid-Deċiżjoni Nru 2/2014 tal-Kúria ( 7 ), skont id-deċiżjoni tar-rinviju, hija tibqa’ fis-seħħ skont il-liġi minkejja l-introduzzjoni tal-Liġijiet DH u tiddikjara kif ġej:

“1.

Klawżola f’kuntratt tal-konsumatur għal self f’munita barranija li taħtha r-riskju tar-rata tal-kambju jinġarr mingħajr ebda limitu mill-konsumatur — sabiex tingħata rata ta’ interessi iktar favorevoli — hija klawżola kuntrattwali li tirreferi għas-suġġett prinċipali li n-natura inġusta tagħha, bħala regola ġenerali, ma tistax tiġi eżaminata. Din il-klawżola tista’ tiġi eżaminata u ddikjarata inġusta biss jekk, meta jiġi konkluż il-kuntratt, u wara li jiġi kkunsidrat it-test tal-kuntratt u l-informazzjoni rċevuta mingħand l-istituzzjoni finanzjarja, il-kontenut tagħha la kien ċar għal u lanqas ma kien jinftiehem minn konsumatur medju, li jkun raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u prudenti (iktar ’il quddiem “il-konsumatur”). Il-klawżoli kuntrattwali relatati mar-riskju tar-rata tal-kambju għandhom ikunu inġusti, u konsegwentement il-kuntratt ikun invalidu għalkollox jew parzjalment, fejn il-konsumatur, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata miksuba mill-istituzzjoni finanzjarja jew minħabba d-dewmien sabiex tiġi rċevuta din l-informazzjoni, għandu għaliex jaħseb li r-riskju tar-rata tal-kambju ma huwiex ġenwin jew li huwa jkollu jġorr ir-riskju fi grad limitat”.

28.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) issospendiet il-proċeduri, u fis-17 ta’ Jannar 2017 għamlet id-domandi li ġejjin sabiex tingħata deċiżjoni preliminari:

“(1)

Klawżola kuntrattwali li tqiegħed fuq il-konsumatur ir-riskju tar-rata tal-kambju u li, minħabba t-tneħħija ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li kienet tistabbilixxi differenza bejn il-prezz offrut mix-xerrej u l-prezz mitlub mill-bejjiegħ u l-obbligu li jiġi sostnut ir-riskju korrispondenti tar-rata tal-kambju, saret parti mill-kuntratt b’effetti ex tunc bħala konsegwenza tal-intervent tal-leġiżlatur li sar fid-dawl tat-tilwimiet dwar l-invalidità li kienu jaffettwaw numru kbir ta’ kuntratti hija kkunsidrata bħala klawżola li ma hijiex innegozjata individwalment fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13/KEE u, għal din ir-raġuni, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva?

(2)

Fil-każ li l-klawżola kuntrattwali li tqiegħed ir-riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumatur taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, ir-regola ta’ esklużjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi wkoll għal klawżola kuntrattwali li tikkorrispondi ma’ dispożizzjonijet legali imperattivi fis-sens tal-punt 26 tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża RWE Vertrieb AG (C‑92/11) li ġew adottati jew daħlu fis-seħħ sussegwentement għall-konklużjoni tal-kuntratt? Għandha tiġi inkluża wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ esklużjoni klawżola kuntrattwali li saret parti mill-kuntratt b’effetti ex tunc sussegwentement għall-konklużjoni tiegħu bħala konsegwenza ta’ dispożizzjoni legali imperattiva li tirrimedja l-invalidità kkawżata min-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tirrendi impossibbli l-eżekuzzjoni tal-kuntratt?

(3)

Fil-każ li, skont ir-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, tista’ tiġi eżaminata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tqiegħed fuq il-konsumatur ir-riskju tar-rata tal-kambju, ir-rekwiżit ta’ lingwaġġ sempliċi u ċar li għalih jirreferi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt ukoll meta jitwettaq, skont il-modalitajiet deskritti fil-fatti, l-obbligu ta’ informazzjoni stabbilit legalment u fformulat b’mod neċessarjament ġenerali, jew huwa neċessarju wkoll li tiġi kkomunikata l-informazzjoni dwar ir-riskju għall-konsumatur magħrufa mill-entità finanzjarja jew li għaliha din l-entità seta’ kellha aċċess fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?

(4)

Il-fatt li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-klawżoli kuntrattwali dwar il-possibbilità ta’ emenda unilaterali u dwar id-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ – li, snin wara, irriżultaw li huma inġusti – ġew inklużi fil-kuntratt flimkien mal-klawżola dwar l-assunzjoni tar-riskju tar-rata tal-kambju, b’mod li, bħala effett kumulattiv ta’ dawn il-klawżoli, il-konsumatur ma setax fir-realtà jipprevedi, b’mod assolut, kif sussegwentement kienu ser jevolvu l-obbligi ta’ ħlas u lanqas il-mekkaniżmu ta’ varjazzjoni ta’ dawn l-obbligi huwa rilevanti mil-lat tar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ trasparenza u tad-dispożizzjonijiet tal-punt 1(i) tal-Anness tad-Direttiva, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva? Jew il-klawżoli kuntrattwali sussegwentement iddikjarati inġusti ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tan-natura inġusta tal-klawżola li tistabbilixxi r-riskju tar-rata tal-kambju?

(5)

Jekk il-qorti nazzjonali tiddikjara n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li tqiegħed ir-riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumatur, hija għandha l-obbligu, fid-determinazzjoni tal-konsegwenzi legali skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, tieħu wkoll ex officio inkunsiderazzjoni, b’osservanza tad-dritt għal smigħ tal-partijiet fil-proċedura kontradittorja, in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali oħra li ġewx invokati mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom? Il-prinċipju li l-qorti għandha taġixxi ex officio skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja japplika wkoll meta ir-rikorrent huwa konsumatur jew, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-pożizzjoni li d-dritt ta’ awtonomija tal-partijiet jokkupa fil-proċedura kollha u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-aspetti partikolari tal-proċedura, il-prinċipju li l-partijiet għandhom id-dritt jiddelimitaw is-suġġett tal-kawża jeskludi, f’dan il-każ, l-eżami ex officio?”

29.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, il-konvenuti, il-Gvern Ungeriż u dak Pollakk, u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet ikkonċernati kollha pparteċipaw fis-seduta li saret fit-22 ta’ Frar 2018, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Pollakk.

III. Evalwazzjoni

A.   Osservazzjonijiet preliminari

1. L-ammissibbiltà tad-deċiżjoni tar-rinviju

30.

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-deċiżjoni tar-rinviju, fuq il-bażi li l-ewwel erba’ domandi huma ipotetiċi, ma għandhom ebda konnessjoni mal-fatti tal-proċeduri prinċipali, u li l-ħames domanda hija acte claire.

31.

Huma jikkontestaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-Liġijiet DH mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju, billi jgħidu, pereżempju, li l-Liġi DH1 ma għandha x’taqsam xejn mal-attribuzzjoni tar-riskju tar-rata tal-kambju, u li l-Liġi DH3 ma hijiex dispożizzjoni li tintegra fil-kuntratt l-obbligu fuq il-konsumatur li jġorr dak ir-riskju ( 8 ). Pjuttost, il-Liġi DH3 eliminat ir-riskju tar-rata tal-kambju għal self iddenominat f’munita barranija billi kkonvertiethom f’self iddenominat f’forint għall-ġejjieni (li huma jiddikjaraw li huwa mill-1 ta’ Frar 2015, ex nunc) u mhux għall-passat (ex tunc). Huma jargumentaw li billi la l-Liġijiet DH u lanqas id-Deċiżjoni Nru 2/2014 tal-Kúria ma mmodifikaw il-klawżola rilevanti għar-riskju tar-rata tal-kambju, id-domandi preliminari huma ipotetiċi, u l-interpretazzjoni rikjesta mill-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) ma għandhiex rabtiet mal-fatti li jirriżultaw fil-proċeduri prinċipali.

32.

Madankollu, ma nistax naqbel li d-deċiżjoni tar-rinviju hija inammissibbli. Huwa meħtieġ, iżda, li jsiru xi osservazzjonijiet għaċ-ċarezza fir-rigward tar-raba’ domanda.

33.

L-Artikolu 267 TFUE, huwa bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, u hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża quddiemha kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali ( 9 ). Għaldaqstant, ninsab inklinat li nwarrab fil-ġenb il-kontestazzjonijiet fil-proċess tal-kawża għat-tifsira tad-dritt tal-Istat Membru kif tidher fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 10 ).

34.

Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tista’ tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li din tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni ( 11 ).

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ipotetika, jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha ( 12 ).

36.

Bl-eċċezzjoni tar-raba’ domanda, id-deċiżjoni tar-rinviju fiha analiżi rraġunata dwar aspetti tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju nazzjonali tqis li huma rilevanti għall-kawża ( 13 ), b’tali mod li huwa possibbli li ssir sinteżi tal-kwistjonijiet legali li jeħtieġu interpretazzjoni, minkejja n-nuqqas ta’ kunsens dwar it-tifsira u l-impatt tal-Liġijiet DH1 u DH3. Barra minn hekk, il-bażijiet ġenerali ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet faċilment jidhru mill-proċess.

37.

Il-qorti tar-rinviju nazzjonali tixtieq tkun taf kif il-promulgazzjoni tal-Liġijiet DH1 u DH3, li, kif diġà ġie nnotat, saret fil-mori tal-litigazzjoni fil-kawża prinċipali, kellha impatt fuq it-talba tar-rikorrenti.

38.

Il-konvenuti jikkontestaw, inter alia, jekk ir-riskju tar-rata tal-kambju huwiex fil-fatt ittrasferit minn min isellef lil min jissellef permezz tad-DH1 u d-DH3, jirreżistu kwalunkwe interpretazzjoni tagħhom li twassal għal effetti retroattivi, u jsostnu li ma kienx hemm nuqqasijiet fil-konformità fir-rigward tar-rekwiżit tal-“lingwaġġ sempliċi u ċar” tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

39.

Ir-rikorrenti, madankollu, isostnu li dan ir-rekwiżit ma ġiex issodisfatt, li s-sistema rimedjali li tirriżulta mil-Liġjiet DH1 u DH3 tħallilhom bħala konsumaturi bil-piż ta’ riskju fir-rata tal-kambju, u li r-rata li jgħidu li hija imposta minn intervent leġiżlattiv hija sostanzjalment ogħla mir-rata li kienet applikabbli fiż-żmien meta l-kuntratt kien ġie konkluż fl-2008. F’dan il-kuntest, huma jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza. Dan jipproteġi lill-konsumaturi, taħt id-dritt tal-Unjoni, b’kombinazzjoni tal-aħħar linja tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, flimkien mal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/13 u l-Anness tagħha ( 14 ). F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jallegaw ksur tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, u jistaqsu wkoll dwar jekk kienx hemm jew le nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

40.

Għaldaqstant ma għandi l-ebda eżitazzjoni sabiex nikkonkludi li d-deċiżjoni tar-rinviju hija ammissibbli fir-rigward tal-ewwel sat-tielet domandi u tal-ħames domanda.

41.

Fir-rigward tar-raba’ domanda, din tirreferi għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, li jinkludi kwistjonijiet li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ta’ trasparenza, u jkopri forom oħra ta’ natura inġusta. Madankollu, ma sar l-ebda argument fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti dwar ir-rilevanza tal-Artikolu 4(1) fil-kawża prinċipali, u d-deċiżjoni tar-rinviju, fit-taqsima intitolata “raġunijiet sabiex issir talba għal deċiżjoni preliminari”, lanqas ma tirreferi għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13.

42.

Fir-rigward tal-oqsma ta’ tilwim bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti b’mod attiv jenfasizzaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li, kuntrarjament għall-problema kkunsidrata reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Andriciuc ( 15 ), huma jibbażaw il-każ tagħhom dwar abbuż fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni ċara u li tinftiehem kif meħtieġ mill-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 203 tal-Liġi Hpt. Barra minn hekk, il-partijiet tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja invokati mir-rikorrenti jirrigwardaw jew trasparenza skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ( 16 ), jew l-Artikolu 6 u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 17 ), jew kombinazzjoni ta’ dawn it-tnejn ( 18 ).

43.

Kif ġie osservat iktar ’il fuq, il-konvenuti jikkontestaw l-ammissibbiltà tar-raba’ domanda fuq il-bażi li hija ipotetika. Madankollu, jien pjuttost naħseb li, sa fejn din ir-raba’ domanda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra kemm huwa ġust li r-riskju tar-rata tal-kambju jinżamm fuq il-konsumaturi lil hinn mill-parametri tal-evalwazzjoni tal-konformità mat-trasparenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-materjal fattwali u legali sabiex tirrispondi għal din id-domanda ( 19 ).

44.

Ir-raba’ domanda hija għaldaqstant inammissibbli, jew inkella għandha tinqara bħala li tistaqsi dwar kif il-leġiżlazzjoni li tintervjeni bosta snin wara li ġie konkluż kuntratt (żvilupp li l-qorti tar-rinviju tqis li ma huwiex prevedibbli mill-perspettiva tal-konsumatur) għandha impatti fuq l-obbligi ta’ trasparenza imposti fuq il-konvenuti b’riferiment għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

2. Il-kwistjonijiet ewlenin

45.

L-essenza tad-deċiżjoni tar-rinviju hija jekk is-sistema ta’ rimedju li tirriżulta mil-Liġijiet DH1 u DH3, li huma miżuri stabbiliti mil-leġiżlatur Ungeriż wara s-sentenza Kásler tal-Qorti tal-Ġustizzja u dik tal-Kúria fid-Deċiżjoni Nru 2/2014 ( 20 ), tistax tiġi mistħarrġa taħt id-dritt tal-Unjoni kif ukoll jekk hijiex konformi magħha jew le.

46.

Hawnhekk huwa importanti li jitfakkar li s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom effett immedjat, u għalhekk japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura interpretata ( 21 ), u għaldaqstant għandhom japplikaw għal relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu qamu u ġew ikkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, sakemm f’aspetti oħrajn jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet sabiex issir kawża quddiem il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola ( 22 ).

47.

Barra minn hekk, huwa biss f’ċirkustanzi għal kollox eċċezzjonali, sabiex tintlaħaq il-protezzjoni taċ-ċertezza legali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi mċaqalqa sabiex tillimita l-effetti ratione temporis ta’ waħda mis-sentenzi tagħha ( 23 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet ebda tali restrizzjoni ratione temporis tas-sentenza tagħha fil-kawża Kásler u l-qrati tal-Istati Membri huma preklużi milli jagħmlu dan ( 24 ).

48.

Dan ifisser li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kásler fit-30 ta’ April 2014, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 93/13 li huma rilevanti f’dik il-kawża (jiġifieri l-Artikoli 3, 5, 6(1) u 7), tapplika għal klawżoli kuntrattwali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 93/13, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 1994 ( 25 ). Madankollu, l-eżegwibbiltà tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fil-livell nazzjonali hija suġġetta għal termini preskrittivi raġonevoli stabbiliti mid-dritt tal-Istati Membri ( 26 ), u fil-fatt ta’ regoli proċedurali oħra tal-Istati Membri, iżda dawn il-liġijiet għandhom josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza ( 27 ).

49.

Fil-kuntest tad-Direttiva 93/13, l-Artikoli 6 u 7 huma rilevanti wkoll għall-obbligi rimedjali imposti fuq l-Istati Membri, u l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, pereżempju fis-sentenza Kásler, li l-Artikolu 7(1) jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu mezzi xierqa u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” ( 28 ), u l-Artikolu 7 huwa barra minn hekk iddisinjat sabiex jiżgura rimedji dissważivi ta’ ksur tad-Direttiva 93/13 ( 29 ). Huwa importanti wkoll li wieħed iżomm f’moħħu l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, li jippermetti lill-Istati Membri li “jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur” ( 30 ).

50.

Peress li d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 93/13 hija l-31 ta’ Diċembru 1994, u l-arranġamenti kuntrattwali inkwistjoni daħlu fis-seħħ fl-15 ta’ Frar 2008, bħala prinċipju ma jistax ikun hemm oġġezzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni għad-deċiżjoni tal-leġiżlatur Ungeriż li allegatament tirregola, fil-Liġi DH1, klawżoli kuntrattwali ffirmati mill-1 ta’ Mejju 2004 sas-26 ta’ Lulju 2014, jew, li jiġu stabbiliti, fil-Liġi DH3, għażliet għal konverżjoni ta’ self f’munita barranija għal self iddenominat f’forint, b’riferiment għal dati fl-2014, ikun xi jkun in-nuqqas ta’ qbil fir-rigward tal-effetti ratione temporis tal-Liġijiet DH.

51.

It-tieni domanda tad-deċiżjoni tar-rinviju għandha tingħata risposta fid-dawl ta’ dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Jiena tal-fehma li t-tieni domanda tinsab fil-qalba tat-tħassib tal-qorti tar-rinviju nazzjonali dwar l-impatt permissibbli, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, tal-Liġijiet DH1 u DH3 fuq l-eżitu tal-proċedimenti prinċipali. B’konsegwenza ta’ dan, l-analiżi li ssegwi se tittratta sostanzjalment it-tieni domanda.

IV. Risposti għad-domandi preliminari

A.   Risposta għall-ewwel domanda

52.

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju nazzjonali tixtieq tkun taf jekk klawżola kuntrattwali imposta minn liġi statutorja li tħalli r-riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumaturi b’effett ex tunc, hijiex klawżola li “ma tkunx ġiet innegozjata individwalment”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, b’tali mod li, bħala prinċipju, din taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

53.

Kif ġie nnotat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Polonja, il-kunċett ta’ “innegozjata individwalment” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal klawżola li l-partijiet ikunu qablu fuqha bi qbil komuni wara negozjati dwar il-klawżola speċifika inkwistjoni, u li torbothom. Ladarba klawżola bħal dik li allegatament ġiet imposta fil-kawża prinċipali tinħoloq permezz ta’ intervent leġiżlattiv, hija ma tistax, minnha nnifisha, titqies bħala waħda li hija “innegozjata individwalment” ( 31 ).

54.

Din l-interpretazzjoni ma hijiex sostnuta biss bit-tifsira sempliċi tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 ( 32 ), imma hija konformi wkoll mal-għan tad-Direttiva 93/13, kif rifless f’waħda mill-premessi tagħha, li tirreferi għal protezzjoni ta’ xerrejja u konsumaturi minn “kuntratti standard li jiġbdu lejn naħa waħda” ( 33 ). Barra minn hekk, premessa oħra tirreferi għal faċilitajiet taħt il-liġi tal-Istat Membru għall-bidu ta’ proċeduri “rigward klawżoli ta’ kuntratt imfassal għall-użu ġenerali f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi” ( 34 ).

55.

Għaldaqstant, nipproponi li l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta fis-sens li klawżola kuntrattwali imposta minn intervent leġiżlattiv li tħalli r-riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumatur b’effett ex tunc ma tistax titqies li hija “innegozjata individwalment” skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13.

B.   Ir-risposta għat-tieni domanda

56.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju nazzjonali tistaqsi jekk is-sistema ta’ rimedju riflessa fil-Liġijiet DH1 u DH3, li ġew ippromulgati mil-leġiżlatur Ungeriż fid-dawl kemm tas-sentenza Kásler, kif ukoll tal-applikazzjoni tagħha mill-Kúria fid-Deċiżjoni Nru 2/2014 ( 35 ), tammontax għal “klawżoli kuntrattwali” li jirriflettu “dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, b’tali mod li ma jkunux “suġġetti għad-disposizzjonijiet” ta’ dik id-direttiva.

57.

Jiena kkonkludejt li l-miżuri ta’ rimedju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) ta’ dik id-direttiva. Dan minħabba r-raġunijiet li ġejjin.

58.

Nirrikonoxxi l-ewwel nett li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, il-klawżola kuntrattwali għandha tirrifletti dispożizzjoni statutorja jew regolatorja u, it-tieni nett, dik id-dispożizzjoni għandha tkun obbligatorja ( 36 ). Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk klawżola kuntrattwali hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk din il-klawżola tirriflettix dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li japplikaw bejn il-partijiet fil-kuntratt indipendentement mill-għażla tagħhom jew li huma ta’ natura supplimentari u għalhekk japplikaw b’mod awtomatiku, jiġifieri fin-nuqqas ta’ arranġamenti oħra stabbiliti mill-partijiet ( 37 ).

59.

Ninnota wkoll, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eċċezzjoni pprovduta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 38 ). B’hekk, għalkemm il-liġijiet DH1 u DH3 japplikaw b’mod indipendenti mill-għażla tal-partijiet fil-kawża prinċipali, kif imsemmi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti, dawn ma kinux fis-seħħ fiż-żmien li fih il-kuntratt tal-15 ta’ Frar 2008 ġie nnegozjat ( 39 ).

60.

Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-għan tal-esklużjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva 93/13 huwa ġġustifikat mill-fatt li wieħed jista’ leġittimament jassumi li l-leġiżlatur nazzjonali laħaq bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti ( 40 ).

61.

Din is-suppożizzjoni ma tistax tgħodd fir-rigward ta’ miżuri statutorji adotatti wara d-data li fiha ġie miftiehem il-kuntratt rilevanti u għall-iskop speċifiku li jimplimentaw konstatazzjoni ġudizzjarja ta’ nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 93/13, li mill-proċess tal-kawża jidher li bla dubju huwa l-każ fil-proċeduri prinċipali. Kif spjegat fil-punti 45 sa 50 iktar ’il fuq, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx illimitat l-effetti ratione temporis tagħhom, filwaqt li l-eżekuzzjoni tagħhom fil-qrati tal-Istati Membri tirrikjedi konformità mar-regoli proċedurali tal-Istati Membri, bla ħsara għall-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Kif innotat aktar ’il fuq, fil-kuntest tad-Direttiva 93/13, l-Artikoli 6, 7 u 8 ta’ spiss huma rilevanti għal dan l-eżerċizzju, billi jirregolaw ir-rimedji li l-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-konsumatur skont din id-direttiva.

62.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet (statutorji) ta’ rimedju ta’ Stat Membru mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13, kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, f’ċirkustanzi fejn tali miżuri statutorji ġew ippromulgati b’reazzjoni għal sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-Direttiva 93/13. Dawn il-każijiet ma fihom l-ebda diskussjoni dwar jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ipoġġix id-dispożizzjonijiet statutorji rilevanti barra mill-parametri ta’ din id-direttiva, probabbilment għaliex bl-ebda analiżi dawn id-dispożizzjonijiet statutorji ma setgħu jitqiesu bħala “klawżoli kuntrattwali” ( 41 ) fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13. Madankollu, kienet probabbli wkoll funzjoni tad-dmir inekwivoku impost fuq l-Istati Membri fid-dritt primarju tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 19 TUE, sabiex “jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”.

63.

Sa fejn il-Liġijiet DH1 u DH3 jaffettwaw is-sustanza tal-klawżoli kuntrattwali (bħal liema parti għandha ġġarrab kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju), minflok is-sanzjonijiet u r-regoli proċedurali li japplikaw fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kásler, fuq il-fatti li jqumu fil-proċeduri prinċipali, fattur ta’ sustanza bħal dan tant huwa marbut mill-qrib mal-ħtieġa għal-Liġijiet DH1 u DH3 li jikkonformaw mal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 ( 42 ), flimkien mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li ma jistax jinfired minnu. Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 fis-sens li leġiżlazzjoni bħal-Liġijiet DH1 u DH3 taqa’ taħt l-esklużjoni stabbilita minn dik id-dispożizzjoni teskludi wkoll mill-istħarriġ ġudizzjarju r-risposta leġiżlattiva ta’ Stat Membru għal konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li liġi jew prattika nazzjonali hija inkompatibbli mad-Direttiva 93/13.

64.

Għalhekk, tali interpretazzjoni tagħmel l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 inkompatibbli mar-rekwiżit li l-politiki tal-Unjoni jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur skont l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li bħala minimu hija gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ( 43 ). Hija tkun ukoll f’tensjoni mad-dritt għal protezzjoni legali effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta ( 44 ), li jagħti drittijiet lill-individwi li dawn jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati tal-Istati Membri, inkluż fil-kuntest ta’ tilwim bejn partijiet privati ( 45 ).

65.

Fl-aħħar nett, it-tifsira sempliċi tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 hija ftit li xejn ta’ għajnuna fid-determinazzjoni tat-tifsira tagħha, u l-għan tal-Artikolu 1(2), kif rifless fil-premessi, ma jipprovdi l-ebda gwida perċettibbli dwar jekk dan japplikax għal termini kuntrattwali imposti mil-liġi wara l-konklużjoni tal-kuntratt rilevanti, u sabiex id-dritt tal-Istat Membru jkun konformi mad-Direttiva 93/13. Madankollu, l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni tissuġġerixxi li din tfasslet b’tali mod sabiex tiżgura li l-Istati Membri kienu permessi li jżommu jew jintroduċu regoli li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet protettivi tad-Direttiva ( 46 ), imma mhux li jitnaqqsu, u Avukat Ġenerali rrilevat li l-eċċezzjoni li hemm fl-Artikolu 1(2) “hija maħsuba sabiex tapplika għall-kuntratti standard li t-termini tagħhom diġà jsegwu r-regoli nazzjonali li l-leġiżlatur nazzjonali kien stabbilixxa sabiex jibbilanċja l-interessi leġittimi tal-partijiet kontraenti kollha” ( 47 ).

66.

Dan huwa konsistenti wkoll mar-regola ġenerali li n-natura inġusta għandha tiġi ddeterminata fid-data li jiġi konkluż kuntratt ( 48 ), u jiena pjuttost naqbel mal-osservazzjoni li l-“bilanċ kuntrattwali” ma għandux jitbiddel “permezz ta’ intervent mill-awtorità statali wara l-konklużjoni tal-kuntratt” ( 49 ), iżda dak l-intervent għandu jagħmel id-dritt tal-Istat Membru konformi mad-Direttiva 93/13, jew ikun fi ħdan il-parametri għal massimu ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 ( 50 ).

67.

Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, klawżola li saret parti minn kuntratt b’intervent leġiżlattiv, u li tħalli riskju fir-rata tal-kambju fuq il-konsumatur b’effett ex tunc, ma tirriflettix “dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13.

C.   Ir-risposta għat-tielet domanda

68.

Bit-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju nazzjonali tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, u r-rekwiżit tiegħu li l-klawżoli kuntrattwali jiġu fformulati “f’lingwaġġ sempliċi u ċar”, jintitolax lill-konsumatur għal informazzjoni ddettaljata dwar ir-riskju għalihom li tiegħu l-istituzzjoni finanzjarja tkun konxja, jew li jista’ jkollha aċċess għaliha fi żmien li ġie konkluż il-kuntratt fir-rigward tal-ġarr tar-riskju fir-rati tal-kambju, jew jekk dan ir-rekwiżit ikunx issodisfatt mill-klawżoli kif ġew mgħoddija lill-konsumatur u deskritti fil-punt 18 iktar ’il fuq ( 51 )? F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw il-materjal makroekonomiku li skonthom jinsab fil-pussess tal-konvenuti u l-obbligu tagħhom li jispjegaw l-effeti tiegħu fuq il-mekkaniżmi tar-rati tal-kambju.

69.

Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-konvenuti, id-Deċiżjoni Nru 2/2014 tal-Kúria ( 52 ), li hija vinkolanti fuq il-qorti tar-rinviju nazzjonali, diġà żviluppat kriterji għad-determinazzjoni ta’ jekk klawżoli kuntrattwali li jikkonċernaw il-ġarr ta’ riskju fir-rati tal-kambju humiex sempliċi u ċari.

70.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk ċerti klawżoli humiex sempliċi u ċari skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ( 53 ). Dik il-qorti għandha tqis, minbarra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kásler u s-sentenzi rilevanti tal-Kúria, il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola kuntrattwali hijiex sempliċi u ċara kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u stabbiliti b’mod sħiħ fil-punti 43 sa 50 ta-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc ( 54 ).

71.

Kif ġie deċiż fis-sentenza Andriciuc, “hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li n-negozjant ikkomunika lill-konsumaturi kkonċernati l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti lil dawn tal-aħħar jevalwaw il-konsegwenzi ekonomiċi ta’ klawżola [rilevanti], […] fuq l-obbligi finanzjarji tagħhom” ( 55 ), inkluż l-impatt fuq il-ħlasijiet bin-nifs ta’ deprezzament sever tal-valuta legali tal-Istat Membru li fih min jissellef huwa domiċiljat u ta’ żieda fir-rata tal-interessi barranija ( 56 ). Il-bejjiegħ jew il-fornitur huma meħtieġa li jistabbilixxu l-varjazzjonijiet possibbli fir-rata tal-kambju u r-riskji inerenti fit-teħid ta’ self ( 57 ), flimkien mal-funzjonament speċifiku tal-mekkaniżmu li għalih tirreferi l-klawżola rilevanti u r-relazzjoni bejn dak il-mekkaniżmu u klawżoli kuntrattwali oħra ( 58 ).

72.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-Liġijiet DH1 u DH3 ma humiex konformi mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, u mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, billi l-leġiżlatur impona riskju fir-rata tal-kambju fuq il-konsumaturi mingħajr ma jiġi kkunsidrat ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ trasparenza. Għall-kompletezza, ninnota li ma hemmx biżżejjed materjal fil-proċess tal-kawża sabiex jippermetti li jintlaħqu konklużjonijiet dwar dan l-aspett tal-każ tar-rikorrenti, kemm fil-kuntest ta’ trasparenza jew mod ieħor.

73.

Għaldaqstant, fir-rigward tat-tielet domanda, hija l-qorti tar-rinviju nazzjonali li għandha tiddetermina, wara li tqis iċ-ċirkustanzi kollha tal-kuntratt, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u r-rekwiżit stabbilit f’dan l-artikolu li l-klawżoli tal-kuntratt ikunu espressi f’“linġwaġġ sempliċi u ċar”, min isellef huwiex obbligat li jagħti lill-konsumaturi informazzjoni finanzjarja rilevanti fil-pussess tiegħu fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt, inkluż materjal makroekonomiku rilevanti, u jispjega l-effetti ta’ din l-informazzjoni fuq il-mekkaniżmi tar-rata tal-kambju.

D.   Ir-risposta għar-raba’ domanda

74.

Kif ġie spjegat iktar ’il fuq fil-punti 41 sa 44, ir-raba’ domanda għandha tinqara bħala li tistaqsi dwar kif leġiżlazzjoni li tintervjeni bosta snin wara li ġie konkluż kuntratt (żvilupp li l-qorti tar-rinviju tqis li ma huwiex prevedibbli mill-perspettiva tal-konsumatur) għandha impatt fuq l-obbligi ta’ trasparenza li jaqgħu fuq il-konvenut b’riferiment għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

75.

Bis-saħħa tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, l-Anness tad-Direttiva 93/13 jipprovdi lista indikattiva ta’ klawżoli li jistgħu jitqiesu bħala inġusti. Il-punt 1(i) jirreferi għal klawżoli li “jorbtu lill-konsumatur b’mod irrevokabbli b’klawżoli li ma kellu l-ebda opportunità vera li jsir jafhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt” imma ma hemm l-ebda spjegazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju għaliex din il-parti tal-Anness hija iktar sinjifikattiva minn oħrajn, minkejja li l-punti 1(j) u 1(l) u l-punti 2(b) u 2(d) tal-Anness kienu suġġetti għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-trasparenza ( 59 ).

76.

Għaldaqstant nipproponi li r-raba’ domanda tingħata risposta fis-sens li, sa fejn intervent leġiżlattiv sussegwenti ta’ Stat Membru jkun naqas milli jirrimedja n-natura inġusta fir-rigward ta’ ċarezza u trasparenza ta’ klawżoli skont id-Direttiva 93/13, il-konformità ta’ tali klawżoli ma’ dan l-obbligu għandha tiġi ddeterminata mid-data tal-kuntratt.

E.   Ir-risposta għall-ħames domanda

77.

Il-ħames domanda tirrigwarda l-awtorità tal-qrati tal-Istati Membri sabiex jistħarrġu ex officio l-klawżoli kollha ta’ kuntratt partikolari għan-natura inġusta tagħhom.

78.

Dan l-obbligu huwa evidenti mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jiena nenfasizza, madankollu, li d-dmir tal-qrati tal-Istati Membri li jistħarrġu ex officio l-klawżoli kuntrattwali kollha dwar kemm huma ġusti taħt id-Direttiva 93/13 jopera biss jekk il-materjal legali u fattwali rilevanti kollu jkun għad-dispożizzjoni tagħhom ( 60 ). L-obbligu jista’ jkun affettwat ukoll mir-res judicata ( 61 ).

79.

Il-ħames domanda għalhekk għandha tingħata risposta fis-sens li qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tevalwa ex officio jekk klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għandhiex natura inġusta u, b’dan il-mod, tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u min isellef, meta jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dak l-għan.

V. Konklużjoni

80.

Għalhekk nipproponi r-risposta li ġejja għad-domandi magħmula mill-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest).

“(1)

Klawżola kuntrattwali imposta minn intervent leġiżlattiv li tħalli r-riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumatur b’effett ex tunc ma tistax titqies bħala waħda li hija ’innegozjata individwalment‘ skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur.

(2)

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, klawżola li saret parti minn kuntratt b’intervent leġiżlattiv, u li tħalli riskju fir-rata tal-kambju fuq il-konsumatur b’effett ex tunc, ma tirriflettix “disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13.

(3)

Hija l-qorti tar-rinviju nazzjonali li għandha tiddetermina, wara li tqis iċ-ċirkustanzi kollha tal-kuntratt u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u r-rekwiżit stabbilit f’dan l-artikolu li l-klawżoli tal-kuntratt ikunu espressi f’“linġwaġġ sempliċi u ċar”, min isellef huwiex obbligat jagħti lil konsumaturi informazzjoni finanzjarja rilevanti fil-pussess tiegħu fiż-żmien li ġie konkluż il-kuntratt, inkluż materjal makroekonomiku rilevanti, u jispjega l-effetti ta’ din l-informazzjoni fuq il-mekkaniżmi tar-rata tal-kambju.

(4)

Sa fejn intervent leġiżlattiv sussegwenti ta’ Stat Membru jkun naqas milli jirrimedja n-natura inġusta fir-rigward ta’ ċarezza u trasparenza ta’ klawżoli skont id-Direttiva 93/13, il-konformità ta’ tali klawżoli ma’ dan l-obbligu għandha tiġi ddeterminata mid-data tal-kuntratt.

(5)

Il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tevalwa ex officio jekk klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 għandhiex natura inġusta u, b’dan il-mod, tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u min isellef, meta jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dak l-għan.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza pendenti fil-kawża Sziber, C‑483/16. Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl ġew ippreżentati fis-16 ta’ Jannar 2018, EU:C:2018:9.

( 3 ) C-26/13, EU:C:2014:282.

( 4 ) Direttiva tal-5 ta’ April 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/13”).

( 5 ) Magyar Közlöny 2014/91, p. 10975.

( 6 ) Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler (C‑26/13, EU:C:2014:282). Ara wkoll il-Liġi DH2, A [Kúriának a] pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvényben rögzített elszámolás szabályairól és egyes egyéb rendelkezésekről szóló 2014. évi XL. törvény (il-Liġi XL tal-2014 dwar id-Dispożizzjonijiet li Jirregolaw il-Clearance tal-Kontijiet imsemmi fil-Liġi XXXVIII tal-2014 dwar Suġġetti Speċifiċi marbuta mad-Deċiżjoni [tal-Kúria] li Tarmonizza l-Ġurisprudenza dwar Ftehimiet ta’ Self konklużi bejn Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u Konsumaturi, u dwar Numru ta’ Dispożizzjonijiet Oħra.

( 7 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

( 8 ) Il-Gvern Ungeriż jikkontesta wkoll l-interpretazzjoni tal-Liġijiet DH li jidhru fid-deċiżjoni tar-rinviju, imma ma jargumentax li hija inammissibbli. Il-Kummissjoni tgħid li ma huwiex ċar jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tikkonċernax id-DH1 jew id-DH3.

( 9 ) Ara, fil-kuntest ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti ta’ self tal-konsumaturi, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Egenberger (C‑414/16, EU:C:2017:851, punti 61 sa 65).

( 11 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164. Ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc (C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 1920).

( 12 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Cf. il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Banif Plus Bank (C‑312/14, EU:C:2015:621).

( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127, punti 7374.)

( 15 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017 (C‑186/16, EU:C:2017:703).

( 16 ) Jiġifieri, is-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262).

( 17 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 50). L-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jagħmlu riferiment ukoll għas-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Espanol de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punti 3953). Tal-ewwel tirreferi għad-dgħufija tal-konsumaturi fil-konfront ta’ bejjiegħa jew fornituri, u tal-aħħar tikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività.

( 18 ) Sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler (C‑26/13, EU:C:2014:282) u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Naranjo (C‑154/15, C‑307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980).

( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 22). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar, EU:C:2015:321, punt 34.

( 22 ) Pereżempju s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertreib (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ibid., punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata. Dawk ikkonċernati jridu jkunu aġixxew bil-bona fide, u hemm riskju ta’ diffikultajiet serji.

( 24 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo (C‑154/15, C-307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980, punti 70 sa 73).

( 25 ) Artikolu 10(1) tad-Direttiva 93/13.

( 26 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 24).

( 27 ) Għal analiżi riċenti u komprensiva ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:9).

( 28 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler (C‑26/13, EU:C: 2014:282, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ibid., punt 79.

( 30 ) Dwar il-limiti tal-Artikolu 8 ara, pereżempju, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309).

( 31 ) Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 34). Hemmhekk il-Qorti osservat li r-regola statutorja inkwistjoni f’dak il-każ “tistabbilixxi kuntest leġiżlattiv li huwa ta’ sinjifikat ġenerali”. Għalkemm il-miżura statutorja inkwistjoni f’dik il-kawża ma kinitx “[k]lawżola kuntrattwali” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, hija kienet ikkunsidrata bħala regola ġenerali.

( 32 ) Għal ħarsa ġenerali tar-regoli rilevanti għall-interpretazzjoni tal-miżuri tal-Unjoni ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pinckernelle (C‑535/15, EU:C:2016:996, punti 34 sa 70).

( 33 ) L-enfasi hija tiegħi.

( 34 ) L-enfasi hija tiegħi.

( 35 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

( 36 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Ibid., punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata. Għal eżempju ieħor ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, punti 69 sa 70).

( 38 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017,, Andriciuc (C-186/16, EU:C:2017:703, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) F’dan is-sens, il-fatti li huma rilevanti għall-kawża prinċipali huma differenti minn dawk li jirriżultaw f’kawżi oħra li fihom kienet inkwistjoni l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180), tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189) u tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc (C‑186/16, EU:C:2017:703).

( 40 ) Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 28).

( 41 ) Ara, b’mod partikolari l-punti 21 u 23 tas-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:731). “Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni din il-ġurisprudenza, u b’mod partikolari wara l-għoti tas-sentenza Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164), il-Liġi 1/2013 emendat b’mod partikolari l-artikoli tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili dwar il-proċedura ta’ sekwestru tal-beni ipotekati. B’hekk, għall-proċeduri miftuħin wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013, l-oppożizzjoni tal-konvenut għall-eżekuzzjoni, ibbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u mressqa fit-terminu ordinarju ta’ għaxart ijiem li jibdew mid-data tan-notifika tal-att li jordna l-eżekuzzjoni, tippermetti barra minn hekk is-sospensjoni tal-proċedura tas-sekwestru ipotekarju sar-riżoluzzjoni tal-inċident ta’ oppożizzjoni […] Għandu jiġi evalwat jekk, u, jekk ikun il-każ, sa fejn, id-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata b’mod partikolari mis-sentenza tagħha Aziz […], topponi għall-mekkaniżmu ta’ terminu tranżitorju, miżmum mil-leġiżlatur Spanjol u introdott mil-Liġi 1/2013.” Ara wkoll pereżempju s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril Garcia (C‑169/14, EU:C:2014:2099), tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13, u C‑487/13, EU:C:2015:21) u tas-26 ta’ Jannar 2017, C‑421/14 (Banco Primus, EU:C:2017:60).

( 42 ) Ara reċentement is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, punti 71 sa 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) L-Avukat Ġenerali Wahl, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2013:844, punt 66), huwa tal-fehma li l-Artikolu 38 tal-Karta huwa prinċipju bis-saħħa tal-Artikolu 52(5) tal-Karta iktar milli dritt.

( 44 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Kusionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-“rekwiżiti […] neċessarji” stabbiliti fl-Artikoli 38 u 47 tal-Karta huma applikabbli “għall-implementazzjoni tad-Direttiva 93/13”.

( 45 ) Sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C-414/16, EU:C:2018:257, punti 70 sa 82). Fil-punt 82, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn żewġ individwi, hija marbuta, meta hija ma tkunx tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi” mad-direttiva inkwistjoni f’dik il-kawża, “li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mill-Artikoli 21 u 47 tal-Karta u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ dawn l-artikoli waqt li tħalli mhux applikati, jekk ikun meħtieġ, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja”.

( 46 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak, RWE Vertrieb, (C‑92/11, EU:C:2012:566, punt 42), li tirriferi għall-intervent tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali fil-proċess leġiżlattiv.

( 47 ) Ibid., punt 47 (l-enfasi tiegħi). L-Avukat Ġenerali tirreferi għall-ewwel dokument ta’ diskussjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-14 ta’ Frar 1984, COM (1984) 55 final.

( 48 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punt 37).

( 49 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Kasler (C‑26/13, EU:C:2014:85, punt 105).

( 50 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 iktar ’il fuq.

( 51 ) Huwa stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jevitaw evalwazzjoni biss dwar jekk humiex ta’ natura inġusta inkwantu l-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni tkun tal-fehma, wara eżami każ b’każ, li huma abbozzati f’“lingwaġġ sempliċi u ċar” skont dik id-dispożizzjoni. Ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

( 53 ) Digriet tat-22 ta’ Frar 2018, ERSTE Bank Hungary (C‑126/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:107, punt 27), b’riferiment għas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 22).

( 54 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc (C‑186/16, EU:C:2017:703). Sentenzi ewlenin dwar it-trasparenza li ppreċedew is-sentenza Andriciuc jinkludu s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertieb (C‑92/11, EU:C:2013:180); tat-30 ta’ April 2014, Kásler (C‑26/13, EU:C:2014:282); tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127); tat-23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262), u tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C‑348/14, EU:C:2015:447). Wara s-sentenza Andriciuc ara b’mod partikolari d-digriet tat-22 ta’ Frar 2018, ERSTE Bank Hungary (C‑126/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:107).

( 55 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc (C‑186/16,EU:C:2017:703, punt 50).

( 56 ) Ibid., punt 49. Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għar-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-21 ta’ Settembru 2011, ĠU 2011 C 342, p. 1.

( 57 ) Ibid., punt 50.

( 58 ) Ibid., punt 45.

( 59 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 74).

( 60 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C-415/11, EU:C:2013:164 punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340).

( 61 ) Ara, pereżempju, is-sentenza riċenti tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98). Fil-punt 48, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri fir-rigward ta’ res judicata hija suġġetta għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.