17.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 206/10


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ April 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság — l-Ungerija) — PORR Építési Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-691/17) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tassazzjoni - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud - Direttiva 2006/112/KE - Dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa - Artikolu 199(1)(a) - Awtolikwidazzjoni - Ħlas indebitu tat-taxxa mill-benefiċjarju ta’ servizzi lill-fornituri ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ fattura maħruġa b’mod żbaljat skont ir-regoli ta’ tassazzjoni ordinarja - Deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa li tikkonstata dejn fiskali li huwa r-responsabbiltà tal-benefiċjarju tas-servizzi u li tiċħad talba għal tnaqqis - Assenza ta’ eżami mill-awtorità tat-taxxa tal-possibbiltà tar-rimbors tat-taxxa)

(2019/C 206/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: PORR Építési Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Dispożittiv

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat-13 ta’ Lulju 2010, kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux prassi tal-awtorità tat-taxxa li, fl-assenza ta’ suspetti ta’ frodi, din l-awtorità tirrifjuta lil impriża d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud li din l-impriża, bħala destinatarju ta’ servizzi, indebitament ħallset lill-fornitur ta’ dawn is-servizzi abbażi ta’ fattura li din tal-aħħar ħarġet skont ir-regoli relattivi għas-sistema ordinarja tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), meta t-tranżazzjoni rilevanti kienet taqa’ taħt il-mekkaniżmu tal-awtolikwidazzjoni, mingħajr mal-awtorità tat-taxxa,

qabel ma rrifjutat id-dritt għal tnaqqis, eżaminat jekk l-emittent ta’ din il-fattura żbaljata setgħa jirrimborsa lid-destinatarju tagħha l-ammont tal-VAT imħallsa indebitament u setgħa jirrettifika din il-fattura fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtoreviżjoni, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, sabiex jirkupra t-taxxa li ħallas indebitament lit-Teżor Pubbliku, jew

tiddeċiedi li tirrimborsa nnifisha lid-destinatarju ta’ din l-istess fattura t-taxxa li kien indebitament ħallas lill-emittenti ta’ din u li dan tal-aħħar kien, sussegwentement, ħallas indebitament lit-Teżor Pubbliku.

Madankollu, dawn il-prinċipji jirrikjedu, fil-każ li r-rimbors tal-VAT iffatturata indebitament, mill-fornitur ta’ servizz lid-destinatarju tagħhom, ikun impossibbli jew eċċessivament diffiċli, b’mod partikolari, fil-każ ta’ insolvenza tal-fornitur, li d-destinatarju tas-servizzi jkun jista’ jagħmel talba għal rimbors direttament lill-awtorità tat-taxxa.


(1)  ĠU C 112, 26.3.2018.