9.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 305/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Lulju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Vilniaus apygardos administracinis teismas — il-Litwanja) — Baltic Media Alliance Ltd. vs Lietuvos radijo ir televizijos komisija

(Kawża C-622/17) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Direttiva 2010/13/UE - Servizzi tal-midja awdjoviżiva - Xandir televiżiv - Artikolu 3(1) u (2) - Libertà ta’ riċezzjoni u ta’ trażmissjoni mill-ġdid - Inċitament għall-mibegħda bbażata fuq in-nazzjonalità - Miżuri meħuda mill-Istat Membru ta’ riċezzjoni - Obbligu temporanju għall-fornituri ta’ servizzi tal-midja u għall-persuni l-oħra li jipprovdu servizz ta’ xandir permezz tal-internet ta’ stazzjonijiet jew ta’ programmi tat-televiżjoni li jxandru jew jittrażmettu mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru stazzjon tat-televiżjoni biss f’pakketti bi ħlas)

(2019/C 305/05)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Vilniaus apygardos administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Baltic Media Alliance Ltd.

Konvenuta: Lietuvos radijo ir televizijos komisija

Dispożittiv

L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar “is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva”), għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura ta’ ordni pubbliku, adottata minn Stat Membru, li tikkonsisti fl-obbligu, għall-fornituri ta’ servizzi tal-midja li x-xandiriet tagħhom huma maħsuba għat-territorju ta’ dan l-Istat Membru u għall-persuni l-oħra li jipprovdu lill-konsumaturi tal-imsemmi Stat Membru servizz ta’ xandir permezz tal-internet ta’ stazzjonijiet jew ta’ programmi tat-televiżjoni, li jxandru jew jittrażmettu mill-ġdid fit-territorju ta’ dan l-istess Stat Membru, matul perijodu ta’ tnax-il xahar, stazzjon tat-televiżjoni li ġej minn Stat Membru ieħor biss f’pakketti bi ħlas, mingħajr madankollu ma timpedixxi t-trażmissjoni mill-ġdid fil-veru sens tal-kelma fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru tax-xandiriet televiżivi ta’ dan l-istazzjon, ma taqax taħt din id-dispożizzjoni.


(1)  ĠU C 52, 12.2.2018.