11.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/13


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Jannar 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof – il-Ġermanja) – Walbusch Walter Busch GmbH & Co. KG vs Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV

(Kawża C-430/17) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumatur - Direttiva 2011/83/UE - Kuntratti mill-bogħod - Artikolu 6(1)(h) - Obbligu ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar - Artikolu 8(4) - Kuntratt konkluż b’mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni - Il-kunċett ta’ “limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni” - Prospett inkluż f’rivista - Karta postali li fiha hyperlink li twassal għall-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar))

(2019/C 93/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Walbusch Walter Busch GmbH & Co. KG

Konvenuta: Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV

Dispożittiv

L-evalwazzjoni ta’ jekk, f’każ konkret, il-mezz ta’ komunikazzjoni jimponix limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni, skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandha ssir b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi kollha tal-komunikazzjoni kummerċjali tal-kummerċjant. F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-ispazju u tal-ħin okkupati mill-komunikazzjoni u tad-daqs minimu tal-karattru tipografiku li jkun xieraq għal konsumatur medju destinatarju ta’ din il-komunikazzjoni, l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva tistax oġġettivament tiġi ppreżentata fil-kuntest tal-imsemmija komunikazzjoni.

L-Artikolu 6(1)(h) u l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn il-kuntratt jiġi konkluż bl-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni u f’każ li jkun jeżisti d-dritt ta’ rtirar, il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur, fuq il-mezz inkwistjoni u qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt. F’każ bħal dan, dak il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur il-formola standard ta’ rtirar li tinsab fl-Anness I(B) ta’ din id-direttiva permezz ta’ sors ieħor, f’lingwa ċara u li tinftiehem.


(1)  ĠU C 347, 16.10.2017.