6.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 374/10


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Awwissu 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Rechtbank Amsterdam – il-Pajjiżi l-Baxxi) – eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra Sławomir Andrzej Zdziaszek

(Kawża C-271/17 PPU) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali - Mandat ta’ arrest Ewropew - Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI - Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri - Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni - Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva - Artikolu 4a(1) li jirriżulta mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI - Mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà - Kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” - Proċedura ġudizzjarja li tbiddel jew tikkombina pieni mogħtija preċedentement - Deċiżjoni li tistabilixxi piena globali - Deċiżjoni mogħtija mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun dehret personalment - Persuna kkundannata li ma tkunx dehret personalment fil-proċess fil-kuntest tal-kundanna tagħha inizjali, la fl-ewwel istanza u lanqas fil-grad tal-appell - Persuna li kienet difiża minn avukat matul l-istanza tal-appell - Mandat ta’ arrest li ma jipprovdi ebda informazzjoni f’dan ir-rigward - Konsegwenzi għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni)

(2017/C 374/13)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Amsterdam

Parti fil-kawża prinċipali

Sławomir Andrzej Zdziaszek

Dispożittiv

1)

F’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “process li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirreferix biss għall-istanza li wasslet għad-deċiżjoni fl-appell, peress li din, wara eżami mill-ġdid tal-kawża fir-rigward tal-mertu, iddeċidiet b’mod finali fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata, iżda wkoll għall-proċedura sussegwenti, bħal dik li wasslet għas-sentenza li timponi piena globali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fi tmiemha ttieħdet id-deċiżjoni li bidlet b’mod finali l-livell tal-piena inizjalment mogħtija, sakemm l-awtorità li adottat din tal-aħħar deċiżjoni kellha f’dan ir-rigward ċerta setgħa diskrezzjonali.

2)

L-imsemmija Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ fejn il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment għall-proċedura rilevanti jew, jekk ikun il-każ, għall-proċeduri rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, kif emendata, u fejn l-informazzjoni li tinsab fil-formularju li jirrigwarda l-mudell uniformi tal-mandat ta’ arrest Ewropew u anness mal-imsemmija Deċiżjoni Qafas u lanqas dik miksuba b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) kif emendata, tal-istess Deċiżjoni Qafas ma jipprovdu l-provi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-fakultà li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew.

3)

Madankollu, din id-Deċiżjoni Qafas kif emendata, ma tipprekludix lil din l-awtorità li tieħu inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża inkwistjoni sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata matul il-proċedura jew proċeduri rilevanti.


(1)  ĠU C 277, 21.08.2017.