11.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Jannar 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberster Gerichtshof – l-Awstrija) – Cresco Investigation GmbH vs Markus Achatzi

(Kawża C-193/17) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 21 - Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol - Direttiva 2000/78/KE - Artikolu 2(2)(a) - Diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil ċerti ħaddiema jum wieħed ta’ leave fil-Ġimgħa l-Kbira - Ġustifikazzjoni - Artikolu 2(5) - Artikolu 7(1) - Obbligi tal-persuni li jimpjegaw privati u tal-qrati nazzjonali li jirriżultaw minn inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva 2000/78))

(2019/C 93/06)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Cresco Investigation GmbH

Konvenut: Markus Achatzi

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha, minn naħa, il-Ġimgħa l-Kbira hija biss btala pubblika għall-ħaddiema li huma membri ta’ ċerti knejjes Kristjani u, min-naħa l-oħra, dawn il-ħaddiema biss għandhom id-dritt, jekk huma jkollhom jaħdmu matul din il-btala pubblika, għal kumpens komplementari għar-remunerazzjoni li jirċievu għas-servizzi pprovduti matul dan il-jum, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon.

Il-miżuri previsti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jistgħux jiġu kkunsidrati la bħala miżuri neċessarji għall-ħarsien tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, fis-sens tal-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, u lanqas bħala miżuri speċifiċi intiżi sabiex jikkumpensaw għal żvantaġġi marbuta mar-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva.

2)

L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma emendax, sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament, il-leġiżlazzjoni tiegħu li tagħti d-dritt għal btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira biss lill-ħaddiema membri ta’ ċerti knejjes Kristjani, persuna li timpjega privata suġġetta għal din il-leġiżlazzjoni għandha l-obbligu li tagħti wkoll lill-ħaddiema l-oħra tagħha d-dritt għal btala pubblika fil-Ġimgħa l-Kbira, sakemm dawn tal-aħħar ikunu talbu minn qabel lil din il-persuna li timpjega sabiex ma jaħdmux dakinhar, u, konsegwentement, li tirrikonoxxi lil dawn il-ħaddiema d-dritt għal kumpens komplementari għar-remunerazzjoni li jirċievu għas-servizzi pprovduti matul dan il-jum, meta din il-persuna li timpjega tkun irrifjutat li tilqa’ din it-talba.


(1)  ĠU C 283, 28.8.2017.