27.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Lulju 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Lietuvos apeliacinis teismas – il-Litwanja) – AB “flyLAL-Lithuanian Airlines”, fi stralċ vs “Starptautiskā lidosta ‘Rīga’” VAS, “Air Baltic Corporation” AS

(Kawża C-27/17) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Ġurisdizzjonijiet speċjali - Il-punt 3 tal-Artikolu 5 - Materji ta’ delitt jew kważi delitt - Post fejn seħħ il-fatt dannuż - Post fejn tkun seħħet il-ħsara u post tal-fatt li kkawża l-ħsara - Talba għal kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat minn aġir antikompetittiv imwettaq fi Stati Membri differenti - Il-punt 5 tal-Artikolu 5 - Operat ta’ fergħa - Kunċett))

(2018/C 301/05)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos apeliacinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AB “flyLAL-Lithuanian Airlines”, fi stralċ

Konvenuti:“Starptautiskā lidosta ‘Rīga’” VAS, “Air Baltic Corporation” AS

Fil-preżenza ta’:“ŽIA Valda” AB, “VA Reals” AB, Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba

Dispożittiv

1)

Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv, il-“post fejn seħħ il-fatt dannuż” jirreferi, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari għall-post fejn ikun seħħ it-telf ta’ profitti li jikkonsisti f’telf ta’ bejgħ, jiġifieri l-post tas-suq affettwat mill-imsemmi aġir li fih il-vittma tallega li hija ġarrbet dan it-telf.

2)

Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens għal dannu kkawżat minn aġir antikompetittiv, il-kunċett ta’ “post fejn seħħ il-fatt dannuż” jista’ jinftiehem bħala li jirreferi jew għall-post tal-konklużjoni ta’ ftehim antikompetittiv kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE, jew għall-post fejn il-prezzijiet predatorji ġew offruti u applikati, jekk dawn il-prattiki kienu jikkostitwixxu ksur skont l-Artikolu 102 TFUE.

3)

Il-punt 5 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kontestazzjoni dwar l-operat ta’ fergħa” jkopri kawża intiża għall-kumpens għal dannu allegatament ikkawżat minn abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji, meta fergħa tal-impriża li għandha l-pożizzjoni dominanti tkun, b’mod effettiv u sinjifikattiv, ipparteċipat f’din il-prattika abbużiva.


(1)  ĠU C 104, 3.4.2017.