DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

30 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentazzjoni minn avukat li ma għandux il-kwalità ta’ terz indipendenti mir-rikorrent – Sostituzzjoni ta’ parti fil-kawża – Trasferiment tad-drittijiet tal-applikant għal trade mark tal-Unjoni Ewropea – Rappreżentazzjoni minn avukat li ma għandux il-kwalità ta’ terz indipendenti mill-applikant fis-sostituzzjoni ta’ parti – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑664/16,

PJ, irrappreżentat minn S., avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), inizjalment irrappreżentat minn S. Hanne, sussegwentement minn A. Söder, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Erdmann & Rossi GmbH, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Kunz-Hallstein u R. Kunz-Hallstein, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tat-18 ta’ Lulju 2016 (Każ R 1670/2015‑4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Erdmann & Rossi u PJ,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz u C. Iliopoulos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fid-19 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrent, PJ, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Erdmann & Rossi.

3

Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 12, 37 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni li ġejja:

Klassi 12: “Karozzi, b’mod partikolari vetturi sintonizzati; Bodis ta’ karozzi”;

Klassi 37: “Inklużi servizzi ta’ modernizzazzjoni ta’ karozzi u strutturi għal vetturi; manuteznjoni u tiswija ta’ vetturi karozzi”;

Klassi 42: “Disinn grafiku, forom u żvilupp tekniku tal-bodis tal-vetturi; ippjanar tad-dispożittivi tal-manifattura; kostruzzjoni ta’ manwali u installazzjonijiet għall-kostruzzjoni ta’ karozzi”.

4

It-trade mark ġiet irreġistrata fit-3 ta’ Frar 2012 taħt ir-reġistrazzjoni Nru 010310481.

5

Fis-26 ta’ Marzu 2014, l-intervenjenti, Erdmann & Rossi GmbH, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata abbażi tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, (li sar tal-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament Nru 2017/1001).

6

Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2015, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kollha kemm hi.

7

Fit-18 ta’ Awwissu 2015, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament Nru 2017/1001), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

8

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. Ir-rikors kien iffirmat minn S. fil-kwalità tagħha ta’ avukat.

10

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrent talab sabiex jibbenefika mill-anonimat u tat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta data lejn il-pubbliku, konformement mal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

11

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali bil-fatt li wara l-preżentata tat-talba tiegħu għall-anonimat u tal-ommissjoni ta’ ċerta data lejn il-pubbliku tal-14 ta’ Settembru 2016, l-EUIPO kienet, provviżorjament u sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali, għamlet id-deċiżjoni kkontestata inaċċessibbli fuq is-sit internet tagħha kif ukoll il-korrispondenza kollha li l-partijiet kienu ppreżentaw quddiem id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni u l-Bord tal-Appell.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2016, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tar-rikorrent li tħassar ismu u l-indirizz tiegħu fil-pubblikazzjonijiet relatati mal-kawża inkwistjoni u li tissostitwixxi ismu sussegwentement bl-ittri “PJ”.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2017 u wara r-risposta tar-rikorrent għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ċaħdet it-talba tar-rikorrent għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta data lejn il-pubbliku.

14

Fit-28 ta’ Marzu 2017, l-intervenjent ippreżenta risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

15

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-31 ta’ Marzu 2017, l-EUIPO qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

16

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ April 2017 u inkluża fil-proċess b’deċiżjoni tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju 2017, l-EUIPO informa lill-Qorti Ġenerali li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata fid-data tat-28 ta’ Frar 2017 fir-reġistru tal-EUIPO għall-benefiċċju ta’ detentur ġdid jiġifieri “[X][GmbH & Co. KG]”. Mill-annessi mehmuża ma’ dik l-ittra jirriżulta li r-reġistrazzjoni ġiet korretta mill-EUIPO u li l-marka ġiet irreġistrata fl-1 ta’ Marzu 2017 favur proprjetarju ieħor, jiġifieri “[Y]-GmbH ”

17

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Mejju 2017 u inkluża fil-proċess b’deċiżjoni tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent b’mod partikolari talab, minn naħa, l-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 89(3)(c) u (d), tar-Regoli tal-Proċedura għall-finijiet li jikkjarifika suspetti u manipulazzjonijiet tal-proċess amministrattiv u, min-naħa l-oħra, is-sospensjoni, konformement mal-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura, tal-proċedura preżenti sal-għeluq tal-investigazzjonijiet kriminali kontra kollaboraturi tal-EUIPO.

18

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-23 ta’ Mejju 2017, l-EUIPO ippreżenta, insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, provi ġodda, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

19

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2017, ir-rappreżentant tar-rikorrent, S., ressqet, skont l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura, talba għal sostituzzjoni ta’ [Y]-GmbH (iktar ’il quddiem l-“applikanta għal sostituzzjoni”) lir-rikorrent. Fl-1 ta’ Ġunju 2017, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet fil-proċedura sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmija talba għal sostituzzjoni skont l-Artikolu 176(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

20

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO.

21

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fit-2 ta’ Ġunju 2017, l-intervenjent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-ittri tal-EUIPO tat-3 ta’ April 2017 u tar-rikorrent tat-8 ta’ Mejju 2017.

22

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-ittra tal-EUIPO tat-3 ta’ April 2017. B’mod partikolari, ir-rikorrent isostni li d-dritt tiegħu li jinstema’ kif ukoll il-prinċipju ta’ proċedura tad-dritt għal proċedura ġusta jimponu li huwa jingħata l-possibbiltà li jwieġeb għar-risposta tal-intervenjent tat-28 ta’ Marzu 2017.

23

Permezz ta’ atti ppreżentati fi-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 u l-15 ta’ Ġunju 2017, l-intervenjent u l-EUIPO indikaw li t-talba għal sostituzzjoni kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

24

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ġunju 2017, l-offerti ta’ prova ġodda li l-EUIPO ppreżentat permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Mejju 2017 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) ġew inklużi fil-proċess u terminu ġie iffissat, konformement mal-Artikolu 85(4) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex ir-rikorrent u l-intervenjent jistgħu jieħdu pożizzjoni fuq l-offerti ta’ prova ġodda, dan huwa dak li għamlu fit-terminu stabbilit, fit-28 u fl-20 ta’ Ġunju 2017 rispettivament.

25

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl-20 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrent irrepeta t-talba tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2017 li jissospendi l-proċedura skont l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

26

Permezz ta’ atti ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl-14 u fil-21 ta’ Awwissu 2017, rispettivament, l-intervenjent u l-EUIPO ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba għal sospensjoni, fejn talbu sabiex din it-talba tiġi miċħuda.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2017, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal sospensjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrent.

28

Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż ta’ din il-kawża u tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem il-Bord tal-Appell kif ukoll quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

29

Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

30

Fl-osservazzjonijiet fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

tilqa’ r-rikors bħala ammissibbli.

31

Fir-risposta tagħha, l-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id-dritt

32

Skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-konvenut jista’ jitlob lill-Qorti Ġenerali tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. B’applikazzjoni tal-Artikolu 130(6) tar-regoli msemmija, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tibda l-fażi orali tal-proċedura fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

33

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali jidhrilha li hija għandha informazzjoni suffiċjenti mid-dokumenti tal-proċess u tiddeċiedi li ma hemmx lok li tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura.

34

Qabel ma tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors u t-talba għal sostituzzjoni, hemm lok li jiġu kkunsidrati t-talbiet tar-rikorrent dwar jekk il-Qorti Ġenerali għandha tiċħad kemm l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-31 ta’ Marzu 2017 kif ukoll l-offerti tal-prova tat-23 ta’ Mejju 2017 bħala inammissibbli.

Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO

35

Ir-rikorrent jargumenta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-EUIPO hija inammissibbli għar-raġuni li hija tardiva. B’mod iktar preċiż, huwa jsostni li, minn naħa, l-EUIPO ma osservax it-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 81(1) tar-Regoli tal-Proċedura u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ terminu ta’ għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza, previst mill-Artikolu 60 tal-istess regoli, ma huwiex applikabbli fil-kuntest ta’ trażmissjoni permezz tal-applikazzjoni e-Curia.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li minn qari flimkien tal-Artikolu 81 u l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta, li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ att separat fi żmien xahrejn wara n-notifika tar-rikors. Konformement mal-Artikolu 60 tal-istess regoli, dan it-terminu jiżdied b’terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem (digriet tat-23 ta’ Marzu 2017, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑624/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:243, punt 32).

37

Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar il-preżentata u n-notifika ta’ atti ta’ proċedura permezz tal-applikazzjoni e-Curia (ĠU 2011, C 289, p. 9), il-Qorti Ġenerali issostitwixxiet mod ta’ preżentata u notifika ta’ att ta’ proċedura b’mezz elettroniku. Konformement mal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, l-att ta’ proċedura huwa notifikat meta d-destinatarju jitlob aċċess għal dan l-att.

38

F’dan il-każ, intbagħat messaġġ lill-EUIPO permezz tal-applikazzjoni e-Curia fl-24 ta’ Jannar 2017 u dan il-korp talab aċċess għar-rikors fis-26 ta’ Jannar 2017, it-terminu sabiex jippreżenta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skada fil-5 ta’ April 2017.

39

Minn dan isegwi li, peress li ġiet ippreżentata permezz ta’ att separat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2017, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-EUIPO ġiet ippreżentata fit-terminu.

40

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bl-argument li bih it-terminu tad- distanza ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, għar-raġuni li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirrikjedi li l-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprevedi li l-imsemmi terminu ma huwiex applikabbli meta l-preżentata tal-oriġinali tal-att huwa ppreċedut mill-ispedizzjoni tiegħu lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ fax, hija applikata b’analoġija għall-preżentata ta’ att permezz tal-applikazzjoni e-Curia. Kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent, it-terminu tad-distanza ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura japplika għat-termini kollha ta’ proċedura previsti fit-Trattati, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura u irrispettivament mill-metodu tal-preżentata tal-att tal-proċedura (f’forma ta’ karta jew permezz tal-applikazzjoni e-Curia). Fl-assenza ta’ indikazzjoni kuntrarja fir-Regoli tal-Proċedura dwar il-preżentata ta’ att permezz tal-applikazzjoni e-Curia, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem previst mill-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura japplika għall-preżentata ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz tal-applikazzjoni e-Curia (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-23 ta’ Marzu 2017, Gollnisch vs Il-Parlement, T‑624/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:243, punti 3233).

41

Fl-aħħar nett, għandha tiġi eskluża bħala infondata l-allegazzjoni tar-rikorrent li biha l-preżentata tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO ma ġietx imwettqa konformement mal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar il-preżentata u n-notifika tal-atti tal-proċedura permezz tal-applikazzjoni e-Curia. Fil-fatt, mill-paġna ta’ quddiem tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jirriżulta b’mod ċar li ġiet innotifikata lill-partijiet, li l-preżentata ġiet validata permezz tal-applikazzjoni e-Curia, mill-aġent tal-EUIPO A. Soder fil-31 ta’ Marzu 2017. Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrent li biha “ma jirriżultax mill-eżami tal-proċess imwettaq mir-[rappreżentant tar-rikorrent] fis-26 ta’ April 2017 li, matul il-preżentata fil-31 ta’ Marzu 2017, il-login u l-password ta’ [A. Soder] ġew użati”, għandu jiġi kkonstatat li huwa teknikament impossibbli għal rappreżentant ta’ parti li jivverifika huwa stess jekk u meta r-rappreżentant tal-parti l-oħra uża l-login jew il-password tiegħu bl-applikazzjoni tal-informatika e-Curia.

42

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikorrent għandha tiġi eskluża.

Fuq l-ammissibbiltà tal-offerti tal-prova ppreżentati mill-EUIPO fit-23 ta’ Mejju 2017 skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura

43

Ir-rikorrent jeċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ produzzjoni ta’ provi ġodda li l-EUIPO, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Mejju 2017, ippreżentat insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha. Din hija rigward messaġġ elettroniku li ġie trażmess lill-EUIPO mill-intervenjent fil-11 ta’ Mejju 2017 u li fih estratt tal-gemeinsames Registerportal der Länder (portal ta’ reġistrazzjoni komuni tal-Länder Ġermaniżi), li joffri, b’titolu oneruż, aċċess għar-reġistri kollha tal-kummerċ tal-Länder kollha Ġermaniżi. Skont l-EUIPO, dan l-estratt huwa intiż li juri, minn naħa, li r-rikorrent huwa awtorizzat li jirrappreżenta biss l-uffiċċju ta’ avukati [Z.] u sabiex jikkonkludi operazzjonijiet legali miegħu stess u, min-naħa l-oħra, li l-avukat li r-rikorrent inkariga fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri S., ma hijiex imsieħba fl-uffiċċju hawn fuq imsemmi. Għalhekk, huwa evidenti li jeżisti kuntratt ta’ xogħol u, konsegwentement, relazzjoni ta’ persuna li timpjega u impjegat bejn l-uffiċċju tar-rikorrent u S.

44

Skont ir-rikorrent, l-EUIPO setgħet u kellha l-obbligu li tikkonsulta dan ir-reġistru sabiex tressqu bħala prova matul is-sottomissjoni tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, peress li, minn naħa, l-estratt tar-reġistru sottomess jeżisti mill-2013 u, min-naħa l-oħra, l-EUIPO indika diversi drabi fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu li l-uffiċċju ta’ avukati inkwistjoni kienet kumpannija ċivili professjonali.

45

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-provi u l-provi proposti jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti, peress li l-partijiet prinċipali jistgħu, eċċezzjonalment, jipproduċu provi jew il-provi proposti qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li l-produzzjoni tardiva tagħhom tkun iġġustifikata.

46

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-EUIPO pproduċa l-estratt imsemmi fil-punt 43 iktar ’il fuq fit-23 ta’ Mejju 2017, kważi xahrejn wara l-preżentata tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-31 ta’ Marzu 2017. Madankollu, din il-produzzjoni tardiva minn naħa tal-EUIPO hija dovuta għall-fatt li, l-ewwel nett, l-ittra li kien fiha dan l-estratt ġiet trażmessa lilu mill-intervenjent biss fil-11 ta’ Mejju 2017, it-tieni nett, l-EUIPO ma kellux aċċess għal portal ta’ reġistrazzjoni komuni tal-Länder Ġermaniżi u, it-tielet nett, il-kisba, b’titolu oneruż, ta’ tali aċċess ma hijiex iġġustifikata fir-rigward tal-attivitajiet tal-EUIPO.

47

Għaldaqstant, il-produzzjoni tardiva tal-prova l-ġdida hija ġġustifikata u għalhekk ammissibbli. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tar-rappreżentanza tar-rikorrent hija waħda ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-5 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il-Kunsill, C‑573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564, punt 20) u tista’, skont l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura, tista’ tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti Ġenerali fi kwalunkwe mument.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

48

Permezz tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, l-EUIPO jsostni, essenzjalment, li rikorrent ma kienx debitament rappreżentat minn avukat fis-sens tal-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u li r-rikors ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 73(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

49

Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, l-EUIPO jinvoka żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-fatt li r-rikorrent, billi attribwixxa lill-uffiċċju ta’ avukati [Z.] fejn huwa assoċjat mandat ta’ rappreżentazzjoni ġenerali, fil-fatt innomina lilu nnifsu u, it-tieni waħda, fuq il-fatt li peress li r-rappreżentant li ffirmat u ppreżentat ir-rikors, S. kienet impjegata ta’ dan l-uffiċċju ta’ avukati [Z.] u ma tissodisfax ir-rekwiżit tal-indipendenza li jirriżulta mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mir-Regoli tal-Proċedura sa fejn jiddependi mill-fatt li r-rikorrent, li, bħala assoċjat u proprjetarju ta’ dan l-uffiċċju għandu setgħa ta’ direzzjoni fuqha.

50

Ir-rikorrent jikkontesta l-argument tal-EUIPO. Skont ir-rikorrent, la l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ “awto-rappreżentazzjoni” min-naħa tiegħu lanqas dawk ta’ difett fl-indipendenza tar-rappreżentanta tiegħu ma huma sodisfatti f’dan il-każ.

51

Għandu jitfakkar li, skont it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, kif ukoll skont l-Artikolu 73(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet, minbarra l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) jew l-Istati partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-ŻEE. Minbarra dan, fir-rikors għandu jkun hemm l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju. Fl-aħħar nett, l-oriġinal ta’ kull att proċedurali għandu jiġi ffirmat mill-aġent jew mill-avukat tal-parti.

52

Skont ġurisprudenza stabbilita, mid-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, u b’mod partikolari mill-użu tal-kelma “rappreżentati” fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li, sabiex tressaq każ quddiem il-Qorti Ġenerali, “parti”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, tkun xi tkun il-kwalità tagħha, ma hijiex awtorizzata taġixxi hija stess, iżda għandha tirrikorri għas-servizzi ta’ terzi li għandhom ikunu awtorizzati jidhru quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat parti għal-Ftehim dwar iż-ŻEE (ara d-digriet tal-20 ta’ Lulju 2016, PITEE vs Il-Kummissjoni, T‑674/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:444, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett tar-rwol tal-avukat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri, u li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa dak ta’ kollaboratur tal-ġustizzja mitlub sabiex jagħti, b’mod indipendenti u fl-interess superjuri tagħha, l-assistenza legali li għandu bżonn il-klijent (ara d-digriet tas-16 ta’ Settembru 2016, Salavrakos vs Il-Parlement, T‑396/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:588, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-assistenza hija dik ipprovduta minn avukat li huwa, strutturalment, ġerarkikament u funzjonalment, terza persuna fil-konfront tal-persuna li tibbenefika minn din l-assistenza (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punt 168). Din l-interpretazzjoni tar-rekwiżit tal-indipendenza tal-avukat hija rilevanti fil-kuntest tar-rappreżentanza quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, id-digriet tad-9 ta’ Novembru 2011, Glaxo Group vs UASI ‑ Farmodiética (ADVANCE), T‑243/11, mhux ippubblikat, EU:T:2011:649, punt 16).

54

Għalhekk, ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-avukat jimplika n-nuqqas ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg bejn dan tal-aħħar u l-klijent tiegħu. Fil-fatt, il-kunċett ta’ indipendenza tal-avukat huwa ddefinit mhux biss b’mod pożittiv, jiġifieri permezz ta’ riferiment għad-dixxiplina professjonali, iżda wkoll b’mod negattiv, jiġifieri permezz tan-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ impjieg (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il-Kummissjoni, C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Dan ir-raġunament japplika bl-istess mod f’sitwazzjoni, bħal dik fejn l-avukat ikun impjegat minn entità marbuta mal-parti rrappreżentata minnu (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il-Kummissjoni, C 422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 25), jew meta avukat huwa marbut mar-rikorrent permezz ta’ kuntratt irregolat mid-dritt ċivili.

56

Ġie deċiż ukoll li l-avukat ta’ parti fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandux ikollu rabta personali mal-kawża inkwistjoni jew dipendenza fuq il-klijent tiegħu ta’ natura tali li jinħoloq ir-riskju li dan ma jkunx f’pożizzjoni li jaqdi r-rwol essenzjali tiegħu ta’ awżiljarju tal-ġustizzja bl-iktar mod xieraq. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset li r-relazzjonijiet ekonomiċi jew strutturali li r-rappreżentant kellu mal-klijent tiegħu ma kellhomx ikunu ta’ natura li joħolqu konfużjoni bejn l-interessi proprji tal-klijent u l-interessi personali tar-rappreżentant tiegħu (digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, ClientEarth vs Il-Kunsill, T‑452/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:420, punt 20).

57

Ir-rekwiżit impost mid-dritt tal-Unjoni fuq il-partijiet mhux ipprivileġġati li jiġu rrappreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali minn terz indipendenti għaldaqstant ma jistax jinftiehem bħala li huwa rekwiżit intiż unikament li jeskludi rappreżentanza minn impjegati tal-mandant jew minn dawk li huma ekonomikament dipendenti fuq dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-5 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il-Kunsill, C‑573/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:564, punt 13). Dan huwa rekwiżit iktar ġenerali li l-osservanza tiegħu għandha tkun eżaminata każ b’każ (digriet tal-20 ta’ Novembru 2017, BikeWorld vs Il-Kummissjoni, T‑702/15, EU:T:2017:834, punt 35).

58

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO.

59

Fl-ewwel lok, fuq l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-EUIPO li tallega xi xorta ta’ “awto-rappreżentazzjoni”, għandu jiġi kkonstatat li r-rappreżentant li ffirma u ppreżenta r-rikors promotur bl-applikazzjoni e-Curia hija S., u mhux ir-rikorrent. Jirriżulta li l-ewwel raġuni ta’ inammissibbiltà invokata mill-EUIPO għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

60

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tal-EUIPO li bih ir-rikorrent ta lill-uffiċċju tal-avukati [Z.] , fejn huwa wieħed miż-żewġ assoċjati fundaturi, mandat ta’ rappreżentazzjoni ġenerali, li huwa, fir-realtà, mandat ta’ awto-rappreżentazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura jistipula li l-avukati huma obbligati, meta l-parti li jirrappreżentaw hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, li jippreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mandat mogħti minn din tal-aħħar. Issa dan ir-rekwiżit ma japplikax meta r-rikorrent huwa persuna fiżika, bħal f’dan il-każ. Għaldaqstant, il-fatt li r-rikorrent ta mandat lill-uffiċċju tal-avukati [Z.] huwa mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-allegata awto-rappreżentazzjoni.

61

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-EUIPO, li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk S. hija f’pożizzjoni li tipprovdi assistenza legali lir-rikorrent “fl-indipendenza kollha”, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rabtiet li S. għandha mar-rikorrent huma kompatibbli mar-rekwiżiti applikabbli għar-rappreżentazzjoni tal-partijiet mhux ipprivileġġati quddiem il-qrati tal-Unjoni.

62

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li r-rikorrent huwa wieħed mill-kofundaturi tal-uffiċċju ta’ avukati [Z.] u huwa wieħed mill-uniċi żewġ assoċjati ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta, u b’mod partikolari mill-intestatura użata għall-preżentata tar-rikors kif ukoll mis-sit internet tal-uffiċċju, li S. ma hijiex assoċjata tal-uffiċċju tal-avukati [Z.] Mill-proċess jirriżulta wkoll li l-uffiċċju tal-avukati [Z.] hija kumpannija rreġistrata distinta fuq il-livell ġuridiku mir-rikorrent, anki jekk dan tal-aħħar huwa awtorizzat jirrappreżentaha (ara provi ppreżentati mill-EUIPO fit-23 ta’ Mejju 2017, punti 43 sa 47 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, huwa stabbilit li r-rikorrent ta mandat lill-uffiċċju tal-avukati [Z.] sabiex jiddefendih u li S. intervjeniet għan-nom tal-uffiċċju.

63

Issa, anki jekk jiġi ammess li r-rikorrent ma huwiex l-uniku sieħeb fl-uffiċċju ta’ avukati [Z.] u li, kif jindika r-rikorrent fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, id-deċiżjonijiet tal-imsemmi uffiċċju kienu meħuda unanimament, ir-rikorrent ma setax “waħdu, la jimpjega, la jkeċċi, la jippromwovi” wieħed mill-kollaboraturi tal-uffiċċju, il-fatt jibqa’ li, preċiżament minħabba l-fatt li d-deċiżjonijiet huma meħuda unanimament miż-żewġ assoċjati, ir-rikorrent jeżerċita kontroll effettiv fuq id-deċiżjonijiet kollha tal-uffiċċju tal-avukati, inklużi dawk dwar il-kollaboraturi tal-imsemmi uffiċċju, inkluża S. Għalhekk, minkejja s-sħubija tagħha fl-avukatura u tas-sottomissjoni tagħha għar-regoli professjonali tal-professjoni ta’ avukat li ssegwi, S. ma tgawdix fir-rigward tar-rikorrent l-istess grad ta’ indipendenza li avukat li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu f’uffiċċju ieħor minbarra dak tal-klijent tiegħu fejn huwa assoċjat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa iktar diffiċli għal S. li ssib rimedju għal tensjonijiet eventwali bejn l-obbligi professjonali u l-għanijiet mixtieqa mill-klijent tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 45).

64

Barra minn hekk, ir-relazzjoni ta’ S. mal-uffiċċju tal-avukati [Z.] , minkejja l-fatt li hija legalment distinta mir-rikorrent, tista’ taffettwa l-indipendenza ta’ S. peress li l-interessi tal-uffiċċju tal-avukati [Z.] huma fil-biċċa l-kbira konfużi ma’ dawk tar-rikorrent. Għalhekk, jeżisti riskju li l-opinjoni professjonali ta’ S. tkun, għall-inqas parzjalment, influwenzata mill-ambjent professjonali tagħha (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il-Kummissjoni, C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 25, u d-digriet tal-14 ta’ Novembru 2016, Dimos Athinaion vs Il-Kummissjoni, T‑360/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:694, punt 10).

65

Din ir-rabta personali li S. kellha mar-rikorrent fil-mument tal-preżentata tar-rikors, hija għalhekk ta’ natura tali li toħloq r-riskju li ma jippermettilhiex li tissodisfa r-rwol essenzjali tagħha ta’ awżiljarju tal-ġustizzja bl-iktar mod xieraq.

66

Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti tar-rikorrent.

67

L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li ebda ksur tal-indipendenza ta’ S. ma huwa possibbli peress li tali ksur imur kontra r-regoli nazzjonali Ġermaniżi tal- Bundesrechtsanwaltsordnung (il-Liġi Federali tal-Avukati), tal-1 ta’ Awwissu 1959 (BGBl. 1959 I, p. 565) u tal-Berufsordnung für Rechtsanwälte (ir-Regoli tal-Professjoni tal-Avukat). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, jekk il-kunċett tar-rwol tal-avukat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirriżulta mit-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri, fil-kuntest tal-kwistjonijiet imressqa quddiem il-qrati tal-Unjoni, huwa s-suġġett ta’ implimentazzjoni oġġettiva, li hija neċessarjament indipendenti mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar ir-rappreżentazzjoni tal-partijiet mhux ipprivileġġati quddiem il-qrati tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, b’mod awtonomu, mingħajr ma ssir referenza għad-dritt nazzjonali (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il-Kummissjoni, C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punti 3435, u d-digriet tal-14 ta’ Novembru 2016, Dimos Athinaion vs Il-Kummissjoni, T‑360/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:694, punt 13). Issa, kif jirriżulta mill-punti 53 sa 56 iktar ’il fuq, il-kunċett tal-indipendenza tal-avukat huwa, fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, iddefinit mhux biss b’ mod pożittiv, abbażi tal-appartenenza ma’ uffiċċju jew tas-sottomissjoni għar-regoli ta’ dixxiplina u ta’ deontoloġija professjonali, iżda wkoll b’mod negattiv.

68

It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-attività intraprenditorjali tiegħu, bħala persuna fiżika proprjetarju tat-trade mark ikkontestata, hija b’mod ċar distinta minn dik ta’ persuna ġuridika, u b’mod partikolari mill-uffiċċju tal-avukati [Z.] , li ma huwiex parti fit-tilwima. Issa, huwa veru li l-persuna ġuridika tibbenefika minn awtonomija legali fir-rigward tal-assoċjati tagħha, jidher, f’dan il-każ diffiċli li tiġi stabbilita formalment delimitazzjoni bejn l-aġir ta’ persuna ġuridika u dik ta’ persuna fiżika. Fil-fatt, huwa manifest li l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika jibbenefikaw l-interessi u l-attivitajiet tal-assoċjat bħala persuna fiżika.

69

It-tielet nett, ir-rikorrent ikkonstata li l-indipendenza tal-avukat rikjesta mill-ġurisprudenza ma hijiex kriterju previst mill-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u ma tidhirx iktar mill-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura u li l-inammissibbiltà tar-rikors huwa, għalhekk, f’kontradizzjoni mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn dan tal-aħħar jirrikjedi li regola tad-dritt li timponi piżijiet fuq l-individwi tkun ċara u preċiża u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni kkonċernati.

70

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali jirrikjedi, ċertament li regola tkun ċara u preċiża sabiex il-partijiet fil-kawża jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità id-drittijiet tagħhom u l-obbligi tagħhom u konsegwentement jieħdu d-dispożizzjonijiet tagħhom. Madankollu, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan il-prinċipju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jirriżultaw mill-kliem, l-għan jew l-istruttura ta’ din ir-regola, jekk hemm bżonn bl-użu tal-interpretazzjoni mogħtija mill-qrati.

71

Issa, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-espressjoni “Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat”, li tinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, teskludi għalhekk parti biss u r-rappreżentant tagħha tista’ tkun persuna waħda jew l-istess persuna (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-3 ta’ Settembru 2015, Lambauer vs Il-Kunsill, C‑52/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:549, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Novembru 2016, García Ruiz vs Il-Parlament, T‑628/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:669, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sussegwentement, il-konċepiment tar-rwol tal-avukat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u b’mod partikolari tar-rekwiżit tal-indipendenza, fejn l-osservanza għandha tiġi eżaminata każ b’każ (ara l-punt 57 iktar ’il fuq), tirriżulta mit-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati Membri (ara l-punt 53 iktar ’il fuq) Fl-aħħar nett minn ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni jirriżulta li l-assistenza legali pprovduta “fl-indipendenza kollha” hija dik ipprovduta minn avukat li huwa, strutturalment, ġerarkikament u funzjonalment, terz fir-rigward tal-persuna li tibbenefika minn din l-assistenza (ara l-punt 53 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-fatt li r-rekwiżit tal-indipendenza ma huwiex previst b’mod espliċitu mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew ir-Regoli tal-Proċedura ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

72

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li r-rikors promotur ma ġiex iffirmat minn avukat indipendenti, dan ir-rikors ma ġiex ippreżentat konformement mat-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

73

Konsegwentement, u mingħajr il-ħtieġa li tiġi ordnata l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrent, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq it-talba għal sostituzzjoni

74

L-EUIPO u l-intervenjent jeċċepixxu l-inammissibbiltà tat-talba għal sostituzzjoni mill-applikanta għal sostituzzjoni, li kienet issir, skont ir-rikorrent, il-proprjetarja tat-applikazzjoni tat-trade mark ikkontestata u għalhekk l-aventi kawża. Skont l-EUIPO u l-intervenjent, l-applikanta għal sostituzzjoni ma hijiex irrappreżentata konformement mal-Artikolu 175(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

75

Skont l-Artikolu 176(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikazzjoni għal sostituzzjoni tista’ tiġi deċiża permezz ta’ digriet motivat tal-President jew f’ deċiżjoni li ttemm l-istanza.

76

Konformement mal-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura, meta dritt ta’ proprjetà intellettwali dwar it-tilwima ġie ttrasferit minn parti fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO lil terz, l-aventi kawża jista’ jitlob li jissostitwixxi lil parti inizjali fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Huwa speċifikat fl-Artikolu 176(5) tar-Regoli tal-Proċedura li, jekk it-talba għal sostituzzjoni tintlaqa’, l-aventi kawża għandu jaċċetta t-tilwima fl-istat li tinsab fil-mument tas-sostituzzjoni. Huwa jkun marbut mill-atti proċedurali ppreżentati mill-parti li minflokha jkun daħal fil-kawża. Barra minn hekk, mill-Artikoli 17 u 24 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 20 u 28 tar-Regolament Nru 2017/1001) jirriżulta li, wara r-reġistrazzjoni ta’ trasferiment ta’ applikazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea fir-Reġistru tal-EUIPO, l-aventi kawża jista’ jibbenefika mid-drittijiet li jirriżultaw minn din l-applikazzjoni.

77

Fl-aħħar nett, konformement mal-Artikolu 175(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-applikanta għal sostituzzjoni hija rrappreżentata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

78

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal sostituzzjoni peress li l-Qorti Ġenerali qieset, għar-raġunijiet stipulati fil-punti 59 sa 73 iktar ’il fuq, li r-rikors kien inammissibbli. Fil-fatt, f’kawża bħal f’dan il-każ, fejn l-applikant għal sostituzzjoni huwa strettament marbut mar-rikorrent, it-talba għal sostituzzjoni titlef ir-rilevanza kollha ladarba r-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli, minħabba irregolarità fir-rappreżentazzjoni tar-rikorrent.

79

Fit-tieni lok, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal sostituzzjoni ma tistax titqies bħala ammissibbli fid-dawl tal-fatti ta’ dan il-każ. B’mod iktar preċiż, S. informat lill-Qorti Ġenerali bit-trasferiment tat-talba għar-reġistrazzjoni inkwistjoni tar-rikorrent lill-applikanta għal sostituzzjoni u talbet, bħala rappreżentanta ta’ dan tal-aħħar, is-sostituzzjoni tar-rikorrent f’din il-proċedura mill-applikanta għal sostituzzjoni. S. b’mod partikolari annettiet, bħala prova tat-trasferiment tal-applikazzjoni tat-trade mark ikkontestata lill-applikanta għal sostituzzjoni, komunikazzjoni tal-EUIPO tal-1 ta’ Marzu 2017 kif ukoll estratt tar-reġistru tal-EUIPO. S. ipprovdiet ukoll kopja tal-mandat mogħti lill-uffiċċju tal-avukati [Z.] mill-applikanta għal sostituzzjoni.

80

Issa, kif tfakkar fil-punt 77 iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet tar-rappreżentazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea japplikaw ukoll fil-kuntest ta’ talba għal sostituzzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-avukat li ffirmat t-talba għal sostituzzjoni. S., ma hijiex avukat indipendenti fir-rigward tal-applikanta għal sostituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li l-mandant ta’ din l-applikanta u firmatarju tal-mandat imsemmi fil-punt 79 iktar ’il fuq huwa r-rikorrent, li huwa wieħed minn biss żewġ assoċjati fl-uffiċċju [Z.] li fi ħdanu S. kienet teżerċita l-professjoni ta’ avukat fil-mument tal-preżentata tat-talba għal sostituzzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 63 sa 65 iktar ’il fuq).

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal sostituzzjoni ppreżentata mill-applikanta għal sostituzzjoni.

Fuq l-ispejjeż

82

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO u mill-intervenjenti.

83

Skont l-Artikolu 176(4) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ ta’ ċaħda tat-talba għal sostituzzjoni, jiġi deċiż fuq l-ispejjeż relatati mal-imsemmija talba, inklużi l-ispejjeż tal-applikanta għal sostituzzjoni, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 134 u 135. Peress li t-talba għal sostituzzjoni ġiet miċħuda, u l-ebda talba ma ġiet ippreżentata dwar l-ispejjeż relatati mat-talba għal sostituzzjoni, għandu jiġi deċiż, minn naħa, li l-applikanta għal sostituzzjoni tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u, min-naħa l-oħra, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-imsemmija talba għal sostituzzjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

 

2)

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal sostituzzjoni.

 

3)

PJ huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

4)

[Y]-GmbH, u kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mat-talba għal sostituzzjoni.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Mejju 2018.

Reġistratur

E. Coulon

Il-President

H. Kanninen


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.