DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

28 ta’ Frar 2017 ( 1 )*

“Rikors għal annullament — Dikjarazzjoni UE‑Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 — Stqarrija għall-istampa — Kunċett ta’ ‘ftehim internazzjonali’ — Identifikazzjoni tal-awtur tal-att — Portata tal-att — Sessjoni tal-Kunsill Ewropew — Laqgħa tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni li nżammet fil-bini tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea — Kwalità tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni waqt laqgħa mar-rappreżentant ta’ Stat terz — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Inkompetenza”

Fil-Kawża T-192/16,

NF, residenti f’Lesbos (il-Greċja), irrappreżentat minn B. Burns, solicitor, P. O’Shea u I. Whelan, barristers,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill Ewropew, irrappreżentat minn K. Pleśniak, Á. de Elera‑San Miguel Hurtado u S. Boelaert, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala għan talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament ta’ ftehim li ġie allegatament konkluż bejn il-Kunsull Ewropew u r-Repubblika tat-Turkija fit-18 ta’ Marzu 2016 u intitolat “Dikjarazzjoni UE-Turkija, 18 ta’ Marzu 2016”,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius, P. Nihoul, J. Svenningsen (Relatur) u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Fuq il-laqgħat bejn il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea u Torok qabel it-18 ta ’ Marzu 2016

1

Fil-15 ta’ Ottubru 2015, ir-Repubblika tat-Turkija u l-Unjoni Ewropea ftehmu pjan ta’ azzjoni komuni intitolat “EU‑Turkey joint action plan”, (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ azzjoni komuni”) intiż sabiex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejniethom, fir-rigward tas-sostenn taċ-ċittadini Sirjani li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali temporanja u fir-rigward tal-ġestjoni migratorja, biex tiġi indirizzata l-kriżi li nħolqot minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja.

2

Il-pjan ta’ azzjoni komuni kien jaspira li jindirizza s-sitwazzjoni ta’ kriżi fis-Sirja bi tliet modi, jiġifieri, l-ewwel nett, billi jitratta mill-għerq ir-raġunijiet li jwasslu għal eżodu enormi ta’ Sirjani, it-tieni nett, billi jingħata sostenn lis-Sirjani li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali temporanja u lill-komunitajiet ta’ akkoljenza tagħhom fit-Turkija u, it-tielet nett, billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam ta’ prevenzjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni illegali diretta lejn l-Unjoni.

3

Fid-29 ta’ Novembru 2015, il-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni ltaqgħu mal-kontroparti Torka tagħhom (iktar ’il quddiem l-“ewwel laqgħa tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern”). Fi tmiem din il-laqgħa, huma ddeċidew li jattivaw il-pjan ta’ azzjoni komuni u, b’mod partikolari, li jintensifikaw il-kooperazzjoni attiva tagħhom fir-rigward tal-migranti li ma kellhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, billi dawn jiġu preklużi milli jidħlu fit-Turkija u fl-Unjoni, billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet bilaterali li kienu ġew stabbiliti fil-qasam ta’ riammissjoni u billi l-migranti li ma kellhomx bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jintbagħtu lura fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom mingħajr dewmien.

4

Fit-8 ta’ Marzu 2016, dikjarazzjoni tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Unjoni, ippubblikata b’mod konġunt mid-dipartimenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kienet indikat li l-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Unjoni kienu ltaqgħu mal-Prim Ministru Tork fejn iddiskutew ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija u li kien sar progress fl-implementazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni komuni. Din il-laqgħa seħħet fis-7 ta’ Marzu 2016 (iktar ’il quddiem it-“tieni laqgħa tal-kapijiet ta’ Stat u tal-gvern”). Din id-dikjarazzjoni kienet tippreċiża:

“Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern qablu li jinħtieġu passi kuraġġużi biex jingħalqu r-rotot għall-faċilitaturi tad-dħul klandestin ta’ persuni, biex jinkiser il-mudell tan-negozju tal-faċilitaturi tad-dħul klandestin ta’ persuni, biex jiġu protetti l-fruntieri esterni [tal-Unjoni] u biex tintemm il-kriżi tal-migrazzjoni fl-Ewropa. […] [Huma laqgħu] b’entużjażmu l-proposti addizzjonali li saru llum mi[r-Repubblika ta]t-Turkija biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-migrazzjoni. Qablu li jaħdmu abbażi tal-prinċipji li [ġejjin]:

li jiġu rritornati l-migranti rregolari ġodda kollha li jaqsmu mit-Turkija għall-gżejjer Griegi bl-ispejjeż koperti mill-U[njoni];

li, għal kull Sirjan riammess mit-Turkija mill-gżejjer Griegi, jiġi sistemat mill-ġdid Sirjan ieħor mit-Turkija lejn l-Istati Membri tal-U[njoni], fi ħdan il-qafas tal-impenji eżistenti;

[…]

Il-President tal-Kunsill Ewropew ser imexxi ’l quddiem dawn il-proposti u jelabora d-dettalji man-naħa [tar-Repubblika tat-Turkija] qabel il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu. […]

Dan id-dokument ma jistabbilixxi ebda mpenn ġdid għall-Istati Membri għal dawk li huma r-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni.

[…]”

5

Fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2016) 166 finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, tas-16 ta’ Marzu 2016, intitolata “il-passi operattivi li jmiss fil-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija fil-qasam tal-migrazzjoni” (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2016”), il-Kummissjoni Ewropea indikat li, fis-7 ta’ Marzu 2016, il-“Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni [kienu] laqgħu bil-ferħ il-proposti addizzjonali li saru mi[r-Repubblika ta]t-Turkija u [kienu] qablu li jaħdmu mat-Turkija abbażi ta’ sett ta’ sitt prinċipji”, li “[il]-President tal-Kunsill Ewropew [kien] intalab imexxi ’l quddiem dawn il-proposti u jaħdem fuq id-dettalji mat-Turkija qabel il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu” u li din “il-Komunikazzjoni [kienet] tistabbilixxi kif is-sitt prinċipji għandhom jitmexxew ’il quddiem, bit-twettiq sħiħ tal-potenzjal għal kooperazzjoni bejn l-U[njoni] u [r-Repubblika ta]t-Turkija filwaqt li tiġi rispettata l-leġiżlazzjoni Ewropea u dik internazzjonali”.

6

Fil-Komunikazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li “[i]r-ritorn tal-migranti irregolari ġodda kollha u l-applikanti għall-ażil mill-Greċja lejn it-Turkija [kien] komponent essenzjali biex titwaqqaf ix-xejra ta’ refuġjati u migranti li jħallsu kuntrabandisti u jissugraw ħajjithom” u li, “meta jitqies id-daqs tal-flussi attwali bejn it-Turkija u l-Greċja, arranġamenti bħal dawn għandhom jitqiesu bħala miżura temporanja u straordinarja li [kienet] meħtieġa biex tintemm it-tbatija umana u biex jerġa jkun hemm l-ordni pubblika u li [kienet] teħtieġ li tkun appoġġata b’qafas operazzjonali rilevanti”. Skont din il-komunikazzjoni, kienu ġew ikkonstatati żviluppi fir-rigward tar-riammissjoni, mir-Repubblika tat-Turkija, tal-migranti irregolari u tal-applikanti għall-ażil li ma għandhomx bżonn protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-ftehim bilaterali ta’ riammissjoni bejn ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tat-Turkija, li kellu jiġi ssostitwit, mill-1 ta’ Ġunju 2016, bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni [b’mod irregolari] (ĠU 2014, L 134, p. 3).

7

Il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet, fil-Komunikazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2016, li “[l]-arranġamenti għar-ritorn ta’ migranti irregolari u applikanti għall-ażil ġodda kollha li jaqsmu l-Baħar Eġew mit-Turkija [jidhru li huma] miżuri temporanji u straordinarji, [li] għandhom jibdew mill-aktar fis possibbli”, u li, f’din il-perspettiva, l-imsemmija komunikazzjoni kienet “tistabbilixxi qafas li jiżgura li l-proċess isir b’konformità mal-liġi internazzjonali u Ewropea, li jeskludi l-applikazzjoni ta’ politika ta’ ritorn ‘totali’ [, u hija kienet] tindika l-passi leġiżlattivi u loġistiċi, li [kien] jeħtieġ li jitwettqu b’mod urġenti sabiex il-proċess jiġi mniedi”.

Fuq il-laqgħa tat-18 ta ’ Marzu 2016 u fuq id-Dikjarazzjoni UE-Turkija

8

Fit-18 ta’ Marzu 2016, permezz tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16, ġiet ippubblikata fuq is-sit internet tal-Kunsill dikjarazzjoni intiża sabiex tillustra r-riżultati “it-tielet laqgħa minn Novembru 2015 ’il hawn iddedikata lill-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-UE kif ukoll lill-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni” (iktar ’il quddiem il-“laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016”) bejn “il-Membri tal-Kunsill Ewropew” u “[l]-kontroparti Torka tagħhom” (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni UE‑Turkija”).

9

Id-Dikjarazzjoni UE‑Turkija kienet tesponi li, filwaqt li “kkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni konġunt tagħhom attivat fid-29 ta’ Novembru 2015, [ir-Repubblika ta]t-Turkija u l-U[njoni] [kienu] rrikonoxxew li [kienu] jinħtieġu sforzi ulterjuri, rapidi u determinati.” Din id-dikjarazzjoni kienet tkompli kif ġej:

“Sabiex jitkisser il-mudell operattiv tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin u biex il-migranti jiġu offruti alternattiva għal dik fejn jpoġġu ħajjithom f’riskju, l-U[njoni] u [r-Repubblika ta]t-Turkija llum iddeċidew li jtemmu l-migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-U[njoni]. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, qablu fuq il-punti ta’ azzjoni addizzjonali li ġejjin:

1)

Il-migranti irregolari ġodda kollha li jaqsmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi sa mill-20 ta’ Marzu 2016 ser jiġu ritornati lit-Turkija. Dan ser isir f’konformità sħiħa mad-dritt tal-U[njoni] u dak internazzjonali, u b’hekk jiġi eskluż kwalunkwe tip ta’ espulsjoni kollettiva. Il-migranti kollha ser jiġu protetti f’konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti u b’rispett lejn il-prinċipju tan-non-refoulement. Din ser tkun miżura temporanja u straordinarja li hija meħtieġa biex tintemm it-tbatija umana u jerġa’ jkun hemm l-ordni pubbliku. Il-migranti li jaslu fil-gżejjer Griegi ser ikunu reġistrati kif dovut u kwalunkwe applikazzjoni għall-asil ser tkun ipproċessata individwalment mill-awtoritajiet Griegi f’konformità mad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil, b’kooperazzjoni mal-UNHCR. Il-migranti li ma japplikawx għall-asil jew li l-applikazzjonijiet tagħhom tinstab bħala infondata jew inammissibbli f’konformità mad-direttiva msemmija ser jiġu ritornati lit-Turkija. I[r-Repubblika ta]t-Turkija u [r-Repubblika Ellenika], megħjuna mill-UNHCR kif ukoll mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-U[njoni], ser jieħdu l-passi meħtieġa u jaqblu dwar kwalunkwe arranġament bilaterali neċessarju, inkluża l-preżenza ta’ uffiċjali Torok fuq il-gżejjer Griegi u uffiċjali Griegi fit-Turkija sa mill-20 ta’ Marzu 2016, biex jiġi żgurat kollegament u b’hekk jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel ta’ dawn l-arranġamenti. L-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta’ ritorn ta’ migranti irregolari ser ikunu koperti mill-U[njoni].

2)

Għal kull Sirjan li jiġi ritornat lit-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor ser ikun risistemat mit-Turkija lejn l-U[njoni] b’kont meħud tal-Kriterji ta’ Vulnerabilità tan-NU. Ser jiġi stabbilit mekkaniżmu, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, l-aġenziji tal-U[njoni] u Stati Membri oħra, kif ukoll il-UNHCR, biex jiġi żgurat li dan il-prinċipju jkun implimentat mill-istess jum li jibdew ir-ritorni. Ser tingħata prijorità lil migranti li ma kinux daħlu jew ippruvaw jidħlu b’mod irregolari fl-U[njoni] qabel. Min-naħa tal-U[njoni], ir-risistemazzjoni skont dan il-mekkaniżmu ser issir, primarjament, billi jkunu rispettati l-impenji meħuda mill-Istati Membri fil-konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2015, li minnhom fadal 18000 post għal risistemazzjoni. Kwalunkwe ħtieġa oħra ta’ risistemazzjoni ser titwettaq permezz ta’ arranġament volontarju simili sa massimu ta’ 54000 persuna aktar. […]”

Fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent

10

Ir-rikorrent, NF, huwa ċittadin Pakistani. Huwa jispjega li ħarab mir-Repubblika Islamika tal-Pakistan minħabba biżgħa ta’ persekuzzjoni u ta’ periklu serju għall-persuna tiegħu. Fil-fatt, huwa kien suġġett għal tentattivi ta’ qtil bil-għan li jiġi evitat li, inkwantu wild uniku, huwa jiret il-beni tal-ġenituri tiegħu.

11

Skont dak li qal, ir-rikorrent daħal fil-Greċja bid-dgħajsa mit-Turkija, u dan fid-19 ta’ Marzu 2016. Fil-11 ta’ April 2016, jew f’data oħra viċin ta’ din id-data, huwa ressaq applikazzjoni għal ażil quddiem l-awtoritajiet Griegi. Sussegwentement huwa nżamm f’ċentru ta’ detenzjoni sat-18 ta’ April 2016, data li fiha huwa ħarab lejn il-gżira ta’ Lesbos (il-Greċja).

12

Ir-rikorrent jispjega li huwa ressaq l-applikazzjoni tiegħu għal ażil biss minħabba pressjoni li saritlu mill-awtoritajiet Griegi sabiex iressaq din l-applikazzjoni. Madankollu, huwa qatt ma xtaq jew kellu l-intenzjoni jressaq din l-applikazzjoni fil-Greċja minħabba t-tul fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ażil u ta’ nuqqasijiet sistemiċi fl-implementazzjoni tas-sistema ta’ ażil Ewropea kemm fil-livell tal-amministrazzjoni ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll fil-livell tas-sistema ġudizzjarja tiegħu. Dawn in-nuqqasijiet ġew ikkonstatati b’mod partikolari mill-qrati Ewropej fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), u fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609).

13

Finalment, it-tressiq min-naħa tar-rikorrent tal-applikazzjoni tiegħu għal ażil fil-Greċja kienet intiża biss sabiex jiġi evitat ir-refoulement tiegħu lejn it-Turkija, bir-riskju, jekk ikun il-każ, li jitqiegħed f’detenzjoni jew jiġi mkeċċi lejn il-Pakistan.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14

Permezz ta’ talba mressqa fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ April 2016, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors, li permezz tiegħu, ġaladarba d-Dikjarazzjoni UE‑Turkija kienet att attribwibbli lill-Kunsill Ewropew li jġib fis-seħħ ftehim internazzjonali konkluż fit-18 ta’ Marzu 2016 bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija, li huwa jikkwalifika fin-noti tiegħu bħala “ftehim kontenzjuż”, huwa jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-“ftehim [li ġie] konkluż bejn il-Kunsill Ewropew u [r-Repubblika ta]t-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 [u] intitolat ‘Dikjarazzjoni UE‑Turkija, 18 ta’ Marzu 2016’” (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”);

tikkundanna lill-Kunsill Ewropew għall-ispejjeż.

Fuq il-proċedura mħaffa u r-rinviju tal-kawża quddiem l-Ewwel Awla Estiża

15

Permezz ta’ att separat imressaq fl-istess waqt tat-talba, ir-rikorrent talab sabiex skont l-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali din tagħti deċiżjoni skont il-proċedura mħaffa.

16

Fl-10 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill Ewropew ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal proċedura mħaffa, billi kkonkluda essenzjalment li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din il-proċedura ma kinux sodisfatti. Permezz ta’ att separat tal-istess ġurnata, din l-istituzzjoni talbet, b’mod prinċipali, ir-rinviju ta’ din il-kawża quddiem l-Awla Manja b’applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura. Sussidjarjament, din l-istituzzjoni, taħt l-Artikolu 28(5) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura talbet ir-rinviju ta’ din il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti sedenti b’mill-inqas ħames Imħallfin.

17

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2016, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali kkonferma li rċieva t-talba għal rinviju ta’ din il-kawża quddiem l-Awla Manja u informa lill-partijiet bir-rinviju tagħha, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28(5) tar-Regoli tal-Proċedura, quddiem formazzjoni ġudikanti estiża sedenti b’ħames Imħallfin, f’dan il-każ is-Seba’ Awla Estiża.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2016, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tilqa’ t-talba għal proċedura mħaffa.

Fuq l-eċċezzjoni mqajma mill-Kunsill Ewropew u t-talbiet għal intervent

19

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill, taħt l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, qajjem eċċezzjoni intitolata “Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà”.

20

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Lulju 2016, NQ, NR, NS, NT, NU u NV talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-rikorrent.

21

Permezz ta’ atti ppreżentati fl-20 u fit-22 ta’ Lulju 2016, ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Ellenika talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill Ewropew.

22

Permezz ta’ att ippreżentat fit-3 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-“Kunsill tal-Unjoni Ewropea”. Permezz ta’ ittra ta’ rettifika tal-11 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni indikat li riedet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-“Kunsill Ewropew”.

23

Fl-eċċezzjoni tiegħu, il-Kunsill Ewropew jitlob formalment lill-Qorti Ġenerali:

tiċħad ir-rikors bħala “manifestament inammissibbli”;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

24

Fit-3 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni mqajma mill-Kunsill Ewropew li fihom huwa talab lill-Qorti Ġenerali:

tiċħad l-imsemmija eċċezzjoni;

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tikkundanna lill-Kunsill Ewropew għall-ispejjeż sostnuti minnu fil-kuntest tal-proċedura inċidentali.

25

Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tat-3 ta’ Ottubru 2016, il-partijiet ġew informati dwar il-ħatra ta’ Mħallef Relatur ġdid u tal-attribuzzjoni mill-ġdid ta’ din il-kawża lill-Ewwel Awla Estiża li fiha huwa sedenti dan l-Imħallef.

Fuq it-tweġibiet dwar il-miżuri ta ’ organizzazzjoni tal-proċedura

26

Permezz ta’ ittri mir-Reġistru tat-3 ta’ Novembru 2016, il-Kunsill Ewropew ġie mistieden jaderixxi ma’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali taħt l-Artikolu 89(3)(a) u (d) u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli tal-Proċedura, filwaqt li l-Kunsill u l-Kummissjoni, min-naħa tagħhom, ġew mistiedna mill-Qorti Ġenerali, taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 89(3)(c) tal-imsemmija regoli tal-proċedura, iwieġbu ċerti mistoqsijiet u jipprovdu ċerti dokumenti. F’dan il-kuntest, dawn l-istituzzjonijiet ġew b’mod partikolari mistiedna jindikaw lill-Qorti Ġenerali jekk il-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016 kinitx tat lok għal ftehim bil-miktub u, li kieku dan kellu jkun il-każ, intalbu jikkomunikawlu kull dokument li jippermetti li tiġi ddeterminata l-identità tal-partijiet fejn sar qbil dwar il-“punti ta’ azzjoni addizzjonali” imsemmija fid-Dikjarazzjoni UE‑Turkija.

27

Fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija fit-18 ta’ Novembru 2016, il-Kunsill Ewropew spjega b’mod partikolari li, sa fejn jaf hu, ebda ftehim jew trattat, fis-sens tal-Artikolu 218 TFUE jew tal-Artikolu 2(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, ma kien ġie konkluż bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija. Id-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, hekk kif ikkomunikata permezz tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16,kienet biss “il-frott ta’ djalogu internazzjonali bejn l-Istati Membri u r-[Repubblika tat-]Turkija u, fir-rigward tal-kontenut tagħha, u tal-intenzjoni tal-awturi tagħha, [ma hijiex] intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti jew li tikkostitwixxi ftehim jew trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

28

Il-Kunsill Ewropew ipproduċa wkoll ċertu numru ta’ dokumenti relatati mal-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016 li kienet, skont din l-istituzzjoni, laqgħa tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni mar-rappreżentant tar-Repubblika tat-Turkija u mhux sessjoni tal-Kunsill Ewropew li fiha ħa sehem dan l-Istat terz.

29

Fit-tweġiba tagħha tat-18 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni b’mod partikolari indikat lill-Qorti Ġenerali li kien ċar, minħabba l-kliem użat fid-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, b’mod partikolari l-użu, fil-verżjoni Ingliża tal-kelma “will”, li din ma kinitx ftehim legalment vinkolanti, iżda arranġament politiku li għalih kienu preżenti l-“Membri tal-Kunsill Ewropew[, jiġifieri] il-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni”, li kien ġie kkomunikat fl-intier tiegħu fit-test tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16 relatata mal-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016 u li tesponi d-Dikjarazzjoni UE‑Turkija.

30

Fit-tweġiba tiegħu tat-2 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill spjega b’mod partikolari li huwa ma kienx l-awtur tad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija u li huwa bl-ebda mod ma kien involut fid-djalogu strutturat li kien seħħ bejn ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija jew fl-attivitajiet tal-President tal-Kunsill Ewropew li wasslu għal din id-dikjarazzjoni. Il-ħidma preparatorja li seħħet fi ħdan il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tidher li kienet tirrigwarda l-ġestjoni tal-kriżi migratorja. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill ma kienx ipprepara s-summit li nżamm fit-18 ta’ Marzu 2016 bejn il-Membri tal-Kunsill Ewropew, li huma l-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni, u l-Prim Ministru Tork.

31

Barra minn hekk il-Kunsill indika li jikkondividi bis-sħiħ il-pożizzjoni żviluppata mill-Kunsill Ewropew fl-eċċezzjoni tiegħu fformulata skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura. Huwa sostna b’mod partikolari f’dan ir-rigward li, sa fejn kien jaf, ma kien ġie konkluż ebda ftehim jew trattat bejn l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija b’rabta mal-kriżi migratorja.

32

Fl-osservazzjonijiet tiegħu mressqa fid-19 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrent ikkontesta l-pożizzjoni tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li, minn naħa, ma kien ġie konkluż ebda ftehim mar-Repubblika tat-Turkija waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016 u, min-naħa l-oħra, ir-riżultat tad-diskussjonijiet ma’ dan l-Istat terz għandu jiġi kkwalifikat bħala arranġament politiku. Ir-rikorrent iqis b’mod partikolari li, jekk tittieħed inkunsiderazzjoni t-terminoloġija użata f’dak li huwa jikkwalifika bħala “ftehim kontenzjuż”, l-użu tal-kelma ingliża “agree” (li tfisser “deċiż”) jippermetti li jiġi kkonstatat li dan huwa ftehim intiż li jipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward tat-terzi. Barra minn hekk, l-assenza tal-espressjoni “Stati Membri” tindika li l-“ftehim kontenzjuż” ma setax jiġi konkluż mill-Istati Membri tal-Unjoni.

Id-dritt

33

Skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, meta, permezz ta’ att separat, il-konvenut jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà jew l-inkompeteza, mingħajr ma jkun hemm dibattitu fuq il-mertu, din għandha tiddeċiedi dwar it-talba malajr kemm jista’ jkun, jekk ikun il-każ, wara li tkun fetħet il-fażi orali tal-proċedura.

34

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u li tista’ tiddeċiedi mingħajr ma jkun neċessarju li tipproponi lill-konferenza plenarja r-rinviju ta’ din il-kawża quddiem l-Awla Manja jew li tinfetaħ il-proċedura orali.

35

Fil-kuntest tal-eċċezzjoni mqajma minnu, il-Kunsill Ewropew jeċċepixxi, b’mod prinċipali, l-inkompetenza tal-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi r-rikors preżenti.

36

Peress li r-regoli dwar il-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni previsti mit-Trattat FUE kif ukoll mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Anness tiegħu jagħmlu parti mid-dritt primarju, jokkupaw pożizzjoni ċentrali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li, għaldaqstant, l-osservanza tagħhom tikkostitwixxi rekwiżit fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Eżami mill-ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 57), jeħtieġ li l-Qorti Ġenerali teżamina mill-ġdid din il-kwistjoni fl-ewwel lok.

37

Insostenn tal-eċċezzjoni tiegħu dwar inkompetenza, il-Kunsill Ewropew isostni la hu u l-ebda wieħed mill-entitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma huwa l-awtur tad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, hekk kif ikkomunikata permezz tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16, b’tali mod li huwa ma jistax validament jiġi indikat bħala konvenut f’dan il-każ.

38

Fil-fatt, skont il-Kunsill Ewropew, id-Dikjarazzjoni UE‑Turkija tirriżulta minn parteċipanti f’summit internazzjonali, li f’dan il-każ inżamm fit-18 ta’ Marzu 2016 fil-marġni u wara s-sessjoni tal-Kunsill Ewropew. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni għandha tkun attribwibbli lill-Membri tal-Kunsill Ewropew, li huma l-Istati Membri tal-Unjoni, u lill-“kontroparti Torka” tagħhom, ġaladarba kienu huma li ltaqgħu fil-kuntest ta’ laqgħa distinta minn dik tal-Kunsill Ewropew. Din il-laqgħa distinta kienet tkompli fuq iż-żewġ l-ewwel laqgħat tal-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern, tal-istess tip, li kienu nżammu fid-29 ta’ Novembru 2015 u s-7 ta’ Marzu 2016 u li kienu taw lok għall-pubblikazzjoni kemm ta’ dikjarazzjoni komuni, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ li hija spjegata fl-istqarrija għall-istampa Nru 144/16, jew ta’ pjan ta’ azzjoni komuni. Il-Kunsill Ewropew iqis li d-Dikjarazzjoni UE‑Turkija għaldaqstant ma tistax tiġi kkwalifikata bħala att adottat minnu.

39

Ir-rikorrent jikkontesta din l-analiżi billi jsostni li dak li huwa jikkwalifika bħala “ftehim kontenzjuż” inkwantu att ikkontestat, fid-dawl tal-kontenut u l-għadd ta’ ċirkustanzi madwar l-adozzjoni tiegħu, għandu jitqies bħala att tal-Kunsill Ewropew, peress li, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li tallega din l-istituzzjoni, l-Istati Membri tal-Unjoni aġixxew kollettivament fi ħdan din l-istituzzjoni u ma eżerċitawx kompetenzi nazzjonali barra mill-qafas istituzzjonali tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni ħadu attivament sehem fil-preparazzjoni u l-innegozjar ta’ dan il-“ftehim kontenzjuż”, hekk kif juri f’dan ir-rigward il-kontenut tal-komunikazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2016, u li l-imsemmi “ftehim kontenzjuż” fil-verità għandu natura ta’ trattat internazzjonali.

40

Ir-rikorrent jikkontesta l-fatt li l-Kunsill Ewropew jista’, minn naħa, isostni li l-Membri ta’ din l-istituzzjoni, f’dan il-każ, aġixxew fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-gvernijiet jew Stati tagħhom, u, min-naħa l-oħra, isostni li b’hekk l-Istati Membri setgħu jaġixxu f’isem l-Unjoni billi jivvinkolawha ma’ Stat terz permezz ta’ dak li huwa jikkwalifika bħala “ftehim kontenzjuż”, li, barra minn hekk, imur kontra r-regoli previsti mid-dritt idderivat tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-ażil.

41

Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jsir riferiment għall-kliem użat fid-Dikjarazzjoni UE‑Turkija hekk kif ikkomunikata permezz tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16, b’mod partikolari ċ-ċirkustanza li, minn naħa, hija tagħmel riferiment għall-fatt li l-Unjoni u r-Repubblika tat-Turkija “ftehmu” dwar ċerti punti ta’ azzjoni addizzjonali, “iddeċidew” u “kkonfermaw mill-ġdid” ċerti aspetti u, min-naħa l-oħra, tiddikjara obbligi speċifiċi aċċettati minn kull wieħed mill-partijiet, liema fatt jikkorrobora l-eżistenza ta’ ftehim legalment vinkolanti. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-eżistenza ta’ qafas leġiżlattiv u regolatorju li jippermetti li jiġu ffinanzjati mill-ewwel l-operazzjonijiet ta’ ritorn, li kien jikkostitwixxi punt ta’ azzjoni addizzjonali msemmi fid-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, ir-rikorrent iqis li dan jissuġġerixxi li dak li huwa jikkwalifika bħala “ftehim kontenzjuż” ġie konkluż f’kuntest li jippermetti l-implementazzjoni tiegħu, liema fatt isaħħaħ il-kapaċità tal-imsemmi “ftehim kontenzjuż” li jipproduċi effetti legali.

Kunsiderazzjonijiet preliminari

42

Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE huwa miftuħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħhom, bil-kundizzjoni li dawn ikunu intiżi li jipproduċu effetti legali (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 42, u tal-4 ta’ Settembru, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punti 3839; ara, ukoll, is-sentenza tat-28 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282, punti 1415 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li l-eżistenza ta’ att intiż li jipproduċi effetti legali fir-rigward tat-terzi ġiet żvelata permezz ta’ stqarrija għall-istampa jew li ħadet il-forma ta’ dikjarazzjoni ma jipprekludix il-possibbiltà li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali att, u lanqas, għaldaqstant, il-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ il-legalità ta’ tali att taħt l-Artikolu 263 TFUE, dejjem sakemm dan l-att jirriżulta minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 14).

43

Fir-rigward tal-Kunsill Ewropew, it-Trattat ta’ Lisbona tella’ lil din l-entità fil-pożizzjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni. B’hekk, kuntrarjament għal dak li ġie preċedentement ikkonstatat mill-qorti tal-Unjoni (digrieti tat-13 ta’ Jannar 1995, Roujansky vs Il‑Kunsill, C‑253/94 P, EU:C:1995:4, punt 11, u tat-13 ta’ Jannar 1995, Bonnamy vs Il‑Kunsill, C‑264/94 P, EU:C:1995:5, punt 11), l-atti adottati minn din l-istituzzjoni, li, skont l-Artikolu 15 TUR, ma teżerċitax funzjoni leġiżlattiva u hija komposta mill-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern u mill-President tal-Kummissjoni, ma humiex iżjed esklużi mill-istħarriġ ta’ legalità previst taħt l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 30 sa 37).

44

Għaldaqstant, mill-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li, b’mod ġenerali, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ att adottat minn awtorità nazzjonali (sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il‑Kummissjoni, C‑97/91, EU:C:1992:491, punt 9, u tal-15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il‑Kummissjoni, T‑22/97, EU:T:1999:327, punt 83), u lanqas ta’ att adottat mir-rappreżentanti ta’ awtoritajiet nazzjonali ta’ numru ta’ Stati Membri li jkunu qed jaġixxu fil-kuntest ta’ kumitat previst minn regolament tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, Liivimaa Lihaveis, C‑562/12, EU:C:2014:2229, punt 51). Fl-istess sens, l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, li jkunu ltaqgħu fiżikament fil-binja ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni iżda ma jkunux qed jaġixxu bħala Membri tal-Kunsill jew bħala Membri tal-Kunsill Ewropew, iżda fil-kapaċità tagħhom bħala kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni, ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 12).

45

Madankollu, f’dan ir-rigward ma huwiex suffiċjenti li att jiġi kkwalifikat, minn istituzzjoni mqiegħda inkwistjoni inkwantu parti konvenuta f’rikors, bħala “deċiżjoni tal-Istati Membri” tal-Unjoni sabiex tali att jevita l-istħarriġ tal-legalità stabbilit permezz tal-Artikolu 263 TFUE, f’dan il-każ, tal-atti tal-Kunsill Ewropew. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi ulterjorment ivverifikat f’dan ir-rigward li l-att inkwistjoni, fid-dawl tal-kontenut tiegħu u tan-numru ta’ ċirkustanzi li fihom ġie adottat, fil-verità ma jikkostitwixxix deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissojni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 14).

Fuq l-awturi tal-att ikkontestat

46

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, f’dan il-każ, l-att ikkontestat huwa formalment deskritt fir-rikors bħala l-“ftehim konkluż bejn il-Kunsill Ewropew u r-Repubblika tat-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 intitolat ‘Dikjarazzjoni UE‑Turkija, 18 ta’ Marzu 2016’”, jiġifieri att li jaqa’ taħt id-dritt internazzjonali tat-trattati. Madankollu, fir-rigward tal-istħarriġ ta’ legalità mill-qorti tal-Unjoni tal-atti li jaqgħu taħt id-dritt internazzjonali tat-trattati, dan jista’ jirrigwarda biss l-att li permezz tiegħu l-istituzzjoni kellha l-intenzjoni li tikkonkludi l-allegat ftehim internazzjonali inkwistjoni, u mhux dan l-aħħar att bħala tali (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 286). Għaldaqstant jeħtieġ li t-talbiet tar-rikorrent jiġu interpretati fis-sens li huma intiżi, essenzjalment, għall-annullament ta’ att li permezz tiegħu l-Kunsill Ewropew kellu l-intenzjoni jikkonkludi, f’isem l-Unjoni, ftehim mar-Repubblika tat-Turkija, fit-18 ta’ Marzu 2016 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1995, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑327/91, EU:C:1994:305, punt 17), u li l-kontenut tiegħu huwa espost fid-Dikjarazzjoni UE‑Turkija hekk kif ikkomunikata permezz tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16.

47

Konsegwentement, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina jekk id-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, hekk kif ikkomunikata permezz tal-istqarrija għall-istampa, tiżvelax l-eżistenza ta’ att imputabbli lill-istituzzjoni mqiegħda inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri l-Kunsill Ewropew, u jekk, permezz ta’ dan l-att, din l-istituzzjoni kkonkludietx ftehim internazzjonali, li r-rikorrent jikkwalifika bħala “ftehim kontenzjuż”, adottat bi ksur tal-Artikolu 218 TFUE u li jikkorrispondi għall-att ikkontestat.

48

Sa fejn, għall-ħtiġijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-att ikkontestat ġie mmaterjalizzat mir-rikorrent permezz tal-produzzjoni tal-istqarrija għall-istampa Nru 114/16, għandu jiġi evalwat il-kuntest li fih intervjeniet id-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, hekk kif ikkomunikata mill-istqarrija għall-istampa, kif ukoll il-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk hija tistax tistabbilixxi jew tiżvela l-eżistenza ta’ att imputabbli lill-Kunsill Ewropew u li b’hekk huwa suġġett għall-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punt 14), f’dan il-każ att li jikkorrispondi għall-att ikkontestat u li jwassal għal konklużjoni fir-rigward ta’ dak li r-rikorrent jikkwalifika bħala “att kontenzjuż”.

49

Hekk kif issemmi d-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, il-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016 kienet it-tielet laqgħa li seħħet minn Novembru 2015. Issa, fir-rigward taż-żewġ laqgħat preċedenti, li seħħew, rispettivament, fid-29 ta’ Novembru 2015 u s‑7 ta’ Marzu 2016, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ħadu sehem f’dawn il-laqgħat fil-kapaċità tagħhom bħala kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni u mhux bħala Membri tal-Kunsill Ewropew.

50

Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel laqgħa tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern, hija tat lok għal stqarrija tal-istampa, intitolata “Laqgħa tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-U[njoni] ma[r-Repubblika ta]t-Turkija, 29[ta’ Novembru]2015 – Dikjarazzjoni UE‑Turkija”, li fiha kien indikat li kienu l-“mexxejja tal-Unjoni Ewropea” li ltaqgħu mal-“kontroparti Torka” tagħhom.

51

Fir-rigward tat-tieni laqgħa tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern, hija tat lok għal stqarrija għall-istampa intitolata “Dikjarazzjonijiet tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-U[njoni]”, li fiha kien indikat li kienu l-“kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-U[njoni]” li kienu ltaqgħu mal-Prim Ministru Tork u li “[kienu q]ablu […] abbażi tal-prinċipji li [jissemmew fil-proposti supplementari ppreżentati mir-Repubblika tat-Turkija fis-7 ta’ Marzu 2016]: li jiġu rritornati l-migranti rregolari ġodda kollha li [kienu qasmu] mit-Turkija għall-gżejjer Griegi bl-ispejjeż koperti mill-U[njoni]; li, għal kull Sirjan riammess mi[r-Repubblika ta]t-Turkija mill-gżejjer Griegi, jiġi sistemat mill-ġdid Sirjan ieħor mit-Turkija lejn l-Istati Membri tal-U[njoni], fi ħdan il-qafas tal-impenji eżistenti”.

52

F’dan il-kuntest daħlet il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2016, li ma tistax tiġi pparagunata ma’ proposta fis-sens tal-Artikolu 294(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1993, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissojni, C‑181/91 u C‑248/91, EU:C:1993:271, punti 1718). Din tindika li “il-fażi ġdida ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija biex tindirizza l-kriżi tal-migrazzjoni se tirrikjedi sforzi miftiehma bejn i[r-Repubblika Ellenika] u [r-Repubblika ta]t-Turkija, sostnuti mill-Kummissjoni, l-aġenziji tal-U[njoni] u l-organizzazzjonijiet imsieħba” u li “ikun hemm ukoll il-ħtieġa ta’ appoġġ tal-Istati Membri kemm f’termini ta’ provvediment ta’ persunal u r-rieda li jagħmlu wegħdiet għar-risistemazzjoni”.

53

Id-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, hekk kif ikkomunikata wara l-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016 permezz tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16, hija madankollu differenti meta mqabbla mad-dikjarazzjonijiet preċedenti kkomunikati wara l-ewwel żewġ laqgħat tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern.

54

Fil-fatt, l-istqarrija għall-istampa Nru 144/16 relatata mal-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016 tindika, l-ewwel nett, li d-Dikjarazzjoni UE‑Turkija hija r-riżultat ta’ laqgħa bejn il-“Membri tal-Kunsill Ewropew” u l-“kontroparti Torka tagħhom”; it-tieni nett, huma l-“Membri tal-Kunsill Ewropew” li ltaqgħu mal-kontroparti Torka tagħhom u, it-tielet nett, li huma l-“U[njoni] u [r-Repubblika ta]t-Turkija” li ftehmu punti ta’ azzjoni addizzjonali esposti f’din id-dikjarazzjoni. Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ dawn il-kliem ifissirx, kif isostni r-rikorrent, li kien fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-istituzzjoni “Kunsill Ewropew” li r-rappreżentanti tal-Istati Membri ħadu sehem fil-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016 jew li kien fil-kapaċità tagħhom bħala kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni li huma ħadu sehem f’din il-laqgħa.

55

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, għalkemm l-istqarrija għall-istampa Nru 144/16 li permezz tagħha ġiet ikkomunikata d-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, fil-verżjoni online tagħha pprovduta mir-rikorrent f’anness mar-rikors, hija kklassifikata taħt “Affarijiet barranin u relazzjonijiet internazzjonali”, li bħala prinċipju tirrelata max-xogħlijiet tal-Kunsill Ewropew, il-verżjoni fil-format PDF ta’ din l-istqarrija, ipprovduta mill-Kunsill Ewropew, hija min-naħa tagħha kklassifikata taħt il-kliem “Summit internazzjonali”, li bħala prinċipju jirreferu għal-laqgħat tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni ma’ rappreżentanti ta’ Stati terzi. Konsegwentement ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni fir-rigward tal-preżenza ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet.

56

Sussegwentement, fir-rigward tal-kontenut tad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, l-użu tal-espressjoni “Membri tal-Kunsill Ewropew” u l-indikazzjoni li hija l-Unjoni li kienet qablet dwar punti ta’ azzjoni addizzjonali mar-Repubblika tat-Turkija jista’ ċertament jagħti x’jifhem li r-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni kienu aġixxew, waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016, fil-kapaċità tagħhom bħala Membri tal-istituzzjoni “Kunsill Ewropew” u, minkejja l-assenza ta’ kompetenza leġiżlattiva ta’ din l-istituzzjoni, hekk kif imsemmija espressament fl-Artikolu 15(1) UE, kienu ddeċidew li jikkonkludu ġuridikament ftehim ma’ dan l-Istat terz barra mill-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE.

57

Madankollu, fit-tweġiba tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2016, il-Kunsill Ewropew spjega li l-espressjoni “Membri tal-Kunsill Ewropew” li tinsab fid-Dikjarazzjoni UE‑Turkija għandha tinftiehem bħala riferiment magħmul għall-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni, inkwantu minnhom huwa kompost il-Kunsill Ewropew. Barra minn hekk, ir-riferiment, fl-imsemmija dikjarazzjoni, għall-fatt li “l-[Unjoni] u [r-Repubblika ta]t-Turkija” kienu ftehmu dwar ċerti punti ta’ azzjoni addizzjonali huwa dovut għal ħtieġa ta’ semplifikazzjoni tat-termini użati għall-pubbliku inġenerali fil-kuntest ta’ stqarrija għall-istampa.

58

Issa, skont din l-istituzzjoni, it-terminu “UE” f’dan il-kuntest ġurnalistiku, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew insista fuq il-forma li taħtha ġiet ikkomunikata d-Dikjarazzjoni UE‑Turkija inkwistjoni f’dan il-każ, jiġifieri dik ta’ stqarrija għall-istampa li, min-natura tagħha stess, kellha biss għan informattiv u ma għandha ebda valur legali. Fil-fatt, il-konvenut jenfasizza li dan is-sostenn informattiv huwa indirizzat għall-pubbliku inġenerali mid-dipartiment tal-istampa tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Dan jispjega, minn naħa, it-tqegħid, fuq ċerti dokumenti kkomunikati fuq l-internet, bħall-verżjoni online tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16 relatata mad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija pprovduta mir-rikorrent, it-titolu doppju “Kunsill Ewropew/Kunsill tal-Unjoni Ewropea”, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li ċerti dokumenti xi drabi jittellgħu bi żball taħt taqsimiet żbaljati tas-sit internet kondiviż miż-żewġ istituzzjonijiet u l-President tal-Kunsill Ewropew.

59

Minħabba l-pubbliku li għalih huwa intiż dan is-sostenn informattiv, l-istqarrija għall-istampa li fiha ġiet esposta d-Dikjarazzjoni UE‑Turkija kienet tuża, b’mod intenzjonali, formulazzjonijiet semplifikati, termini ta’ lingwaġġ komuni jew taqsiriet. Madankollu, dan l-użu popolari tat-termini ma jistax jintuża biex isiru evalwazzjonijiet legali u normativi u, b’mod partikolari, huwa ma jistax ibiddel il-kontenut jew in-natura ġuridika tal-proċedura relatata magħha, jiġifieri summit internazzjonali hekk kif tindika l-verżjoni PDF tal-istqarrija għall-istampa dwar id-Dikjarazzjoni UE‑Turkija.

60

B’hekk, skont il-Kunsill Ewropew, l-użu mhux xieraq tal-espressjoni “Membri tal-Kunsill Ewropew” u tat-terminu “UE” fi stqarrija għall-istampa, bħal dik bin-Nru 144/16 li tesponi d-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, ma tista’ taffettwa b’ebda mod l-istatus legali u r-rwol li fihom ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ltaqgħu mal-kontroparti Torka tagħhom, f’dan il-każ fil-kapaċità tagħhom ta’ kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern, u dan bl-ebda mod ma għandu jorbot lill-Unjoni. Id-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, hekk kif ikkomunikata permezz tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16, fil-verità hija biss impenn politiku tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni fil-konfront tal-kontroparti Torka tagħhom.

61

Fir-rigward ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u fid-dawl tal-ambivalenza tal-espressjoni “Membri tal-Kunsill Ewropew” u tat-terminu “UE” li jinsabu fid-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, hekk kif ikkomunikata permezz tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16, għandu jsir riferiment għad-dokumenti relatati mal-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016 biex tiġi ddeterminata l-portata tagħhom.

62

Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-dokumenti uffiċjali relatati mal-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016, prodotti mill-Kunsill Ewropew fuq talba tal-Qorti Ġenerali, juri li żewġ avvenimenti distinti, is-sessjoni ta’ din l-istituzzjoni u summit internazzjonali, ġew organizzati b’mod parallel skont proċeduri distinti mill-aspett ġuridiku, protokollari u organizzattiv b’mod li jikkorrobora n-natura ġuridika distinta ta’ dawn iż-żewġ avvenimenti.

63

Fil-fatt, minn naħa, fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali pprovduti fit-18 ta’ Novembru 2016, il-Kunsill Ewropew spjega, billi pproduċa dokumenti varji ta’ sostenn mill-istampa kkomunikati min-naħa tiegħu, li s-sessjoni tal-Kunsill Ewropew kellu inizjalment ikun maqsum fuq żewġt iġranet, iżda li, fid-dawl tal-ġrajjiet ta’ natura migratorja li seħħew, kien ġie deċiż li tiġi ddedikata biss ġurnata waħda għal din is-sessjoni, jiġifieri dik tas-17 ta’ Marzu 2016, u li t-tieni ġurnata ta’ sessjoni tal-Kunsill Ewropew, inizjalment prevista, jiġifieri dik tat-18 ta’ Marzu 2016, tiġi ssostitwita b’laqgħa bejn il-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni u l-kontroparti Torka tagħhom, fejn din il-laqgħa, għal raġunijiet ta’ spejjeż, ta’ sigurtà u ta’ effikaċja, kienet seħħet fl-istess binja li kienet intużat għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u dawk tal-Kunsill.

64

Min-naħa l-oħra, b’mod partikolari mill-istedina mibgħuta fid-9 ta’ Marzu 2016 mill-President tal-Kunsill Ewropew lill-Istati Membri differenti tal-Unjoni jirriżulta li l-“Membri tal-Kunsill Ewropew” kienu mistiedna fis-17 ta’ Marzu 2016, għal sessjoni tal-Kunsill Ewropew li l-ħidma tiegħu kienet prevista mill-16:45 sas-19:30 u kienet segwita minn ċena filwaqt li, fir-rigward tal-ġurnata tat-18 ta’ Marzu 2016, il-wasla tal-“kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-U[njoni] u tal-kap tal-gvern tat-Turkija” kienet prevista mid-9:15 sad-9:45 u segwita minn “kolazzjon ta’ ħidma għall-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-U[njoni] u għall-kap tal-gvern tat-Turkija” fl-10:00. Nota tal-11 ta’ Marzu 2016, mibgħuta mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-missjoni tar-Repubblika tat-Turkija għall-Unjoni tiddeskrivi, bl-istess kliem, l-iżvolġiment tal-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016 fejn il-Prim Ministru Tork ġie mistieden jattendi laqgħa mal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Unjoni u mhux mal-Membri tal-Kunsill Ewropew.

65

Barra minn hekk, nota tat-18 ta’ Marzu 2016 mid-Direttorat tal-Protokoll u tal-Laqgħat tad-Direttorat Ġenerali “Amministrazzjoni” tal-Kunsill, intitolata “Programm ta’ ħidma tad-dipartiment tal-protokoll”, tindika min-naħa tagħha, fir-rigward tal-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016, li l-wasla tal-“Membri tal-Kunsill Ewropew, tal-Prim Ministru tar-Repubblika tat-Turkija u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà” għandha ssir mingħajr ordni protokollari bejn nofsinhar u 12:45 u li “pranzu ta’ ħidma għall-Membri tal-Kunsill Ewropew u tar-Rappreżentant Għoli” għandu jkun offert mis-13:00 mingħajr ma sar riferiment għall-preżenza tal-Prim Ministru Tork. Min-naħa l-oħra, din in-nota prodotta mid-dipartiment inkarigat mill-protokoll kienet tistieden lill-parteċipanti għal “sessjoni ta’ ħidma tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern u tar-Rappreżentant Għoli tal-U[njoni] mal-Prim Ministru Tork” li kellha ssir mit-15:00 ’il quddiem, b’mod li jikkorrobora l-fatt li kien taħt din l-aħħar kapaċità, u mhux fil-kapaċità tagħhom ta’ Membri tal-Kunsill Ewropew, li r-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni kienu ntalbu jiltaqgħu mal-kontroparti Torka tagħhom.

66

Dawn id-dokumenti trażmessi uffiċjalment lill-Istati Membri tal-Unjoni u lir-Repubblika tat-Turkija jistabbilixxu għalhekk li, minkejja l-kliem sfortunatament ambigwu tad-Dikjarazzjoni UE‑Turkija hekk kif ikkomunikata permezz tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16, hija fil-kapaċità tagħhom ta’ kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-imsemmija Stati Membri li r-rappreżentanti ta’ dawn l-Istati Membri ltaqgħu mal-Prim Ministru Tork fit-18 ta’ Marzu 2016 fil-bini użat mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill, jiġifieri fil-binja Justus Lipsius.

67

F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li l-President tal-Kunsill Ewropew u dak tal-Kummissjoni, mhux formalment mistiedna, kienu wkoll preżenti waqt din il-laqgħa ma għandhiex tippermetti li jiġi kkunsidrat li, minħabba l-preżenza ta’ dawn il-Membri kollha tal-Kunsill Ewropew, il-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016 seħħet bejn il-Kunsill Ewropew u l-Prim Ministru Tork.

68

Fil-fatt, b’riferiment għal numru ta’ dokumenti prodotti mill-President tiegħu, il-Kunsill Ewropew indika li, fil-prattika, il-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni kienu tawh kompitu ta’ rappreżentanza jew ta’ koordinazzjoni tan-negozjati mar-Repubblika tat-Turkija f’isimhom, liema fatt kien jispjega l-preżenza tiegħu fil-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016. Bl-istess mod, il-preżenza tal-President tal-Kummissjoni waqt din il-laqgħa hija dovuta, min-naħa tagħha, għall-fatt li din il-laqgħa kienet tidħol fil-kontinwità tad-djalogu politiku mar-Repubblika tat-Turkija mibdi mill-Kummissjoni f’Ottubru 2015 fuq l-istedina tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Unjoni magħmula fit-23 ta’ Settembru 2015. Issa, hekk kif jenfasizza ġustament il-Kunsill Ewropew, dawn id-dokumenti jirreferu, espliċitament u numru ta’ drabi, fir-rigward tal-ħidma tat-18 ta’ Marzu 2016, għal laqgħa tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Unjoni mal-kontroparti Torka tagħhom u mhux għal sessjoni tal-Kunsill Ewropew. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tad-Dikjarazzjoni Nru 151/16 tal-President tal-Kunsill Ewropew, ikkomunikata immedjatament wara l-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016, intitolata “Rimarki tal-President Donald Tusk wara l-laqgħa bejn il-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-U[njoni] mat-Turkija”.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-espressjoni “Membri tal-Kunsill Ewropew” u t-terminu “UE”, li jinsabu fid-Dikjarazzjoni UE‑Turkija hekk kif ikkomunikata permezz tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16, għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għall-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Unjoni, li, bħal fil-każ tal-ewwel u t-tieni laqgħat tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern, tad-29 ta’ Novembru 2015 u tas-7 ta’ Marzu 2016, iltaqgħu mal-kontroparti Torka tagħhom u ftehmu dwar miżuri operattivi bil-għan li jistabbilixxu mill-ġdid l-ordni pubbliku, essenzjalment fit-territorju Grieg, li jikkorrispondu għal dawk diġà mfakkra jew iddikjarati preċedentement fid-dikjarazzjonijiet ippubblikati taħt il-forma ta’ stqarrijiet għall-istampa wara l-ewwel u t-tieni laqgħat tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni mal-kontroparti Torka tagħhom. Dan huwa kkorroborat bil-fatt li d-dikjarazzjoni adottata wara t-tieni laqgħa tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern, li nżammet fid-29 ta’ Novembru 2015, kienet ukoll u invarjabbilment tuża t-terminu “UE” u l-espressjoni “Mexxejja tal-Unjoni Ewropea” biex tindika r-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni, li kienu qed jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-imsemmija Stati Membri, waqt din il-laqgħa tad-29 ta’ Novembru 2015, analoga għal dik tat-18 ta’ Marzu 2016.

70

Minn dan il-kuntest globali li jippreċedi t-tqegħid online fis-sit internet tal-Kunsill tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16 li tesponi d-Dikjarazzjoni UE‑Turkija jirriżulta li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-kriżi migratorja, il-Kunsill Ewropew, fil-kapaċità tiegħu bħala istituzzjoni, ma adottax deċiżjoni li jikkonkludi ftehim mal-gvern Tork f’isem l-Unjoni u lanqas ma impenja lill-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 218 TFUE. Konsegwentement, il-Kunsill Ewropew ma adottax att li jikkorrispondi mal-att ikkontestat, hekk kif deskritt mir-rikorrent u li l-kontenut tiegħu ġie espost f’din l-istqarrija għall-istampa.

71

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, indipendentement mill-punt dwar jekk hija tikkostitwixxix, kif isostnu l-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, dikjarazzjoni ta’ natura politika jew, bil-kontra, kif isostni r-rikorrent, att li jista’ jipproduċi effetti legali vinkolanti, id-Dikjarazzoni UE‑Turkija, hekk kif ġiet ikkomunikata permezz tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16, ma tistax titqies bħala att adottat mill-Kunsill Ewropew, u lanqas wara kollox minn istituzzjoni, korp jew organu ieħor tal-Unjoni, jew li tiżvela l-eżistenza ta’ tali att u li tkun tikkorrispondi għall-att ikkontestat.

72

Ulterjorment, fir-rigward tar-riferiment, fid-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, għall-fatt li l-“[Unjoni] u [r-Repubblika tat-Turkija] qablu fuq il-punti ta’ azzjoni addizzjonali”, il-Qorti Ġenerali tqis li, anki li kieku kellu jitqies li ftehim internazzjonali seta’ ġie informalment konkluż waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2016, liema fatt, f’dan il-każ, ġie miċħud mill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, dan il-ftehim sar mill-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni u l-Prim Ministru Tork.

73

Issa, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ ftehim internazzjonali konkluż minn Stati Membri (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑146/13, EU:C:2015:298, punt 101).

74

Għaldaqstant, jeħtieġ li tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inkompetenza mqajma mill-Kunsill Ewropew, fejn għandu jitfakkar li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma għandux bħala għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst mit-Trattati (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97).

75

Peress li l-eċċezzjoni ta’ inkompetenza ntlaqgħet u r-rikors għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent imressqa minn NQ, NR, NS, NT, NU u NV, kif ukoll mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni.

Fuq l-ispejjeż

76

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tal-istess regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li, għal raġunijiet ta’ ekwità, il-parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, biss frazzjoni mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

77

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, b’mod partikolari l-formulazzjoni ambigwa tal-istqarrija għall-istampa Nru 144/16, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun ekwu li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

78

Skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel ma tingħata deċiżjoni dwar talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent. Konsegwentement, NF, il-Kunsill Ewropew kif ukoll NQ, NR, NS, NT, NU u NV kif ukoll ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

tordna:

 

1)

Il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti biex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn NF.

 

2)

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent imressqa minn NQ, NR, NS, NT, NU u NV, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

NF u l-Kunsill Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

4)

NQ, NR, NS, NT, NU u NV kif ukoll ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Frar 2017.

 

Reġistratur

E. Coulon

Il-President

I. Pelikánová


( 1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.