6.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/53


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2016 – Multiconnect vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-884/16)

(2017/C 038/69)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Multiconnect GmbH (München, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. M. Schultze, S. Pautke u C. Ehlenz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-atti tal-Kummissjoni, li joriġinaw mill-unità ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, fil-kuntest tal-implementazzjoni tat-tielet kundizzjoni (“miżura korrettiva mhux MNO”) tad-Deċiżjoni M.7018, b’mod partikolari l-pożizzjoni tagħha espressa fil-posta elettronika tal-24 ta’ Ottubru 2016 u tad-29 ta’ Ottubru 2016 li, billi teskludi l-operaturi ta’ netwerk mobbli virtwali (MVNO, mobile virtual network operators) bħar-rikorrenti, tillimita l-miżura korrettiva mhux MNO għas-sempliċi fornituri ta’ servizzi;

sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni C(2014) 4443 finali fil-Każ M. 7018;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati jew ta’ dispożizzjoni legali li għandha tiġi applikata fl-implementazzjoni tagħhom

Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta twettaq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tad-Deċiżjoni C(2014) 4443 finali fil-Każ M.7018, kif ukoll tal-impenji korrispondenti tagħha, sa fejn hija tillimita, f’dan il-każ, għat-terzi li jsegwu l-mudell ta’ impriża ta’ fornitur ta’ servizzi l-hekk imsejħa “miżura korrettiva mhux MNO”, li permezz tagħha Telefónica impenjat ruħha li tagħti lit-terzi l-aċċess għas-servizzi 4G fis-suq bl-ingrossa tat-telefonija mobbli, u ma tippermettix li Telefónica tagħti lit-terzi, skont il-“miżura korrettiva mhux MNO”, l-aċċess għas-servizzi 4G fil-kuntest ta’ mudell ta’ impriża MVNO.

2.

It-tieni motiv invokat sussidjarjament ibbażat fuq ksur tat-Trattati jew ta’ dispożizzjoni legali li għandha tiġi applikata fl-implementazzjoni tagħhom kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn id-Deċiżjoni C(2014) 4443 finali tikkonkludi, b’mod żbaljat, li l-impenji meħuda minn Telefonica jistgħu jsolvu kwalunkwe problema ta’ kompetizzjoni.