20.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 53/32


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2016 – Access Info Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-852/16)

(2017/C 053/40)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Access Info Europe (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: O. Brouwer, E. Raedts u J. Wolfhagen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni C(2016) 6030 tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Settembru 2016 li tirrifjuta li tagħti aċċess għad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1);

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti għall-iżvolġiment tal-proċeduri, inklużi l-ispejjeż ta’ kwalunkwe intervenjent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi ddeċidiet li aċċess għad-dokumenti mitluba kien jippreġudika serjament ir-relazzjonijiet internazzjonali.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni żbaljata tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi ddeċidiet li aċċess għad-dokumenti mitluba kien jippreġudika serjament il-protezzjoni ta’ proċedimenti ġudizzjarji pendenti mibdija fil-kawżi T-192/16, T-193/16 u T-257/16, u li aċċess għad-dokumenti msemmija kien ifixkel l-interess tal-Kummissjoni li tikseb parir legali u li tingħata parir sinċier, oġġettiv u eżawrjenti. Qed jiġi sostnut ukoll taħt dan il-motiv li l-Kummissjoni naqset milli tirrikonoxxi li aċċess għad-dokumenti mitluba huwa ta’ interess pubbliku prevalenti u li għandhom għal din ir-raġuni jiġu żvelati.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tal-ewwel u tat-tieni subparagrafi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi ddeċidiet li aċċess għad-dokumenti mitluba kien jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali u/jew billi naqset milli tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku prevalenti, b’mod partikolari, minħabba li l-proċess deċiżjonali inkwistjoni ġie tterminat.

4.

Ir-raba’ motiv, ippreżentat sussidjarjament, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 billi ma tatx aċċess, lanqas parzjali, għad-dokumenti mitluba li ċaħdet b’mod sħiħ.


(1)  Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 3, Vol. 3, p 331.