16.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 14/48


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Novembru 2016 – Timberland Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-782/16)

(2017/C 014/58)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Timberland Europe BV (Enschede, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: E. Vermulst, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1395, tat-18 ta’ Awwissu 2016, li jerġa’ jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u magħmula minn Buckinghan Shoe Mfg Co., Ltd, Buildyet Shoes Mfg., DongGuan Elegant Top Shoes Co. Ltd, Dongguan Stella Footwear Co Ltd, Dongguan Taiway Sports Goods Limited, Foshan City Nanhai Qun Rui Footwear Co., Jianle Footwear Industrial, Sihui Kingo Rubber Shoes Factory, Synfort Shoes Co. Ltd, Taicang Kotoni Shoes Co. Ltd, Wei Hao Shoe Co. Ltd, Wei Hua Shoe Co. Ltd, Win Profile Industries Ltd, u li jimplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-659/13 u C-34/14 (ĠU L 225, p. 52);

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1647, tat-13 ta’ Settembru 2016, li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fil-Vjetnam u li huma prodotti minn Best Royal Co. Ltd, Lac Cuong Footwear Co., Ltd, Lac Ty Co., Ltd, Saoviet Joint Stock Company (Megastar Joint Stock Company), VMC Royal Co. Ltd, Freetrend Industrial Ltd u l-kumpanija relatata magħha Freetrend Industrial A (Vietnam) Co., Ltd, Fulgent Sun Footwear Co., Ltd, General Shoes Ltd, Golden Star Co., Ltd, Golden Top Company Co., Ltd, Kingmaker Footwear Co. Ltd, Tripos Enterprise Inc., Vietnam Shoe Majesty Co., Ltd, u li jimplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-659/13 u C-34/14 (ĠU L 245, p. 16);

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1731, tat-28 ta’ Settembru 2016, li jerġa’ jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Vjetnam u ffabbrikati minn General Footwear Ltd (iċ-Ċina), Diamond Vietnam Co Ltd u TY Hung Footgearmex/Footwear Co. Ltd u li jimplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda C-659/13 u C-34/14 (ĠU L 262, p. 4)

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza legali tal-Kummissjoni mill-bidu nett għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi l-bażi legali preċiża għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE u kisret id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri konklużi ta’ lbies għar-riġlejn u l-impożizzjoni retroattiva tad-dazju antidumping skadut fuq il-fornituri tar-rikorrenti (i) ma għandhomx bażi legali, huma bbażati fuq żball manifest fl-applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE u r-Regolament Bażiku u kisru dan tal-aħħar, (ii) ma humiex konformi mal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ċertezza legali u nuqqas ta’ retroattività; u (iii) ma humiex konformi mal-Artikolu 266 TFUE, kisru l-Artikolu 5(4) u huma bbażati fuq użu ħażin ta’ poteri mill-Kummissjoni.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-impożizzjoni retroattiva tad-dazju fit-tliet regolamenti kkontestati hija diskriminatorja fir-rigward tar-rikorrenti.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-mod ta’ evalwazzjoni tal-ekonomija tas-suq u t-talbiet ta’ trattament individwali tal-fornituri tar-rikorrenti kienu diskriminatorji u bbażati fuq użu ħażin ta’ poter mill-Kummissjoni.