16.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 14/39


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ottubru 2016 – Severstal vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-753/16)

(2017/C 014/48)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: PAO Severstal (Cherepovets, ir-Russja) (rappreżentanti: B. Evtimov, lawyer u D. O’Keeffe, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tanulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1328, tad-29 ta’ Lulju 2016, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw, fost l-oħrajn, mill-Federazzjoni Russa, ippubblikat fil-ĠU L 210 tal-4 ta’ Awwissu 2016, fl-intier tiegħu sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża u għall-ispejjeż ikkawżati minnha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku (1), l-Artikolu 6.8 u l-Anness II tal-Ftehim dwar l-antidumping tad-WTO (2), meta qieset li r-rikorrenti kienet produttur li ma kienx qiegħed jikkoopera kompletament u applikat fatti li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Skont ir-rikorrenti, barra minn hekk, il-konsegwenzi ta’ nuqqas parzjali ta’ kooperazzjoni kienu manifestament inadegwati fid-dawl tan-nuqqasijiet limitati kkonstatati.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi limitat l-opportunitajiet għar-rikorrenti li tiddefendi ruħha kontra l-konstatazzjonijiet magħmula kontra tagħha mill-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni effettivament ċaħdet jew injorat kull informazzjoni jew argument addizzjonali min-naħa tar-rikorrenti dwar l-istatus tagħha ta’ produttur li ma kienx qiegħed jikkoopera kompletament.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi marġni ta’ dumping korrett skont l-Artikolu 2(12) tar-Regolament bażiku wara li kisret l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2(4), wara li interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 2(9) u wara li għamlet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, u fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel paragun xieraq skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 3.1 tal-Ftehim antidumping WTO, żnaturat il-provi quddiemha u wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, billi evalwat b’mod żbaljat l-indikaturi ta’ ħsara u billi ma wettqitx eżami oġġettiv tal-istat tal-industrija tal-Unjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq ċerti indikaturi ekonomiċi tal-istat tal-industrija tal-Unjoni u injorat indikaturi prinċipali li kienu jiżvelaw li l-industrija tal-Unjoni kienet tinsab fi stat differenti u iktar pożittiv. Ir-rikorrenti targumenta wkoll li l-Kummissjoni ħadet approċċ ippreġudikat li jiffavorixxi l-konstatazzjonijiet ta’ ħsara tagħha u li jiżnatura l-provi quddiemha billi naqset milli teżamina s-swieq “ħielsa” u “limitati” tal-prodott ikkonċernat b’mod ġenerali u flimkien għall-indikaturi kollha, u għażlet li twettaq “evalwazzjoni minn tliet aspetti” li żnaturat l-evalwazzjoni globali.

5.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku sa fejn evalwat b’mod żbaljat ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament kienu s-suġġett ta’ dumping u s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Ir-rikorrenti tallega wkoll li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li ma tattribwixxix fatturi oħra li jikkawżaw ħsara lill-importazzjonijiet li allegatament kienu s-suġġett ta’ dumping u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra li flimkien jew waħedhom setgħu jiksru r-rabta kawżali.

6.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ddeterminat b’mod żbaljat il-livell ta’ eżami tal-ħsara, kisret l-Artikoli 2(9) u 9(4) tar-Regolament bażiku u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddeterminat marġni ta’ profitt mhux raġonevoli u eċċessiv għall-industrija tal-Unjoni u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta applikat, għall-finijiet tal-marġni ta’ ħsara, u b’analoġija, l-aġġustament għal bejgħ raġonevoli, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitt ta’ importatur mhux relatat, kif previst fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).

(2)  Iktar ’il quddiem il-“Ftehim antiduming WTO”.