16.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 14/38


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ottubru 2016 – Novolipetsk Steel vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-752/16)

(2017/C 014/47)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: PAO Novolipetsk Steel (Lipetsk, ir-Russja) (rappreżentanti: B. Evtimov, avukat u D. O’Keeffe, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1328, tad-29 ta’ Lulju 2016, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa, ippubblikat fil-ĠU L 210 tal-4 ta’ Awwissu 2016 fl-intier tiegħu sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, inkluż id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, tal-Artikolu 6.8 u tal-Anness II tal-ADA, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat lir-rikorrenti bħal produttur li ma huwiex juri kooperazzjoni u billi applikat fatti li kienu disponibbli għaliha.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 3(2) u (5) tar-Regolament Bażiku (1) u tal-Artikolu 3.1 tal-ADA (2), l-iżnaturament tal-provi quddiemha u li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi evalwat b’mod żbaljat l-indikaturi tal-ħsara u ma wettqitx eżami oġġettiv tal-istat tal-industrija tal-Unjoni.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni straħet biss fuq indikaturi ekonomiċi speċifiċi tal-istat tal-industrija tal-Unjoni u naqset milli tikkunsidra indikaturi ewlenin li kienu jindikaw stat differenti u iktar pożittiv tal-industrija tal-Unjoni.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni kien inklinat li jiffavorixxi s-sejbiet li għamlet dwar id-dannu u li jiżnatura l-provi quddiemha billi naqset milli teżamina s-swieq “ħielsa” u “magħluqa” tal-prodott ikkonċernat flimkien u dan bi ksur tad-dmir tagħha li twettaq evalwazzjoni oġġettiva skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Bażiku.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Bażiku, peress li evalwat b’mod żbaljat ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet allegatament suġġett ta’ dumping u s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li ma tattribwixxix fatturi oħra li jikkawżaw dannu lill-importazzjonijiet allegatament suġġett ta’ dumping u li naqset milli tikkunsidra fatturi oħra li flimkien kienu kapaċi jkissru r-rabta kawżali.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ddeterminat b’mod żbaljat il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu, bi ksur tal-Artikoli 2(9), 9(4) tar-Regolament Bażiku u bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddeterminat marġni ta’ profitt mhux raġonevoli u eċċessiv għall-industrija tal-Unjoni u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni, għal skopijiet ta’ marġini ta’ ħsara, u b’analoġija, tal-aġġustament għall-bejgħ raġonevoli, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitt ta’ importatur mhux relatat, previst fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament Bażiku.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).

(2)  Ftehim antidumping tad-WTO.