28.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/30


Appell ippreżentat fit-30 ta’ Settembru 2016 minn José Barroso Truta, Marc Forli, Calogero Galante, Bernard Gradel mis-sentenza mogħtija fl-20 ta’ Lulju 2016 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-126/15, Barroso Truta et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża T-702/16 P)

(2016/C 441/35)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: José Barroso Truta (Bofferdange, il-Lussemburgu), Marc Forli (Lexy, Franza), Calogero Galante (Aix Sur Cloie, il-Belġju), Bernard Gradel (Konacker, Franza) (rappreżentanti: S. Orlandi u T. Martin, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara u tiddeċiedi li:

is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-126/15, Barroso Truta et vs Il-QĠUE, hija annullata;

tiddeċiedi, permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda, li:

il-Qorti tal-Ġustizzja hija kkundannata tħallas EUR 61 121,08 f’isem J. Barroso Truta, EUR 129 440,98 f’isem M. Forli, EUR 76 324,29 f’isem C. Galante u EUR 99 565,13 f’isem B. Gradel, f’fondi jew assigurazzjoni f’isem l-appellanti;

sussidjarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kkundannata tħallas is-somom imsemmija lill-appellanti, liema somom għandhom jiżdiedu b’interessi komposti bir-rata ta’ 3,1 % fis-sens mid-data tat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

il-Qorti tal-Ġustizzja hija kkundannata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji.

1.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta qies li r-rikors għad-danni kien inammissibbli minħabba li l-appellanti ma kinux osservaw il-proċedura prekontenzjuża, li allegatament kien imissha bdiet bl-introduzzjoni ta’ lment, imbagħad b’eventwali rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jirrikonoxxu l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fl-iskema tal-pensjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

2.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta qies li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ma kinitx wettqet nuqqas amministrattiv meta kkomunikat il-proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, li madankollu kienu rriżultaw inkompleti jew saħansitra inkorretti peress li kienu indirizzati lil membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet I.

3.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta qies li d-dannu invokat mill-appellanti kien ipotetiku.