31.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 402/53


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Settembru 2016 – Dehtochema Bitumat vs L-Aġenżija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

(Kawża T-630/16)

(2016/C 402/63)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrenti: Dehtochema Bitumat, s.r.o. (Bělá pod Bezdězem, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: P. Holý, avukat)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla u tiddikjara invalida d-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, tas-7 ta’ Lulju 2016, li skontha r-rikorrenti għandha tkompli titqies bħala impriża ta’ daqs kbir u b’riżultat ta’ dan ir-rikorrenti ma hijiex intitolata għal tnaqqis tal-obbligu ta’ ħlas għal impriżi ta’ daqs medju, u tawtorizza s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont ir-rikorrenti, permezz tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq u permezz tal-aġir tagħha l-konvenuta wettqet użu ħażin tal-poter tagħha u kisret il-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali.

Ir-rikorrenti ssostni li meta vverfikat l-istatus ta’ impriżi ta’ daqs żgħir jew medju (SME), il-konvenuta b’mod żbaljat evalwat l-indipendenza tal-impriża tar-rikorrenti u b’mod skorrett, fil-kalkolu inkludiet numru ta’ impjegati u ammont tad-dħul mill-bejgħ annwali tal-impriża tar-rikorrenti flimkien ma’ impriżi allegatament relatati jew imsieħba, li ma humiex relatati mal-impriża tar-rikorrenti jew mal-impriżi msieħba tagħha taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 jew ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE.

Ir-rikorrenti tissottometti li d-dikjarazzjoni tagħha dwar id-daqs żbaljat tal-impriża, li hija għamlet fuq talba tal-konvenuta tat-2 ta’ Ġunju 2016, kienet saret b’fiduċja fl-evalwazzjoni tal-konvenuta u bil-wegħda ta’ tnaqqis tal-obbligu ta’ ħlas.

Ir-rikorrenti tindika li r-reġistrazzjoni tagħha kienet ġiet sospiża u b’mod espress hija kienet informat lill-konvenuta li hija ma pproduċietx il-prodotti rilevanti (sustanzi suġġetti għal reġistrazzjoni) sa mill-2011.

Ir-rikorrenti ssostni li mill-Artikolu 13(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 jirriżulta li d-dritt għal tnaqqis tal-obbligu ta’ ħlas fuq ir-reġistrazzjoni jitnissel meta jkun possibbli li tali dritt jintwera u li għaldaqstant huwa xieraq, kuntrarjament għal dak li ssostni l-konvenuta, li r-rikorrenti tiġi awtorizzata tistabbilixxi dak id-dritt.