14.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 419/47


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2016 – Acquafarm vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-458/16)

(2016/C 419/63)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Acquafarm, SL (Huelva, Spanja) (rappreżentant: A. Pérez Moreno, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali li tiġi kkumpensata għad-danni kkawżati min-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-atti amministrattivi dwar l-impjant tal-akkwakultura, li jinsab f’Gibraleón (Huelva), li kkawża dannu serju fl-aspettattivi leġittimi dwar din l-azjenda, billi ngħatatilha għajnuna għall-implementazzjoni ta’ proġett ta’ akkwakultura, li parallellament l-Unjoni Ewropea tagħmel mhux fattibbli billi tipprojbixxi l-esportazzjoni tal-ispeċi li għalihom inħoloq l-impjant.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti f’din il-kawża hija impriża li twettaq riċerka, innovazzjoni u żvilupp industrijali tal-akkwakultura, li nħolqot fl-2004 għall-implementazzjoni ta’ proġett ta’ produzzjoni ta’ akkwakultura ddestinata għat-trobbija u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ krustaċji Cherax Cuadricarinatus (Awwista Awstraljana tal-ilma ħelu). Dan il-proġett irċieva l-għajnuna korrispondenti mill-Unjoni Ewropea skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 498/2007, tas-26 ta’ Marzu 2007, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU 2007, L 120, p. 1).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-Artikolu 340 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, skont dak riferit fih, id-dritt Spanjol dwar ir-responsabbiltà amministrattiva, skont l-Artikoli 106 tal-Kostituzzjoni u 139 et seq tal-Ley 30/92, de 26 de noviembre, de Régimen Jurídico de las Administraciones Públicas y del Procedimiento Administrativo Común (Liġi 30/92, tas-26 ta’ Novembru 1992, dwar is-sistema legali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-proċedura amministrattiva komuni).

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tispeċifika li:

L-għajnuna riċevuta ġiet allokata għax-xogħol fl-industrija tal-akkwakultura, peress li qatt ma kien hemm ostakoli la għall-implementazzjoni tal-proġett imwettaq bl-imsemmija għajnuna u lanqas għall-investimenti magħmula.

Meta l-proġett kien jinsab fil-fażi ta’ implementazzjoni finali, l-impriża rċeviet komunikazzjoni mill-Awstralja li ma huwiex possibbli li timporta l-imsemmija speċji fl-Unjoni Ewropea skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1251/2008, tat-12 ta’ Diċembru 2008, li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom u li jistabbilixxi lista ta’ speċi li jgħaddu l-mard (ĠU 2008 L 333, p. 41).

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-danni li l-impriża ġarrbet huma varji, kif muri mill-provi prodotti, u jilħqu total ta’ EUR 5 000 000.