26.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 350/26


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2016 – Vasco Group u Astra Sweets vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-444/16)

(2016/C 350/32)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Vasco Group (Dilsen-Stokkem, il-Belġju) u Astra Sweets (Turnhout, il-Belġju)(rappreżentant: H. Gilliams, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Jannar 2016, dwar l-iskema ta’ għanuna mill-Istat li tikkonċerna l-eżenzjoni fuq il-profitt żejjed SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN), implementata mir-Renju tal-Belġju;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 sa 4 tad-Deċiżjoni

fi kwalunkwe każ, tannulla l-Artikoli 2 sa 4 tad-Deċiżjoni sa fejn dawn l-artikoli (a) jordnaw l-irkupru mingħand entitajiet oħra li ma humiex dawk li bbenefikaw minn “deċiżjoni bil-quddiem dwar it-taxxa fuq il-profitt żejjed” kif iddefinita fid-Deċiżjoni, u (b) jordnaw l-irkupru ta’ ammont li jikkorrispondi għall-eżenzjoni mit-taxxa tal-benefiċjarju mingħajr ma tippermetti lill-Belġju li jieħu inkunsiderazzjoni tal-aġġustamenti għaż-żieda mwettqa minn amministrazzjoni tat-taxxa oħra;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni, eċċess ta’ poter u nuqqas ta’ motivazzjoni xierqa sa fejn id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Jannar 2016, dwar l-iskema ta’ għanuna mill-Istat li tikkonċerna l-eżenzjoni fuq il-profitt żejjed SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN), implementata mir-Renju tal-Belġju tallega l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 107 TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikklassifika din l-hekk imsejħa skema bħala miżura selettiva.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 107 TFUE u fuq żball manifest ta’ evalawzzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tiddikjara li l-hekk imsejħa skema tagħti vantaġġ.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 107 TFUE, ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, żball manifest ta’ evalwazzjoni, eċċess ta’ poter u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn d-deċiżjoni kkontestata tordna l-irkupru tal-għajnuna mill-Belġju.