3.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 364/13


Appell ippreżentat fid-9 ta’ Ġunju 2016 minn Valéria Anna Gyarmathy mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-18 ta’ Mejju 2015 fil-Kawża F-79/13 Gyarmathy vs EMCDDA

(Kawża T-297/16 P)

(2016/C 364/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Valéria Anna Gyarmathy (Györ, l-Ungarija) (rappreżentant: A. Véghely, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

Talbiet

jirrevoka u jannulla s-sentenza appellata mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-18 ta’ Mejju 2015, fil-Kawża F-79/13, Gyarmathy vs EMCDDA;

jannulla d-deċiżjoni tal-(ex) direttur tal-EMCDDA, tal-11 ta’ Settembru 2012, li tiċħad it-talba għal assistenza tal-appellanti;

jannulla d-deċiżjoni tal-(ex) direttur tal-EMCDDA, tal-14 ta’ Settembru 2012, li l-kuntratt ta’ reklutaġġ tal-appellanti ma jiġix imġedded;

jannulla d-deċiżjonijiet tal-(ex) president tal-bord ta’ ġestjoni tal-EMCDDA, tat-13 ta’ Mejju 2013, u tal-(ex) direttur tal-EMCDDA, tal-25 ta’ Ġunju 2013, rispettivament.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji.

1.

L-ewwel aggravju: talba għall-annullament tad-deċiżjoni tad-direttur tal-EMCDDA, tal-11 ta’ Settembru 2012, li tiċħad it-talba għal assistenza tal-appellanti:

L-appellanti targumenta li, fis-sentenza tiegħu mogħtija fit-18 ta’ Mejju 2015 fl-ewwel istanza fil-Kawża F-79/13, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta ddeċieda li l-ilmenti tal-appellanti kienu ġew ittrattati b’mod xieraq mill-amministrazzjoni tal-aġenzija, żnatura l-fatti u kkontradixxa d-diversi provi fil-proċess tal-kawża. L-(ex) direttur tal-EMCDDA ċaħad it-talba għal assistenza tal-appellanti, fl-ewwel lok it-talba tagħha ta’ assenjazzjoni mill-ġdid intiża li tilliberaha mill-bullying u mill-fastidju li hija kienet suġġetta għalih mis-superjur ġerarkiku dirett tagħha għal żmien twil. L-(ex) direttur naqas mill-obbligu ta’ assistenza tiegħu u mid-dmir ta’ premura u ta’ amministrazzjoni tajba tiegħu (sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMCDDA, F-35/07, EU:F:2008:150, punt 74, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T-80/09 P, EU:T:2011:347, punt 84). Abbażi tal-fatti u tal-provi li jinsabu fil-proċess tal-kawża, tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, u tal-ġurisprudenza rilevanti stabbilita, l-(ex) direttur tal-EMCDDA, li aġixxa fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, ma tax lill-appellanti l-assistenza mitluba u ma ħax il-miżuri meħtieġa sabiex iżomm it-trankwillità fis-servizz b’mod ġenerali, u lill-appellanti mit-trattament ħażin li hija kienet saret vittma tiegħu, b’mod partikolari. Konsegwentement, is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija, f’dak li jirrigwarda l-ewwel aggravju, ineżatta mill-perspettiva fattwali u fuq kollox kuntrarja għad-dritt Komunitarju u għal ġurisprudenza stabbilita. Għalhekk hija għandha tiġi rrevokata u annullata, u d-deċiżjoni appellata għandha tiġi annullata.

2.

It-tieni aggravju: it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2012 li ma jġeddidx il-kuntratt ta’ reklutaġġ tal-appellanti:

Is-sentenza appellata, mogħtija fl-ewwel istanza mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, hija bbażata fuq ir-raġunament li d-deċiżjoni tal-(ex) direttur tal-EMCDDA, tad-19 ta’ Diċembru 2012, hija mmirata lejn l-ilment formali tal-appellanti, tal-10 ta’ Diċembru 2012, li jikkontesta – b’mod partikolari iżda mhux biss – id-deċiżjoni tal-(ex) direttur tal-EMCDDA, tal-14 ta’ Settembru 2012, li ma jġeddidx il-kuntratt ta’ reklutaġġ tal-appellanti. Madankollu, mill-kliem stess tal-ittra msemmija jirriżulta b’mod ċar li huwa impossibbli li tiġi interpretata b’dan il-mod. Kuntrarjament, hija deċiżjoni sabiex tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva fuq il-fondatezza tal-ilment tal-appellanti. Barra minn hekk, dejjem fl-istess ittra, l-(ex) direttur jiċħad li ħa xi deċiżjoni f’dak li jirrigwarda l-kuntratt ta’ reklutaġġ tal-appellanti. Barra minn hekk, anki kieku l-interpretazzjoni manifestament żbaljata tad-deċiżjoni appellata kellha tinżamm, din id-deċiżjoni tibqa’ kuntrarja għal-liġi u llegali għaliex l-appellanti ma nstemgħetx qabel (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament, F-129/12, EU:F:2013:203) u tikkostitwixxi sempliċi att preparatorju (sentenza tas-16 ta’ Marzu 2009, R vs Il-Kummissjoni, T-156/08 P, EU:T:2009:69) li ma tistax, fiha nnifisha, tkun is-suġġett ta’ kawża separata (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2009, N vs Il-Parlament, F-71/08, EU:F:2009:150 u d-digriet tat-23 ta’ Ottubru 2012, Possanzini vs Frontex, F-61/11, EU:F:2012:146). Id-deċiżjoni appellata tikkostitwixxi wkoll abbuż ta’ poter (sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Obst vs Il-Kummissjoni, T-562/93, EU:T:1995:181, tat-12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T-223/99, EU:T:2000:292, u tal-25 ta’ Settembru 2012, Bermejo Garde vs KESE, F-41/10, EU:F:2012:135) abbażi ta’ provi li jinsabu fil-proċess tal-kawża. Hemm dubji wkoll fuq jekk l-(ex) direttur tal-EMCDDA kellux is-setgħa ta’ awtorità f’dan il-perijodu li jieħu d-deċiżjoni appellata (digriet tal-25 ta’ Ottubru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-26/96, EU:T:1996:157). Għandu jitfakkar li l-konvenut ma ppreżentax risposta, fatt li wassal għal sentenza fil-kontumaċja. Fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata, mogħtija fl-ewwel istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu fuq argument ippreżentat mill-konvenut fir-risposta tiegħu ppreżentata f’kawża oħra (F-22/14, Gyarmathy vs EMCDDA) u, għalhekk, qabeż il-limiti proċedurali. Is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija wkoll, sa fejn jirrigwarda t-tieni aggravju, kuntrarja għall-fatti u għall-provi kif jinsabu fil-proċess tal-kawża. Hija tikkostitwixxi ksur manifest tal-limiti proċedurali. Hija għandha, bħala tali, tiġi rrevokata u annullata, u d-deċiżjoni appellata għandha tiġi annullata.