25.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/53


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Mejju 2016 – Il-Ġreċja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-272/16)

(2016/C 270/61)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: G. Kanellopoulos, O. Tsirkinidou, Α. Vasilopoulou u D. Ntourntoureka)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni kkontestata tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Marzu 2016, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq sostnut mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), innotifikata bin-numru C(2016) 1509 u ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Marzu 2016, L 75, pg. 16:

a)

fil-parti li fiha teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nfiq għall-ammont totali ta’ EUR 166 797 866,22, sostnut taħt it-titolu Għajnuna Diretta Diżakkoppjata fis-snin 2012 u 2013, u tiddisponi, b’mod partikolari, (1) rettifika finanzjarja b’rata fissa ta’ 25 % għas-sena 2012 u (2) rettifika finanzjarja b’rata fissa u ta’ darba għas-sena 2013;

b)

fil-parti li fiha teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nfiq għall-ammont totali ta’ EUR 3 880 460,50, sostnut taħt it-titolu Żvilupp Rurali FAEŻR, Assi 1 + 3 – Miżuri indirizzati għall-investiment (2007-2013), u tiddisponi, b’mod partikolari, (1) rettifika finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % għas-snin finanzjarji 2010-2013 fir-rigward tal-Miżura 125 u (2) rettifika ta’ darba għas-snin finanzjarji 2011-2013;

c)

sa fejn ma teżegwixxix kompletament is-sentenza definittiva ta’ kundanna tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Novembru 2015, fil-kawża T-107/14 u, minħabba f’hekk, mhux qed jingħata lura immedjatament l-ammont ta’ EUR 29 366 975,06 lir-Repubblika Ellenika; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka 8 motivi għall-annullament.

B’mod partikolari, fir-rigward tar-rettifika finanzjarja għall-ammont ta’ EUR 166 797 866,22dwar infiq sosnut għall-għajnuna diretta diżakkoppjata fis-snin 2012 u 2013, ir-Repubblika Ellenika tqajjem tliet motivi għall-annullament.

L-ewwel motiv għall-annullament, ibbażat fuq ir-rettifika għas-sena 2012, jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 796/2004 (1) [u l-Artikolu 2(c) ta’ wara], tar-Regolament Nru 1120/2009 (2)].

It-tieni motiv għall-annullament, ibbażat huwa wkoll fuq ir-rettifika imposta għas-2012, jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-orjentament li jinsab fid-dokument VI/5530/1997 u jirrigwarda l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ rettifika finanzjarja ta’ 25 % għas-sena 2012; qed jiġu invokati, min-naħa l-oħra, eċċess ta’ diskrezzjonalità tal-Kummissjoni u, fl-istess ħin, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (parti A) kif ukoll kalkolu żbaljat tar-rettifika finanzjarja (parti B).

Bit-tielet motiv għall-annullament, ibbażat fuq ir-rettifika imposta għas-sena 2013, qed jiġi sostnut li din tal-aħħar hija illegali, abbużiva u kuntradittorja, li hija bbażata fuq interpretazzjoni u aplikazzjoni żbaljata tal-orjentamenti li jinsabu fid-dokument VI/5530/1997 u li tikser il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ proporzjonalità u ta’ ne bis in idem kif ukoll id-drittijiet tad-difiża.

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tar-rettifika finanzjarja taħt it-titolu Zvilupp Rurali FAEŻR, Assi 1 + 3 – Miżuri indirizzati għall-investiment (2007-2013), qed jitqajmu erba’ motivi għall-annullament.

Bir-raba’ u l-ħames motivi għall-annullament, ibbażati fuq ir-rettifika imposta fir-rigward tal-Misura 125, qed jiġu invokati assenza ta’ bażi legali u ta’ ġustifikazzjoni kif ukoll żball fuq punt ta’ fatt, peress li l-Awtorità ta’ ġestjoni eżerċitat leġittimament u kompletament il-kompetenzi kollha tagħha (ir-raba’ motiv) u l-impożizzjoni ta’ rettifika finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % għall-infiq sostnut matul is-sena 2010, li jammonta għal EUR 506 480,19, kisret l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 (3), peress li dan huwa infiq li jmur lura iktar minn erbgħa u għoxrin (24) xahar qabel ma l-Kummissjoni kkomunikat bil-miktub ir-riżultat tal-verifiki.

Bis-sitt motiv għall-annullament, ibbażat fuq ir-rettifika imposta fir-rigward tal-Miżura 121, qed jiġi sostnut li d-deċiżjoni hija illegali peress li r-rettifika imposta, li tinvolvi l-metodu segwit għall-kalkolu tiegħu b’applikazzjoni analoga tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 809/2014 (4), tikser l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 u l-orjentamenti li jinsabu fid-dokument VI/5530/1997 tal-Kummissjoni: l-applikazzjoni tiegħu tipproduċi, barra minn hekk, effetti sproporzjonati fir-rigward tan-nuqqasijiet ikkonstatati. Sussidjarjament, fir-rigward tal-istess miżura, qed jiġu sostnuti, fis-seba’ motiv tar-rikors, assenza ta’ bażi legali u ta’ ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ksur tal-orjentamenti li jinsabu fid-dokument VI/5530/1997 tal-Unjoni.

It-tmien motiv għall-annullament jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 266 TFUE, b’riferiment għall-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu dawk il-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja neċessarji, peress li hija ma tatx lura l-ammont ta’ EUR 29 366 975,06lir-Repubblika Ellenika wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-107/14, kif ukoll il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali u ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, pġ. 243).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 tad-29 ta’ Ottubru 2009 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa (GU 2009, L 316, pġ. 1).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (GU 2005, L 209, pġ. 1).

(4)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (GU 2014, L 227, pġ. 69).