18.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 260/43


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2016 – NI vs KEPD

(Kawża T-237/16)

(2016/C 260/54)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: NI (Madrid, Spanja) (rappreżentant: A. Gómez-Acebo Dennes, avukat)

Konvenut: Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Talbiet

tannulla u tiddeċiedi bla effett id-deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tat-18 ta’ Marzu 2016, li tiċħad it-talba tar-rikorrent għar-reviżjoni tad-deċiżjoni ta’ dan il-kontrollur, tat-8 ta’ Diċembru 2015, u tordna t-terminazzjoni mill-Ombudsman Ewropew tal-ipproċessar preżenti u futur tad-data personali li tinsab f’kuntratt mar-rikorrrent.

tordna lill-Ombudsman Ewropew jastjeni milli jippubblika kwalunkwe data personali tar-rikorrent jew data li tirrendi lir-rikorrent identifikabbli. B’mod partikolari, tordna lill-Ombudsman ma jagħmel l-ebda riferiment għall-pożizzjoni miżmuma mir-rikorrent.

tordna lill-Ombudsman Ewropew jeżamina u jikkonforma b’mod komprensiv u komplet mad-dritt li jopponi għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu fil-proċeduri Own Initiative Inquiry 2/2014 jew fi kwalunkwe proċeduri oħra bl-istess għan u li r-rikorrent jista’ jkun parti fihom.

tordna lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż, essenzjalment, kontra d-deċiżjoni tal-konvenut li ma jilqax l-ilment tar-rikorrent, dwar ir-rifjut li ma jiżvelax ċerta data personali dwar l-ipproċessar, quddiem l-Ombudsman Ewropew, ta’ żewġ investigazzjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni mogħtija lir-rikorrent sabiex iwettaq attivitajiet professjonali fis-settur privat, wara li jkun temm il-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Kummissjoni Ewropea.

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka l-motivi segwenti.

1.

L-attività tar-rikorrent, il-proċedura tal-Kummissjoni meta awtorizzat l-attività tiegħu wara li wettaq id-dmirijet tiegħu bħala membru tal-Kummissjoni, l-ewwel investigazzjoni mmexxija mill-Ombudsman Ewropew dwar din l-awtorizzazzjoni, u l-ftuħ mill-ġdid tal-każ investigat mill-Ombudsman Ewropew il-ġdid, flimkien mal-intenzjoni tiegħu li jippubblika d-data personali tar-rikorrent, li jagħmluh direttament u indirettament identifikabbli, ma ġewx debitament meħuda inkunsiderazzjoni mill-konvenut fid-dawl tal-leġiżlazzjoni u tal-ġurisprudenza applikabbli għad-deċiżjonijiet tiegħu.

2.

Il-ġbir anonimu tad-data ma jippermettix li tiġi żgurata t-traċċabbiltà meħtieġa sabiex wieħed jiddetermina l-legalità tal-ipproċessar tad-data mill-Ombudsman Ewropew, peress li din id-data inkisbet b’mod anonimu u ġiet ipproċessata b’mod illegali.

3.

Skont ir-rikorrent, l-ipproċessar tad-data li hija s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri għandu jitqies li huwa eċċessiv, mhux xieraq u irrilevanti għall-għan li għalih tkun inġabret, anki jekk b’mod anonimu. Il-kuntratt mogħti jirirgwarda, biss u esklużivament, ir-relazzjoni bejn ir-rikorrent u kumpannija privata, wara li r-rikorrent ħalla postu bħala membru tal-Kummissjoni, u s-suġġett ta’ dan il-kuntratt ma huwiex relatat mal-funzjonijiet tiegħu imwettqa fil-Kummissjoni.

4.

Ma hemm l-ebda informazzjoni jew fatti ġodda li jiġġustifikaw l-ipproċessar u l-pubblikazzjoni tad-data personali tar-rikorrent, li, barra minn hekk, tqieset kunfidenzjali fl-ewwel investigazzjoni mwettqa mill-Ombudsman Ewopew preċedenti. Bidla fl-ipproċessar kunfidenzjali tad-data inkwistjoni ma għandhiex bażi legali u lanqas ma ngħataw fi kwalunkwe ħin raġunijiet għaliha mill-Ombudsman Ewropew.

5.

Il-pubblikazzjoni tad-data personali f’dan il-każ ma tikkontribwixxi bl-ebda mod għal investigazzjoni aħjar, peress li l-Ombudsman Ewropew jista’ jinvestiga l-awtorizzazzjoni mogħtija lir-rikorrent sabiex jeżerċita attivitajiet privati mingħajr ma tintuża data li tirrigwarda l-ħajja personali tiegħu u, b’mod partikolari, mingħajr pubblikazzjoni ta’ din id-data.