11.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 251/38


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Mejju 2016 – Internacional de Productos Metálicos vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-217/16)

(2016/C 251/44)

Lingwa tal-proċedura: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Internacional de Productos Metálicos, S.A. (Vitoria-Gasteiz, Spanja) (rappreżentanti: C. Cañizares Pacheco, E. Tejedor de la Fuente, A. Monreal Lasheras, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tilqa’ l-motivi ta’ annullament invokati u tannulla l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/278, tas-26 ta’ Frar 2016, li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le;

tirrikonoxxi espressament l-applikazzjoni retroattiva tal-effetti tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/278, tas-26 ta’ Frar 2016, li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta r-regolament imsemmi iktar ’il fuq, sa fejn, minkejja li ħassar id-dazji antidumping inizjalment imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mil-Malasja, bħala konsegwenza tad-deċiżjonijiet adottati mill-istanzi rilevanti fi ħdan id-WTO, l-Artikolu 2 tiegħu jillimita l-possibbiltà ta’ rimbors tad-dazji mħallsa billi ma jippermettix li d-deroga tkun retroattiva, liema fatt jippermetti li dazji antidumping kontrarji għar-regolamentazzjoni tad-WTO jissussistu fl-ordinament ġuridiku, mingħajr ma teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ ordni pubbliku fir-rigward ta’ tali deċiżjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-natura illegali tal-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat minħabba ksur tal-ftehim antidumping.

F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tafferma li, hekk kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni nnifisha, fir-regolament ikkontestat, it-tħassir tad-dazji antidumping huwa dovut għall-ksur tal-ftehim antidumping min-naħa tal-Kunsill, għaldaqstant il-legalità tal-artikolu kkontestat għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi sottoskritti mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Ftehim antidumping

Barra minn hekk, kif jista’ jinsilet mill-Ftehim antidumping, l-Unjoni Ewropea, bħala parti kontraenti tal-ftehim, setgħet tistabbilixxi dazji antidumping biss billi tosserva l-proċedura stabbilita fl-imsemmi ftehim internazzjonali. Ġaladarba l-Kunsill kiser numru ta’ dispożizzjonijiet meta impona d-dazji antidumping imħassra, kif jirrikonoxxi espressament ir-Regolament (UE) 2016/278, l-Unjoni Ewropea qatt ma kellha d-dritt li timponi d-dazji mħassra u għaldaqstant bl-ebda mod ma setgħet tillimita l-effetti tat-tħassir.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq iċ-ċertezza legali u l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu

F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tafferma li, il-ħtieġa li jiġi rrikonoxxut l-effett retroattiv tat-tħassir tad-dazji antidumping tirriżulta mill-għan tar-Regolament hawn diskuss, li jirrikonoxxi l-ksur tal-Ftehim antidumping ikkawżat mill-Kunsill meta stabbilixxa d-dazji mħassra.

Barra minn hekk, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi li l-Istati Membri jirrestitwixxu s-somom miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju, l-istess konklużjoni tapplika għall-kwantitajiet miġbura mill-Unjoni Ewropea bi ksur tad-dritt tagħha nnifisha bħal ma huwa l-ftehim antidumping. Li tiġi miċħuda l-applikazzjoni retroattiva tat-tħassir ikun ifisser li l-partijiet ikkonċernati jkollhom ibatu l-effetti ta’ aġir illegali mingħajr l-istennija ta’ ebda tip ta’ kumpens għad-danni illegali li qatt ma kellhom iġarrbu.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

Skont ir-rikorrenti, ir-rikonoxximent tal-ksur tal-obbligi internazzjonali sottoskritti mill-Unjoni Ewropea, imwettaq permezz tal-impożizzjoni ta’ dazji antidumping kuntrarji għall-ftehim antidumping, ħoloq aspettattivi fondati li l-Kummissjoni kienet ser tadotta regolamentazzjoni koerenti mal-ksur irrikonoxxut minnha stess, mingħajr ma tista’ tiġi permessa s-sussistenza tal-effetti illegali kkawżati minn dazji antidumping illegali.